Language of document : ECLI:EU:C:2008:741

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Diċembru 2008 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella – Ftehim konkluż bejn federazzjonijiet nazzjonali ta’ dawk li jrabbu u l‑biċċiera dwar is-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella u l-iffissar ta’ prezz minimu ta’ xiri – Multi – Regolament Nru 17 – Artikolu 15(2) – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi membri ta’ federazzjonijiet”

Fil-Kawżi magħquda C‑101/07 P u C‑110/07 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa rispettivament fl-20 u fid-19 ta’ Frar 2007,

Coop de Franza bétail et viande, li kienet Fédération nationale de la coopération bétail et viande (FNCBV), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn M. Ponsard, avocat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C-101/07 P),

Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles (FNSEA), stabbilita f’Pariġi,

Fédération nationale bovine (FNB), stabbilita f’Pariġi,

Fédération nationale des producteurs de lait (FNPL), stabbilita f’Pariġi,

Jeunes agriculteurs (JA), stabbilita f’Pariġi,

irrappreżentati minn V. Ledoux u B. Neouze, avocats (C-110/07 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet u X. Lewis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u S. Ramet, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka u U. Lõhmus (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas-17 ta’ April 2008,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tat-2 ta’ Ottubru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas-16 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, il-Coop de France bétail et viande, li kienet Fédération nationale de coopération bétail et viande (iktar ’il quddiem il-“FNCBV”) (C-101/07 P), kif ukoll il-Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles (iktar ’il quddiem il-“FNSEA”), il‑Fédération nationale bovine (iktar ’il quddiem il-“FNB”), il‑Fédération nationale des producteurs de lait (iktar ’il quddiem il‑“FNPL”) u l-Jeunes agriculteurs (iktar il-quddiem il-“JA”) (C-110/07 P) qed jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑Komunatijiet Ewropej tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni (T-217/03 u T-245/03, Ġabra p. II-4987, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, naqqset il‑multa li ġiet imposta fuqhom mill‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni 2003/600/KE, tat-2 ta’ April 2003, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ KOMP/C.38.279/F3 – Laħam taċ-ċanga Franċiż) (ĠU L 209, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min‑naħa l-oħra, ċaħdet fl-essenzjal ir-rikorsi sabiex tiġi annullata din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l‑Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) jipprovdi:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat [KE] [,] jew

b)      dawn jikkommettu ksur ta’ obligazzjoni imposta skond l-Artikolu 8(1).

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

3        Skont it-termini tal-punt 5(ċ) tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat‑Trattat KEFA” (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”):

“F’każijiet li jinvolvu assoċjazzjoni ta’ impriżi, id-deċiżjonijiet, sakemm hu possibli, għandhom ikunu indirizzati lil, u multi imposti fuq, l-impriżi individwali li huma ta’ assoċjazzjoni. Jekk dan mhux possibbli (eż. fejn hemm eluf ta’ impriżi affiljati), u ħlief għal każijiet li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, multa totali għandha tkun imposta fuq l‑assoċjazzjoni, ikkalkolata skond il-prinċipji stabbiliti hawn fuq imma ekwivalenti għat-total ta’ multi individwali li setgħu ġew imposti fuq kull membru ta’ l-assoċjazzjoni.”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26, tal-4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall‑produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU 1962, 30, p. 993), jipprevedi li l-Artikoli 81 KE sa 86 KE u d-dispożizzjonijiet magħmula għall-implementazzjoni tagħhom għandhom japplikaw għall‑ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki kollha li jsir riferiment għalihom fl-Artikoli 81(1) KE u 82 KE u li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni jew mal‑kummerċ tal‑prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat KE, b’mod partikolari l‑annimali ħajjin u l-laħam u l-interjuri tal-laħam li jittieklu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

5        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi dan li ġej:

“L-Artikolu [81](1) tat-Trattat [KE] ma għandux japplika għal da[w]k il-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki li għalihom hemm referenza fl- Artikolu preċedenti li jifformaw parti integrali minn organizzazzjoni tas-suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba tal-miri ddikjarati fl-Artikolu [33] tat-Trattat [KE]. B’mod partikolari, dan m’għandux japplika għall-ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki tal-bdiewa, [ta]l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew [ta]l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l‑assoċjazzjonijiet li jappartjienu għal Stat Membru wieħed u li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli jew l-użu ta’ faċilitajiet konġunti għall-ħażna, għat-trattament jew għall-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, u li dwarhom ma hemm l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, għajr jekk il-Kummissjoni ssib illi l-kompetizzjoni hija b’hekk eskluża jew li l-miri ta’ l-Artikolu [33] tat-Trattat [KE] huma mhedda.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

6        Il-fatti li wasslu għar-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif esposti fis-sentenza appellata, jistgħu, għall-finijiet ta’ din is‑sentenza, jinġabru fil-qosor kif ġej.

