Language of document : ECLI:EU:C:2013:338

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Mejju 2013 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Trasport — Direttiva 91/440/KEE — Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja — Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14 — Assenza fit-tul ta’ bilanċ finanzjarju — Artikoli 6(1) u 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440 — Assenza ta’ miżuri ta’ inċentivi tal-amministratur tal-infrastruttura — Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14 — Kalkolu tat-tariffa għall-aċċess minimu”

Fil-Kawża C-512/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-26 ta’ Ottubru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u K. Herrmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar kif ukoll minn K. Bożekowska-Zawisza u M. Laszuk, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u T. Müller kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-entità li lilha ġie fdat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali elenkati fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341), kif emendata bid-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 251, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”) tkun indipendenti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport ferrovjarju;

–        billi ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tiżgura ruħha fil-ħin bil-bilanċ finanzjarju tal-ġestjoni tal-infrastruttura;

–        billi naqset milli tintroduċi sistema ta’ inċentivi xierqa sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur sabiex inaqqas l-ispejjeż u t-tariffi ta’ użu tal-infrastruttura; u

–        billi ma żguratx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet relatati mat-tariffa tal-infrastruttura ferrovjarja li tinsab fid-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227),

ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440, l-Artikoli 4(2), 6(2) u (3), 7(3), 8(1) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 kif ukoll l-Artikolu 6(1) ta’ din l-aħħar direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 7(3) sa (4) tad-Direttiva 91/440 kien jipprovdi:

“3. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu lill-maniġer ta’ l-infrastruttura, waqt li jikkunsidraw kif imiss l-Artikoli [73 KE], [87 KE] u [88 KE] tat-Trattat, finanzjament konsistenti ma’ l-inkarigi, id-daqs u r-rekwiżiti finanzjarji, b’mod partikolari sabiex ikopru investimenti ġodda.

4. Fil-qafas ta’ politika ġenerali stabbilita mill-Istat, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jagħmel pjan kummerċjali li jinkludi programmi ta’ investiment u dawk finanzjarji. Il-pjan għandu jkun iddisinjat biex jassigura l-użu u l-iżvilupp ottimu u effiċjenti ta’ l-infrastruttura waqt li jassigura bilanċ finanzjarju u jipprovdi mezzi biex jintlaħqu dawn l-oġġettivi.”

3        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14 kien miktub kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet, inklużi meta approprjat ħlasijiet bil-quddiem, biex jaċċertaw li, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul minn piżijiet ta’ l-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn fuq in-naħa l-oħra. Bla ħsara għall-iskop possibbli fit-tul ta’ koperta ta’ l-utent ta’ l-ispejjeż infrastrutturali għall-modi kollha tat-trasport abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta, kompetizzjoni non-diskriminatorja bejn il-modi varji, meta t-trasport bil-ferrovija jista’ jikkompeti ma’ modi oħrajn tat-trasport, fil-qafas tat-tarifffi ta’ l-Artikoli 7 u 8, Stat Membru jista’ jeħtieġ lill-amministratur ta’ l-infrastruttura jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħar fondi ta’ l-Istat.

2.      Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet ta’ l-aċċesss.

3.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-dispożizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’ poteri adegwati.

[...]”

4        Skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [it-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastruttura ta’ servizzi huma ugwali għall-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju].”

5        L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magħmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetittività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija. Is-sistema tal-piżijiet għandha tirrispetta ż-żidiet akkwistati minn impriżi tal-ferroviji.

Iżda l-livell tal-piżijiet m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn li jiflaħ għaliha s-suq.”

 Id-dritt Pollakk

 Il-liġi tas-sena 2000

6        L-Artikolu 15 tal-liġi dwar il-bejgħ, ir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni tal-impriża pubblika Polskie Koleje Państwowe (ustawa o komercjalizacji, restrukturyzacji prywatyzacji przedsiębiorstwa państwowego “Polskie Koleje Państwowe”), tat-8 ta’ Settembru 2000 (Dz. U. ta’ 2000, Nru 84, pożizzjoni 948), fil-verżjoni tagħha li tapplika għal din il-kawża (iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ 2000”), jipprovdi:

“1. PKP SA għandha toħloq kumpannija b’responsabbiltà limitata responsabbli biex tamministra l-linji ferrovjarji, li taħdem taħt l-isem ‘PKP Polskie Linie Kolejowe Spółka Akcyjna’, imsejħa iktar ’il quddiem ‘PLK SA’.

[...]

4.      PLK SA għandha ssir l-amministratriċi tal-linji tal-ferrovija fis-sens tal-[liġi dwar it-trasport ferrovjarju (ustawa o transporcie kolejowym), tat-28 ta’ Marzu 2003 (Dz. U. ta’ 2007, Nru° 16, pożizzjoni 94, iktar ’il quddiem il-‘liġi dwar it-trasport ferrovjarju’].”

