Language of document : ECLI:EU:C:2012:775

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawżi magħquda C‑335/11 u C‑337/11

HK Danmark, handelnd für Jette Ring

vs

Dansk Almennyttigt Boligselskab DAB

u

HK Danmark, handelnd für Lone Skouboe Werge

vs

Pro Display A/S in Konkurs

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sø-og Handelsretten (id-Danimarka)]

“Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78/KE– Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet minħabba diżabbiltà — Kunċett ta’ diżabbiltà — Distinzjoni bejn marda u diżabbiltà — Arranġamenti raġonevoli favur persuni b’diżabbiltà — Diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Meta jista’ wieħed jitkellem dwar diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2) u kif jista’ l-kunċett tad-diżabbiltà jiġi distint minn marda? Dawn il-kwistjonijiet jinsabu fil-qofol tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari li huma hawnhekk ta’ interess għalina. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk imsejħa tippreċiża d-definizzjoni tal-kunċett ta’ diżabbiltà li jirriżulta mis-sentenza tagħha Chacón Navas (3).

2.        Barra minn hekk il-kwistjoni tikkonċerna dak li jkopri l-kunċett ta’ arranġamenti raġonevoli favur persuni b’diżabbiltà, li persuna li timpjega hija marbuta tipprovdi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tnaqqis fit-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg f’każ ta’ tkeċċija minħabba assenzi kkawżati minn mard, jistax jikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

3.        Il-paragrafu (e) tal-preambolu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (4) jistabbilixxi: “Filwaqt li jagħrfu li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara [b’limitazzjonijiet] fis-saħħa u l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

4.        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni jipprovdi d-definizzjoni segwenti:

“Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dawk li għandom ħsarat [limitazzjonijiet] fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perijodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2000/78:

“Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.”

6.        Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitqies li hemm diskriminazzjoni indiretta “fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)       meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li [biex] tintlaħaq ikun[u] approprjati u neċessarji, jew

[…].”

7.         L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi kif ġej taħt it-titolu “Akkomodazzjoni [arranġamenti] raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni [għandhom jiġu pprovduti arranġamenti] raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru ikkonċernat.”

C –    Id-dritt nazzjonali

8.        Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fil-liġi Daniża permezz tal- Forskelsbehandlingslov (5). L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi jistabbilixxi l-possibbiltà li wieħed jitlob kumpens fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni jew meta l-persuna li timpjega ma tkunx ħadet il-miżuri meħtieġa.

9.        Il-Funktionærlov (6) tirregola r-relazzjoni legali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema/l-impjegati.

10.      L-Artikolu 5(2) tagħha li fih dispożizzjoni speċjali dwar it-tkeċċija minħabba mard tal-impjegat, jistabbilixxi illi:

“Il-kuntratt ta’ xogħol bil-miktub jista’ madankollu jistabbilixxi illi l-perijodu tal-avviż tat-temm tal-impjieg ikun biss ta’ xahar mill-aħħar jum tax-xahar sussegwenti, jekk, matul it-tnax-il xahar preċedenti, il-ħaddiem impjegat kien nieqes minħabba mard u ngħata remunerazzjoni għal 120 jum. It-tkeċċija hija valida jekk tokkorri immedjatament wara l-perijodu ta’ 120 jum ta’ assenza minħabba mard u jekk il-ħaddiem impjegat ikun għadu bil-leave tal-mard; il-fatt illi l-ħaddiem impjegat jirritorna fuq il-post tax-xogħol tiegħu wara d-deċiżjoni tat-tkeċċija huwa mingħajr impatt fuq il-validità tagħha”.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

11.      Il-proċeduri għal domandi preliminari preżentement sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja joriġinaw minn żewġ rikorsi ppreżentati fl-2006 mill-Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund Danmark (HK) (7) f’isem l-impjegati Jette Ring u Lone Skouboe Werge, li qed jagħmlu talba għal kumpens abbażi tal-liġi Daniża antidiskriminatorja, għal diskriminazzjoni minħabba diżabbiltà. L-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-FL kienet ġiet miftiehma għaż-żewġ kuntratti ta’ xogħol.

A –    Il-kawża C‑335/11

12.      Fil-kawża Ring, il-proċedura fil-kawża prinċipali toriġina mill-fatti segwenti:

13.      J. Ring kienet ilha impjegata mis-sena 2000 mal-impriża Daniża Dansk Almennyttigt Boligselskab (DAB) bħala impjegata inkarigata milli tilqa’ l-klijenti. Bejn Ġunju tal-2005 sat-tkeċċija tagħha f’Novembru 2005, kienet assenti diversi drabi minħabba mard; il-perijodi ta’ assenza kienu jirrappreżentaw b’kollox iktar minn 120 jum. Iċ-ċertifikati mediċi prodotti biex jiġġustifikaw l-assenzi jirreferu għal uġigħ kroniku fid-dahar minħabba, partikolarment, żvilupp ta’ artrite fin-naħa ta’ isfel tad-dahar, li tikkawża uġigħ kontinwu f’dik il-parti. Peress illi t-tobba inkarigati, kienu telqu mill-premessa illi l-vertebri kienu twebbsu minħabba il-proċess naturali ta’ fużjoni, ma kienx hemm possibbiltajiet oħra ta’ trattament. L-ebda miżura maħsuba biex ittaffi dan l-uġigħ, bħax-xiri ta’ skrivanija b’għoli aġġustabbli għall-post tax-xogħol tagħha jew l-offerta ta’ xogħol part-time, ma ttieħdet fil-perijodu li matulu J. Ring ħadmet għal DAB, u dan minkejja illi DAB fil-prinċipju toffri postijiet part-time.

14.      Minħabba l-perijodu akkumulat tal-assenzi tagħha, J. Ring tkeċċiet b’avviż tat-temm tal-impjieg imnaqqas skont l-Artikolu 5(2) tal-FL. Immedjatament wara t-tkeċċija ta’ J. Ring, DAB ħarġet avviż għal offerta ta’ xogħol part-time, għal inkarigi li kienu simili għal dawk imwettqa minnha, f’uffiċju reġjonali li jinsab fil-viċinanza. J. Ring bdiet xogħol ġdid bħala receptionist ma’ kumpannija ġdida, li poġġiet għad-dispożizzjoni tagħha mejda tax-xogħol b’għoli aġġustabbli u ffissat il-ħin tax-xogħol tagħha għal 20 siegħa fil-ġimgħa. Bdiet taħdem full-time skont is-sistema Daniża ta’ ħin flessibbli b’kumpens ta’ 50 % tal-paga tagħha (8).

