Language of document : ECLI:EU:C:2011:552

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011 (1)

Kawża C‑17/10

Toshiba Corporation et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Brně (ir-Repubblika Ċeka))

“Kompetizzjoni — Akkordju ta’ portata internazzjonali li jipproduċi effetti fit-territorju tal-UE, taż-ŻEE u tal-Istati Membri li ssieħbu fl-1 ta’ Mejju 2004 — Artikolu 81 KE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Ftuħ ta’ proċeduri kontra u sanzjoni tal-ksur għall-perijodu ta’ qabel u ta’ wara d-data tal-adeżjoni — Multi — Delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Prinċipju ta’ ‘non bis in idem’ — Artikoli 3(1) u 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Konsegwenzi tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni Ewropea”






I –    Introduzzjoni

1.        Kemm-il awtorità tal-kompetizzjoni fl-Ewropa tista’ tittratta l-istess akkordju wieħed u timponi sanzjonijiet fuq l-impriżi kkonċernati? Din hija essenzjalment il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab issolvi f’dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari. Din il-kwistjoni ma tqajjimx biss problemi essenzjali marbuta mad-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni, iżda wkoll aspetti delikati tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mill-perspettiva tar-regola ta’ nuqqas ta’ akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet (prinċipju ta’ ne bis in idem). Dawn huma punti ta’ importanza liema bħalha għall-funzjonament tas-sistema l-ġdida għall-implementazzjoni tad-dritt antitrust, kif stabbilita fl-1 ta’ Mejju 2004 permezz tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2). Barra minn hekk, dawn jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tevolvi l-ġurisprudenza tagħha Walt Wilhelm et (3), li għandha iktar minn 40 sena.

2.        Il-kawża preżenti għandha bħala sfond akkordju ta’ portata mondjali, skopert fl-2004, u li fih ipparteċipaw serje ta’ impriżi magħrufa, Ewropej u Ġappuniżi, fis-settur tal-elettronika. Kienu diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni li bdew proċedimenti kontra dan l-akkordju u imponew multi li jammontaw għal miljuni: fuq livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-kompetizzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u fuq livell nazzjonali, fost oħrajn, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka (4).

3.        L-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka llimitat ruħha għall-applikazzjoni tad-dritt antitrust nazzjonali u ma ssanzjonatx għajr l-effetti tal-akkordju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, u dan għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-jum li fih ir-Repubblika Ċeka ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, din il-proċedura ġiet stabbilita wara l-1 ta’ Mejju 2004, meta l-Kummissjoni kienet diġà hija stess bdiet il-proċedura skont ir-Regolament Nru 1/2003. Id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka imponiet multa kienet ukoll adottata wara dik tal-Kummissjoni.

4.        L-argumenti quddiem il-qorti nazzjonali jikkonċernaw, illum il-ġurnata, il-fondatezza tal-azzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Toshiba u għadd ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fl-akkordju jsostnu li, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma kellhiex il-kompetenza sabiex tissanzjona l-akkordju, peress li l-Kummissjoni kienet diġà fetħet proċedura fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, huma jinvokaw il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Barra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 (5), huma, minn naħa, l-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), l-Artikolu 53 ŻEE (6), u l-Artikoli 49 u 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku tal-kawża preżenti skont id-dritt tal-Unjoni. Ser issir referenza wkoll għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni Netwerk”) (8).

1.      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju

6.        Ir-Repubblika Ċeka ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 (9). L-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni jistabbilixxi r-regoli segwenti fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni fir-Repubblika Ċeka u fid-disa’ Stati Membri ġodda l-oħra:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

7.        Skont l-Artikolu 81(1) KE, huma inkompatibbli mas-suq komuni u pprojbiti, l-akkordji kollha bejn impriżi li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan u effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

8.        L-Artikolu 53 ŻEE jipprojbixxi l-akkordji li huma identiċi għal dawk li jissemmew fl-Artikolu 81 KE u l-kamp tal-applikazzjoni tiegħu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea kollha.

9.        Il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege huwa stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

10.      Ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulazzjoni tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) hija stabbilita sussegwentement fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

2.      Id-dispożizzjonijiet legali li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1/2003

11.      Ir-“relazzjoni bejn l-Artikolu 81 KE […] u liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni” hija rregolata kif ġej mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003:

“Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 tat-Trattat għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. […]

(2)      L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE], jew ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) [KE] jew li huma kopruti min xi Regolament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) [KE]. Stati Membri mhux taħt dan ir-Regolament jiġu preklużi milli jadottaw u japplikaw fuq it-territorju tagħhom liġijiet nazzjonali aktar stretti li jipprojbixxu jew jissanzjonaw kondotta unilaterali imqabdin biex jaħdmu min xi impriża.

(3)      Mingħajr preġudizzju għal Prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħra tal-liġijiet tal-Komunità, paragrafu 1 u 2 ma japplikawx meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri japplikaw il-liġijiet tal-kontrol tal-għaqda u lanqas l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jsegwu b’mod predominanti għan differenti min dak segwut mil-Artikoli 81 u 82 [KE].”

12.      Taħt it-titolu “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri”, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jinkludi barra minn hekk ir-regola segwenti:

“L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 [KE].”

13.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi, taħt it-titolu “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”:

“Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra għad-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni.”

14.      Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq huma espressi permezz tal-premessi 8, 9, 15, 17, 18, 22 u 34 tal-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003, li l-estratti rilevanti tiegħu huma s-segwenti:

“(8)      Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità u il-funżjoni propja tal-mekkaniżmi tal-koperazzjoni li jinsabu fir-Regolament, huwa neċċessarju l-obligu ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li huma ukoll japplikaw l-Artikoli 81 u 82 [KE] billi huma japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompettitività lil ftehim u prattiki li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Sabiex jiġu kreati kondizzjonijet ugwali għal ftehim, deċiżjonijiet permezz ta’ assoċjazzjoni ta’ impriża u prattiċi miftiehma fi ħdan is-suq intern, huwa ukoll neċċessarju li jistabilixxi skond l-Artikolu 83(2)(e) [KE] ir-relazzjoni bejn il-liġijiet nazzjonali u l-liġi tal-kompetizzjoni. […]

(9)      L-Artikoli 81 u 82 [KE] għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Dan ir-Regolament, li ġie adottat għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-disposizzjonijiet tat-Trattat, dan ma jipprekludix l-Istati Membri li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tat-territorju nazzjonali, li jipproteġi interessi leġittimi oħra li jipprovdu leġislazzjoni kumpattibli b’ prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħrajn tal-liġi [tal-Unjoni]. Sa kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ssegwi b’mod predominanti għan differenti min dik tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri jistgħu japplikaw din il-leġiżlazzjoni fit-territorju tagħhom. […]

[…]

(15)      Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom jifformaw network ta’ awtoritajiet publiċi flimkien fejn japplikaw liġijiet tal-kompettizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni. […]

[…]

(17)      Jekk il-liġijiet tal-kompetizzjoni huma applikati b’mod konsistenti u, fl-istess ħin, in-networks huma ħa jkunu maniġjati fl-aqwa mod possibli, huwa essenzali li tinżam ir-regola li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu awtomatikament il-kompetenzi tagħhom jekk il-Kummissjoni tibda il-proċeduri propji tagħha. […]

(18)      Biex ikun żgur li l-każijiet huma negozjati mil-awtoritajiet l-aktar xierqa fi ħdan in-network, disposizzjoni ġenerali trid tiġi stabbilita Sabiex tħalli l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tissuspendi jew tagħlaq każ bl-argument li awtorità oħra qed jinnegozjaw jew diġa negozjaw magħha, l-għan hu li kull każ għandu jkun negozjat min awtorità waħda. […]

[…]

(22)      Sabiex tiżgura qbil mal-prinċipji ċerti legali u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-kompettività [tal-Unjoni] f’sistema ta poteri paralleli, deċizzjonijiet li huma f’kunflit għandhom jiġu evitati. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi klarifikat, skond il-liġi tal-preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-proċeduri tal-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. […]

[…]

(34)      Il-priċipji stabbiliti mil-Artikoli 81 u 82 [KE], kif ġew applikati min Regolament Nru 17, ingħataw rwol ċentrali lill-korpi tal-Komunità. Dan ir-rwol ċentrali għandu jinżamm, waqt li l-Istati Membri jassoċjaw ruħhom aktar mil-viċin mal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni [tad-dritt tal-Unjoni]. Bi qbil mal-priċipji tas-susidji u l-proporzjonalità kif stipulata mil-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jmurx l’hinn min dak li hu neċessarju sabiex tilħaq il-għan, li hu li tħalli ir-regoli tal-kompetizzjoni [li hu l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni [tad-dritt tal-Unjoni]].”

15.      Fl-aħħar nett, għandha tissemma’ l-premessa 37 tal-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003, li tikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali:

“Dan ir-Regolament jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’ hekk, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett ghal dawk id-drittijiet u il-prinċipji.”

3.      Il-Komunikazzjoni Netwerk tal-Kummissjoni

16.      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tinkludi b’mod partikolari, taħt it-titolu “3.2. Il-ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill”, il-preċiżjonijiet segwenti:

“[…]

51.      Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament [Nru 1/2003], il-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura, bl-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont ir-regolament tal-Kunsill, jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 [KE]. Dan ifisser li, ladarba l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistgħux jaġixxu fuq l-istess bażi legali fir-rigward tal-istess akkordju, akkordji jew prattiki, tal-istess impriża jew impriżi fl-istess suq ġeografiku inkwistjoni u fl-istess suq ta’ prodotti inkwistjoni.

[…]

53.      Żewġ sitwazzjonijiet jistgħu jirriżultaw. Minn naħa, ladarba l-Kummissjoni, bħala l-ewwel awtorità tal-kompetizzjoni tibda l-proċedura inkwistjoni bil-għan li tadotta deċiżjoni skont ir-regolament tal-Kunsill, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jeżaminaw il-kwistjoni. L-Artikolu 11(6) tar-regolament tal-Kunsill jipprovdi li l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni, jirrileva lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-kompetenza tagħhom li jagħtu bidu għal proċedura bl-għan tal-applikazzzjoni tal-Artikoli 81 u 82 [KE], fir-rigward tal-istess akkordji jew prattiki tal-istess impriża jew impriżi, fl-istess suq ġeografiku inkwistjoni u fl-istess suq ta’ prodotti inkwistjoni.

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

17.      Id-dispożizzjoni rilevanti tal-liġi Ċeka tikkonsisti fl-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni kienet tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2001 fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru 63/991 Sb. (10), u, mill-1 ta’ Lulju 2001, fil-verżjoni tal-Liġi Nru 143/2001 Sb. (11). Kemm fil-verżjoni preċedenti kif ukoll f’dik sussegwenti tagħha, din id-dispożizzjoni kienet essenzjalment tinkludi l-istess projbizzjoni tal-akkordji kollużivi bħal dik prevista fuq livell tal-Unjoni fl-Artikolu 101 TFUE (l-ex Artikolu 81 KE).

III – Il-fatti, il-proċedura amministrattiva u l-kawża prinċipali

18.      Il-kawża preżenti tikkonċerna akkordju ta’ portata mondjali fis-suq tal-iswitchgear iżolat bil-gass (12), li fih ipparteċipaw, f’perijodi differenti bejn l-1988 u l-2004, serje ta’ impriżi magħrufa Ewropej u Ġappuniżi, mis-settur tal-elettronika. Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ħadu taħt idejhom ċerti aspetti ta’ din il-kawża fl-2006 u l-2007, u imponew multi fuq l-impriżi kkonċernati (13), għalkemm l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka aġixxiex biss abbażi tad-dritt antitrust nazzjonali u biss fir-rigward tal-perijodu qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea fl-l ta’ Mejju 2004.

 Il-proċedura amministrattiva fuq livell Ewropew

19.      Il-Kummissjoni bdiet proċedura għall-impożizzjoni ta’ multa fl-20 ta’ April 2006, abbażi tal-Artikoli 81 KE u 53 ŻEE, flimkien mar-Regolament Nru 1/2003 (14). Din il-proċedura, li seħħet wara talba għal klemenza (15) u wara spezzjonijiet li saru fl-2004 fi proprjetà ta’ diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju (16), kienet intiża kontra total ta’ 20 persuna ġuridika, fosthom Toshiba Corporation u l-15-il rikorrent l-ieħor fil-kawża prinċipali.

20.      Fid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Jannar 2007 li għalqet il-proċedura (17) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni”), il-Kummissjoni tesponi li l-akkordju inkwistjoni kkostitwixxa, mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, ksur uniku u kontinwu tal-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE (18), li fih il-parteċipanti differenti tal-akkordju pparteċipaw matul perijodi differenti. Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-akkordju kien wieħed kumpless u ta’ portata mondjali — bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti u tal-Kanada —, li kellu effetti fl-Unjoni Ewropea u fiż-ŻEE (19), u li fil-kuntest tiegħu l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari, skambjaw informazzjoni sensittiva relatati mas-suq, qasmu s-swieq bejniethom (20), iffissaw il-prezzijiet u waqfu jikkollaboraw ma’ impriżi li ma kinux membri fl-akkordju.

21.      Minbarra impriża waħda (21), li bbenefikat mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klemenza, il-partijiet kollha fil-proċedura, fosthom ir-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali, ġew ikkundannati għal multi f’ammont totali ta’ iktar minn EUR 750 miljun (22). L-ogħla multa individwali ġiet imposta fuq Siemens AG, ammont ta’ iktar minn EUR 396 miljun.

22.      Sa fejn dan huwa ta’ importanza għall-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea riċentement essenzjalment ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 (23).

