Language of document : ECLI:EU:C:2012:697

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2012 (1)

Kawża C‑275/11

GfBk Gesellschaft für Börsenkommunikation mbH

vs

Finanzamt Bayreuth

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Tassazzjoni – VAT – Direttiva 77/388/KEE – Punt 6 tal-Artikolu 13B(d) – Eżenzjoni tal-immaniġġjar ta’ fond ta’ investiment – Direttiva 85/611– Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Kumpanniji ta’ mmaniġġjar ta’ fond ta’ investiment – Definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘maniġġjar’– Applikazzjoni tal-eżenzjoni għal maniġers terzi – Attività ‘speċifika’ u li tikkostitwixxi ‘unità distinta, evalwata b’mod globali’ – Tassazzjoni ta’ attivitajiet kummerċjali illeċiti – Prinċipju ta’ newtralità fiskali ”






1.        L-attività ta’ konsulenza dwar l-investiment f’titoli trasferibbli eżerċitata minn terz għal kumpannija ta’ mmaniġġjar ta’ fond speċjali ta’ investiment tikkostitwixxi jew le “maniġġjar ta’ fondi [fond] speċjali ta’ investiment” għar-rigward tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 13B tad-Direttiva 77/388/KEE (2) li tirregola l-VAT? Fi ftit kliem, din hija d-domanda li tagħmel il-Bundesfinanzhof f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2.        Meta tirrispondi din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni li tanalizza ġurisprudenza stabbilita, li, madankollu, ma hijiex nieqsa minn diffikultajiet, u li skont din għandhom jiġu applikati l-eżenzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13B tad-Direttiva 77/388 (3) għas-servizzi pprovduti minn maniġer terz meta jikkostitwixxu “unità distinta, evalwata b’mod globali, u huma speċifiċi u essenzjali għall-imaniġġjar ta’ dawn il-fondi.” In-natura ġenerali tal-formulazzjoni ta’ dan il-kriterju tal-ġurisprudenza timplika sforz ta’ interpretazzjoni partikolari sabiex jiġi applikat f’kawża kif inhi din il-kawża.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Id-Direttiva 77/388 (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) tistabbilixxi fl-Artikolu 13B tagħha sensiela ta’ eżenzjonijiet li, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, għandi niċċita dawn li ġejjin:

“[...] l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż:

[…]

d) it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

3.       transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

[…]

5.       transazzjonijet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijet, debentures u sigurtajiet oħrajn, esklużi:

– dokumenti li jistabilixxu titolu għall-oġġetti,

– id-drittijiet jew sigurtajiet msemmija fl-Artikolu 5(3);

6.       maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri;

[…]”.

4.        Id-Direttiva 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), fil-verżjoni li kienet fis seħħ bejn l-1999 u l-2002, tiddefinixxi dawn l-impriżi fl-Artikolu 1(2) u (3) fit-termini li ġejjin:

“2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, u soġġett għall-Artikolu 2, UCITS għandhom ikunu impriżi:

-        li l-iskop uniku tagħhom huwa l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ta’ kapital realizzat mill-pubbliku u li joperaw fuq il-prinċipju tat-tixrid tar-riskju, u

-        li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi assigurat li l-valur tal-borża ta’ l-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom ta’ l-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew il-fidwa.

3. Dawn l-impriżi jistgħu jiġu kkostitwiti skond il-liġi, jew taħt it-liġi ta’ kuntratt (bħala fondi komuni amministrati minn kumpanniji ta’ amministrazzjoni) jew il-liġi dwar it-‘trusts’; (bħala unitajiet ta’ trust) jew taħt statut (bħala kumpanniji ta’ investiment).”

5.        Fl-2002, saret riforma kbira tad-Direttiva 85/611 li emendat profondament is-sistema tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar (4). Wara din ir-riforma, l-Anness II iddefinixxa t-terminu “amministrazzjoni [immaniġġjar]” ta’ fond ta’ investiment u ta’ kumpanniji ta’ investiment u introduċa diversi eżempji. L-Artikolu 5(2) ġdid tad-Direttiva 85/611 jirriferi espressament għal-lista mhux eżawrjenti tal-funzjonijiet milquta fl-anness iċċitat iktar ’il fuq f’dawn it-termini:

“L-attività ta’ amministrazzjoni [immaniġġjar] ta’ unit trusts/fondi komuni [fond ta’ investiment] u ta’ kumpanniji ta’ investiment tinkludi għall-iskop ta’ din id-Direttiva, il-funzjonijiet imsemmija fl-Anness II li mhumiex kompleti.”

6.        L-Anness II jgħid dan li ġej:

“Funzjonijiet inklużi fl-attività tal-amministrazzjoni [immaniġġjar] kollettiva tal- portfolio:

“–       Amministrazzjoni ta’ investiment

?      Amministrazzjoni:

a) servizzi ta’ kontabilità legali u ta’ amministrazzjoni ta’ fond;

b) inkjesti [talbiet ta’ informazzjoni] tal-klijenti;

c) valutazzjoni u pprezzar (inklużi rifużjonijiet fuq it-taxxa);

d) monitoraġġ regolatorju ta’ konformità;

e) manutenzjoni tar-reġistru tat-titolari ta’ l-unità;

f) distribuzzjoni tad-dħul;

g) kwistjonijiet u fidi ta’ unitajiet;

h) riżoluzzjonijiet ta’ kuntratti (inkluża l-kunsinna taċ-ċertifikat);

i) iż-żamma ta’ reġistri.

?       it-Tqegħid fis-suq.”