B –    Il-kawża C‑337/11

15.      Fil-kawża Skouboe Werge, is-Sø- og Handelsret espona l-elementi ta’ fatti segwenti:

16.      L. Skouboe Werge kienet ilha taħdem mill-1998 bħala assistenta tal-amministrazzjoni mal-kumpannija Pro Display. Wara illi f’Diċembru tal-2003 sofriet dannu f’għonqha, konsegwenza ta’ inċident tat-traffiku u kienet bil-leave tal-mard għal tliet ġimgħat, reġgħet bdiet taħdem full-time ma’ Pro Display. Meta deher, fl-aħħar tas-sena 2004, illi L. Skouboe Werge kienet għadha qed issofri mill-effetti tad-dannu f’għonqha, tpoġġiet fuq il-leave tal-mard għal erba’ ġimgħat, perijodu li matulu ma kellhiex taħdem ħlief, bejn wieħed u ieħor, erba’ sigħat kuljum. F’Jannar 2005, L. Skouboe Werge ħarġet bil-leave tal-mard fuq bażi full-time, minħabba uġigħ persistenti. Sussegwentement hija ġiet informata dwar it-tkeċċija tagħha permezz ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar li kellu jispiċċa fil-31 ta’ Mejju 2005, skont ir-regola tal-120 jum tal-Artikolu 5(2) tal-FL.

17.      Il-problemi ta’ Skouboe Werge kienu qed jimmanifestaw ruħhom permezz ta’ sintomi differenti, b’mod partikolari uġigħ fl-għonq li jinfirex lejn l-ispalel u fid-driegħ mill-minkeb sal-polz, problemi fix-xedaq, stat ta’ għeja, problemi ta’ konċentrazzjoni u telf tal-memorja, diffikultajiet fl-artikolazzjoni, ipersensitività għall-ħsejjes, reżistenza dgħajfa għall-istress u sturdament. Minn Ġunju 2006, wara li l-kapaċità tagħha biex taħdem ġiet evalwata għal madwar tmien sigħat fil-ġimgħa b’ritmu mhux mgħaġġel, L. Skouboe Werge ibbenefikat minn pensjoni ta’ irtirar antiċipat. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-inċidenti tax-xogħol u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, ir-rata tad-diżabbiltà ta’ Skouboe Werge ġiet stabbilita għal 10 % u r-rata tat-telf tad-dħul għal 65 %.

18.      Fil-proċedura fil-kawża prinċipali, HK saħaq illi dawn l-impjegati ma setgħux jitkeċċew b’mod validu b’perijodu iqsar ta’ avviż tat-temm tal-impjieg skont l-Artikolu 5(2) tal-FL, peress illi l-kwistjoni kienet tikkonċerna diskriminazzjoni minħabba diżabbiltà, ipprojbita mid-Direttiva 2000/78. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Permezz tad-digrieti tad-29 ta’ Ġunju 2011, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2011, is-Sø- og Handelsret issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1a)      Il-kunċett ta’ “diżabilità” fis-sens tad-Direttiva, huwa applikabbli għal kull persuna li, minħabba diffikultajiet fiżiċi, mentali jew psikoloġiċi, ma tistax tagħmel xogħolha matul perijodu li jissodisfa l-kundizzjoni dwar żmien imsemmija fil-punt 45 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2006, Navas, jew li tista’ tagħmel dan b’mod limitat?

b)      Kundizzjoni medika kkawżata minn marda kkunsidrata medikament inkurabbli tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva?

ċ)      Kundizzjoni medika kkawżata minn marda kkunsidrata medikament kurabbli tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva?

2) Diżabbiltà permanenti li ma teħtieġx l-użu ta’ tagħmir speċjali jew ieħor u li tirriżulta prinċipalment fil-fatt li l-persuna li tkun diżabbli ma tkunx tista’ taħdem full-time, taqa’ taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol?

3) It-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jkun waħda mill-miżuri koperti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78?

4) Id-Direttiva 2000/78 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li biha min iħaddem jista’ jittermina l-kuntratt ta’ impjieg b’perijodu iqsar ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg jekk il-ħaddiem, li għandu jiġi kkunsidrat b’diżabbiltà fis-sens tal-imsemmija direttiva, kien fuq leave tal-mard bi ħlas għal 120 jum b’kollox matul l-aħħar tnax-il xahar meta:

a.      l-assenzi tal-ħaddiem huma l-konsegwenza tad-diżabbiltà tiegħu?

jew

b.      l-assenzi tal-ħaddiem huma dovuti għall-fatt li min iħaddem naqas milli jieħu l-miżuri konkreti meħtieġa sabiex persuna b’diżabbiltà tkun tista’ twettaq l-impjieg tagħha?

20.      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Gustizzja tal-4 ta’ Awwissu 2011, il-Kawżi C‑335/11 u C‑337/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

21.      Minbarra l-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Irlanda, tal-Polonja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fil-proċedura bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-gvernijiet tal-Belġju u tal-Greċja ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub.

V –    Evalwazzjoni

22.      Jeħtieġ li tingħata risposta waħda għall-ewwel u għat-tieni domandi tas-Sø- og Handelsret, inkwantu t-tnejn li huma jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ diżabbiltà (il-paragrafu A, hawn taħt). It-tielet domanda tikkonċerna l-modi u l-portata tal-arranġamenti li l-persuna li timpjega għandha tipprovdi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 (il-paragrafu B, hawn taħt). Fl-aħħar nett ikun meħtieġ li tiġi eżaminata r-raba’ domanda, jiġifieri jekk it-tnaqqis fit-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg minħabba assenzi kkawżati minn mard, hijiex dispożizzjoni diskriminatorja (il-paragrafu C, hawn taħt).