 Il-proċedura amministrattiva fuq livell nazzjonali

23.      Fit-2 ta’ Awwissu 2006, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka min-naħa tagħha bdiet, abbażi tal-istess akkordju, u kontra l-istess impriżi, proċedura għall-ksur tal-liġi Ċeka dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Fid-9 ta’ Frar 2007, hija adottat l-ewwel deċiżjoni (24), li kontriha madankollu r-rikorrenti ppreżentaw rikors amministrattiv intern. Wara dan ir-rikors, il-president tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka rriforma d-deċiżjoni inizjali (25) permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2007.

24.      F’din id-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2007 mogħtija fuq ilment, ġie ddikjarat li l-impriżi kkonċernati kienu pparteċipaw f’akkordju li żvolġa fit-territorju Ċek. Fil-kwalità tagħhom ta’ kompetituri, dawn l-impriżi kienu b’hekk kisru l-liġi Ċeka dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni għal perijodu li wassal sat-3 ta’ Marzu 2004 (26). Bl-eċċezzjoni ta’ impriża waħda (27), li bbenefikat minn miżuri ta’ immunità stabbiliti fid-dritt intern, ġew imposti multi fuq l-impriżi kollha kkonċernati (28).

 Il-proċeduri quddiem il-qrati Ċeki

25.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka quddiem it-Tribunal Reġjonali ta’ Brno (29). Huma sostnew b’mod partikolari li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienet żbaljata fid-determinazzjoni tagħha tal-perijodu tal-akkordju u li kienet xjentement stabbilixxiet il-waqfien tiegħu qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, sabiex tkun tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-liġi Ċeka dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Huma sostnew li skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienet tilfet il-kompetenza tagħha li timplementa l-proċedura nazzjonali, peress li l-Kummissjoni kienet diġà bdiet, fl-istess kawża, proċedura fuq livell Ewropew. Huma kkonkludew li l-proċedura mobdija fuq livell nazzjonali kienet tikser in-nuqqas ta’ kumulazzjoni tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem).

26.      Permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2008 (30), it-Tribunal Reġjonali ta’ Brno annulla d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka tas-26 ta’ April 2007, mogħtija fuq ilment, kif ukoll id-deċiżjoni inizjali li din tal-aħħar kienet ħadet fid-9 ta’ Frar 2007. Il-Krajský soud de Brno kkonkluda li l-aġir inkwistjoni tar-rikorrenti kien jikkostitwixxi ksur amministrattiv kontinwu li, kif iddikjarat il-Kummissjoni, dam sal-11 ta’ Mejju 2004. Peress li l-Kummissjoni kienet bdiet, fir-rigward ta’ dan l-akkordju ta’ “portata mondjali”, proċedura abbażi tal-Artikolu 81 KE u adottat deċiżjoni ta’ “kundanna”, il-proċedura l-ġdida miftuħa f’din l-istess kawża kienet tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Barra minn hekk, skont l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienet ġiet irrilevata mill-kompetenza tagħha li tittratta din il-kawża abbażi tal-Artikolu 81 KE.

27.      It-Tribunal Reġjonali huwa tal-fehma li ma jkunx konsistenti mal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-kompetizzjoni jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka tibqa’ kompetenti wara l-1 ta’ Mejju 2004 u tista’ tapplika retroattivament il-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. It-tribunal innota li din il-liġi essenzjalment tistipula l-istess projbizzjoni tal-akkordji kollużivi, prevista fl-Artikolu 81 KE. Id-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet introdotta fil-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni sabiex il-liġi nazzjonali tiġi approssimata mad-dritt Ewropew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea.

28.      L-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka madankollu ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Ċeka (31) kontra s-sentenza tat-Tribunal Reġjonali. Hija tibqa’ tqis lilha nfisha bħala kompetenti sabiex tibda proċeduri kontra l-aġir immanifestat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, peress li, sa din id-data, il-Kummissjoni ma setgħetx tibda proċeduri kontra ebda ksur li kien jikkonċerna r-Repubblika Ċeka. Skontha, il-fatt li jiġi ssanzjonat akkordju ta’ portata mondjali fil-kuntest ta’ kompetenzi differenti, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Hija sostniet li l-Kummissjoni u l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienu ttrattaw konsegwenzi ta’ dan l-aġir li kienu territorjalment differenti. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza Walt Wilhelm (32) kienet tawtorizza l-applikazzjoni parallela tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

29.      Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ April 2009 (33), il-Qorti Amministrattiva Suprema annullat is-sentenza tat-Tribunal Reġjonali ta’ Brno. Il-Qorti Amministrattiva Suprema qieset li t-Tribunal Reġjonali kien żbaljat meta kkwalifika bħala ksur kontinwu l-parteċipazzjoni fl-akkordju tal-impriżi kkonċernati. Hija ddeċiediet li sal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, l-akkordju pprattikat fit-territorju Ċek kien jaqa’ esklużivament taħt il-kompetenza nazzjonali u l-prosekuzzjoni tiegħu setgħet issir biss taħt id-dritt nazzjonali. Bl-adeżjoni u l-bdil fil-kompetenzi li ġabet magħha, kien hemm waqfa fl-iżvolġiment tal-affarijiet. Minkejja li r-rikorrenti ma kinux formalment waqqfu l-ksur li kienu wettqu fir-Repubblika Ċeka qabel is-sħubija, skont il-Qorti Amministrattiva Suprema, dan għandu jitqies li kien waqaf. L-aġir adottat mill-jum tal-adeżjoni jikkostitwixxi, mill-perspettiva formali, ksur distint, jiġifieri ksur fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, li jaqa’ taħt il-kompetenza li tinqasam bejn l-awotrità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, b’din tal-aħħar ikollha, legalment, prijorità (l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003).

30.      Il-proċedura llum il-ġurnata tinsab mill-ġdid pendenti quddiem it-Tribunal Reġjonali ta’ Brno, li reġgħet intbagħtet il-kawża quddiemu sabiex jiddeċiedi mill-ġdid. Għalkemm it-Tribunal huwa obbligat mid-dritt nazzjonali (34) li jimxi mal-analiżi legali tal-Qorti Amministrattiva Suprema, huwa madankollu jqis li huwa meħtieġ li jikkjarifika ċerti punti tad-dritt tal-Unjoni, relatati, minn naħa, mal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, ir-rinviju għad-domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jikkonċerna wkoll id-diverġenzi fl-evalwazzjoni ratione materiae bejn it-Tribunal Reġjonali u l-Qorti Amministrattiva Suprema.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2009 (35), li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar 2010, it-Tribunal Reġjonali ta’ Brno għamel, lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE (attwalment l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom jiġu applikati (fil-kuntest ta’ proċedura mibdija wara l-1 ta’ Mejju 2004) għat-tul kollu ta’ akkordju li, fuq it-territorju tar-Repubblika Ċeka, beda qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (jiġifieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004) u li kompla u ntemm wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni Ewropea?

2)      L-Artikolu 11(6), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1), is-sbatax-il premessa tar-Regolament Nru 1/2003, il-punt 51 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ non bis in idem, kif jirriżulta mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk il-Kummissjoni tibda proċedura għall-ksur tal-Artikolu 81 KE wara l-1 ta’ Mejju 2004 u tadotta deċiżjoni fuq il-mertu:

a)      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma awtomatikament u definittivament imċaħħda mill-kompetenza tagħhom sabiex jagħtu deċiżjoni dwar l-istess fatti?

b)      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma mċaħħda mill-kompetenza tagħhom sabiex japplikaw għal dawn l-istess fatti d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jinkludu leġiżlazzjoni simili għall-Artikolu 81 KE (attwalment l-Artikolu 101 TFUE)?”

32.      Waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Toshiba, Mitsubishi, Fuji (36), Hitachi (37), Alstom u Siemens (38), kif ukoll il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Irlanda, tal-Polonja u tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Gvern Slovakk ukoll ipparteċipa fil-proċedura bil-miktub, filwaqt li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienet preżenti waqt is-seduta.

V –    Analiżi

33.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Reġjonali ta’ Brno għandha l-għan, fil-kuntest tal-kawża tad-dritt antitrust, li tikseb preċiżjonijiet dwar il-konsegwenzi tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea. Minn naħa, il-kwistjoni hija waħda ta’ definizzjoni tad-dritt applikabbli (l-ewwel domanda) u, min-naħa l-oħra, ta’ determinazzjoni tal-kompetenzi fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, l-“ECN” (39), (it-tieni domanda), fir-rigward tal-akkordji transkonfinali li jikkostitwixxu ksur kontinwu, imwettaq parzjalment qabel id-data tal-adeżjoni u parzjalment wara din id-data, u li kien ta’ natura tali li jipproduċi effetti, fost l-oħrajn, fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

34.      L-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tqajjem l-ebda dubju. Huwa minnu li, wara eżami sommarju, l-ewwel domanda preliminari tfakkar il-kawża Ynos, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kellhiex kompetenza sabiex tinterpreta d-direttiva (40). B’differenza minn din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma tintalabx, fil-kuntest tal-ewwel domanda, tagħmel interpretazzjoni sostantiva tad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, iżda biss sabiex tippreċiża l-kamp tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni. Ma hemm ebda dubju li għandha l-kompetenza tagħmel dan.

35.      Il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, bl-evalwazzjoni legali ta’ qorti li hija superjuri għaliha (41), lanqas ma jipprekludi r-rinviju ta’ domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u n-natura vinkolanti tar-risposta tagħha (42).

36.      Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni meħuda fl-2007 mill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka, huwa wkoll meħtieġ, sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, li ssir referenza għad-dispożizzjonijiet tat-trattat fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam (43); b’mod partikolari l-Artikolu 81 KE u mhux l-Artikolu 101 TFUE.

A –    L-ewwel domanda preliminari: il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni

37.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jistgħux, fi Stat Membru li jkun issieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, japplikaw għal perijodi li jippreċedu din id-data ta’ sħubija (44).

38.      Din id-domanda qed issir minħabba l-fatt li l-akkordju kontenzjuż ikkostitwixxa ksur uniku u kontinwu tar-regoli tal-kompetizzjoni (45), li l-effetti antikompetittivi tiegħu nibtu fit-territorju tar-Repubblika Ċeka minn qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea u ssoktaw sa wara din l-adeżjoni. Il-proċeduri tal-multi li saru kemm fuq livell tal-Unjoni kif ukoll fuq livell nazzjonali bl-għan li dan l-akkordju jiġi ssanzjonat seħħew f’perijodi kompleti wara d-data ta’ sħubija.

39.      Din is-sitwazzjoni titlob l-applikabbiltà, skont il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003 għall-perijodu kollu tal-akkordju kontenzjuż. L-impriżi implikati fl-akkordju jittamaw li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tippermettilhom jevitaw kwalunkwe sanzjoni min-naħa tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka.

1.      Ir-rekwiżiti tal-Att ta’ Adeżjoni u l-prinċipji ġenerali tad-dritt

40.      L-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni jikkostitwixxi l-punt tat-tluq għad-definizzjoni tal-kamp tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fir-Repubblika Ċeka. Skont din id-dispożizzjoni, it-trattati oriġinali u l-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda mid-data tal-adeżjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 2004.

41.      Minn din id-dispożizzjoni tal-Att ta’ Adeżjoni sempliċement jirriżulta li l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 1/2003 saru applikabbli fir-Repubblika Ċeka mill-1 ta’ Mejju 2004. Min-naħa l-oħra, l-Att ta’ Adeżjoni ma jitfa’ l-ebda dawl fuq il-miżura li fiha l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 1/2003 għandhom japplikaw għall-ksur kontinwu li l-effetti antikompetittivi tiegħu nibtu fit-territorju Ċek, parzjalment qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea u parzjalment wara din id-data. Jeħtieġ f’dan ir-rigward li wieħed jirreferi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u tan-nuqqas ta’ retroattività (46).

a)      Il-projbizzjoni tal-applikazzjoni retroattiva tar-regoli sostantivi

42.      Mill-imsemmija prinċipji ġenerali tad-dritt jirriżulta li, għal dak li fir-rigward tal-effetti ratione temporis tal-emendi fil-liġi, hemm lok li wieħed jiddistingwi bejn ir-regoli proċedurali u r-regoli sostantivi. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali ġeneralment japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fil-mument li dawn jidħlu fis-seħħ, b’differenza mir-regoli sostantivi li ġeneralment huma interpretati fis-sens li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ (47).

43.      Huwa minnu li fir-Regolament Nru 1/2003 wieħed isib għadd ta’ regoli proċedurali (48). Madankollu, l-Artikolu 3(1) tiegħu, bħall-Artikolu 81 KE, jinkludi regoli sostantivi maħsuba għall-evalwazzjoni tal-akkordji bejn l-impriżi, mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxu għalhekk regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni.

44.      Tali regoli sostantivi ma jistgħux, bħala prinċipju, ikunu suġġetti għal applikazzjoni retroattiva, indipendentement mill-effetti favorevoli li applikazzjoni bħal din jista’ jkollha għall-persuna kkonċernata; fil-fatt, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jitlob li kwalunkwe sitwazzjoni ta’ fatt tiġi normalment evalwata, sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni espressa kuntrarja, fid-dawl tar-regoli tad-dritt li huma kontemporanji għaliha (49). Ir-regoli ġodda sostantivi ma humiex fil-prinċipju applikabbli direttament għall-effetti li għad iridu jseħħu, relatati ma’ sitwazzjonijiet li tnisslu taħt is-sistema tar-regoli preċedenti (50).

45.      Huma għalhekk regoli sostantivi differenti, skont il-perijodu inkwistjoni, li japplikaw għal akkordju ta’ portata mondjali li, taħt forma ta’ ksur uniku u kontinwu, kellu jew seta’ kellu effetti fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid, kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni (51). Fir-rigward tal-perijodi ta’ qabel l-adeżjoni, il-konsegwenzi antikompetittivi tal-akkordju fi Stat Membru partikolari, ma għandhomx jiġu evalwati fir-rigward tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodi ta’ wara, dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati bl-istess mod fl-Unjoni kollha abbażi tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (52).

