Language of document : ECLI:EU:C:2015:93

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-12 ta’ Frar 2015 (1)

Kawża C‑106/14

Fédération des entreprises du commerce et de la distribution (FCD)

u

Fédération des magasins de bricolage et de l’aménagement de la maison (FMB)

vs

Ministre de l’écologie, du développement durable et de l’énergie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza)]

“Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament-REACH) – Reġistrazzjoni, valutazzjoni, awtorizzazzjoni u restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) – Kunċett ta’ oġġett – Oġġett magħmul minn diversi oġġetti – Obbligi ta’ informazzjoni fil-każ ta’ użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Determinazzjoni tal-konċentrazzjoni – Produzzjoni, importazzjoni u forniment”





I –    Introduzzjoni

1.        Meta oġġett ikun fih iktar minn 0.1 % minn sustanza ta’ tħassib serju ħafna, ir-Regolament REACH (2) jipprevedi ċerti obbligi ta’ informazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem l-“ECHA”) kif ukoll lir-riċevituri u lill-konsumaturi tal-oġġett.

2.        Diversi Stati Membri u l-Kummissjoni Ewropea ma jaqblux dwar kif għandu jiġi kkalkolat dan il-limitu ta’ konċentrazzjoni jekk oġġett ikun jikkonsisti minn diversi komponenti, li fihom infushom ikunu wkoll oġġetti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-maġġoranza tal-Istati Membri, hija tal-fehma li l-parti tas-sustanza ta’ tħassib serju għandha tiġi kkalkolata b’riferiment għall-oġġett kompost. Xi Stati Membri – il-maġġoranza tal-partijiet f’din il-proċedura – għall-kuntrarju jsostnu li huwa biżżejjed jekk il-parti tintlaħaq fil-komponenti individwali. F’dan il-każ, l-obbligi ta’ informazzjoni jqumu ħafna iktar ta’ spiss.

3.        Huwa ċar li din it-tilwima hija ta’ importanza kunsiderevoli għall-moviment liberu tal-oġġetti, minħabba li tista’ twassal sabiex dawn ikunu suġġetti għal rekwiżiti differenti f’diversi Stati Membri. B’hekk jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara din il-kwistjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament REACH

4.        Il-premessi li ġejjin tar-Regolament REACH għandhom jiġu nnotati:

“(1)      Dan ir-Regolament għandu jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, waħedhom, f’taħlitiet u f’oġġetti, filwaqt li jiġu mtejba l-kompetittività u l-      innovazzjoni. Dan ir-Regolament għandu wkoll jippromwovi l-iżvilupp ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi.

[…]

(3)      Għandu jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent fl-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-sustanzi, bil-għan li jinkiseb żvilupp sostenibbli. Dik il-leġislazzjoni għandha tkun applikata b’mod non-diskriminatorju kemm jekk is-sustanzi jkunu kummerċjalizzati fis-suq intern kif ukoll jekk internazzjonalment skond l-impenji       internazzjonali tal-Komunità.

[…]

(29)      Ladarba l-produtturi u l-importaturi ta’ oġġetti għandhom ikunu responsabbli mill-oġġetti tagħhom, jixraq li jiġi impost rekwiżit ta’ reġistrazzjoni fuq sustanzi li huma maħsuba li jiġu rilaxxati minn oġġetti u li ma kienux reġistrati għal dak l-użu. L-Aġenzija għandha tiġi notifikata fil-każ ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jkunu preżenti f’oġġetti ’l fuq minn limiti operattivi ta’ tunnellaġġ u ta’ konċentrazzjoni, fejn l-espożizzjoni għas-sustanza ma tistax tiġi eskluża u fejn is-sustanza ma tkunx ġiet reġistrata minn xi persuna għal dan l-użu. L-Aġenzija għandha       jkollha wkoll is-setgħa li titlob li tiġi preżentata reġistrazzjoni jekk ikollha xi raġuni sabiex tissuspetta li r-rilaxx ta’ sustanza mill-oġġett jista’ jkun ta’       periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u s-sustanza tkun       preżenti f’dawk l-oġġetti fi kwantitajiet ta’ aktar minn tunnellata metrika minn kull produttur jew importatur kull sena. L-Aġenzija għandha tikkonsidra l-bżonn għal proposta għal restrizzjoni fejn tikkonsidra li l-użu ta’ tali sustanzi f’oġġetti ikunu ta’ riskju, għas-saħħa tal-bniedem jew       għall-ambjent, li ma jkunx kontrollat adegwatament.

[…]

(56)      Parti mir-responsabbiltà tal-manifatturi jew importaturi għall-immaniġġar tar-riskji ta’ sustanzi hija l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar dawn is-sustanzi lil professjonisti oħra bħall-utenti ‘downstream’ jew id-      distributuri. Addizzjonalment, il-produtturi jew importaturi ta’ oġġetti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-użu sikur ta’ oġġetti lill-utenti industrijali u professjonali, u lill-konsumaturi meta din tiġi mitluba. Din ir-responsabbiltà importanti għandha tapplika wkoll tul il-katina ta’ provvista kollha sabiex l-atturi kollha jkunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward ta’ l-immaniġġar ta’ riskji li jkunu ġejjin mill-użu ta’ sustanzi.

[…]

(117)      Iċ-ċittadini ta’ l-UE għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li jistgħu jkunu esposti għalihom, sabiex jippermetulhom jagħmlu deċiżjonijiet informati dwar l-użu, minnhom, tas-sustanzi kimiċi. […]

[…]” 

5.        L-Artikolu 1 tar-Regolament REACH jistabbilixxi l-għanijiet tiegħu u l-kamp ta’ applikazzjoni:

“(1)      L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.

[…]

(3)      Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipju li hija r-responsabbiltà tal-manifatturi, ta’ l-importaturi u ta’ l-utenti ‘downstream’ li jiżguraw li huma jimmanifatturaw, iqiegħdu fis-suq, jew jużaw tali sustanzi li ma jolqtux b’mod ħażin is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Id-dispożizzjonijiet tiegħu huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni.”

6.        L-Artikolu 2(2) tar-Regolament REACH jinkludi dispożizzjoni dwar meta oġġett ma jibqax japplika bħala tali.

“L-iskart […] mhuwiex sustanza, taħlita jew oġġett fis-sens ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.”

7.        L-Artikolu 3 tar-Regolament REACH jiddefinixxi diversi kunċetti li huma ta’ importanza fil-każ preżenti:

“3)      oġġett:  tfisser prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad akbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu;

4)      produttur ta’ oġġett: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipproduċi jew timmonta oġġett fi ħdan il-Komunità;

[…]

11)      importatur: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun responabbli għall-importazzjoni;

12)      tqegħid fis-suq: tfisser li tipprovdi jew li tagħmel disponibbli lil terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas. […]

[…]

33)      fornitur ta’ oġġett: tfisser kwalunkwe produttur jew importatur ta’ oġġett, distributur jew attur ieħor fil-katina ta’ forniment li jqiegħdu oġġett fis-suq;

[…]”.

8.        L-Artikolu 7 tar-Regolament REACH jipprovdi obbligi ta’ informazzjoni speċifiċi fir-rigward tal-ECHA b’rabta mal-oġġetti:

“(2)      Kull produttur jew importatur ta’ oġġetti għandu jinnotifika lill-Aġenzija […] jekk sustanza tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 57 u tkun identifikata skond l-Artikolu 59(1), jekk ikunu sodisfatti ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti fi kwantitajiet li jikkostitwixxu total ta’ aktar minn tunnellata metrika kull produttur jew importatur kull sena;

b)      is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0,1 % piż b’piż (w/w).

(3)      Il-paragrafu 2 ma għandux japplika fejn il-produttur jew importatur jista’ jeskludi l-espożizzjoni għall-bnedmin jew għall-ambjent taħt kondizzjonijiet ta’ l-użu li jkunu normalment jew raġonevolment prevedibbli inkluż ir-rimi. F’dawn il-każijiet, il-produttur jew importatur għandu jipprovdi istruzzjonijiet adatti lir-riċevitur ta’ l-oġġett.

[…]

(5)      L-Aġenzija tista’ tieħu deċiżjonijiet li jesiġu li l-produtturi jew l-importaturi ta’ oġġetti jippreżentaw reġistrazzjoni, skond dan it-Titolu, għal kwalunkwe sustanza f’dawk l-oġġetti, jekk ikunu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)      is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti fi kwantitajiet li jikkostitwixxu total ta’ aktar minn tunnellata metrika kull produttur jew importatur kull sena;

(b)      l-Aġenzija ikollha raġuni sabiex tissuspetta li:

i)      is-sustanza tkun rilaxxata mill-oġġetti, u

ii)      ir-rilaxx tas-sustanza mill-oġġetti jirrappreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent;

(ċ)      is-sustanza ma tkunx suġġetta għall-paragrafu 1.

Il-preżentazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-ħlas meħtieġ skond it-Titolu IX.

6.      Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw għal sustanzi li diġà ġew reġistrati għal dak l-użu.

