Language of document : ECLI:EU:T:2011:283

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Olandiż tal-birra – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Prova tal-ksur – Aċċess għall-fajl – Multi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T‑235/07,

Bavaria NV, stabbilita f’Lieshout (il-Pajjizi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentata minn O. Brouwer, D. Mes, A. Stoffer, sussegwentement minn O. Brouwer, A. Stoffer u P. Schepens, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, inizjalment minn A. Bouquet, S. Noë u A. Nijenhuis, sussegwentement minn A. Bouquet u S. Noë, bħala aġenti, assistiti minn M. Slotboom, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1697, tat-18 ta’ April 2007, dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B‑2/37.766 - Is-suq Olandiż tal-birra), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), A. Dittrich u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Bavaria NV, hija kumpannija li l-attività tagħha tikkonsisti fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-birra u ta’ xarbiet friski mhux alkoħoliċi.

2        Bavaria NV hija waħda mill-erba’ kumpanniji prinċipali fis-suq Olandiż tal-birra. Il-produtturi tal-birra predominanti l-oħra f’dan is-suq huma, fl-ewwel lok, il-grupp Heineken (iktar ’il quddiem “Heineken”) li d-direzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-kumpannija Heineken NV u l-produzzjoni tiegħu hija responsabbilità tal-kumpannija sussidjarja Heineken Nederland BV, fit-tieni lok, l-grupp InBev (iktar ’il quddiem “InBev”), li qabel l-2004, kien magħruf taħt l-isem Interbrew u li d-direzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-kumpannija Inbev NV u l-produzzjoni tiegħu responsabbiltà tal-kumpannija sussidjarja InBev Nederland NV, u fit-tielet lok, il-grupp Grolsch (iktar ’il quddiem “Grolsch”) li d-direzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-kumpannija Koninklijke Grolsch NV.

3        Ir-rikorrenti u t-tliet produtturi tal-birra prinċipali l-oħra f’dan is-suq ibiegħu l-birra tagħhom lill-klijent finali, partikolarment permezz ta’ żewġ mezzi ta’ distribuzzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, iċ-ċirkwit ta’ stabbilimenti “horeca”, jiġifieri l-lukandi, ir-restoranti u l-kafetteriji, fejn il-konsum isir fuq il-post, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkwit “food” ta’ supermarkets u ta’ ħwienet tal-inbid u tal-ispirti, fejn ix-xiri tal-birra huwa maħsub għal konsum fid-djar. Dan l-aħħar settur jinkludi wkoll il-parti tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur. Minn fost l-erba’ produtturi tal-birra kkonċernati, huma biss InBev u Bavaria li huma attivi f’din il-parti.

4        Dawn l-erba’ produtturi tal-birra huma membri tas-Centraal Brouwerij Kantoor (iktar ’il quddiem “CBK”). Din tal-aħħar hija organizzazzjoni federattiva li, skont l-istatut tagħha, tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha u hija komposta minn assemblea ġenerali u minn diversi kummissjonijiet, bħall-kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet “horeca” u l-kummissjoni finanzjarja, li saret il-bord tad-diretturi. Fir-rigward tal-laqgħat li jsiru fis-CBK, is-segretarjat tagħha jistabbilixxi avviżi u fajls uffiċjali enumerati b’mod kontinwu u li jintbagħtu lill-membri parteċipanti.

 Il-proċedura amministrattiva

5        Permezz tal-ittri tat-28 ta’ Jannar 2000 kif ukoll tat-3, tal-25 u tad-29 ta’ Frar 2000, InBev ipprovdiet serje ta’ dikjarazzjonijiet dwar informazzjoni fuq prattiki kummerċjali restrittivi fis-suq Olandiż tal-birra. Dawn id-dikjarazzjonijiet saru waqt investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, partikolarment fl-1999, fuq prattiki ta’ akkordju u fuq abbuż eventwali minn pożizzjoni dominanti fis-suq Belġjan tal-birra. B’mod konġunt ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet, InBev ressqet talba ta’ klemenza skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).

6        Fit-22 u fit-23 ta’ Marzu tal-2000, wara d-dikjarazzjonijiet ta’ InBev, twettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-bini tar-rikorrenti u f’dawk ta’ impriżi oħra kkonċernati. Barra minn hekk, bejn l-2001 u l-2005 intbagħtu talbiet għall-informazzjoni supplementari lir-rikorrenti.

7        Fit-30 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi oħra kkonċernati. Permezz tal-ittra tal-24 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar dik id-dikjarazzjoni. Ħadd mill-partijiet ma talab seduta orali.

8        Permezz tal-ittri tas-7 ta’ Marzu u tat-8 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni kkomunikat dokumenti supplementari lir-rikorrenti. Dawn kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, f’talbiet għal informazzjoni indirizzati lil InBev kif ukoll f’risposti li ngħatawlhom kif ukoll f’nota interna mingħand Heineken.

9        Fit-18 ta’ April 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2007) 1697 dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B/37.766 − Is-suq Olandiż tal-birra, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li s-sunt tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008 C 122, p. 1), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2007.

 Id-deċiżjoni kkontestata

 Il-ksur inkwistjoni

10      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti u l-kumpanniji InBev NV, InBev Nederland, Heineken NV, Heineken Nederland u Koninklijke Grolsch ipparteċipaw, matul il-perijodu ta’ bejn is-27 ta’ Frar 1996 u t-3 ta’ Novembru 1999, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE, li jikkonsisti f’għadd ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

11      Il-ksur ikkonsista, fl-ewwel lok, fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u fiż-żidiet tal-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar, inkluż fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, fit-tieni lok, fil-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lill-klijenti individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħal tislif lill-istabbilimenti, u, fit-tielet lok, fil-koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar fil-Pajjiżi l-Baxxi (Artikolu 1 u premessi 257 u 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      L-aġir antikompetittiv tal-produtturi tal-birra seħħ, skont id-deċiżjoni kkontestata, waqt ċiklu ta’ laqgħat multilaterali mhux uffiċjali li kienu b’mod regolari jlaqqgħu flimkien l-erba’ atturi prinċipali fis-suq Olandiż tal-birra, kif ukoll waqt laqgħat bilaterali kumplementari li jinvolvu l-istess produtturi tal-birra f’diversi konfigurazzjonijiet. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dawn il-laqgħat seħħu b’mod sigriet, b’mod intenzjonali fejn il-parteċipanti kienu jafu li huma ma kinux awtorizzati (premessi 257 sa 260 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, saru serje ta’ laqgħat multilaterali msejħa “Catherijne overleg” (prattika miftiehma Catherijne) jew “agendacommissie” (kummissjoni tal-aġenda) bejn is-27 ta’ Frar 1996 u t-3 ta’ Novembru 1999. Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li dawn il-laqgħat, li jikkonċernaw is-settur “horeca”, iżda li jistgħu jirrigwardaw ukoll is-settur tal-konsum fid-djar, essenzjalment kellhom bħala għan li jikkoordinaw il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-birra, li jiddiskutu l-limitazzjoni tal-ammont ta’ skontijiet u tat-tqassim tal-klijentela kif ukoll li jiftiehmu fuq ċerti kundizzjonijiet kummerċjali oħra. Il-prezz tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ukoll ġie diskuss matul dawn il-laqgħat (premessi 85, 90, 98, 115 sa 127 u 247 sa 252 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntatti bilaterali bejn il-produtturi tal-birra, id-deċiżjoni kkontestata tindika li fit-12 ta’ Mejju 1997, InBev u r-rikorrenti ltaqgħu u ddiskutew iż-żieda tal-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, Heineken u r-rikorrenti ltaqgħu fl-1998 bil-għan li jiddiskutu r-restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-punti ta’ bejgħ fis-settur “horeca” (premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tindika li saru wkoll kuntatti bilaterali f’Lulju 1999 bejn Heineken u Grolsch fir-rigward ta’ kumpens li ngħata lill-klijenti fis-settur tal-konsum fid-djar li rriżulta fi tnaqqis temporanju tal-prezzijiet (premessi 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Finalment, skont id-deċiżjoni kkontestata, fl-1997, bejn InBev u r-rikorrenti saru kuntatti bilaterali u skambji ta’ informazzjoni rigward diskussjonijiet ġenerali dwar il-prezz tal-birra kif ukoll diskussjonijiet li jirrigwardaw ukoll il-marka tad-distributur. Il-kuntatti bilaterali, fil-forma ta’ skambji ta’ informazzjoni, rigward il-marka tad-distributur, kienu jinvolvu wkoll produtturi tal-birra Belġjani matul Ġunju u Lulju tal-1998 (premessi 105, 222 sa 229 u 232 sa 236 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti

16      L-Artikolu 3(c) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi multa ta’ EUR 22 850 000 fuq ir-rikorrenti.

17      Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ din il-multa, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u l-metodoloġija stabbilita fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) (premessi 436 u 442 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont din il-metodoloġija, l-iffissar tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sar abbażi tal-gravità u t-tul tal-ksur (premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      B’mod partikolari, il-ksur ġie kklassifikat bħala “gravi ħafna” sa fejn kien essenzjalment jikkonsisti fil-koordinazzjoni regolari tal-prezzijiet, taż-żidiet fil-prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra u fit-tqassim tal-klijentela (premessa 440 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll in-natura sigrieta u intenzjonata tal-aġir antikompetittiv kif ukoll tal-fatt li l-ksur affettwa t-territorju kollu tal-Pajjiżi l-Baxxi u s-suq kollu tal-birra, jiġifieri kemm is-settur “horeca” kif ukoll is-settur tal-konsum fid-djar (premessi 453 u 455 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li f’dan il-każ ma ttiħidx inkunsiderazzjoni l-effett reali fuq is-suq Olandiż tal-aġir antikompetittiv peress li dan ma setax jitkejjel (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Barra min hekk, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat fir-rigward tar-rikorrenti bil-għan li tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali tagħhom u l-piż individwali tagħhom fl-aġir ikkonstatat li jikkostitwixxi ksur. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni wżat il-figuri tal-bejgħ ta’ birra li twettaq mir-rikorrenti fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-1998, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa tal-ksur. Fuq dik il-bażi, ir-rikorrenti ġew ikklassifikati fit-tielet u fl-aħħar kategorija, li tikkorrispondi għal ammont inizjali ta’ EUR 17 miljun (premessa 462 u 464 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti kienet ħadet sehem fil-ksur mis-27 ta’ Frar 1996 sat-3 ta’ Novembru 1999, jiġifieri matul perijodu ta’ 3 snin u 8 xhur, dan l-ammont inizjali żdied b’35 % (premessi 465 u 469 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont bażiku ġie stabbilit għal EUR 22 950 000 (premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ EUR 100 000 mill-ammont tal-multa, sa fejn hija ammettiet li, f’dan il-każ, it-tul tal-proċedura amministrattiva ma kienx raġonevoli (premessi 495 sa 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

23      B’deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2010, il-Qorti Generali rrinvijat il-kawża quddiem is-Sitt Awla Estiża skont l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

24      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Frar 2010, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, li għalihom din tal-aħħar wieġbet fit-terminu stabbilit.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2010.

26      Minħabba l-impediment tal-Imħallef Relatur wara l-għeluq tal-proċedura orali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid u din is-sentenza ġiet iddeliberata mit-tliet Imħallfin li ffirmaw din is-sentenza, skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura.

27      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jew parzjalment, sa fejn din tikkonċernahom;

–        tanulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fit-tieni lok, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-preżunzjoni tal-innoċenza, tal-prinċipju tal-legalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fit-tielet lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur, fir-raba’ lok, fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, fil-ħames lok, fuq ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, u fis-sitt lok, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet ta’ difiża, li jikkonsistu fir-rifjut għal aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-partijiet l-oħra kkonċernati kif ukoll għal dokument li jagħmel parti mill-fajl.

30      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġu eżaminati, qabel xejn, it-tieni u t-tielet motivi, li huma intiżi, essenzjalment, li jikkontestaw il-ksur, sussegwentement, l-ewwel u s-sitt motivi, ibbażati fuq allegati difetti proċedurali u fl-aħħar nett, ir-raba’ u l-ħames motivi, li jikkonċernaw l-iffissar tal-ammont tal-multa u t-tul tal-proċedura amministrattiva rispettivament.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-preżunzjoni tal-innoċenza, tal-prinċipju tal-legalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni, minn naħa, li l-Kummissjoni interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kunċetti ta’ “akkordju”, ta’ “prattika miftiehma” u ta’ “ksur uniku u kontinwat” u, min-naħa l-oħra, li hija wettqet żbalji ta’ liġi u evalwazzjoni tal-fatti, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur kemm dwar is-settur “horeca” kif ukoll dwar is-settur tal-konsum fid-djar, inkluż il-parti tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      Skont l-Artikolu 81(1) KE, huma inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

34      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p.II‑1711, punt 256, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

35      Jista’ jiġi kkunsidrat li jiġi konkluż ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE meta jkun hemm qbil bejn l-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

36      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma tikkonċerna forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għal ftehim veru u proprju, xjentement tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

37      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta fuq dan tal-aħħar, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

38      Hemm lok li jitfakkar, fir-rigward tal-ġbir tal-provi ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, li l-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi neċessarji sabiex tintwera, sal-grad rikjest mill-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas 17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 86).

39      Għalhekk, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova mressqa mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Ikun suffiċjenti li l-gamma ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati b’mod globali jkunu jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punti 179 u 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fid-dawl tan-notorjetà tal-projbizzjoni ta’ ftehim antikompetittiv, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li hija tipproduċi provi li juru b’mod espliċitu kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. Il-provi frammentarji u skarsi li jista’ jkollha l-Kummissjoni għandhom, fi kwalunwe ipoteżi, jkunu jistgħu jiġu kkompletati permezz ta’ deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawsibbli, jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57).

42      Peress li l-Kummissjoni invokat provi dokumentarji insostenn tal-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika antikompetittiva, huma l-partijiet li jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li għandhom, mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għat-teorija tal-Kummissjoni, iżda jqajmu l-insuffiċjenza tal-provi stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 187).

43      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali jkollha quddiemha rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ġewx sodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-Imħallef għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, li bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea japplika b’mod partikolari għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 149 u 150, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas 27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punti 60 u 61).

45      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi li l-aġir tar-rikorrenti kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

–       Fuq id-dikjarazzjoni ta’ InBev

46      Hemm lok li jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha ampjament (ara, b’mod partikolari, il-premessi 40 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata) fuq id-dikjarazzjoni pprovduta minn InBev, fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza, permezz tal-ittri tat-28 ta’ Jannar, tat-3, tal-25 u tad-29 ta’ Frar 2000, ikkompletati bid-dikjarazzjonijiet annessi ta’ ħames diretturi ta’ InBev (premessi 34 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata, iktar ’il quddiem, flimkien imsejħa, id-“dikjarazzjoni ta’ InBev”).

47      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li d-dikjarazzjoni ta’ InBev tindika l-eżistenza ta’ “forom differenti ta’ prattiċi miftiehma […] bejn il-produtturi tal-birra fis-suq Olandiż tal-birra”, u tagħmel distinzjoni bejn il-laqgħat uffiċjali tal-assemblea ġenerali tas-CBK, il-laqgħat informali tal-kummissjoni finanzjarja tas-CBK u l-“laqgħat l-oħra” paralleli msejħa “prattika miftiehma Catherijne” li l-istruttura tagħhom kienet tvarja u li fir-rigward tagħhom InBev tiddikjara li ma sabitx traċċi bil-miktub. Il-“laqgħat l-oħra” jistgħu b’mod partikolari jiġu sottodiviżi fi: “i) laqgħat tad-diretturi horeca tal-erba’ produtturi prinċipali tal-birra (Heineken, Interbrew, Grolsch u Bavaria) […]; ii) laqgħat komuni tad-diretturi horeca u tad-diretturi responsabbli għall-konsum fid-djar (tnejn fl-1998) u iii) laqgħat tad-diretturi responsabbli għall-konsum fid-djar (wieħed fl-1999 […])” (premessi 41 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, il-kummissjoni finanzjarja “kienet tinkludi aġenda uffiċjali, iżda kienet tikkostitwixxi wkoll forum ta’ diskussjoni fuq l-iffissar tal-prezzijiet għas-settur tal-konsum fid-djar u s-settur tal-horeca [; ma] hemm l-ebda rendikont ta’ [dawn] id-diskussjonijiet” (premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Skont l-istess dikjarazzjoni, is-suġġetti diskussi matul “laqgħat oħra” koprew ukoll kemm is-settur tal-“horeca” kif ukoll is-settur tal-konsum fid-djar u l-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-settur “horeca”, ġew diskussi żewġ suġġetti prinċipali: “kien jeżisti ftehim fundamentali li jikkonċerna l-iffissar ta’ skontijiet massimi skont il-volum għas-settur tal-horeca […] suġġett ta’ konsultazzjoni ieħor kien jikkonċerna l-investimenti li twettqu fi ħdan il-horeca [; l]-idea kienet tikkonsisti fiż-żamma tal-istatus quo fis-settur u li jiġi evitat li jittieħdu klijenti minn produtturi oħra tal-birra” (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Direttur ta’ InBev jindika li huwa ma kienx jaf il-kontenut preċiż tal-imsemmi ftehim u direttur ieħor iddeskrivih bħala “ftehim kumpless u vag ħafna dwar l-iskali (skontijiet mogħtija lil-horeca), li qatt ma kkollaborajna fih”, li jindika li “[il-]prattika miftiehma kienet tikkonsisti f’laqgħa ta’ darbtejn fix-xahar tad-diretturi horeca li matulhom huma kienu jiddiskutu ksur magħruf tar-‘regola’ (peress li din kienet vaga; kienu jitkellmu dwar eċċess tas-suq)” (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-settur tal-konsum fid-djar, skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, id-diskussjonijiet kienu jirrigwardaw kemm il-livell tal-prezzijiet b’mod ġenerali kif ukoll is-suġġett speċifiku tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur.

