Language of document : ECLI:EU:C:2013:800

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Mandat ta’ inibizzjoni mressaq minn assoċjazzjoni reġjonali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi — Qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali — Assenza ta’ possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni li tirrifjuta ġurisdizzjoni mogħtija fl-ewwel istanza — Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑413/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Salamanca (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Settembru 2012, fil-proċedura

Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León

vs

Anuntis Segundamano España SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, minn S. Román Capillas, procuradora, assistita minn A. Castro Martín, letrado,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u M. van Beek kif ukoll minn M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 02, p. 288).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (iktar ’il quddiem l-“ACICL”) u l-Anuntis Segundamano España SL (iktar ’il quddiem l-“ASE”) dwat mandat ta’ inibizzjoni bil-għan li tiġi ddikjarata n-nullità ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ użu li jidhru fis-sit tal-internet ta’ din l-aħħar imsemmija kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/13/KEE

3        It-tliet u għoxrin u l-erba’ u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jipprovdu:

“Billi persuni jew organizzazzjonijiet, jekk jiġu kkunsidrati taħt il-liġi ta’ Stat Membru li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni, għandu jkollhom faċilitajiet biex jibdew proċeduri rigward klawżoli ta’ kuntratt imfassal għall-użu ġenerali f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, u b’mod partikolari klawżoli inġusti, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti jew li jibdew proċeduri legali xierqa; billi din il-possibbiltà ma tinkludix, iżda, verifika minn qabel tal-kondizzjonijiet ġenerali eżistenti f’setturi ekonomiċi individwali;

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi.”

4        Skont l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.      Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli”.

 Id-dritt Spanjol

5        Il-punti 14 u 16 tal-Artikolu 52(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Spanjol (Ley de Enjuiciamiento Civil, iktar ’il quddiem l-“LEC”), li jidher taħt it-Taqsima 2 dwar il-ġurisdizzjoni territorjali, tal-Kapitolu II intitolat “Fuq ir-regoli tal-ġurisdizzjoni”, tat-Titolu II li jitratta l-ġurisdizzjoni u l-kompetenza, ta’ dan il-kodiċi, jipprovdu:

“1.      Il-qrati definiti fl-artikoli preċedenti ma japplikawx u l-ġurisdizzjoni hija stabbilita b’mod konformi ma’ dak li huwa stabbilit fl-artikolu preżenti fil-każijiet segwenti:

[...]

14.      Fil-proċeduri fejn huma eżerċitati azzjonijiet bil-għan li jiġi ddikjarat li klawżola kuntrattwali hija eskluża mill-kuntratt, jew sabiex tiġi ddikjarata n-nullità tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija l-qorti tad-domiċilju tar-rikorrenti. Fl-istess qasam, f’każ ta’ azzjonijiet dikjarattivi, ta’ inibizzjoni jew ta’ rtirar, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik fejn huwa stabbilit il-konvenut, u fin-nuqqas ta’ dan, il-Qorti tad-domiċilju tiegħu, u jekk il-konvenut ma għandux domiċilju fit-territorju Spanjol, il-qorti tal-post fejn il-kuntratt ġie konkluż.

[...]

16.      Fil-proċeduri fejn il-mandat ta’ inibizzjoni huwa eżerċitat sabiex jiddefendi l-interessi kemm kollettivi kif ukoll mxerda tal-konsumaturi u utenti, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn il-konvenut huwa stabbilit, u fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti tad-domiċilju tiegħu; jekk ma domiċilju fit-territorju Spanjol, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post tad-domiċilju tal-attur.”

6        Skont l-Artikolu 60(1) tal-LEC dwar il-kunflitt negattiv tal-ġurisdizzjoni territorjali:

“Jekk qorti tiddeċiedi li tiddikjara ruħha li ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali wara li tkun tqajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew wara li nstemgħu l-partijiet kollha, il-qorti li quddiema jkunu ġew irrinvijati l-kawżi hija marbuta b’din id-deċiżjoni u ma tistax tiddikjara ex officio in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tagħha.”