7        L-appellanti fil-kawża C-101/07 P, il-FNCBV, tiġbor fi ħdanha 300 grupp ta’ kooperattivi ta’ produtturi fis-setturi tat-trobbija ta’ annimali tal-ifrat, ħnieżer u ngħaġ u madwar tletin grupp jew impriżi ta’ biċċeriji u ta’ pproċessar tal-laħam fi Franza.

8        L-appellanti fil-kawża C-110/07 P, jiġifieri, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA, huma sindakati rregolati mil-liġi Franċiża. Il-FNSEA hija s‑sindakat agrikolu prinċipali Franċiż. Fuq il-livell ta’ territorju, din hija magħmula minn sindakati lokali, miġbura f’federazzjonijiet jew f’għaqdiet dipartimentali ta’ sindakati ta’ operaturi agrikoli (iktar ’il quddiem il-“FDSEA”). Il-FNSEA tiġbor fi ħdanha, barra minn hekk, 33 assoċjazzjoni speċjalizzati, li jirrappreżentaw l-interessi ta’ kull produzzjoni, fosthom il-FNB u l-FNPL. Il-JA tirrappreżenta l-bdiewa taħt il-35 sena. Sabiex tkun membru tal-JA, jeħtieġ li tkun membru ta’ sindakat lokali li jagħmel parti minn FDSEA.

9        Wara l-iskoperta f’diversi Stati Membri, mix-xahar ta’ Ottubru 2000, ta’ każijiet ġodda ta’ enċifalopatija sponġiformi tal-ifrat, magħrufa bħala “l-marda tal-mad cow”, kif ukoll każijiet ġodda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit, l-istituzzjonijiet Komunitarji ħadu numru ta’ miżuri sabiex jitrattaw il-kriżi tat-telf ta’ fiduċja mill-konsumaturi, li kienet ikkawżat tnaqqis fil-konsum tal-laħam.

10      B’hekk, twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ intervent, maħsuba sabiex ċerti kwantitajiet ta’ annimali tal-ifrat jiġu rtirati mis-suq bil‑għan li l-provvista tiġi stabbilizzata fil-konfront tad-domanda, u ddaħħlu fis-seħħ struttura ta’ xiri ta’ annimali ħajjin, kif ukoll mekkaniżmu ta’ xiri permezz ta’ sejħa għal offerti ta’ karkassi jew ta’ nofsijiet ta’ karkassi, magħrufa bħala “struttura ta’ xiri speċjali”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni awtorizzat lil diversi Stati Membri, fosthom lir‑Repubblika Franċiża, li jagħtu sussidji lis-settur tal-laħam taċ-ċanga.

11      F’Settembru u f’Ottubru 2001, ir-relazzjonijiet bejn dawk li jrabbu l‑annimali u l-biċċeriji saru partikolarment diffiċli fi Franza, u l-miżuri msemmija qabel ġew ikkunsidrati insuffiċjenti mill-bdiewa. Gruppi ta’ persuni li jrabbu l-annimali waqqfu trakkijiet illegalment sabiex jikkontrollaw l-oriġini tal-laħam li kien qed jinġarr u mblokkaw biċċeriji. F’xi każijiet, dawn l-azzjonijiet wasslu għall-qerda ta’ materjal u ta’ laħam. Sabiex iwaqqfu l-imblokk tal-biċċeriji, dawk li jrabbu l‑annimali li kienu qed jipprotestaw talbu impenni mingħand il-biċċeriji, b’mod partikolari li jissospendu l-importazzjonijiet u li japplikaw struttura ta’ prezzijiet imsejħa “sindakali”.

12      F’Ottubru 2001, inżammu diversi laqgħat bejn il-federazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawk li jrabbu l-annimali tal-ifrat, jiġifieri l-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA, u l-federazzjonijiet li jirrappreżentaw lill‑biċċiera, jiġifieri l-Fédération nationale de l’industrie et des commerces en gros des viandes (iktar ’il quddiem il-“FNICGV”) u l‑FNCBV. Wara laqgħa tal-24 ta’ Ottubru 2001, organizzata fuq talba tal-Ministru tal-Agrikoltura Franċiż, intlaħaq ftehim ma’ dawn is-sitt federazzjonijiet, ftehim bejn il-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu l-annimali u l-biċċiera dwar l-istruttura tal-prezz minimu – prezz mad-dħul fil-biċċerija tal-baqar maqtula (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001”). Fit-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet Franċiżi fejn talbet informazzjoni dwar dan il-ftehim.