A –    L-ewwel u t-tieni domanda

1.      Definizzjoni tal-kunċett ta’ diżabbiltà

23.      Id-Direttiva 2000/78 innifisha ma tipprovdi l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ diżabbiltà.

24.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet, fis-sentenza Chacón Navas, biex tagħti definizzjoni ta’ dan il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni. Skont din is-sentenza, il-kunċett ta’ diżabbiltà għandu jinftiehem bħala wieħed li jirreferi għal “limitazzjoni, ikkawżata b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikoloġiċi li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali” (9). Barra minn hekk għandu jkun probabbli li din il-limitazzjoni tkun għal żmien twil (10).

25.      Fl-2010, jiġifieri ftit tas-snin wara s-sentenza Chacón Navas, l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabbiltà. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tippreċiża, fl-ewwel lok, fil-preambolu tagħha, illi l-kunċett ta’ diżabbiltà ma huwiex statiku u li d-definizzjoni ta’ diżabbiltà qiegħda f’evoluzzjoni permanenti (11). L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni jiddefinixxi sussegwentement dan il-kunċett. Skont dan it-test, wieħed jifhem illi “Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dawk li għandom ħsarat [limitazzjonijiet] fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perijodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

26.      Jirriżulta mill-Artikolu 216(2) TFUE illi l-ftehim konkluż mill-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Il-ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ (12). Għal din ir-raġuni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dderivat għandhom ikunu s-suġġett, fejn possibbli, ta’ interpretazzjoni li tikkonforma mal-obbligi tad-dritt pubbliku tal-Unjoni (13).

27.      Il-kunċett tad-diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78 ma għandux għalhekk ikun inqas avvanzat meta mqabbel mal-portata tal-protezzjoni offruta mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Skont id-definizzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, l-ixkiel għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà minn persuna b’diżabbiltà jirriżulta minn “diversi ostakoli”. Jista’ jkun għalhekk, f’ċerti każijiet, illi d-definizzjoni tas-sentenza Chacón Navas tkun inqas avvanzata meta mqabbla mad-definizzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li jkun hemm lok li tiġi interpretata f’konformità mad-dritt internazzjonali.

28.      Fil-kawżi li jinteressawna hawnhekk, il-qofol tal-problema ma hijiex relatata madankollu mal-“ostakoli” inkwistjoni f’din id-definizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk stat patoloġiku kkawżat minn marda, medikament stabbilita bħala waħda li ma tistax titfejjaq jew li ma tistax titfejjaq temporanjament, jistax jaqa’ fl-ambitu tal-kunċett tad-diżabbiltà. La d-definizzjoni li tirriżulta mis-sentenza Chacón Navas u lanqas dik tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ma jippermettu fihom infushom li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, minbarra r-rekwiżit tal-limitazzjoni fuq perijodu twil, dawn iż-żewġ definizzjonijiet ma jesponu l-ebda kriterju espliċitu li jippermetti li tiġi distinta d-diżabbiltà mill-marda.

29.      Biex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju jeħtieġ, konsegwentement, li issa tiġi eżaminata l-kwistjoni tad-distinzjoni bejn marda u diżabbiltà.

2.      Id-distinzjoni bejn marda u diżabbiltà

30.      Fis-sentenza tagħha Chacón Navas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi d-Direttiva 2000/78 ma tipproteġix lill-ħaddiema tkun xi tkun il-marda li minnha jkunu milquta (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja tħaddan għalhekk distinzjoni bejn marda u diżabbiltà. Fil-fatt, il-“marda” ma hijiex invokata fid-direttiva bħala raġuni għad-diskriminazzjoni nnifisha.

31.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskluditx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ħlief il-“mard fih innifsu” (15). Wieħed ma jistax jiddeduċi mis-sentenza Chacón Navas illi marda, li hija l-kawża ta’ diżabbiltà, tostakola d-diżabbiltà milli tikkwalifika bħala tali. Fl-aħħar nett, fit-tieni sentenza tagħha li tikkonċerna diskriminazzjoni minħabba diżabbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll illi s-sentenza Chacón Navas ma tistax tiġi interpretata fis-sens illi l-portata ratione personae ta’ din id-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (16).

32.      B’mod partikolari, ma jidhirx illi d-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tkopri biss id-diżabbiltajiet mit-twelid jew ta’ oriġini inċidentali. Ikun arbitrarju li d-direttiva tista’ tapplika abbażi tal-oriġini tad-diżabbiltà, mingħajr ma jitqies illi dan imur kontra l-istess għan tad-direttiva, jiġifieri dak li timplimenta l-ugwaljanza fit-trattament.

33.      Wieħed irid jiddistingwi għalhekk bejn il-marda li possibbilment hija l-kawża tal-inkapaċità u l-inkapaċiltà li tirriżulta minnha. Il-limitazzjoni permanenti li tirriżulta mill-marda u li tostakola l-parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali, taqa’ wkoll fl-ambitu tal-protezzjoni tad-direttiva.

34.      Il-kawżi inkwistjoni jikkonċernaw diffikultajiet jew inkapaċitajiet fiżiċi, li jimmanifestaw ruħhom b’mod partikolari permezz ta’ uġigħ u ċerta immobbiltà. Id-distinzjoni bejn marda u diżabbiltà hija għalhekk, hawnhekk, iktar leġġera milli fil-kawża sottomessa lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, li fiha din tal-aħħar iddikjarat illi, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe sintomu, l-infezzjoni tal-virus tal-HIV setgħet tikkostitwixxi diżabbiltà fis-sens tal-Anti-Discrimination Act (17). Il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk dak li qed issofri minnu l-persuna, jikkostitwixxix konkretament limitazzjoni, taqa’ fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-qorti tal-Istat Membru.

35.      Ir-redazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma fiha l-ebda element li jippermetti li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi limitat għal ċertu livell ta’ gravità tad-diżabbiltà (18). Madankollu, peress illi din il-kwistjoni la ġiet imqajma mill-qorti tar-rinviju u lanqas diskussa bejn il-partijiet fil-proċedura, ma għandhiex għalfejn tiġi riżolta hawnhekk b’mod definittiv.

36.      L-eżistenza tad-diżabbiltà tippresupponi barra minn hekk illi l-limitazzjoni tkun probabbilment għal “żmien twil” (19). Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tinvoka, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa illi l-inkapaċitajiet ikunu “fuq perijodu twil” (20). Ma nara l-ebda differenza għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut.