 Il-liġi dwar it-trasport ferrovjarju

7        Skont l-Artikolu 33(1) sa (8) tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju:

“1. L-amministratur [tal-infrastruttura] għandu jistabbilixxi l-ammont tat-tariffi dovuti għall-użu tal-infrastruttura mit-trasportaturi ferrovjarji.

2.      It-tariffa bażika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija ffissata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża, sostnuta mill-amministratur, li hija direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

3.      It-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għandha tkun komposta mit-tariffa bażika u minn tariffi komplementari.

3a.      Fil-kuntest tat-tariffa bażika, l-amministratur għandu japplika tariffa separata għal

1)      l-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja li tinkludi s-servizzi msemmija fil-paragrafu (1) tat-taqsima I tal-anness tal-liġi;

2)      l-aċċess għall-faċilitajiet marbuta mal-manutenzjoni tal-ferroviji li jinkludu s-servizzi msemmija fil-paragrafu (2) tat-taqsima I tal-anness għal-liġi.

4.      It-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja hija kkalkolata billi jiġu mmultiplikati l-movimenti tal-ferroviji mar-rati unitarji stabbiliti skont il-kategorija tal-linja ferrovjarja u t-tip ta’ ferrovija, u dan b’mod separat għat-trasport tal-passiġġieri u dak tal-merkanzija.

4a      L-amministratur jista’ japplika rata unitarja minima tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja. Ir-rata minima għandha tapplika skont il-modalitajiet ekwivalenti għal kull trasportatur ferrovjarju tal-passiġġieri għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja marbut mal-attivitajiet imwettqa skont il-kuntratt ta’ servizz pubbliku.

[…]

4c.       It-tariffa bażika ta’ aċċess għat-tagħmir marbut mal-manutenzjoni tal-ferroviji hija kkalkolata billi jiġu mmultiplikati s-servizzi ordnati mar-rati unitarji korrispondenti, li l-ammont tagħhom ivarja skont it-tip ta’ servizzi msemmija fil-paragrafu (2) tat-taqsima I tal-anness għal-liġi.

5.      Ir-rata unitarja tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja hija stabbilita skont kull ferrovija, għal kull kilometru ta’ vjaġġ.

5a.      L-amministratur, biex jiffissa r-rati unitarji tat-tariffa bażika, għandu jnaqqas mill-ammont previst tal-ispejjeż għal provvista tal-infrastruttura ferrovjarja lit-trasportaturi ferrovjarji s-sussidju previst għar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura li jkun ġej mill-baġit tal-Istat jew tal-awtoritajiet lokali u r-riżorsi previsti provenjenti mill-Fondi tal-ferroviji.

[…]

5c.       Iż-żieda fir-rati unitarji tat-tariffa bażika għat-trasport ferrovjarju ta’ persuni mwettqa skont kuntratt ta’ servizzi pubbliċi, matul il-perijodu ta’ validità tal-ħinijiet fis-sens tal-Artikolu 30(5) ma tistax taqbeż il-livell tal-indiċi tal-inflazzjoni previst fl-abbozz ta’ liġi finanzjarja tas-sena rilevanti.

6.      L-amministratur huwa marbut li jippubblika, skont il-prattika fis-seħħ, l-ammont u t-tipi ta’ rati tat-tariffa bażika u dawk supplimentari, filwaqt li jagħmel distinzjoni bejn it-trasport ta’ passiġġieri u t-trasport ta’ merkanzija.

7.      Ir-rati unitarji tat-tariffa bażika u tat-tariffi supplimentari, esklużi t-tariffi għall-użu tar-rotot, għandhom jintbagħtu flimkien mal-kalkoli tal-ammont tagħhom, lill-President tal-[Uffiċċju tat-Trasport Ferrovjarju].

8.      Il-President tal-[Uffiċċju tat-Trasport Ferrovjarju] għandu japprova r-rati msemmija fil-paragrafu 7 [ta’ dan l-artikolu], f’terminu ta’ 30 jum minn meta jirċevihom, jew jirrifjuta li japprovahom jekk huwa jikkonstata ksur tar-regoli msemmija fil-paragrafi [2-6 ta’ dan l-artikolu], fl-Artikolu 34 jew għad-dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 35”.

8        L-Artikolu 38a(1) u (2) tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju jipprovdi li:

“1.      Il-Ministru responsabbli mit-Trasport jista’ jikkofinanzja, mill-baġit tal-Istat jew mill-Fondi tal-ferroviji, l-ispejjeż għar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, sabiex inaqqas l-ispejjeż u l-ammont tat-tariffi ta’ użu, jekk l-infrastruttura tiġi pprovduta mill-amministratur skont il-prinċipji ddefiniti fil-liġi.

2.      Il-missjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq abbażi ta’ kuntratt konkluż bejn il-Ministru responsabbli mit-Trasport u l-amministratur għal perijodu ta’ 3 snin jew iktar”.