13      Il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 kien jinvolvi żewġ partijiet. L-ewwel waħda kienet impenn ta’ sospensjoni provviżorja ta’ importazzjonijiet, li ma kinitx tagħmel distinzjoni skont it-tipi ta’ laħam taċ-ċanga. It-tieni waħda kienet tikkonsisti f’impenn ta’ applikazzjoni tal-istruttura ta’ prezzijiet ta’ xiri mad-dħul fil-biċċerija tal-baqar maqtula, jiġifieri baqar li kienu intiżi jew għar-riproduzzjoni jew għall-produzzjoni tal-ħalib, li r-regoli dettaljati tagħha huma ddefiniti fil‑ftehim. B’hekk, dan il-ftehim kien jinkludi lista ta’ prezzijiet għal kull kilogramma ta’ karkassa għal ċerti kategoriji ta’ baqar u l-metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet li għandhom japplikaw għal kategoriji oħra, b’mod partikolari skont il-prezzijiet ta’ xiri speċjali stabbiliti mill-awtoritajiet Komunitarji. Dan il‑ftehim kellu jidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Ottubru 2001 u kellu jiġi applikat sal-aħħar ta’ Novembru 2001.

14      Fid-9 ta’ Novembru 2001, l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001.

15      Fid-9 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni kitbet ukoll lill-FNSEA, lill-FNB, lill-FNPL, lill-JA u lill-FNICGV u talbithom informazzjoni skont l‑Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Peress li l-Kummissjoni ma kinitx għadha taf li l-FNCBV kienet iffirmat ukoll il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, din it-talba għal informazzjoni ma saritx lill-FNCBV. Il-ħames federazzjonijiet inkwistjoni wieġbu għat-talbiet għal informazzjoni fil-15 u t-23 ta’ Novembru 2001.

16      Fid-19 ta’ Novembru 2001, il-president tal-FNICGV informa lill‑president tal-FNSEA li kien obbligat jantiċipa għal dik il-ġurnata d-data finali tal-applikazzjoni tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, stabbilita inizjalment bħala t-30 ta’ Novembru 2001.

17      Fis-26 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ twissija lis-sitt federazzjonijiet li ffirmaw il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, fejn indikat li l-fatti li kienet taf bihom kienu jindikaw l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u stednithom jippreżentawlha l-osservazzjonijiet u l-proposti tagħhom sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru 2001. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li “fin-nuqqas ta’ proposti sodisfaċenti f’dan it-terminu, hija [kienet] taħseb li tibda proċedura intiża sabiex jiġu kkonstatati dawn il-ksur, sabiex il-ftehim [tal-24 ta’ Ottubru 2001] jintemm fil-każ li jkun ġie estiż u li tista’, jekk ikun il-każ, twassal għall-impożizzjoni ta’ multi.” Il-federazzjonijiet wieġbu lill‑Kummissjoni li dan il-ftehim kellu jintemm fit-30 ta’ Novembru 2001 u ma kienx ser jiġi estiż.

18      Fis-17 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet fil-postijiet tal-FNSEA u tal-FNB f’Pariġi, skont l-Artikolu 14(3) tar‑Regolament Nru 17, kif ukoll fil-postijiet tal-FNICGV f’din il-belt, abbażi tal-Artikolu 14(2) tal-imsemmi regolament.

19      Fl-24 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet indirizzata lis-sitt federazzjonijiet li ffirmaw il-ftehim tal‑24 ta’ Ottubru 2001. Dawn ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom bejn it-23 ta’ Settembru u l-4 ta’ Ottubru 2002. Il‑federazzjonijiet instemgħu fil-31 ta’ Ottubru 2002. Fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoini bagħtet lil dawn l-imsemmija federazzjonijiet talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Hija talbithom b’mod partikolari li jagħtuha, għas-snin 2001 u 2002, l‑ammont totali tad-dħul ta’ kull federazzjoni, it-tqassim ta’ dan id-dħul skont l-oriġini tiegħu, u l-kontijiet ivverifikati tagħhom kif ukoll, għall‑aħħar sena fiskali disponibbli, id-dħul mill-bejgħ globali, kif ukoll dak marbut mal‑produzzjoni tal-annimali tal-ifrat jew mal-qatla tal-annimali tal-ifrat, tal-membri diretti u/jew indiretti tagħhom. Il-federazzjonijiet appellanti wieġbu għal din it-talba permezz ta’ ittri tat-22, l-24, is-27 u t-30 ta’ Jannar 2003.