37.      F’każ ta’ limitazzjoni li toriġina minn marda li ma tistax titfejjaq, din il-kundizzjoni fuq perijodu twil tkun ġeneralment sodisfatta. Madankollu, anki marda li fil-prinċipju tista’ titfejjaq, tista’ teħtieġ mogħdija taż-żmien tant twil għall-fejqan komplet, li tista’ tinvolvi limitazzjoni fuq perijodu twil. Barra minn hekk, anki marda li fil-prinċipju tista’ titfejjaq, jista’ jkollha bħala effett limitazzjoni fuq tul ta’ żmien. Fil-każ partikolari tal-mard kroniku, huwa diffiċli li wieħed jipperċepixxi kif marda (li tista’ tiġi ttrattata) tista’ tissarraf f’limitazzjoni probabbilment permanenti — li għalhekk tikseb il-natura ta’ diżabbiltà. Huwa biss meta ssir id-dijanjosi ta’ din il-limitazzjoni permanenti, li wieħed jista’ jitkellem dwar diżabbiltà.

38.      Is-sempliċi dikjarazzjoni tan-natura intrinsika tal-marda, bħala waħda li tista’ jew li ma tistax titfejjaq, li hija permanenti jew provviżorja, ma tawtorizza għalhekk l-ebda konklużjoni definittiva dwar l-eżistenza ulterjuri ta’ limitazzjoni fuq perijodu twil.

3.      Il-ħtieġa ta’ tagħmir speċjali

39.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk ir-rikonoxximent ta’ diżabbiltà huwiex suġġett għall-ħtieġa tal-persuna ikkonċernata li tuża tagħmir speċjali jew huwiex biżżejjed li ma jkunx għadu possibbli li din il-persuna taħdem full-time.

40.      Il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-direttiva ma huwiex suġġett għall-ħtieġa tal-użu ta’ tagħmir speċjali.

41.      Jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 illi l-eżistenza ta’ diżabbiltà għandha, fl-ewwel lok, tiġi stabbilita biex jittieħdu l-miżuri idoneji rikjesti. Il-premessa 20 tistabbilixxi ċertu numru ta’ elementi dwar dak li għandu jinftiehem b’miżuri raġonevoli, u tippreċiża, b’mod partikolari, li huwa meħtieġ li jiġi adattat “il-post tax-xogħol għad-diżabilità”. Il-ħtieġa tal-installazzjonijiet u tat-tagħmir speċjali huwa għalhekk konsegwenza tad-dikjarazzjoni tad-diżabbiltà u mhux element tad-definizzjoni tagħha.

42.      Is-sens u l-għan tad-direttiva lanqas ma jidhru li jissuġerixxu illi l-ħtieġa tat-tagħmir speċjali hija element fid-definizzjoni ta’ diżabbiltà. Id-diżabbiltajiet fis-sens tad-direttiva jistgħu jkunu joriġinaw minn diffikultajiet fiżiċi, psikoloġiċi jew mentali. Din l-insistenza dwar il-ħtieġa ta’ tagħmir speċjali tidher madankollu li tikkorrispondi biss għall-immaġini ta’ persuna li ssofri minn diffikultajiet fiżiċi. Jekk wieħed jeżiġi l-użu ta’ tagħmir speċjali bħala element meħtieġ għall-kunċett ta’ diżabbiltà, id-diffikultajiet mentali jew psikoloġiċi, espliċitament evokati fid-direttiva, jiġu mill-ewwel esklużi, peress li dawn ma jinħtiġux, bħala regola ġenerali, tagħmir speċjali. Tali rekwiżit ikollu wkoll l-effett li jpoġġi fi żvantaġġ preċiżament lil persuni illi d-diżabbiltà tagħhom ma tistax tiġi kkumpensata jew ma tistax tittaffa permezz ta’ tagħmir speċjali u li, għal din ir-raġuni, huma x’aktarx iktar milquta serjament minn oħrajn.

43.      Definittivament, kollox jiddependi għalhekk mill-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk jeżistix ostakolu għall-parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali.

44.      DAB u Pro Display saħqu illi hija biss persuna li ġiet totalment eskluża mill-ħajja professjonali li tista’ titqies bħala persuna b’diżabbiltà, tant illi s-sempliċi tnaqqis fil-kapaċità għax-xogħol ma huwiex biżżejjed biex ikun jista’ jingħad li teżisti diżabbiltà. Raġunament bħal dan ma jwassalx biex jikkonvinċini. Anki skont is-sens ġeneralment rikonoxxut tagħha, l-idea ta’ “ostakolu għall-parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali” tkopri wkoll limitazzjonijiet sempliċiment parzjali u mhux biss “esklużjoni” pura u sempliċi mill-ħajja professjonali.

45.      Il-premessa 17 tad-direttiva tidher ukoll li titlob illi d-direttiva tiġi applikata favur persuni li ma jistgħux jipparteċipaw fil-ħajja professjonali għaliex ma humiex f’pożizzjoni li jaħdmu full-time. Din il-premessa tesponi illi d-direttiva tipproteġi lil ħaddiema illi fil-prinċipju jkunu “kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi [jaqdu] l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat”. Għalhekk, id-direttiva għandha l-għan preċiż li tipproteġi lil persuni li jistgħu, fil-prinċipju, jipparteċipaw fil-ħajja professjonali — anki jekk b’mod limitat jew permezz ta’ arranġamenti speċifiċi. L-applikazzjoni tad-direttiva ma hijiex suġġetta, għalhekk, għall-eskluzjoni totali mill-ħajja professjonali tal-persuna ikkonċernata.

46.      Irid għalhekk jitqies, bħala konklużjoni intermedjarja, illi l-kunċett ta’ “diżabbiltà” għandu jinftiehem bħala wieħed illi għandu fil-mira tiegħu limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn diffikultajiet fiżiċi, mentali jew psikoloġiċi u li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali. Ftit jimporta, għall-finijiet tad-definizzjoni tad-diżabbiltà, illi din id-diffikultà toriġina minn marda; l-unika kwistjoni deċiżiva hija dik li jiġi stabbilit jekk il-limitazzjoni hijiex fuq perijodu twil. Inkapaċità fuq perijodu twil li ma tinħtiġx l-użu ta’ tagħmir speċjali u tissarraf essenzjalment fil-fatt illi l-persuna milquta minnha ma hijiex f’pożizzjoni li taħdem full-time, taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

B –    It-tielet domanda

47.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, is-Sø- og Handelsret tixtieq tkun taf jekk it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jistax ukoll jikkostitwixxi arranġament raġonevoli favur persuni b’diżabbiltà.