[…]”

9.        L-Artikolu 33 tar-Regolament REACH jispeċifika l-obbligi ta’ informazzjoni relatati mal-oġġetti fir-rigward tar-riċevituri u l-konsumaturi:

“(1)      Kwalunkwe fornitur ta’ oġġett li jkollu fih sustanza li tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 57 u identifikata skond l-Artikolu 59(1) f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0,1 % piż b’piż (w/w) għandu jipprovdi lil min jirċievi l-oġġett b’informazzjoni suffiċjenti, li tkun disponibbli għall-fornitur, sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sikur inkluż, bħala minimu, l-isem ta’ dik is-sustanza.

(2)      Fuq talba ta’ konsumatur, kwalunkwe fornitur ta’ oġġett li jkollu fih sustanza li tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 57 u identifikata skond l-Artikolu 59(1) f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0,1 % piż b’piż (w/w) għandu jipprovdi lill-konsumatur b’informazzjoni suffiċjenti, li tkun disponibbli għall-fornitur, sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sikur inkluż, bħala minimu, l-isem ta’ dik is-sustanza.

L-informazzjoni relevanti għandha tingħata, mingħajr ħlas, fi żmien 45 ġurnata minn meta tkun ġiet riċevuta t-talba.”

10.      L-għanijiet tad-dispożizzjonijiet dwar sustanzi ta’ tħassib serju ħafna huma stabbiliti fl-Artikolu 55 tar-Regolament REACH:

“L-iskop ta’ dan it-Titolu huwa li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli. Għal dan l-iskop il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‘downstream’ kollha li japplikaw għal awtorizzazzjoni għandhom janalizzaw jekk hemmx alternattivi u jikkunsidraw ir-riskji tagħhom u kemm is-sostituzzjoni tista’ tkun ekonomikament vijabbli.”

11.      Is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna huma ddefiniti fl-Artikolu 57 tar-Regolament REACH:

“Is-sustanzi li ġejjin jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 58:

(a)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu ta’ karċinoġeniċità kategorija 1A jew 1B skond it-taqsima 3.6 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(b)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali kategorija 1A jew 1B skond it-taqsima 3.5 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(ċ)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu tossiċità riproduttiva kategorija 1A jew 1B, effettiv negattivi fuq il-funzjonament sesswali u l-fertilità jew fuq l-iżvilupp skond it-taqsima 3.7 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(d)      sustanzi li jkunu persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi skond il-kriterji previsti fl-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament;

(e)      sustanzi li jkunu persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skond il-kriterji previsti fl-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament;

(f)      sustanzi – bħal dawk li jkollhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina jew dawk li jkollhom proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna, li ma jissodisfawx il-kriterji fil-punti (d) jew (e) – li dwarhom ikun hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi oħrajn elenkati fil-punti (a) sa (e) u li jkunu identifikati fuq bażi każ b’każ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 59.”

12.      L-Artikolu 59 tar-Regolament REACH jistabbilixxi l-proċedura li skontha l-ECHA tista’ ddaħħal fl-hekk imsejħa “lista ta’ kandidati” għall-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanzi li jkollhom il-karatteristiċi skont l-Artikolu 57.

2.      Il-Gwida tal-Aġenzija għas-Sustanzi Kimiċi

13.      Il-kwistjoni li hija s-suġġett tal-kawża hija indirizzata fil-“Gwida [tal-Aġenzija għas-Sustanzi Kimiċi] ta’ rekwiżiti għal sustanzi f’oġġetti (Verżjoni: 2) tal-1 ta’ April 2011” (3). Fit-Taqsima 4.4, din il-gwida tinforma li l-konċentrazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna f’oġġetti komposti għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għall-oġġett kollu:

“SVHC [Sustanza ta’ tħassib serju ħafna] fil-Lista ta’ Kandidati tista’ tkun f’konċentrazzjonijiet differenti f’komponenti differenti fl-istess oġġett, eż. konċentrazzjoni waħda fix-chassis ta’ laptop u konċentrazzjoni oħra fit-transformer. Biex japplikaw obbligi skont l-Artikoli 7(2) u 33, il-konċentrazzjoni ta’ din l-SVHC għandha tkun aktar minn 0.1 % (w/w) fl-oġġett kollu […]”

B –    Id-dritt Franċiż

14.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-validità tal-“Komunikazzjoni lill-operaturi ekonomiċi dwar l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar sustanzi f’oġġetti skont l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1907/2006 (REACH) – Interpretazzjoni tal-limitu msemmi fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 33 ta’ 0.1 piż b’piż”, li l-Ministre de l’écologie, du développement durable des transports et du logement Franċiż (il-Ministru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli, it-Trasport u l-Akkomodazzjoni) adotta fit-8 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-Ministru”).

15.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, f’din il-komunikazzjoni jingħad:

“B’referenza għall-pubblikazzjoni fuq il-websajt tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-1 ta’ April 2011 [...] tal-Gwida riveduta dwar l-applikazzjoni tar-Regolament REACH għal sustanzi fi prodotti u b’mod iktar partikolari l-avviż tad-Direttur f’din il-Gwida, li ma ntlaħaq l-ebda konsensus dwar din il-Gwida bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea/taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-awtoritajiet Franċiżi, b’din il-komunikazzjoni, jinformaw lill-operaturi ekonomiċi bl-interpretazzjoni adottata fi Franza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH. Dawn jispeċifikaw li t-terminu ‘oġġett’ jinkludi kull oġġett li jikkorrispondi mad-definizzjoni tat-terminu ‘oġġett’ fis-sens tar-Regolament REACH, jiġifieri, ‘prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad akbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu’ [Artikolu 3(3)]. Konsegwentement oġġett jista’ jkun kompost minn oġġett wieħed jew iktar li jikkorrispondu mad-definizzjoni tat-terminu ‘oġġett’, u b’hekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33 japplikaw għal kull wieħed minn dawn l-oġġetti.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.      Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, żewġ assoċjazzjonijiet Franċiżi ta’ kumpanniji kummerċjali jikkontestaw il-komunikazzjoni tal-Ministru. Il-Conseil d’État, il-qorti adita b’din it-tilwima, jagħmel id-domanda li ġejja lil-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(2) u mill-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1907/2006 (Reach)huma applikabbli, meta ‘oġġett’ fis-sens ta’ dan ir-regolament ikun kompost minn diversi elementi li jissodisfaw huma stess id-definizzjoni tal-’oġġett’ li huwa jipprovdi, biss fir-rigward tal-oġġett immontat jew fir-rigward ta’ kull wieħed mill-elementi li jissodisfaw id-definizzjoni tal-‘oġġett’”?

17.      Il-Fédération des entreprises du commerce et de la distribution (l-Assoċjazzjoni tal-kumpanniji kummerċjali u ta’ distribuzzjoni), flimkien mal-Fédération des magasins de bricolage et de l’aménagement de la maison (Assoċjazzjoni tal-ħwienet tad-DIY u tal-għamara) (iktar ’il quddiem “FCD u FMB”), ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tan-Norveġja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kemm huma ħlief il-Greċja u l-Awstrija pparteċipaw ukoll fis-seduta tat-8 ta’ Jannar 2015.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

18.      Biex tinftiehem aħjar it-talba għal deċiżjoni preliminari, id-domanda preliminari l-ewwel nett għandha titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv tar-Regolament REACH (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti A). Sussegwentement, għandhom jiġu diskussi l-kunċett ta’ “oġġett” (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B) u l-obbligi tal-produtturi u l-importaturi li jinnotifikaw lill-ECHA skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C, 1. u 2.), kif ukoll l-obbligi tal-fornituri li jipprovdu informazzjoni lir-riċevituri tal-oġġetti u lill-konsumaturi skont l-Artikolu 33 (ara, f’dan ir-rigward, Parti C, 3).

A –    Dwar il-kuntest leġiżlattiv tad-domanda preliminari

19.      Id-domanda preliminari hija marbuta mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH dwar l-hekk imsejħa “sustanzi ta’ tħassib serju ħafna”, li l-karatteristiċi tagħhom huma ddefiniti fl-Artikolu 57. Skont dan l-artikolu, dawn is-sustanzi jipperikolaw is-saħħa, minħabba li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (Artikolu 57(a) sa (ċ)). Dawn jistgħu jkunu wkoll ta’ ħsara għall-ambjent, minħabba li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi, jew huma persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna [Artikolu 57(d) u (e)]. F’każijiet partikolari, ikun biżżejjed ukoll li jkollhom karatteristiċi ekwivalenti [Artikolu 57(f)].

20.      Sustanzi bħal dawn jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament REACH permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni wara proċedura tal-komitoloġija, liema anness jinkludi 31 sustanza (4) skont l-aħħar emenda li saret (5). Skont l-Artikolu 56, l-użu tas-sustanzi li jinsabu f’dan l-anness normalment jeħtieġ awtorizzazzjoni, li tingħata mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 60 sa 64.