7        L-Artikolu 67 tal-LEC dwar ir-rikorsi fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni territorjali, jipprovdi:

“1.       Id-digrieti dwar kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni territorjali ma humiex suġġetti li jiġu kkontestati.

2.       Fir-rikorsi fl-appell u r-rikorsi straordinarji għall-ksur tal-proċedura, l-argumenti bbażati fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali huma amesssi biss, meta fil-kawża inkwistjoni, japplikaw regoli imperattivi.”

8        Taħt id-dritt Spanjol, il-mandat ta’ inibizzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, huwa rregolat mill-Artikoli 53 sa 56 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 li jirrevedi l-liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u ta’ liġijiet oħra kumplementari (Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias), tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE n 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007”).

9        L-Artikolu 53 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, dwar il-mandat ta’ inibizzjoni, jipprovdi:

“Il-mandat ta’ inibizzjoni għandu bħala għan li l-konvenut jiġi kkundannat li jwaqqaf l-imġiba tiegħu jew sabiex jevita li tali aġir jerġa’ jseħħ fil-futur. Barra minn hekk, l-azzjoni tista’ titressaq sabiex jiġi pprojbit kwalunkwe aġir li intemm fil-mument meta tkun tressqet l-azzjoni, dment li hemm indikazzjonijiet suffiċjenti li hemm possibbiltà li l-aġir jerġa’ jseħħ fi żmien qasir.

Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, kull rakkomandazzjoni favur l-użu ta’ klawżoli inġusti hija wkoll ikkunsidrata bħala aġir li jmur kontra l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-klawżoli inġusti.”

10      L-Artikolu 54(1)(b) ta’ dan id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ aġir li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi preżenti fil-qasam tal-klawżoli inġusti, kuntratti konklużi barra mill-istabbiliment kummerċjali, ta’ bejgħ mill-bogħod, ta’ garanzija fil-bejgħ ta’ prodotti u ta’ package tours, il-mandat ta’ inibizzjoni jista’ jitressaq minn:

[...]

b)       l-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi u ta’ utenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fil-liġi preżenti jew, jekk ikun il-każ, fil-leġiżlazzjoni reġjonali fil-qasam tad-difiża tal-konsumaturi u tal-utenti;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      L-ACICL hija assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi insinwata fir-reġistru tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-utenti tal-komunità awtonoma ta’ Castilla u León fi Spanja. Hija għandha s-sede tagħha f’Salamanca (Spanja) u għandha 110 membru. L-azzjoni tagħha hija limitata ġeografikament għat-territorju tal-imsemmija komunità u hija la hija federata, u lanqas assoċjata ma xi konfederazzjoni jew federazzjoni reġjonali jew nazzjonali ta’ assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

12      ASE hija kumpannija kummerċjali, li s-sede tagħha hija rreġistrata f’Barċelona (Spanja), li topera portal tal-internet li fuqu individwi u bejjiegħa jistgħu jippubblikaw riklami dwar proprjetà immobbli jew li jirrigwardaw prodotti użati, kif ukoll offerti ta’ xogħol.

13      Il-kundizzjonijiet ta’ użu tas-sit tal-internet, li huma disponibbli fuq il-portal, huma diviżi f’żewġ kategoriji, jiġifieri, minn naħa, “il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu” u, min-naħa l-oħra, “il-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt ta’ servizz tar-riklami” (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet partikolari”).

14      Fost il-kundizzjonijiet partikolari jidhru, fid-data ta’ meta tressaq il-mandat ta’ inibizzjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-qrati nazzjonali, l-Artikoli 6 dwar il-Limitazzjoni tar-responsabbiltà, u 7, intitolat “Dikjarazzjonijiet u garanziji ta’ min jagħmel ir-riklam/Danni”.

15      L-ACICL, billi taġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 54 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, ressqet quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca (qorti tal-ewwel istanza u tal-kummerċ Nru 4 ta’ Salamanca) mandat ta’ inibizzjoni kontra l-ASE. L-imsemmija azzjoni kellha bħala għan, minn naħa, li jiġu ddikjarati nulli l-Artikoli 6 u 7(7) tal-kundizzjonijiet partikolari u, min-naħa l-oħra, li l-ASE tiġi kkundannata tħassar dawn id-dispożizzjonijiet u li tastjeni milli tużahom fil-futur.

