Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid (Spanja) fit-8 ta’ Awwissu 2016 – Francisco Rodrigo Sanz vs Universidad Politécnica de Madrid

(Kawża C-443/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Francisco Rodrigo Sanz

Konvenuta: Universidad Politécnica de Madrid

Domandi preliminari

Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik deskritta li tippermetti li jitnaqqas il-ħin tax-xogħol ta’ persuna minħabba s-sempliċi fatt li hija membru tal-persunal mhux permanenti?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva:    

Tista’ titqies bħala raġuni oġġettiva li tiġġustifika din id-differenza fit-trattament is-sitwazzjoni ekonomika li tagħmel neċessarja l-limitazzjoni tal-ispejjeż li tirriżulta mit-tnaqqis tal-krediti tal-baġit?

Tista’ titqies bħala raġuni oġġettiva li tiġġustifika din id-differenza fit-trattament s-setgħa ta’ awto-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni?

Il-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata fis-sens [li] s-setgħa ta’ awto-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni hija dejjem u fi kwalunkwe każ limitata mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema fis-servizz tagħha, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala uffiċjal, membru tal-persunal mhux permanenti, persunal awżiljarju jew temporanju?

Jistgħu jitqiesu kuntrarji għall-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-punt 3 tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley orgánica 4/2007, de 12 de abril, por la que se modifica la ley orgánica 6/2001, de 21 de diciembre, de universidades (liġi organika Nru 4/2007, tat-12 ta’ April 2007, li temenda l-liġi organika 6/2001, tal-21 ta’ Diċembru 2001, dwar l-universitajiet), [intitolata “] Il-korp tal-għalliema f’istitut universitarju [IUT] u l-integrazzjoni tal-membri tagħhom fil-korp tal-professuri universitarji [ˮ], sa fejn jippermetti li fil-proċeduri ta’ aċċess ta’ għalliema [uffiċjali] f’IUT [fil-] korp tal-professuri universitarji, l-imsemmija għalliema jżommu d-drittijiet kollha tagħhom u l-intitolament sħiħ tagħhom għall-prattika tat-tagħlim, minkejja li dawn ma jkollhomx it-titolu ta’ duttur, li ma huwiex il-każ għall-għalliema f’IUT irreklutati bħala membri tal-persunal mhux permanenti?

Sa fejn l-assenza ta’ pussess ta’ dottorat hija l-ġustifikazzjoni oġġettiva allegata għat-tnaqqis b’50 % tal-ħin tax-xogħol tal-għalliema f’IUT irreklutati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, meta din il-miżura madankollu ma hijiex applikata għall-għalliema uffiċjali f’IUT li lanqas huma madankollu ma għandhom dan id-dottorat, jista’ jitqies li din il-miżura hija diskriminatorja u tmur kontra l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. , p. 368).