21.      Dawn id-dispożizzjonijiet madankollu diġà jirrigwardaw sustanzi li jinsabu f’hekk imsejħa lista’ ta’ kandidati għall-inklużjoni fl-anness. L-ECHA tista’ tidentifika tali sustanzi skont proċedura stabbilita fl-Artikolu 59, meta dawn ikollhom karatteristiċi ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Fost is-sustanzi li jinsabu fil-lista ta’ kandidati jintgħażlu s-sustanzi li l-inklużjoni tagħhom fl-Anness XIV għandha tiġi investigata f’iktar dettall. Barra minn hekk, b’risposta għal domanda li saret fis-seduta, il-partijiet argumentaw b’mod unanimu li dawn is-sustanzi kandidati, wara li jiġu inklużi fl-Anness XIV, jibqgħu jidhru fil-lista ta’ kandidati.

22.      Il-lista ta’ kandidati kif l-aħħar aġġornata kienet tinkludi 155 sustanza (6). Jista’ jkun li hemm sustanzi oħrajn b’dawn il-karatteristiċi (7), iżda sakemm ma jkunux inklużi fil-lista ta’ kandidati, ma humiex ikkonċernati f’din il-kwistjoni (8).

23.      Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, il-produttur jew l-importatur ta’ oġġetti għandu jinnotifika lill-ECHA jekk sustanza fil-lista ta’ kandidati f’dawn l-oġġetti tkun tinsab fi kwantitajiet li jikkostitwixxu total ta’ iktar minn tunnellata metrika għal kull produttur jew importatur kull sena kif ukoll f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w).

24.      Barra minn hekk, l-Artikolu 33(1) tar-Regolament REACH jipprevedi li kwalunkwe fornitur ta’ oġġett li jkollu fih sustanza kandidata f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w) għandu jipprovdi lir-riċevitur tal-oġġett b’informazzjoni suffiċjenti, li tkun disponibbli għall-fornitur, sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sigur, u bħala minimu, l-informazzjoni għandha tinkludi l-isem tas-sustanza. Skont il-paragrafu 2, il-fornitur jagħmel disponibbli l-istess informazzjoni lill-konsumaturi fuq talba tagħhom.

25.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0.1 % piż b’piż (w/w) fl-oġġett. Għandu jiġi ċċarat jekk dan il-limitu, fil-każ ta’ oġġetti li fihom infushom huma komposti minn oġġetti, għandux jiġi applikat fir-rigward tal-oġġett sħiħ jew fir-rigward ta’ kull oġġett-komponent li jkun magħmul minnhom.

26.      Diversi Stati Membri juru dan bl-eżempju ta’ rota, li l-ħendils tal-plastik tagħha jinkludu plastifikanti li jinsabu fil-lista ta’ kandidati għal sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Jista’ jkun li l-limitu għall-ħendils bħala tali jkun intlaħaq, iżda ma jkunx fir-rigward tar-rota sħiħa. Eżempji oħra li ngħataw huma s-sits, li l-kaver tagħhom ikun jinkludi sustanzi kandidati, jew l-ajruplan sħiħ, li fih ikunu installati tali sits.

B –    Fuq il-kunċett ta’ oġġett skont il-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH

27.      Il-maġġoranza tal-Istati Membri intervenjenti jibbażaw ruħhom fuq id-definizzjoni mogħtija fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH. Skont dan, “oġġett” ifisser prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad ikbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu.

28.      B’mod differenti minn kif tissuġġerixxi l-Irlanda, il-funzjoni ma għandhiex tkun ta’ natura awtonoma, u b’hekk tkun tappartjeni għall-prodott indipendentement minn prodotti oħra. It-test ma jinkludi l-ebda indikazzjoni f’dan is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ oġġett hija ristretta wisq. Dan għaliex il-funzjoni ta’ għadd kbir ta’ prodotti tista’ titwettaq biss meta jintużaw flimkien ma’ prodotti, sustanzi jew taħlitiet oħrajn. Minbarra l-ħendils u l-kavers tas-sits imsemmija, jistgħu jissemmew ukoll il-viti bħala eżempju. Minkejja dan, tali prodotti jitqiegħdu fis-suq ukoll sabiex ikunu jistgħu jintużaw minn persuni oħrajn għall-manifattura ta’ prodotti iktar kumplessi, bħal pereżempju għall-manifattura ta’ roti, sits jew ajruplani.

29.      Għall-kuntrarju, lingotta taċ-ċomb jew bċejjeċ żgħar tal-plastik (9) ma jikkostitwixxux oġġetti, iżda sustanzi, u b’hekk elementi kimiċi u l-komposti tagħhom fis-sens tal-ewwel punt tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH. Il-funzjoni tagħhom ma hijiex iddeterminata primarjament mill-forma, il-wiċċ jew id-disinn tagħhom, iżda mill-kompożizzjoni kimika tagħhom. Barra minn hekk, skont it-tieni punt tal-Artikolu 3, jeżistu wkoll taħlitiet magħmula minn diversi sustanzi, pereżempju ż-żebgħa likwida jew laker.

30.      Għall-finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi nnotat li l-obbligi ta’ notifika lill-ECHA [Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH] u ta’ informazzjoni lir-riċevituri u lill-konsumaturi (Artikolu 33) li għandhom jiġu eżaminati f’dan il-każ ma japplikawx, skont l-Artikolu 2(5) u (6), għall-oġġetti tal-ikel.

31.      Mid-definizzjoni ma jistax jiġi dedott li oġġett‑komponent ma jibqax oġġett meta jingħaqad ma’ oġġetti‑komponenti oħrajn sabiex jinbena oġġett sħiħ.

32.      Għall-kuntrarju, kif jenfasizzaw pereżempju l-Belġju u n-Norveġja, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament REACH sempliċement jipprevedi espressament meta oġġett ma għandux jibqa’ jitqies bħala tali, jiġifieri meta dan isir skart skont kif iddefinit fid-dritt tal-Unjoni.

33.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, oġġett‑komponent ma jitlifx neċessarjament il-funzjoni tiegħu meta jiġi inkorporat f’oġġett sħiħ. Kif diġà ġie osservat, oġġett‑komponent ta’ spiss iwettaq il-funzjoni tiegħu biss permezz ta’ din l-integrazzjoni f’oġġett sħiħ. Pereżempju, il-funzjoni tal-ħendils imsemmija titwettaq meta dawn jintużaw bħala komponenti ta’ rota.

34.      Minkejja dan, waqt l-immuntar, oġġett‑komponent jista’ jikseb ukoll forma, wiċċ jew disinn ieħor, li jbiddlu l-funzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati t-tessuti, li jistgħu jintużaw għal diversi oġġetti. Dan il-potenzjal funzjonali jkun ristrett b’mod kunsiderevoli jekk dawn, bħal fl-eżempju tal-Belġju, jiġu pproċessati f’kavers ta’ sit. Madankollu, normalment tali komponent b’funzjoni ristretta jżomm ukoll funzjoni indipendenti, li tiddistingwih minn oġġetti‑komponenti oħrajn li jintużaw sabiex jifformaw oġġett sħiħ. Kaver ta’ sit għandu funzjoni differenti mill-oġġetti‑komponenti l-oħra użati, bħal pereżempju l-ikkuttunar, kwalunkwe rix użat jew il-qafas tas-sit.

35.      Huwa biss sa fejn, waqt l-inkorporazzjoni tiegħu f’oġġett sħiħ, oġġett jitlef kwalunkwe forma, wiċċ jew disinn speċifiċi għalih li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad ikbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu li ma jkunx iktar possibbli li jiġi identifikat oġġett‑komponent. Fil-prattika, madankollu, każijiet bħal dawn għandu jkollhom importanza inqas. U f’eventwali eżempji, wieħed għandu dejjem iżomm f’moħħu li oriġinarjament dawn kienu oġġetti u mhux sustanzi.

36.      Sakemm oġġett‑komponent, minkejja l-integrazzjoni tiegħu f’oġġett sħiħ, iżomm forma, wiċċ jew disinn speċifiċi għalih, li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad ikbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu, dan konsegwentement għandu jkompli jitqies bħala oġġett. B’hekk il-kunċett ta’ oġġett bħala tali pjuttost jissuġġerixxi li l-kalkolu tal-konċentrazzjoni ta’ ċerti sustanzi għandu jkun ibbażat fuq l-oġġett‑komponent iktar milli fuq l-oġġett sħiħ.

C –    Fuq ir-rabta mal-obbligi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikoli 7(2) u 33 tar-Regolament REACH

37.      Id-definizzjoni ta’ oġġett madankollu għandha tiġi applikata b’rabta ma’ obbligi speċifiċi, li għandhom jiġu ssodisfatti mill-produttur jew l-importatur [l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH] jew mill-fornitur ta’ oġġett (l-Artikolu 33).

38.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn il-persuni jipproduċu, jimportaw jew ifornu l-oġġett sħiħ inkwistjoni u mhux l-oġġetti‑komponenti. Għaldaqstant għandha tiġi stmata wkoll il-konċentrazzjoni ta’ sustanzi kandidati b’rabta mal-oġġett sħiħ.

39.      Skont il-komunikazzjoni ta’ Franza kkontestata fil-kawża prinċipali, u l-fehma ta’ diversi Stati Membri oħrajn, għall-kuntrarju għandu jiġi kkalkolat il-limitu għall-oġġetti‑komponenti individwali.