53      Fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet inġenerali, wieħed mid-diretturi ta’ InBev iddikjara li “kien jiġri spiss li produttur tal-birra jżid il-prezzijiet wara li jkun ħabbar dan minn qabel lill-produtturi sħabu tal-birra […;] l-inizjattiva kienet dejjem toriġina minn wieħed mill-produtturi l-kbar tal-birra u, b’mod ġenerali, minn Heineken [; f’] dan il-każ, il-produtturi l-oħra tal-birra kien ikollhom il-ħin neċessarju sabiex jadottaw pożizzjoni [ ; ] jekk il-produtturi tal-birra kienu jallinjaw il-prezzijiet tagħhom wieħed fuq l-ieħor b’mod ġenerali, kull wieħed minnhom kien ikollu u kien iżżomm madankollu l-politika individwali tiegħu tal-prezzijiet” (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, InBev tindika li d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kienet issir bejn l-atturi Olandiżi tas-settur (Bavaria u Oranjeboom, li ġiet akkwistata minn Interbrew) mill-1987. Hija żżid li “ż-żewġ partijiet ftiehmu, wara li wkoll tkellmu flimkien, li huma ma kellhom jaċċettaw l-ebda ndħil fiċ-ċirkli rispettivi tagħhom ta’ klijenti tal-marki tad-distributur li twassal għal telf fil-volum” (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Fir-rigward tal-implikazzjoni ta’ Heineken u ta’ Grolsch f’dan is-settur, skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, “is-suq Olandiż huwa kkaratterizzat minn diskrepanza sinjifikattiva bejn il-prezz tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (‘marki B’) u [ta’ marki oħra (‘marki A’) ;] Heineken, li ma hijiex preżenti fis-settur tal-marki tad-distributur, dejjem irrifjutat żidiet fil-prezzijiet għall-marki A sakemm il-prezz tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ma jiżdiedx [; b’] dan il-mod, hija kienet teżerċita pressjoni indiretta, b’mod partikolari fuq il-produtturi tal-marki tad-distributur, bħal Bavaria u Interbrew” (premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      InBev iddikjarat li l-prezzijiet tal-marki tad-distributur ukoll ġew diskussi bejn l-erba’ produtturi tal-birra, fi kliem ieħor, fil-preżenza ukoll ta’ Grolsch, fil-kuntest tat-tema iktar ġenerali ta’ diverġenzi li għandhom jinżammu bejn il-prezzijiet tal-marki tal-birra. Skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, “Heineken u Grolsch ma żiedux il-prezzijiet tagħhom matul is-snin u l-prezzijiet tal-birer tal-marka u tal-marka tad-distributur ta’ produtturi oħra tal-birra lanqas ma żdiedu [; f’] dawn l-aħħar snin, Bavaria u Interbrew żiedu l-prezzijiet tagħhom, segwiti minn Grolsch” (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa rrilevat ukoll li, “f’dawn l-aħħar 3 sa 4 snin, dawn il-konsultazzjonijiet informali ġew integrati fil-prattika miftiehma Catherijne fil-horeca, li fihom kienu jipparteċipaw ukoll rappreżentanti tas-CBK [ ; ] wara xi laqgħat, ġie deċiż li dawn il-laqgħat jinqasmu mill-ġdid f’laqgħat dwar il-konsum fid-djar u laqgħat horeca” (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Barra minn hekk, InBev iddikjarat li l-kisba ta’ ċertu parti mis-suq mill-produttur tal-birra Belġjan Martens mill-1996-1997 wasslet għal “ftehim bejn produtturi tal-birra Belġjani u Olandiżi attivi fis-suq tal-marki tad-distributur [ ; ] saru żewġ laqgħat [fi] Breda fl-1998 [… ; ] ġie miftiehem li għandhom jiġi osservati l-volumi rispettivi tal-marki tad-distributur mibjugħa lill-klijenti stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju” (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Skont id-dikjarazzjonijiet tad-diretturi ta’ InBev, il-“laqgħat l-oħra” kienu organizzati sabiex tiġi żgurata reċiprokament “aggressività ta’ natura limitata” fis-suq (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, tad-19 ta’ Diċembru 2001, InBev indikat li “djarji ta’ snin preċedenti u noti meħuda waqt laqgħat informali ġew distrutti fl-aħħar ta’ Novembru 1998 [ ; ] kien qrib dan il-perijodu li bdiet tiġi rrilevata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma bejn produtturi tal-birra Olandiżi fis-suq u li nħolqot il-biża’ ta’ kontroll min-naħa tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni [ ; ] reġgħu ġew distrutti djarji fis-snin ta’ wara” (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Jeħtieġ jiġi rrilevat qabel kollox li l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu lill-Kummissjoni tinvoka, fil-konfront ta’ impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra inkriminati. Jekk tali ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni ta’ aġir li jikser l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li hija attribwita lilha mit-Trattat KE (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestawx l-indikazzjonijiet tad-dikjarazzjoni ta’ InBev li saru laqgħat bejn rappreżentanti tal-produtturi Olandiżi tal-birra. Hija lanqas ma tikkontesta li hija kienet irrappreżentata fil-parti l-kbira ta’ dawn il-laqgħat u li, matul dawn tal-aħħar, saru diskussjonijiet dwar il-prezz fis-suq Olandiż, kif ukoll dwar l-iskontijiet għall-klijenti tas-settur “horeca”.

62      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata, b’mod korrett, li kienu nżammu l-laqgħat invokati fid-dikjarazzjoni ta’ InBev u li r-rappreżentanti tar-rikorrenti kienu effettivament ipparteċipaw, minn tal-inqas, għal ċertu numru ta’ dawn il-laqgħat.

63      Madankollu, ir-rikorrenti tiċħad li d-diskussjonijiet li saru waqt il-laqgħat inkwistjoni wasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim illegali jew għat-twettiq ta’ prattika miftiehma antikompetittiva. Huma jsostnu li l-imsemmija laqgħat kienu essenzjalment jirrigwardaw suġġetti leġittimi u li, sa fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni fuq is-suq, dan ma sarx għal għanijiet antikompetittivi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ InBev billi jsostnu li din tal-aħħar hija vaga, inkoerenti u intrinsikament kontradittorja.

64      B’mod partikolari, fir-rigward tan-natura kontradittorja tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, ir-rikorrenti ssostni li din tinkludi serje ta’ dikjarazzjonijiet li jiskaġunaw.

65      Minn naħa, dawn huma siltiet mid-dikjrazzjonijiet kumplimentari ta’ InBev tat-3 ta’ Frar 2000, li jindikaw dan li ġej: “‘tkellimna fuq kollox sabiex reċiprokament nagħtu l-impressjoni li aħna nibqgħu kalmi fis-suq. Kienet biss ftit jew ma kinitx kwistjoni ta’ skali u ta’ punti ta’ bejgħ. Fil-fatt, wieħed kien jieħu lill-ieħor biċ-ċajt’. F’dawn l-aħħar snin, dawn il-laqgħat kienu tilfu iktar u iktar is-sustanza tagħhom u l-prattika miftiehma saret ta’ natura iktar vaga” (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tirreferi għal ċerti siltiet tad-dikjarazzjonijiet tad-diretturi ta’ InBev, li jipprovdi, b’mod partikolari: “ma kien jeżisti l-ebda ftehim għas-settur tal-ikel”; “madankollu ż-żidiet fil-prezz ma ġewx applikati fil-kuntest tal-ftehim”; “ma nafx bil-ftehim fis-settur tal-marki tad-distributur”; “din il-laqgħa ma kienx fiha wisq konsistenza. Kienet iktar laqgħa informali, mingħajr aġenda partikolari. Saru kummenti ġenerali dwar l-iskontijiet. Kelli l-impressjoni li kienet ilha teżisti minn snin ilu xi forma ta’ sistema ta’ skala jew regola għall-iskontijiet, iżda dan qatt ma ntqal b’mod speċifiku. Tkellimna biss fuq ammonti globali ta’ skontijiet f’termini ġenerali ħafna, li kienet l-okkażjoni sabiex jissemmew ċerti ġrajjiet”, “[Interbrew] ma pparteċipatx għal ebda ftehim fuq il-prezzijiet”; “barra minn hekk, ma hemm ebda konċertazzjoni. Aħna mxejna b’mod kompletament indipendenti u waqt iż-żidiet tal-prezzijiet tal-birer kollha fl-1999, żidna l-marki A (wara li Bavaria u Grolsch kienu għamlu dan ftit xhur qabel) u l-klijenti tagħna rreżistewna b’mod qawwi għall-marki tad-distributuri [...] u għalhekk aġixxejna b’mod tassew legali”.

67      Ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma inkompatibbli mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 81 KE. Skont ir-rikorrenti minn dawn jirriżulta li ż-żidiet tal-prezzijiet applikati fis-settur tal-konsum fid-djar la kienu miftiehma u lanqas innotifikati, li Interbrew kienet tiddetermina b’mod kompletament indipendenti l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha, li l-produtturi tal-birra Olandiżi kienu kompetittivi, u li ma kien hemm ebda ftehim bejn il-produtturi tal-birra dwar it-tnaqqis mogħti lis-settur “horeca”.

68      Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis li sar mir-rikorrenti abbażi ta’ ċerti elementi tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, li jindika n-natura ġenerali tad-diskussjonijiet, in-nuqqas ta’ ftehim għal ċerti setturi u n-nuqqas ta’ effett tad-diskussjonijiet dwar l-aġir tal-produtturi tal-birra fis-suq, ma jistgħux, fihom infushom, jikkonfutaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tal-eżistenza tal-ksur.

69      Fil-fatt, fir-rigward tal-allegata natura ġenerali tal-imsemmija dikjarazzjoni, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni hija spiss imġiegħla tipprova l-eżistenza ta’ ksur f’ċirkustanzi li ma tantx huma xierqa għal dan il-kompitu, inkwantu setgħu jiddekorru diversi snin wara ż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li diversi impriżi li kienu suġġett tal-investigazzjoni ma kkooperawx b’mod attiv magħha. Jekk hija neċessarjament il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim illeċitu ta’ tqassim tas-swieq, ikun eċċessiv li jintalab, barra minn hekk, li hija tipproduċi prova tal-mekkniżmu speċifiku li bih għandu jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, ikun faċli wisq għal impriża li wettqet ksur li tevita kull sanzjoni jekk hija tkun tista’ tinvoka l-argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-funzjonament tal-ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod utli f’tali sitwazzjoni sakemm dawn ikollhom l-opportunità li jikkummentaw fuq il-provi kollha invokati kontrihom mill-Kummissjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 203; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal 25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 50).

70      Sussegwentement, fir-rigward tal-allegata natura kontradittorja tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, inkwantu tinkludi indikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ effett fuq is-suq tal-aġir ikkontestat, għandu jitfakkar li mit-test stess tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 81 KE jirriżulta li l-ftehim u l-prattiki miftiehma bejn imprizi huma pprojbiti, indipendentement minn kull effett fuq is-suq, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 163 sa 166, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 29).

71      Għalhekk, peress li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kontradetta permezz ta’ indikazzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ arranġamenti ta’ kollużjoni jew in-nuqqas ta’ effett fuq is-suq.

72      Fir-rigward tal-allegati indikazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ ftehim fis-settur tal-konsum fid-djar u fis-settur “horeca”, jeħtieġ li jiġi osservat li s-siltiet invokati mir-rikorrenti, moqrija fil-kuntest tagħhom, ma għandhom bl-ebda mod l-effett li jeskludu l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma fis-setturi kkonċernati.

73      Fil-fatt, fir-rigward tas-settur tal-konsum fid-djar (bejgħ bl-imnut), id-dikjarazzjoni magħmula minn wieħed mid-diretturi ta’ InBev, li “ma kien jeżisti l-ebda ftehim għal [dak] is-settur”, hija segwita minn deskrizzjoni konkreta tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet applikat mill-produtturi tal-birra. Il-parti rilevanti tipprovdi kif ġej (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Ma kienx jeżisti ftehim għas-settur tal-bejgħ bl-imnut (‘Food’). Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet tal-birra, kien jiġri spiss li produttur tal-birra jżid il-prezzijiet wara li jkun ħabbar dan minn qabel lill-produtturi sħabu tal-birra. Meta wieħed mill-partijiet ikun għamel tali dikjarazzjoni, kienet issegwi diskussjoni dwar l-impatt ta’ tali żieda fuq is-suq; filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet madankollu kienet minkejja kollox tidħol fis-seħħ. L-inizjattiva kienet dejjem toriġina minn wieħed mill-produtturi l-kbar tal-birra u b’mod ġenerali, minn Heineken. F’każ simili, il-produtturi l-oħra tal-birra kien ikollhom il-ħin neċessarju sabiex jadottaw pożizzjoni. Jekk il-produtturi tal-birra kienu jallinjaw il-prezzijiet tagħhom wieħed fuq l-ieħor b’mod ġenerali, kull wieħed minnhom kien ikollu u kien iżżomm madankollu l-politika individwali tiegħu tal-prezzijiet”.

74      F’dan il-kuntest, il-fatt waħdu li d-direttur ta’ InBev għamel referenza għan-nuqqas ta’ “ftehim” ma jistax jikkostitwixxi argument validu, peress li hija l-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, il-Qorti Ġenerali li għandha tipproċedi għall-klassifikazzjoni legali tal-aġir deskritt fid-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawk responsabbli għall-impriżi kkonċernati.

75      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ ftehim u tal-osservanza ta’ ftehim fis-settur “horeca”, għandu jiġi kkonstatat li s-siltiet mid-dikjarazzjoni kumplimentari ta’ InBev tat-3 ta’ Frar 2000 u tad-dikjarazzjonijiet tad-diretturi ta’ InBev, iċċitati fil-punti 65 u 66 iktar ’il fuq, ma għandhomx bħala effett li jeskludu l-eżistenza ta’ ftehim dwar l-iskontijiet mogħtija lill-klijenti ta’ dan is-settur. Billi wrew li d-diskussjonijiet kienu ta’ natura ġenerali u kien biss rari li kellhom bħala suġġett l-iskali u punti ta’ bejgħ preċiżi, dawn is-siltiet jikkonċernaw il-livell ta’ dettall tad-diskussjonijiet, mingħajr madankollu ma jikkontradixxu l-eżistenza ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Għalhekk, ma jisgħux jiġu kkunsidrati li jikkontradixxu l-indikazzjoni, magħmula fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ InBev li tipprovdi li “kien jeżisti ftehim fundamentali li jikkonċerna l-iffissar ta’ skontijiet massimi skont il-volum għas-settur tal-horeca” (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata natura vaga u kontradittorja tad-dikjarazzjoni ta’ InBev u, għalhekk, tal-mod allegatament selettiv li bih il-Kummissjoni użat din id-dikjarazzjoni, huwa infondat.

77      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni ġenerali tal-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tagħti lid-dikjarazzjoni ta’ InBev valur probatorju partikolarment għoli, peress li risposta mogħtija f’isem l-impriża bħala tali, hija iktar kredibbli minn dik li jista’ jkollha risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha indipendentement mill-esperjenza jew mill-istima personali ta’ dan tal-aħħar. Jeħtieġ li jiġi osservat ukoll li d-dikjarazzjoni ta’ InBev tirrappreżenta r-riżultat ta’ investigazzjoni interna mwettqa mill-impriża u li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni minn avukat, li kellu l-obbligu professjonali li jaġixxi fl-interess ta’ din l-impriża. Ma setax, għaldaqstant, jammetti kif ġieb u laħaq l-eżistenza ta’ ksur mingħajr ma jevalwa l-konsegwenzi ta’ dik l-azzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 45, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 206).

78      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, filwaqt li huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak ta’ oħrajn, il-fatt li persuna titlob li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv sabiex jiġu ppreżentati elementi ta’ prova żbaljati fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkriminat. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Kummissjoni tiġi mħajra tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

79      Ċertament, hemm lok li jitfakkar li d-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżatezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawk tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T‑337/94, Ġabra p. II‑1571, punt 91, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 219).

80      Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ InBev ma tistax waħidha tkun suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, iżda għandha tkun ikkorroborata bi provi oħra.

81      Madankollu, hemm lok li jitqies li l-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ f’din il-kawża huwa baxx, kemm f’termini ta’ preċiżjoni kif ukoll f’termini ta’ intensità, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, li ma kienx ikun il-każ kieku dawn tal-aħħar ma kinux partikolarment affidabbli. Għalhekk, hemm lok li jitqies li, li kieku kellu jiġi deċiż li għadd ta’ indizji konsistenti jippermettu li jikkorroboraw l-eżistenza u ċerti aspetti speċifiċi tal-prattiki esposti fid-dikjarazzjoni ta’ InBev u msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija dikjarazzjoni setgħet tkun suffiċjenti waħidha, f’din is-sitwazzjoni, sabiex tipprova aspetti oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, sa fejn prova ma tkunx f’kontradizzjoni manifesta mad-dikajarazzjoni ta’ InBev fuq l-eżistenza jew il-kontenut essenzjali tal-prattiki illegali, huwa suffiċjenti li hija tipprova elementi sinjifikattivi ta’ prattiki li hija ddeskriviet sabiex ikollha ċertu valur bħala element ta’ korroborazzjoni fil-kuntest ta’ għadd ta’ provi miżmuma kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 220, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar provi oħra, invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bil-għan li jikkorroboraw il-konstatazzjonijiet ibbażati fuq id-dikjarazzjoni ta’ InBev.

–       Fuq provi oħra

83      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li d-dikjarazzjoni ta’ InBev hija kkorroborata minn serje ta’ dokumenti interni li joriġinaw mir-rikorrenti u minn tliet produtturi tal-birra oħra Olandiżi, minn noti miktubin bl-idejn tal-laqgħat, minn noti tal-ispejjeż u minn kopji ta’ djarji miksuba wara l-investigazzjoni u minn talbiet għal informazzjoni.

84      Fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur kummerċjali ta’ Grolsche, dwar il-laqgħa tas 27 ta’ Frar 1996, l-għan ta’ din il-laqgħa kien indikat permezz tal-frażi “CBK cie HOR cath”. Dawk in-noti jinkludu l-parti li ġejja: “Garanziji/finanzjamenti: finanzjamenti għal [...] superjuri għal ħtiġijiet ta’ punti preċiżi. Għaldaqstant […] miljuni”.

85      Skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn din is-silta li l-erba’ produtturi tal-birra inkwistjoni ddiskutew, fil-kuntest ta’ “laqgħa Catherijne”, kundizzjonijiet finanzjarji applikati jew li għandhom jiġu applikati fir-rigward ta’ ċerti klijenti “horeca” (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata) u b’mod iktar partikolari fir-rigward ta’ stabbilimenti ġestiti minn proprjetarju ta’ diversi stabbilimenti “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi.

86      Fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur “horeca” ta’ Bavaria li jikkonċernaw il-laqgħa tad-19 ta’ Ġunju 1996. In-noti jipprovdu kif ġej:

“- adattament tal-prezzijiet

konsum fid-djar għoli – baxx

prattika miftiehma Bavaria – Interbrew

[…] u […] -> problema […]

      Martens

            Schultenbrau !! 89 ct

- żieda biss fil-prezzijiet tal-birra fil-btieti

argumenti

b’mod integrali biss Hein + Grolsch

      Frise US Heit

Interbrew \

|               li jżidu flimkien

Bavaria /

-> […] ukoll 

il-baxx jogħla iktar mill-għoli

- tiddaħħal l-arja

-ftehim

jitneħħa skont li għandu jingħata ta’ xarbiet 7.5 kull bettija Heineken

preparazzjoni ta’ rappreżentanti fid-dawl ta’ ftehim possibbli

Interbrew \

|      tista’ tintuża l-arja

Grolsch /”.

87      Skont il-Kummissjoni, dawn in-noti juru li l-produtturi tal-birra inkwistjoni iddiskutew b’mod dettaljat il-prezzijiet, kemm tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur kif ukoll tal-birra mibjugħa fi btieti, u li l-prezzijiet tal-orħos birer, prodotti minn Interbrew u Bavaria, kellhom jogħlew iktar minn dawk tal-ogħla birer, prodotti minn Heineken u Grolsch (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka ittra li d-Direttur Ġenerali ta’ Interbrew Nederland bagħat fil-25 ta’ Marzu 1997 lill-uffiċċju ta’ InBev fil-Belġju:

“Jeżisti issa qbil bejn il-produtturi prinċipali tal-birra sabiex issir żieda fil-prezzijiet qabel l-1998. Din tkun tippermetti lill-produtturi tal-birra jkabbru l-intermedjarja tagħhom għall-baġits promozzjonali supplementari neċessarji. L-atturi tal-marka A jippruvaw jagħmlu jvarjaw iż-żieda fil-prezzijiet bejn il-marki A (żieda ta’ 2 NLG/hl) u l-marki B (żieda ta’ 4 NLG/hl). Dan jidhirli li huwa irrealist ħafna – aħna rridu nżommu żieda integrali ta’ 4 NLG. Jien neskludi miż-żieda fil-prezzijiet il-birer speċjali tagħna ‘li jinxtorbu l-iktar’ (DAS, Hoegaarden, Leffe). In-negozjati bdew”.