46.      B’mod konkret, dan jimplika li l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma japplikawx għall-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka, sakemm l-għan ma huwiex dak li jiġu ssanzjonati l-effetti eventwali antikompetittivi li dan tal-aħħar ipproduċa matul il-perijodu li beda fl-1 ta’ Mejju 2004. Min-naħa l-oħra, l-effetti antikompetittivi ta’ dan l-akkordju li jikkonċernaw il-perijodu ta’ qabel it-30 ta’ April 2004 jistgħu biss jiġu evalwati fir-Repubblika Ċeka fid-dawl tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-ksur jista’ ċertament ikun uniku u kontinwu, iżda l-effetti antikompetittivi tiegħu xorta huma suġġetti għal dispożizzjonijiet differenti, skont jekk dawn seħħewx qabel jew wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea.

b)      L-ebda eċċezzjoni għall-prinċipju tar-retroattività

47.      Kuntrarjament għal dak li jqisu Siemens, Hitachi u Fuji, ma hemm xejn fil-kawża preżenti li jindika li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi applikat retroattivament, jiġifieri li l-effetti antikompetittivi li pproduċa l-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea, jaqgħu, huma stess, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

48.      Huwa minnu li r-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni jistgħu eċċezzjonalment jiġu applikati retroattivament, kemm-il darba jkun jirriżulta b’mod ċar mit-termini, mill-finalità jew mill-istruttura tagħhom li dawn għandhom jiġu attribwiti dan l-effett (53). Madankollu, fil-kawża preżenti, la r-redazzjoni, la l-finalità u lanqas l-istruttura tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 ma fihom indikazzjoni ċara favur l-applikazzjoni retroattiva ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Fil-fatt, ix-xebh bejn id-dritt antitrust tal-Unjoni (54) u d-dritt kriminali jimplika tassew li ma għandhomx ikollhom applikazzjoni retroattiva, peress li din tal-aħħar tista’ tikser il-prinċipju tal-legalità tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), li fuq livell tal-Unjoni jibbenefika minn protezzjoni ta’ dritt fundamentali (l-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (55).

49.      B’mod partikolari, wieħed ma jistax jiġi sostnut li l-liġi tal-kompetizzjoni applikabbli fir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu essenzjalment ibbażati fuq l-Artikolu 81 KE, b’mod li dan tal-aħħar kien jikkostitwixxi biss tip ta’ leġiżlazzjoni li ssostitwixxiet dik ta’ qabilha, bid-dħul tagħha fis-seħħ ikun tali li ma ġab essenzjalment xejn ġdid lill-impriżi.

50.      Huwa possibbli li, minn qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, kien hemm xebh kbir bejn id-dritt nazzjonali Ċek (56) u l-Artikolu 81 KE. Jista’ jkun ukoll li l-Ftehim Ewropew (57), li kellu jwassal lir-Repubblika Ċeka lejn l-Unjoni Ewropea, kellu diġà, fl-Artikolu 64 tiegħu, dispożizzjoni simili għall-Artikolu 81 KE.

51.      Madankollu, il-korpi nazzjonali kienu biss kompetenti li japplikaw u jimplementaw, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fir-Repubblika Ċeka, kemm id-dritt nazzjonali kif ukoll il-Ftehim Ewropew. Għalhekk kien biss il-kompitu tal-awtoritajiet u l-qrati Ċeki li jinterpretawhom u japplikawhom skont l-Artikolu 81 KE fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Fil-kwalità tagħha bħala awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ċertament li ħadmet mill-viċin mal-awtorità Ċeka, iżda qabel l-1 ta’ Mejju 2004 la setgħet tapplika hija stess, fir-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewropew u lanqas l-Artikolu 81 KE, u l-qrati Ċeki lanqas ma setgħu jressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

52.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 81 KE, għandu jiġi sostnut ukoll li, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, din id-dispożizzjoni ma kinitx tipprevali fuq id-dritt Ċek. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1/2003, li l-Artikolu 3(1) KE tiegħu jimponi għall-ewwel darba l-obbligu fuq id-diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li japplikaw, skont il-kundizzjonijiet hemmhekk previsti, l-Artikolu 81 KE b’mod paralleli mal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni, kif ukoll li josservaw ir-regoli tar-rank superjuri tad-dritt tal-Unjoni, la kien applikabbli fl-Istati li kienu diġà membri u lanqas fl-Istat Membri l-ġodda (58).

53.      Is-sistema prevalenti sat-30 ta’ April 2004 hija għalhekk totalment differenti minn dik applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004. Id-data tal-1 ta’ Mejju 2004 tikkorrispondi għal bidu ġdid importanti fis-sistema antitrust, kemm fuq livell sostantiv kif ukoll proċedurali, li mhux talli jimmilita favur iżda saħansitra kontra applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

54.      Huwa minnu li l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tnaqqas ir-riskju tal-evalwazzjoni diverġenti tal-istess akkordju li mill-awtoritajiet u ġurisdizzjonijiet differenti fil-kuntest tal-proċeduri rispettivi tagħhom għall-impożizzjoni tal-multi. Madankollu, jeħtieġ li wieħed jirribatti li, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet b’kontenut differenti kienet inerenti fis-sistema, u kienet ammessa kemm-il darba ma kinitx tippreġudika l-effett globali tad-dritt antitrust tal-Unjoni u l-prevalenza tad-dritt tal-Unjoni (59). Ikunu kemm ikunu mixtieqa l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettivi tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jiġu akkost tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt.

c)      Il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli

55.      Hitachi tinvoka l-prinċipju tar-retroattività tal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitius) biex tiġġustifika l-ħtieġa li l-effetti antikompetittivi tal-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003.

56.      Il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli, jagħmel parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali misjuba fl-Istati Membri kollha u għandu jitqies bħala parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (60). Minn dak iż-żmien sab postu wkoll fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

57.      Għalhekk ma hemm l-ebda dubju li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kellha tevalwa l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fid-dawl tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, jekk dawn id-dispożizzjonijiet kienu ser iwasslu għal eżenzjoni tal-piena jew għal sanzjoni iktar favorevoli mid-dritt nazzjonali. Madankollu, din l-ipoteżi ma hijiex daqstant possibbli.

58.      Fil-fatt, la l-Artikolu 81 KE u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma fihom indikazzjoni li dan huwa l-każ fir-rigward is-severità tas-sanzjonijiet li jistgħu jimponu l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-akkordji. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jippreċiża sempliċiment li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjonijiet intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi, pagamenti ta’ penalità jew kwalunkwe sanzjoni oħra prevista fid-dritt nazzjonali tagħhom. Anki jekk kien il-kompitu tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka li tapplika l-Artikolu 81 KE għal perijodi ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, is-sanzjonijiet imposti xorta kellhom jiġu ddeterminati abbażi tad-dritt nazzjonali (61).

59.      Madankollu, l-għan veru ta’ Hitachi li tipprova twettaq billi tinvoka l-prinċipju tal-liġi kriminali iktar favorevoli, huwa għal kollox differenti. L-għan ta’ din l-impriża huwa fil-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma tieħu l-ebda deċiżjoni pjuttost milli tikseb deċiżjoni iktar favorevoli għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Hija tixtieq li r-regola tal-liġi kriminali iktar favorevoli tiġi finalment interpretata fis-sens li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka titlef il-kompetenza tagħha li tissanzjona l-akkordju għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju dak iż-żmien, jitqiesu bħala koperti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

60.      Madankollu, din it-teżi tinjora b’mod fundamentali l-kontenut tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli. Dan il-prinċipju jikkostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, eċċezzjoni għall-prinċipju fundamentali ta’ nulla poena sine lege (62). Huwa jippermetti lill-persuna kkonċernata tibbenefika minn reviżjoni tal-valuri tal-leġiżlatur, biex b’hekk is-sanzjoni tkun iktar favorevoli minn dik prevista mil-liġi fiż-żmien meta jkunu seħħew il-fatti (63). Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju ma jikkonferixxi ebda dritt sabiex tingħata deċiżjoni minn korp ieħor għajr dak li kien kompetenti fil-mument meta seħħew il-fatti. Ir-regola tal-liġi kriminali iktar favorevoli hija ta’ natura purament sostantiva. Ma tipprovdi xejn dwar il-proċedura u d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet differenti li jintalbu jwettqu l-prosekuzzjoni tal-ksur.

61.      Meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkollhom l-intenzjoni li jikkontestaw il-kompetenza, bħala tali, tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka għall-impożizzjoni tal-multi, iqajmu problema li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u tar-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (ne bis in idem) (64), u mhux problema marbuta mal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitius).

62.      Meta jitqies kollox, il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli lanqas ma jwassal għalhekk għar-riżultat mixtieq minn Hitachi et.

2.      Eżami ta’ ċerti oġġezzjonijiet imqajma mill-partijiet

63.      Waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet qajmu wkoll, bl-invokazzjoni tal-ġurisprudenza, għadd ta’ argumenti oħra li nixtieq neżamina fil-qosor iktar ’l isfel. L-ewwel nett irid jingħad li l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa rilevanti.

64.      Fir-rigward, l-ewwel nett, tas-sentenza Dow Chemical Ibérica et (65), ikkwotata minn ċerti partijiet, din ma hijiex ta’ natura li twitti t-triq għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid għall-perijodi ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar. Din il-kawża ma kinitx tikkonċerna, fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ regoli sostantivi, iżda biss dik ta’ regoli proċedurali, u iktar preċiżament l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-investigazzjonijiet (tfittxijiet) mill-Kummissjoni fi proprjetà tal-impriżi. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis tali regoli proċedurali bħala applikabbli mill-jum tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni, huwa għal kollox konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt eżaminati iktar ’il fuq (66). Is-sentenza Dow Chemical Ibérica ma fiha, għall-kuntrarju, l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni li hija ta’ interess hawnhekk, jiġifieri dik li jiġi stabbilit jekk ir-regoli sostantivi tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni humiex applikabbli għall-effetti antikompetittivi li nibtu minn akkordju fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (67).

65.      Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Asnef-Equifax (68), li fuqhom ibbażaw ruħhom ċerti partijiet ukoll ma jinjorawx il-prinċipji ġenerali msemmija iktar ‘il fuq (69), anzi saħansitra jikkonfermawhom. L-Avukat Ġenerali jesponi li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 jista’ jinkludi rekwiżiti għall-evalwazzjoni tal-effetti preżenti u futuri ta’ akkordju konkluż minn impriża ferm qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003 (70). Huwa b’ebda mod ma jiddeċiedi favur l-applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni għall-perijodi preċedenti.

66.      Il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-libertajiet fundamentali u tal-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni (71), li għaliha jirreferu xi wħud mill-partijiet, lanqas ma fiha indikazzjoni li għandu jkun hemm applikazzjoni retroattiva tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid għall-perijodi ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat. Dan huwa dak li jirriżulta b’mod partikolarment ċar mis-sentenza Saldanha, li tipprovdi li l-Artikolu 6 KE (li sar l-Artikolu 18 TFUE) “japplika għal-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li tnisslu qabel l-adeżjoni” (72).

67.      Fl-aħħar nett, wieħed ma jista’ jislet l-ebda konklużjoni oħra mit-Taqsima 5 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni (73), li tirreferi għalih Siemens. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet previsti hemmhekk huma msejsa wkoll fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għal akkordji ta’ impriżi, konklużi qabel id-data tal-adeżjoni. L-unika eċċezzjoni prevista hija għal dawk minn fost l-imsemmija akkordji li, fis-sitt xhur ta’ wara l-adeżjoni, jiġu emendati b’mod li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta’ eżenzjoni skont il-kategorija. B’differenza minn dak li tqis Siemens, it-Taqsima 5 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni ma fiha l-ebda indikazzjoni favur l-inklużjoni retroattiva, fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, tal-effetti li nibtu minn akkordji ta’ impriżi qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

3.      Konklużjoni intermedjarja

68.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jippermettu għalhekk li ssir il-konklużjoni intermedjarja segwenti:

L-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma humiex applikabbli, fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 għall-perijodi qabel din id-data ta’ adeżjoni, anke jekk il-kwistjoni tikkonċerna l-ftuħ ta’ proċeduri kontra akkordju ta’ portata mondjali li tikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, li jista’ jipproduċi effetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni.

B –    It-tieni domanda preliminari: il-kompetenzi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u r-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem)

69.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-proċedura għall-multa stabbilita wara l-1 ta’ Mejju 2004 mill-Kummissjoni Ewropea tipprekludix b’mod permanenti lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li jkun issieħeb f’din id-data milli tibda proċeduri, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha tal-kompetizzjoni, kontra akkordju ta’ portata mondjali li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, li jista’ jipproduċi l-effetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni.

70.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq, fl-ewwel lok, tikseb kjarifiki dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(6), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Barra minn hekk, hija tirreferi għall-premessa 17 tar-Regolament Nru 1/2003 u għall-punt 51 tal-Komunikazzjoni Netwerk.

71.      Iż-żewġ partijiet ta’ din it-tieni domanda jikkonċernaw, minn naħa, il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tibda proċedura għall-multa (it-tieni paragrafu, sottoparagrafu a), u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità ta’ din l-awtorità li tapplika d-dritt nazzjonali tagħha tal-kompetizzjoni (it-tieni domanda, sottoparagrafu b). Peress li dawn iż-żewġ aspetti huma strettament marbuta, ser neżaminahom flimkien u wara ser neżamina żewġ suġġetti fundamentali: id-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fi proċeduri antitrust (ara it-Taqsima 1 iktar ’l isfel) u r-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem; ara it-Taqsima 2 iktar ’l isfel).