40.      Madankollu, din il-kontroversja għandha tiġi diskussa b’mod separat fir-rigward tal-produtturi, l-importaturi u l-fornituri tal-oġġetti.

1.      Fuq il-produtturi ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH

41.      L-obbligu li tiġi nnotifikata l-ECHA skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH jaqa’ l-ewwel nett fuq il-produtturi tal-oġġetti. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 3, il-produttur ta’ oġġett huwa persuna fiżika jew ġuridika, li tipproduċi jew timmonta oġġett fi ħdan l-Unjoni.

42.      Jekk produttur ta’ oġġett sħiħ jipproduċi jew jimmonta b’tali mod li jgħaqqad flimkien oġġetti‑komponenti, dan ma jfissirx li huwa jkun ipproduċa jew immonta wkoll dawn l-oġġetti‑komponenti. F’ekonomija kkaratterizzata mit-tqassim tax-xogħol, pjuttost huwa probabbli li l-produttur ta’ oġġett sħiħ ikun xtara xi komponenti jew il-komponenti kollha meħtieġa mingħand produtturi oħrajn. L-eżempji msemmija – roti, sits ta’ ajruplani u karozzi – juru dan b’mod tassew xieraq.

43.      Jekk il-produzzjoni ta’ oġġetti‑komponenti li jintużaw mill-produttur ta’ oġġett sħiħ tiġi attribwita lilu wkoll, dan ikun inkonsistenti mat-tifsira tal-kelma “produttur”, sakemm dawn fir-realtà jkunu ġew prodotti jew immuntati minn produtturi oħrajn. Jista’ jissejjaħ il-produttur ta’ oġġetti‑komponenti biss jekk ikun ipproduċihom jew immuntahom (minn oġġetti‑komponenti oħrajn) huwa stess.

44.      Konsegwentement, il-produttur ta’ oġġett sħiħ, li jikkonsisti minn oġġetti‑komponenti li, minkejja l-integrazzjoni tagħhom f’oġġett sħiħ iżommu l-forma, il-wiċċ jew id-disinn speċifiċi tagħhom, iżda li ġew prodotti jew immuntati minn produtturi oħrajn, huwa obbligat jinnotifika lill-ECHA jekk sustanza li tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 57 u li tkun ġiet identifikata skont l-Artikolu 59(1) tkun preżenti f’dak l-oġġett sħiħ f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w).

45.      Kuntrarjament għall-fehma, fost l-oħrajn, ta’ Franza u l-Ġermanja, ma huwiex meħtieġ li l-produtturi xorta jkunu obbligati jinnotifikaw is-sustanzi kandidati preżenti fl-oġġetti‑komponenti użati. Dan għaliex, bħalma jirrikonoxxu partijiet oħrajn, l-ECHA tirċievi din l-informazzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jagħtiha l-produttur tal-oġġett sħiħ. Dan għaliex meta dawn jiġu prodotti fl-Unjoni jew importati fl-Unjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni jkun tal-produtturi, jew, kif ser jintwera iktar ’il quddiem, tal-importatur tal-oġġetti‑komponenti.

2.      Fuq l-importatur ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH

46.      It-tieni nett, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, l-importatur ta’ oġġetti huwa obbligat jinnotifika lill-ECHA.

47.      Skont il-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, l-importatur huwa l-persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li hija responsabbli għall-importazzjoni, jiġifieri għall-introduzzjoni fiżika fit-territorju doganali tal-Unjoni (Artikolu 3, punt 10).

48.      Skont il-kliem ta’ din id-definizzjoni, l-importatur ta’ oġġett sħiħ li jikkonsisti minn oġġetti‑komponenti li, minkejja l-integrazzjoni tagħhom f’oġġett sħiħ iżommu l-forma, il-wiċċ jew id-disinn karatteristiċi tagħhom, huwa wkoll l-importatur tal-oġġetti‑komponenti. Liema persuna fiżika jew ġuridika oħra għandha ġġorr ir-responsabbiltà biex dawn l-oġġetti‑komponenti jiġu introdotti fiżikament fit-territorju doganali tal-Unjoni?

49.      Anki l-interpretazzjoni tat-terminu “produttur” żviluppata hawn fuq tindika li l-importatur ta’ oġġett sħiħ għandu jitqies bħala l-importatur tal-oġġetti‑komponenti li jinsabu fih. Dan minħabba li, b’din l-interpretazzjoni, il-kunċetti ta’ produttur u ta’ importatur huma komplementari u jiggarantixxu l-għoti ta’ informazzjoni kompleta lill-ECHA. Din tirċievi l-informazzjoni neċessarja dwar l-użu ta’ sustanzi mil-lista ta’ kandidati fl-oġġetti‑komponenti mingħand il-produtturi reali tal-oġġetti‑komponenti fl-Unjoni jew mingħand l-importaturi, kemm jekk ikunu l-importaturi tal-oġġetti‑komponenti jew l-importaturi ta’ oġġetti sħaħ li jkun fihom oġġetti‑komponenti.

50.      L-oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward tal-Kummissjoni, tal-FCD u l-FMB kif ukoll tal-Irlanda u tal-Greċja ma jistgħux jintlaqgħu.

a)      Fuq l-assenza ta’ dispożizzjoni ċara

51.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, kieku l-leġiżlatur ried li l-importatur ikun suġġett għal obbligu ta’ notifika b’rabta mal-oġġetti‑komponenti, kien jistabbilixxi dan l-obbligu b’mod iktar ċar minn kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH. Dan jidher pereżempju fir-restrizzjonijiet imsemmija fil-punt 23 tal-Anness XVII, subpunti 5 sa 7, u fil-punt 61 tal-Anness XVII, fejn huma previsti wkoll limiti ta’ konċentrazzjoni li japplikaw espressament għal oġġetti “jew ta’ komponenti” tagħhom. Fil-proċedura leġiżlattiva fil-fatt saru diversi proposti ta’ formulazzjoni f’dan is-sens (10), li madankollu ma ġewx adottati.

52.      Id-Danimarka u l-Ġermanja madankollu juru b’mod korrett li l-parallel mal-Anness XVII ma huwiex obbligatorju. Mill-inqas ittieħdu restrizzjonijiet għall-kadmju taħt il-punt 23 mid-Direttiva 79/769/KEE (11), fejn il-kunċett “oġġett” ma ntużax. B’hekk l-inklużjoni ta’ komponenti kienet teħtieġ dispożizzjoni espressa. Il-fatt li l-leġiżlatur orjenta ruħu skont din il-prattika regolatorja f’żidiet sussegwenti fl-Anness XVII, bħal pereżempju fir-rigward tar-restrizzjonijiet għad-dimethyl fumarate fil-punt 61, ma għandu l-ebda sinjifikat partikolari għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH, li ma humiex relatati direttament ma’ dan l-anness.

53.      Fid-dawl tar-referenzi għall-proposti sottomessi fil-proċedura leġiżlattiva għandu jiġi ammess li l-inklużjoni tal-oġġetti‑komponenti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH setgħet tiġi rregolata b’mod iktar ċar. Minkejja dan, tali inklużjoni lanqas ma ġiet eskluża. Konsegwentement, l-assenza ta’ dispożizzjoni iktar preċiża tista’ tfisser ukoll li l-proposti għal preċiżjoni tqiesu bħala superfluwi, jew li ma setax jintlaħaq qbil fuq waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet. B’hekk dan l-argument lanqas ma jwassal sabiex il-kunċett ta’ importatur jiġi interpretat b’mod daqstant strett, kif tipproponi l-Kummissjoni.

b)      Fuq iċ-ċertezza legali

54.      F’dan ir-rigward, l-invokazzjoni mill-Irlanda taċ-ċertezza legali ma tbiddel xejn. Skont il-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li liġi tkun ċara u speċifika, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jiddeċiedu konsegwentement (12).

55.      Il-prinċipju taċ-ċertezza legali madankollu ma jeżiġix li regola teskludi kull dubju fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha. Li huwa importanti, min-naħa l-oħra, huwa jekk l-att legali inkwistjoni jkunx ivvizzjat b’ambigwità tali li tfixkel lil dak li jkun milli jirrisolvi b’ċertezza suffiċjenti dubji li jista’ jkollu dwar il-portata jew it-tifsira tad-dispożizzjoni (13) Iżda fil-każ preżenti dan huwa possibbli u l-Irlanda wkoll ma tqajjimx dubji f’dan ir-rigward.

56.      Madankollu ma huwiex ċar għalfejn, skont il-prinċipju taċ-ċertezza legali, waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH għandha tingħata prijorità fuq l-oħra b’rabta mal-importaturi.

57.      Jien nifhem dan l-argument pjuttost fis-sens li d-diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH ikunu eliminati jekk il-Gwida tal-ECHA tingħata effett vinkolanti. Dan ser jiġi diskuss immedjatament.

c)      Fuq il-Gwida tal-ECHA

58.      Il-komunikazzjoni Franċiża li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-opinjoni tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri partijiet f’din il-proċedura huma f’kunflitt, fil-fatt, mal-Gwida, li l-ECHA ppubblikat bl-approvazzjoni tal-maġġoranza tal-Istati Membri (14). Skont din il-gwida, il-konċentrazzjoni fl-oġġett kollu għandha tittieħed bħala l-bażi.