89      Il-Kummissjoni kkonkludiet abbażi ta’ dik l-ittra li kienet prevista żieda fil-prezzijiet qabel l-1998 wara negozjati fuq il-prezzijiet bejn il-produtturi prinċipali tal-birra. Barra minn hekk, l-istess ittra tikkonferma l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn produtturi u marki tal-birra pjuttost għoljin (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

90      Fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria li jirrigwardaw il-laqgħa tal-1 ta’ Mejju 1997. Hija tiċċita s-siltiet li ġejjin:

“Catherijne Club 1/5 - 97

trasferimenti ‘interni’ tal-grupp

għandhom ukoll josservaw l-‘iskala’

[…] ‘Den Haag’

Monster ZH [L-Olanda tan-Nofsinhar] toffri kompetizzjoni iktar għolja”.

91      Skont il-Kummissjoni, dawn in-noti jikkonfermaw li l-produtturi tal-birra kienu jiddiskutu dwar “skala” għall-kundizzjonijiet kummerċjali mogħtija fil-punti ta’ bejgħ individwali, f’każ ta’ trasferiment ta’ grupp lil ieħor, iżda wkoll f’każ ta’ trasferiment fi ħdan l-istess grupp (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      Fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li n-noti msemmija iktar ’il fuq jinkludu wkoll l-ismijiet “Heineken/Amstel/Brand/Grolsch” fl-ewwel linja u l-ismijiet “Interbrew/Bavaria” fit-tieni linja, dawn iż-żewġ linji huma marbuta permezz ta’ parenteżi li warajha hemm il-frażi “ma hemmx żidiet fil-prezzijiet”. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li d-distinzjoni bejn il-marki A, miżmuma minn Heineken u Grolsch, u l-marki B, miżmuma minn Interbrew u Bavaria, kienu fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet bejn il-produtturi tal-birra li jirrigwardaw iż-żidiet fil-prezzijiet tal-birra (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

93      Fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktuba bl-idejn ta’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria li jikkonċernaw il-laqgħa tas-17 ta’ Diċembru 1997. Hija tiċċita s-silta li ġejja:

“2) Sitwazzjoni tal-prezzijiet: Marzu/April

      żieda fi stadju wieħed / żieda f’żewġ stadji

      a) Heineken toġġezzjona ! ! Heineken 18.59

      b) f’każ ta’ żieda: negozjabbli ħafna; volontarjament; ikun hemm appoġġ”.

94      Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-produtturi tal-birra preżenti fil-laqgħa tas-17 ta’ Diċembru 1997, b’mod partikolari Bavaria, Grolsch u Heineken, kienu ddiskutew żidiet fil-prezzijiet kif ukoll reazzjonijiet possibbli għaż-żidiet fil-prezzijiet (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

95      Fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka silta min-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur “horeca” ta’ Bavaria li jikkonċernaw il-laqgħa tat-12 ta’ Marzu 1998:

“- Mhux wisq attività mill 1 ta’ Jannar

- Marki A ma kienx hemm paniku fir-rigward tal-prezzijiet Hein

9.95 li jitnaqqas b’11,49 ma tantx tagħmel sens Int

9.75      9.36 Bavaria

2x      4.95 4.75 }→

      marki tad-distributuri

prezzijiet l-iktar baxxi tas-suq

[…] nofs Marzu Bavaria xi ħaġa

      taħt Amstel (17) Bavaria (15)

      minn 9.75 għal 10.75 jekk xejn

      jekk ma tgħaddix, allura Grolsch u Hein

      żidiet pocket brasserie

→jiġi ffissat akkordju […] u Dick

Dan għandu jkun jista’ ‘jintwera’ via Nielsen inkella

xejn ma huwa ser jiġri”.

96      Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li l-produtturi tal-birra preżenti fil-laqgħa tat-12 ta’ Marzu 1998 iddiskutew tnaqqis mogħti lil supermarkets Olandiżi (premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ż-żidiet fil-prezzijiet ipprattikati minn Bavaria kellhom ikunu viżibbli fid-data tal-kaxxiera tas-supermarkets miġbura minn AC Nielsen (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

97      Fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka t-tieni silta min-noti miktubin bl-idejn imsemmija iktar ’il fuq:

“Bav      interessi 4% ?          6 1/2

      ħlief

      jekk ikun hemm kumpens għar-reklamar”.

98      Skont il-Kummissjoni, din is-silta tipprova li saret diskussjoni li tirrigwarda l-livell ta’ rati tal-interessi pprattikati fuq is-self mogħti fil-punti ta’ bejgħ “horeca” (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka t-tielet silta min-noti miktubin bl-idejn imsemmija iktar ’il fuq:

“Klabbs tal-futbol Swali tal-ispettaklu Teatri                   

Assoċjazzjonijiet ta’ studenti

[…]

Grolsch

Il-fuq/barra mill-iskala

                  130

[…]                                 (125) 124.5”.

100    Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li l-produtturi tal-birra pparteċipaw f’diskussjoni speċifika dwar klijenti “horeca” preċiżament rigward “skala”, li tikkorrobora d-dikjarazzjoni ta’ InBev tal-eżistenza ta’ ftehim imsejjaħ “skala” (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Fil-premesssa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka silta min-noti miktubin bl-idejn ta’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria li jirrigwardaw il-laqgħa tat-3 ta’ Lulju 1998:

“[…] Heineken żiedet

[…] >> Heineken birra fil-btieti”.

102    Il-Kummissjoni tiddeduċi minn din is-silta li l-produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet prattiċi kemm ma’ klijenti fis-settur tal-konsum fid-djar kif ukoll ma’ klijent “horeca” (premessi 162 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

103    Fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka silta oħra min-noti miktubin bl-idejn imsemmija iktar ’il fuq:

Kafé      […]      1800 […]

[…]      400   […]

60 kull hl 

650.000,- V.B.K.”

104    Skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn din is-silta li l-produtturi tal-birra ddiskutew skont mogħti u/jew provvediment ta’ riduzzjoni applikata jew li għandha tiġi applikata f’punti ta’ bejgħ “horeca” speċifiċi (premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata).

105    Fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat dokument tat-30 ta’ Ġunju 1998 u lista ta’ prezzijiet ta’ Heineken li jiddikjaraw il-prezzijiet il-ġodda applikabbli għall-birra fil-fliexken u għall-birra bid-draft (birra f’tankijiet u birra fi btieti) mill-1 ta’ Ġunju 1998, li nstabu fl-uffiċċju tad-direttur tal-bejgħ “konsum fid-djar” ta’ Grolsch, li jinkludu l-frażi “djarju kummissjoni CBK” (kummissjoni tal-aġenda ta’ CBK). Skont il-Kummissjoni, dawn id-dokumenti jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ InBev li kemm il-prezzijiet “konsum fid-djar” kif ukoll il-kompetizzjoni fis-suq tal-“horeca” ġew diskussi waqt il-laqgħat ikkonċernati (premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    Fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka nota interna ta’ Heineken tal-14 ta’ Ottubru 1998, indirizzata lill-bord tat-tmexxija ta’ Heineken, redatta kif ġej: “iż-żieda fil-prezzijiet imwiegħda minn Bavaria fi ħdan is-CBK ma tidhirx b’mod ċar fiċ-ċifri ta’ Nielsen”. Skont il-Kummissjoni, din in-nota ssaħħaħ il-konklużjoni li Bavaria kienet iddikjarat waqt il-laqgħa tat-12 ta’ Marzu 1998 l-intenzjoni tagħha li żżid l-ewwel il-prezzijiet tagħha fis-settur tal-konsum fid-djar, il-produtturi l-oħra tal-birra kellhom isegwu sussegwentement, u ż-żidiet imwettqa minn Bavaria kellhom ikunu “viżibbli” fiċ-ċifri ta’ Nielsen (premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata).

107    Fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka ittra indirizzata lil direttur tal-unità “horeca” tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Heineken minn direttur tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-konsum fid-djar tal-produttur tal-birra Brand BV ta’ Heineken, fir-rigward tal-laqgħa tiegħu ma’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria:

“Waqt l-eżebizzjoni tal-ikel ta’ Noordwijk, fid-9 ta’ Settembru [1998], [membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria] kellimni dwar il-kwistjoni […] u dwar ir-reazzjoni ta’ Heineken. Fil-qosor, jidher fl-opinjoni tiegħu li Heineken setgħet tpoġġi minn qabel ħafna madwar il-mejda tan-negozjati flimkien ma’ dawk primarjament reponsabbli għal Heineken u Bavaria fis-suq Olandiż tal-horeca. L-ettolitri mitlufa għaldaqstant setgħu jiġu kkompensati b’mod ieħor. Barra minn hekk, huwa jżid li fuq tul twil ta’ żmien, Bavaria jista’ jkun li kellha f’moħħha klijenti potenzjali tas-settur tal-horeca li kienu volontarjament jixtiequ jaqilbu (saret enfażi fuq it-terminu volontarjament, bħal fil-każ […], fl-opinjoni tiegħu) għal Bavaria [isem ta’ responsabbli għall-horeca fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Heineken], huwa ovvju li dawk il-proposti jaqgħu totalment fir-retorika magħrufa ta’ […]. Ma ridtx inċaħħdek minn din l-informazzjoni. Nixtieqlek kull suċċess fil-laqgħa tiegħek.”

108    Il-Kummissjoni tqis li din l-ittra tikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ InBev li l-produtturi tal-birra kienu jiddiskutu mhux biss restrizzjonijiet fuq riduzzjonijiet, iżda wkoll restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-punti ta’ bejgħ li jagħżlu produttur tal-birra ieħor, u dan mhux biss waqt laqgħat multilaterali, iżda wkoll waqt laqgħat bilaterali (premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata).

109    Fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur ġenerali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland dwar stedina għal-laqgħa tat-8 ta’Jannar 1999:

“-bejgħ ‘98

-prezzijiet tal-birra→

- kaxxa tat-tip “pinool”                   azzjonijiet / kat II

-kaxxi                                              baxxi

                                          bettija

                                          NMA”.

110    Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li d-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet tal-birra kienu kkonċentrati fuq erba’ elementi: fl-ewwel lok, l-azzjonijiet promozzjonali fis-suq tal-konsum fid-djar, fit-tieni lok, il-prezzijiet tal-birra l-inqas għolja u mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, fit-tielet lok, il-prezzijiet tal-birra fil-btieti u l-kontenituri l-kbar użati fis-settur “horeca” tas-suq Olandiż tal-birra u, fir-raba’ lok, l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni NMA (premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Fil-premessi 197 u 199 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka l-lista ta’ suġġetti li kellhom jissemmew fil-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 1999, li fuqha rappreżentant ta’ Grolsch kiteb l-abbrevjazzjoni “BP”, li l-Kummissjoni tinterpreta bħala “prezz tal-birra” (bierprijs) jew “l-orħos prezz” (bodemprijs), kif ukoll “P[rivate] L[abel] 50 ct. iktar”. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dawn il-frażijiet li, fir-rigward tal-birra fil-btieti, il-produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet b’mod iddettaljat (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Fil-premessi 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka dokument li fih referenza għal tliet kuntatti fil-livell ta’ tmexxija bejn Heineken u Grolsch lejn il-5 ta’ Awwissu 1999, li jsemmi “gwerra tal-prezzijiet” bejn iż-żewġ produtturi tal-birra. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li Heineken kienet f’kuntatt dirett ma’ Grolsch dwar riduzzjonijiet, u dan xahar u nofs qabel ma ġew effettivament implementati ir-riduzzjonijiet temporanji, applikati minn għaqda ta’ ħwienet li ġew irrifjutati kumpens minn Grolsch (premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka serje ta’ dokumenti inklużi fil-fajl amministrattiv tagħha li juru s-suġġetti li ġew diskussi waqt laqgħat bilaterali bejn Bavaria u InBev tat-8 ta’ Marzu 1995, fit-tieni nofs ta’ Marzu tal-1997, tat-12 ta’ Mejju 1997, tad-19 ta’ Ġunju 1997 u tat-8 ta’ Settembru 1997. Hija tiċċita fiha s-siltiet li ġejjin:

–      laqgħa tat-8 ta’ Marzu 1995: “[Bavaria] u [Interbrew Nederland] kkonfemaw it-tnejn li għandhom problemi kbar ma’ M. […] fil-Pajjiżi l-Baxxi” (nota ta’ qiegħ il-paġna 491 tad-deċiżjoni kkontestata);

–      laqgħa tat-12 ta’ Mejju 1997: issemmew “żieda fil-prezzijiet” u “il-marki tad-distributuri bħax-xabla ta’ Damokle […] pressjoni psikoloġika ta’ Grolsch u fuq kollox ta’ Heineken sabiex jiżdiedu l-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur” (nota ta’ qiegħ il-paġna 493 tad-deċiżjoni kkontestata);

–      laqgħa tad-19 ta’ Ġunju 1997: ġew diskussi “l-aġir li għandu jiġi adottat fis-settur tal-marki tad-distributur u, marbuta magħhom, il-pożizzjoni ta’ Interbrew fir-rigward ta’ Martens (kkunsidrata bħala mistiedna mhux mixtieqa fid-dinja tal-birra Olandiża)” (nota ta’ qiegħ il-paġna 494 tad-deċiżjoni kkontestata);

–      laqgħa tat-8 ta’ Settembru 1997: issemmew “is-sitwazzjoni tas-suq tal-marki tad-distributur fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-fatt li Bavaria ħadet klijenti ta’ Interbrew […] offerta baxxa magħmula lil [klijent] […] Bavaria tbiddel l-istatus quo […]” (nota ta’ qiegħ il-paġna 495 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    Il-Kummissjoni tinterpreta dawn id-dokumenti bħala l-prova li l-konsultazzjonijiet bilaterali bejn Bavaria u InBev ippermettew li tinżamm “paċi armata” jew “patt ta’ nuqqas ta’ agressjoni” fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    Fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka l-ittra tas-26 ta’ Settembru 1997, indirizzata minn direttur tal-esportazzjonijiet ta’ Interbrew Nederland lil direttur tal-esportazzjonijiet fl-uffiċju ċentrali ta’ Interbrew dwar “bejgħ ta’ birra fil-Ġermanja u marki tad-distributur”:

“Jiena tkellimt reċentement f’dan is-sens mal-kompetitur prinċipali tagħna fil-Pajjiżi l-Baxxi u fhimt f’din l-okkażjoni li huma kellhom jiltaqgħu […] sabiex jaġixxu jew le fuq il-volum tal-birra TIP għall-1998. Jiena stħarriġt fuq il-livell ta’ prezzijiet li qegħdin jistinkaw għalihom u huwa kkonferma preċiżament l-istess prezz, bi tnaqqis tal-kontribuzzjoni għall-uffiċċju ċentrali ta’ […], u l-fatt li huwa ser jaċċetta volum ta’ madwar 200 000 hl b’dan il-prezz”.

116    Skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn dan li Interbrew talbet u akkwistat mingħand Bavaria informazzjoni ddettaljata fuq il-prezz u l-volumi dwar konsenja eventwali, minn Bavaria, ta’ birra taħt il-marka tad-distributur lil għaqda Ġermaniża ta’ distribuzzjoni kbira. Il-Kummissjoni tqis li din il-prova tikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ InBev li Interbrew u Bavaria skambjaw informazzjoni fuq il-livelli ta’ prezzijiet proposti lill-klijenti tal-birra taħt il-marka tad-distributur. Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li dan il-fatt ġie rrikonoxxut minn InBev f’ittra tal-21 ta’ Frar 2006 (premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    Fil-premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka d-dikjarazzjoni segwenti tal-produttur tal-birra Haacht dwar il-laqgħa tal-14 jew il-15 ta’ Ġunju 1998 bejn Bavaria, Interbrew Nederland u l-produtturi Belġjani Interbrew Belgique, Alken-Maes, Haacht u Martens:

“Matul din il-laqgħa, il-produtturi tal-birra Olandiżi ġew informati bil-kontenut tal-iskambju ta’ informazzjoni li sar bejn il-parteċipanti Belġjani. Il-produtturi tal-birra Olandiżi taw il-kunsens tagħhom bil-ħsieb li jiskambjaw informazzjoni li tirrigwarda l-volumi, it-tipi ta’ kundizzjonijiet, it-tul ta’ żmien tal-kuntratti u ġranet eventwali ta’ skadenza u klijenti. Fir-rigward tal-prezzijiet, il-parteċipanti ftiehmu fil-prinċipju li ma jiskambjawx informazzjoni f’dan ir-rigward […]

Il-parteċipanti fil-laqgħa qiesu li kien jeħtieġ li tiġi inkarigata parti newtrali sabiex tiċċentralizza l-iskambju tal-informazzjoni. Din it-talba ġiet ippreżentata peress li l-partijiet li kienu preżenti fis-suq Olandiż ma kellhomx fiduċja fil-partijiet l-oħra. Haacht offriet li tiċċentralizza l-informazzjoni peress li hija ma kinitx attiva fis-suq Olandiż.”

118    Il-Kummissjoni tqis li din id-dikajarazzjoni tikkonferma, fuq il-punt diskuss, id-dikjarazzjoni ta’ InBev (premessa 235 tad-deċiżjoni kkontestata).

119    Fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn tal-laqgħa msemmija iktar ’il fuq tal-14 jew il-15 ta’ Ġunju 1998, li nstabu fl-uffiċċju tas-segretarju tal-president tal-kumitat ta’ tmexxija ta’ Bavaria:

“Martens → qatt ma ġie kkonkretizzat xejn fil-Pajjiżi l-Baxxi

→ baxx – suq – tkissir tal-prezz

→ offerti ta’ prezzijiet ippreżentati

Interbrew Nederland – Martens -> offerta sottomessa lil klijent kbir tal-marki tad-distributur

[…]

                                          7,68 [ċċirkondat]

Martens – ‘roħs tal-prezzijiet Belġju’

      sal-lum NL → […]

Interbrew Belgique għamlet l-ewwel pass fir-rigward tal-P[rivate] L[abel]

biss għal                    […]

Pilsener                            […]

/ \                         /        \

      multiplikazzjoni unika

[…] – “deċiż” → għand Interbrew

      CAT I+II”.

120    Skont il-Kummissjoni, dawn in-noti jikkonfermaw li Interbrew Belgique ħadet l-inizjattiva ta’ laqgħa fuq il-birra bil-marka tad-distributur li matulha ġie deċiż li l-kuntratt ma’ organizzazzjoni ta’ bejjiegħa “kellu jkun ma’ Interbrew fil-Pajjiżi l-Baxxi” (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

121    Fir-rigward ta’ din l-aħħar laqgħa, il-Kummissjoni tinvoka wkoll id-dikjarazzjoni li ġejja ta’ direttur “konsum fid-djar” ta’ InBev, ippreżentata minn InBev, fil-21 ta’ Frar 2006, bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni (premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata):

“F’mument partikolari […], M. [...] ta’ […] kkonfrontani bi prezz dgħajjef li ġie propost lilu minn Martens. Huwa kkonfermali li huwa kien kiseb prezz ta’ NLG 0.32 għal kull flixkun. Dan jikkorrispondi għal ammont ta’ NLG 7.68 għal kull kaxxa ta’ 24 flixkun imsemmija fin-noti ta’ M. [responsabbli għal Bavaria]. Fil-kuntest ta’ dawn id-diskussjonijiet, li saru minn April sal-bidu ta’ Ġunju 1998, jiena ssuġġerejtlu li ngħaddu għall-kategorija II u li nibbenefikaw ukoll minn riduzzjoni ta’ dazji tas-sisa. Finalment, fil-bidu ta’ Ġunju tal-1998, aħna kkonkludejna ftehim ma’ […] dwar il-konsenja ta’ birra ġdida tal-kategorija II […]. Minħabba r-riduzzjoni ta’ dazji tas-sisa, li tirriżulta mill-bidla għal birra tal-kategorija II, aħna stajna nipproponu ammont ta’ NLG 6.36 (li tinkludi r-riduzzjoni tad-dazji tas-sisa ta’ NLG 0,84) u b’hekk nippariġġaw l-offerta ta’ Martens.

