Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales) (Chancery Division) fil-21 ta' Jannar 2011 - Test Claimants in the FII Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue, Commissioners for her Majesty's Revenue & Customs

(Kawża C-35/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (England and Wales) (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Test Claimants in the FII Group Litigation.

Konvenuti: Commissioners of Inland Revenue, Commissioners for her Majesty's Revenue & Customs.

Domandi preliminari

Ir-riferimenti għal "rati ta' tassazzjoni" u "livelli ta' tassazzjoni differenti" fil-punt 56 tas-sentenza tal-Qorti tat-12 ta' Diċembru 2006, fil-Kawża C-446/04, Test Claimants in the FII Group Litigation v Commissioners of Inland Revenue, Ġabra p. I-11753:

(a) jirreferu biss għar-rati tat-taxxa statutorji jew nominali; jew

(b) jirreferu għar-rati tat-taxxa effettivi li tħallsu kif ukoll għar-rati tat-taxxa statutorji jew nominali; jew

(c) dawn il-frażijiet, li sar riferiment għalihom, għandhom xi tifsira differenti u, jekk iva, liema?

Tagħmel xi differenza għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja lid-domandi 2 u 4 tar-rinviju preliminari fil-Kawża C-446/04 jekk:

(a) it-taxxa fuq il-kumpanniji barranin ma titħallasx (jew ma titħallasx totalment) mill-kumpannija mhux residenti li tħallas id-dividend lill-kumpannija residenti, iżda dak id-dividend jitħallas mill-profitti li jinkludu dividendi mħallsa mir-residenti sussidjarju dirett jew indirett fi Stat Membru u li tħallsu minn profitti li fuqhom tħallset taxxa f'dak l-Istat; u/jew

(b) ma jsirx ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji ("advance corporation tax": "ACT") mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividend minn kumpannija mhux residenti, iżda jitħallas mill-kumpannija parent residenti diretta jew indiretta tagħha meta jkun sar iktar tqassim tal-profitti tal-kumpannija riċevitur li direttament jew indirettament jinkludu d-dividend?

Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda 2(b) iktar 'il fuq, il-kumpannija li tħallas l-ACT għandha dritt għar-rimbors tat-taxxa li nġabret indebitament (San Giorgio1) jew għandha dritt biss għal talba għal kumpens għad-danni (Brasserie du Pêcheur u Factortame2)?

Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex esklużivament applikabbli għal sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija li tħallas id-dividend, tista' kumpannija residenti tistrieħ fuq l-Artikolu 63 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 56 KE) fir-rigward ta' dividendi li rċiviet minn sussidjarja li fuqha teżerċita influwenza deċiżiva u li hija residenti f'pajjiż terz?

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 3 tar-rinviju preliminari fil-Kawża C-446/04 hija wkoll applikabbli meta s-sussidjarji mhux residenti li lilhom ma setgħet issir l-ebda ċessjoni ma jkunux suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru tal-kumpannija parent?

____________

1 - Kawża 199/82, Amministrazione delle Finanze dello Stato vs San Giorgio, Ġabra p. 3595.

2 - Kawżi Magħquda C-46/93 u C-48/93 Brasserie du Pêcheur: SA v Federal Republic of Germany u The Queen v Secretary of State for Transport, ex parte Factortame Ltd et, Ġabra p. I-1029.