48.      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi li l-arranġamenti raġonevoli huma stabbiliti biex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabbiltà. Dan ifisser illi l-persuna li timpjega għandha tieħu l-“mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari”, biex tippermetti lil persuna b’diżabbiltà jkollha aċċess għall-impjieg, teżerċitah u timxi ’l quddiem fih, jew titħarreġ fih. Il-persuna li timpjega ma hijiex meħlusa minn dan l-obbligu ħlief jekk il-miżuri jimponu fuqha piż sproporzjonat.

49.      Din id-dispożizzjoni ma għandhiex biss l-għan illi l-persuna b’diżabbiltà tiġi ttrattata b’mod ugwali iżda wkoll li titpoġġa f’livell ta’ ugwaljanza biex b’hekk tkun tista’ taħdem.

50.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi sempliċiment illi l-miżuri għandhom ikunu idoneji, skont il-ħtiġijiet f’sitwazzjoni konkreta, biex il-persuna ikkonċernata jkun jista’ jkollha aċċess għal impjieg eċċ.

51.      Il-premessa 20 tad-direttiva tippreċiża madankollu din id-dispożizzjoni. Skont din il-premessa huwa meħtieġ fil-fatt li jiġu stabbiliti “miżuri effettivi u prattiċi” “biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni”.

52.      It-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkorrispondi għall-eżempju, evokat b’mod espliċitu, tal-adattament fir-“ritmi tax-xogħol”. DAB u Pro Display huma madankollu tal-opinjoni li r-ritmi tax-xogħol ma jirreferux preċiżament għall-ħin tax-xogħol iżda sempliċement għall-provvista tax-xogħol u r-rata tiegħu jew għat-tqassim tal-kompiti bejn il-ħaddiema.

53.      Anki jekk wieħed kellu jirrikonoxxi li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol ma jikkorrispondix għall-adattament tar-ritmi tax-xogħol, fl-opinjoni tiegħi, it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jaqa’ fl-ambitu tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 tad-direttiva.

54.      Fil-fatt jirriżulta mir-redazzjoni tal-premessa 20 illi din tal-aħħar telenka sempliċiment ċertu numru ta’ eżempji u li l-lista hemmhekk misjuba ma għandhiex titqies bħala waħda eżawrjenti. Wieħed ma jistax jiddeduċi li tali miżura ma taqax fl-ambitu tal-Artikolu 5 tad-direttiva, minħabba s-sempliċi fatt illi t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol ma jinsabx espressament imsemmi f’din il-lista.

55.      DAB u Pro Display jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt illi d-direttiva ma tinvokax il-ħin tax-xogħol u li dan il-kunċett ma ġiex diskuss fil-kuntest tax-xogħlijiet preparatorji tad-direttiva. Huma jqisu li d-diskussjoni dwar il-kunċett ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, minħabba r-rabta stretta tagħha mad-direttiva dwar il-ħin tax-xogħol (21), għandha wkoll tiġi eżaminata fuq il-bażi ta’ din tal-aħħar.

56.      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonċepixxa b’mod wiesa’ r-redazzjoni tal-Artikolu 5. Dan it-test jesponi, b’mod ġenerali, miżuri li jippermettu lil persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal xogħol. Ma hemm l-ebda dubju li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jippermetti lil persuna b’diżabbiltà l-possibbiltà li taħdem.

57.      Il-premessa 20 tad-direttiva wkoll tiffavorixxi l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 5 tagħha. Jirriżulta fil-fatt illi, bil-kontra tat-teżi ta’ DAB u Pro Display, il-miżuri stabbiliti ma humiex biss ta’ natura materjali iżda wkoll ta’ natura organizzattiva. L-adattament tal-“postijiet u t-tagħmir” tax-xogħol għandu l-għan li jelimina l-limitazzjonijiet fiżiċi, filwaqt illi l-adattament tar-“ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni”, pjuttost jaqa’ fl-ambitu ta’ miżuri organizzattivi. Dan jikkorrispondi b’mod partikolari għall-kunċett ta’ diżabbiltà kif jirriżulta mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, li tqis illi l-limitazzjoni tista’ tirriżulta mhux biss minn ostakoli fiżiċi, iżda wkoll minn ostakoli oħra, b’mod partikolari soċjali.

58.      Is-sens u l-għan tad-Direttiva 2000/78 ukoll jitolbu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-attività fuq bażi part-time. Id-direttiva teżiġi miżuri individwalizzati biex tiżgura l-ugwaljanza u b’hekk titjieb il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fil-ħajja professjonali (22). Il-punt determinanti ser ikun għalhekk il-kapaċità ta’ miżura li tippermetti lil persuna b’diżabbiltà li taħdem jew li tkompli bix-xogħol tagħha. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa għal kollox konformi mas-sens u mal-għan tad-direttiva li ma jiġux esklużi totalment mis-suq tax-xogħol ħaddiema b’diżabbiltà li huma kapaċi jaħdmu għallinqas għal parti mill-ħin, anzi li jkollhom, għall-kuntrarju, il-possibbiltà li jipparteċipaw b’mod idoneju fil-ħajja professjonali billi jiġu offruti xogħol part-time. Ma jidhirx illi d-direttiva teżiġi biss miżuri bħalma huma l-installazzjoni ta’ lift jew installazzjonijiet sanitarji aċċessibbli permezz ta’ siġġu tar-roti — li wkoll jistgħu jkunu ta’ piż u għoljin — iżda mizuri bħat-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jiġu esklużi.