16      B’digriet tas-6 ta’ April 2011, il-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawża mressqa quddiemha mill-ACICL. Din il-qorti fil-fatt ddeċidiet li skont l-Artikolu 52(1)(14) tal-LEC, il-qorti kompetenti biex tieħu konjizzjoni tal-mandati ta’ inibizzjoni ppreżentati għad-difiża tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi hija dik tal-post fejn ikun stabbilit il-konvenut. Fl-istess digriet, ġiet indikata l-possibbiltà li jitressaq appell quddiem l-Audiencia Provincial de Salamanca (Qorti Superjuri ta’ Salamanca).

17      L-ACICL appellat din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Salamanca, fejn sostniet li l-fatt li tiġi eskluża l-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tas-sede tal-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi sabiex tittratta mandat ta’ inibizzjoni tal-użu ta’ klawżoli inġusti eżerċitati minn tali assoċjazzjoni tmur kontra l-għan imħaddan mid-Direttiva 93/13.

18      Fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, l-Audiencia Provincial de Salamanca tindika li żewġ punti, b’mod partikolari, iqajmu domandi.

19      Minn naħa, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, b’mod partikolari l-punt 16 tal-Artikolu 52(1), u l-Artikolu 67 tal-LEC, ebda rikors ma jista’ jsir kontra digrieti ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali ppronunċati mill-qrati tal-ewwel istanza, bil-konsegwenza li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ACICL tkun obbligata li tirrikorri esklużivament quddiem il-qorti ta’ stabbiliment jew tad-domiċilju tal-konvenut, jiġifieri Barcelona. Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji fir-rigward tal-konformità għar-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, hekk kif meħtieġ mid-Direttiva 93/13, tal-imsemmija regoli tad-dritt Spanjol fil-qasam tal-ġurisdizzjoni territorjali u ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali ppronunċati mill-qrati tal-ewwel istanza, fil-kuntest tal-imsemmija mandati ta’ inibizzjoni.

20      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, kemm mal-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tar-regola ta’ ġurisdizzjoni li skontha l-mandat ta’ inibizzjoni ppreżentat minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi għandha titressaq quddiem il-qorti tal-post tal-istabbiliment jew tad-domiċilju tal-bejjiegħ. Fil-fatt, f’dawn il-kundizzjonijiet, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi, bħall-ACICL, tista’ de facto ssib ruħha kostretta li tirrinunzja milli tressaq tali azzjoni minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji tagħha u l-kamp ta’ azzjoni territorjali limitat tagħha.

21      F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effettività tal-mandat ta’ inibizzjoni tal-użu ta’ klawżoli illegali previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 tkun kunsiderevolment affettwata jekk dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss fl-Istat fejn il-kummerċjant ikun domiċiljat (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C‑167/00, Ġabra p. I‑8111, punt 43). Hija tiddeduċi li l-istess prinċipji jistgħu japplikaw f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimplika li għandhom jiġu ddikjarati li għandhom ġurisdizzjoni l-qrati tal-post tas-sede ta’ assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li taġixxi fir-rigward ta’ bejjiegħ li daħħal klawżoli inġusti fil-kuntratti tiegħu.

22      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Salamanca ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-protezzjoni ggarantita lill-konsumatur bid-Direttiva [93/13], dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, tippermetti lill-Audiencia Provincial [de Salamanca], bħala qorti nazzjonali tal-appell, tieħu konjizzjoni, minkejja li ma hemmx regola ta’ kopertura legali nazzjonali, tal-appell mid-deċiżjoni tal-[Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca] li tattribwixxi lill-qorti tad-domiċilju tal-konvenut il-ġurisdizzjoni territorjali sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa minn assoċjazzjoni [ta’ protezzjoni] tal-konsumaturi, ta’ portata territorjali limitata, mhux assoċjata jew iffederata ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn, u li għandha biss baġit żgħir u numru żgħir ta’ membri?