1.      Id-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni

72.      Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka, abbażi tad-dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, tal-Artikoli 11(6) u 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, tilfet, b’mod definittiv, il-kompetenza tagħha li tistabbilixxi proċeduri kontra l-akkordju kontenzjuż, mill-mument li l-Kummissjoni bdiet il-proċedura tagħha għall-multa.

73.      Din it-teżi ma hijiex korretta. Bħala regola proċedurali (74), l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ċertament li huwa applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004 fl-Istati Membri kollha, anki għal sitwazzjonijiet li tnisslu qabel din id-data (75). Il-kontenut normattiv tiegħu huwa madankollu għal kollox differenti minn dak li assumiet il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dan huwa ġustament enfasizzat mill-gvernijiet li pparteċipaw fil-proċedura u mill-Kummissjoni.

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-kontenut normattiv tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003

74.      Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma rrilevati mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, hekk kif il-Kummissjoni tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament (76). Dan it-telf ta’ kompetenza min-naħa tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huwa awtomatiku (77), u dan mill-jum li fih il-Kummissjoni tiddeċiedi formalment li tiftaħ il-proċedura (78).

75.      Jekk jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, jidher li t-telf tal-kompetenza jikkonċerna biss id-dritt tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li japplikaw il-leġiżlazzjoni antitrust tal-Unjoni (l-Artikolu 81 KE u 82 KE, li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE), iżda mhux id-dritt tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-punti 51 u 53 tal-Komunikazzjoni Netwerk tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jinftiehmu f’dan is-sens (79).

76.      Madankollu, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet mixtieqa mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (80). Fir-rigward, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet barra minn hekk li huwa biss meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi l-ebda regola speċifika li l-awtorità nazzjonali tal-kompetenza tista’ tapplika r-regoli nazzjonali (81).

77.      Għandu jiġi nnutat hawnhekk li l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa strettament marbut, sostantivament, mal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament. Minn analiżi konġunta ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jitilfu l-kompetenza tagħhom li japplikaw mhux biss id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda wkoll parti mil-liġi nazzjonali tagħhom tal-kompetizzjoni (82), hekk kif il-Kummissjoni tibda l-proċedura sabiex tadotta deċiżjoni taħt il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

78.      B’mod iktar preċiż, is-sitwazzjoni hija dik kif ġej (83). L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tistabbilixxi rabta stretta bejn il-projbizzjoni tal-akkordji, kif prevista mill-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali antitrust. Jekk il-projbizzjoni tal-akkordji hija applikata għal akkordju bejn impriżi, li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 timponi li jiġi applikat ukoll fir-rigward tiegħu, b’mod parallel, l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE). Iżda, peress li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma hijiex awtorizzata, abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, tapplika l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) mill-mument tal-ftuħ tal-proċedura min-naħa tal-Kummissjoni, din l-awtorità nazzjonali titlef ukoll, b’mod definittiv, il-possibbiltà li tapplika l-projbizzjoni nazzjonali tal-akkordji.

79.      Kuntrarjament għat-teżi tal-qorti tar-rinviju u tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jirriżultax, madankollu, li l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni ġġib magħha t-telf, b’mod permanenti u definittiv, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tal-kompetenza tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward. Skont il-mod kif tingħalaq il-proċedura min-naħa tal-Kummissjoni, jibqa’ għal kollox possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li japplikaw, sussegwentement, il-liġi tagħhom tal-kompetizzjoni (84).

80.      Fil-fatt, il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea hija żgurata permezz tal-koeżistenza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, iż-żewġ ordinamenti ġuridiċi japplikaw b’mod parallel (85). Din is-sitwazzjoni ma nbidlet bl-ebda mod bil-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea għall-implementazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, b’differenza minn dak li kienet inizjalment ipproponiet(86) il-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti li jkomplu jiġu applikati, fl-istess kawża, kemm ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni (l-Artikoli 81 u 82 KE, li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam.

81.      Ir-regoli tal-kompetizzjoni fuq livelli Ewropej u nazzjonali għandhom essenzjalment l-istess għan, li huwa dak tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (87). Madankollu, huma jevalwaw il-prattiki restrittivi taħt angoli differenti (88) u l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom ma jikkoinċidux (89). Anki wara iktar minn erbgħin sena li ngħatat, is-sentenza ta’ prinċipju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Walt Wilhelm, li jirreferu għaliha d-dikjarazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, ma tilfet xejn mir-rilevanza tagħha (90) — minn tal-inqas dwar dan il-punt. Huwa ċertament inkontestabbli li, minn dak iż-żmien, l-integrazzjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea għamlet progress kunsiderevoli u li l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-iskambji bejn l-Istati Membri ffavorixxiet it-twettiq tas-suq intern. Xorta jibqa’ l-fatt li għadd ta’ prodotti huma biss ikkummerċjalizzati fis-swieq nazzjonali jew reġjonali u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ dawn il-prodotti jistgħu jvarjaw ferm minn pajjiż għall-ieħor — saħansitra anki minn reġjun għal reġjun — sabiex ikun jista’ jingħad li jeżistu swieq Ewropej jew anki, a fortiori, internazzjonali. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, minħabba l-karatteristiċi nazzjonali u reġjonali, minbarra l-problemi ta’ kompetizzjoni transkonfinali li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 jew 82 KE (l-Artikoli 101 jew 102 TFUE), jirriżultaw lokalment problemi oħra ta’ kompetizzjoni, li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu biss jikkontrollaw bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward.

82.      Anki wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, il-fatt li bosta awtoritajiet tal-kompetizzjoni jieħdu kawża taħt il-kompetenza tagħhom u jeżaminawha minn perspettivi differenti, huwa kompatibbli mal-għanijiet u l-istruttura tad-dritt antitrust Ewropew (91). Is-sistema l-ġdida deċentralizzata għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt antitrust. F’dan ir-rigward, teżisti differenza fundamentali bejn is-sistema Ewropea għall-implementazzjoni tad-dritt antitrust, kif immodernizzata mir-Regolament Nru 1/2003, u r-riforma għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet li daħlet fis-seħħ fl-istess data (92).

83.      L-għan li tiġi żgurata, sa fejn huwa possibbli, l-applikazzjoni uniformi u effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew (93) fir-Regolament Nru 1/2003 ma jitwettaqx permezz tal-iffissar ta’ kompetenzi esklużivi ta’ diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, iżda pjuttost permezz tal-fatt li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jikkooperaw fil-kuntest tan-netwerk ECN, fejn jikkoordinaw reċiprokament l-azzjoni tagħhom (94). Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni hija f’dan ir-rigward żgurata permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 16 tar-Regolament Nru 1/2003.

84.      Sempliċi ħarsa lejn l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 turi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jikkonservaw id-dritt tagħhom li jaġixxu anki jekk il-Kummissjoni tkun diġà ħadet deċiżjoni hija stess. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma ċċaħħadx lill-awtoritajiet nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li jintervjenu wara l-Kummissjoni, iżda tipprekludihom milli jmorru kontra deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni (95).

85.      Huwa minnu li, mill-kliem tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dan ma jipprevedix l-applikazzjoni tad-dritt antitrust tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (jiġifieri l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 jew 82 KE, li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE). L-istess leġiżlazzjoni għandha madankollu a fortiori tapplika fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom l-intenzjoni japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom antitrust. Fil-fatt, peress li l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu awtorizzati japplikaw id-dritt tal-Unjoni wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandhom a fortiori jitħallew japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, bil-kundizzjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti tar-rank superjuri tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003.

86.      Ikun żbaljat jekk il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi interpretat b’mod daqshekk strett, kif huma intiżi li jagħmlu l-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali (96).

87.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jibdew proċeduri kontra l-membri ta’ akkordju li kontrihom il-Kummissjoni tkun għadha ma pproċedietx fid-deċiżjoni tagħha. Madankollu, f’dan ir-rigward irid jingħad li l-Artikolu 16(2) jirregola biss, b’mod ġenerali, ir-relazzjoni bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni “fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi” u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet diġà eżistenti tal-Kummissjoni Ewropea, ikun xi jkun l-għan tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-identità tad-destinatarji tagħhom. B’mod partikolari, dan jipprojbixxi lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata preċedentement mill-Kummissjoni. Għalhekk, huwa jistabbilixxi projbizzjoni ta’ deroga u jiggarantixxi b’hekk is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

88.      L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jibqa’ jiġi limitat għall-każ estremament rari ta’ konstatazzjoni preliminari tal-inapplikabbiltà tal-Artikoli 81 jew 82 KE (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) mill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 (97). Fil-fatt, b’differenza minn dak li jqisu l-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet, il-kliem tabilħaqq wiesa’ tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-istruttura tiegħu, li tqiegħdu fil-kapitolu relatat mal-“kooperazzjoni”, jiżguraw li din id-dispożizzjoni tiġbor fiha id-deċiżjonijiet prevedibbli li l-Kummissjoni tista’ tkun ħadet abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, mingħajr l-ebda limitazzjoni għal ċerta tip ta’ deċiżjoni.

89.      Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 lanqas ma għandha tkun fil-mira ta’ interpretazzjoni żbaljata, jiġifieri li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jċaħħad lill-awtoritajiet nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom antitrust mill-mument li l-Kummissjoni tkun hija stess adottat id-deċiżjoni. Huwa minnu li din il-premessa 18 għandha l-għan “li kull każ għandu jkun negozjat min awtorità waħda”. Din ma hijiex madankollu regola ġenerali li tikkaratterizza s-sistema kollha Ewropea tad-dritt antitrust abbażi tar-Regolament Nru 1/2003. Dan l-għan huwa fil-fatt marbut ma’ dispożizzjoni, li hija għal kollox konkreta, li tinsab fir-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri l-Artikolu 13 tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni, kull awtorità tal-kompetizzjoni fi ħdan l-ECN ċertament li għandha l-possibbiltà li tissospendi l-proċedura tagħha jew li tiċħad ilment li jkun tressaq quddiemha, meta awtorità oħra tal-ECN tkun diġà qed tittratta l-istess kawża. Madankollu, l-awtoritajiet ikkonċernati bl-ebda mod ma huma obbligati jipproċedu b’dan il-mod. L-Artikolu 13 u l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003, min-naħa l-oħra, jesprimu s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu minnha l-awtoritajiet, kif uniti fi ħdan l-ECN biex jiżguraw l-aqwa attribuzzjoni tal-kawżi fi ħdan in-netwerk.

90.      Fl-aħħar nett, il-prinċipju tal-proporzjonalità, meqjus mill-perspettiva tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi (l-Artikolu 5(4) TUE, it-tielet paragrafu tal-ex Artikolu 5 KE), ukoll jimmilita kontra interpretazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma rrilevati mill-kompetenza tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom antitrust mill-mument li l-Kummissjoni tkun hija stess bdiet il-proċedura. Dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirreferi għalih espressament il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003 (98), huwa ta’ importanza fundamentali u anki kostituzzjonali fis-sistema tat-trattati. Huwa jistabbilixxi li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għadhomx jeċċedu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. Ir-Regolament Nru 1/2003 għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-applikazzjoni effettiva, f’sistema deċentralizzata, tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (99), bl-għan ċar li l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun iggarantita (100). Biex dan jitwettaq mhux meħtieġ li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jiċċaħħdu b’mod permanenti u definittiv milli japplikaw il-leġiżlazzjoni antitrust nazzjonali tagħhom. Huwa biżżejjed li din il-kompetenza tiġi rtirata matul il-perijodu tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni u li jkunu obbligati, ladarba tingħalaq din il-proċedura, josservaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (101).

91.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-kontenut normattiv tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 huma biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jitilfux b’mod permanenti u definittiv is-setgħa tagħhom li japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom tal-kompetizzjoni meta l-Kummissjoni tiftaħ proċedura bl-għan li tadotta deċiżjoni abbażi tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu anzi jkunu huma stess li jagħtu deċiżjoni, wara li tingħalaq il-proċedura tal-Kummissjoni, fil-limiti tar-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem).

b)      Kunsiderazzjonijiet addizzjonali relatati mal-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni Ewropea

92.      Il-kawża preżenti hija kkaratterizzata, barra minn hekk, mill-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka titratta esklużivament — skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju — l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju inkwistjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri biss il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea.

93.      Kif espost iktar ’il fuq (102), l-Artikolu 81 KE ma kienx applikabbli fir-Repubblika Ċeka matul dan il-perijodu u lanqas ma jista’ jiġi estiż retroattivament għall-effetti antikompetittivi possibbli ta’ ksur kontinwu matul dan il-perijodu fir-Repubblika Ċeka.

94.      L-azzjoni konġunta tal-Artikoli 11(6) u 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tistax għalhekk, għal dan il-perijodu, tkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-kompetizzjoni bħall-dawk li jirriżultaw fir-Repubblika Ċeka mill-Artikolu 3 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Ma hemm ebda riskju ta’ kunflitt bejn il-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka għal dan il-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u lanqas ma hemm lok li jiġu evitati d-diverġenzi fl-evalwazzjoni bejn l-Artikolu 81 KE u l-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni. Din tal-aħħar ma tistax, a priori, tikkontradixxi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma kinitx applikabbli matul il-perijodu inkwistjoni.