59.      L-oġġezzjoni ta’ DAB u Pro Display, illi l-attività fuq bażi part-time tikkostitwixxi, f’ċerti ċirkustanzi, intervent gravi fir-rapporti ġuridiċi bejn il-persuna li timpjega u l-impjegat u tista’ tkun ta’ piż għall-persuna li timpjega, żgur li ma hijiex infondata. Iżda dan jgħodd ukoll għall-adattament tal-postijiet iċċitat iktar ’il fuq bħala eżempju. Din hija r-raġuni għalfejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 5 tissuġġetta wkoll dan l-obbligu tal-persuna li timpjega għall-kundizzjoni illi l-miżuri ma jikkostitwixxux piż sproporzjonat għaliha. Id-direttiva teżigi, f’dan ir-rigward, bilanċ idoneju bejn l-interessi tal-ħaddiem b’diżabbiltà li jibbenefika minn miżuri ta’ sostenn u dawk tal-persuna li timpjega li ma tistax tkun marbuta li taċċetta mingħajr kundizzjoni kwalunkwe intervent fl-organizzazzjoni tal-impriża tagħha jew preġudizzju ekonomiku.

60.      Wieħed irid jikkonkludi għalhekk f’dan l-istadju li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jagħmel parti mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi, għal kull każ partikolari, jekk tali miżura tistax tinvolvi piż sproporzjonat għal persuna li timpjega.

C –    Ir-raba’ domanda

1.      L-ewwel parti tar-raba’ domanda

61.      Fl-ewwel parti tar-raba’ domanda tagħha s-Sø- og Handelsret tixtieq tkun taf sa liema punt, dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-persuna li timpjega tista’ ttemm il-kuntratt ta’ xogħol b’perijodu iqsar ta’ avviż tat-temm tal-impjieg fil-każ ta’ assenzi minħabba mard, sa fejn din tapplika wkoll meta dawn l-assenzi jkunu l-konsegwenza ta’ diżabbiltà, hija kompatibbli mad-Direttiva 2000/78.

62.      Id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2(2) tagħha, meħuda flimkien, id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq diżabbiltà, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Skont dan it-test, isseħħ diskriminazzjoni diretta meta persuna, minħabba diżabbiltà tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn oħra f’sitwazzjoni komparabbli. Diskriminazzjoni indiretta tipproduċi ruħha meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika, li jidhru newtrali, huma suxxettibbli li jwasslu għal żvantaġġ partikolari għal persuni b’diżabbiltà, meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm dawn ma jistgħux ikunu ġġustifikati. Il-kamp tal-applikazzjoni ratione materiae tad-direttiva, jinkludi b’mod espliċitu, skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, il-kundizzjonijiet għat-tkeċċija. Jeħtieġ għalhekk li tiġi eżaminata, iktar ’il quddiem, il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk it-tnaqqis fit-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg jistax jikkwalifika bħala diskriminazzjoni diretta jew indiretta u, jekk ikun il-każ, jekk dan jistax jiġi ġġustifikat.

a)      L-iżvantaġġ

63.      Huwa meħtieġ qabel xejn li jiġi ppreċiżat l-għan tal-analiżi tagħna: il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi biss dwar il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi t-tnaqqis fit-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg f’każ ta’ assenzi minħabba mard.

64.      Kwistjoni oħra li tista’ tqum fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li jiġi stabbilit sa liema punt il-perijodi tal-assenzi marbuta ma’ diżabbiltà jew ma’ marda, li hija stess hija marbuta ma’ diżabbiltà, jistgħu, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxu raġuni valida għat-tkeċċija. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat illi d-direttiva tipprojbixxi t-tkeċċija li, fid-dawl tal-obbligu li jiġu stabbiliti arranġamenti raġonevoli għal persuni b’diżabbiltà, ma hijiex iġġustifikata minħabba l-fatt illi l-persuna kkonċernata ma hijiex disponibbli biex twettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-inkarigu tagħha (23). Jista’ jiġi dedott, bil-kontra, illi t-tkeċċija hija ammessa meta l-arranġamenti meħtieġa biex jiġi adattat il-post tax-xogħol ikunu jirrappreżentaw piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega, jew jekk il-persuna impjegata, minħabba l-assenzi tagħha, ma hijiex disponibbli biex twettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-inkarigu tagħha. Fl-opinjoni tiegħi din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ċċaratx madankollu, b’mod definittiv, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ tkeċċija meta din tkun motivata minn assenzi minħabba marda li hija stess tkun marbuta ma’ diżabbiltà. Madankollu, biex tingħata risposta għad-domanda magħmula, issa ser niffoka biss fuq it-tnaqqis fit-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg f’każ ta’ tkeċċija.

65.      Fil-każ tal-assenza ta’ ħaddiem b’diżabbiltà minħabba “marda ordinarja”, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tal-assenza minħabba mard biex jitnaqqas it-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg, ma jikkostitwixxix żvantaġġ b’paragun ma’ persuna mingħajr diżabbiltà. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, il-probabbiltà li wieħed taqbdu marda bħalma hija l-influwenza ma hijiex marbuta mad-diżabbiltà u tikkonċerna bl-istess mod lill-ħaddiema, kemm b’diżabbiltà jew le.

66.      Il-kwistjoni madankollu fil-kawża preżenti tikkonċerna assenzi marbuta ma’ diżabbiltà. L-Artikolu 5(2) tal-FL jidher għall-ewwel li huwa newtrali, peress illi jikkonċerna lill-ħaddiema kollha li kienu assenti għal iktar minn 120 jum minħabba mard. Ma joħloq għalhekk l-ebda diskriminazzjoni diretta għad-detriment ta’ persuni b’diżabbiltà. Fil-fatt, dan it-test ma jirreferix direttament għall-kriterju distintiv ipprojbit tad-diżabbiltà, kif lanqas ma jistabbilixxi differenza fit-trattament abbażi ta’ kriterju li jkun marbut b’mod inseparabbli mad-diżabbiltà. Diżabbiltà, fil-fatt, mhux bil-fors twassal għal mard u għal assenzi minħabba mard, b’mod li wieħed ma jistax jitkellem dwar tali rabta inseparabbli.

67.      Wieħed jista’ jara madankollu li hemm diskriminazzjoni indiretta. Fil-fatt, peress illi l-marda hija marbuta ma’ diżabbiltà, sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli huma ttrattati bl-istess mod. Bħala regola ġenerali, il-ħaddiema b’diżabbiltà huma iktar esposti għar-riskju ta’ marda marbuta mad-diżabbiltà tagħhom mill-ħaddiema li ma għandhom l-ebda diżabbiltà. Dawn tal-aħħar jistgħu jsofru biss minn marda “ordinarja”. Il-ħaddiema b’diżabbiltà jistgħu madankollu jiġu wkoll milquta minn tali marda. Id-dispożizzjoni li tistabbilixxi t-tnaqqis fit-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg f’każ ta’ tkeċċija hija għalhekk dispożizzjoni li indirettament tpoġġi fi żvantaġġ lil ħaddiema b’diżabbiltà meta mqabbla mal-ħaddiema mingħajr diżabbiltà.