59.      Bħal-linji gwida l-oħrajn tal-ECHA, dan it-test ukoll jgħin biex jinftiehmu d-dispożizzjonijiet rilevanti, b’mod partikolari sa fejn jiddokumenta l-opinjoni unanima tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 77(2)(g), is-segretarjat tal-ECHA, għandu l-kompitu li jipprovdi gwida teknika u xjentifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 mill-produtturi u l-importaturi tal-oġġetti. L-Artikolu 77(2)(k) jipprovdi wkoll għat-tħejjija ta’ noti ta’ spjega dwar ir-Regolament REACH. Minkejja dan, gwida ma tistax tagħti interpretazzjoni vinkolanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (15).

60.      Il-marġni ta’ manuvra wiesa’ tal-awtoritajiet tal-Unjoni, enfasizzat mill-Greċja, fl-evalwazzjoni ta’ fatti xjentifiċi jew tekniċi kumplessi ma jbiddel xejn minn dak li ntqal. Huwa minnu li l-ECHA għandha l-istess setgħa, bħal fir-rigward tal-inklużjoni ta’ sustanzi fil-lista ta’ kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament REACH (16). Iżda fil-każ preżenti ma hijiex involuta evalwazzjoni fattwali, iżda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u din hija rriżervata, ukoll fil-każ ta’ kwistjonijiet legali kumplessi, għall-Qorti tal-Ġustizzja.

61.      Avviż legali tal-Gwida jesprimi dan b’mod ċar: “[D]awk li jużawh għandhom jiftakru li t-test tar-regolament ta’ REACH huwa l-unika referenza legali awtentika u li l-informazzjoni f’dan id-dokument ma tikkostitwixxix parir legali.”

62.      Konsegwentement, il-Gwida tal-ECHA ma hijiex vinkolanti.

d)      Fuq is-suq intern

63.      B’rabta mal-Gwida tal-ECHA, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal preġudizzju għas-suq intern. Dan huwa konċepibbli jekk l-Istati Membri jinterpretaw b’modi differenti l-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH u jekk, fl-assenza ta’ notifika, xi wħud minnhom iqajmu dubji, abbażi tal-Artikolu 5, dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti skont l-Artikolu 5.

64.      Tali riskji għas-suq intern tassew jenfasizzaw il-ħtieġa li tingħata risposta għad-domanda magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda ma jargumentawx favur interpretazzjoni speċifika tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH.

e)      Fuq il-proporzjonalità

65.      Il-Kummissjoni madankollu ssostni li obbligu ta’ notifika fir-rigward tas-sustanzi kandidati li jinsabu fl-oġġetti‑komponenti ma huwiex proporzjonali.

66.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jorbot lill-Unjoni, b’konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) u mal-Artikolu 4 TUE u huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Skont dan il-prinċipju, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija(17)

67.      L-obbligu tal-importaturi li jinnotifikaw lill-ECHA dwar is-sustanzi kandidati li jkun hemm, fil-kwantitajiet korrispondenti, tal-oġġetti‑komponenti li jinsabu fl-oġġetti sħaħ importati, huwa xieraq sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-obbligu ta’ notifika. In-notifika tippermetti lill-ECHA tieħu inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet tas-sustanzi u l-użu tagħhom fl-għażla tas-sustanzi li għandha ssir skont l-Artikolu 58(3) tar-Regolament REACH, sustanzi li għalihom il-Kummissjoni tistabbilixxi obbligu ta’ awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, in-notifika tippermetti lill-ECHA li, b’konformità mal-Artikolu 7(5), titlob reġistrazzjoni għas-sustanza inkwistjoni jew li tikkunsidra proposta għal restrizzjoni skont l-Artikolu 69, kif previst fil-premessa 29.

68.      L-obbligu ta’ notifika huwa meħtieġ ukoll sabiex jintlaħaq dan il-għan. Mingħajr notifika jkun hemm ir-riskju li l-ECHA ma tkunx informata dwar l-użu ta’ kwantitajiet sinjifikattivi ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fl-oġġetti – iktar minn tunnellata għal kull importatur fis-sena.

69.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni kif ukoll tal-FCD u l-FMB, li l-inklużjoni tal-oġġetti‑komponenti ma hijiex meħtieġa, minħabba li r-restrizzjonijiet, l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni jew il-miżuri ta’ protezzjoni meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 129 tar-Regolament REACH jiggarantixxu biżżejjed il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa. Fil-fatt, in-notifika lill-ECHA hija intiża preċiżament biex tikkontribwixxi sabiex tiġi ċċarata l-ħtieġa ta’ restrizzjonijiet jew ta’ obbligu ta’ awtorizzazzjoni. Jidher ukoll li huwa possibbli li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-Istati Membri jittieħdu minħabba n-notifika tal-ECHA.

70.      Bl-argument tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-iżvantaġġi tal-obbligu ta’ notifika b’rabta mal-oġġetti‑komponenti ma humiex proporzjonali mal-għanijiet imfittxija.

71.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-diffikultajiet għall-importaturi li jiksbu l-informazzjoni meħtieġa mingħand il-fornituri tagħhom f’pajjiżi terzi. Dawn ta’ spiss ma jkunux jafu jekk l-oġġetti jkunx fihom sustanzi kandidati, peress li l-informazzjoni f’dan ir-rigward ma tiġix mgħoddija tul il-katina tal-provvista tagħhom fil-pajjiżi terzi. Sa ċertu punt, l-informazzjoni korrispondenti tiġi ttrattata wkoll bħala sigriet tan-negozju.

72.      F’dan l-istess sens, l-FCD u l-FMB jenfasizzaw l-ispejjeż marbuta mal-ittestjar ta’ oġġetti fir-rigward tal-preżenza u l-konċentrazzjoni ta’ sustanzi kandidati fihom. It-test fuq żarbun ikun jiswa bejn EUR 2 200 u EUR 2 400. Min-naħa l-oħra, meta jkollhom jiġu eżaminati l-komponenti li jinsabu fiż-żarbun, l-ispejjeż jitilgħu għal EUR 22 800.

73.      Minkejja dan, bħalma ssostni l-Ġermanja, ma huwiex ċar jekk restrizzjoni tal-obbligu ta’ notifika għall-oġġetti sħaħ fir-realtà ttaffix il-piż kif mixtieq, peress li kull oġġett sħiħ xorta jkun irid jiġi ttestjat fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’ sustanzi kandidati. Għal dan l-għan, l-ECHA tipproponi, bil-kunsens tal-maġġoranza tal-Istati Membri, li l-importatur l-ewwel jiddetermina l-konċentrazzjoni fl-oġġetti‑komponenti kollha li jinsabu fih, u mbagħad jikkalkola l-konċentrazzjoni fil-prodott sħiħ abbażi ta’ dawn il-valuri (18).

74.      Iżda ladarba l-konċentrazzjoni fl-oġġetti‑komponenti xorta trid tiġi ddeterminata, ma huwiex ċar għalfejn in-notifika ta’ din l-informazzjoni lill-ECHA twassal għal żvantaġġi eċċessivi. Għall-kuntrarju, kif isostnu xi Stati Membri, il-piż ikun saħansitra inqas jekk in-notifika tkun relatata mal-oġġetti‑komponenti, minħabba li l-konċentrazzjoni ma tridx tiġi ddeterminata b’mod preċiż. Huwa biżżejjed li jiġi ddeterminat jekk inqabżux il-limitu ta’ konċentrazzjoni u l-ammont totali ta’ tunnellata għal kull importatur fis-sena. Barra minn hekk, għan-notifika skont l-Artikolu 7(4)(f) tar-Regolament REACH, għandhom jiġu ddeterminati l-limiti tat-tunnellaġġ tas-sustanza, pereżempju 1 sa 10 tunnellata jew 10 sa 100 tunnellata (fis-sena).

75.      Il-pożizzjonijiet adottati mill-FCD u mill-FMB, mill-Irlanda kif ukoll mill-Kummissjoni, minflok, jinftiehmu biss jekk l-importaturi ma jsegwux b’mod strett il-Gwida tal-ECHA, iżda jibbażaw ruħhom fuq stimi bejn wieħed u ieħor preċiżi sabiex jevitaw notifika. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni saħansitra pproponiet espressament tali approċċ għal każijiet ċari, li ma għandu l-ebda bażi fil-Gwida tal-ECHA.

76.      Il-piż tal-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH madankollu jista’ jiġi evalwat b’mod adegwat biss fil-kuntest tiegħu.

77.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi nnotat li mill-inqas jiġi evitat ċertu piż doppju peress li, skont l-Artikolu 7(6) tar-Regolament REACH, l-obbligu ta’ notifika ma japplikax jekk is-sustanza kandidata kkonċernata diġà tkun ġiet irreġistrata għall-użu inkwistjoni mill-importatur stess jew minn persuni oħrajn (19).