95.      Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi kkunsidrat il-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, mill-għanijiet tas-sistema l-ġdida prevista fir-Regolament Nru 1/2003, din l-evalwazzjoni ċertament ssaħħaħ pjuttost milli topponi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Ir-rieda fundamentali li jinħolqu, fi ħdan is-suq intern, kundizzjonijiet omoġenji (103) tal-kompetizzjoni u li jkun hemm “(i)l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq” (104), tkun fundamentalment f’kontradizzjoni li kieku kien impossibbli li jiġu stabbiliti proċedimenti kontra akkordju f’ċertu parti tas-suq intern għal perijodu determinat (sakemm, għall-kumplament, il-kundizzjonijiet tad-dritt applikabbli fi Stat Membru jkunu sodisfatti u l-perijodu ta’ preskrizzjoni jkun għadu ma ddekorriex). Hija preċiżament l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali antitrust li kienet tikkostitwixxi fil-każ preżenti l-unika possibbiltà li jiġu ssanzjonati l-effetti antikompetittivi li setgħu nibtu mill-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea.

c)      Konklużjoni intermedjarja

96.      Fil-qosor, għaldaqstant, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6), moqrija flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tikkostitwixxix ostakolu permanenti u definittiv għall-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Din il-konklużjoni madankollu tapplika biss bir-riżerva ta’ restrizzjonijiet eventwali li jistgħu jirriżultaw mir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem). Din il-kwistjoni legali tal-aħħar fil-kawża preżenti hija indirizzata fit-taqsima segwenti.

2.      Ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem)

97.      Il-punt li għad irid jiġi eżaminat huwa jekk ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) tipprekludix, f’każ bħal dak preżenti, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

98.      Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 diġà ssanzjonat l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea. Huma jqisu għalhekk li l-multa li imponiet b’mod separat l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

99.      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt (105) u llum il-ġurnata jgawdi mir-rank tad-dritt fundamentali tal-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

100. Ir-rikonoxximent tiegħu fuq livell tal-Unjoni għandu l-konsegwenza li l-kamp tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem imur lil hinn mill-kawżi purament nazzjonali sabiex jestendi għal sitwazzjonijiet transkonfinali (106), u dan jiffavorixxi l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-għan li l-iskambji jkunu suġġetti għall-inqas projbizzjonijiet possibbli fis-suq intern.

a)      L-applikabbiltà tar-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet

101. Huwa paċifiku li, minħabba n-natura kważi penali tiegħu (107), il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri tal-multi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni (108). Madankollu, il-Kummissjoni xorta tiddubita l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kawża preżenti, minn tal-inqas inkwantu huwa kkonċernat l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

i)      L-applikabbiltà ratione materiae

102. Il-Kummissjoni ssostni li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma hijiex applikabbli fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Peress li fil-kawża preżenti l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka bbażat id-deċiżjoni tagħha biss fuq id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, ma kinitx marbuta bil-Karta.

103. Din l-oġġezzjoni ma hijiex rilevanti. Ċertament, huwa minnu li skont l-Artikolu 51 tagħha, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tapplika “għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplementaw il-liġi ta’ l-Unjoni” (109). Madankollu, is-sempliċi fatt li fil-kawża preżenti japplikaw ratione materiae d-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jfissirx li t-trattament ta’ din il-kawża ma huwa suġġett għal ebda rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni.

104. Kif diġà ssemma’ (110), ir-regoli proċedurali tar-Regolament Nru 1/2003 — b’differenza mir-regoli sostantivi tiegħu — huma fil-fatt applikabbli fir-Repubblika Ċeka mill-jum tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea. Ir-regoli u l-prinċipji relatati mad-delimitazzjoni tal-kompetenzi fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni, li ġie stabbilit mir-Regolament Nru 1/2003 (111) jagħmlu parti minnhom. Dawn ir-regoli u l-prinċipji għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mad-dritt primarju tal-Unjoni, fosthom id-drittijiet fundamentali.

105. Għaldaqstant, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma tistax, mill-1 ta’ Mejju 2004, timplementa l-proċedura antitrust abbażi tad-dritt intern tagħha tal-kompetizzjoni ħlief jekk u sakemm ir-Regolament Nru 1/2003, interpretat u applikat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, jagħtiha l-possibbiltà tagħmel dan.

106. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ikkodifikat mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jagħmel parti, b’mod partikolari, minn dawn id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni li wieħed irid jieħu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ manuvra li tibqa’ lill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jġibx miegħu biss konsegwenzi li jolqtu r-regoli sostantivi, iżda wkoll dawk proċedurali. Minbarra l-protezzjoni li jikkonferixxi fuq il-persuna inkriminata, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu wkoll l-għan li jevita kunflitti tal-kompetenza (misjuba bħala kunflitti pożittivi tal-kompetenza) bejn l-korpi differenti li jista’ possibbilment jitressqu quddiemhom kawża kriminali jew kwistjoni amministrattiva (112).

ii)    Applikabbiltà ratione temporis

107. Għall-finijiet ta’ eżawriment, ser inżid ukoll fil-qosor żewġ rimarki dwar l-applikabbiltà ratione temporis tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

108. Għandu qabelxejn jitfakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma kinitx għadha qed tipproduċi, fl-2006 u fl-2007, l-effetti legali vinkolanti meta paragunabbli ma’ dawk tad-dritt primarju (113). Bħala sors ta’ referenza legali, kienet tipprovdi madankollu — fil-kawża preżenti, b’mod partikolari l-Artikolu 50 tagħha — indikazzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali ggarantiti fuq livell tal-Unjoni (114). Dan huwa iktar u iktar minnu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 peress li l-preambolu tiegħu jirreferi espliċitament għall-Karta (115). Id-drittijiet fundamentali tal-Karta għandhom għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, jiġu osservati mill-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri mid-data li fiha dan ir-regolament sar applikabbli, kemm fl-Istati li kienu diġà membri kif ukoll fl-Istati Membri l-ġodda.

109. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jingħad li d-deċiżjoni inkwistjoni li permezz tagħha l-awtorità għall-kompetizzjoni Ċeka imponiet il-multi, tirreferi għal perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea. L-applikabbiltà ratione temporis tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex madankollu suġġetta għad-data li fiha seħħew il-fatti, iżda għal dik tal-ftuħ tal-proċedura kriminali jew tal-multa (116). Fl-2006, meta l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka fetħet il-proċedura tagħha għall-multa f’din il-kawża, ir-Repubblika Ċeka kienet diġà membru tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, marbuta tosserva l-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni.

110. Għalhekk ma hemm xejn li jipprekludi fl-aħħar mill-aħħar, lanqas mill-perspettiva ratione temporis, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni.

b)      Il-portata tal-garanzija li tirriżulta mir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet: X’inhu idem?

111. Sostantivament, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ikkodifikat mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jiġi mħarrek jew jiġi suġġett għal pieni kriminali abbażi ta’ ksur li fir-rigward tiegħu diġà ġie lliberat jew ikkundannat fl-Unjoni permezz ta’ sentenza definittiva.

112. Traspost għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata mill-ġdid jew li jinfetħu proċeduri ġodda kontriha abbażi ta’ aġir antikompetittiv li minħabba fih kienet ġiet ippenalizzata jew illiberata permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li saret res judicata (117).

113. Kif spiss jiġri fi proċeduri antitrust, il-kawża preżenti tikkonċerna l-kriterji li jridu jiġu applikati sabiex jiġi ddikjarat jekk l-impriżi kkonċernati ġewx ikkundannati jew suġġetti għal piena mill-ġdid minħabba l-istess aġir antikompetittiv, meta l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka imponiet multa fuqhom. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi ppreċiżata t-tifsira ta’ idem.

114. Il-qrati tal-Unjoni sa llum il-ġurnata qiesu, fil-kawżi dwar il-kompetizzjoni, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kienet suġġetta għall-kundizzjoni tripla tal-identità tal-fatti, ta’ min wettaq il-ksur u tal-interess ġuridiku protett (118). Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi għalhekk li l-istess persuna tiġi ppenalizzata iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi protett l-istess assi legali (119).

115. Fost il-kundizzjonijiet iċċitati, l-applikazzjoni tal-ewwel tnejn — l-identità tal-fatti u l-identità ta’ min wettaq il-ksur — ma hijiex kontroversjali. Min-naħa l-oħra, huwa t-tielet fatt li huwa kontroversjali, jiġifieri l-kriterju tal-identità tal-interess ġuridiku protett. Huwa abbażi ta’ dan l-aħħar kriterju li, fil-kawżi dwar il-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-applikazzjoni tar-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet fir-relazzjoni bejn l-Unjoni u Stati terzi (120).

116. F’oqsma legali oħra għajr dak tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma applikatx din it-tielet kundizzjoni. B’hekk, fi proċedura dixxiplinarja relatata mad-dritt tas-servizz pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha esklużivament fuq il-fatti (billi eżaminat jekk il-kwistjoni kinitx waħda ta’ “fatti differenti”) (121). Fir-rigward tar-regoli relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (l-Artikolu 54 tas-CISA (122) u l-mandat ta’ arrest Ewropew (123)), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll espressament il-kriterju tal-identità tal-interess ġuridiku protett (124). Hija tqis f’dan ir-rigward, f’ġurisprudenza stabbilita, li l-uniku kriterju rilevanti huwa dak tal-identità tal-fatti materjali, fis-sens tal-eżistenza ta’ sett ta’ ċirkustanzi konkreti marbuta b’mod inseparabbli (125).

117. Il-fatt li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi interpretat u applikat b’mod differenti skont il-qasam legali kkonċernat jikkawża dannu lill-unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-portata fundamentali tar-regola ne bis in idem bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, elevat għal-livell ta’ dritt fundamentali, iġġib magħha l-konsegwenza li l-kontenut tagħha ma għandux ikun sostanzjalment differenti abbażi tal-qasam legali kkonċernat (126). Sabiex jiġu ddeterminati l-garanziji li jikkonferixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ikkodifikat illum il-ġurnata fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu applikati l-istess kriterji għad-dritt kollu tal-Unjoni u għandhom jiġu koperti l-oqsma differenti tiegħu. Dan ġie ġustament sostnut mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA.

118. Xejn ma jiġġustifika oġġettivament li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi suġġett, fid-dritt tal-kompetizzjoni, għal kundizzjonijiet oħra mhux applikati f’oqsma oħra. Fil-fatt, peress li, fil-kuntest tal-Artikolu 54 tac-CISA, dan il-prinċipju għandu l-għan li jiggarantixxi l-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju tal-Unjoni bħala “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” (127), huwa jikkontribwixxi, fid-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex itejjeb u jiffaċilita l-attività tal-impriżi fis-suq intern u, finalment, sabiex jistabbilixxi l-istess kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE kollha (“level playing field”).

119. Fl-identifikazzjoni ta’ kriterji determinanti għall-kunċett ta’ idem, jeħtieġ li jitfakkar li, fid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa marbut ħafna ma’ dritt fundamentali misjub fil-KEDB (128), u b’mod iktar preċiż mal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, anki jekk dan il-protokoll sa llum il-ġurnata għadu ma ġiex irratifikat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni (129). Din il-viċinanza mal-KEDB ma tirriżultax biss mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, liema spjegazzjonijiet għandhom jingħataw l-attenzjoni li tixirqilhom mill-qrati tal-Unjoni u tal-Istati Membri (130), iżda wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħna dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni (131).

120. Il-prinċipju tal-omoġeneità (132), li abbażi tiegħu d-drittijiet tal-Karta li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti fil-KEDB, għandhom jingħataw l-istess sens u portata bħal dawk li tikkonferixxilhom l-imsemmija KEDB, huwa għalhekk applikabbli. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jistabbilixxi l-istandard minimu li għandu jiġi ggarantit fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni.

121. Wara perijodu twil ta’ inkonsistenza fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ idem, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiet, f’sentenza ta’ prinċipju tal-2009, li l-Artikolu 4 tal-KEDB jipprekludi li jitressqu proċeduri jew li tingħata sentenza lill-persuna fir-rigward tat-tieni reat, ikkostitwit minn fatti identiċi jew li huma essenzjalment l-istess (133). Dan ifisser li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tibbaża ruħha biss fuq l-identità tal-fatti, u tiċħad espressament il-klassifikazzjoni legali tagħhom (134). F’dan ir-rigward, hija stess tibbaża ruħha primarjament fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja (135). Barra minn hekk, hija tuża kliem li huwa tassew simili għal dak tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi t-tifsira ta’ fatti identiċi. Xejn ma jindika li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija initża, speċjalment fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tirrikonoxxi, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem xi garanziji ta’ portata inferjuri (136). Għall-kuntrarju: filwaqt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċertament tikkwota s-sentenza tagħna Aalborg Portland, bil-kriterju tal-interess ġuridiku protett, hija ma tibbażax ruħha fuqu għall-interpretazzjoni tagħha tal-prinċipju ta’ ne bis in idem (137).

122. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-identità tal-fatti (li neċessarjament tinkludi l-identità ta’ min wettaq il-ksur (138)) għandha minn issa ’il quddiem tikkostitwixxi l-uniku kriterju determinanti fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ idem fil-kuntest tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni.

123. Fil-każ taż-żamma tal-kriterju tal-identità tal-interess ġuridiku protett, din żgur li jkollha l-konsegwenza li l-qasam tal-applikazzjoni tar-regola tad-dritt tal-Unjoni relatata man-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet issir iktar stretta, u li l-portata tal-garanziji li hija toffri tibqa’ ’l bogħod mill-istandard minimu li jistabbilixxi l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB. Dan l-effett ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju tal-omoġeneità. Kif ser nuri iktar ’il quddiem (139), il-problemi li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, li l-Qorti tal-Ġustizzja sal-ġurnata ta’ llum solviet bl-għajnuna tal-kriterju tal-identità tal-interess ġuridiku protett, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod differenti — fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-identità tal-fatti.

124. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ddikjarat li d-determinazzjoni ta’ idem, fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, tiddependi biss fuq l-identità tal-fatti materjali, fis-sens tal-eżistenza ta’ sett ta’ fatti marbuta flimkien b’mod inseparabbli. Fi kliem ieħor, trid tkun l-istess sitwazzjoni jew sitwazzjoni li hija sostantivament identika.

c)      Applikazzjoni għall-kawża preżenti: in-nuqqas ta’ idem

125. Trasposta għall-kawża preżenti, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ idem li għadni kif esponejt, tfisser li hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (140) u dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka (141) ikoprux l-istess fatti materjali, jiġifieri l-istess sitwazzjoni jew sitwazzjoni li hija essenzjalment identika.

i)      It-territorju jew il-perijodu li fihom l-akkordju għandu jew jista’ jkollu effetti li jikkostitwixxu elementi essenzjali tas-sitwazzjoni

126. Ir-rikonoxximent tal-identità tal-fatti materjali huwa dejjem possibbli meta d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tikkonċerna l-istess akkordju. Il-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet jidhru li jagħtu preferenza lil din l-interpretazzjoni ferm wiesgħa tal-kunċett ta’ idem.

127. Madankollu, soluzzjoni bħal din tonqos milli tirrikonoxxi l-karatteristiċi li ġeneralment jippreżenta l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari tal-akkordji.

128. Hemm il-projbizzjoni u prosekuzzjoni tal-akkordji minħabba l-effetti ħżiena li għandhom fuq il-kompetizzjoni jew, minn tal-inqas, għaliex jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni. Fi kliem l-Artikolu 81(1) KE (l-Artikolu 101(1) TFUE): l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju, ikollhom is-sanzjonijiet imposti fuqhom mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, peress li l-aġir tagħhom għandu l-għan jew l-effett ta’ prevenzjoni, restrizzjoni jew tfixkil tal-kompetizzjoni.

129. Il-punt li jiġi stabbilit jekk l-impriżi adottawx aġir li għandu l-għan jew l-effett ta’ projbizzjoni, restrizzjoni jew tfixkil tal-kompetizzjoni ma jistax jiġi evalwat b’mod astratt, iżda dejjem fid-dawl ta’ ċertu perijodu u ċertu territorju (142). Effettivament, il-fatt issanzjonat abbażi tal-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) ma huwiex l-akkordju nnifsu, iżda l-applikazzjoni tiegħu (143). Din għandha l-effett li tippreġudika l-istruttura tal-kompetizzjoni, u dan jista’, definittivament, ikun ta’ dannu għall-konsumaturi fit-territorju inkwistjoni matul il-perijodu kkunsidrat.

130. Il-fatti materjali, li għalihom japplika minnufih il-prinċipju ta’ ne bis in idem, neċessarjament dejjem jinkludi għalhekk il-perijodu u t-territorju li fihom il-ftehim kollużiv kellu l-effett antikompetittiv (restrizzjoni tal-kompetizzjoni “permezz tal-effett”) jew seta’ kellu tali effett (restrizzjoni tal-kompetizzjoni “permezz tal-għan”). Dan ma għandux x’jaqsam mal-interess ġuridiku protett jew mal-klassifikazzjoni legali tal-fatti; il-konsegwenzi effettivi jew potenzjali tal-akkordju jikkostitwixxu, għall-kuntrarju, element indispensabbli tal-fatti li minħabba fihom jitressqu proċeduri mill-awtorità tal-kompetizzjoni kontra l-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-akkordju, liema proċeduri ma jistgħux jitressqu t-tieni darba (ne bis in idem) (144).

131. Ir-regola tad-dritt tal-Unjoni tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) tostakola l-impożizzjoni, minn diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew qrati, fi ħdan l-ispazju ekonomiku Ewropew, ta’ sanzjonijiet fir-rigward tal-istess effetti antikompetittivi kkawżati mill-istess akkordju, għal dak li jikkonċerna l-istess territorju u l-istess perijodu (145). Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem b’ebda mod ma jipprekludi l-fatt li diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew qrati fi ħdan iż-ŻEE jissanzjonaw ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni — permezz tal-effett jew permezz tal-għan — li jirriżulta mill-istess akkordju f’territorji differenti jew matul perijodu differenti.

132. A fortiori, il-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax il-fatt li jitressqu proċeduri fir-rigward ta’ akkordju ta’ portata mondjali, minn naħa, minn awtoritajiet fi ħdan iż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi fit-territorju rispettiv tagħhom (146). Dan jirriżulta wkoll mill-kliem tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jirreferi għall-ewwel kundanna definittiva jew għall-ewwel liberazzjoni definittiva “fl-Unjoni”.

133. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu l-għan li jipprekludi li jitressqu diversi proċeduri kontra impriżi u, jekk dan ikun il-każ, li jiġu ssanzjonati minħabba l-konsegwenzi antikompetittivi — permezz tal-effett jew permezz tal-għan — tal-aġir kollużiv tagħhom. Ma għandux bħala finalità li ma jissanzjonax il-konsegwenzi li jirriżultaw minn tali aġir antikompetittiv, f’territorju ddeterminat matul ċertu perijodu.

134. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet lanqas ma tista’ tapplika fil-kawża preżenti ħlief jekk u sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka jkoprux l-istess territorji u l-istess perijodi. Is-sempliċi fatt li dawn id-deċiżjonijiet ikkonċernaw akkordju wieħed biss fuq livell internazzjonali (“ta’ portata mondjali”) li ssokta b’mod kontinwu matul perijodu twil, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ idem.

ii)    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma jikkonċernawx l-istess konsegwenzi tal-akkordju

135. Il-punt dwar jekk id-deċiżjonijiet taż-żewġ awtoritajiet tal-kompetizzjoni jirreferux għall-istess sitwazzjoni jew għal sitwazzjoni li hija essenzjalment identika, b’mod li jikkonċernaw l-istess fatti materjali, hija, fil-prinċipju, kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti li, fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda tal-qorti nazzjonali (147).

136. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’din id-deċiżjoni, il-fatt li waħda mid-deċiżjonijiet inkwistjoni hija att tal-Kummissjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE (li sar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE), jiġifieri att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. L-interpretazzjoni ta’ att bħal dan taqa’ taħt il-kompetenza oriġinali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari (is-subinċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi kjarifiki lill-qorti tar-rinviju dwar il-portata tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet il-multi. Fid-dawl tal-kompitu tagħha li tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-indikazzjonijiet kollha li huma utli sabiex tiffaċilita s-soluzzjoni li għandha tingħata lill-kawża prinċipali (148), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel użu minn din il-possibbiltà.

137. Hija ħasra li la d-dispożittiv u lanqas il-premessi tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 ma jinkludu kjarifiki espliċiti dwar jekk il-multi imposti għandhomx l-għan li jissanzjonaw l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — permezz tal-għan jew permezz tal-effett — imwettqa fit-territorju tar-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea, jiġifieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004 (149). Huwa għalhekk permezz tal-interpretazzjoni li għandha tiġi ddeterminata l-portata eżatta tat-territorju li jirreferu għalih id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-multi imposti.

138. Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkopri t-territorju tar-Repubblika Ċeka, kemm għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kif ukoll għal dak sussegwenti. Bħala evidenza, huma jiċċitaw il-fatt li l-Kummissjoni titkellem dwar akkordju ta’ portata mondjali mingħajr ma teskludi espressament it-territorju tar-Repubblika Ċeka mill-kamp tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

139. Madankollu, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi interpretata b’mod differenti. Dan huwa sostnut, l-ewwel nett, bil-fatt li d-deċiżjoni mkien ma tindika li tkopri effettivament l-effetti antikompetittivi li setgħu nibtu mill-akkordju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni speċifikament tirreferi, f’diversi partijiet, għall-konsegwenzi tal-akkordju fil-Komunità Ewropea u fiż-ŻEE (150), u kultant tirreferi wkoll espliċitament għall-“Istati Membri ta’ dak iż-żmien” u l-Istati “li kienu partijiet kontraenti” fil-Ftehim ŻEE (151).

140. Il-fatt li l-Kummissjoni tirreferi, fid-deċiżjoni tagħha, għal akkordju ta’ portata mondjali jista’ jiġi estiż bħala spjegazzjoni tal-mod ta’ kif jiffunzjona l-akkordju u mhux neċessarjament bħala wieħed li jipprovdi informazzjoni dwar l-effetti antikompetittivi tal-akkordju li l-Kummissjoni finalment issanzjonat permezz tal-multi li imponiet. Ir-referenza li tagħmel il-Kummissjoni għad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-membri tal-akkordju (152) kellha biss l-għan li tqabbel id-dimensjoni relattiva tal-impriżi kkonċernati sabiex tkun tista’ tqis il-kapaċità effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu sostanzjali fis-suq tal-iswitchgear iżolat bil-gass, fiż-ŻEE (153).

141. Mill-kalkolu tal-multi jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha l-Istati li ssieħbu fl-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt hija ħadet bħali bażi għall-kalkolu tal-multi, id-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-akkordju fiż-ŻEE fl-2003, jiġifieri s-sena ta’ qabel it-tkabbir lejn il-Lvant tal-Unjoni Ewropea (154).

142. Raġuni oħra importanti għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tieħu inkunsiderazzjoni biss l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju fi ħdan iż-ŻEE hija li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistax jeċċedi dak tal-bażi legali tagħhom (155). Kif diġà ġie indikat, l-Artikolu 81 KE ma kienx applikabbli fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fil-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni ma setgħet teżerċita l-ebda dritt sovran f’dan it-territorju qabel l-1 ta’ Mejju 2004 (156). Madankollu, li kieku l-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni li timponi multi fuq l-impriżi, fir-rigward tat-territorju Ċek, għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, kienet teċċedi l-limiti tal-kompetenza tagħha.

143. Skont ġurisprudenza stabbilita, att Komunitarju għandu jiġi interpretat, kemm jista’ jkun, b’mod li ma jaffettwax il-validità tiegħu (157). Meta att tad-dritt derivat tal-Unjoni jista’ jkollu iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li trendi d-dispożizzjoni konformi mat-Trattat KE, pjuttost lil dik li twassal għad-dikjarazzjoni tal-inkompatibbiltà ma’ dan tal-aħħar (158).

144. B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li l-multi imposti ma jissanzjonawx l-ksur tal-kompetizzjoni fit-territorju tar-Repubblika Ċeka qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea.

145. Għalhekk, hemm lok li jiġi ddikjarat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiġbor fiha ebda konsegwenzi antikompetittivi — permezz tal-effett jew permezz tad-dritt — tal-akkordju kontenzjuż fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fil-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, filwaqt li d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma imponietx multi — skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju —ħlief għal dan it-territorju u għal dan il-perijodu. Konsegwentement, jekk iż-żewġ deċiżjonijiet ċertament li għandhom fil-mira tagħhom ksur li jirriżulta mill-istess akkordju ta’ portata mondjali, il-fatti li fuqhom huma msejsa huma madankollu differenti (159).

146. Fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u dik tal-awtorità Ċeka tal-kompetizzjoni ma jikkonċernawx għalhekk l-istess fatti materjali, b’mod li, meta adottat id-deċiżjoni tagħha, l-awtorità Ċeka tal-kompetizzjoni ma kisritx ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem).

3.      Konklużjoni intermedjarja

147. Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, fuq impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, bil-għan li jiġu ssanzjonati l-effetti li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, jekk u sa fejn il-multi li l-Kummissjoni Ewropea tkun imponiet preċedentement fuq dawn l-istess membri tal-akkordju ma kinux intiżi li jissanzjonaw l-imsemmija effetti.

VI – Konklużjoni

148. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti segwenti għad-domandi preliminari:

1)      L-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma humiex applikabbli, fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, għall-perijodi qabel din id-data ta’ adeżjoni, anki jekk il-kwistjoni tikkonċerna l-prosekuzzjoni ta’ akkordju ta’ portata mondjali li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, u li seta’ jipproduċi effetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni.

2)      Fil-każ li fih il-Kummissjoni tiftaħ proċedura abbażi tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 kontra tali akkordju, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat ma titlifx, skont l-Artikolu 11(6), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-kompetenza tagħha li tissanzjona, skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’perijodi qabel is-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea.

3)      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, fuq impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, bil-għan li jiġu ssanzjonati l-effetti li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, jekk u sa fejn il-multi li l-Kummissjoni Ewropea tkun imponiet preċedentement fuq dawn l-istess membri tal-akkordju ma kinux intiżi li jissanzjonaw l-imsemmija effetti.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tiegħu, dan ir-regolament għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2004.


3 –      Sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, Ġabra p. 1).


4 –      Úřad pro ochranu hospodářské soutěže.


5 –      Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33).


6 –      Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 1, p. 3).


7 –      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet solennement ipproklamata l-ewwel darba fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice imbagħad għal darba oħra fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasbourg (ĠU 2007, C 303, p. 1, u ĠU 2010, C 83, p. 389).


8 –      ĠU 2004, C 101, p. 43.


9 –      L-Artikolu 2(2) tat-Trattat ta’ Adeżjoni [trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, Ir-Repubblika tal-Latvja, Ir-Repubblika tal-Litwanja, Ir-Repubblika tal-Ungerija, Ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea (JO 2003, L 236, p. 17)].


10 –      Zákon č. 63/1991 Sb., o ochraně hospodářské soutěže.


11 –      Zákon č. 143/2001 Sb., o ochraně hospodářské soutěže.


12 –      Is-switchgear insulat bil-gass iservi sabiex jikkontrolla l-fluss tal-enerġija fin-netwerks elettriċi. Dan huwa materjal elettriku tqil, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi prinċipali tal-kmamar tad-dawl u jirrappreżenta bejn 30 u 60 % tal-ispejjeż globali tagħhom. Il-funzjoni ta’ switchgear insulat bil-gass huwa li jipproteġi t-transformer f’każ ta’ żieda fil-kurrent u/jew li jiġi insulat ċirkwit jew transformer li jkun difettuż. Is-switchgear jista’ jkun insulat bil-gass jew bl-arja jew bit-tnejn li huma meta ż-żewġ tekniki preċedenti jiġu kkumbinati.


