Language of document : ECLI:EU:C:2016:127

Kawżi magħquda C‑443/14 u C‑444/14

Kreis Warendorf

vs

Ibrahim Alo

u

Amira Osso

vs

Region Hannover

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refjuġati ffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 – Artikoli 23 u 26 – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali – Status ta’ protezzjoni sussidjarja – Artikolu 29 – Għajnuna soċjali – Kundizzjonijiet għall-aċċess – Artikolu 33 – Moviment liberu fl-Istat Membru ospitanti – Kunċett – Restrizzjoni – Obbligu ta’ residenza f’post iddeterminat – Trattament differenti – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Distribuzzjoni bbilanċjata tal-piżijiet baġitarji bejn il-kollettivitajiet amministrattivi – Motivi relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Marzu 2016

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 33)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Moviment liberu fl-Istat Membru – Portata – Libertà li wieħed jiċċaqqlaq u li jagħżel il-post ta’ residenza tiegħu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ residenza lil benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Inammissibbiltà

(Artikolu 78(1) TFUE; Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus tar-refjuġati, Artikolu 26; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, premessi 3, 4, 8, 9, 23, 24 u 39 u l-Artikoli 20(2) u 33)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Moviment liberu fl-Istat Membru – Portata – Libertà li wieħed jiċċaqqlaq u li jagħżel il-post ta’ residenza tiegħu ‑ Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ residenza għal benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja li jirċievu ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi – Miżura intiża għall-ksib ta’ distribuzzjoni xierqa tal-piż li jirriżulta mill-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikoli 29 u 33)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Moviment liberu fl-Istat Membru ‑ Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ residenza għal benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja li jirċievu ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi – Ġustifikazzjoni – Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru kkonċernat – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Trattament ekwivalenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli

(Dirttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 33)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 23-27)

2.        L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li obbligu ta’ residenza impost fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu ggarantit b’dan l-artikolu, anki jekk din il-miżura ma tipprojbixxix lil dan il-benefiċjarju milli jiċċaqlaq b’mod ħieles fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni u milli jirrisjedi temporanjament f’dan it-territorju barra mill-post indikat mill-obbligu ta’ residenza.

F’dan ir-rigward, il-premessi 8, 9 u 39 tal-imsemmija direttiva jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, bi tweġiba għall-istedina tal-programm ta’ Stokkolma, jistabbilixxi status uniformi għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali u li għalhekk iddeċieda li jagħti lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li minnhom igawdu r-refuġjati, ħlief fil-każ ta’ derogi neċessarji u oġġettivament iġġustifikati. L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jispeċifika li l-libertà ta’ ċirkolazzjoni li jissanċixxi hija ggarantita għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li jfisser li r-refuġjati u l-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja huma, f’dan ir-rigward, suġġetti għall-istess sistema.

Issa, l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genéve dwar l-istatus tar-refjuġati, li hija l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati u li l-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ kunċetti u kriterji komuni hija mħeġġeġ mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva, jiggarantixxi lir-refuġjati l-benefiċċju ta’ moviment liberu billi jipprevedi espressament li din il-libertà tinkludi mhux biss id-dritt ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istat li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat iżda wkoll id-dritt ta’ għażla tal-post ta’ residenza tagħhom f’dak it-territorju. L-ebda element ma juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li fid-Direttiva 2011/95 jinkludi biss l-ewwel wieħed minn dawn id-drittijiet u mhux it-tieni. Interpretazzjoni differenti tkun timplika li dan id-dritt huwa ggarantit biss għar-refuġjati u għalhekk toħloq, minkejja l-assenza ta’ indikazzjoni espliċita fl-imsemmija direttiva għal dan il-għan, distinzjoni, li tmur kontra l-għan tal-istabbiliment ta’ status uniformi għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali, bejn il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija f’dan ir-rigward, minn naħa, lir-refuġjati, u min-naħa l-oħra, lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.


(ara l-punti 29, 32,34-36, 40 u d-dispożittiv 1)

3.        L-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refjuġati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li qed jirċievi ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi, sabiex tinkiseb distribuzzjoni xierqa tal-piż li jirriżulta mill-għoti ta’ dawn il-benefiċċji bejn id-diversi istituzzjonijiet kompetenti f’dan il-qasam, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tipprevedix l-impożizzjoni ta’ tali miżura fuq ir-refuġjati, fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istat Membru kkonċernat għal-raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali u fuq iċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru li jirċievu dawn il-benefiċċji.

Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genéve, dwar l-istatus tar-refjuġati, li huwa rilevanti għad-determinazzjoni tal-portata tal-moviment liberu tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, li tali benefiċjarji ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu sottomessi, f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-post tar-residenza tagħhom, għal sistema iktar restrittiva minn dik applikabbli għal ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni.


Min-naħa l-oħra, fiż-żewġ ipoteżi msemmija fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, il-kundizzjonijet ta’ aċċess tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għall-assistenza soċjali mogħtija lilhom mill-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni għandhom ikunu l-istess bħall-dawk li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ din l-assistenza liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

Ċertament, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ b’mod validu tipprevedi li timponi obbligu ta’ residenza fuq il-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja mingħajr ma timponi tali miżura fuq ir-refuġjati, fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet oħra jew lil ċittadini ta’ dak l-Istat Membru jekk dawn il-kategoriji ma jitqegħdux f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni.

Madankollu, l-ispostament ta’ nies li jirċievu dawn il-benefiċċji jew il-konċentrazzjoni mhux indaqs tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għalhekk tkun x’aktarx tinvolvi distribuzzjoni mhux xierqa ta’ dan il-piż fost id-diversi istituzzjonijiet kompetenti f’dan il-qasam, mingħajr ma l-eventwali kwalità ta’ benefiċjarju tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ma tkun partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 42-45, 50, 54, 55 u d-dispożittiv 2)


4       L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refjuġati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li jirċievi ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru li ta din il-protezzjoni, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tipprevedix l-impożizzjoni ta’ tali miżura fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt liġi internazzjonali li jirċievu l-imsemmija benefiċċji, jekk il-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja ma jkunux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli fid-dawl ta’ dan il-għan, għal dik ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Tali differenza fis-sitwazzjoni tista’ tiġi kkonstatata jekk iċ-ċirkustanza li ċittadin ta’ pajjiż terz li jirċievi l-assistenza soċjali huwa benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, timplika li ser ikun ikkonfrontat b’iktar diffikultajiet ta’ integrazzjoni minn ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz residenti legalment fl-Istat Membru u li qed jirċievi l-assistenza soċjali.

 Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk, minħabba dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment f’dan l-Istat Membru għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali hija ġeneralment suġġetta għal kundizzjoni li dawn ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom stess, dawn iċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw minn assistenza soċjali biss wara residenza legali kontinwa ta’ ċertu żmien fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, tali residenza tista’ twassal għall-preżunzjoni li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati huma integrati biżżejjed f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li dawn ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(ara l-punti 62-64 u d-dispożittiv 3)