7.        Wara r-riforma tal-2002, il-leġiżlatur tal-Unjoni daħħal ukoll, fid-Direttiva 85/611, l-Artikolu 5g fejn l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-kumpanniji ta’ mmaniġġjar sabiex jiddelegaw lil terzi, waħda jew iżjed mill-funzjonijiet tagħhom jekk jiġu sodisfatti minn qabel ċerti kundizzjonijiet. Skont din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ggarantit b’mod partikolari li d-delega ta’ funzjonijiet ma tipprojbixxix il-kontroll tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar u li l-funzjonijiet jiġu eżerċitati b’mod normali.

II – Il-fatti

8.        GfBk (Gesellschaft für Börsenkommunikation mbH) hija kumpannija Ġermaniza li għandha bħala għan it-tixrid tal-informazzjoni u li tipprovdi konsulenza fis-suq tal-borża, kif ukoll tipprovdi konsulenza u kummerċjalizzazzjoni fuq assi finanzjarji.

9.        Fl-1999, kumpannija tal-immaniġġjar ta’ fond ta’ investiment (iktar ’il quddiem “il-KII”) ikkonkludiet kuntratt ta’ servizzi ma’ GfBk. B’mod partikolari, GfBk intrabtet li tipprovdi konsulenza lill-KII “fl-immaniġġjar tal-fond ta’ investiment”, kif ukoll “tgħaddilha rakkomandazzjonijiet dwar bejgħ jew xiri ta’ assi fuq il-bażi ta’ analiżi kostanti tas-sitwazzjoni tal-fond”. GfBk intrabtet li tieħu ħsieb ukoll “tosserva l-prinċipju tad-diversifikazzjoni tar-riskju, tar-restrizzjonijiet legali fir-rigward tal-investiment […] u tal-kundizzjonijiet tal-investiment […].”

10.      Mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-remunerazzjoni ta’ GfBk kienet ġiet stabbilita skont perċentwali kkalkulat skont il-valur tal-fond.

11.      Bejn l-1999 u l-2002, GfBk għamlet rakkomandazzjonijiet lill-KII fuq ix-xiri u l-bejgħ ta’ titoli bit-telefown, bil-faks jew bis-server tal-internet. Il-qorti tar-rinviju tindika li GfBk ma ħarġitx rapporti esperti ddettaljati iżda rakkomandazzjonijiet speċifiċi li l-KII introduċiet fis-sistema ta’ ordnijiet tagħha. Ġaladarba mibgħuta, dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu analizzati sabiex jiġi vverifikat li dawn ma kienu jiksru l-ebda restrizzjoni legali. Wara l-verifika, il-KII kienet teżegwixxi r-rakkomandazzjoni, kultant wara ftit minuti.

12.      Dwar il-perijodu bejn l-1999 sal-2002, l-amministrazzjoni fiskali tal-Ġermanja kkunsidrat li s-servizzi pprovduti minn GfBk ma kinux jirrigwardaw il-“maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment” skont il-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva. GfBk ma taqbilx ma’ din l-interpretazzjoni u kkontestat id-deċiżjonijiet meħuda kontriha, u adixxiet sal-Bundesfinanzhof, li qiegħda tressaq lili din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

III – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Fil-5 ta’ Mejju 2011, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja rċieva d-digriet tar-rinviju tal-Bundesfinanzhof fejn ipproponiet tliet risposti alternattivi:

“Is-servizz ta’ amministratur [maniġer] estern ta’ fondi speċjali ta’ investiment ma huwiex suffiċjentement speċifiku u, għalhekk, eżentat mit-taxxa ħlief

a) meta jeżerċita attività ta’ maniġġjar u mhux biss attività ta’ konsultazzjoni [konsulenza] jew

b) meta minħabba n-natura tiegħu, is-servizz jiddistingwi ruħu minn servizzi oħrajn permezz ta’ karatteristika partikolari għall-finijiet tal-eżenzjoni skont din id-dispożizzjoni jew

c) meta dan l-amministratur [il-maniġer] jaġixxi b’eżekuzzjoni ta’ mandat fis-sens tal-Artikolu 5g tad-Direttiva 85/611/KEE kif emendata?”

14.      GfBk, il-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Repubblika Ellenika kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

15.      Fis-seduta li saret fit-28 ta’ Ġunju 2012, GfBk, il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni sostnew il-pożizzjoni rispettiva tagħhom.

IV – Analiżi tad-domanda preliminari

16.      Għalkemm il-Bundesfinanzhof tagħmel id-domanda fil-forma ta’ risposti alternattivi, jiena nikkunsidra li din għandha tiġi analizzata pjuttost bħala sensiela ta’ tliet oġġezzjonijiet li jistgħu jintużaw kontra l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva għas-servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni fuq investimenti ta’ titoli trasferibbli pprovduti minn terz. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tieħu inkunsiderazzjoni kull oġġezzjoni sabiex tingħata interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni iċċitata iktar ’il fuq.

A –    L-ewwel oġġezzjoni: applikazzjoni tal-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment” għas-servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni dwar investimenti pprovduti minn terzi

17.      Bl-ewwel oġġezzjoni, il-Bundesfinanzhof tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klassifikazzjoni tas-servizz ipprovdut minn GfBk u, b’mod partikolari, fuq in-natura speċifika tiegħu, sabiex tikklassifikah bħala “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment” u għalhekk servizz eżentat bis-saħħa tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.