68.      L-oġġezzjoni, imqajma minn ċerti partijiet, illi minħabba d-dritt tal-ħaddiem li ma tiġix mogħtija informazzjoni dwar in-natura tal-marda tiegħu, ma jkunx possibbli li ssir distinzjoni bejn mard “ordinarju” u mard marbut mad-diżabbiltà, ma tikkonvinċinix. Huwa fil-fatt possibbli li ssir konċiljazzjoni bejn dawn iż-żewġ aspetti billi wieħed jirrikorri, pereżempju, għand uffiċjal mediku.

b)      Ġustifikazzjoni

69.      Skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-direttiva, dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 5(2) tal-FL hija ġġustifikata meta għandha fil-mira tagħha għan leġittimu u meta l-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan huma idoneji u meħtieġa. Din ir-redazzjoni tirriproduċi l-kundizzjonijiet, ġeneralment ammessi fid-dritt tal-Unjoni, għal ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament (24).

70.      Il-leġiżlazzjoni għandha għalhekk tkun idoneja għat-twettiq ta’ għan leġittimu. Għandha barra minn hekk tkun meħtieġa, jiġifieri li l-għan leġittimu fil-mira tagħha ma jistax ikun tali li jista’ jinkiseb b’mezz iktar moderat, li wkoll huwa idoneju. Fl-aħħar nett il-leġiżlazzjoni għandha wkoll tkun proporzjonata fis-sens l-iktar strett, jiġifieri li ma għandha twassal għall-ebda inkonvenjent sproporzjonat meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (25).

71.      Wieħed ma jridx jinsa, fil-verifika ta’ dawn il-kriterji, illi huwa ammess fil-ġurisprudenza, li l-Istati Membri jiddisponu minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg (26).

72.      Id-digriet tar-rinviju ma jagħti l-ebda ħjiel dwar l-għanijiet fil-mira tal-Artikolu 5(2) tal-FL. Huwa għalhekk diffiċli li wieħed jagħti opinjoni fir-rigward. Għaldaqstant ser ikun il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa b’mod definittiv il-leġiżlazzjoni kontenzjuża.

73.      Il-Gvern Daniż saħaq illi l-Artikolu 5(2) tal-FL jipprova jistabbilixxi ekwilibriju ġust bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema f’każ ta’ assenzi twal minħabba mard. Definittivament huwa jiffavorixxi partikolarment l-interessi tal-ħaddiem. It-terminu mnaqqas tal-avviż tat-temm tal-impjieg fil-każ ta’ assenza twila minħabba mard għandu jinkoraġġixxi lil persuna li timpjega biex kemm jista’ jkun ma tkeċċix lil ħaddiem marid, iżda tkompli timpjegah, filwaqt illi l-persuna li timpjega taf illi f’każ ta’ assenza twila ħafna, it-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg huwa, bħala kumpens, imnaqqas.

74.      L-għanijiet huma leġittimi u ma jistax jingħad illi l-leġiżlazzjoni, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, mhix manifestament idoneja (27) għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Għandu jkun hemm miżura alternattiva iżda, li hija inqas restrittiva fit-totalità tas-sistema ġuridika applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ xogħol. L-eżistenza ta’ tali possibbiltà, fin-nuqqas ta’ elementi supplimentari, hija għalhekk diffiċli li tiġi evalwata.

75.      Il-kwistjoni deċiżiva hija dik li jiġi stabbilit jekk l-iżvantaġġi marbuta mat-terminu mnaqqas tal-avviż tat-temm tal-impjieg fil-forma attwali tiegħu, li jolqtu lil ħaddiem b’diżabbiltà, humiex proporzjonati mal-għanijiet fil-mira, jiġifieri jekk iwasslux għal restrizzjoni eċċessiva għal persuni kkonċernati. Għal din ir-raġuni, għandu jinsab ekwilibriju ġust bejn il-varji interessi preżenti (28). Wieħed jista’ jistaqsi f’dan ir-rigward jekk leġiżlazzjoni idoneja għandhiex tqis ukoll il-livell tal-gravità tad-diżabbiltà u l-possibbiltajiet tal-ħaddiem li jerġa’ jsib impjieg. Iktar ma d-diżabbiltà tkun severa u iktar ma jkun diffiċli li jinsab xogħol ġdid, it-tul tat-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg iktar ikun importanti għall-ħaddiem. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar dan b’mod konkret.

76.      Biex nikkonkludi dwar l-ewwel parti tar-raba’ domanda, irid għalhekk jiġi stabbilit illi d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens illi tipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula illi persuna li timpjega tista’ tkeċċi ħaddiem b’perijodu iqsar ta’ avviż tat-temm tal-impjieg, fil-każ ta’ assenzi minħabba mard, meta l-marda tkun marbuta ma’ diżabbiltà. Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk dan l-iżvantaġġ, skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-direttiva, jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat permezz ta’ għan leġittimu u l-mezzi għat-twettiq tiegħu huma idoneji u meħtieġa.

2.      It-tieni parti tar-raba’ domanda

77.      Permezz tat-tieni parti tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fl-aħħar nett, jekk id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxix it-tnaqqis fit-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg, meta l-assenzi tal-ħaddiem huma attribwiti għall-fatt illi l-persuna li timpjega ma ħaditx il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 tad-direttiva biex persuna b’diżabbiltà tkun tista’ teżerċita l-impjieg tagħha.