 Ir-Regolament Ministerjali tal-2009

9        Ir-Regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (rozporządzenie Ministra Infrastruktury w sprawie warunków dostępu i korzystania z infrastruktury kolejowej), tas-27 ta’ Frar 2009 (Dz. U. ta’ 2009, Nru 35, pożizzjoni 274, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ministerjali tal-2009”), jipprovdi fl-Artikolu 6 tiegħu:

“It-tariffa bażika msemmija fl-Artikolu 33(4) tal-[liġi dwar it-trasport ferrovjarju] hija kkalkolata billi jiġu mmultiplikati n-numru ta’ kilometri ta’ ferrovija mwettqa mar-rata applikabbli għall-kategorija tal-linja tal-ferrivja kkonċernata, stabbilita billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-traffiku medju ta’ kull ġurnata u l-veloċità teknika ammessa billi jiġu inklużi l-limitazzjonijiet permanenti, kif ukoll it-tip ta’ ferrovija u l-massa grossa totali tal-ferrovija, iddefiniti mir-rotta miftehma.”

10      Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Ministerjali tal-2009:

“Ir-rati unitarji tat-tariffa bażika msemmija fl-Artikolu 6 huma ffissati għal:

1)      il-ferroviji ta’ passiġġieri,

2)      il-ferroviji ta’ merkanzija.”

11      L-Artikolu 8 tar-Regolament Ministerjali tal-2009 jipprovdi:

“1.      Sabiex jikkalkola r-rati ta’ provvista tal-infrastruttura ferrovjarja, l-amministratur jieħu inkunsiderazzjoni:

1)      l-ispejjeż diretti li jkopru:

a)      l-ispejjeż ta’ manutenzjoni,

b)      l-ispejjeż ta’ operat tat-traffiku,

c)      id-deprezzament;

2)      spejjeż indiretti tal-attività li jkopru l-ispejjeż raġonevoli tal-amministratur, minbarra dawk imsemmija fil-punti 1 u 3;

3)      ispejjeż finanzjarji marbuta mar-rimbors tas-self li l-amministratur ikun daħal għalih sabiex jiżviluppa u jimmodernizza l-infrastruttura pprovduta;

4)      xogħol ta’ operat iddefinit għall-kategoriji differenti ta’ linji u ta’ ferroviji msemmija fl-Artikolu 7.

2.      Ir-rata tvarja skont il-kategorija ta’ linja tal-ferrovija u tal-massa totali grossa tal-ferrovija, filwaqt li huwa ppreċiżat li din ir-rata tikkorrispondi maż-żieda ta’ dawn il-parametri.

3.      Ir-rati għaċ-ċaqliq tal-ferroviji msemmija fl-Artikolu 7, li jikkonċernaw l-istess kategorija ta’ linja u l-istess massa totali grossa, għandhom ikunu ugwali.

4.      Ir-rati għall-ferroviji msemmija fl-Artikolu 7 huma ppreżentati bħala tabella, fejn il-linji differenti tagħha jirrigwardaw il-massa grossa ta’ ferroviji u l-kolonni tagħha jirrigwardaw il-linji ferrovjarji.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

12      Fl-10 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni indirizzat kwestjonarju lill-awtoritajiet Pollakki sabiex tiżgura ruħha mill-fatt li dan l-Istat Membru kien korrettament ittraspona d-Direttivi 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, li temenda d-Direttiva 91/440 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376), 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 401), u 2001/14 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“ewwel pakkett ferrovjarju”), fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu. L-awtoritajiet Pollakki wieġbu għal dan il-kwestjonarju permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2007.

13      Fil-21 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni talbet kjarifiki addizzjonali li r-Repubblika tal-Polonja pprovditilha permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2007.

14      Fis-26 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika tal-Polonja, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju. L-irregolaritajiet prinċipali identifikati kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ PLK SA u l-ġbir tat-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura.

15      Fis-26 ta’ Awwissu 2008, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni.

16      Fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja opinjoni motivata li fiha, minn naħa, akkużatha li ma ħaditx il-miżuri neċessarji biex tiggarantixxi l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja fil-konfront tat-trasportaturi ferrovjarji u, min-naħa l-oħra, hija stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tiegħu.

17      B’ittra tad-9 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għal din l-opinjoni motivata billi kkontestat in-nuqqasijiet li ġiet akkużata bihom mill-Kummissjoni.

18      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2011, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Taljana ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

20      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ April 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija rrinunzjat għall-atti tal-ewwel ilment tar-rikors tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 kif ukoll tal-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14.

21      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar din ir-rinunzja għall-atti, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-ilment.

 Fuq ir-rikors

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza fit-tul ta’ bilanċ finanzjarju

 L-argumenti tal-partijiet

22      Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li ma ħaditx il-miżuri xierqa biex tiżgura fil-ħin l-bilanċ finanzjarju tal-amministratur tal-infrastruttura, jiġifieri PLK SA, bi ksur tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li jirriżulta mit-tweġiba ta’ dan l-Istat Membru għall-opinjoni motivata li l-ispejjeż u d-dħul ta’ PLK SA kienu suġġetti għal bilanċ finanzjarju fis-sena 2012 biss.