18.      Jidhirli li huwa utli nosserva, preliminarjament, li r-regola applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddeterminat jekk attività esternalizzata tirrigwardax l-eżenzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija kumplessa. Kif indikajt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-diffikultà ta’ din il-kawża qiegħda fil-fatt fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-ġurisprudenza li jiġi applikat fil-każ ta’ servizzi esternalizzati, fejn dawn għandhom jiffurmaw “unità distinta, evalwata b’mod globali, u huma speċifiċi u essenzjali għall-imaniġġjar ta’ dawn il-fondi” sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-VAT.

19.      F’dan ir-rigward, l-intervenjenti kollha taw risposti diverġenti. Minn naħa, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni jeskludu li s-servizz ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni mogħti minn GfBk huwa speċifiku u distint biżżejjed. Min-naħa l-oħra, GfBk u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jiddefendu l-ispeċifiċità u l-komprensività tas-servizz u jikkunsidraw li dan jista’ jiġi eżentat. L-argument li qed jitressaq primarjament insostenn tal-ewwel risposta huwa li l-KII tassumi r-responsabbiltà finali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluża r-responsabbiltà ġuridika. Il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ ifformulati minn GfBk huma sempliċi indikazzjonijiet li l-KII hija libera li tirrifjuta, qed jiġi argumentat ukoll. Min-naħa tagħha, GfBk u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirriferu għas-sentenza li tat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Abbey National (5), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ċerti servizzi pprovduti minn terzi jirrigwardaw l-eżenzjoni msemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.

20.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa partikolarment meħtieġ li, fl-ewwel lok, tiġi eżaminata l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar preċiż, is-sentenza Abbey National imsemmija iktar ’il fuq u li ġiet iċċitata diversi drabi mill-intervenjenti kollha f’din il-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

1.      Is-sentenza Abbey National

21.      Is-sentenza Abbey National irrispondiet domanda preliminari dwar is-servizzi pprovduti minn terz lil kumpannija ta’ investiment li kienet tikkonsisti, fost l-oħrajn, fil-kalkolu tal-ammont ta’ dħul u tal-prezz tal-unitajiet jew azzjonijiet ta’ fondi, l-evalwazzjoni tal-assi, il-kontabbiltà, il-preparazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet għad-distribuzzjoni tad-dħul, l-għoti tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni għall-kontabbiltà perjodika u għad-dikjarazzjonijiet fiskali, statistiċi u tal-VAT, kif ukoll il-preparazzjoni tal-previżjonijiet tad-dħul (6). Dwar din il-pluralità ta’ servizzi, li l-Qorti tal-Ġustizzja ġabret taħt it-taqsima “immaniġġjar amministrattiv u ta’ kontabbiltà” (7), is-sentenza kkonfermat li “bħala regola” dawn jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva (8).

22.      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja użat diversi argumenti li jistgħu jiġu applikati wkoll f’din il-kawża, kif ser nuri iktar tard.

23.      Fl-ewwel lok, is-sentenza Abbey National teżamina l-għan tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, li ma huwa dak biss li “jiffaċilita għall-investituri żgħar l-investiment f’titoli permezz ta’ impriżi ta’ investiment” (9). Għaldaqstant, l-għan tal-eżenzjoni huwa li tiġi żgurata n-newtralità fiskali tat-taxxa bejn l-investituri li jimmaniġġjaw il-portafoll tagħhom direttament u dawk li jirrikorru għall-investiment kollettiv permezz ta’ kumpannija ta’ mmaniġġjar jew ta’ investiment (10).

24.      Fit-tieni lok, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tenfasizza li l-“maniġġjar” tal-fond ta’ investiment skont il-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva jkopri mhux biss il-funzjonijiet f’sens strett, jiġifieri dawk ta’ mmaniġġjar tal-portafoll, iżda wkoll dawk tal-“amministrazzjoni ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv innifshom” (11). Sabiex jiġi ddeterminat liema servizzi ta’ “amministrazzjoni” huma speċifiċi biżżejjed biex jirrigwardaw il-kunċett ta’ “maniġġjar” fis-sens preċiż tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-Anness II tad-Direttiva 85/611. Hija tgħid li l-Anness “jindika”, taħt it-taqsima “Amministrazzjoni” liema servizzi f’dik il-kategorija huma speċifiċi biżżejjed għall-finijiet tal-eżenzjoni tal-VAT.

25.      Fit-tielet lok, is-sentenza teskludi li dan il-“maniġġjar” għandu jiġi eżerċitat esklużivament minn persuna speċifika. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza espressament li l-immaniġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment stabbilit fil-punt 6 fl-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva “huwa definit skond in-natura tas-servizzi pprovduti u mhux skond minn jipprovdi s-servizz jew id-destinatarju tas-servizz” (12). Għalhekk, u skont dak li diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi preċedenti dwar eżenzjonijiet oħrajn stabbiliti fl-Artikolu 13B(d) (13), xejn ma jeskludi li l-“maniġġjar” jinqasam f’diversi servizzi differenti, mingħajr ma jkun hemm xejn li jipprekludi li wħud minn dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn maniġer terz (14).

26.      Fl-aħħar nett, is-sentenza tirriferi għall-ġurisprudenza preċedenti dwar l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva sabiex tfakkar li, fi kwalunkwe każ, is-servizzi pprovduti minn maniġer terz “għandhom jiffurmaw unità distinta, evalwata b’mod globali, li għandha bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz deskritt f’dan l-istess punt 6”, jiġifieri l-immaniġġjar ta’ fond ta’ investiment.