2)      L-Artikoli 4 [TFUE], 12 [TFUE], 114 [TFUE] u 169 [TFUE] [kif ukoll] l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mad-Direttiva 93/13 u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, kif ukoll mal-effettività tad-direttivi u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati bħala li jiddikjaraw li l-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti mressqa minn assoċjazzjoni [ta’ protezzjoni] tal-konsumaturi, ta’ portata territorjali limitata, mhux assoċjata jew iffederata ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn, u li għandha biss baġit żgħir u numru żgħir ta’ membri sabiex tiddefendi interessi kollettivi jew ġenerali tal-konsumaturi u tal-utenti, hija l-qorti tal-post tad-domiċilju ta’ din l-assoċjazzjoni u mhux dik tad-domiċilju tal-konvenut?”

 Fuq id-domandi preliminari

23      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu lil leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali li skont din, fil-qasam ta’ mandat ta’ inibizzjoni li tressaq mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, minn naħa, tali azzjoni għandha titressaq quddiem il-qrati tal-post tal-istabbiliment jew tad-domiċilju tal-konvenut u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali minn qorti ta’ prim’istanza ma hijiex suġġetta għal appell.

24      Il-gvern Spanjol qajjem l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari dwar l-impossibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mogħtija minn qorti tal-ewwel istanza li tkun qed tittratta mandat ta’ inibizzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn sostna li din id-domanda ma tikkonċerna ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni. Skont dan il-gvern, l-imsemmija domanda tinteressa d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hekk kif iggarantita mill-Kostituzzjoni Spanjola.

25      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-azzjoni legali fil-kawża prinċipali tressqet minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi bil-għan li jipprojbixxu l-klawżoli kuntrattwali inġusti użati minn bejjiegħ. B’hekk jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-assenza ta’ kull mezz legali kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali mogħtija mill-qorti li tkun qed tittratta mandat ta’ inibizzjoni tikkonċerna l-effettività ta’ metodu proċedurali destinat li jiżgura l-protezzjoni ta’ dritt lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, fil-każ preżenti d-dritt għall-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jaġixxu sabiex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti, hekk kif previst b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, u dan “fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri”.

26      Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, punt 76).

27      Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom ikun hemm mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ. L-imsemmija mezzi jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lil organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skont il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, li jieħdu azzjoni skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal dan il-għan.

28      Madankollu, għandu jingħad li d-Direttiva 93/13 ma tikkontjeni l-ebda dispożizzjoni li tippermetti li tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali sabiex tittratta l-mandati ta’ inibizzjoni għall-użu tal-klawżoli inġusti, imressqa minn assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fl-interess ta’ dawn kif ukoll tal-bejjiegħa kompetituri. Din id-direttiva lanqas ma tirregola l-kwistjoni dwar in-numru ta’ livelli ta’ qrati fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali f’sitwazzjoni simili.

29      Barra minn hekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, la d-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 1998, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 04, p. 43), u lanqas id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30), li ssostitwitha, ma tirregola l-kwistjoni tan-numru ta’ livelli ta’ qrati li l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali fil-qasam tal-mandat ta’ inibizzjoni disponibbli għall-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, dawn id-direttivi lanqas ma jipprovdu regoli ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni territorjali dwar il-mandati ta’ inibizzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi.

