Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Cosenza (l-Italja) fit-13 ta' Novembru 2009 - C.C.I.A.A. di Cosenza vs Grillo Star srl Fallimento

(Kawża C-443/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Ordinario di Cosenza.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: C.C.I.A.A. di Cosenza.

Konvenuta: Grillo Star srl Fallimento.

Domandi preliminari

Il-kriterji li jiddeterminaw it-taxxa annwali msemmija fl-Artikolu 18(b) tal-Liġi Taljana tad-29 ta' Diċembru 1993, Nru 580, kif stabbiliti mill-Artikolu 18(3), (4), (5) u (6), huma kompatibbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE1, tat-12 ta' Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, peress li t-taxxa annwali ma taqax taħt id-deroga stabbilita mill-Artikolu 6(e) tal-imsemmija direttiva?

B'mod partikolari:

- it-taxxa annwali, li tiġi ddeterminata b'referenza għal "finanzi meħtieġa sabiex il-kmamar tal-kummerċ iwettqu s-servizzi li huma obbligati li jipprovdu fit-territorju kollhu tal-pajjiż", hija "dazj[u] fil-forma ta' miżati jew drittijiet"?

- il-fatt li ġie stabbilit "fond għall-ibbilanċjar", maħsub sabiex jarmonizza fit-territorju nazzjonali kollu t-twettiq tal-"funzjonijiet amministrattivi" kollha mogħtija lill-kmamar tal-kummerċ mil-liġi, jeskludi li t-taxxa annwali hija dazju fil-forma ta' miżati jew drittijiet?

- l-għażla mogħtija lil kull kamra tal-kummerċ li żżid it-taxxa annwali sa 20 % sabiex tikkofinanzja inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jżidu l-produttività u jtejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi tat-territorju li jaqa' taħt il-kompetenza tagħhom, hija kompatibbli mal-interpretazzjoni li t-taxxa fiha nnifisha hija dazju fil-forma ta' miżati jew drittijiet?

- in-nuqqas ta' spjegazzjoni dwar il-metodi meħtieġa sabiex jiġu stabiliti l-ħtiġijiet finanzjarji, tal-kmamar tal-kummerċ, marbuta maż-żamma u l-aġġornament tar-reġistrazzjonijiet u noti fir-reġistru tal-impriżi, jipprekludi l-verifika ta' jekk it-taxxa annwali hijiex dazju fil-forma ta' miżati jew drittijiet?

- il-fatt li t-taxxa annwali hija stabbilta abbażi ta' rata fissa, u fid-dawl tal-fatt li m'hemmx dispożizzjonijiet dwar il-verifika "f'intervalli regolari" ta' jekk din tirriflettix l-ispiża medja tas-servizz, huwa kompatibbli mal-interpretazzjoni li t-taxxa hija dazju fil-forma ta' miżati jew drittijiet?

____________

1 - ĠU L 46, p. 11