27.      Dan il-kriterju ma ġiex żviluppat iktar fis-sentenza Abbey National, u lanqas f’deċiżjonijiet oħrajn li jirrigwardaw eżenzjonijiet oħrajn tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, jistgħu jiġu dedotti ċerti linji gwida fir-rigward tas-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja f’kull każ. Dawn il-linji gwida, li jistgħu jwasslu għall-preċiżazzjonijiet fuq il-ħtieġa ta’ speċifiċità u ta’ distinzjoni, jistgħu jkunu dawn li ġejjin: l-attività eżerċitata minn terzi għandu jkollha rabta intrinsika mas-servizz ipprovdut mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar jew ta’ investiment, kif ukoll grad ta’ awtonomija importanti fuq il-kontenut. Barra minn hekk, is-servizz esternalizzat għandu jkun kontinwu jew, tal-inqas, prevedibbli fiż-żmien. Għall-kuntrarju, jidher li ma jagħmilx differenza jekk is-servizz iwassal għal bidla fis-sitwazzjoni ġuridika jew ekonomika tal-kumpannija li qed tibbenefika minnu.

28.      Naraw issa jekk dawn il-linji gwida, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza mogħtija sal-lum, humiex osservati f’din il-kawża.

2.      L-attività ta’ konsulenza fuq l-investiment fid-dawl tal-ġurisprudenza

29.      Id-domanda preċiża li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-Bundesfinanzhof hija jekk l-attività eżerċitata minn GfBk tistax tiġi esternalizzata, u jekk, anki f’dan il-każ, tistax tibbenefika mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva. Għal dan l-iskop, għandu jitfakkar, kif għadna kif rajna fl-analiżi tas-sentenza Abbey National, li s-servizzi esternalizzati pprovduti lil kumpannija ta’ mmaniġġjar ta’ fond jidħlux fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni. Il-kundizzjoni meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li dawn is-servizzi jiffurmaw “unità distinta, evalwata b’mod globali, u [jkunu] speċifiċi u essenzjali għall-imaniġġjar ta’ dawn il-fondi ”.

30.      Kif diġà għedt fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju tobbliga li jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi differenti. Ser nittrattahom suċċessivament, kif ukoll ċerti oġġezzjonijiet imqajmin mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, sabiex nasal għall-konklużjoni li, fil-prinċipju u b’eċċezzjoni ta’ ċerti konstatazzjonijiet ta’ fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, is-servizzi pprovduti minn GfBk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-kriterju tal-ispeċifiċità u tad-distinzjoni.

a)      Rabta intrinsika tas-servizz mal-attività tal-fond ta’ investiment

31.      Il-kundizzjoni ta’ speċifiċità u ta’ komprensività rikjesta mis-sentenza Abbey National tirreferi għal rabta intrinsika bejn servizz u l-attività eżerċitata minn fond ta’ investiment. Fil-fatt, dan ifisser li għandhom jiġu identifikati s-servizzi li huma karatteristici ta’ fond ta’ investiment u li jiddistingwuh f’dan ir-rigward minn attivitajiet ekonomiċi oħrajn. Sabiex nieħdu eżempju sempliċi, il-kalkolu ta’ unitajiet u ta’ azzjonijiet tal-fond, jew proposta ta’ xiri jew ta’ bejgħ ta’ assi, jirrigwardaw attività tipika ta’ fond ta’ investiment iżda mhux ta’ impriża ta’ kostruzzjoni ta’ immobbli. B’mod evidenti, xejn ma jipprekludi lil impriża ta’ kostruzzjoni li twettaq attivitajiet ta’ investiment finanzjarju, iżda dawn ma humiex attivitajiet karatteristiċi jew tipiċi u, f’dan is-sens, speċifiċi għas-settur tal-kostruzzjoni.

32.      Għall-kuntrarju, servizz ta’ assistenza teknika dwar tagħmir informatiku kif ukoll, kif numru ta’ Stati Membri u l-Kummissjoni enfasizzaw matul is-seduta, servizz ta’ tindif, jistgħu jiġu pprovduti mingħajr distinzjoni lil kumpannija ta’ mmaniġġjar ta’ fond jew lil impriża fil-qasam tal-kostruzzjoni, mingħajr ma jista’ jingħad li huwa servizz speċifiku lil qasam wieħed jew lil ieħor minn dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività. Biex ngħid hekk, dawn is-servizzi huma newtrali jew interkambjabbli mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, sa fejn dawn jistgħu jiġu pprovduti kompletament mingħajr distinzjoni lil kwalunkwe impriża li tkun.

33.      Fil-każ ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni dwar l-immaniġġjar strett tal-fond jew ix-xiri jew il-bejgħ ta’ assi, jidher evidenti li din hija attività speċifika għal fond ta’ investiment. GfBk tagħmel rakkomandazzjonijiet fuq it-tranżazzjonijiet li l-KII tista’ twettaq wara, iżda bħala tali, hija tibqa’ responsabbli mill-immaniġġjar ta’ fond speċjali ta’ investiment. Għalhekk, dawn huma servizzi tipikament karatteristiċi ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, fejn l-għan esklużiv huwa, skont id-Direttiva 85/611, “investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u/jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn […] ta’ kapital miġbur mill-pubbliku” (15).