[…]

Fiż-żmien tal-laqgħa tal-14 jew il-15 ta’ Ġunju 1998, […] Interbrew ftiehmet ma’ […] dwar konsenji ta’ birra tal-kategorija I […] u tal-kategorija II. Matul dik il-laqgħa, jiena semmejt diskussjonijiet u l-ftehim li sar ma’ […] għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, jiena ridt nikkonfronta lil Martens fir-figward tal-offerta li kienet ippreżentat lil […], peress li hija dejjem ċaħdet li hija ppreżentat offerti ta’ prezz fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fit-tieni lok, jiena ridt ninforma lill-parteċipanti l-oħra li huma ma kellhomx jippreżentaw iktar offerti lil […], b’kunsiderazzjoni għall-ftehim konkluż bejn Interbrew u […]. Il-linja n tad-[dokument li jinsab fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata] tixhed il-komunikazzjoni tiegħi dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konsenja ta’ birra tal-kategorija I u tal-kategorija II bejn […] u Interbrew. L-eżistenza ta’ dan il-ftehim […] tirriżulta mill-faks tal-24 ta’ Ġunju 1998”.

122    Fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tinvoka dikjarazzjoni tal-produttur tal-birra Belġjan Haacht dwar it-tieni laqgħa li tinvolvi l-Belġju u l-Olanda tas-7 ta’ Lulju 1998, li skontha:

“Hija l-aħħar laqgħa li ġiet organizzata bejn il-partijiet. Waqt din tal-aħħar, Haacht ddistribwixxiet informazzjoni miġbura mis-suq Olandiż.

Il-partijiet sussegwentement biddlu s-suġġett sabiex jiddiskutu xi punti inqas importanti, iżda r-rappreżentant ta’ Haacht ma pparteċipax f’din id-diskussjoni. Kienet x’kienet, ma ġiet skambjata l-ebda informazzjoni importanti fuq dawk is-suġġetti. Dik il-laqgħa tat l-impressjoni li ma wasslet għall-ebda riżultat konkret.”

123    Skont il-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni ta’ direttur “konsum fid-djar” ta’ Interbrew kienet tikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ Haacht li skontha kienet l-aħħar laqgħa li tinvolvi l-Belġju u l-Olanda. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni li jintemmu dawn il-laqgħat hija bbażata fuq raġuni preċiża, jiġifieri l-biża’ li l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni twettaq investigazzjoni f’bini wieħed jew iktar tal-produtturi tal-birra, kif inhuwa kkonfermat mid-dikjarazzjoni ta’ InBev (premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka dikjarazzjoni interna ta’ Heineken li skontha “il-prezzijiet estremament baxxi attwalment ipprattikati mill-produttur Belġjan tal-birra Martens […] jmorru kontra l-politika li tikkonsisti fiż-żieda mill-ġdid tal-prezz baxx tas-suq għal livell ta’ prezz superjuri”.

125    Finalment, fil-premessa 249 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka d-dikjarazzjoni magħmula waqt l-ispezzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu 2000 u ffirmata minn direttur ġenerali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland, li sar president tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Koninklijke Grolsch:

“Huwa ħa d-dokument […] intitolat ‘Xenarji ta’ prezz baxx ibbażati fuq żieda netta tal-prezzijiet bl-ingrossa ta’ NLG 2,00 għal kull hl’, li jinkludi l-annotazzjoni ‘CBK – Fie – dejjem jittieħed’, fil-laqgħat tal-kummissjoni finanzjarja tas-CBK. Huwa uża dan id-dokument sabiex jiġbed l-attenzjoni ta’ Interbrew u ta’ Bavaria (il-produtturi tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur tal-Pajjiżi l-Baxxi) dwar l-iffissar tal-prezzijiet, li fl-opinjoni tiegħu ma humiex ġustifikabbli, tal-birra mibjugħa taħt il-marki tad-distributur (inqas minn 10 florini għal kull kaxxa).”

126    Fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka wkoll id-dikjarazzjoni li ġejja ta’ direttur ġenerali ta’ Heineken Nederland:

“Jiena diġà kont preżenti waqt laqgħa tas-CBK fejn oħrajn kienu qegħdin jitkellmu dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-marki tad-distributur. Tali rimarki ġew ifformulati sabiex jesprimu tħassib. Jiena ma rreaġixxejtx peress li fil-prinċipju Heineken ma hijiex assoċjata mal-produzzjoni tal-marki tad-distributur.”

127    Il-Kummissjoni tiddeduċi mis-siltiet iċċitati fil-premessi 248 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata li l-produtturi tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (Interbrew u Bavaria) kienu żvelaw l-istrateġija tagħhom tal-prezzijiet lil Heineken u lil Grolsch, li ma humiex attivi f’dan is-settur (premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li d-diskussjonijiet bilaterali bejn Interbrew u Bavaria intiżi sabiex iżidu l-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur kienu jiffurmaw parti mid-diskussjonijiet ġenerali li saru bejn l-erba’ produtturi tal-birra (premessa 252 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-indizji enumerati iktar ’il fuq jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ InBev u jiġġustifikaw il-konstatazzjoni li r-rappreżentanti ta’ Heineken, ta’ Grolsch, ta’ Interbrew u ta’ Bavaria jiltaqgħu b’mod regolari fil-kuntest ta’ ċiklu ta’ laqgħat informali magħrufa bl-isem “prattika miftiehma Catherijne” jew “kummissjoni tal-aġenda” li l-kompożizzjoni tagħha kienet tvarja (dikjarazzjoni ta’ InBev ċċitata fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata; provi oħra eżaminati fil-premessi 65 sa 222 tad-deċiżjoni kkontestata). It-18-il laqgħa msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li jaqgħu f’dan iċ-ċiklu, saru fis-27 ta’ Frar 1996, fid-19 ta’ Ġunju 1996, fit-8 ta’ Ottubru 1996, fit-8 ta’Jannar 1997, fl-1 ta’ Mejju 1997, fit-2 ta’ Settembru 1997, fis-16 ta’ Diċembru 1997, fis-17 ta’ Diċembru 1997, fit-12 ta’ Marzu 1998, fid-9 ta’ April 1998, fit-3 ta’ Lulju 1998, fil-15 ta’ Diċembru 1998, fit-8 ta’ Jannar 1999, fl-4 ta’ Marzu 1999, fl-10 ta’Mejju 1999, fil-11 ta’ Awwissu 1999, fid-19 ta’ Awwissu 1999 u fit-3 ta’ Novembru 1999.

129    Fir-rigward tal-kontenut tad-diskussjonijiet li saru fil-kuntest tal-imsemmija laqgħat, l-indizji msemmija iktar ’il fuq jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ InBev u jistabbilixxu l-elementi li ġejjin:

– fir-rigward tas-settur tal-konsum fid-djar:

– l-erba’ produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata iktar ’il fuq fil-premessa 51 u provi oħra ċċitati fil-premessi 76, 129, 156, 174, 193, 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata) u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 51 u provi oħra ċċitati fil-premessi 76, 89, 117 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata);

– saru wkoll diskussjonijiet fuq il-prezzijiet permezz ta’ kuntatti bilaterali, b’mod partikolari bejn Grolsch u Heineken f’Lulju tal-1999 (dokument iċċitat fil-premessi 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata);

– ġew diskussi proposti konkreti fil-qasam tal-prezzijiet (ittra interna ta’ Interbrew invokata fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-informazzjoni skambjata xi kultant pjuttost iddettaljata (dokumenti invokati fil-premessi 129 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata);

– fl-1997 u l-1998 kien hemm qbil bejn il-produtturi tal-birra sabiex jipproċedu b’żieda fil-prezzijiet qabel jew waqt is-sena 1998 (dokumenti invokati fil-premessi 89, 174 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata);

– il-produtturi tal-birra tal-“marki A” (Heineken u Grolsch) insistew, għall-kuntrarju tal-produtturi tal-birra tal-“marki B” (birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur) (Interbrew u Bavaria) li opponew, li dik iż-żieda fil-prezzijiet titwettaq “f’żewġ fażijiet”, primarjament, fir-rigward tal-marki B u, sussegwentement, fir-rigward tal-marki A, u li ssir differenza fir-rata ta’ żieda bejn il-marki A u l-marki B (dikjarazzjoni ta’ InBev ċċitata fil-premessa 53; provi oħra invokati fil-premessi 76, 89, 100, 117 u 193 tad-deċiżjoni kkontestata);

– Bavaria ddikjarat (probabbilment waqt il-laqgħa tat-12 ta’ Marzu 1998) l-intenzjoni tagħha li żżid il-prezzijiet tagħha (provi invokati fil-premessi 129 u 179 u dikjarazzjoni ta’ InBev ċċitata fil-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-produtturi tal-birra l-oħra probabbilment kellhom isegwu lil Bavaria u sussegwentement jgħollu l-prezzijiet tagħhom (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata);

– Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ segwitu, ġie miftiehem li ż-żidiet ipprattikati minn Bavaria kellhom ikunu viżibbli fiċ-ċifri tad-databases tas-supermarkets miġbura minn AC Nielsen (dokumenti invokati fil-premessi 129 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata);

– ma hemm l-ebda prova li saret iż-żieda fil-prezzijiet prevista għas-sena 1998;

– fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet dwar il-prezzijiet il-produtturi tal-birra ddiskutew is-sitwazzjoni ta’ ċerti supermarkets speċifiċi (noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 76 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata);

– waqt diskussjonijiet, il-parteċipanti indikaw ċifri konkreti tal-prezzijiet (dokumenti invokati fil-premessi 76, 89, 117, 129 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata);

– fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur:

– mill 1995, iż-żewġ produtturi Olandiżi tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (Interbrew u Bavaria) esprimew diversi drabi t-tħassib tagħhom marbut mal-proġetti tal-produttur tal-birra Belġjan Martens li jidħol fis-suq Olandiż f’dan is-settur (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 55; provi oħra ċċitati fil-premessi 224, 236, 238 u 248 tad-deċiżjoni kkontestata);

– dan it-tħassib ġie diskuss fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet bilaterali bejn Bavaria u InBev (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 52; ittra interna ta’ Interbrew iċċitata fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ ħames laqgħat bilaterali (tat-8 ta’ Marzu 1995, tat-tieni nofs ta’ Marzu 1997, tat-12 ta’Mejju 1997, tad-19 ta’ Ġunju 1997 u tat-8 ta’ Settembru 1997) iddedikati għal din il-problema (dokumenti invokati fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata);

– saru wkoll żewġ laqgħat “li jinvolvu l-Belġju u l-Olanda” fl-14 jew il-15 ta’ Ġunju 1998 (dokumenti invokati fil-premessi 234, 236 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata) u fis-7 ta’ Lulju 1998 (dikjarazzjoni ta’ Haacht iċċitata fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata) fi Breda bejn Interbrew Nederland, Bavaria u l-produtturi tal-birra Belġjani Interbrew Belgique, Alken-Maes, Haacht u Martens (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata);

– is-suġġetti marbuta mal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ukoll ġew diskussi fil-preżenza ta’ Heineken u ta’ Grolsch (li ma humiex attivi f’dan is-settur) fil-kuntest tad-diskussjoni ġenerali (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 54; provi oħra invokati fil-premessi 156, 193, 248 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata);

– il-produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 54; provi oħra invokati fil-premessi 193, 199, 227, 236, 238 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata);

– Heineken u Grolsch kienu jeżerċitaw “pressjoni psikoloġika” fuq Bavaria u Interbrew sabiex iżidu l-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (dokumenti invokati fil-premessa 224, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 493 u fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata) billi rrifjutaw li jżidu l-prezzijiet tal-marki A (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata);

– ġie miftiehem kemm fuq livell bilaterali bejn Interbrew Nederland u Bavaria kif ukoll fuq livell multilaterali bejn il-produtturi tal-birra Olandiżi u Belġjani attivi fis-settur li ma għandhomx isiru tentattivi sabiex jittieħdu klijenti u li jiġu osservati l-volumi rispettivi tal-marki tad-distributur fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju; ġie deċiż, b’mod partikolari, li l-kuntratt mal-organizzazzjoni ta’ xiri tal-bejjiegħa bl-imnut kellu jingħata lil Interbrew Nederland (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 55; dokumenti invokati fil-premessi 224, 236 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata);

– il-produtturi tal-birra skambjaw informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet kummerċjali proposti lil ċerti klijenti speċifiċi (ittra invokata fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata u dokumenti invokati fil-premessi 236 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata);

– waqt id-diskussjonijiet, il-parteċipanti indikaw ċifri konkreti tal-prezzijiet (dokumenti invokati fil-premessi 236, 238 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata);

– fir-rigward tas-settur “horeca”:

– l-erba’ produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet (dokumenti invokati fil-premessi 174, 193 u 197 tad-deċiżjoni kkontestata) u ż-żidiet fil-prezzijiet (noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 76 tad-deċiżjoni kkontestata) fis-settur “horeca”;

– kien jeżisti ftehim bejn il-produtturi tal-birra, magħruf bħala “skala”, li kien jikkonċerna l-ammont ta’ skontijiet li għandhom jingħataw lill-klijenti “horeca” (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 48; noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 92, 143 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-produtturi tal-birra kellhom “josservaw” (noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata); l-osservanza ta’ dan il-ftehim kienet segwita u l-ksur magħruf kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet li saru fil-kuntest tal-laqgħat “Catherijne” (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata);

– il-konsultazzjonijiet kienu jirrigwardaw ukoll l-implementazzjoni ta’ restrizzjonijiet intiżi li jżommu l-istatus quo fis-settur billi jiġi evitat it-teħid ta’ klijenti tal-produtturi l-oħra tal-birra (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 48; ittra interna ta’ Heineken li tirrigwarda t-teħid minn Bavaria ta’ assoċjazzjoni ta’ studenti, iċċitata fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata);

– id-diskussjonijiet ta’ tali restrizzjonijiet saru wkoll permezz ta’ kuntatti bilaterali; għalhekk, fid-9 ta’ Settembru 1998, mexxejja ta’ Heineken u ta’ Bavaria ddiskutew bejniethom it-teħid minn Bavaria ta’ klijent “horeca” ta’ Heineken (ittra interna ta’ Heineken iċċitata fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata);

– il-produtturi tal-birra skambjaw informazzjoni fuq ċerti klijenti u punti ta’ bejgħ preċiżi (dokumenti invokati fil-premessi 92, 143, 156, 165 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata);

– fil-kuntest tad-diskussjonijiet, il-produtturi tal-birra semmew ċifri konkreti li jirrigwardaw il-livell ta’ skontijiet u l-provvistà għal riduzzjoni (noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 143 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

130    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar it-tliet komponenti tal-aġir inkriminanti, li jikkonċernaw, fl-ewwel lok, il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar, inkluż fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, fit-tieni lok, il-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil klijenti individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi u, fit-tielet lok, il-koordinazzjoni okkażjonali dwar it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar fil-Pajjiżi l-Baxxi (Artikolu 1 u premessi 257 u 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq l-elementi fattwali dwar il-konstatazzjonijiet, minn naħa, ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-birra u, min-naħa l-oħra, ta’ koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela

131    Ir-rikorrenti essenzjalment isostni li n-noti miktubin bl-idejn mir-rappreżentanti tal-produtturi tal-birra fil-kuntest ta’ laqgħat ikkontestati huma interpretati mill-Kummissjoni b’mod parzjali u anki b’mod preġudizjali bosta drabi.

132    Ir-rikorrenti tikkontesta b’mod partikolari l-interpretazzjoni ta’ elementi invokati fil-premessi 76, 89, 92, 100, 117, 129, 143, 156, 179, 184, 193, 199, 227, 228, 236 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 86 sa 95, 99 sa 101, 106 sa 111, 115, 117, 119 u 121 iktar ’il fuq).

133    Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-elementi ċċitati iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-maġġoranza tal-konstatazzjonijiet fattwali enumerati fil-punti 128 u 129 iktar ’il fuq, huma bbażati fuq diversi provi.

134    Fl-ewwel lok, f’siltiet differenti tar-rikors, ir-rikorrenti tirreferi għall-provi dokumentarji invokati fil-premessi 76, 100, 117, 156, 193 u 199 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex essenzjalment issostni li dawn ma humiex ta’ natura li juru koordinazzjoni tal-prezzijiet kemm fis-settur tal-konsum fid-djar, inkluż is-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, kif ukoll fis-settur “horeca”.

135    Rigward dan il-punt, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li l-fatt li l-produtturi tal-birra ddiskutew prezzijiet u l-possibbiltà ta’ żieda fil-prezz f’dawn is-setturi hija wkoll sostnuta minn dokumenti li jissemmew fil-premessi 174, 212, 213 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm huwa minnu li dawn id-dokumenti jikkonċernaw l-iktar diskussjonijiet bejn Heineken u Grolsch, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti kienet taf b’dawn id-diskussjonijiet, li seħħew parzjalment fil-preżenza tagħha (ara d-dokument iċċitat fil-premessa 249 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 125 iktar ’il fuq), u għalhekk hija tista’ tinżamm responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 80 sa 83).

136    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mid-dokumenti ċċitati fil-premessi 76, 100, 117 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li jeżisti iktar minn sempliċi nuqqas ta’ sodisfazzjoni tal-produtturi tal-birra rigward il-prezzijiet ta’ konsum. Dawn id-dokumenti jipprovaw, fil-fatt, li, fil-kuntest tad-diskussjonijiet tagħhom, dawn evokaw is-sitwazzjoni ta’ ċerti klijenti u punti ta’ bejgħ speċifiċi u semmew ċifri konkreti ta’ prezz u ta’ skontijiet.

137    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-posta interna ta’ Heineken li tikkonċerna t-teħid minn Bavaria ta’ assoċjazzjoni ta’ studenti (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata) hija l-unika prova li tipprovdi evidenza konkreta tad-diskussjonijiet bejn il-produtturi tal-birra (f’dan il-każ Heineken u Bavaria) dwar it-teħid ta’ klijenti “horeca” (ara l-punt 107 iktar ’il fuq). Skont ir-rikorrenti, jista’ l-iktar l-iktar jiġi dedott minn din il-posta li r-rappreżentant ta’ Heineken esprima n-nuqqas ta’ sodisfazzjoni tiegħu fir-rigward tat-telf ta’ klijent kbir ħafna “horeca”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiċħad l-eżistenza ta’ sistema ta’ kumpens bejn il-produtturi tal-birra fil-każ ta’ teħid ta’ klijenti billi ssostni li l-eżistenza ta’ tali sistema hija inkompatibbli mal-eżistenza tal-allegata prattika miftiehma dwar it-tqassim tal-klijentela.

138    Dawn id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex plawżibbli. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li l-frażi “l-etterolitri mitlufa setgħu għaldaqstant jiġi kkumpensati b’mod ieħor”, fit-test tal-ittra inkwistjoni, tindika li ma kienx hemm diskussjoni bejn Heineken u Bavaria dwar in-neċessità ta’ kumpens, iżda biss dwar il-mezz għall-kisba ta’ kumpens (premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-użu tal-kliem “retorika magħrufa”, “aċċent” u “volontarjament” ifisser li, skont l-awtur, li jifforma parti mill-grupp Heineken, hemm suspett li Bavaria ma tosservax regola li skontha l-produtturi tal-birra ma jitolbux attivament klijenti “horeca” minn produtturi oħra tal-birra (premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata).