13 –      L-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma kinitx l-unika waħda li fetħet proċeduri f’din il-kawża. Xi wħud mill-partijiet indikaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kienet l-awtorità Slovakka tal-kompetizzjoni stess li bdiet il-proċeduri kontra l-akkordju kontenzjuż (Deċiżjonijiet 2007/KH/1/1/109 tas-27 ta’ Diċembru 2007 u 2009/KH/R/2/035 tal-14 ta’ Awwissu 2009), proċeduri li wkoll kienu taw lok għal proċedura ġudizzjarja quddiem it-tribunal reġjonali (Krajský soud) ta’ Bratislava (referenza 4 S 232/09).


14 –      Ara r-raba’ kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.


15 –      It-talba għal klemenza ġiet ippreżentata fit-3 ta’ Marzu 2004 mill-impriża Svizzera ABB.


16 –      Skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-ispezzjonijiet saru fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004 fil-bini ta’ AREVA, Siemens, VA Tech u Hitachi (ara l-premessa 90 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni).


17 –      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u skont l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.899 — Switchgear iżolat bil-gass), ippubblikata bin-numru C(2006) 6762 finali, sommarju misjub fil-ĠU 2008, C 5, p. 7; il-verżjoni sħiħa ta’ din id-deċiżjoni tista’ titniżżel minn fuq l-internet bl-Ingliż biss u f’verżjoni mhux kunfidenzjali, mill-indirizz elettroniku segwenti: <http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/index.html>.


18 –      Il-Kummissjoni tinvoka “[a] single and continuous infringement” (il-premessi 270 u 299 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni); il-ksur iddikjarat fl-Artikolu 53 ŻEE ma jikkonċernax ħlief il-perijodu li beda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 1994, il-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE (ara l-premessi 3 u 322 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni).


19 –      Il-premessi 3, 218 u 248 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.


20 –      Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tistabbilixxi arranġament ġenerali, li abbażi tiegħu l-impriżi Ġappuniżi ma kinux jintervjenu fis-suq Ewropew, filwaqt li l-impriżi Ewropej kienu jagħmlu l-istess fis-suq Ġappuniż.


21 –      Din hija ABB Ltd.


22 –      Ara wkoll f’dan ir-rigward l-istqarrija għall-istampa IP/07/80 tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007.


23 –      Ir-rikors għal annullament tal-kumpannija Ġermaniża Siemens AG kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġie miċħud fl-intier tiegħu permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni (T‑110/07, Ġabra p. II-477). Il-proċeduri mressqa minn Siemens AG Österreich et kellhom suċċess marġinali fir-rigward tal-tul tal-ksur ikkonstatat u l-ammont tal-multi; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens et vs Il-Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra p. II-793). Ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn AREVA et kisbu biss suċċess parzjali u wasslu għal ċertu tnaqqis fil-multi imposti; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu, AREVA et vs Il-Kummissjoni (T‑117/07 u T‑121/07, Ġabra p. II-633). Dawn is-sentenzi ċċitati huma suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-kawżi Il-Kummissjoni vs Siemens et (C‑231/11 P), Siemens Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (C‑232/11 P), Siemens Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (C‑233/11 P), Siemens vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P), Areva vs Il-Kummissjoni et (C‑247/11 P) u Alstom et vs Il-Kummissjoni (C‑253/11 P). Rikorsi oħra għal annullament, li fid-data tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura preliminari, kienu għadhom pendenti, ġew parzjalment miċħuda u parzjalment milqugħa: ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni (T‑112/07, Ġabra p. II—3871), Toshiba vs Il-Kummissjoni (T‑113/07, Ġabra p. II-3989), Fuji Electric vs Il-Kummissjoni (T‑132/07, Ġabra p. II-4091) u Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni (T‑133/07, Ġabra p. II-4219).


24 –      Bir-referenza S 222/06-3113/2007/710.


25 –      Referenza R 059-070, 075-078/2007/01-08115/2007/310.


26 –      L-awtorità ddikjarat, għall-perijodu sat-30 ta’ Ġunju 2001, ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 63/1991, u, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u t-3 ta’ Marzu 2004, ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 143/2001 dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni.


27 –      Għal darba oħra din hija ABB Ltd.


28 –      L-ogħla multa individwali kienet ta’ CZK 107 248 000.


29 –      Krajský soud v Brně.


30 –      Referenza 62 Ca 22/2007-489.


31 –      Nejvyšší správní soud.


32 –      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


33 –      Referenza Afs 93/2008-920.


34 –      L-Artikolu 110(3) tal-Liġi Nru 150/2002 Sb. li jistabbilixxi l-kodiċi proċedurali amministrattiv (Zákon č. 150/2002 Sb., soudní řád správní).


35 –      Referenza 62 Ca 22/2007-124.


36 –      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub u orali konġunti għall-kumpanniji Fuji Electric Holdings Co. u Fuji Electric Systems Co. Ltd.


37 –      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub u orali konġunti għall-kumpanniji Hitachi Ltd., Hitachi Europe Ltd. u Japan AE Power Systems Corporation.


38 –      Kienet biss il-kumpannija Ġermaniża Siemens AG li ppreżentat nota; din tal-aħħar, Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo SA kienu rrappreżentati konġuntivament waqt is-seduta.


39 –      European Competition Network (“ECN”)


40 –      Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, Ġabra p. I‑371, punti 35 sa 37); ara fl-aħħar lok, fl-istess sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2011, Semerdzhiev (C‑32/10, Ġabra p. I-71, punt 25).


41 –      Ara l-punt 30 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 –      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, Ġabra p. I-8889, punti 24, 25, 27, 30 u 32).


43 –      Iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999.


44 –      Il-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet diġà esprimew l-opinjoni tagħhom dwar l-Artikolu 11(6) tar-Regolament u l-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari. Madankollu ma nqisx li huwa meħtieġ li dawn iż-żewġ punti jiġu eżaminati f’dan l-istadju, u hawnhekk ser nirreferi biss għall-osservazzjonijiet tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari (ara l-punti 69 sa 147 iktar ’l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet).


45 –      Il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala wieħed uniku u kontinwu tifforma l-bażi kemm tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Il-Qorti Amministrattiva Suprema Ċeka tistqarr li r-regoli tal-kompetizzjoni ġew miksura darbtejn, skont jekk il-perijodu kkonċernat huwiex dak ta’ qabel jew ta’ wara l-1 ta’ Mejju 2004, madankollu l-kwistjoni għandha tkun biss li unità ta’ ċirkustanzi tkun suġġetta għal evalwazzjonijiet legali distinti.


46 –      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1982, Bout (21/81, Ġabra p. 381, punt 13); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bavaria (C‑120/08, Ġabra p. I-3393, punti 40 u 41), u tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et (C‑369/09 P, Ġabra p. I-2011, punt 98).


47 –      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9); tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan (C‑61/98, Ġabra p. I‑5003, punt 13), u tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punt 27).


48 –      Dwar il-klassifikazzjoni tar-regola proċedurali fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, ara l-punt 73 iktar ’l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49 –      Sentenza Bavaria (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 41).


50 –      Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (143/73, Ġabra p. 1433, punt 8); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, Ġabra p. I‑1049; punt 50); tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C‑428/08, Ġabra p. I-6765, punt 66), u Bavaria (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 41).


51 –      Huwa biżżejjed li l-akkordju jkun ta’ natura li jipproduċi tali effetti (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punti 38, 39 u 43; fl-istess sens, ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, b’mod partikolari l-punti 16 u 17, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punti 55 u 63).


52 –      Fl-istess sens, ara s-sentenza tat-18 ta’ Frar 1971, Sirena (40/70, Ġabra p. 69, punt 12), fir-rigward tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE.


53 –      Is-sentenzi Bout (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 13), Salumi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 9), Pokrzeptowicz-Meyer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 49), Bavaria (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 40) u ISD Polska et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 98).


54 –      Ara f’dan ir-rigward, fl-aħħar lok, il-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ April 2011 fiż-żewġ kawżi Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, Ġabra p. I-0000, punt 329, u C‑110/09 P, Ġabra p. I-5611, punt 170), u r-referenzi l-oħra ċċitati hemmhekk.


55 –      Dan huwa ammess minn Hitachi stess fin-nota tagħha.


56 –      L-Artikolu 3(1) u (2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, l-ewwel fil-verżjoni tagħha tal-Liġi Nru 63/1991 Sb., imbagħad f’dik tal-Liġi Nru 143/2001 Sb.


57 –      Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Ċeka min-naħa l-oħra (ĠU 1994, L 360, p. 2), iffirmat fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Ottubru 1993 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1995.


58 –      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tiegħu, ir-Regolament Nru 1/2003 għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2004.


59 –      Is-sentenza Walt Wilhelm (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 4 u 6).


60 –      Sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I‑3565, punti 68 u 69); tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager (C‑420/06, Ġabra p. I‑1315, punt 59), u tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, Ġabra p. I-3015, punt 61).


61 –      Bl-osservazzjoni, mingħajr dubju, tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.


62 –      Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ Ottubru 2004 fil-kawża Berlusconi et (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punti 159 u 160).


63 –      Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Berlusconi et (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 161).


64 –      Ara f’dan ir-rigward il-punti 69 sa 147 iktar ’l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65 –      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, u b’mod partikolari l-punti 62 u 63).


66 –      Ara l-punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67 –      Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Frar 1989 fil-kawża Hoechst vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859), konġunta mal-kawża Dow Chemical Ibérica et, l-Avukat Ġenerali Mischo jenfasizza li r-rikorrenti fil-kawża Dow Chemical Ibérica ma kinux qed jiddubitaw il-kompetenza tal-Kummissjoni li tissanzjona aġir min-naħa tagħhom li ppreċeda l-adeżjoni sa fejn ikkawżaw u kienu għadhom qed jikkawżaw effetti antikompetittivi fis-suq komuni (punt 213). Barra minn hekk, huwa jistqarr li l-verifiki li l-Kummissjoni kienet ser twettaq fir-rigward tal-kumpanniji Spanjoli wara l-adeżjoni ta’ Spanja setgħu wkoll iservu bħala provi kontra l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra (punt 215). Huwa jżid jgħid li, min-natura tagħhom, l-investigazzjonijiet jistgħu biss jikkonċernaw il-fatti li seħħew fil-passat, anki jekk l-aġir inkwistjoni jkompli fil-preżent (punt 216).


68 –      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed tad-29 ta’ Ġunju 2006 fil-kawża ASML (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, C‑283/05, Ġabra p. I‑12041, punti 28 u 29).


69 –      Punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70 –      Fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68), l-Avukat Ġenerali jenfasizza li “is-sitwazzjoni attwali hija rregolata” mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003. Fir-rigward tal-effetti futuri, l-Avukat Ġenerali jistqarr li d-deċiżjoni li ser tittieħed (skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003) “ser ikollha impatt fuq il-funzjonament tar-reġistru propost”.


71 –      Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta u Forsberg (C‑43/95, Ġabra p. I‑4661); tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C‑122/96, Ġabra p. I‑5325, punt 14); tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle (C‑302/97, Ġabra p. I‑3099); tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C‑355/97, Ġabra p. I‑4977); tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, Ġabra p. I‑10497, punt 55), u tal-11 ta’ Jannar 2001, Stefan (C‑464/98, Ġabra p. I‑173, punt 21).


72 –      Is-sentenza Saldanha u MTS (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71, punt 14, l-enfasi hija tiegħi); fl-istess sens, ara riċentement is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, Ġabra p. I-3787, punt 53), dwar il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni; ara s-sentenza Stefan (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71), minn fejn jirriżulta li l-Artikolu 73B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) ma kienx applikabbli fl-Awstrija qabel id-data tal-adeżjoni (punt 22) u li att li huwa diġà null ma jistax jiġi rregolarizzat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (punt 35).


73 –      ĠU 2003, L 236, p. 344.


74 –      Ara f’dan ir-rigward il-punt 42 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75 –      L-1 ta’ Mejju 2004 ma hijiex biss id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka u ta’ disa’ Stati Membri oħra fl-Unjoni Ewropea, iżda wkoll dik tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tiegħu.


76 –      Tali proċeduri abbażi tal-Kapitolu III jinkludu, b’mod partikolari, dawk li għandhom l-għan li jistabbilixxu u li jwaqqfu ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE (l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003) u li bħala riżultat tagħhom jistgħu wkoll jiġu imposti l-multi (l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003).


77 –      L-ewwel sentenza tal-premessa 17 tar-Regolament Nru 1/2003.


78 –      Il-ftuħ ta’ proċedura teħtieġ att ta’ awtorità mill-Kummissjoni, li juri r-rieda tagħha li tipproċedi għal deċiżjoni abbażi tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 (f’dan is-sens, fir-rigward tas-sitwazzjoni legali preċedenti, ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 1973, Brasserie de Haecht, 48/72, Ġabra p. 77, punt 16). Fil-kawża preżenti, dan l-att ġie adottat fl-20 ta’ April 2006 (ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq). Kuntrarjament għal dak li jsostnu wħud mill-partijiet, il-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda preċedentement ma humiex ekwiparabbli ma’ ftuħ formali tal-proċedura.


79 –      Skont il-punt 51 tal-komunikazzjoni netwerk, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jitilfu l-kompetenza tagħhom biex japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE, li jfisser li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux iktar jaġixxu fuq l-istess bażi legali. Il-punt 53 tal-komunikazzjoni netwerk iżid jgħid li, ladarba il-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistgħux iktar jibdew il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.


80 –      Ara l-ġurisprudenza stabbilita f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, Ġabra p. 3781, punt 12); tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923, punt 41), u tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, Ġabra p. I-9217, punt 49).


81 –      Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2011, Tele 2 Polska (C‑375/09, Ġabra p. I-3055, punt 33).