23      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-bilanċ finanzjarju tal-amministratur tal-infrastruttura jintlaħaq jekk jittieħed inkunsiderazzjoni r-riżultat tal-operat qabel it-tnaqqis tad-deprezzamenti. Issa, minn imkien ma jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 li l-bilanċ finanzjarju għandu jintlaħaq billi jiġu integrati l-ispejjeż tad-deprezzament, u b’mod partikolari dawk tal-linji ferrovjarji li huma, jew li fil-futur mhux ser jintużaw iktar, b’mod li l-ispejjeż tar-rinnovazzjoni eventwali tagħhom ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura.

24      Fir-rigward tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 91/440, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, minn naħa, l-Artikoli 33 sa 35 tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju, li tikkonċerna t-tariffi li għandhom jitħallsu mit-trasportaturi ferrovjarji, jiggarantixxu l-finanzjament tal-infrastruttura ferrovjarja u li, min-naħa l-oħra, il-baġit tal-Istat u l-Fond tal-ferroviji, li permezz tagħhom jistgħu jiġu ffinanzjati l-ispejjeż ta’ rinnovazzjoni u ta’ manutenzjoni tal-istruttura skont l-Artikoli 38 u 38a ta’ din il-liġi, jikkostitwixxu t-tieni sors ta’ finanzjament. Id-dħul ta’ PLK SA miksuba fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet minbarra l-provvista tal-infrastruttura ferrovjarja jikkostitwixxu t-tielet sors ta’ finanzjament tagħha.

25      F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 91/440, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li PLK SA tipprepara, hekk kif jeħtieġu l-istatuti tagħha, pjanijiet finanzjarji annwali, li l-programmi ta’ investiment annwali tagħhom, li għandhom jiġu żviluppati b’mod li jiġi ggarantit il-finanzjament tagħhom permezz ta’ sorsi differenti, jikkostitwixxu wieħed mill-elementi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet xierqa sabiex il-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, għandhom tal-inqas jibbilanċjaw dħul minn tariffi ta’ użu tal-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn min-naħa l-oħra.

27      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri mhux li jiżguraw li l-kontabbiltà ta’ profitti u telf tal-amministratur tal-infrastruttura tiġi bbilanċjata, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, iżda unikament li jiġi pprovdut il-finanzjament neċessarju sabiex ir-riżultat tal-operat qabel it-tnaqqis tad-deprezzamenti jkun ibbilanċjat.

28      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, jekk, skont il-prinċipji ta’ kontabbiltà, id-deprezzament jirrappreżenta mhux “spiża”, kunċett li jimplika trasferimenti ta’ flus, iżda oneru mingħajr ħruġ ta’ flus, l-użu ta’ dan it-terminu fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jistax madankollu jitqies li huwa determinanti sa fejn it-tieni subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu jirreferi, fil-każ tiegħu, għal “spejjeż infrastrutturali”.

29      Sussegwentement għandu jiġi rrilevat, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-użu tat-termini “ħlasijiet bil-quddiem” fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn jidhru li jissuġġerixxu qabelxejn li l-obbligu msemmi f’din id-dispożizzjoni għandu bħala għan li jipproteġi mhux biss il-bilanċ tal-kontabbiltà, iżda l-likwidità tal-amministratur, jista’ jikkostitwixxi argument favur l-interpretazzjoni sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja.

30      Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/440, li jipprevedu rispettivament, fil-paragrafi (3) u (4) tiegħu, minn naħa, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu lill-amministratur tal-infrastruttura finanzjament suffiċjenti fir-rigward tal-inkarigi, id-daqs u r-rekwiżiti finanzjarji tiegħu, u min-naħa l-oħra, l-obbligu għall-amministratur tal-infrastruttura li jistabbilixxi pjan kummerċjali li jippermetti li jintlaħaq il-bilanċ finanzjarju fil-kuntest tal-politika ġenerali adottata mill-Istat, għandhom preċiżament l-għan li jiggarantixxu l-likwidità tal-amministratur tal-infrastruttura.

31      B’konsegwenza, jekk jiġi interpretat f’dan is-sens li l-obbligu li tiġi bbilanċjata l-kontabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura kien intiż mhux sabiex jipproteġi l-bilanċ tal-kontabbiltà, iżda l-likwidità tiegħu, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jkollux kamp ta’ applikazzjoni tiegħu meta pparagunat ma’ dak tal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440.

32      Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-elenkar tad-deprezzament tal-attivi jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 35(1)(b) tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu [44(2)(g) KE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 21), obbligu ta’ kontabbiltà li mingħajru l-kontijiet annwali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata bħal PLK SA ma jistgħux jagħtu, skont ma huwa previst fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, stampa vera u ġusta tal-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija.

33      Għandu jiġi rrilevat ukoll, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-obbligu li l-valur tal-attivi jiġi ddeprezzat ma jiddependix mill-kwistjoni jekk l-impriża għandhiex l-intenzjoni li ġġedded element tal-attiv immobilizzat jew le.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, hemm lok li l-obbligu previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal bilanċ finanzjarju tal-kontabbiltà ta’ profitti u telf tal-amministratur tal-infrastruttura.

