Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Marzu 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht – il-Ġermanja) – Kreis Warendorf vs Ibrahim Alo (C-443/14) u Amira Osso vs Region Hannover (C-444/14)

(Kawżi magħquda C-443/14 u C-444/14) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati ffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 -Artikoli 23 u 26 - Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja - Direttiva 2011/95/UE - Standards dwar il-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali - Status ta’ protezzjoni sussidjarja - Artikolu 29 - Għajnuna soċjali - Kundizzjonijiet għall-aċċess — Artikolu 33 - Moviment liberu fl-Istat Membru ospitanti — Kunċett - Restrizzjoni - Obbligu ta’ residenza f’post iddeterminat - Trattament differenti - Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet - Distribuzzjoni bbilanċjata tal-piżijiet baġitarji bejn il-kollettivitajiet amministrattivi - Motivi relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kreis Warendorf (C-443/14), Amira Osso (C-444/14)

Konvenuti: Ibrahim Alo (C-443/14), Region Hannover (C-444/14)

Fil-preżenza ta’: Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht (C-443/14 u C-444/14)

Dispożittiv

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li obbligu ta’ residenza impost fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu ggarantit b’dan l-artikolu, anki jekk din il-miżura ma tipprojbixxix lil dan il-benefiċjarju milli jiċċaqlaq b’mod ħieles fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni u milli jirrisjedi temporanjament f’dan it-territorju barra mill-post indikat mill-obbligu ta’ residenza.

L-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li qed jirċievi ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi, sabiex tinkiseb distribuzzjoni xierqa tal-piż li jirriżulta mill-għoti ta’ dawn il-benefiċċji bejn id-diversi istituzzjonijiet kompetenti f’dan il-qasam, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tipprevedix l-impożizzjoni ta’ tali miżura fuq ir-refuġjati, fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istat Membru kkonċernat għal-raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali u fuq iċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru li jirċievu dawn il-benefiċċji.

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għal benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li qed jirċievi servizzi soċjali speċifiċi, bil-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tipprovdix għall-impożizzjoni ta’ tali miżura għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt liġi internazzjonali li qed jirċievu dawn is-servizzi, jekk il-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja ma jitqegħdux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli fir-rigward ta’ dan il-għan, dik ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz residenti legalment fuq it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

____________

1 ĠU C 439, 08.12.2014.