139    Għaldaqstant, l-element invokat fil-premessi 184 sa 188 tad-deċiżjoni kkontestata jikkorrobora d-dikjarazzjonijiet inklużi fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, iċċitati fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-eżistenza ta’ arranġament ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ klijenti “horeca”.

140    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja r-riferiment għal “kunsens” fl-ittra tal-25 ta’ Marzu 1997 (iċċitata fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata), ta’ wiegħda ta’ Bavaria fin-nota interna ta’ Heineken tal-14 ta’ Ottubru 1998 (iċċitata fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata) dwar iż-żieda fil-prezzijiet fis-settur tal-konsum fid-djar, u tar-rata eżatta ta’ tali żieda fin-noti miktuba bl-idejn ta’ direttur horeca ta’ Bavaria (iċċitati fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata), u minkejja d-diskussjoni tal-iskontijiet, mogħtija lis-settur “horeca”, li tinsab fin-noti miktuba bl-idejn iċċitati fil-premessi 92 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata, il-produtturi tal-birra baqgħu japplikaw b’mod indipendenti l-istrateġiji tagħhom stess fis-suq.

141    Fir-rigward tal-indikazzjoni fin-nota interna ta’ Heineken (invokata fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata), li skontha “iż-żieda fil-prezzijiet imwegħda minn Bavaria fi ħdan is-CBK ma tidhirx b’mod ċar fiċ-[ċifri] ta’ Nielsen”, ir-rikorrenti jirrimarkaw li l-fatt li ntużat il-klassifikazzjoni “wegħda” sabiex tiġi deskritta dikjarazzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ Bavaria, diġà magħrufa mis-suq minn xhur ilu, ma jikkostitwixxix prova konvinċenti ta’ akkordju.

142    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat, kif ġustament indikat il-Kummissjoni fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-interpretazzjoni tal-kelma “twiegħed” bħala l-fatt li sempliċiment “issemmi” żieda fil-prezzijiet tmur lil hinn mis-sens ordinarju. Il-konklużjoni tal-eżistenza ta’ impenn min-naħa ta’ Bavaria li żżid il-prezzijiet tagħha ssir iktar probabbli meta jissemma’ l-fatt li ż-żieda “ma tidhirx b’mod ċar fiċ-[ċifri] ta’ Nielsen”. Fil-fatt, id-data tal-kaxxiera tas-supermarkets inkwistjoni ntużat bħala għodda ta’ segwitu li permezz tagħha ż-żieda fil-prezzijiet ta’ Bavaria kellha tkun “viżibbli” (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-referenza għal din id-data, li tinsab ukoll fin-noti miktuba bl-idejn tad-direttur horeca ta’ Bavaria (iċċitata fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata) titniżżel b’mod iktar loġiku fil-kuntest tas-segwitu tal-implementazzjoni ta’ impenn milli f’dak tal-verifikazzjoni ta’ sempliċi kwotazzjoni.

143    Sussegwentement, l-eżistenza ta’ qbil sabiex jiżdiedu l-prezzijiet fl 1998 tirriżulta b’mod ċar ħafna mill-ittra interna ta’ Interbrew tal-25 ta’ Marzu 1997 (iċċitata fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li fir-realtà ebda żieda tal-prezzijiet ma’ ġiet applikata qabel l-1998, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sempliċi nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ ftehim dwar il-prezzijiet ma jimplikax fih innifsu li l-ftehim innifsu qatt ma eżista.

144    Il-fatt li ż-żieda fil-prezzijiet prevista mill-ittra kellha ssir “qabel l-1998”, minkejja li l-provi inkwistjoni msemmija iktar ’il fuq ġew redatti fl-1998, lanqas ma jista’ jikkonferma t-teorija tar-rikorrenti li ma teżisti l-ebda rabta bejn dawn id-dokumenti. Jista’ jkun li, minħabba diffikultajiet marbuta man-negozjati tal-modalitajiet tal-implementazzjoni tagħha (b’mod partikolari, taż-żieda differenti bejn il-prezzijiet tal-marki A u B imsemmija fl-ittra interna ta’ Interbrew), iż-żieda fil-prezzijiet inizjalment prevista f’data fl-1997 l-ewwel ġiet posposta għas-sena ta’ wara u, imbagħad, ġiet abbandunata mill-produtturi tal-birra.

145    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li, minkejja d-diskussjoni dwar l-iskontijiet, mogħtija lis-settur “horeca”, il-produtturi tal-birra baqgħu japplikaw b’mod indipendenti l-istrateġiji tagħhom fis-suq, huwa biżżejjed li jitfakkar li hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li għandha tingħata mill-kummerċjanti kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-konċertazzjoni u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jistabbilixxu l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan huwa applikabbli iktar u iktar meta l-konċertazzjoni tkun seħħet fuq bażi regolari matul perijodu twil, bħal ma huwa l-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 162).

146    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-prattika miftiehma bilaterali ma’ Interbew fis-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, qabelxejn, ir-rikorrenti ssostni li l-ittra interna ta’ Interbrew tas-26 ta’ Settembru 1997 (iċċitata fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata) u d-dikjarazzjoni ta’ InBev tal-21 ta’ Frar 2006 (iċċitata fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata) jikkonċernaw klijent stabbilit fil-Ġermanja u għalhekk ma jistgħux jikkostitwixxu, fihom infushom, prova għal ksur dwar is-suq Olandiż. Sussegwentement, fir-rigward tal-elementi dwar il-laqgħa tal-14 jew tal-15 ta’ Ġunju 1998, jiġifieri n-noti miktuba bl-idejn ta’ wieħed mid-diretturi tar-rikorrenti (iċċitati fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata) u s-silta mid-dikjarazzjoni ta’ InBev tal-21 ta’ Frar 2006 iċċitata fil-premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnha jirriżulta li ġie deċiż li kuntratt ma’ organizzazzjoni ta’ xiri ta’ imnut kellu jmur ma’ Interbrew fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, konsegwentement, id-direttur ta’ InBev informa l-parteċipanti l-oħra li ma kellhomx jagħmlu iktar offerti lil din l-organizzazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li mill-elementi inkwistjoni jirriżulta li din id-deċiżjoni kienet diġà ttieħdet meta saret il-laqgħa. Skont ir-rikorrenti, dawn l-elementi għalhekk ma jurux prattika miftiehma bejnha u bejn il-produtturi tal-birra l-oħra dwar il-fornitur li kien ser jipprovdi għall-organizzazzjoni inkwistjoni fil-futur.

147    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-provi li għandha l-Kummissjoni sabiex turi prattika miftiehma bilaterali bejn ir-rikorrenti u Interbrew ma humiex limitati għal dawk evokati fil-punt 146 iktar ’il fuq, iżda jinkludu wkoll id-dokumenti invokati fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar serje ta’ laqgħat bilaterali bejn ir-rikorrenti u Interbrew, li l-interpretazzjoni tagħha ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta b’mod partikolari li fost is-suġġetti diskussi kien hemm “is-sitwazzjoni tas-suq tal-marki tad-distributur fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-fatt li Bavaria ħadet klijenti ta’ Interbrew […] [kif ukoll l-]offerta baxxa magħmula lil [klijent]” (premessa 224 u nota ta’ qiegħ il-paġna 495 tad-deċiżjoni kkontestata).

148    Barra minn hekk, minkejja li l-elementi invokati fil-premessi 227 u 228 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw klijent stabbilit fil-Ġermanja u dawk invokati fil-premessi 236 u 238 jevokaw fatt li diġà seħħ, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-elementi jipprovdu indikazzjoni rilevanti tal-eżistenza ta’ prassi bejn ir-rikorrenti u Interbrew ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-suq u, għalhekk, jikkorroboraw l-elementi invokati fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-konstatazzjoni ta’ prattika miftiehma bilaterali bejn l-impriżi fis-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur.

149    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat fi Breda ma’ Interbrew Nederland u l-produtturi Belġjani Interbrew Belgique, Alken-Maes, Haacht u Martens, ir-rikorrenti tosserva li dawn il-laqgħat ġew organizzati fuq inizjattiva ta’ Interbrew u tirreferi għad-dikjarazzjonijiet sussegwenti tal-produttur tal-birra Belġjan Alken-Maes u tal-Groupe Danone SA, iċċitati fil-premessi 160 u 177 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/569/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 [KE] (Każ IV/37.614/F3 PO/Interbrew u Alken-Maes) (ĠU 2003, L 200, p. 1):

–        Alken-Maes: “Fir-rigward tas-suq Olandiż, kull skambju ta’ informazzjoni ġiet irrifjutata”;

–        Groupe Danone: “Barra minn hekk, is-suq tal-marki tad-distributur ma ġiex kopert kollu, fid-dawl tal-fatt li l-produtturi barranin irrifjutaw li jikkollaboraw”.

150    Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-elementi invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 234, 240 u 241 tad-deċiżjoni kkontestata.

151    Qabel xejn, mid-dikjarazzjoni ta’ Haacht dwar l-ewwel laqgħa tal-14 jew tal-15 ta’ Ġunju 1998 jirriżulta li r-rifjut għall-iskambju ta’ informazzjoni kien jirrigwarda, fil-fatt, il-prezzijiet biss: “fir-rigward tal-prezzijiet, il-parteċipanti ftiehmu fil-prinċipju li ma jiskambjawx informazzjoni f’dan ir-rigward […]”. Min-naħa l-oħra, il-produtturi tal-birra Olandiżi, “[...] taw il-kunsens tagħhom bil-ħsieb li jiskambjaw informazzjoni li tirrigwarda l-volumi, it-tipi ta’ kundizzjonijiet, it-tul ta’ żmien tal-kuntratti u ġranet eventwali ta’ skadenza u klijenti”. Barra minn hekk, minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li “il-parteċipanti fil-laqgħa qiesu li kien jeħtieġ li tiġi inkarigata parti newtrali sabiex tiċċentralizza l-iskambju tal-informazzjoni. [, d]in it-talba ġiet ippreżentata peress li l-partijiet li kienu preżenti fis-suq Olandiż ma kellhomx fiduċja fil-partijiet l-oħra [;] Haacht ġiet mistiedna tiċċentralizza l-informazzjoni peress li hija ma kinitx attiva fis-suq Olandiż.”

152    Sussegwentement, mid-dikjarazzjoni ta’ Haacht rigward it-tieni laqgħa tas-7 ta’ Lulju 1998 li, matul din il-laqgħa, “Haacht iddistribwixxiet informazzjoni miġbura mis-suq Olandiż”.

153    Fl-aħħar nett, mid-dikjarazzjoni ta’ direttur jirriżulta li “konsum fid-djar” ta’ InBev (premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata) li “Bavaria u Interbrew ikkomunikaw biss il-volumi skont il-marka tad-distributur u skont il-klijent, peress li l-produtturi tal-birra [Belġjani] indikaw ukoll l-iskontijiet [ ; d]in l-iskema ġenerali kollha saret mid-direttur kummerċjali ta’ Haacht, [ ; i]ntbagħtet lill-indirizzi privati tal-persuni preżenti”.

154    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ ftehim mal-parteċipanti l-oħra għal-laqgħat għall-iskambju ta’ informazzjoni professjonali kunfidenzjali ma jistgħux jintlaqgħu.

155    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal sensiela ta’ indizji preċiżi u konkordanti, li juru, fid-dritt, il-konstatazzjonijiet fattwali dwar il-komponenti tal-ksur inkwistjoni rigward il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet u t-tqassim tal-klijentela. Barra minn hekk, il-validità ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ma hijiex ikkonfutata bl-argumenti tar-rikorrenti dwar l-elementi elenkati fil-punt 132 iktar ’il fuq.

156    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti dwar iż-żewġ komponenti tal-ksur inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-elementi fattwali dwar il-konstatazzjoni ta’ koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil klijenti individwali fis-settur “horeca”

157    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-impriżi kkonċernati kkoordinaw il-kundizzjonijiet kummerċjali minbarra l-prezzijiet mogħtija lill-klijenti tas-settur “horeca”.

158    Il-Kummissjoni tqis li n-noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 67 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu l-prova ta’ koordinazzjoni okkażjonali, bejn l-erba’ produtturi tal-birra, ta’ ċerti kundizzjonijiet kummerċjali, bħall-kundizzjonijiet ta’ self, proposti lil klijenti individwali tal-“horeca” (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

159    In-noti miktubin bl-idejn iċċitati fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu l-frażi li ġejja: “Garanziji/finanzjament: finanzjamenti għal [...] superjuri għall-ħtiġijiet ta’ punti preċiżi. Għaldaqstant […] miljuni”.

160    Skont il-Kummissjoni, din il-kwotazzjoni għaldaqstant tfisser li, waqt il-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1996, il-produtturi tal-birra ddiskutew garanziji u finanzjamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw minn produttur wieħed jew iktar tal-birra favur punti ta’ esplojtazzjoni partikolari (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

161    Issa, hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrenti jipproponu interpretazzjoni oħra tas-silta invokata mill-Kummissjoni, li tindika li din taqa’ fil-kuntest ta’ diskussjoni fuq id-“debituri dubjużi”.

162    Fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur “horeca” ta’ Bavaria li jikkonċernaw il-laqgħa tat-12 ta’ Marzu 1998, li jinkludu s-silta li ġejja: “Bav interessi […] % ? ħlief jekk ikun hemm kumpens għar-reklamar”. Skont il-Kummissjoni, din is-silta tipprova li saret diskussjoni li tikkonċerna l-livell ta’ rati tal-interessi fuq is-self mogħti lil punti ta’ bejgħ “horeca” (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

163    Issa, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni interpretat in-noti miktubin bl-idejn b’mod korrett, in-natura iżolata u lakonika ta’ tali referenza u n-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni konkreta li tirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra tal-birra f’diskussjoni dwar is-suġġetti inkwistjoni ma jippermettux li dawn in-noti jitqiesu bħala prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ kollużjoni li kienet tirrigwarda koordinazzjoni okkażjonali ta’ ċerti kundizzjonijiet kummerċjali.

164    Fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li n-noti miktubin bl-idejn, invokati fil-premessi 67 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata, huma kkorroborati mid-dikjarazzjoni ta’ InBev li minnha jirriżulta, minn naħa, li l-laqgħa “Catherijne” tat-12 ta’ Marzu 1998 kienet iddedikata kemm għal kwistjonijiet marbuta mal-“horeca” kif ukoll għal konsum fid-djar u, min-naħa l-oħra, li l-parteċipanti fil-laqgħat “Catherijne” ikkonċentraw fuq l-investimenti fil-“horeca” bil-għan li jiġi evitat it-teħid ta’ klijenti.

165    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ siltiet iċċitati mill-Kummissjoni kif ukoll ir-referenza magħmula minnhom “għall-ispirtu tad-dikjarazzjoni ta’ InBev” ma jirriżultawx f’indizju konkret tal-eżistenza ta’ diskussjonijiet bejn il-produtturi tal-birra li jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self u għaldaqstant ma humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjoni magħmula f’dan is-sens mill-Kummissjoni.

166    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni okkażjonali, bejn il-produtturi tal-birra, ta’ kundizzjonijiet ta’ self proposti lill-klijenti individwali tal-“horeca” hija bbbażata fuq provi frammentarji u mhux preċiżi.

167    Fil-fatt, b’kunsiderazzjoni, minn naħa, tan-natura iżolata u lakonika tar-referenzi magħmula fin-noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 67 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-interpretazzjoni plawżibbli mressqa mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, tan-nuqqas ta’ indiżji konkreti fuq dan il-punt fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx, sal-grad rikjest mill-liġi, li l-ksur inkwistjoni inkluda “koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil konsumaturi individwali fis-settur tal-horeca fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

168    Il-konstatazzjoni magħmula f’dan is-sens, fil-premessa 258 u fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

169    Għaldaqstant, għandha tintlaqa’ l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jirrigwardaw il-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil klijenti individwali fis-settur “horeca”.

–       Fuq l-allegat żball ta’ liġi u ta’ klassifikazzjoni tal-fatti

170    Ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ numru ta’ ftehim u/jew ta’ prattiki miftiehma bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE tirriżulta minn żball li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (premessa 337 u 341 tad-deċiżjoni kkontestata).

171    Hemm lok li jitfakkar, qabel kollox, li, fil-kuntest ta’ laqgħat multilaterali u tal-kuntatti bilaterali tagħhom, l-erba’ produtturi tal-birra skambjaw diversi drabi informazzjoni sensittiva fis-suq (il-prezzijiet, l-ammont ta’ skontijiet u l-offerti konkreti lil ċerti klijenti), li kultant kienu pjuttost dettaljati (dokumenti invokati fil-premessi 129 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata) u kienu jinkludu ċifri konkreti tal-prezzijiet (dokumenti invokati fil-premessi 76, 89, 117, 129 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata), skontijiet u provvisti għal riduzzjoni (dokumenti invokati fil-premessi 143 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll indikazzjonijiet li jikkonċernaw klijenti u punti ta’ bejgħ kemm fis-settur “horeca” (dokumenti invokati fil-premessi 92, 143, 156, 165 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll dawk tal-konsum fid-djar (dokumenti invokati fil-premessi 76 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata).

172    Ġew diskussi wkoll ċerti proposti konkreti li jirrigwardaw l-aġir fis-suq, b’mod partikolari l-proposta li ssir żieda fil-prezzijiet f’żewġ stadji fis-settur tal-konsum fid-djar (dokument invokat fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

173    Iċ-ċirkustanzi li qatt ma ġie stabbilit ebda fajl uffiċjali għal-laqgħat “Catherijne”, li s-sustanza tad-diskussjonijiet kważi qatt ma ġiet riflessa f’nota interna u li djarji u noti fl-okkażjoni ta’ dawn il-laqgħat ġew distrutti f’Novembru tal-1998 (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata) jindikaw, barra minn hekk, li, b’mod kuntrarju għal dak li jippretendu r-rikorrenti, id-diskussjonijiet kellhom natura sigrieta u l-parteċipanti kienu konxji mill-illegalità tal-aġir tagħhom u ppruvaw jaħbuh.

174    Għall-kuntrarju ta’ dak li jindikaw ir-rikorrenti, jirriżulta minn provi dokumentarji eżaminati mill-Kummissjoni li ntlaħaq qbil tal-intenzjonijiet fuq ċerti proposti, bħal dawk tal-għoti ta’ kuntratt mal-organizzazzjoni ta’ xiri tal-bejjiegħa bl-imnut lil Interbrew (dokument invokat fil-premessa 236 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 531 tad-deċiżjoni kkontestata) u taż-żieda miftiehma tal-prezzijiet qabel jew matul is-sena tal 1998 (dokument invokat fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

175    L-eżistenza, f’dan l-aħħar każ, ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 81 KE la hija kkontestata mill-fatt probabbli li l-qbil tal-intenzjonijiet bejn il-produtturi tal-birra ma kienx ikopri modalitajiet konkreti dwar l-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet, u lanqas mill-fatt li din, fil-fatt, qatt ma twettqet fis-suq.

176    Fil-fatt anki jekk jitqies li qatt ma ntlaħaq ftehim fir-rigward tal-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li, permezz tad-diskussjonijiet regolari tagħhom, il-produtturi tal-birra mmanifestaw b’mod ċar l-intenzjoni komuni tagħhom li jaslu għal ftehim antikompetittiv (premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata).

177    Barra minn hekk, l-iskambju kontinwu ta’ informazzjoni sensittiva li ma hijiex aċċessibbli għall-pubbliku u li r-rappreżentanti tal-erba’ produtturi tal-birra sabu utli li jniżżlu fid-djarji tagħhom u li jsemmu fil-kuntest tal-korrispondenza interna tagħhom ċertament kellha l-konsegwenza li tnaqqas għal kull wieħed minnhom l-inċertezza fir-rigward tal-aġir prevedibbli tal-kompetituri tagħhom.