35      Nuqqas ta’ bilanċ fil-kontabbiltà ta’ profitti u telf tal-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex madankollu suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi konkluż li l-Istat Membru inkwistjoni ma ssodisfax l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(1). Fil-fatt sabiex ikun hemm tali konklużjoni għandu barra minn hekk jiġi stabbilit, skont il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, li n-nuqqas ta’ bilanċ fil-kontabbiltà jseħħ “taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli”.

36      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-PLK SA takkumula t-telf f’livell ekwivalenti għal dak indikat mir-Repubblika tal-Polonja fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, ikun impossibbli li jintlaħaq il-bilanċ finanzjarju previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14. Minbarra dan, il-Kummissjoni tqis li dan l-Istat Membru ma tax lill-amministratur tal-infrastruttura finanzjament suffiċjenti fir-rigward tal-inkarigi tiegħu, id-daqs tiegħu u r-rekwiżiti finanzjarji tiegħu.

37      Skont l-informazzjoni mogħtija fir-rikors, id-defiċit ta’ PLK SA żdied minn 2 % fl-2006 għal 10 % (skont il-previżjonijiet) fl-2009. Matul l-istess perijodu, il-finanzjament mill-Istat żdied minn 10.8 % għal 19.3 % (skont il-previżjonijiet), filwaqt li l-kopertura tal-ispejjeż mid-dħul provenjenti mit-tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura naqset b’mod parallel minn 79.4 % fl-2006 għal 64.4 % fl-2009 (skont il-previżjonijiet).

38      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni madankollu li huwa previst li, fl-2015, l-Istat ikopri l-ispejjeż marbuta mal-infrastruttura sal-livell ta’ 37.5 %; u dan ser jinvolvi, fil-fehma tagħha, tnaqqis sostanzjali fir-rati tat-tariffi għat-trasportaturi ferrovjarji.

39      Fil-kontroreplika tagħha, il-Polonja tfakkar li hija ppreżentat, fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata, il-pjan governattiv li jipprevedi ż-żieda fil-finanzjament lill-amministratur tal-infrastruttura, li għandha bħala għan il-bilanċ tal-baġit fl-2012. Barra minn hekk, l-Istat Membru inkwistjoni jikkontempla li jilħaq il-bilanċ tal-baġit ukoll fl-istadju tal-pjanifikazzjoni tad-dħul u tal-ispejjeż ta’ PLK SA. Filwaqt li tindika li r-riżultat finali ser jiddependi mis-sitwazzjoni ekonomika, ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża li fl-2009, ġie rreġistrat tnaqqis fil-volum tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija bi 17 % meta pparagunat mas-sena preċedenti.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jinkludi ebda preċiżazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju dwar il-“perjodu raġonevoli”, li skont it-termini tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, p. 32), direttiva li ħassret, b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/14 mill-15 ta’ Diċembru 2012, ma jistax jaqbeż ħames snin.

41      F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess li r-Repubblika tal-Polonja tat l-ewwel sussidju ta’ 340 miljun zloty Pollakki (PLN) lil PLK SA fl-2006, wara li l-amministratur beda l-attivitajiet tiegħu. Is-sussidju statali annwali żdied għal PLN 900 miljun fl-2010, biex laħaq PLN 1 200 miljun fl-2012, li hija s-sena li matulha għandu jintlaħaq il-bilanċ finanzjarju. Fl-aħħar nett, matul is-snin sussegwenti, huwa previst li l-imsemmi sussidju għandu jiżdied b’PLN 100 miljun kull sena.

42      Skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċess, in-netwerk ferrovjarju Pollakk huwa kkonċentrat ħafna, fi stat ħażin u, fil-parti l-kbira tiegħu, ma tantx iħalli profitt. Minbarra dan, l-amministrazzjoni indipendenti tal-infrastruttura ferrovjarja bdiet biss reċentement, u l-ewwel sussidju statali ngħata fl-2006. Fl-istess ħin, minkejja l-għoti repetut ta’ finanzjamenti mill-Istat Pollakk lill-amministratur tal-infrastruttura, id-dħul ta’ dan tal-aħħar naqas, parzjalment minħabba l-kriżi ekonomika sinjifikattiva li qed tħabbat wiċċha magħha l-Unjoni Ewropea. L-ippjanar finanzjarju mwettaq mill-Istat Pollakk jipprevedi madankollu li jintlaħaq il-bilanċ finanzjarju fl-2012.

43      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Polonja ma ddefinixxietx il-kundizzjonijiet xierqa biex il-kontabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura, f’kundizzjonijiet normali ta’ attività u fir-rigward ta’ perijodu raġonevoli, juru tal-inqas bilanċ bejn, minn naħa, id-dħul minn tariffi ta’ użu tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż infrastrutturali.