34.      Iċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għas-sentenza Abbey National jikkontribwixxu wkoll sabiex jikkonfermaw l-ispeċifiċità tal-attività eżerċitata minn GfBk. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ kontabbiltà għandhom natura speċifika għall-finijiet tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 13 iċċitat iktar ’il fuq, jeħtieġ li tingħata l-istess risposta attività li hija marbuta mill-qrib mal-attività prinċipali ta’ fond, bħall-ipproċessar ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ investiment f’titoli trasferibbli. Sa fejn l-attivitajiet amministrattivi bħaż-żamma tal-kontabbiltà, il-kalkolu tad-dħul u l-prezz tal-unitajiet jew azzjonijiet tal-fond jew l-evalwazzjonijiet tal-assi, jikkostitwixxu attivitajiet speċifiċi u distinti, jiena nikkunsidra li din il-klassifikazzjoni tgħodd, a fortiori, għal servizz ferm iktar speċifiku minn dak ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni f’materja ta’ mmaniġġjar tal-fond u ta’ xiri jew bejgħ ta’ assi.

35.      Kif għamlet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tista’ ssir oġġezzjoni għal dan li s-servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni ma humiex elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 85/611. Madankollu, dan l-argument ma jistax jirnexxi għaliex id-Direttiva 85/611 stess tenfasizza, fl-Artikolu 5(2) tagħha, li l-lista ta’ dak l-Anness “mhumiex kompleti”. Fil-konklużjonijiet tagħha ppreżentati għas-sentenza Abbey National, l-Avukat Ġenerali Kokott qalet b’mod ċar ħafna li “[i]t-termini kontenuti fl-Anness II tad-Direttiva 85/611 [ma humiex ikkunsidrati] bħala definizzjonijiet tas-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ fond ta’ investiment, iżda għall-kuntrarju bħala deskrizzjoni tal-funzjonijiet tipiċi tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar” (16). Għalhekk, il-fatt li s-servizzi pprovduti minn GfBk ma humiex espressament elenkati fl-anness iċċitat ma jipprekludix, minħabba n-natura essenzjalment illustrattiva tiegħu, l-inklużjoni tagħhom fil-kategorija tas-servizzi speċifiċi li jirrigwardaw l-attivitajiet ta’ “maniġġjar” ta’ fond ta’ investiment.

b)      Awtonomija tas-servizz fil-konfront tal-attività tal-fond

36.      Ir-regola tal-ġurisprudenza ta’ speċifiċità u ta’ distinzjoni inkwistjoni tirriferi wkoll għall-awtonomija tas-servizz, jiġifieri għall-kapaċità li jiġu pprovduti servizzi ddefiniti biżżejjed li ma jkunux konfużi ma’ servizzi oħrajn ipprovduti mill-benefiċjarju tas-servizz. Sa ċertu punt, din il-kundizzjoni tirriferi għan-natura determinanti tas-servizz u, għaldaqstant, f’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja użat l-aġġettiv “essenzjali” meta rreferiet għall-kundizzjoni meħuda minn “unità distinta, evalwata b’mod globali ” (17).

37.      Għaldaqstant, servizz li jifforma parti minn “unità distinta, evalwata b’mod globali” huwa, fl-ewwel lok, servizz li ma huwiex konfuż ma’ dawk li l-benefiċjarju pprovda diġà. Pereżempju, jekk kumpannija ta’ mmaniġġjar diġà teżerċita attivitajiet ta’ kontabbiltà u dan jintwera billi jiġi aċċertat li fiha għandha dipartiment tal-kontabbiltà li jkopri t-totalità tas-servizz, diffiċli li jkun hemm differenza bejn servizz ta’ kontabbiltà pprovdut minn terz u dak li tiżvolġi l-impriża internament. Din il-konstatazzjoni tikkonferma li s-servizz ipprovdut minn terz jitlef l-awtonomija mill-mument li l-benefiċjarju tas-servizz ikun qed jieħu ħsiebu li jagħmlu huwa stess.

c)      Kontinwità tas-servizz

38.      Fit-tielet lok, l-ispeċifiċità u d-distinzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn ċerta permananza fiż-żmien. Fi kliem ieħor, ma għandux ikun servizz sporadiku u tal-okkażjoni, għaliex f’każ kuntrarju, ma jkunx sinjifikattiv biżżejjed sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva. Dan ma jfissirx li s-servizz għandu neċessarjament ikun lineari fiż-żmien, għaliex dan jista’ jeskludi mal-ewwel l-attivitajiet kollha li ma jiġux eżerċitati b’mod regolari. Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li l-esternalizzazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi għażla għall-maniġer, li b’hekk ikollu ċertu grad ta’ stabbiltà.

39.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata jekk il-kundizzjoni ġietx sodisfatta f’dan il-każ. Din l-analiżi teħtieġ eżami ta’ fatt sabiex jiġi vverifikat jekk GfBk kinitx qed tipprovdi lill-KII s-servizzi b’mod kontinwu, b’mod li tista’ tiġi kkonstatata ċerta prevedibbiltà fil-kontinwità tas-servizzi. Jekk tasal għall-konklużjoni li s-servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni kienu ġew ipprovduti esklużivament minn GfBk, jew minn terzi oħrajn ukoll, u b’mod kontinwu, dan jikkonferma li din hija attività awtonoma biżżejjed sabiex tikkostitwixxi “unità distinta, evalwata b’mod globali”.

d)      In-natura irrilevanti tal-kriterju ta’ bidla fis-sitwazzjoni ġuridika u finanzjarja

40.      Finalment għandu jiġi eżaminat argument imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni, li d-deċiżjonijiet ġuridikament rilevanti ma humiex attribwibbli lil GfBk iżda lill-kumpannija ta’ mmaniġġjar, u dan jikkonferma n-nuqqas ta’ “maniġġjar” speċifiku u distint għall-finijiet tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.