30      Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-mezzi proċedurali ta’ rimedju disponibbli għall-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi sabiex jinfurzaw it-twaqqif tal-użu tal-klawżoli inġusti kemm fl-interess tal-konsumaturi kif ukoll f’dak tal-bejjiegħa kompetituri, huwa l-ordinament ġuridika intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li huma ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, punt 50, kif ukoll tat-18 ta’ April 2013, Irimie, C‑565/11, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità ma’ tali prinċipju tar-regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      Fil-fatt, suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, mid-dispożizzjonijiet tal-punti 14 u 16 tal-Artikolu 52(1) tal-LEC jirriżulta li r-regola li skont din il-ġurisdizzjoni territorjali tappartjeni lill-qorti tal-post tal-istabbiliment jew tad-domiċilju tal-konvenut tapplika għall-mandati kollha ta’ inibizzjoni, kemm dawk bil-għan li jintemm l-użu tal-kundizzjonijiet ġenerali previsti f’tipi ta’ kuntratti kif ukoll dawk eżerċitati minn l-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi sabiex jiġu protetti l-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

33      Għal dak li jirrigwarda r-regola nazzjonali li tipprovdi n-nuqqas ta’ kull mezz legali kontra d-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tal-ewwel istanza, jiġifieri l-Artikolu 67(1) tal-LEC, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, din hija regola ta’ applikabbiltà ġenerali fid-dritt proċedurali Spanjol.

34      F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u tad-dettalji tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, Ġabra p. I‑9579, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Aziz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

35      Fil-kawża preżenti, ġie sostnut li r-rinviju tal-mandat ta’ inibizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil qorti oħra, iktar ’il bogħod mis-sede tal-ACICL, seta’ jinkludi inkonvenjenzi kunsiderevoli għal din l-assoċjazzjoni fis-sens li, minħabba d-distanza ġeografika tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tittratta l-kawża tagħha, l-imsemmija assoċjazzjoni tkun qegħda f’riskju li jkollha tirrinunzja għal din minħabba raġunijiet finanzjarji.

36      Fir-rigward tad-diffikultajiet imqajma mill-ACICL, jidher li dawn ma humiex il-konsegwenza la tar-regola li skont din il-mandat ta’ inibizzjoni li tressaq minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tal-post ta’ stabbiliment jew tad-domiċilju tal-konvenut, u lanqas ta’ dak li jirrigwarda l-assenza ta’ mezz legali kontra d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza.

37      Fil-fatt, ma humiex dawn ir-regoli proċedurali fihom infishom li jagħmlu diffiċli għall-ACICL il-fatt li tressaq mandat ta’ inibizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tal-istabbiliment tal-konvenut, iżda hija s-sitwazzjoni ekonomika ta’ din l-assoċjazzjoni.

38      F’dan ir-rigward, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli proċedurali dwar l-istruttura tal-mezzi legali kif ukoll dwar in-numru ta’ gradi tal-qrati, li għandhom interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ prevedibbiltà, għandhom jipprevalu fuq l-interessi partikolari, fis-sens li huma ma jistgħux ivarjaw skont is-sitwazzjoni finanzjarja partikolari ta’ parti.

39      Ċertament, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività, l-organizzazzjoni tal-mezzi legali interni u n-numru ta’ livelli ta’ qrati ma għandhomx jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni.

40      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(1) tal-LEC, il-qorti tal-post tal-istabbiliment tal-konvenut, li tkun qed tittratta l-mandat ta’ inibizzjoni sussegwentement għad-dikjarazzjoni ta’ inkompetenza tal-qorti tal-post tal-istabbiliment tar-rikorrenti, ma tistax tikkontesta l-ġurisdizzjoni tagħha u b’hekk l-obbligu li tiddeċiedi fuq din il-kawża fir-rigward tal-mertu.

41      Fit-tieni lok, għalkemm ma huwiex eskluż li t-tressiq tal-kawża quddiem il-qorti tal-post tal-konvenut jista’ jimplika spejjeż supplimentari għall-ACICL, il-fajl ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi kkonstatat, suġġett għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li l-iżvolġiment korrett tal-kawża jeħtieġ li din l-assoċjazzjoni tidher fl-istadji kollha tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting‑04, C‑93/12, punt 50).