44      Għaldaqstant, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministratur inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-ammont tat-tariffi ta’ aċċess

 L-argumenti tal-partijiet

45      Il-Kummissjoni ssostni li, bil-fatt li naqset milli tintroduċi, skont ma jipprovdi l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, skema ta’ inċentivi sabiex tinkoraġġixxi lill-amministratur inaqqas l-ispejjeż tal-infrastruttura u l-ammont tat-tariffi ta’ aċċess għal din l-infrastruttura, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

46      Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 38a tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju ma joħloqx skema ta’ inċentivi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess.

47      L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, jekk id-Direttiva 2001/14 tipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jieħdu miżuri ta’ inċentivi sabiex iżidu l-effikaċja tal-amministratur tal-infrastruttura, madankollu hija ma tiddefinixxix in-natura tal-miżuri stess.

48      Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li l-Ministru inkarigat mit-trasport jiddeċiedi kull sena, ma’ PKP SA, kumpannija li hija 100 % kkontrollata mit-Teżor pubbliku, mill-opportunità li jagħti kumpensi lill-membri tal-kunsill ta amministrazzjoni ta’ PLK SA bl-għan li jżid l-effikaċja tal-amministratur tal-infrastruttura.

49      Ir-Repubblika tal-Polonja ssemmi wkoll strumenti oħra għat-tmexxija tal-impriżi applikabbli fir-rigward ta’ PLK SA, bħad-deċiżjoni li ma jiġux imposti l-ispejjeż tas-servizzi ta’ protezzjoni tal-linja fuq l-ispejjeż tat-tariffa ta’ aċċess għall-infrastruttura, iżda li dawn is-servizzi jiġu ffinanzjati permezz ta’ fondi miksuba mill-kumpannija fil-kuntest ta’ tipi ta’ attività oħra, kif ukoll il-fatt li tissuġġetta l-ammont tal-fondi pubbliċi allokati għall-attività operattiva tal-amministratur għall-effikaċja tal-attività tiegħu.

50      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Artikolu 33 tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju, li skont dan ir-rati unitarji ta’ tariffi huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-President tal-Uffiċċju tat-Trasport Ferrovjarju, jikkostitwixxi implementazzjoni suffiċjenti tal-miżuri regolatorji msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14.

51      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li r-rekwiżit ta’ miżuri ta’ inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess jikkostitwixxi l-għan finali tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, jiġifieri sitwazzjoni li għandha tintlaħaq. Issa, kif tipprevedi espliċitament din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet minn qabel għal dan il-għan. Għaldaqstant, l-Istat Membru, meta jipprova jilħaq dan l-għan, għandu jiżgura s-sigurtà, iż-żamma u t-titjib tal-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura.

52      Ir-Repubblika Ċeka żżid li, f’sitwazzjoni fejn l-infrastruttura hija miżmuma ħażin ħafna, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti. F’dan il-każ, il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn l-Istat Membru u l-amministratur tal-infrastruttura dwar il-finanzjament tal-ispejjeż ta’ tiswija jew ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura hija miżura li hija intiża li tilħaq l-għan finali stabbilit fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 u li għandha titqies li hija suffiċjenti fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istat tal-infrastruttura.

53      Fit-tweġiba tagħha għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni ssostni li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 hija żbaljata.

54      Skont din l-istituzzjoni, ma jirriżultax minn din id-dispożizzjoni li l-obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ inċentivi li huwa previst minnha jiddependi mill-istat tal-infrastruttura ferrovjarja. Bil-kontra, tali obbligu jeżisti waħdu. Għalhekk, il-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż ta’ tiswija u manutenzjoni tal-infrastruttura, li ma jinvolvix miżuri li jinċentivaw lill-amministratur sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess, ma tissodisfax l-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55      Mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li l-amministratur tal-infrastruttura huwa, filwaqt li josserva r-rekwiżiti fil-qasam ta’ sigurtà, kif ukoll iżomm u jtejjeb il-kwalità tas-servizz ta’ infrastruttura, imħeġġeġ minn miżuri ta’ inċentivi sabiex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-ammont ta-tariffi ta’ aċċess għall-użu tagħha.

56      L-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-obbligu li jirriżulta mill-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu għandu jiġi implementat kemm fil-kuntest ta’ kuntratt pluriannwali, konkluż bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità kompetenti, li jipprevedi l-finanzjament mill-Istat, kemm minn miżuri regolatorji xierqa, li jipprevedu s-setgħat neċessarji.

57      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 38a(1) u (2) tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju, jekk huwa previst bħala għan it-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-ammont tat-tariffi ta’ użu, madankollu jonqos milli jiddefinixxi l-mekkaniżmu li jservi bħala inċentiv li permezz tiegħu dan l-għan għandu jintlaħaq.

58      Minbarra dan, ma huwiex ikkontestat li din il-liġi ma tistabbilixxix miżuri regolatorji li jipprevedu s-setgħat neċessarji sabiex l-amministratur tal-infrastruttura jagħti akkont tal-amministrazzjoni tiegħu lil awtorità kompetenti, skont ma jipprevedi l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14.