178    F’dan ir-rigward, għandu jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja li għandhom jipproduċu l-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq. Dan japplika iktar u iktar meta l-prattika miftiehma sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil, kif inhu l-każ f’din il-kawża (ara s-sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 162).

179    Ir-rikorrenti tqis li rribattiet din il-preżunzjoni billi pproduċiet prova li, minkejja d-diskussjonijiet, l-erba’ produtturi tal-birra ddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq b’mod awtonomu.

180     Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Huwa ċertament veru li kemm id-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja ta’ InBev kif ukoll iċ-ċirkustanza li Heineken żiedet il-prezzijiet tagħha biss fi Frar tal-2000 jixhdu li, matul il-perijodu kkontestat, kull produttur tal-birra segwa l-politika tiegħu fis-suq. Madankollu, anki jekk din l-aħħar konstatazzjoni tista’ turi n-nuqqas ta’ impenji formali jew ta’ koordinazzjoni effettiva bejn il-produtturi tal-birra, hija ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprova li dawn tal-aħħar qatt ma ħadu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata waqt il-laqgħat ikkontestati sabiex jiddeterminaw, kull wieħed liberament, l-aġir tagħhom fuq is-suq.

181    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma rnexxielhomx jirribattu l-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq.

182    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-elementi kostituttivi ta’ prattika miftiehma, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq, huma, f’dan il-każ, sodisfatti, fir-rigward tal-aġir, minn naħa, u tal-koordinazzjoni ta’ prezzijiet u ta’ żieda fil-prezzijiet tal-birra u, min-naħa l-oħra, ta’ koordinazzjoni okkażjonali dwar it-tqassim tal-klijentela.

183    F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha dritt li tikklassifika l-aġir inkwistjoni bħala “numru ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma”, sa fejn dan l-aġir kien jinkludi kemm elementi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “ftehim” u elementi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “prattiki miftiehma”. Fil-fatt, fis-sitwazzjoni fattwali kumplessa, il-klassifikazzjoni doppja mwettqa mill-Kummissjoni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem mhux bħala klassifikazzjoni li teżiġi simultanjament u kumulattivament il-prova li kull wieħed minn dawn l-elementi ta’ fatt jippreżenta l-elementi kostituttivi ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, iżda bħala li tiddeskrivi konglomerazzjoni kumplessa li tinkludi elementi ta’ fatt, li wħud minnhom ġew kklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE, li ma jipprevedix klassifikazzjoni speċifika għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 264).

184    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt, billi tinvoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem, li hija tista’ tinżamm responsabbli għall-allegata prattika miftiehma mal-produtturi tal-birra Belġjani dwar is-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka ta-distributur.

185    Hija ssostni b’mod partikolari li l-prattika miftiehma tal-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi diġà kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni 2003/569 u li, f’din l-aħħar deċiżjoni, hija ma kinitx sanzjonata għall-preżenza tagħha fil-laqgħat fi Breda ma’ Interbrew Nederland u l-produtturi tal-birra Belġjani Interbrew Belgique, Alken-Maes, Haacht u Martens, b’mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tissanzjonaha mill-ġdid mingħajr ma tikseb il-prinċipju ta’ ne bis in idem li jipprojbixxi li r-responsabbiltà ta’ impriża tiġi kkonstatata minħabba aġir li għalih hija ma tkunx ippenalizzata preċedentement.

186    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ne bis in idem, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu għandha tiġi żgurata mill-qorti, jipprekludi li l-istess persuna tiġi ppenalizzata iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi mħares l-istess interess legali. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li l-fatti jkunu identiċi, l-istess persuna tkun kisret il-liġi u, jkun hemm l-istess interess ġuridiku protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 41 supra, punt 338).

187    Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma hijiex fost id-destinatarji tad-Deċiżjoni 2003/569, u lanqas barra minn hekk tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Mill-premessi 250 sa 260 tad-Deċiżjoni 2003/569 jirriżulta b’mod ċar li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħat fi Breda hija indikata biss fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-fatt u ma hija suġġett għal ebda evalwazzjoni ġuridika mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, huwa evidenti li l-imsemmija deċiżjoni bl-ebda mod ma kellha bħala għan li tiddeċiedi fuq l-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-prattika miftiehma bejn il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi.

188    Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ippenalizzata, fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2003/569, għall-aġir illegali inkwistjoni fil-każ ineżami, l-argument tagħha bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa infondat.

189    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq żball ta’ liġi ma jistax jintlaqa’.

190    Fl-aħħar, peress li r-rikorrenti ma wrewx li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, hemm lok li tiġi miċħuda wkoll l-argumentazzjoni tagħhom, essenzjalment ibbażata fuq l-istess premessa, li l-Kummissjoni interpretat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat, bi ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, billi naqset ukoll milli tagħti raġunijiet suffiċjenti insostenn tal-konstatazzjoni tal-ksur.

–       Konklużjoni

191    Wara l-eżami tat-tieni motiv iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali, minbarra tal-prezzijiet, offruti lill-konsumaturi individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi ma hijex ipprovata sal-grad rikjest mil-liġi u ma tistax tintlaqa’ (ara l-punti 159 sa 169 iktar ’il fuq).

192    Konsegwentement, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jistabbilixxi l-imsemmi komponent tal-ksur inkwistjoni kif ukoll li jiġi emendat l-ammont tal-multa konsegwentement imposta fuq ir-rikorrenti. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din l-emenda ser jiġu ppreċiżati fil-punti 344 u 345 iktar ’il quddiem.

193    Il-kumplament tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq it-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

194    Ir-rikorrenti tikkontesta l-iffissar tas-27 ta’ Frar 1996 u tat-3 ta’ Novembru 1999 bħala dati ta’ bidu u ta’ tmiem tal-ksur attribwit lilhom. Hija tqis, b’mod partikolari, li l-bidu u t-tmiem tal-ksur għandhom jiġu stabbiliti direttament minn provi u huma suġġetti għal oneru tal-prova ikbar, li ma ġiex sodisfatt f’dan il-każ.

195    Fir-rigward tal-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1996, ir-rikorrenti jsostnu li n-noti miktubin bl-idejn invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna diskussjoni ġenerali dwar “debituri dubbjużi” fis-settur “horeca”, li ma tistax titqies li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

196    Fir-rigward tal-laqgħa tat-3 ta’ Novembru 1999, li ttieħdet bħala data tat-tmiem tal-ksur, ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura illegali ta’ din il-laqgħa hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet tad-diretturi ta’ InBev.

197    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

198    It-tul tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova jaqa’, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (ara sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tikkontesta l-iffissar kemm tad-data tal-bidu kif ukoll dik tat-tmiem tal-ksur.

–       Fuq l-iffissar tad-data tal-bidu tal-ksur

200    Il-Kummissjoni stabbilixxiet is-27 ta’ Frar 1996 bħala d-data tal-bidu tal-ksur inkwistjoni, li kienet id-data tal-ewwel laqgħa “Catherijne” li fir-rigward tagħha hija kellha provi diretti tal-preżenza tal-erba’ produtturi tal-birra.

201    Kif ġie kkonstatat fil-punti 159 sa 169 iktar ’il fuq, in-noti miktubin bl-idejn dwar dik il-laqgħa, iċċitati fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jikkostitwixxux, fihom infushom, għadd ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu sal-grad rikjest mil-liġi l-konstatazzjoni tal-ksur dwar il-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lill-konsumaturi individwali fis-settur “horeca”.

202    Madankollu, din il-kunsiderazzjoni fiha nfisha ma timpedix l-użu tal-istess elementi sabiex tiġi stabbilita d-data tal-bidu tal-ksur fl-intier tiegħu.

203    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1996 tifforma parti minn serje ta’ laqgħat perijodiċi li kienu jinvolvu l-istess parteċipanti u li kienu jseħħu f’ċirkustanzi simili. Huma kienu magħrufa bl-ismijiet “prattika miftiehma Catherijne” u “kummissjoni tal-aġenda”, li kienu jlaqqgħu rappreżentanti ta’ erba’ produtturi Olandiżi tal-birra Heineken, InBev, Grolsch u Bavaria, li kienu organizzati b’mod parallel mal-laqgħat uffiċjali tas-CBK u d-diskussjonijiet li kienu jsiru fil-kuntest tagħhom qatt ma kienu riflessi fil-fajls u kważi qatt fin-noti interni. Fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, dawk il-laqgħat wkoll huma ppreżentanti bħala li jifformaw parti minn serje u li fl-anness ġiet ipprovduta tabella li tinkludi ismijiet, indirizzi, dati u postijiet tal-biċċa l-kbir tagħhom, inkluża dik tas-27 ta’ Frar 1996 (premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata).

204    Diġà ġie kkonstatat, abbażi kemm tad-dikjarazzjoni ta’ InBev kif ukoll ta’ numru ta’ provi oħra, li l-laqgħat li jifformaw parti minn din is-serje kellhom għan antikompetittiv (ara l-punti 171 sa 176 iktar ’il fuq). Għalhekk, minn naħa, għadd ta’ indizji juru n-natura sistematika tal-laqgħat kif ukoll il-kontenut antikompetittiv tagħhom u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ InBev, li għandha valur probatorju kbir, tippermetti li jiġi stabbilit, b’riżerva għal prova kuntrarja, li l-għan restrittiv tal-kompetizzjoni jivvizzja l-laqgħat kollha li jaqgħu fis-sistema, anki fin-nuqqas ta’ prova konkreta f’dan is-sens għal parti waħda minnhom.

205    Ir-rikorrenti essenzjalment tqis li din il-loġika ma tistax tiġi applikata fil-kuntest tal-iffissar tad-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-ksur. Hija tqis b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi d-data preċiża tal-bidu tal-ksur.

206    F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi rrilevat li, sabiex tistabbilixxi d-data tal-bidu tal-ksur, il-Kummissjoni ma hijiex limitata li tibbaża ruħha fuq elementi li jirrigwardaw il-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1996.

207    Fil-fatt, fil-premessi 466 sa 469 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-produtturi tal-birra kkonċernati, inklużi r-rikorrenti, li huwa pparteċipa fil-ksur “minn tal-inqas bejn is-27 ta’ Frar 1996 u t-3 ta’ Novembru 1999”. Fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tippreċiża, barra minn hekk, li, skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, il-ksur beda qabel l-1996, jiġifieri:

–        “fl-1990 jew anki qabel” fir-rigward tad-diskussjonijiet li jikkonċernaw iż-żidiet fil-prezzijiet “horeca”;

–        fl-“1993 1994” fir-rigward ta’ diskussjonijiet li jikkonċernaw l-iskontijiet u t-trasferimenti ta’ punti ta’ bejgħ horeca bejn produtturi tal-birra;

–        fl-“1987” fir-rigward ta’ diskussjonijiet bejn Oranjeboom-Interbrew u Bavaria li jikkonċernaw il-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur.

208    Fid-dawl tal-valur probatorju sinjifikattiv tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li l-ksur inkwistjoni beda minn tal-inqas fid-data tal-ewwel laqgħat fl-1996, li jidhru fit-tabella annessa mad-dikjarazzjoni ta’ InBev, li fihom InBev kienet irrapreżentata wara li akkwistat lil Oranjeboom fl 1995.

209    Għalhekk, sa fejn, fl-ewwel lok, ġie stabbilit li r-rikorrenti kienet irrappreżentata fil-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1996 u, fit-tieni lok, li mid-dikjarazzjoni ta’ InBev jirriżulta li r-rikorrenti kienet involuta fil-laqgħat “Catherijne” mill-bidu fl-1993 jew fl-1994, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi, b’mod ġust, li r-rikorrenti kienet involuta fil-ksur inkwistjoni minn tal-inqas b’effett mis-27 ta’ Frar 1996.

210    Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur qabel din id-data, fil-fatt jikkostitwixxi konċessjoni favur id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma hijiex mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità jew l-opportunità ta’ din il-konċessjoni (ara, f’dan is-sens, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 340 u 341).

211    F’dawn il-kundizzjonijiet, fir-rigward tal-laqgħa li taqa’ f’sistema ta’ laqgħat regolari li n-natura antikompetittiva tagħha intweriet sal-grad rikjest mill-liġi, il-konstatazzjoni tad-data inizjali tal-ksur ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-insuffiċjenza ta’ prova konkreta dwar il-kontenut tal-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1996.

212    Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment dwar l-iffissar tad-data tal-bidu tal-ksur.

–       Fuq l-iffissar tad-data tat-tmiem tal-ksur

213    Il-Kummissjoni stabbilixxiet it-3 ta’ Novembru 1999 bħala d-data tat-tmiem tal-ksur għall-produtturi kollha tal-birra kkonċernati (premessi 466 sa 469 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija d-data tal-aħħar laqgħa “Catherijne” li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni għandha provi diretti tal-preżenza ta’ erba’ produtturi tal-birra. Din il-laqgħa tinsab fl-aħħar fit-tabella kronoloġika annessa mad-dikjarazzjoni ta’ InBev. Skont risposta ta’ InBev għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, il-laqgħa tat-3 ta’ Novembru 1999 kienet “laqgħa Catherijne (kwistjonijiet horeca/kummissjoni tal-aġenda) [;] bħal dejjem fil-konsultazzjonijiet Catherijne, kienu jitkellmu prinċipalment dwar ftehim eċċessivi u dwar koeżistenza paċifika” (premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata).

214    Ir-rikorrenti tqis li din id-dikjarazzjoni hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet iktar speċifiċi tad-diretturi ta’ InBev li attendew il-laqgħa tat-3 ta’ Novembru 1999, li minnhom hija tinvoka s-siltiet li ġejjin:

–        “Fid-19 ta’ Awwissu 1999, kien hemm prattika miftiehma li attendejt għaliha. Fit-3 ta’ Novembru 1999, kien hemm laqgħa li attendejna għaliha jiena u M. […]. F’dan il-każ bħal fil-każ l-ieħor, ma tkellimniex b’mod konkret dwar l-aġir fis-suq. Il-laqgħa kienet iktar ta’ natura informali”;

–        “Jeżistu laqgħat ta’ erba’ diretturi horeca (Heineken, Grolsch, Bavaria u Interbrew). Jiena attendejt għal waħda biss minn dawn il-laqgħat, fit-3 ta’ Novembru 1999 f’Enschede. M. […] akkumpanji sabiex jintroduċini. Din il-laqgħa ma kienx fiha wisq konsistenza. Kienet iktar laqgħa informali, mingħajr aġenda partikolari. Saru kummenti ġenerali dwar l-iskontijiet. Kelli l-impressjoni li kienet ilha teżisti minn snin ilu xi forma ta’ sistema ta’ skala jew regola għall-iskontijiet, iżda dan qatt ma ntqal b’mod speċifiku. Tkellimna biss fuq ammonti globali ta’ skontijiet f’termini ġenerali ħafna, li kienet l-okkażjoni sabiex jissemmew ċerti ġrajjiet. Fl-opinjoni tiegħi l-iskala ma kinitx qiegħda tiffunzjona. Kull wieħed mill-operaturi kien jiddetermina l-istrateġija tiegħu stess. Jista’ jkun li kien hemm ċertu tentattiv ta’ intimidazzjoni, iżda kull wieħed kien jagħmel dak li kien jidhirlu”.

215    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn is-siltiet ma jikkontradixxux l-elementi stabbiliti mill-Kummissjoni. Ir-referenzi għall-“ftehim eċċessivi” u għall-“koeżistenza paċifika” kif ukoll għall-“iskala” u għar-“regola għall-iskontijiet” huma relatati b’mod ċar mal-koordinazzjoni tar-rati tal-iskontijiet applikati fil-konfront ta’ klijenti “horeca”. L-unika preċiżjoni introdotta mid-dikjarazzjonijiet ta’ diretturi ta’ InBev tikkonċerna l-livell ta’ dettall tad-diskussjonijiet, allegatament limitati għal “kummenti ġenerali”, kif ukoll in-nuqqas ta’ effett tagħhom fuq is-suq, jiġifieri l-fatt li “l-iskala ma kinitx qiegħda tiffunzjona”. Issa, diġà ġie rrilevat li la n-natura ġenerali tad-diskussjonijiet u lanqas in-nuqqas ta’ effett fuq is-suq ma huma ta’ natura li jikkontradixxu n-natura ta’ ksur tal-laqgħa kkonċernata (ara l-punti 69 sa 71 iktar ’il fuq).

216    Iċ-ċirkustanza li l-laqgħa tat-3 ta’ Novembru 1999 taqa’ f’sistema ta’ laqgħat antikompetittivi (ara l-punti 203 u 204 iktar ’il fuq) u li s-suġġetti msemmija kienu marbuta mad-diskussjonijiet preċedenti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni tindika, barra min hekk, li l-għan tat-tnedija stess tal-laqgħa kien li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex isiru dawn id-diskussjonijiet.

217    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li kienet teżisti ċerta kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati ta’ InBev invokati mir-rikorrenti, minn naħa waħda, u r-risposta ta’ InBev għat-talba għal informazzjoni, min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-saħħa probatorja ta’ din tal-aħħar hija ikbar, fid-dawl tal-ġurisprudenza li skontha dikjarazzjoni mogħtija f’isem impriża bħala tali għandha kredibbiltà ikbar minn dik li jista’ jkollha r-risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha indipendentment mill-esperjenza jew mill-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 45).

218    Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment dwar l-iffissar tad-data tat-tmiem tal-ksur u, għaldaqstant, tat-tielet motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

 L-argumenti tal-partijiet

219    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba, peress li ma wettqitx investigazzjoni kompleta, dettaljata u imparzjali. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat sistematikament id-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni b’mod parzjali u preġudizjali. It-tieni nett, hija ssostni li d-dikjarazzjonijiet li jirriżultaw mit-talba għal klemenza ta’ InBev, li kienet pilastru fundamentali tal-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, kellhom jiġu evalwati bħala riżervi. It-tielet nett, ir-rikorrenti tindika li l-Kummissjoni, manifestament, użat b’mod selettiv il-provi l-oħra li hija kellha u ċċitat biss, fid-deċiżjoni kkontestata, is-siltiet minn dawn il-provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur, filwaqt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni deliberatament l-argumenti tal-partijiet l-oħra li rrifjutaw il-konklużjonijiet tagħha. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkritika l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni għad-dikjarazzjonijiet li huwa indirizza lill-pubbliku fil-kuntest ta’ programm televiżiv Olandiż immedjatament wara l-adozzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu juru, b’mod partikolari, li għall-Kummissjoni, ir-responsabbiltà tal-produtturi tal-birra kienet diġà stabbilita qabel ma kellhom l-okkażjoni li jiddefendu ruħhom kontra d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

220    Il-ħames nett, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li emendat l-ilmenti matul l-investigazzjoni. Hija essenzjalment issostni li l-ilment dwar il-prattika miftiehma okkażjonali dwar l-għoti ta’ klijentela fis-settur “horeca” u s-settur tal-konsum fid-djar ma kienx inkluż fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma analizzatx il-provi li juru li hija kienet tassew kompetittiva u stabbilixxiet il-prezzijiet tagħha b’mod awtonomu.

221    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

222    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fost il-garanziji pprovduti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, hemm b’mod partikolari l-obbligu fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14).

223    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’akkuratezza u imparzjalità l-provi, hemm lok li jitfakkar li, kif diġà ġie kkonstatat waqt l-eżami tat-tieni motiv iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ressqet provi suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, fir-rigward ta’ żewġ komponenti tal-ksur inkwistjoni (ara l-punt 155 iktar ’il fuq). Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali diġà evalwat il-kritiki tar-rikorrenti fid-dawl tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ InBev kif ukoll ta’ elementi intiżi li jistabbilixxu l-prova kuntrarja mressqa waqt il-proċedura amministrattiva.

