Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2015 minn National Iranian Oil Company PTE Ltd (NIOC), et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-4 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-577/12, NIOC et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-595/15 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: National Iranian Oil Company PTE Ltd (NIOC), National Iranian Oil Company International Affairs Ltd (NIOC International Affairs), Iran Fuel Conservation Organization (IFCO), Karoon Oil & Gas Production Co., Petroleum Engineering & Development Co. (PEDEC), Khazar Exploration and Production Co. (KEPCO), National Iranian Drilling Co. (NIDC), South Zagros Oil & Gas Production Co., Maroun Oil & Gas Co., Masjed-Soleyman Oil & Gas Co. (MOGC), Gachsaran Oil & Gas Co., Aghajari Oil & Gas Production Co. (AOGPC), Arvandan Oil & Gas Co. (AOGC), West Oil & Gas Production Co., East Oil & Gas Production Co. (EOGPC), Iranian Oil Terminals Co. (IOTC), Pars Special Economic Energy Zone (PSEEZ) (rappreżentant: J.-M.  houvenin, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza mogħtija fl-4 ta’ Settembru 2015 mis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-577/12;

tagħti lir-appellanti l-benefiċċju tat-talbiet li ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    Skont l-ewwel aggravju, l-apellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 44 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li dwar l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 267/2012 1 , ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012 2 , għandu jitqies bħala li jsemmi b’mod ċar li l-bażi legali tiegħu hija kkostitwita minn dan l-Artikolu 46(2).

2.    Skont it-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l;-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata, li huma miġbura fil-qosor fid-dikjarazzjoni li “mill-Artikolu 215(2) ma jirriżultax li l-miżuri restrittivi individwali meħuda kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali għandhom jittieħdu taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu 215(1) TFUE”. Minn naħa, l-Artikolu 215(1), l-unika dispożizzjoni tat-TFUE li tirrigwarda l-miżuri restrittivi, jgħid b’mod ċar li l-proċedura applikabbli għal tali miżuri hija dik il-proċedura li tipprevedi, u ma tipprevedix xi oħra; min-naħa l-oħra, l-Artikolu 291 TFUE huwa inkompatibbli mal-Artikolu 215(2) TFUE; susisdjarjament, l-Artikolu 291(2) TFUE ma tistax titqies bħala li jista’ jagħti lill-Kunsill bażi legali komplimentari għal dik li tikkostitwixxi l-Artikolu 215(2) TFUE għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi; fl-aħħar nett, u sussidjarjament anki kieku kellu jiġi deċiż li l-Artikolu 291(2) TFUE jista’ jagħti lill-Kunsill bażi legali komplimentari minn dak li jikkostiwixxi l-Artikolu 215(2) TFUE, għat-teħid ta’ miżuri restrittivi, l-użu ta’ din il-bażi legali xorta waħda tkun tibqa’, f’dan il-każ, illegali.

3.    Skont it-tielet aggravju, li huwa ppreżentat sussidjarjament fil-każ li jiġi deċiż li l-użu mill-Artikolu 291(2) TFUE, sabiex jibbaża t-teħid ta’ miżuri restrittivi individwali, huwa legalment possibbli fil-kuntest ta’ politika ta’ teħid ta’ miżuri restrittivi inizjalment ibbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 75 sa 83 tas-sentenza tagħha, li l-Kunsill tal-Unjoni kien, fil-kliem tal-Artikolu 291(2) “ġustifikat b’mod xieraq”, l-użu ta’ din il-proċedura ta’ deroga, li kienet l-uniku disponibbli f’dan il-każ. Minn naħa, il-ġustifikazzjoni rikjesta għandha tkun espliċita; min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li ġustifikazzjoni impliċita tista’ tissodisfaw dan ir-rekwiżit, hija ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali tinterpreta t-testi kkonċernati b’mod żbaljat.

4.     Skont ir-raba’ aggravju, li huwa ppreżentat sussidjarjament fil-każ li jinstab li l-użu mill-Artikolu 291(2) TFUE, sabiex jibbaża t-teħid ta’ miżuri restrittivi individwali, huwa legalment possibbli fil-kuntest ta’ politika ta’ teħid ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 87 tas-sentenza tagħha, li l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, “jirriżerva għall-Kunsill il-kompetenza li timplementa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) u (3) tal-imsemmi regolament”, li huwa biżżejjed sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni fi-rigward tal-indikazzjoni tal-bażi legali ta’ din id-dispożizzjoni, li tkun l-Artikolu 291(2) 2 TFUE. Huwa, skont l-appellaneti, permezz ta’ interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012 li l-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni.

5.    Skont il-ħames aggravju, li huwa ppreżentat sussidjarjament fil-każ li jiġi deċiż li l-użu mill-Artikolu 291(2), sabiex jibbaża t-teħid ta’ miżuri restrittivi individwali, huwa legalment possibbli fil-kuntest ta’ politika ta’ teħid ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punti 86 sa 88 tas-sentenza tagħha, billi qieset li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni ma jobbligax lill-Kunsill li jindika espressament li r-Regolament Nru 267/2012 kien ibbażat fuq l-Artikolu 291(2) TFUE, fir-rigward tal-bażi legali tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012.

6.    Skont is-sitt aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 100 u 103 u wkoll fil-punti 108 u 110, li l-osservanza, permezz ta’ miżuri restrittivi meħuda mill-Unjoni, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà tal-liġi, li minnha jirriżulta li l-imsemmija miżuri għandhom ikunu ċari u preċiżi, huma vverifikati fir-rigward tar-regoli tal-ġurisprudenza ta’ interpretazzjoni uniformi tal-atti tal-Unjoni, li jeħtieġu li dawn l-atti jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwa uffiċjali oħra.

7.    Skont is-seba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 134 tas-sentenza tagħha, meta ddeċidiet li l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (il-kriterju kontenzjuż) huwa konformi mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u b’mod iktar ġenerali mad-dritt tal-Unjoni Ewropea għaliex ma huwiex “a arbitrarju jew diskrezjonali” u, fil-punt 140 tas-sentenza tagħha, li “l-kriterju kontenzjuż jillimita s-setgħa dikrezzjonali tal-Kunsill, billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi, u jiggarantixxi l-grad ta’ prevedibbiltà rikjest mid-dritt tal-Unjoni”. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat il-kriterju kontenzjuż b’riferiment għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012 Melli Bank vs Il-Kunsill (C-380/09 P).

8.    Skont it-tmien aggravju, sussidjarjament, l-appellanti jsostnu li, jekk jiġi preżunt li s-sens li għandu tingħata lill-kelma “assoċjazzjoni” huwa dak mogħta mill-Qorti Ġenerali, hemm lok li jiġi kkonstatat li ġie applikat b’mod żbaljat f’dan il-każ.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010; ĠU L 88, p. 1.

2 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, ĠU L 283, p. 16.