59      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja ma ssostnix li l-miżuri li hija tinvoka, imsemmija fil-punti [47 u 48] ta’ din is-sentenza, anki jekk jiġi presuppost li huma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala miżuri li jagħtu inċentivi fis-sens tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, huma inklużi f’kuntratt pluriannwali ta’ finanzjament skont ma huwa previst fil-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu.

60      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argumenti tar-Repubblika Ċeka, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, jekk jirriżulta mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat tal-infrastruttura fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu, huma xorta għandhom l-obbligu kemm li jikkonkludu kuntratti pluriannwali ta’ finanzjament li jinkludu miżuri ta’ inċentivi, kif ukoll li jistabbilixxu kuntest leġiżlattiv xieraq għal dan il-għan.

61      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, hemm lok li jiġi konkluż li t-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha huwa fondat.

 Fuq ir-raba’ lment, dwar il-kalkolu tat-tariffa għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja

 L-argumenti tal-partijiet

62      Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja ma ssodisfatx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14.

63      Hija ssostni li l-kunċett ta’ “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija” fis-sens tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jirreferi għal dak tal-“ispiża marġinali”. Dan tal-aħħar jikkorrispondi biss, fil-fehma tal-Kummissjoni, mal-ispejjeż li jinħolqu mill-movimenti effettivi tal-ferroviji, u mhux mal-ispejjeż fissi li jkopru, barra l-ispejjeż marbuta mal-operat tas-servizz ferrovjarju, l-ispejjeż ġenerali relatati mal-funzjonament tal-infrastruttura li jridu jitħallsu anki fl-assenza ta’ moviment tal-ferroviji.

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja rrikonoxxiet, fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, li l-livell tar-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura kien jiddependi mix-xogħlijiet previsti fir-rigward tal-operat, mill-ispiża prevista għall-provvista tal-infrastruttura ferrovjarja fil-kuntest tal-aċċess minimu u mill-finanzjament previst għat-tiswija u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. Issa, dawn il-fatturi ma humiex direttament marbuta mal-ispejjeż diretti li jirriżultaw mill-operat, iżda huma intiżi sabiex jirkupraw l-ispejjeż kollha inkorsi mill-amministratur.

65      Għal dak li jikkonċerna l-possibbiltajiet ta’ żieda fit-tariffi abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14, il-Kummissjoni ssostni li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, kif jirriżulta mill-qari tal-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni, li jimplementaw mekkaniżmu ta’ kontroll li jinkludi s-setturi kollha tas-suq tat-trasportaturi ferrovjarji u l-kapaċità tagħhom li jħallsu. Dan il-mekkaniżmu għandu jkun jista’ jidentifika r-“reżistenza tas-suq” u jiżgura li ma jiġux esklużi ċerti setturi tas-suq li, sal-lum, setgħu jħallsu t-tariffa għall-aċċess minimu għall-infrastruttura.

66      Issa, il-liġi dwar it-trasport ferrovjarju ma tistabbilixxix tali mekkaniżmu.

67      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li din il-liġi ġiet emendata matul il-proċedura prekontenzjuża, skont ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni.

68      B’mod partikolari, l-Artikolu 33 tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju jipprovdi li t-tariffa bażika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija ffissata fid-dawl tal-ispiża li l-amministratur ibati direttament minħabba l-movimenti tal-ferroviji li jagħmel it-trasportatur ferrovjarju.

69      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li jirriżulta minn dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Pollakka li l-infiq direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju jikkorrispondi mal-infiq globali ta’ manutenzjoni u ta’ operat.

70      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija” jirreferi għall-“ispiża marġinali”, hija infondata. Dan l-Istat Membru josserva f’dan ir-rigward li, peress li d-Direttiva 2001/14 ma tagħtix definizzjoni ta’ tali kunċett, l-Istati Membri għandhom ċerta libertà biex jiddefinixxu, filwaqt li josservaw l-għanijiet tad-direttiva, l-elementi kostituttivi u biex jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa għal aċċess.

71      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx fuq liema bażi, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Polonja, hija kkonstatat li l-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni biex tiġi kkalkolata t-tariffa għall-aċċess minimu kienu miżjuda bir-rata ta’ profitt imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14.

72      Ir-Repubblika Ċeka ssostni, f’dak li jikkonċerna l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, li bl-ebda mod ma jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li huma biss l-ispejjeż marġinali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija”. Skont dan l-Istat Membru, peress li la d-Direttiva 2001/14 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, ma telenka l-ispejjeż li jikkorrispondu ma’ dan il-kunċett, il-kriterju determinanti huwa biss il-kwistjoni dwar jekk tistax tiġi stabbilita, għal dawn l-ispejjeż, relazzjoni diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      Skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, it-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastruttura ta’ servizzi għandhom ikunu ugwali għall-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu jew tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2001/14 ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “spiża direttament involuta [imputabbli] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija” u li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tiddetermina l-ispejjeż li jaqgħu, jew dawk li ma jaqgħux, taħt dan il-kunċett.