20      Fit-2 ta’ April 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li d-destinatarji tagħha kienu l-federazzjonijiet appellanti u l-FNICGV.

21      Skont it-termini ta’ din id-deċiżjoni, dawn il-federazzjonijiet kisru l‑Artikolu 81(1) KE minħabba l-konklużjoni tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, dwar l-iffissar ta’ prezz minimu ta’ xiri għal ċerti kategoriji ta’ annimali tal-ifrat u s-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella fi Franza, kif ukoll, minħabba l-konklużjoni, bejn l-aħħar ta’ Novembru u l-bidu ta’ Diċembru 2001, ta’ ftehim orali bl-istess suġġett (iktar ’il quddiem il-“ftehim orali”), li kien applikabbli mit-tmiem tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

22      Fil-premessi 135 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 u l-ftehim orali ma kinux meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni previsti fl-Artikolu 33 KE u warrbet l-applikazzjoni, f’din il-kawża, tal‑eżenzjoni favur ċerti attivitajiet marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ ta’ prodotti agrikolu prevista mir-Regolament Nru 26. Barra minn hekk, dawn il-ftehim ma jissemmewx fost il-mezzi previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l‑vitella (ĠU L 160, p. 21), jew mit-testi ta’ implementazzjoni tiegħu. Fl‑aħħar nett, il-miżuri adottati skont l‑imsemmija ftehim mhumiex proporzjonati mal-għanijiet allegatament imfittxija.

23      Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur beda fl-24 ta’ Ottubru 2001 u dam, minn tal-inqas, sal-11 ta’ Jannar 2002, id-data tal-iskadenza tal-aħħar ftehim lokali milħuq b’applikazzjoni tal-impenn nazzjonali li l‑Kummissjoni kellha għarfien tiegħu.

24      Fid-dawl tan-natura tiegħu u tal-firxa ġeografika tas-suq ikkonċernat, il-ksur ġie deskritt bħala gravi ħafna. Sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull federazzjoni appellanti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn l-ammont tal-ħlasijiet annwali għal sħubija miġbura mill‑federazzjoni agrikola prinċipali, jiġifieri l-FNSEA, u l-ammont tal-ħlasijiet miġbura minn kull waħda mill-federazzjonijiet l-oħra. Peress li l-ksur kien għal żmien qasir, il-Kummissjoni ma żiditx l-ammont bażiku minħabba t-tul tal-ksur.

25      Il-Kummissjoni mbagħad ikkunsidrat, fil-konfront tal-federazzjonijiet appellanti, diversi ċirkustanzi aggravanti:

–      hija żiedet bi 30 % l-ammont tal-multi imposti fuq il-FNSEA, il‑ FNB u l-JA peress li l-membri tagħhom għamlu użu mill-vjolenza sabiex iġiegħlu lill-federazzjonijiet ta’ biċċiera jadottaw il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001;

–      hija kkunsidrat li fir-rigward tal-federazzjonijiet appellanti kollha kien hemm iċ-ċirkustanza aggravanti li tirriżulta mit-tkomplija b’mod sigriet ta’ dan il-ftehim wara l-ittra ta’ twissija tagħha tas-26 ta’ Novembru 2001 u applikat żieda ta’ 20 % fil-konfront tagħhom, u

–      hija ħadet inkunsiderazzjoni r-rwol ewlieni li allegatament kellha l-FNB fit-tħejjija u l-implementazzjoni tal-ksur, u għalhekk żiedet bi 30 % l-multa imposta fuq din il-federazzjoni.

26      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi attenwanti:

–      fir-rigward tar-rwol passiv jew emulattiv li kellha l-FNPL, hija naqqset l‑ammont tal-multa imposta fuqha bi 30 %, u

–      fir-rigward tal-FNCBV, hija ħadet inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l‑intervent sostnut mill-Ministru tal-Agrikoltura Franċiż favur il-konklużjoni tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 (tnaqqis ta’ 30 %) u, it-tieni nett, l-operazzjonijiet illegali ta’ mblokkar ta’ stabbilimenti tal-membri tagħha minn bdiewa (tnaqqis ġdid ta’ 30 %).

27      Barra minn hekk, konformement mal-punt 5(b) tal-linji gwida, il‑Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal‑kawża inkwistjoni, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku kkaratterizzat mill-kriżi fis-settur, u naqqset b’60 % l-ammont tal-multi li jirriżultaw mill-applikazzjoni taż-żidiet u tat-tnaqqis fuq imsemmi.