41.      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ għaliex jista’ jiġi kkunsidrat li ġie impliċitament imwarrab mis-sentenza Abbey National. Kif ġie kkonstatat diġà, is-servizzi inkwistjoni f’din il-kawża kollha huma attivitajiet ordinarji u karatteristiċi tal-amministrazzjoni ta’ kumpannija ta’ mmaniġġjar, iżda ma hemm xejn x’jipprekludi li jiġu kklassifikati bħala “maniġġjar” speċifiku u distint skont l-Artikolu 13 li diġà ġie ċċitat ħafna. Din l-analiżi tikkonforma mal-idea li bidla f’sitwazzjoni ġuridika u finanzjarja ma hijiex indispensabbli, iżda teħtieġ esternalizzazzjoni sostanzjali tal-attività ta’ “maniġġjar”.

42.      Fil-fatt, l-Avukat Ġenerali Kokott ma aċċettatx il-kriterju stabbilit mill-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fuq dan il-punt (18), u l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-pożizzjoni tagħha. Fil-konklużjonijiet ippreżentati għas-sentenza Abbey National, l-Avukat Ġenerali ma aċċettatx l-applikazzjoni tal-kriterju msemmi [diġà użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ eżenzjonijiet oħrajn tal-Artikolu 13B(d)] filwaqt li invokat id-dispożizzjonijiet iktar ġenerali tal-punt 6, iżda rrilevat li “[j]ekk l-eżenzjoni kienet limitata għal attivitajiet li jipproduċu effetti fuq il-kompożizzjoni tal-portafoll, parti reżidwa biss tal-attività tal-fond ta’ investiment tiġi eżentata” (19). Jiena naqbel ma’ dan ir-raġunament u nikkunsidra li din hija l-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għaliex il-konklużjoni li waslet għaliha fis-sentenza Abbey National ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kriterju tal-bidla fis-sitwazzjoni ġuridika u finanzjarja.

e)      L-interpretazzjoni stretta tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva

43.      Fl-aħħar nett, ma nistax ma neżaminax oġġezzjoni iktar ġenerali li tirriżulta kemm mill-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll mir-Repubblika Ellenika dwar in-natura stretta marbuta mal-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, b’din l-oġġezzjoni tkun ibbażata fuq ġurisprudenza stabbilita sew li tgħid li, bħala eċċezzjonijiet għal regola ġenerali, l-eżenzjonijiet tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

44.      L-Avukat Ġenerali Kokott kienet diġà tat risposta korretta għal din l-oġġezzjoni fil-konklużjonijiet tagħha għas-sentenza Abbey National iċċitati iktar ’il fuq. F’dan it-test hija kienet enfasizzat li l-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva setgħet, f’ċerti każijiet, tikkonfliġġi ma’ prattika stabbilita sew fil-ġurisprudenza, fejn huwa mixtieq li jiġu interpretati b’mod uniformi l-istess termini f’atti ġuridiċi differenti. Madankollu, fil-każ partikolari tal-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva u tal-Anness II tad-Direttiva 85/611, b’riferiment għall-kunċett ta’ “maniġġjar”, l-Avukat Ġenerali kkonkludiet li l-oppożizzjoni kienet iktar illużorja milli reali. Skont din tal-aħħar, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 85/611 ma tipprovdi definizzjoni preċiża tal-espressjoni “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment”. Fil-qosor, u kif ingħad diġà, id-direttiva ċċitata iktar ’il fuq tirreferi għal-lista tal-Anness II bl-iktar b’mod indikattiv, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li għandhom il-qrati li jikkompletaw il-lista fid-dawl tal-għanijiet u tal-istruttura tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

45.      Għalhekk, il-proposta li qed nifformula għall-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkostitiwixxix interpretazzjoni estensiva tal-espressjoni “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment”. Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni li qiegħed nipproponi hija limitata sabiex tagħti sens lit-terminu “maniġġjar” fil-każ ta’ esternalizzazzjoni ta’ servizzi, filwaqt li tiġi żgurata l-koerenza ta’ interpretazzjoni ma’ strumenti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni. Din hija wkoll il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Abbey National meta kkunsidrat li l-fatt li jiġi interpretat l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva f’konformità mad-Direttiva 85/611 kien isaħħaħ l-interpretazzjoni mogħtija f’dak iż-żmien tat-terminu “maniġġjar” mingħajr ma dan jikkostitwixxi fi kwalunkwe każ interpretazzjoni estensiva tat-termini tal-eżenzjoni.

f)      Rikapitulazzjoni

46.      Fid-dawl tal-argumenti li għadhom kif tressqu, u wara li ġie eskluż li l-interpretazzjoni proposta tikkostitwixxi interpretazzjoni estensiva tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, nikkunsidra li din ir-regola għandha tiġi interpretata fis-sens li servizz ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ fond ta’ investiment u x-xiri jew il-bejgħ ta’ assi pprovduti minn terz jikkostitwixxi attività ta’ “maniġġjar” ta’ natura speċifika u distinta, sakemm l-awtonomija u l-kontinwità tas-servizz fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati effettivament mill-benefiċjarju tas-servizz ikunu stabbiliti, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

B –    It-tieni oġġezzjoni: kompatibbiltà mal-prinċipju allegat ta’ newtralità fiskali orizzontali.