78.      Jekk ma tkunx saret reġistrazzjoni, in-notifika skont l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament REACH tkun meħtieġa biss jekk is-sustanza fl-oġġett inkwistjoni tkun tinsab fi kwantitajiet li jikkostitwixxu total ta’ iktar minn tunnellata metrika fis-sena għal kull importatur. B’hekk dawn huma kwantitajiet sinjifikattivi ta’ sustanzi kandidati, li jkollhom il-karatteristiċi ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Barra minn hekk, għandu jiġi preżunt li l-importaturi kkonċernati jintroduċu relattivament ħafna oġġetti b’din is-sustanza jew inqas oġġetti b’konċentrazzjoni relattivament għolja.

79.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament REACH, l-obbligu ta’ informazzjoni ma japplikax meta l-produttur jew l-importatur jista’ jeskludi l-espożizzjoni għall-bniedem jew għall-ambjent taħt kundizzjonijiet tal-użu li jkunu normalment jew raġonevolment prevedibbli inkluż ir-rimi. F’dawn il-każijiet, il-produttur jew l-importatur għandu jipprovdi istruzzjonijiet adatti lir-riċevitur tal-oġġett.

80.      Anki fil-kalkolu tal-konċentrazzjoni fir-rigward ta’ kull oġġett‑komponent, l-obbligu ta’ notifika jkun jeżisti biss jekk ma tkunx eskluża l-espożizzjoni għall-bniedem jew għall-ambjent ta’ kwantitajiet sinjifikattivi ta’ sustanzi li jkollhom il-karatteristiċi ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.

81.      F’sitwazzjoni bħal din, l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni jeżiġu n-notifika lill-ECHA biex, jekk ikun meħtieġ, din tkun tista’ tieħu l-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa skont ir-Regolament REACH. L-Artikolu 1(1) u (3) kif ukoll il-premessi 1, 3, 9 u 69 tar-Regolament REACH jirreferu għal dawn l-għanijiet, iżda dawn jirriżultaw ukoll mill-Artikoli 9, 11 u 191(2) TFUE kif ukoll mill-Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

82.      Huwa għal dawn l-għanijiet li huwa intiż l-obbligu tal-importaturi skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament REACH li jiżguraw li huma jqiegħdu fis-suq u jużaw sustanzi li ma jħallux impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent. Għaldaqstant, fid-dawl tar-riskji deskritti u tar-restrizzjoni tan-notifika għall-importazzjoni ta’ kwantitajiet relattivament kbar ta’ dawn is-sustanzi, huwa raġonevoli li huma mistennija jakkwistaw l-informazzjoni neċessarja u jinnotifikaw lill-ECHA.

83.      Jista’ jiġi preżunt li l-produtturi f’pajjiżi terzi, li jkunu jixtiequ jipproduċu kwantitajiet kbar ta’ oġġetti għas-suq Ewropew, ser jipprovdu lill-importaturi bl-informazzjoni neċessarja dwar il-preżenza ta’ sustanzi kandidati fl-oġġetti‑komponenti. Sa fejn dawn il-produtturi, għal dik ir-raġuni, ikollhom jagħmlu użu minn informazzjoni mill-katina ta’ provvista tagħhom stess f’pajjiżi terzi, permezz tal-obbligu ta’ notifika l-istandards tar-Regolament REACH saħansitra jestendu għal barra mill-Unjoni.

84.      Konsegwentement, ma jirriżultax sproporzjonat, iżda għall-kuntrarju huwa neċessarju, li l-obbligu ta’ notifika tal-importaturi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH jiġi evalwat fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’ sustanzi kandidati fl-oġġetti‑komponenti.

f)      Fuq l-allegata diskriminazzjoni tal-importaturi

85.      F’dan il-kuntest ġiet invokata wkoll allegata inugwaljanza fit-trattament tal-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni, peress li l-produtturi jistgħu jiksbu ħafna iktar faċilment l-informazzjoni meħtieġa mingħand il-fornituri stabbiliti fl-Unjoni.

86.      Limitazzjoni tal-obbligu ta’ notifika għall-oġġetti sħaħ li fihom jintlaħaq il-limitu ta’ konċentrazzjoni madankollu ma teliminax din l-inugwaljanza fit-trattament iżda, l-iktar l-iktar, tnaqqas l-għadd ta’ każijiet ta’ applikazzjoni.

87.      Barra minn hekk, limitazzjoni tal-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH għall-oġġetti sħaħ tkun ta’ żvantaġġ għall-produtturi tal-Unjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-produtturi u l-importaturi tal-oġġetti‑komponenti jkunu suġġetti għall-obbligu ta’ notifika u jgħaddu l-ispejjeż korrispondenti lir-riċevituri ta’ dawn l-oġġetti‑komponenti, li huma l-produtturi tal-oġġetti sħaħ. B’hekk ikun inqas attraenti li l-oġġett sħiħ jiġi prodott fi ħdan l-Unjoni milli li jiġi importat.

88.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-importaturi għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi bħal dawk li huma suġġetti għalihom il-manifatturi fl-Unjoni, jew (mill-inqas) għal obbligi simili li jwasslu għal aġġustament fl-ispejjeż, biex b’hekk tiġi ggarantita kompetizzjoni reali fl-Unjoni (20). Il-protezzjoni tal-produtturi tal-Unjoni minn żvantaġġi kompetittivi li jistgħu jirriżultaw minħabba sitwazzjoni differenti li tinħoloq għall-importaturi tikkostitwixxi wkoll għan leġittimu tal-leġiżlatur tal-Unjoni (21).

89.      Għaldaqstant, ir-riperkussjonijiet fuq l-importaturi u l-produtturi fl-Unjoni lanqas ma jargumentaw kontra l-obbligu ta’ notifika fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni ta’ sustanzi kandidati fl-oġġetti‑komponenti.

g)      Konklużjoni intermedjarja

90.      Konsegwentement, l-importatur ta’ oġġett sħiħ li jikkonsisti minn oġġetti‑komponenti li, minkejja l-integrazzjoni tagħhom f’oġġett sħiħ, iżommu l-forma, il-wiċċ jew id-disinn speċifiċi għalihom, għandu jinnotifika lill-ECHA jekk sustanza li tissodisfa wieħed mill-kriterji tal-Artikolu 57(e) tar-Regolament REACH u identifikata b’konformità mal-Artikolu 59(1) tkun preżenti f’oġġett‑komponent f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w).

3.      Fuq il-fornituri ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 33 tar-Regolament REACH

91.      Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH, kull fornitur ta’ oġġett li jkun fih sustanza kandidata f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w) għandu jagħmel disponibbli lir-riċevitur tal-oġġett, kif ukoll lill-konsumatur fuq talba tiegħu, l-informazzjoni li tkun disponibbli għalih u li tkun suffiċjenti sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sigur, u bħala minimu din l-informazzjoni għandha tinkludi l-isem tas-sustanza kkonċernata.

92.      Il-punt 33 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH jiddefinixxi l-kunċett ta’ fornitur ta’ oġġett b’mod wiesa’ ħafna. Skont dan il-punt, dan jinkludi l-produttur jew importatur kif ukoll id-distributur jew attur ieħor fil-katina tal-provvista li jqiegħdu oġġett fis-suq. Il-punt 12 tal-Artikolu 3 jagħti wkoll definizzjoni wiesgħa tat-tqegħid fis-suq; dan jinkludi b’mod partikolari l-provvista jew id-disponibbiltà lil terzi, bi ħlas jew mingħajr ħlas.

93.      Dawn id-definizzjonijiet wesgħin jindikaw interpretazzjoni li abbażi tagħha l-fornitur ta’ oġġett sħiħ ikun ukoll il-fornitur tal-oġġetti‑komponenti li jkun hemm fih, li, minkejja l-integrazzjoni f’oġġett sħiħ ikunu żammew forma, wiċċ jew disinn speċifiċi għalihom. Pjuttost, id-definizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, sabiex l-obbligi tal-fornitur jiġu evalwati biss fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’ sustanzi kandidati fl-oġġett sħiħ.

94.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH żviluppata hawn fuq b’rabta mal-importaturi fil-prinċipju hija wkoll favur l-evalwazzjoni tal-obbligi ta’ informazzjoni tal-fornituri fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’ sustanzi kandidati fl-oġġetti‑komponenti.

a)      Fuq id-differenzi bejn l-Artikolu 33 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH

95.      Minkejja dan, l-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament REACH huwa differenti mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 7(2) fir-rigward ta’ ċerti punti importanti.

96.      Hemm differenza kruċjali fil-fatt li l-informazzjoni dwar is-sustanzi kandidati ma għandhiex tiġi kkomunikata lill-ECHA, iżda lir-riċevituri jew lill-konsumaturi tal-oġġetti. Konsegwentement hemm il-possibbiltà li dawn joqogħdu lura milli jixtru l-oġġett minħabba l-preżenza ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna. B’mod partikolari fir-rigward tal-konsumaturi, ma għandux jiġi eskluż li tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni tar-riskji relatati mas-sustanza.