78.      Biex jiġi ddeterminat liema arranġamenti huma raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 5 tad-direttiva, wieħed għandu jeżamina l-proporzjonalità. F’dan il-kuntest u biex jiġu bbilanċjati l-interessi tal-ħaddiem b’diżabbiltà u l-persuna li timpjegah, trid tingħata risposta għall-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk wieħed għandux, b’mod raġonevoli, jistenna li l-persuna li timpjega tieħu l-miżuri rikjesti. Jekk il-persuna li timpjega ma tipproċedix għal dawn l-arranġamenti li wieħed jista’ jistenna minnha, ma tkunx qiegħda tissodisfa l-obbligi li jimponi fuqha l-Artikolu 5 tad-direttiva u ma tkun tista’ tieħu l-ebda vantaġġ ġuridiku minnu. L-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-direttiva jiġi mxejjen minn kull sens, jekk il-fatt tan-nuqqas tat-teħid ta’ miżuri proporzjonati jkun jista’ jiġġustifika l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuna b’diżabbiltà. Mis-sens u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-assenzi tal-ħaddiem li huma marbuta ma’ dan in-nuqqas ta’ miżuri ma jistgħux jiġġustifikaw tnaqqis fit-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg f’każ ta’ tkeċċija.

79.      Dan ifisser illi jekk l-applikazzjoni tat-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg hija bbażata fuq l-assenzi tal-ħaddiem, spjegati mill-fatt illi l-persuna li timpjega ma wettqitx l-arranġamenti raġonevoli rikjesti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, tali żvantaġġ ma jistax jiġi ġġustifikat.

VI –  Konklużjoni

80.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

1a) Il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ikopri limitazzjoni li tirriżulta b’mod partikolari minn diffikultajiet fiżiċi, mentali jew psikoloġiċi u li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali.

1b) Ftit jimporta, għall-finijiet tad-definizzjoni tad-diżabbiltà, illi d-diffikultà tkun oriġinat minn marda; l-unika kwistjoni deċiżiva hija dik li jiġi stabbilit jekk huwiex probabbli li din il-limitazzjoni tkun fuq perijodu twil.

1ċ) Inkapaċità fuq tul ta’ żmien, li ma teħtiġx l-użu ta’ tagħmir speċjali u li tissarraf essenzjalment fil-fatt illi l-persuna milquta minnha ma tkunx f’pożizzjoni li taħdem full-time, taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

2. It-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika konkretament jekk tali miżura timponix piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega.

3. Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens illi tipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-persuna li timpjega tista’ tkeċċi ħaddiem, b’perijodu iqsar ta’ avviż tat-temm tal-impjieg, f’każ ta’ assenzi minħabba mard, meta l-marda tkun marbuta ma’ diżabbiltà. Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk dan l-iżvantaġġ, skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-direttiva, jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat permezz ta’ għan leġittimu u l-mezzi għat-twettiq tiegħu huma idoneji u meħtieġa. Madankollu, jekk l-applikazzjoni tat-terminu mnaqqas tal-avviż tat-temm tal-impjieg hija bbażata fuq assenzi tal-ħaddiem spjegati mill-fatt illi l-persuna li tħaddem ma għamlitx l-arranġamenti raġonevoli rikjesti mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2000/78, tali żvantaġġ ma jistax jiġi ġġustifikat.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/78”.


3 –      Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, (C‑13/05, Ġabra p. I‑6467).


4 – Konvenzjoni rratifikata mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti”; ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009, dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, ĠU 2010, L 23, p. 35.


5 – Lov om forbud mod forskelsbehandling på arbejdsmarkedet (liġi relatata mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol).


6 – Lov om retsforholdet mellem arbejdsgivere og funktionærer Funktionærlov (liġi relatata mal-impjegati, iktar ’il quddiem l-“FL”).


7 – Sindikat tal-impjegati fil-kummerċ u l-impjegati fl-uffiċċji tad-Danimarka.


8 – Din is-sistema ta’ xogħol flessibbli hija skema Daniża ta’ sussidji ta’ pagi mħallsa mill-Istat għall-impjieg ta’ persuni milquta minn inkapaċità fuq tul ta’ żmien.


9 –      Sentenza Chacón Navas (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 43).


10 –      Ibidem, punt 45.


11 – Ara wkoll fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Chacón Navas (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 66).


12 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52), tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht (C‑311/04, Ġabra p. I‑609, punt 25), tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, Ġabra p I‑4057, punt 42), u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 307), u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, Ġabra p. I-13755, punt 50).


13 –      Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 52), tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20), tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica (C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punt 57), u tal-14 ta’ Mejju 2009, Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely (C‑161/08, Ġabra p. I‑4075, punt 38).


14 –      Sentenza Chacón Navas (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 46).


15 –      Ibidem, punt 57.


16 –      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, Ġabra p. I‑5603, punt 46).


17 – US Supreme Court, Bragdon v. Abbott, 524 US 624 [1998], sitwazzjoni ta’ “physical impairment that substantially limits one or more of [an individual’s] major life activities” taqa’ fl-ambitu ta’ diżabbiltà fis-sens tal-Artikolu 12102(1)(A) tal-ADA 1990.


18 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll qieset bħala diżabbiltà, għall-finijiet ta’ projbizzjoni minn diskriminazzjonijiet, il-patoloġija tad-dijabete mellitus tat-tip I, ikkwalifikata bħala waħda minuri mill-awtoritajiet nazzjonali, KEDB, sentenza tat-30 ta’ April 2009 (Glor vs L-Iżvizzera, Nru 13444/04) li tikkonċerna l-Artikolu 14 tal-KEDB, li fiha d-dijabete ġiet meqjusa bħala diżabbiltà.


19 –      Sentenza Chacón Navas (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 45).


20 – Fil-verżjoni Ingliża: “long-term [...] impairments”, fil-verżjoni Franċiża: “incapacités […] durables”.


21 –      Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3 p. 267.


22 – Ara l-premessi 8, 9, 11 u 16 tad-Direttiva 2000/78.


23 –      Sentenza Chacón Navas (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 51).


24 –      Ara fl-istess sens il-konklużjonijiet tiegħi, tas-6 ta’ Mejju 2010, Andersen (C‑499/08, Ġabra p. I‑9343, punt 42).


25 – Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81), tas‑7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 41), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, Ġabra p. I‑7023, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ara, fil-qasam tad-diskriminazzjoni minħabba l-età, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punt 68), u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, Ġabra p. I‑9391, punt 41).


27 – Ara dwar dan il-punt is-sentenza Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 72) u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, Ġabra p. I‑47, punt 70).


28 –            Ara dwar dawn il-punti, l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 68) u l-konklużjonijiet tiegħi tat-2 ta’ Ottubru 2012 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑286/12, punt 78).