47.      Il-Bundesfinanzhof sussegwentement tagħmel id-domanda jekk servizz bħal dak ipprovdut minn GfBk jistax jiġi distint minn servizzi oħrajn permezz ta’ karatteristika partikolari sabiex jiġi eżentat. Madankollu, sottintiż f’din id-domanda tal-qorti hija oġġezzjoni bbażata fuq dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ta’ newtralità fiskali “orizzontali”, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur tas-Sitt Direttiva li jirriżulta mill-għoti ta’ trattament fiskali iktar vantaġġjuż lil persuna partikolari (il-kumpannija ta’ mmaniġġjar jew il-kumpanniji ta’ investiment li jirrikorru għas-servizzi ta’ konsulenza) milli lil oħra (investituri li jagħmlu investiment direttament għalkemm jużaw ukoll servizzi ta’ konsulenza). Għalhekk jidhirli li meta tirreferi għall-“karatteristika partikolari” tas-servizz fid-domanda tagħha, il-Bundesfinanzhof trid tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan l-allegat trattament diskriminatorju.

48.      Jekk dan huwa s-sens tat-tieni parti tad-domanda preliminari, nikkunsidra li f’din il-kawża ma hemmx ksur ta’ prinċipju ta’ newtralità fiskali. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva jikkonsisti preċiżament f’li jiġi ffaċilitat l-investiment għall-investituri żgħar f’titoli permezz ta’ impriżi ta’ investiment. Wara din l-eżenzjoni stess hemm il-ħtieġa li tiġi ggarantita n-newtralità fiskali, li mingħajrha kull min jirrikorri għal forom kollettivi ta’ investiment jiġi ppenalizzat (suġġetti għall-VAT) għall-benefiċċju tal-investituri diretti (li jwettqu s-servizz huma stess). Billi l-investiment kollettiv għandu l-effett li jiffaċilita l-investiment għall-investituri żgħar jew għall-investituri li ma jkollhomx għarfien partikolari ta’ suq determinat, l-eżenzjoni tikkostitwixxi inċentiv għal dawn il-gruppi li l-leġiżlatur ikkunsidra li jimmeritahom appoġġ (20).

49.      Fi kwalunkwe każ, jekk wieħed isostni li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għal GfBk tikkostitwixxi trattament żvantaġġuż għall-investituri privati li jirrikorru direttament għas-servizzi tagħha meta mqabbla mal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar, dan iwassal għall-konstatazzjoni ta’ sensiela ta’ diskriminazzjonijiet bla tmiem. Kif iddikjarat riċentement l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Deutsche Bank, “jekk l-attivitajiet kollha li jkunu parzjalment f’kompetizzjoni bejniethom kellhom jirċievu l-istess trattament fir-rigward tal-VAT, dan iwassal finalment għall-eliminazzjoni tad-differenzi kollha fit-trattament għall-iskopijiet tal-VAT, peress li prattikament kull attività tikkoinċidi sa ċertu punt ma’ oħra” (21).

50.      Fis-sentenza mogħtija fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u żiedet tgħid li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali “ma huwiex regola tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni iżda huwa prinċipju ta’ interpretazzjoni, li għandu jiġi applikat b’mod parallel mal-prinċipju li jgħid li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett” (22).

51.      Għaldaqstant, li jiġi ammess li GfBk tibbenefika mill-eżenzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, fil-fehma tiegħi, ma jikkontradixxix il-ħtieġa ta’ newtralità fiskali mifhuma bħala projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bejn il-persuni taxxabbli li jkunu f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

C –    It-tielet oġġezzjoni: il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ delega mingħajr awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 85/611

52.      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Bundesfinanzhof tagħmel domanda dwar l-effett ta’ attività illegali fuq il-benefiċċju tal-eżenzjoni. Kif jirriżulta mill-proċess, fil-mument tat-twettiq tal-attività, il-KII ma kinitx irċeviet l-awtorizzazzjoni meħtieġa li kienet tippermettilha tiddelega s-servizz favur GfBk. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din is-sitwazzjoni tmur kontra d-Direttiva 85/611, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument li ġie pprovdut is-servizz. Għalhekk, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din iċ-ċirkustanza għandhiex xi effett fuq l-interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.

53.      Fuq dan il-punt, il-Gvern tar-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni biss esprimew ruħhom. Filwaqt li tal-ewwel jiddefendi l-inapplikabbiltà tal-eżenzjoni fil-każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ sorveljanza stabbiliti fid-Direttiva 85/611, it-tieni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-impożizzjoni tal-VAT fuq attivitajiet illeċiti. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ attività leċita jew illeċita ma għandux ikollha l-iċken effett fuq l-interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.

54.      Naqbel mar-risposta proposta mill-Kummissjoni iżda, għal raġunijiet li ser nispjega iktar ’l isfel, ma jidhirlix li huwa meħtieġ li neżamina fid-dettall il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impożizzjoni tal-VAT fuq attivitajiet illegali (23).

55.      Sabiex tiġi eżaminata din l-aħħar oġġezzjoni, għandu jiġi enfasizzat li kull delega timplika trasferiment tal-poter ta’ deċiżjoni u toħloq relazzjoni bejn id-delegant u d-delegat. Id-delega minnha nnifisha tagħti lid-delegat il-fakultà li jimmodifika sitwazzjonijiet ġuridiċi li jeżistu minn qabel jew li joħloq sitwazzjonijiet ġuridiċi ġodda, anki mingħajr il-kunsens tad-delegant. Għalhekk, dan jispjega li, meta kumpannija ta’ mmaniġġjar tiddelega l-funzjonijiet tagħha u tittrasferixxi l-poter deċiżjonali lil persuna oħra, u tagħtiha wkoll il-poter li timmodifika sitwazzjoni ġuridika, id-direttiva teħtieġ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti qabel id-delega.