224    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jitqies li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ investigazzjoni kompleta, iddettaljata u imparzjali tikkoinċidi mal-argumenti eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv iktar ’il fuq u ma tirrikjedix eżami awtonomu.

225    Fit-tieni lok, sa fejn l-argument tar-rikorrenti dwar id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni jista’ jiġi interpretat bħala li huwa bbażat, fir-realtà, fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ippreżentat mir-rikorrenti ma huwiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża preżenti.

226    Fil-fatt, l-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata biss skont il-provi miġbura mill-Kummissjoni. Meta jiġu effettivament stabbiliti l-fatti tal-ksur fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-prova ta’ manifestazzjoni prematura mill-Kummissjoni, matul din il-proċedura, tal-konvinzjoni tagħha li jeżisti l-imsemmi ksur, ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad il-prova tal-ksur innifsu (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 726).

227    Fi kwalunwe każ, l-opinjonijiet espressi minn membru tal-Kummissjoni waqt xandira televiżiva Olandiża, li semmew, fil-kuntest ta’ eżempji ta’ interventi mill-Kummissjoni, li l-konsumaturi Olandiżi “ħallsu wisq għall-birra tagħhom” wara aġir tal-produtturi tal-birra, anki li kieku l-għażla ta’ dawk l-opinjonijiet kienet sfortunata, ma humiex ta’ natura li juru li l-Kummissjoni ppreġudikat id-deċiżjoni tagħha.

228    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, bħala kulleġġ, tiddelibera abbażi ta’ abbozz ta’ deċiżjoni. F’dan ir-rigward, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-opinjonijiet ta’ membru tal-Kummissjoni kkonċernat li jsemmu l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienu jimplikaw li l-Kummissjoni tqis il-ħtija tal-produtturi tal-birra bħala diġà stabbilita.

229    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegata nuqqas ta’ konkordanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-ilment dwar it-tqassim tal-klijentela fis-setturi tal-“horeca” u tal-konsum fid-djar, għandu jiġi kkonstatat li l-akkużi fil-konfront tar-rikorrenti ma humiex fondati.

230    Fil-fatt, mid-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar li l-partijiet kienu responsabbli għal tali prattika miftiehma. Għalhekk, minn naħa, fil-punti 262 sa 272 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija espliċitament indikat li l-produtturi tal-birra kienu bbażati fuq it-tqassim tal-klijenti fis-settur “horeca”. Min-naħa l-oħra, mill-punti 311 u 312 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-ilmenti esposti huma intiżi, b’mod partikolari, għat-tqassim tal-klijenti bejn il-produtturi tal-birra.

231    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv preżenti ma jistax jintlaqa’.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, fir-rigward tar-rifjut għal aċċess għal dokument fil-fajl kif ukoll għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija mill-impriżi l-oħra kkonċernati

 L-argumenti tal-partijiet

232    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li rrifjutat li hija jkollha aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-partijiet l-oħra kkonċernati mill-proċedura, u affettwat b’dan il-mod id-drittijiet ta’ difiża tagħha. Hija ssostni b’mod partikolari li dawn ir-risposti kienu ppermettewlha tinvoka elementi oħra li jiskaġunaw li jsostnu l-konklużjoni li l-produtturi tal-birra l-oħra qatt ma ftiehmu fuq is-suq Olandiż tal-birra. Barra minn hekk, hija ssostni li, fil-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat element tar-risposta ta’ Heineken bħala prova kontriha, li fiha Heineken ammettiet l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar il-prezz tal-birra fi btieti, minkejja li dan l-element ma ġiex ikkomunikat lilha.

233    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rrifjutat li hija jkollha aċċess għal dokument fil-fajl rilevanti għad-difiża tagħha, u għalhekk kisret l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Hija tindika, b’mod partikolari, li hija ma kellhiex aċċess għall-informazzjoni dwar in-numru ta’ klijenti tas-settur “horeca” li l-produtturi tal-birra kisbu u tilfu matul il-perijodu bejn l-1997 u l-2001. Kuntrarjament għall-allegazzjonijeit tal-Kummissjoni, hija tqis li din l-informazzjoni ma kinitx kunfidenzjali u li, ma’ dan id-dokument, hija setgħet turi li kien hemm bidliet konstanti fis-settur “horeca” tas-suq Olandiż tal-birra li kien juri kompetizzjoni qawwija bejn il-produtturi tal-birra.

234    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

235    Skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 “[i]d-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati għandhom jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri [, h]uma għandhom jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil [għall-] file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ”.

236    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punti 125 sa 128, u tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 81).

237    Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 68).

238    Fir-rigward tal-provi inkriminanti, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dak id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha rigward l-eżistenza ta’ ksur u min-naħa l-oħra, li dan l-ilment seta’ jiġi pprovat biss permezz ta’ riferiment għal dan id-dokument. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku jiġi miċħud bħala mezz ta’ prova (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 71 sa 73).

239    Għall-kuntrarju, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu ta’ din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Ikun suffiċjenti li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 318, u s-sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 81), billi turi b’mod partikolari li hija setgħet tinvoka elementi li ma jaqblux mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u għaldaqstant setgħet tinfluwenza, bi kwalunkwe mod, l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 75).

240    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega li ma kellhiex aċċess, minn naħa, għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn impriżi oħra kkonċernati u, min-naħa l-oħra, għal dokument ta’ fajl ikkunsidrat bħala kunfidenzjali mill-Kummissjoni.

–       Fuq ir-risposti ta’ impriżi oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

241    Għandu jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa att maħsub li jillimita s-suġġett tal-proċedura mibdija kontra impriża u jiżgura l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

242    Hija f’din il-perspettiva li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija mdawra b’garanziji proċedurali li japplikaw il-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, li fosthom hemm id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jkunu fil-fajl tal-Kummissjoni.

243    Ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jifformawx parti mill-fajl tal-investigazzjoni nnifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cimenteries CBR et Il-Kummissjoni, punt 226 iktar ’il fuq, punt 380).

244    Fir-rigward ta’ dokumenti li ma jifformawx parti mill-fajl kkostitwit fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tiżvela l-imsemmija risposti lill-partijiet oħra kkonċernati biss jekk dawn ikun fihom elementi ġodda li jinkriminaw jew li jiskaġunaw.

245    Bl-istess mod, skont il-punt 27 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], taħt l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7), bħala regola ġenerali, il-partijiet ma għandhomx aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ partijiet oħra kkonċernati mill-investigazzjoni. Parti jkollha biss aċċess għal dawn id-dokumenti ħlief meta dawn ikunu jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, kemm jekk dawn ikunu inkriminanti jew skaġunanti, fir-rigward ta’ allegazzjonijiet fformulati fil-konfront ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

246    F’dan ir-rigward, dwar, minn naħa, l-elementi l-ġodda li jinkriminaw, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq element ibbażat fuq risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jikkummentaw fuq tali prova ġdida (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 226 iktar ’il fuq, punt 386, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 50).

247    Fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li, fil-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat element ta’ risposta ta’ Heineken bħala prova kontriha, li fiha Heineken ammettiet l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar il-prezzijiet tal-birra fi btieti, minkejja li dan l-element ma ġiex ikkomunikat lilha.

248    Għandu jiġi osservat li, fil-premessa invokata, il-Kummissjoni tindika, bħala risposta għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti u minn Heineken, li l-eżistenza tad-diskussjonijiet illegali waqt il-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 1999 tirriżulta minn elementi esposti preċedentement, jiġifieri mid-dikjarazzjoni ta’ InBev, u min-noti tar-rappreżentanti ta’ Grolsh u tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, minkejja li l-Kummissjoni ssostni wkoll li Heineken infisha ammettiet l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar il-prezzijiet, “b’ċertu riżervi”, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, din l-aħħar indikazzjoni hija biss element aċċessorju fis-sensiela ta’ indizji miżmuma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-laqgħa inkwistjoni, u ma tistax tikkostitwixxi element inkriminanti fir-rigward tar-rikorrenti.

249    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-elementi ġodda li jiskaġunaw, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tirrendihom aċċessibbli fuq inizjattiva tagħha stess. Fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tkun ċaħdet, matul il-proċedura amministrattiva, talba ta’ rikorrenti intiża għal aċċess għal dokumenti li ma jinsabux fil-fajl tal-investigazzjoni, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża ħlief jekk jiġi stabbilit li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti fl-ipoteżi fejn ir-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti inkwistjoni matul din il-proċedura (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 226 iktar ’il fuq, punt 383).

250    Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza tal-allegati elementi li jiskaġunaw fir-risposti mhux żvelati, huwa obbligu tagħha li tipprovdu l-ewwel indizju tal-utilità ta’ dawn id-dokumenti għad-difiża tagħha.

251    Hija għandha tindika l-elementi potenzjali li jiskaġunaw jew jipprovdu indizju li juri l-eżistenza tagħhom u, għaldaqstant, l-utilità tagħhom għall-ħtiġijiet tal-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 351 sa 359).

252    Fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li r-risposti ta’ partijiet oħra kkonċernati mill-proċedura kienu ppermettewha tinvoka elementi oħra li jiskaġunaw li jsostnu l-konklużjoni li l-produtturi tal-birra l-oħra qatt ma ftiehmu dwar is-suq Olandiż tal-birra.

253    Issa, safejn ir-rikorrenti ssostni li l-impriżi l-oħra, fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ukoll sostnew argumenti bbażati fuq il-kontestazzjoni tal-ksur, għandu jiġi osservat li din is-sempliċi indikazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex dawn l-argumenti jiġu kkunsidrati bħala elementi li jiskaġunaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, punti 353 u 355).

254    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma indikatx elementi potenzjali ġodda li jinkriminaw jew jiskaġunaw li jistgħu jinkludu r-risposti invokati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

255    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq id-dokument allegatament kunfidenzjali

256    Ir-rikorrenti tikkritika r-rifjut ta’ aċċess għal-lista ta’ klijenti tas-settur “horeca” li l-produtturi tal-birra kisbu u tilfu matul il-perijodu bejn l-1997 u l-2001, li kienet tagħmel parti mill-fajl tal-proċedura. Hija tqis li l-aċċess għal din l-informazzjoni kien indispensabbli għad-difiża tagħha peress li setgħet turi li kien hemm bidliet fis-settur “horeca” għall-Pajjiżi l-Baxxi u li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li l-kompetizzjoni kienet ristretta f’dan is-settur, hija ineżatta.

257    Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk huwiex b’mod ġust li l-Kummissjoni kklassifikat l-informazzjoni mitluba bħala kunfidenzjali, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-lista tal-klijenti inkwistjoni setgħet kienet utli għad-difiża tagħha.

258    Fil-fatt, mill-premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għat-tqassim tal-klijentela fis-settur “horeca” hija bbażata fuq ittra interna ta’ Heineken, li tikkonċerna intervista ma’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni tar-rikorrenti, u li t-test tagħha huwa riprodott fil-premessa 184 u interpretat fil-premessi 187 sa 189 tad-deċiżjoni kkontestata. L-informazzjoni dwar il-klijenti miksuba u mitlufa mill-produtturi tal-birra matul il-perijodu kkonċernat ma jistgħux jiġi kkunsidrati, fi kwalunkwe każ, bħala li jistgħu jipprovdu element li jiskaġuna fir-rigward ta’ din il-konstatazzzjoni.

259    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq rifjut għall-aċċess għad-dokument li jinkludi lista tal-klijenti tas-settur “horeca”, kif ukoll il-motiv preżenti fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

260    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-mod kif il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tal-multa, u b’mod partikolari, l-analiżi tagħha dwar il-gravità tal-ksur. B’mod partikolari, hija tikkunsidra li, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni attenwat fid-deċiżjoni kkontestata l-allegazzjonijiet gravi li hija kienet wettqet fid-dikjarazzjoni għall-oġġezzjonijiet, hija kellha tikklassifika l-ksur bħala inqas gravi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li dan ma kellu ebda impatt fuq is-suq Olandiż tal-birra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li hemm indikat fil-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata, l-effett tal-ksur fis-suq kien kwantifikabbli.

261    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ddevjat b’mod kunsiderevoli mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u, b’mod partikolari mill-multi imposti fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha 2003/569, tad-deċiżjoni tagħha 2002/759/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/37.800/F3 – Produtturi tal-birra Lussemburgiżi) ) (ĠU 2002 L 253, p. 21), u tad-Deċiżjoni 2005/503/KE, tad-29 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/C.37750/B2 – Produtturi tal-birra Kronenbourg, Produtturi tal-birra Heineken) (ĠU 2005 L 184, p. 57).

262    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament inkwantu l-multa hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ dawk li ġew imposti fuq Heineken u Grolsch. Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni tat importanza sproporzjonata lid-dħul mill-bejgħ tagħha waqt l-iffissar tal-multa, u dan żnatura b’mod gravi l-ibbilanċjar tal-interessi bejn il-produtturi tal-birra u l-pożizzjoni li hija tokkupa fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li, waqt id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha mingħajr ma tinkludi d-dazju tas-sisa.

263    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

264    Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet meta, intenzjonalment jew b’negliġenza, huma jiksru l-Artikolu 81 KE. Skont din l-istess dispożizzjoni, għal kull impriża parteċipanti fil-ksur, il-multa ma għandhiex teċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tas-sena kummerċjali ta’ qabel.

265    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-linji gwida fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 112).

266    Barra minn hekk, f’oqsma bħall-istabbiliment tal-ammont ta’ multa skont ir-Regolament Nru 1/2003, fejn il-Kummissjoni għandha din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II-2917, punt 79).

267    Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti marbuta miegħu ma jippreġudikawx, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni, fil-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 538), li għandha l-kapaċità tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62).

268    Dan il-motiv jinkludi, essenzjalment, tliet partijiet, li jikkonċernaw, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, fit-tieni lok, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, u fit-tielet lok, il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-multi imposti lid-destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur

269    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

270    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur hija ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata diżważiva tal-multi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C-202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241, u tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 91).

271    B’mod partikolari, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat.

272    Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk l-ammont tal-multa imposta huwiex proporzjonat mal-gravità tal-ksur u tibbilanċja l-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 136).

273    Ir-rikorrenti ssostni żewġ argumenti intiżi li jikkonfutaw id-determinazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-gravità tal-ksur.

274    Fl-ewwel lok, hija tikkontesta l-klassifikazzjoni bħala gravi ħafna, billi tindika li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kienet irrinunzjat għal diversi elementi tal-ksur fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

275    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-ksur gravi ħafna essenzjalment jikkorrispondi, b’mod partikolari, għal “restrizzjonijiet oriżżontali tat-tip ‘kartell tal-prezzijiet’ u ta’ kwoti tat-tqassim tas-swieq”.

276    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita l-akkordji ta’ dan it-tip jaqgħu taħt il-forom l-iktar gravi tal-ksur tal-kompetizzjoni, peress li huma maħsuba, mill-għan tagħhom stess, sempliċement u purament sabiex jeliminaw il-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jimplementawhom, u minħabba dan il-fatt imorru kontra l-għanijiet fundamentali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, tal-25 ta’ Ottubru 2005, punt 272 iktar ’il fuq, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata).

277    Issa, peress li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’numru ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma li għandhom bħala għan li joħolqu restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, b’mod partikolari permezz tal-koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet tal-prezzijiet u permezz tat-tqassim tal-klijentela, l-argument tar-rikorrenti li l-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala gravi ħafna ma jistax jiġi milqugħ.

278    Il-konstatazzjoni li saret fil-premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur f’dan il-każ, minn natura stess tiegħu, għandu, b’mod konformi mal-linji gwida, jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna, ma hijiex ivvizzjata bi żball. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li ċerti elementi tal-ksur indikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ġewx inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, peress li din tal-aħħar fiha elementi li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala gravi ħafna.

279    It-tieni nett, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kkonkludiet li l-impatt tal-akkordju fis-suq ma setax jitkejjel u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi tal-fajl li juri li l-ksur ma kellu ebda impatt fuq is-suq.

280    Għandu jitfakkar li, għalkemm l-eżistenza ta’ effett konkret tal-ksur fis-suq huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dan huwa kriterju fost oħrajn, bħan-natura proprja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku. Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jirriżulta li dan l-effett għandu biss jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun jista’ jitkejjel.

281    Jeħtieġ jitfakkar li l-akkordji orizzontali fuq il-prezzijiet jew fuq it-tqassim tas-swieq, bħall-ksur inkwistjoni f’din il-kawża, jistgħu jiġu klassifikati bħala gravi ħafna sempliċement abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata turi effett reali tal-ksur fuq is-suq. L-effett konkret tal-ksur jikkostitwixxi biss element wieħed fost oħrajn li, jekk ikun jista’ jitkejjel, jista’ jippermetti li l-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu prevedibbli ta’ EUR 20 miljun (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punti 74 u 75).

282    F’dan il-każ, fil-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata:

“Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma huwiex possibbli li jitkejjel l-effett reali fuq is-suq Olandiż, tal-ftehim kollha li jiffurmaw il-ksur u l-Kummissjoni għaldaqstant ma tibbażax ruħha fuq l-effett partikolari, b’mod konformi mal-linji gwida li skonthom l-effett konkret għandu biss jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun jista’ jitkejjel […] Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex ser tieħu inkunsiderazzjoni l-effett fuq is-suq sabiex tistabbilixxi l-multi applikabbli f’dan il-każ.”

283    Sussegwentement, fil-premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi l-konklużjoni dwar il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkonkludiet:

“B’kunsiderazzjoni tan-natura tal-ksur u tal-fatt li dan kien estiż għat-territorju kollu tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-impriżi destinatarji ta’ din id-deċiżjoni wettqu ksur gravi ħafna tal-Artikolu 81 [KE].”

284    Minn dawk is-siltiet jirriżulta li, bil-għan li tistabbilixxi l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-effett tal-ksur fuq is-suq, iżda fuq in-natura tal-ksur u fuq il-portata tas-suq ġeografiku inkwistjoni.

285    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, b’kunsiderazzjoni għan-natura tal-ksur ikkonstatat, li kellu bħala l-għan tiegħu, b’mod partikolari, koordinazzjoni tal-prezzijiet u taż-żidiet fil-prezzijiet kif ukoll koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela, il-Kummissjoni setgħet leġittimament ma tiħux inkunsiderazzjoni l-effett tal-ksur fuq is-suq.

286    Minn dan jirriżulta li, billi kklassifikat il-ksur inkwistjoni bħala gravi ħafna, il-Kummissjoni fil-fatt ma injoratx il-linji gwida u ma kisritx il-prinċipji invokati mir-rikorrenti.

287    Għaldaqstant, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq in-nuqqas tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq, kif ukoll din il-parti fl-intier tagħha, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni

288    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 292) u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 u tar-Regolament Nru 1/2003, marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi bil-għan li torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 216) u s-setgħa li fi kwalunkwe mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, punt 169).

289    F’dan il-każ, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti twettqet, b’mod konformi mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fid-dawl tal-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka argument validu mis-sempliċi fatt biss li, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ssanzjonat aġir simili billi imponiet multi inferjuri għal dawk imposti fuqhom f’dan il-każ.

290    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni eventwali, peress li ma huwiex wisq probabbli li ċ-ċirkustanzi ta’ dawn tal-aħħar, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodu kkonċernati jkunu identiċi (ara s-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, punt 233, u l-ġurisprudenza ċċitata).