82 –      Il-partijiet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni li jibqgħu applikabbli huma msemmija fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ippreċiżati fil-premessi 8 u 9 tar-regolament.


83 –      Minn issa ’il quddiem ser nillimita ruħi għall-espożizzjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) u r-regoli nazzjonali korrispondenti. Ma hemmx lok, fil-kawża preżenti, li jiġi eżaminat b’mod speċifiku l-Artikolu 82 KE (l-Artikolu 102 TFUE).


84 –      Jekk il-Kummissjoni pereżempju tkun ċaħdet, minħabba n-nuqqas ta’ interess tal-Unjoni, ilment imressaq minn terz, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jibqgħu liberi li jieħdu konjizzjoni tal-kawża inkwistjoni u li japplikaw fir-rigward tagħha l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE (li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE), kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali antitrust tagħhom, billi tiżgura b’dan il-mod l-obbligu tagħhom li josservaw l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003.


85 –      Is-sentenzi Walt Wilhelm (iċċitata iktar ’il fuq fl-aħħar sentenza tal-punt 3 tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 3); tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, Ġabra p. I‑7975, punt 61), u tat-13 ta Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 38).


86 –      Skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 kellu jkollu l-kliem segwenti: “Meta ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn l-impriżi jew prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu [81 KE] jew l-isfruttament abbużiv minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu [82 KE], tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, id-dritt tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] huwa applikabbli bl-esklużjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni” (proposta COM(2000) 582 finali, ara ĠU 2000, C 365 E, p. 284).


87 –      Ara f’dan is-sens l-ewwel sentenza tal-premessa 9 tar-Regolament Nru 1/2003, fejn il-kwistjoni hija waħda ta’ “protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq”.


88 –      Is-sentenza Walt Wilhelm (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 3); ara barra minn hekk is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1980, Giry u Guerlain et (253/78 u 1/79 sa 3/79, Ġabra p. 2327, punt 15); tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (C‑67/91, Ġabra p. I‑4785, punt 11); tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791, punt 19); Milk Marque u National Farmers’ Union (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt 61), u Manfredi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt 38).


89 –      Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Compañía Española de Comercialización de Aceite (C‑505/07, Ġabra p. I‑8963)


90 –      Is-sentenza Manfredi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt 38), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat mill-ġdid il-ġurisprudenza Walt Wilhelm, ingħatat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, għalkemm dwar fatti li seħħew qabel id-data ta’ din ir-riforma. Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006, fil-kawża SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 23), l-Avukat Ġenerali Geelhoed jidher li għandu opinjoni differenti dwar il-validità tal-ġurisprudenza Walt Wilhelm; madankollu kienet biss rimarka aċċessorja f’nota ta’ qiegħ il-paġna, li bl-ebda mod ma hija mmotivata.


91 –      Fil-punti 12 u 14 tagħha, il-komunikazzjoni netwerk tipprevedi li l-istess kawża tista’ tiġi ttrattata simultanjament minn massimu ta’ tliet awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.


92 –      Fil-kontroll Ewropew tal-amalgamazzjonijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali minn dejjem titwarrab meta jkun applikabbli d-dritt tal-Unjoni; mill-bqija, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi applikat ħlief mill-Kummissjoni (prinċipju tal-esklużività doppja); ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 21(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


93 –      Il-premessi 8, 17 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003; ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC (C‑439/08, Ġabra p. I-12471, punt 19), u tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, Ġabra p. I-5161, punt 19).


94 –      Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll l-ewwel sentenza tal-premessa 8 u l-premessa 17. Ara, barra minn hekk, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, X (C‑429/07, Ġabra p. I‑4833, punti 20 u 21), u Tele2 Polska (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 26), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, ir-Regolament Nru 1/2003 kien stabbilixxa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, fil-kuntest tal-prinċipju ġenerali tal-kooperazzjoni leali.


95 –      L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sempliċement jikkodifika ġurisprudenza preeżistenti; ara s-sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C‑234/89, Ġabra p. I‑935, punt 47), u tad-29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, Ġabra p. I‑5039, punt 19).


96 –      L-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ma jistax ikollha l-effett li tirtira kwalunkwe effettività tar-redazzjoni ċara u preċiża ta’ dik id-dispożizzjoni (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Komunità Ewropea, C‑199/05, Ġabra p. I‑10485, punt 42, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑437/04, Ġabra p. I‑2513, punt 56 in fine).


97 –      Kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjonijiet abbażi tal-Artikolu 10 jittieħdu biss “f’każi eċċezzjonali fejn hu obbligu minħabba l-interess pubbliku [tal-Unjoni] ”.


98 –      Il-premessa 34 tar-Regolament Nru 1/2003.


99 –      Ara l-premessi 8 u 34 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll, b’mod kumplimentari, il-premessi 1, 5 u 6.


100 –      Il-premessi 17 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003.


101 –      Ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li diġà ssemma’.


102 –      Ara f’dan ir-rigward il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari (punti 37 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


103 –      Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1/2003.


104 –      L-ewwel sentenza tal-premessa 9 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara wkoll, fl-istess sens, il-premessa 25).


105 –      Ġurisprudenza stabbilita; ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni (18/65 u 35/65, Ġabra p. 149, b’mod partikolari p. 172); tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (“LVM”, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 59), u tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni (“Showa Denko”, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 50).


106 –      Ara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17 [31]). L-elementi transkonfinali tar-regola tad-dritt tal-Unjoni tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet jirriżultaw b’mod partikolarment nett mill-Artikolu 54 tas-CAAS (dwar dan, ara b’mod partikolari s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain (C‑297/07, Ġabra p. I‑9425).


107 –      Dwar in-natura kważi-kriminali, ara l-provi fil-punt 54 iktar ’il fuq.


108 –      Ġurisprudenza stabbilita; ara s-sentenzi LVM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 59); tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (“Aalborg Portland”, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 338 sa 340), u Shova Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 50).


109 –      Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tal-5 ta’ April 2011 fil-kawża pendenti Scattolon (C‑108/10, punti 116 sa 120).


110 –      Ara l-punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


111 –      Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003.


112 –      Ara f’dan ir-rigward il-Green Paper dwar Konflitti ta’ Ġurisdizzjoni u l-Prinċipju ta’ ne bis in idem fil-Proċedimenti Kriminali ippreżentat mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Diċembru 2005 [Com(2005) 696 finali], u b’mod partikolari r-rimarki introduttivi misjuba fit-Taqsima 1 (“L-Isfond”).


113 –      Huwa biss mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009 li l-Karta ta-Drittijiet Fundamentali għandha l-istess valur legali bħat-trattati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) UE).


114 –      Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37), u tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 38); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Settembru 2005 fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 108) u tad-29 ta’ April 2010 fil-kawża Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, C‑550/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 36).


115 –      Il-premessa 35 tar-Regolament Nru 1/2003.


116 –      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, Ġabra p. I‑2333, punti 21 sa 24).


117 –      Is-sentenza LVM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 59).


118 –      Is-sentenza Aalborg Portland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 108, punt 338).


119 –      Is-sentenza Aalborg Portland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 108, punt 338).


120 –      Is-sentenzi Showa Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, b’mod partikolari il-punti 52 sa 56); tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punti 28 sa 32), u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punti 24 sa 30).


121 –      Is-sentenza Gutman vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, p. 172).


122 –      Konvenzjoni għall-applikazzjoni tal-ftehim ta’ Schengen (“CAAS”), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 2000 L 239, p. 19).


123 –      Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34.).


124 –      Is-sentenza Van Esbroek (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punt 32).


125 –      Is-sentenzi Van Esbroek (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punti 27, 32 u 36); tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, Ġabra p. I‑9199, punt 54); tat-28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C‑150/05, Ġabra p. I‑9327, punti 41, 47 u 48); tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C‑367/05, Ġabra p. I‑6619, punt 26 u 28), u tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, Ġabra p, I-11477, punt 39).


126 –      F’dan is-sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston tal-15 ta’ Ġunju 2006 fil-kawża Gasparini et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125, punt 156).


127 –      Sentenza Van Esbroeck (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punti 33 sa 35); ara wkoll is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125, Gasparini et (punt 27) u Van Straaten (punti 45 sa 47, 57 u 58), kif ukoll is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Kretzinger (C‑288/05, Ġabra p. I‑6441, punt 33).


128 –      Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950).


129 –      Erba’ Stati Membri tal-Unjoni (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq) għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Nru 7 tal-KEDB.


130 –      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) UE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


131 –      Is-sentenzi LVM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 59) u Showa Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 50).


132 –      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) UE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


133 –      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (Awla Manja) tal-10 ta’ Frar 2009 (Nru 14939/03, § 82, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet): “[…] l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 għandu jinftiehem fis-sens li jipprojbixxi li jinfetħu proċeduri kontra persuna jew li persuna tiġi ġġudikata għat-tieni ‘ksur’ inkwantu dan għandu fl-oriġini tiegħu fatti identiċi jew fatti li huma essenzjalment l-istess” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


134 –      Is-sentenza Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133, § 81).


135 –      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi Van Esbroek (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116) u Kraaijenbrink (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125), li minnha tirriproduċi xi estratti fis-sentenza tagħha Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133, §§ 37 u 38).


136 –      Fis-sentenza tagħha Jussila vs Il-Finlandja (Awla Manja) tat-23 ta’ Novembru 2006 (Nru 73053/01, § 43, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2006-XIV), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tinkludix id-dritt tal-kompetizzjoni fil-kategoriji tradizzjonali tad-dritt kriminali u tqis li lil hinn mill-“qafas” tad-dritt kriminali, il-garanziji offruti mill-parti kriminali tal-Artikolu 6 mhux neċessarjament għandhom japplikaw fir-rigorożità kollha tagħhom. Is-sentenza Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133) madankollu ma fihiex dikjarazzjonijiet simili, li jistgħu jindikaw li d-dritt tal-kompetizzjoni jokkupa wkoll pożizzjoni partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.


137 –      Fis-sentenza tagħha Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133, § 36), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkwota estratt mis-sentenza Aalborg Portland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 108, punt 338) fejn il-kwistjoni hija waħda tal-identità tal-interess ġuridiku protett.


138 –      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrikonoxxi wkoll ir-rekwiżit tal-identità tal-persuna li tkun wettqet il-ksur, fis-sentenza tagħha Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133, § 84). Hemmhekk hija tirreferi għat-“totalità ta’ ċirkustanzi fattwali konkreti li jimplikaw l-istess persuna li wettqet ir-reat, marbuta flimkien b’mod inseparabbli fiż-żmien u fl-ispazju”; l-enfasi hija tiegħi. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


139 –      Ara dwar dan, il-punti 125 sa 134 iktar ’l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari l-punti 131 sa 133.


140 –      Ara f’dan ir-rigward il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


141 –      Ara f’dan ir-rigward il-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


142 –      B’“territorju”, wieħed ma għandux jifhem hawnhekk is-suq inkwistjoni fuq livell ġeografiku, fis-sens tal-analiżi tal-kompetizzjoni, iżda ż-żona li fiha l-aġir inkwistjoni għandu bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tfixkil tal-kompetizzjoni.


143 –      Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281, punt 6); fl-istess sens, ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, punt 16).


144 –      Huwa f’dan is-sens li wieħed jista’ wkoll jifhem is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punti 68 u 69, flimkien mal-punt 64). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza hemmhekk li “l-identiċità tal-fatti ma teżistix” (punt 69) meta s-sanzjonijiet imposti abbażi tal-applikazzjoni jew tal-effetti tal-akkordju għandhom bħala għan is-“suq” (punt 69) jew it-“territorji” (punt 66) differenti; din il-kawża kienet tikkonċerna, minn naħa, it-territorju ta’ pajjiż terz u min-naħa l-oħra, it-territorju tal-Komunità Ewropea ta’ dak iż-żmien.


145 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Showa Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 54).


146 –      Ara wkoll, mill-ġdid, is-sentenza Archer Daniels Midland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 144, punti 68 u 69).


147 –      Ġurisprudenza stabbilita; ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel (36/79, Ġabra p. 3439, punt 12); tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C‑265/04, Ġabra p. I‑923, punt 54); tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, Ġabra p. I-8015, punt 41), u tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et (C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, Ġabra p. I-8069, punt 62).


148 –      Ġurisprudenza stabbilita; ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C-49/07, Ġabra 2008 p. I-4863)


149 –      B’hekk, fil-premessa 478 tad-deċiżjoni tagħha, pereżempju, il-Kummissjoni tistqarr li l-ksur “ġie kommess għallinqas fit-territorju kollu taż-ŻEE” (“the infringement covered at least the whole territory of the EEA”).


150 –      Ara, pereżempju, il-premessi 2, 218, 248 u 300 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni; ara barra minn hekk l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fejn huwa paċifiku li l-ksur kien jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’akkordji u prattiki miftiehma fiż-ŻEE.


151 –      Il-premessa 18 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni; ara fl-istess sens, il-premessi 321 u 322.


152 –      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 478, 481 u 482 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.


153 –      Is-sentenza Archer Daniels Midlands (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 144, punti 73 u 74).


154 –      Il-premessa 478 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.


155 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑65/04, Ġabra p. I‑2239, punt 27).


156 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari (punti 37 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet); ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni (T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II-1443, punt 40).


157 –      Sentenza Sturgeon et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80, punt 47); ara fl-istess sens is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑403/99, Ġabra p. I‑6883, punt 37).


158 –      Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (218/82, Ġabra p. 4063, punt 15); tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑135/93, Ġabra p. I‑1651, punt 37), u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 28).


159 –      Kieku jkollu madankollu jirriżulta li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka imponiet ukoll sanzjonijiet għall-perijodu ta’ wara 1 ta’ Mejju 2004, jkun hemm biss idem sa’ dak l-estent — jiġifieri biss għall-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju fir-Repubblika Ċeka wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni Ewropea.