42      Fit-tielet lok, id-diffikultajiet li tiffaċċa l-ACICL jistgħu jiġu jingħelbu permezz ta’ mekkaniżmi oħra bil-għan li jiġu kkumpensati d-diffikultajiet finanzjarji tagħha, bħall-kisba ta’ għajnuna ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punti 59 u 60, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza Agrokonsulting‑04, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

43      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol sostna fin-noti tiegħu li l-organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jistgħu, meta huma jkunu ressqu mandat ta’ inibizzjoni, jiksbu eżenzjoni ta’ garanzija, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, id-diskussjoni dwar il-ġurisdizzjoni ma hijiex definittivament magħluqa minħabba l-fatt li l-assenza tar-rimedju kontra d-digriet tas-6 ta’ April 2011, li skont dan il-Juzgado de Primera Instancia n° 4 y de lo Mercantil de Salamanca ddikjarat ruħha mingħajr ġurisdizzjoni territorjali sabiex titratta l-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-ACICL. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-diskussjoni tista’ terġa’ tinfetaħ jekk jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni fuq il-mertu.

45      Fir-raba’ lok, hekk kif sostna l-Gvern Spanjol fin-noti tiegħu, l-Artikolu 60(1) tal-LEC għandu b’mod partikolari bħala għan li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji bl-għoti ta’ ġurisdizzjoni lil qorti waħda. Regola bħal din tista’ tkun ta’ natura li tiżgura prattika uniformi fit-territorju nazzjonali kollu u għaldaqstant tikkontribwixxi għal ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenza Agrokonsulting-04, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

46      Għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Henkel, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-qorti tar-rinviju, hemm lok l-ewwel nett, li jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kif ukoll dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 04, p. 42), li kienet suċċessiva, jikkonċernaw biss il-kawżi transkonfinali.

47      B’hekk jirriżulta li l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Henkel, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punt 43 tagħha, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ikkonstatat, f’kuntest transkonfinali, li l-effettività tal-mandati ta’ inibizzjoni tal-użu ta’ klawżoli illegali previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 ikun kunsiderevolment affettwat jekk dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss fl-Istat fejn il-kummerċjant ikun domiċiljat, ma jistgħux jiġu trasposti għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jipprovdu għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt intern ta’ Stat Membru wieħed.

48      Għal dak li jirrigwarda l-assimilazzjoni tal-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għall-konsumaturi, fis-sens tad-Direttiva 93/13, issuġġerita mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, hekk kif essenzjalment sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata bid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punt 22, Banco Español de Crédito, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u Aziz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

49      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jirrigwarda l-mezzi proċedurali għad-dispożizzjoni tal-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi sabiex jintemm l-użu tal-klawżoli inġusti, dawn l-assoċjazzjonijiet ma jinstabux f’sitwazzjoni simili ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ.

50      Fil-fatt, mingħajr ma tiġi miċħuda l-importanza tar-rwol essenzjali li huma jista’ jkollhom sabiex jilħqu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, madankollu jeħtieġ li jiġi kkonstatat li mandat ta’ inibizzjoni ta’ tali assoċjazzjoni kontra bejjiegħ ma hijiex ikkaratterizzata mill-iżbilanċ li teżisti fil-kuntest ta’ rikors individwali li tinvolvi konsumatur u l-bejjiegħ kontroparti.

51      Approċċ differenzjat bħal dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/27 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/22, li skont dawn huma l-qrati tal-Istat Membru tal-post tal-istabbiliment jew tad-domiċilju tal-konvenut li huma kompetenti sabiex jittrattaw mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ta’ Stati Membri oħra, f’każ ta’ ksur intrakomunitarju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

52      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressaq minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi, bħall-ACICL, u lanqas ma jipperikola l-kisba tal-għan segwit mid-Direttiva 93/13.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li d-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont din, fil-qasam ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, minn naħa, azzjoni bħal din għandha titressaq quddiem il-qrati tal-post tal-istabbiliment jew tad-domiċilju tal-konvenut u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali mogħtija minn qorti tal-ewwel istanza ma hijiex suġġetta għal appell.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont din, fil-qasam ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, minn naħa, azzjoni bħal din għandha titressaq quddiem il-qrati tal-post tal-istabbiliment jew tad-domiċilju tal-konvenut u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali mogħtija minn qorti tal-ewwel istanza ma hijiex suġġetta għal appell.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.