97.      Madankollu, mill-informazzjoni lill-konsumatur ma jista’ jiġi dedott l-ebda żvantaġġ li jirriżulta mill-obbligu ta’ informazzjoni, li jwassal sabiex din tidher sproporzjonata. Għall-kuntrarju din tikkorrispondi mal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li għandu jintlaħaq skont l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 169(1) TFUE u li jinkludi, skont id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, b’mod partikolari d-dritt tal-konsumatur għal informazzjoni. Il-premessi 56 u 117 tar-Regolament REACH jirrikonoxxu dan espressament. Il-fornituri għandhom jindirizzaw eventwali żbalji ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-konsumaturi permezz ta’ spjegazzjoni xierqa dwar ir-riskji tas-sustanzi preżenti.

98.      Il-Ġermanja ssostni wkoll korrettament li l-inċentiv li jirriżulta mill-obbligu ta’ informazzjoni, li kemm jista’ jkun ma jintużawx sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, jikkorrispondi mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tirregola dawn is-sustanzi. L-Artikolu 55 tar-Regolament REACH jipprevedi espressament li l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li dawn is-sustanzi jiġu gradwalment issostitwiti b’sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti, sakemm dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli.

99.      Ma jista’ japplika xejn differenti għall-informazzjoni lir-riċevituri minn dak li japplika għall-informazzjoni lill-konsumaturi, peress li l-konsumaturi jistgħu jiksbu biss l-informazzjoni meta din tkun ġiet mgħoddija preċedentement tul il-katina tal-provvista.

100. Kif isostnu diversi Stati Membri, ma jkunx sodisfaċenti li l-informazzjoni ma tkomplix tiġi mgħoddija tul il-katina ta’ provvista sempliċiment minħabba li oġġett‑komponent jiġi integrat f’oġġett sħiħ u minn dak il-ħin il-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0.1 % piż b’piż (w/w) ma jibqax jintlaħaq fl-oġġett sħiħ. Barra minn hekk, b’dan il-mod lanqas ma jitnaqqas b’mod sinjifikattiv l-oneru għall-fornituri.

101. Madankollu jeżistu wkoll differenzi fir-rigward tal-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, li jistgħu jżidu b’mod sostanzjali l-piżijiet relatati mal-obbligu ta’ informazzjoni b’konformità mal-Artikolu 33.

102. L-ewwel nett, il-limitu ta’ tunnellaġġ previst fl-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament REACH ta’ tunnellata metrika kull sena għal kull fornitur huwa nieqes. Konsegwentement, diġà jista’ jirriżulta obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ volum ta’ bejgħ żgħir ħafna. Dan huwa sinjifikattiv b’mod partikolari fir-rigward tal-importazzjoni ta’ oġġetti. Filwaqt li bi kwantitajiet kbar jidher pjuttost probabbli li l-produtturi jew il-fornituri f’pajjiżi terzi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa, dan ikun iktar dubjuż iktar kemm ikunu żgħar il-kwantitajiet importati.

103. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ informazzjoni meta l-fornitur ikun jista’ jeskludi l-espożizzjoni għall-bniedem jew għall-ambjent taħt kundizzjonijiet tal-użu li jkunu normalment jew raġonevolment prevedibbli, inkluż ir-rimi, kif previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament REACH, jibqa’ applikabbli għan-notifika lill-ECHA. Konsegwentement, jista’ jirriżulta piż minħabba l-obbligu ta’ informazzjoni għalkemm ma tkunx mistennija espożizzjoni.

104. Finalment, l-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH huwa stabbilit irrispettivament mill-fatt jekk is-sustanza kandidata inkwistjoni tkunx diġà ġiet irreġistrata għall-użu kkonċernat. Jista’ jkun hemm każijiet fejn għall-finijiet tal-Artikolu 7(2) ma jkunx neċessarju li jiġi speċifikat jekk oġġett fir-realtà jkunx fih sustanza kandidata, peress li l-possibbiltà tal-użu f’tali oġġetti tkun diġà ġiet, fil-prinċipju, irreġistrata. Minkejja dan, l-Artikolu 33 jagħmel tali verifika neċessarja.

105. Dawn l-aspetti jiġu indirizzati biss indirettament jekk l-obbligu ta’ informazzjoni jiġi limitat għal każijiet fejn il-limitu ta’ konċentrazzjoni jkun intlaħaq fl-oġġett sħiħ.

106. Minn naħa, għall-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH huwa rilevanti wkoll il-fatt li l-Gwida tal-ECHA fil-prinċipju teżiġi li l-konċentrazzjoni fl-oġġett sħiħ tiġi kkalkolata abbażi tal-konċentrazzjoni fl-oġġetti‑komponenti li jinsabu fih. Li kieku l-fornitur isegwi dan l-approċċ, l-informazzjoni lir-riċevitur dwar is-sustanzi kandidati fl-oġġetti‑komponenti diffiċilment tirrappreżenta piż mhux ġustifikat.

107. Min-naħa l-oħra, huwa wkoll possibbli li l-oġġetti sħaħ li jilħqu l-limiti ta’ konċentrazzjoni jiġu importati biss fi kwantitajiet żgħar, jew li r-riskju ta’ espożizzjoni fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti jkun jista’ jiġi eskluż. Ma huwiex ċar għalfejn f’dawn il-każijiet, l-obbligu ta’ informazzjoni għandu jkun iktar xieraq milli fir-rigward tal-oġġetti‑komponenti.

108. L-effett essenzjali tal-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni u mill-Irlanda huwa li l-iżvantaġġi msemmija jirriżultaw f’numru żgħir ta’ każijiet. Minkejja dan, jista’ jkun ukoll li l-istess oġġett‑komponent joħloq obbligi ta’ informazzjoni meta jiġi fornut bħala oġġett separat, filwaqt li wara l-integrazzjoni tiegħu f’oġġett sħiħ ma jkunx għad hemm lok li tingħata informazzjoni dwaru. Dan ikun partikolarment mhux sodisfaċenti meta l-fornitur tal-oġġett sħiħ ikun kiseb l-informazzjoni neċessarja mingħand il-fornitur tal-komponenti u b’hekk ikun raġonevoli li din tiġi mgħoddija lir-riċevitur jew lill-konsumatur tal-oġġett sħiħ.

b)      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament REACH fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

109. Minkejja dan, huwa possibbli li l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH jiġi interpretat b’mod konsistenti mal-prinċipju ta’ informazzjoni tul il-katina tal-provvista b’tali mod li obbligi ta’ informazzjoni sproporzjonati jiġu evitati.

110. Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH, il-fornitur jipprovdi lir-riċevitur kif ukoll lill-konsumaturi informazzjoni suffiċjenti li tkun disponibbli għalih sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sigur, u, bħala minimu, din l-informazzjoni għandha tinkludi l-isem ta’ dik is-sustanza.

111. Mal-ewwel daqqa t’għajn, din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem – almenu abbażi ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi, b’mod partikolari l-verżjoni Ġermaniża u l-verżjoni Ingliża – fis-sens li l-fornitur għandu, f’kull każ – anki meta ma jkollux din l-informazzjoni – jikkomunika bħala minimu l-isem tas-sustanza kandidata kkonċernata. Jekk il-fornitur ma jkunx jista’ jikseb informazzjoni suffiċjenti dwar dan mingħand il-fornituri tiegħu, sussegwentement fil-prinċipju jkollu jeżamina l-oġġett sabiex jara jekk fihx sustanzi kandidati fi kwantità korrispondenti.

112. Tali obbligu ta’ investigazzjoni fuq kollox jidher problematiku jekk l-espożizzjoni tkun tista’ tiġi eskluża, iżda wkoll jekk ikun hemm kwantitajiet partikolarment żgħar ta’ oġġetti fornuti.

113. Minkejja dan, fuq talba magħmula f’dan is-sens, il-partijiet kollha fil-prinċipju żammew ma’ din l-interpretazzjoni. Huma bbażaw ruħhom fuq l-idea li fornitur irid ikollu disponibbli l-informazzjoni neċessarja, sabiex ikun jista’ jikkonforma mal-Artikolu 33 tar-Regolament REACH, u jekk ikun hemm bżonn ikollu jakkwista din l-informazzjoni.

114. Piżijiet sproporzjonati għall-fornituri madankollu jiġu evitati meta anki l-komunikazzjoni tal-isem tas-sustanza tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-fornitur ikollu fid-dispożizzjoni tiegħu din l-informazzjoni. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament REACH ma tikkontradixxix din l-interpretazzjoni. Għall-kuntrarju, l-indikazzjoni tal-isem tista’ tinftiehem bħala parti mill-informazzjoni li jippermettu l-użu sigur tal-oġġett. Iżda din l-informazzjoni trid tiġi mgħoddija biss meta tkun disponibbli. Abbażi tal-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 33, din l-interpretazzjoni hija ħafna iktar probabbli milli li tintalab il-komunikazzjoni tal-isem tas-sustanza anki jekk dan ma jkunx magħruf.

115. Jekk l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH jiġu osservati fil-katina tal-provvista, fornitur ta’ oġġetti jkollu disponibbli l-isem tas-sustanza jekk l-ECHA tkun ġiet innotifikata bil-preżenza tas-sustanza.

116. Jekk ma jkunx japplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, l-informazzjoni dwar is-sustanzi kandidati trid tkun disponibbli għall-fornituri anki fir-rigward tal-oġġetti, sakemm dawn ikunu ġew prodotti fl-Unjoni. Dan għaliex il-produtturi għandhom ikunu jafu jekk hemmx sustanzi kandidati fil-konċentrazzjoni meħtieġa. Din l-informazzjoni b’hekk tista’ tiġi mgħoddija lir-riċevitur tal-oġġett u lill-konsumatur mingħajr diffikultà.

117. Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi preżunt li l-importaturi ta’ kwantitajiet żgħar ta’ oġġetti ta’ spiss ma jkollhom l-ebda tagħrif dwar is-sustanzi kandidati.

118. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ma tkunx neċessarjament disponibbli jekk in-notifika lill-ECHA fir-rigward tal-importazzjoni b’konformità mal-Artikolu7(3) jew (6) tar-Regolament REACH tkun baqgħet ma saritx, minħabba li l-importatur seta’ jeskludi l-espożizzjoni jew peress li s-sustanza kandidata tkun diġà ġiet irreġistrata għal użu f’tali oġġetti. F’dawn il-każijiet, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) ma huwiex bilfors meħtieġ li jiġi speċifikat jekk is-sustanza hijiex fil-fatt preżenti fl-oġġett.

119. Mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher inkwetanti li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament REACH tippreġudika b’mod sinjifikattiv l-effettività prattika ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa minnu li l-fornituri ta’ oġġetti importati inizjalment ikunu ħielsa b’mod kunsiderevoli mill-obbligi ta’ informazzjoni dwar il-preżenza ta’ sustanzi kandidati.

120. Minkejja dan, din l-eżenzjoni ma tistax tiġi tant estiża li l-fornituri, mingħajr ma jkollhom għarfien ta’ din il-preżenza, ikunu jistgħu jaffermaw li l-oġġetti ma fihomx sustanzi kandidati. Dawn għandhom mill-inqas jammettu li ma kisbu l-ebda informazzjoni dwar tali preżenza.

121. Barra minn hekk, l-assenza ta’ informazzjoni dwar sustanzi kandidati ma tfissirx li l-fornituri jistgħu jinjoraw kwalunkwe riskju. Kif turi pereżempju l-Kummissjoni, jeżistu dispożizzjonijiet oħra dwar is-sigurtà tal-oġġetti, pereżempju, fir-rigward tas-sigurtà tal-prodotti tal-konsumatur, id-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (22). Fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-kwalità skont dawn id-dispożizzjonijiet l-oħrajn, il-fornituri għandhom jimminimizzaw ir-riskji dovuti għall-preżenza ta’ sustanzi kandidati u, jekk ikun meħtieġ, jiksbu informazzjoni korrispondenti, li għandhom jgħadduha fil-katina tal-provvista. Meta għall-kuntrarju l-eventwali preżenza ta’ sustanza kandidata ma timplikax riskji, ikun aċċettabbli li jkun hemm rinunzja għal din l-informazzjoni. L-inklużjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra dwar is-sigurtà tal-prodotti b’hekk twassal għal approċċ dwar ir-riskji possibbli, li, kif enfasizzaw diversi partijiet, ma jinkludix il-kundizzjonijiet tal-obbligu ta’ informazzjoni.

122. Skont din l-interpretazzjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH konsegwentement tassew imur lil hinn mill-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 7(2), iżda dan ma joħloqx madankollu piżijiet eċċessivi, peress li l-informazzjoni kkonċernata ma tridx tinkiseb speċifikament għall-finijiet tal-obbligu ta’ informazzjoni, iżda diġà tkun disponibbli.

c)      Konklużjoni intermedjarja

123. Għaldaqstant, il-fornitur ta’ oġġett sħiħ li jikkonsisti minn oġġetti‑komponenti li, minkejja l-integrazzjoni tagħhom f’oġġett sħiħ, iżommu l-forma, il-wiċċ jew id-disinn speċifiċi tagħhom, huwa obbligat jinforma lir-riċevitur tal-oġġett u lill-konsumatur fuq talba tiegħu, b’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament REACH, dwar sustanza li tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 57 u identifikata skont l-Artikolu 59(1), jekk din tkun tinsab f’oġġett‑komponent f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w), u jekk il-fornitur ikollu disponibbli l-informazzjoni korrispondenti.

V –    Konklużjoni

124. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

1.      Meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH

a)      il-produttur ta’ oġġett sħiħ li jikkonsisti minn oġġetti‑komponenti li, minkejja l-integrazzjoni tagħhom f’oġġett sħiħ, iżommu l-forma, il-wiċċ jew id-disinn speċifiċi tagħhom, iżda li ġew prodotti jew immontati minn produtturi oħrajn, huwa obbligat jinnotifika lill-ECHA jekk sustanza li tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 57 u identifikata skont l-Artikolu 59(1) tkun preżenti fl-oġġett sħiħ f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w), u

b)      l-importatur ta’ oġġett sħiħ li jikkonsisti minn oġġetti‑komponenti li, minkejja l-integrazzjoni tagħhom f’oġġett sħiħ, iżommu l-forma, il-wiċċ jew id-disinn speċifiċi tagħhom, huwa obbligat jinnotifika lill-ECHA jekk sustanza li tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 57 u identifikata skont l-Artikolu 59(1) tkun preżenti fl-oġġett sħiħ f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w).

2.      Il-fornitur ta’ oġġett sħiħ li jikkonsisti minn oġġetti‑komponenti li, minkejja l-integrazzjoni tagħhom f’oġġett sħiħ, iżommu l-forma, il-wiċċ jew id-disinn speċifiċi tagħhom, huwa obbligat jinforma lir-riċevitur tal-oġġett, u lill-konsumatur fuq talba tiegħu, b’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament REACH, dwar sustanza li tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 57 u identifikata skont l-Artikolu 59(1), meta din tkun preżenti f’oġġett‑komponent f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w), u jekk il-fornitur ikollu disponibbli l-informazzjoni rilevanti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) Nru 895/2014 tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Awwissu 2014 (ĠU L 244, p. 6).


3 – Echa.europa.eu/documents/10162/13632/articles_mt.pdf.


4 – Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 895/2014, tal-14 ta’ Awwissu 2014, li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 244, p. 6).


5 – Fl-1 ta’ Settembru 2014, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ppubblikat l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni għall-inklużjoni ta’ 22 sustanza oħra fl-Anness XIV tar-Regolament 1907/2006 (Draft results of the 6th prioritisation of the SVHCs on the Candidate List with the objective to recommend priority substances for inclusion in Annex XIV, http://echa.europa.eu/documents/10162/13640/prioritisation_results_6th_rec_en.pdf, rivedut fis-27 ta’ Novembru 2014)


6 – Http://echa.europa.eu/candidate-list-table, Verżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2014, ikkonsultata fis-27 ta’ Novembru 2014.


7 – Diversi NGOs iżommu listi ta’ sustanzi ta’ tħassib serju oħrajn, li fil-futur jistgħu jiġu inklużi fil-lista ta’ kandidati. B’hekk, l-hekk imsejħa SIN List tal-International Chemical Secretariat tinkludi 830 sustanza (sinlist.chemsec.org, riveduta fl-1 ta’ Diċembru 2014), lista tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdunjins tas-sena 2010 kienet tinkludi 334 sustanza (http://www.etuc.org/press/reach-etuc-updates-its-priority-list-authorisation, riveduta fl-1 ta’ Diċembru 2014).


8 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Rütgers Germany et vs ECHA (T‑96/10, EU:T:2013:109, punt 34).


9 – De.wikipedia.org/wiki/Kunststoffgranulat.


10 – Jidher li l-Kummissjoni tirreferi għall-proposta tal-Pajjiżi l-Baxxi ddokumentata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 tad-dokument tal-Kunsill 13788/2/04 REV 2, għall-proposta tal-Isvezja ddokumentata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 tad-dokument tal-Kunsill 5579/2/05 REV 2 u għall-emenda 38 tar-Rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Parlament, Dokument A6-0352/2006 tat-13 ta’ Ottubru 2006.


11 – Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 3, p. 317).


12 – Sentenzi IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 68) kif ukoll The International Association of Independent Tanker Owners et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 69).


13 – Sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑110/03, EU:C:2005:223, punt 31).


14 – Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


15 – Ara pereżempju s-sentenzi Rohm Semiconductor (C‑666/13, EU:C:2014:2388, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata) dwar in-noti ta’ spjega mħejjija mill-Kummissjoni dwar in-Nomenklatura Magħquda; Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 38) dwar il-gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus, u Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punti 23 et seq) dwar in-notifika tal-Kummissjoni dwar ftehim ta’ importanza minuri, li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81 [KE].


16 – Ara l-punt 25 tad-digrieti Rütgers Germany et vs ECHA (C‑290/13 P, EU:C:2014:2174), Cindu Chemicals et vs ECHA (C‑289/13 P, EU:C:2014:2175) u Rütgers Germany et vs ECHA (C‑288/13 P, EU:C:2014:2176).


17 – Sentenzi Jippes et (C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81), S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 41), Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 45) u Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29).


18 – Ara l-Gwida ċċitata fil-punt 13, it-Taqsima 4.4.


19 – Ara l-Gwida ċċitata fil-punt 13, it-Taqsima 6.4.


20 – Sentenza S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 60).


21 – Sentenza S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 57).


22 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 447).