75      Fir-rigward, minbarra dan, ta’ kunċett li joħroġ mill-istruttura ekonomika li din l-applikazzjoni tqajjem, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, tad-diffikultajiet prattiċi kunsiderevoli, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jgawdu minn ċerta marġni ta’ diskrezzjoni għall-finijiet tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fid-dritt intern.

76      Isegwi li, f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni tippermettix li jiġu inklużi fil-kalkolu t-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi ferrovjarji elementi li ma humiex manifestament direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

77      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33(2) tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju jipprevedi li t-tariffa bażika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija ffissata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża, sostnuta mill-amministratur tagħha, direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

78      Skont l-Artikolu 33(4), it-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja hija kkalkolata bħala l-multiplikazzjoni ta’ moviment ta’ ferroviji mar-rati unitarji ffissati skont il-kategorija tal-linja ferrovjarja u t-tip ta’ ferrovija, u dan separatament għat-trasport ta’ passiġġieri u dak ta’ merkanzija. Skont l-Artikolu 33(5), ir-rata unitarja tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja hija ffissata skont il-ferrovija, għal kull kilometru ta’ moviment.

79      Il-modalitajiet tal-kalkolu tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja huma ddefiniti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Ministerjali tal-2009.

80      L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament Ministerjali jippreċiża f’dan ir-rigward li, fil-kuntest tal-kalkolu tar-rati ta’ provvista tal-infrastruttura ferrovjarja, l-amministratur tal-infrastruttura jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż diretti, li jinkludu l-ispejjeż ta’ manutenzjoni, l-ispejjeż ta’ operat tat-traffiku u tad-deprezzament. Din id-dispożizzjoni tipprevedi minbarra dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż finanzjarji marbuta mar-rimbors tas-self li l-amministratur ikun għamel sabiex jiżviluppa u jimmodernizza l-infrastruttura pprovduta, spejjeż indiretti tal-attività li jkopru l-ispejjeż raġonevoli tal-amministratur, minbarra dawk imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll ix-xogħol ta’ operat iddefinit għall-kategoriji differenti ta’ linji u ta’ ferroviji.

81      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ispejjeż marbuta mas-sinjaletika, mal-ġestjoni tat-traffiku, mal-manutenzjoni u mat-tiswijiet jistgħu jvarjaw, tal-inqas parzjalment, skont it-traffiku u, konsegwentement, jitqiesu bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

82      Isegwi a contrario li, sa fejn dawn jinkludu spejjeż ta’ natura fissa marbuta mal-provvista ta’ sezzjoni min-netwerk ferrovjarju li l-amministratur għandu jħallas anki fl-assenza ta’ movimenti ta’ ferroviji, l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ ġestjoni tat-traffiku msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ministerjali tal-2009 għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma humiex direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju ħlief parzjalment.

83      Fir-rigward tal-ispejjeż indiretti u spejjeż finanzjarji, ukoll imsemmija f’din id-dispożizzjoni nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma għandhom manifestament ebda relazzjoni diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju.

84      Fl-aħħar nett, sa fejn huma stabbiliti mhux abbażi tat-tħaddim reali tal-infrastruttura kkawżat minħabba t-traffiku, iżda skont regoli tal-kontabbiltà, id-deprezzamenti lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Regolament Ministerjali tal-2009 iwassal, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffa mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastruttura, għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

86      Għaldaqstant, hemm lok li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 jitqies li huwa fondat.

87      Min-naħa l-oħra, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jistax jintlaqa’.

88      Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta li għamlet użu mill-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni li tippermetti li jinġabru żidiet fit-tariffi ta’ aċċess u l-Kummissjoni ma waslitx sabiex turi l-fondatezza tal-allegazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-raba’ lment tal-Kummissjoni jintlaqa’ sa fejn il-leġiżlazzjoni Pollakka tippermetti li jiġi inkluż fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi spejjeż li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14.

90      Konsegwentement, hemm lok, minn naħa, li jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tadotta miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jnaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess kif ukoll billi ppermettiet li jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi spejjeż li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, rispettivament, l-Artikoli 6(2) u 7(3) tad-Direttiva 2001/14 u, min-naħa l-oħra, li tiċħad il-kumplament tar-rikors tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. L-Artikolu 141(1) ta’ dawn ir-regoli jipprovdi barra minn hekk li l-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk il-parti l-oħra tagħmel talba f’dan is-sens fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti.

92      F’dan il-każ, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-atti tal-ewwel ilment invokat insostenn tar-rikors tagħha u, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar din ir-rinunzja għall-atti, ir-Repubblika tal-Polonja kienet talbet li din l-istituzzjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-ilment.

93      Madankollu, peress illi l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja barra minn hekk tilfu kull waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li dawn għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

94      Peress illi skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi naqset milli tadotta miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jnaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess kif ukoll billi ppermettiet li jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi spejjeż li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, rispettivament, l-Artikoli 6(2) u 7(3) tad-Direttiva 2001/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.