56.      Issa, is-sitwazzjoni li qiegħda fiha GfBk hija ferm differenti. Fl-ebda mument ma ġiet iddelegata xi funzjoni essenzjali suġġetta għal mandat. Fil-fatt, l-attività tagħha tikkonsisti fil-“maniġġjar” ta’ fondi speċjali ta’ investiment, iżda dan il-“maniġġjar”, kif stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, huwa kunċett manifestament usa’ li mhux neċessarjament ikopri t-trasferiment tal-poter ta’ deċiżjoni, u għaldaqstant, il-modifika ta’ sitwazzjonijiet ġuridiċi. Diġà semmejt din il-karatteristika tal-attività ta’ “maniġġjar” fil-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u nirreferi għall-argumenti li huma mressqa hemmhekk.

57.      Għaldaqstant, u sa fejn it-terminu “maniġġjar” li hemm fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva jinkludi servizzi li ma jfissrux modifika ta’ sitwazzjonijiet ġuridiċi, nikkunsidra li n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti d-delega favur GfBk ma tpoġġix fid-dubju l-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenuta fl-artikolu ċċitat iktar ’il fuq.

V –    Konklużjoni

58.      Fid-dawl tal-argumenti mressqa preċedentement, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmulin mill-Bundesfinanzhof kif ġej:

“Il-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tad-Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, Sitt Direttiva dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni dwar l-imaniġġjar ta’ fond ta’ investiment u tax-xiri jew tal-bejgħ ta’ assi, ipprovdut minn terz, jikkostitwixxi attività ta’ “maniġġjar” ta’ natura speċifika u distinta, sakemm l-awtonomija u l-kontinwità tas-servizz fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati effettivament mill-benefiċjarju tas-servizz jiġu stabbiliti u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

L-interpretazzjoni proposta tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tad-Direttiva 77/388 ma hijiex impoġġija f’dubju minħabba l-kunsiderazzjoni tal-ħtieġa ta’ newtralità fiskali orizzontali.

Il-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tad-Direttiva 77/388/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn it-terminu “maniġġjar” jinkludi servizzi li ma jġibux modifika ta’ sitwazzjonijiet ġuridiċi, in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti d-delega favur GfBk ma jpoġġix fid-dubju l-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenuta fl-artikolu ċċitat iktar ’il fuq.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23; iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”)


3 – Għandu jiġi nnotat li l-leġiżlazzjoni applikabbli ratione temporis f’din il-kawża hija s-Sitt Direttiva. Madankollu, ir-raġunament segwit jista’ jiġi estiż għall-ġurnata tal-lum billi d-Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), li ħassret is-Sitt Direttiva, tistabbilixxi l-istess eżenzjoni u fl-istess termini fl-Artikoli 135(1)(g).



4 – Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-kordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) bl-iskop li jiġu rregolati kumpanniji ta’ amministrazzjoni u prospecta ssimplifikati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 287), u d-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), b’rigward għal investimenti ta’ UCITS (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 302).


5 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 2006 (C‑169/04, Ġabra p. I‑4027, punt 63).


6 – Ara l-punt 26 tas-sentenza Abbey National.


7 – Punt 66 tas-sentenza Abbey National iċċitata iktar ’il fuq.


8 – Punt 69 tas-sentenza Abbey National iċċitata iktar ’il fuq.


9 – Punt 62 tas-sentenza Abbey National iċċitata iktar ’il fuq.


10Ibidem.


11 – Punt 64 tas-sentenza Abbey National iċċitata iktar ’il fuq.


12 – Punt 66 tas-sentenza Abbey National iċċitata iktar ’il fuq (korsiv miżjud).


13 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C‑2/95, Ġabra p. I‑3017, punt 66), dwar il-punt 5 (“trażazzjonijiet […] fl-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijiet, debentures u titoli oħrajn […]”); tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services (C‑235/00, Ġabra p. I‑10237, punt 23); tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C‑453/05, Ġabra p. I-5083, punt 36) dwar il-punt 1 (“l-għoti jew in-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih”); tat-28 ta’ Ottubru 2010, AXA UK (C‑175/09, Ġabra p. I-10701, punt 27), dwar il-punt 3 (“transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli […]”; tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C‑242/08, Ġabra p. I‑10099, punt 45), dwar il-punt 2 (“in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanzija ta’ kreditu jew ta’ kwalunkwe garanzija għall-flus u l-immaniġġjar tal-garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti dan il-kreditu”) kif ukoll il-punt 3; jew tat-23 ta’ Settembru 2011, Nordea Pankki (C‑350/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27), dwar il-punt 5 iċċitata iktar ’il fuq.


14 – Punt 67 tas-sentenza Abbey National iċċitata iktar ’il fuq.


15 – Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/611.


16 – Punt 79 tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Abbey National fit-8 ta’ Settembru 2005.


17Ibidem.


18 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fit-18 ta’ Mejju 2004 fil-kawża BBI (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, C‑8/03, Ġabra p. I‑10157, punt 33).


19 – Punt 66 tal-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.


20 – Punti 27 u 28 tal-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.


21 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġererali Sharpston ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2012 (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, C‑44/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).


22 – Sentenza ċċitata fin-nota tal-qiegħ preċedenti, punt 45.


23 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Lange (C‑111/92, Ġabra p. I‑4677, punt 12), u tal-11 ta’ Ġunju 1998, Fischer (C‑283/95, Ġabra p. I‑3388, punt 21).