291    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tinvoka l-livell tal-multi imposti permezz tat-tliet deċiżjonijiet preċedenti 2003/569, 2002/759 u 2005/503, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn li, għad-differenza ta’ deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kklassifikat il-ksur inkwistjoni bħala “gravi ħafna”, fid-Deċiżjonijiet 2002/759 u 2005/503, hija kkunsidrat li kienet fil-preżenza ta’ ksur “gravi”. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli l-imsemmija deċiżjonijiet għall-finijiet ta’ allegat trattament diskrininatorju fir-rigward tagħha.

292    Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2003/569, ir-rikorrenti tiddeduċi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mill-fatt li l-multi imposti fuq il-produtturi tal-birra Belġjani involuti kienu sinjifikattivament inqas għoljin minn dawk imposti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li la n-natura tal-ksur u lanqas il-kundizzjonijiet tas-swieq ikkonċernati ma jippreżentaw differenzi li jiġġustifikaw din l-esklużjoni.

293    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni tevalwa l-gravità tal-ksur skont diversi elementi li ma jirriżultawx minn lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u li, barra minn hekk, ma hijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża fir-rigward tal-ammont totali tal-multa imposta jew tal-kompożizzjoni tagħha minn diversi elementi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra p. II‑49, punti 187 u 188, u l-ġurisprudenza ċċitata).

294    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-paragun dirett tal-multi imposti fuq id-destinatarji ta’ żewġ deċiżjonijiet li jirrigwardaw ksur distint jista’ jwassal għal żnaturament tal-funzjonijiet speċifiċi li għandhom l-istadji differenti tal-kalkolu tal-multa. Fil-fatt, l-ammonti finali tal-multi jirriflettu ċirkustanzi speċifiċi partikolari għal kull akkordju kif ukoll l-evalwazzjonijiet xierqa għal każ inkwistjoni.

295    Minn dak kollu li ntqal jiriżulta li, fir-rigward tal-livell tal-multi imposti, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ impriżi kkonċernati mid-deċiżjonijiet preċedenti invokati.

296    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dawl tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni

297    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multi, fil-kuntest tat-trattament differenti applikat mill-Kummissjoni (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

298    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-linji gwida, fil-każijiet ta’ ksur li jinvolvi bosta impriżi, il-Kummissjoni tista’, bħalma għamlet f’dan il-każ, tibbilanċja l-ammonti ta’ tluq sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-saħħa speċifika ta’ kull impriża billi tqassam il-membri tal-akkordju fi gruppi “b’mod partikolari meta teżisti disparità kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi li jwettqu ksur tal-istess natura” (is-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida). Barra minn hekk, fil-linji gwida huwa speċifikat li “il-prinċipju tal-ugwaljanza ta’ piena għall-istess imġieba jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi hekk jirrikjedu, għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenti għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma dan id-differenzjar isegwi xi kalkolu aritmetiku” (is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida).

299    Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-istadju tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tiżgura, fil-każ fejn jiġu imposti multi fuq bosta impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li jasal għalihom il-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejniethom fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija tista’ tipproċedi għal tqassim fi gruppi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 385, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 57).

300    Madankollu, tqassim f’kategoriji għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti u li s-sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonat fir-rigward tal-elementi li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-analiżi tal-gravità tal-ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 124).

301    Fil-kawża inkwistjoni, sabiex jiġu ddefiniti l-kategoriji li għandhom ipoġġu fi gruppi l-impriżi kkonċernati, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 457 u 458 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għażlet li tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tagħha dwar is-suq inkwistjoni billi tibbaża ruħha fuq kriterju wieħed, jiġifieri l-bejgħ ta’ birra li sar fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-aħħar sena kummerċjali kompleta tal-ksur, jiġifieri s-sena 1998.

302    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stabbilixxiet tliet kategoriji ta’ impriżi. L-ewwel kategorija tinkludi Heineken, li wettqet bejgħ tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi bejn EUR 450 sa 480 miljun. It-tieni kategorija tinkludi Grolsch u InBev, li wettqu bejgħ fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ EUR 150 sa 180 miljun. Ir-rikorrenti tinsab fit-tielet kategorija, b’bejgħ fil-Pajjiżi l-Baxxi bejn EUR 100 u 130 miljun. L-ammonti tal-multa stabbiliti għal kull kategorija kienu EUR 65 000 000, EUR 25 000 000 u EUR 17 000 000 rispettivament.

303    Għalhekk, meta pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni għażlet metodu koerenti ta’ tqassim tal-membri tal-akkordju fi tliet kategoriji, li huwa oġġettivament iġġustifikat minħabba d-differenza bejn l-ishma fis-suq miżmuma minn kull waħda mill-impriżi li jaqgħu f’dawn it-tliet kategoriji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 288 iktar ’il fuq, punt 220). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma marritx kontra l-metodu abitwali stabbilit fil-linji gwida. Iktar minn hekk, jekk ir-rikorrenti tqis li, fost l-impriżi parteċipanti fl-akkordju, hija tokkupa pożizzjoni iktar dgħajfa, għandu jiġi kkonstatat li l-inklużjoni tagħha fit-tielet kategorija tirrifletti fil-fatt din il-kunsiderazzjoni.

304    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-bejgħ biss ma rriflettiex b’mod preċiż il-kapaċità ekonomika tal-impriżi li jippreġudikaw il-kompetizzjoni fis-suq tal-birra Olandiż, għandu jitfakkar li, minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, id-dħul mill-bejgħ huwa kkunsidrat bħala kriterju xieraq, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jevalwa d-daqs u l-poter ekonomiku tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121).

305    Peress li dan il-kriterju ġie debitament applikat fil-każ inkwistjoni, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li hemm ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa.

306    Fir-rigward tal-oppożizzjoni tar-rikorrenti għall-użu ta’ dħul mill-bejgħ li jinkludi d-dazji tas-sisa għall-kalkolu tal-ammonti ta’ bażi individwali, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn dan il-kalkolu jimplika l-ibbilanċjar tal-poteri relattivi tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju fis-suq, in-nuqqas ta’ esklużjoni tat-taxxi jew tad-dazji tas-sisa ma mmodifikawx il-konklużjoni finali tal-Kummissjoni. Huwa biss fis-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni tkun ikkalkolat l-ammonti ta’ bażi individwali ta’ partijiet oħra kkonċernati abbażi ta’ dħul mill-bejgħ li ma jinkludix id-dazji tas-sisa li jista’ jkun fondat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

307    Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fil-kuntest tat-trattament differenti, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

308    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

 L-argumenti tal-partijiet

309    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva affettwa d-drittijiet ta’ difiża tagħha. Hija essenzjalment issostni li, minkejja l-ispezzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fl-2000 u r-risposti li r-rikorrenti ppreżentat għat-talbiet għal informazzjoni, id-data dwar kull laqgħa ma kinitx iċċarata, b’mod li hija setgħet, minn dan il-mument, tistaqsi lid-diretturi involuti.

310    Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva wassal għal multa sproporzjonata, peress li l-politika tal-Kummissjoni fir-rigward tad-daqs tal-multi kienet fil-frattemp saret iktar rigoruża.

311    It-tieni nett, hija tallega li t-tnaqqis tal-multa ta’ EUR 100 000 minħabba t-tul eċċessiv tagħha tal-proċedura huwa żgħir wisq u sproporzjonat meta mqabbel mat-tul kollu tal-proċedura.

312    Il-Kummissjoni tindika li hija rrikonoxxiet espressament, fil-premessi 497 sa 500 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tul tal-proċedura kien eċċessiv u li għaldaqstant hija tat tnaqqis eċċezzjonali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

313    Barra minn hekk, hija tirrimarka li, għalkemm l-osservazzjoni tat-terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi hija rikonoxxuta minn ġurisprudenza stabbilita, l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur sakemm ma jiġix stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati.

314    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni tas-17 ta’ Marzu 2000 indirizzata lir-rikorrenti tathom il-possibbiltà, kuntrarjament għal dak li jsostnu, li jsiru jafu bil-parti prinċipali tal-ksur kif ukoll bis-swieq u bil-perijodu li matulu twettaq tali ksur. Skont il-Kummissjoni, din id-deċiżjoni diġà kienet tirreferi għal prattiki antikompetittivi relatati mal-iffissar tal-prezzijiet, mat-tqassim tas-swieq u/jew mal-iskambju ta’ informazzjoni fis-settur Olandiż tal-birra, kemm għas-suq tal-kummerċ bl-imnut kif ukoll għas-suq tal-“horeca”. L-argument tar-rikorrenti lanqas ma jista’ jkun ammissibbli minħabba n-natura ddettaljata tal-mistoqsijiet li sarulhom mis-sena 2001.

315    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura ma huwiex proporzjonat. Hija tikkunsidra li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward u li l-possibbiltà li tagħti fuq inizjattiva tagħha stess tali tnaqqis tikkostitwixxi wieħed mill-prerogattivi tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li t-tul tal-proċedura amministrattiva li saret fil-kawża inkwistjoni kienet iqsar minn dik ta’ kawżi preċedenti li fihom hija madankollu applikat l-istess tnaqqis.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

316    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qrati Komunitarji għandhom jiżguraw l-osservanza tiegħu (senetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 239 iktar ’il fuq, punti 167 sa 171, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 40).

317    Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-fażi struttorja ta’ qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dik li tikkorrispondi mal-bqija tal-proċedura amministrattiva, fejn kull waħda minn dawn tal-aħħar hija suġġetta għal loġika interna separata (sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punt 42).

318    L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, billi tagħmel użu mis-setgħat li ngħatawla mil-leġiżlatur, tieħu miżuri li jinvolvu l-akkuża li twettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq it-tmexxija tal-proċedura. It-tieni perijodu, min-naħa tiegħu, jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-ksur allegat (sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punt 43).

–       Fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva

319    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tul tal-proċedura amministrattiva kien eċċessiv u li hija kienet responsabbli għal dan il-fatt.

320    Fil-fatt, hemm lok li jiġi osservat li, fir-rigward tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri dik li testendi min-notifika tar-rikorrenti bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni f’Marzu 2000 sa meta waslet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’Awwissu 2005, kien iddekorra perijodu ta’ 65 xahar.

321    Peress li l-ispezzjonijiet matul l-investigazzjoni twettqu fix-xhur ta’ Marzu u April 2000, it-tul totali ta’ din il-fażi tal-proċedura amministrattiva ma jistax jiġi ġġustifikat bis-sempliċi fatt li l-Kummissjoni indirizzat lill-partijiet serje ta’ talbiet għal informazzjoni bejn l-2001 u l-2005.

322    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew ta’ ġustifikazzjoni kumplimentari min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjonijiet diliġenti matul dan il-perijodu, it-tul tal-ewwel fażi tal-proċedura għandu jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 77).

323    It-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, li estendiet mill-wasla tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’April tal-2007, damet 20 xahar, li, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni kumplimentari għalhekk teċċedi t-terminu normalment neċessarju għall-adozzjoni tad-deċiżjoni.

324    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni kien eċċessiv u kien jirriżulta min-nuqqas ta’ azzjoni imputabbli lill-Kummissjoni, li wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

–       Fuq l-effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

325    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jistax iwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur sakemm it-tul tal-proċedura ma jkollux effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

326    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li t-tul eċċessiv tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ppreġudikat id-drittijiet ta’ difiża tagħha, u għalhekk neċessarjament kellha effett fuq l-eżitu tal-proċedura.

327    Hija essenzjalment issostni li l-possibbiltajiet tagħha li tiddefendi ruħha b’mod effiċjenti kontra l-akkużi inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġew kompromessi, sa fejn, san-notifika ta’ din il-komunikazzjoni fit-30 ta’ Awwissu 2005, hija ma setgħetx tidentifika bl-eżatt is-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Skont it-rikorrenti, fil-mument fejn hija kellha l-possibbiltà tirreaġixxi għall-ilmenti, kienu għaddew kważi għaxar snin mill-aġir allegat, u dan ikkomprometta l-possibbiltajiet tagħha li tiġbor provi li jiskaġunaw marbuta mas-settur tal-konsum fid-djar, minħabba t-tluq ta’ ċerti impjegati tagħha li kellhom konoxxenza diretta tal-fatti allegati.

328    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li ma setgħetx tidentifika s-suġġett tal-investigazzjoni sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

329    Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, indirizzata lir-rikorrenti fis-17 ta’ Marzu 2000, kienet tiddikjara li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet relatata ma’ prattiki anitkompetittivi partikolari bħall-“iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u/jew l-iskambju ta’ informazzjoni fis-settur Olandiż tal-birra, kemm għas-suq tal-kummerċ bl-imnut kif ukoll għas-suq tal-horeca”. Min-naħa l-oħra, it-talbiet għal-informazzjoni indirizzati lir-rikorrenti fix-xahar ta’ Ottubru 2001 kienu jippreċiżaw it-tipi ta’ laqgħat, id-dati, kif ukoll il-postijiet li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

330    B’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn il-komunikazzjonijiet tawhom il-possibbiltà li jsiru jafu, b’mod suffiċjentement preċiż, is-suġġett tal-investigazzjoni, il-ksur li jistgħu jiġu akkużati bih kif ukoll is-setturi kkonċernati tas-suq u, għaldaqstant, poġġewhom f’pożizzjoni fejn setgħu jidentifikaw u jiġbru provi eventwali li jiskaġunaw.

331    Barra minn hekk, ir-rikorrenti, għalkemm isostni argument ibbażat fuq diffikultajiet sabiex jiġbru ċerti provi li jiskaġunaw li jindika li l-memorji personali ta’ persuni kkonċernati saru iktar vagi, naqset li ssostni din l-allegazzjoni permezz ta’ elementi konkreti u, b’mod partikolari, li jippreċiżaw l-impjegati kkonċernati u r-raġunijiet li għalihom kien kruċjali li jirrikorru għall-memorji tagħhom kif ukoll iċ-ċirkustanzi li minħabba fihom ma kienx iktar possibbli li jiksbu informazzjoni b’mezzi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punt 64).

332    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma kinitx informata, mill-bidu tal-investigazzjoni, bis-suġġett tagħha kif ukoll bl-ilmenti eventwali tal-Kummissjoni, b’tali mod li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha u li tiġbor il-provi li jiskaġunaw li hija kellha, ma tistax tintlaqa’.

333    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ preġudizzju għad-difiża tagħom riżultanti mit-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

334    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li s-sanzjoni li ġiet imposta fuqha kienet tkun inqas għolja kieku l-Kummissjoni temmet il-proċedura amministrattiva qabel.

335    Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni ammettiet, waqt is-seduta, li hija żiedet il-livell ġenerali tal-multi lejn is-sena 2005, jiġifieri matul il-proċedura amministrattiva inkwistjoni, dan il-fatt ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effett tan-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sal-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, iżda li, b’mod kuntrarju, l-applikazzjoni effikaċji tar-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġu li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull mument, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara s-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 304 iktar ’il fuq, punt 109, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, punt 169).

336    Konsegwentement, b’kunsiderazzjoni għan-nuqqas ta’ effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura inkwistjoni, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq il-livell tat-tnaqqis tal-multa

337    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-livell, allegatament limitat wisq, tat-tnaqqis tal-multa mogħti mill-Kummissjoni skont it-tul eċċessiv tal-proċedura, għandu jiġi rrilevat li irregolarità tal-proċedura, anki jekk ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni, tista’ tiġġustifika tnaqqis tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 supra, punti 26 sa 48, u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 322 iktar ’il fuq, punti 436 sa 438).

338    Il-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli jista’ jservi ta’ bażi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas b’ekwità l-ammont tal-multa, peress li l-possibbiltà li jingħata tali tnaqqis taqa’ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punti 202 sa 204).

339    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa abbażi tat-tul “mhux raġonevoli” tal-proċedura amministrattiva (premessi 498 u 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

340    L-eżerċizzju ta’ din il-prerogattiva mill-Kummissjoni ma jipprekludix lill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, milli tagħti tnaqqis supplementari tal-ammont tal-multa.

341    Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis ta’ EUR 100 000, mogħti mill-Kummissjoni, bl-ebda mod ma jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tal-multa imposta f’dan il-każ, li kienet tammonta għal EUR 22 950 000 qabel it-tnaqqis, u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxix tnaqqis tas-sanzjoni li tista’ tindirizza mill-ġdid b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli tal-proċedura amministrattiva.

342    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ġustament isostnu li l-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma ttieħdux inkunsiderazzjoni biżżejjed mill-Kummissjoni, fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

343    B’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li bil-għan li tagħti lir-rikorrenti sodisfazzjon ekwitabbli minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura, it-tnaqqis inkwistjoni għandu jkun ta’ 5 % tal-ammont tal-multa.

 Konklużjoni fuq il-multa

344    Wara l-eżami tal-motivi mressqa mir-rikorrenti u l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hemm lok li jiġi emendat l-ammont tal-multa imposta, konġuntement u in solidum fuq ir-rikorrenti, minn naħa, billi jiġi stabbilit l-ammont inizjali ta’ EUR 61 150 000, minflok EUR 17 000 000, b’konsegwenza tal-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan kien jistabbilixxi l-komponent tal-ksur li jikkonsisti fil-koordinazzjoni okkażjonali tal-kundizzjonijiet kummerċjali, minbarra tal-prezzijiet, offruti lill-konsumaturi individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi (ara l-punti 191 u 192 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, billi t-tnaqqis mogħti abbażi tal-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli tal-proċedura jissarraf f’5 % tal-ammont finali tal-multa, minflok f’EUR 100 000 (ara l-punt 343 iktar ’il fuq).

345    Minħabba din l-emenda, l-ammont tal-multa huwa kkalkolat billi jiżdied b’35 % abbażi tat-tul tal-ksur, l-ammont inizjali emendat, u billi dak l-ammont jitnaqqas b’5 %, abbażi tal-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli tal-proċedura. Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa ffissat għal EUR 20 712 375.

 Fuq l-ispejjeż

346    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

347    F’dan il-każ, peress li t-talbiet tar-rikorrenti ġew iddikjarati parzjalment fondati, il-Qorti Ġenerali tqis li tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti jbatu żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u li din tal-aħħar tbati terz tal-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1697, tat-18 ta' April 2007, dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B-2/37.766 – Suq Olandiż tal-birra) hija annullata sa fejn il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat, f’tali deċiżjoni, li Bavaria NV kienet ipparteċipat fi ksur li jikkonsisti fil-koordinazzjoni okkażjonali tal-kundizzjonijiet kummerċjali, minbarra l-prezzijiet, offruti lill-konsumaturi individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2)      L-ammont tal-multa imposta lil Bavaria fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni C (2007) 1697 huwa stabbilit għal EUR 20 712 375.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Bavaria għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Bavaria.

Vadapalas

Dittrich

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-ksur inkwistjoni

Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-preżunzjoni tal-innoċenza, tal-prinċipju tal-legalitŕ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq id-dikjarazzjoni ta’ InBev

– Fuq provi oħra

– Fuq l-elementi fattwali dwar il-konstatazzjonijiet, minn naħa, ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-birra u, min-naħa l-oħra, ta’ koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela

– Fuq l-elementi fattwali dwar il-konstatazzjoni ta’ koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil klijenti individwali fis-settur “horeca”

– Fuq l-allegat żball ta’ liġi u ta’ klassifikazzjoni tal-fatti

– Konklużjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq it-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-iffissar tad-data tal-bidu tal-ksur

– Fuq l-iffissar tad-data tat-tmiem tal-ksur

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, fir-rigward tar-rifjut għal aċċess għal dokument fil-fajl kif ukoll għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija mill-impriżi l-oħra kkonċernati

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq ir-risposti ta’ impriżi oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

– Fuq id-dokument allegatament kunfidenzjali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament, dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur

– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni

– Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva

– Fuq l-effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

– Fuq il-livell tat-tnaqqis tal-multa

Konklużjoni fuq il-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.