28      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi, b’mod partikolari, id‑dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

Il-[FNSEA], il-[FNB], il-[FNPL], il-[JA], il-[FNICGV] u l-[FNCBV] kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi kkonkludew, fl-24 ta’ Ottubru 2001, ftehim dwar is-sospensjoni tal-importazzjonijiet fi Franza ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella u l-iffissar ta’ prezz minimu għal ċerti kategoriji ta’ annimali, u billi laħqu ftehim orali b’suġġett simili fl-aħħar ta’ Novembru u l-bidu ta’ Diċembru 2001.

Il-ksur beda fl-24 ta’ Ottubru 2001 u pproduċa l-effetti tiegħu minn tal‑anqas sal-11 ta’ Jannar 2002.

Artikolu 2

Il-federazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom itemmu immedjatament il-ksur imsemmi fl-istess artikolu, jekk għadhom ma għamlux dan, u għandhom jastjenu fil-futur minn kull ftehim li jista’ jkollu għan jew effett identiku jew simili.

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti:

–      FNSEA: EUR 12-il miljun,

–      FNB: EUR 1.44 miljuni,

–      JA: EUR 600 000,

–      FNPL: EUR 1.44 miljun,

–      FNICGV: EUR 720 000,

–      FNCBV: EUR 480 000.”

 Ir-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

29      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati rispettivament fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fid-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003, il-FNCBV, minn naħa, u l-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA, min-naħa l-oħra, ressqu żewġ rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għat‑tneħħija tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom jew għat-tnaqqis tal‑ammont tagħhom. Ir-rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2003 mill‑FNICGV ġie miċħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Novembru 2004, bħala inammissibbli.

30      Ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa sabiex tintervjeni, f’kull waħda miż-żewġ kawżi, insostenn tat-talbiet tal-federazzjonijiet appellanti, permezz ta’ digrieti tas-6 ta’ Novembru 2003. Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ April 2006, iż-żewġ kawżi ġew magħquda.

31      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza:

–      naqqset għal EUR 360 000 l-ammont tal-multa imposta fuq il‑FNCBV, rikorrenti fil-kawża T‑217/03;

–      naqqset l-ammont tal-multi imposti fuq il-federazzjonijiet appellanti fil-kawża T‑245/03 għal EUR 9 000 000 għall-FNSEA, għal EUR 1 080 000 għall-FNB, għal EUR 1 080 000 għall-FNPL u għal EUR 450 000 għall-JA;

–      ċaħdet ir-rikorsi għall-kumplament;

–      ikkundannat lill-federazzjonijiet rikorrenti għall-ispejjeż tagħhom marbuta mal-proċedura prinċipali u tliet kwarti tal-ispejjeż tal‑Kummissjoni marbuta ma’ din il-proċedura;

–      ikkundannat lill-Kummissjoni għal kwart tal-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċedura prinċipali u l-ispejjeż kollha marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, u

–      iddeċidiet li l-ispejjeż tar-Repubblika Franċiża, intervenjenti, kellhom jibqgħu a karigu tagħha.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat iż-żewġ kawżi quddiem it-Tielet Awla, komposta minn A. Rosas, President tat-Tielet Awla, U. Lõhmus (Relatur), J. Klučka, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin. Billi ebda waħda mill-partijiet ma talbet li tippreżenta osservazzjonijiet orali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tagħti s-sentenza tagħha mingħajr ma żżomm seduta għat-trattazzjoni. L-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fis-seduta tas-17 ta’ April 2008, li għalqet il-proċedura orali.

33      Peress li P. Lindh kellha impediment li żammha milli twettaq il-funzjoni tagħha, it‑Tielet Awla, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex tissostitwixxiha, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 11e tar-Regoli tal-Proċedura, bl-Imħallef li jmissu skont l-ordni fil-lista msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11c tal-istess regoli, f’din il-kawża, J. N. Cunha Rodrigues.

34      Wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2008, li fiha l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura orali ngħalqet.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

35      Fil-kawża C-101/07 P, il-FNCBV titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–      tannulla s-sentenza appellata;

–      tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–      sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa, imnaqqas mis‑sentenza appellata għal EUR 360 000, u

–      fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-proċedura prinċipali quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

36      Fil-kawża C-110/07 P, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–      tannulla s-sentenza appellata;

–      tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–      sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi, imnaqqas mis-sentenza appellata għal EUR 9 000 000 għall-NSEA, għal EUR 1 080 000 għall-FNB, għal EUR 1 080 000 għall-FNPL u għal EUR 450 000 għall-JA, u

–      fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Ir-Repubblika Franċiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ ż-żewġ appelli u tannulla s-sentenza appellata.

38      Il-Kummissjoni titlob li ż-żewġ appelli jiġu miċħuda u li l-federazzjonijiet appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

 Fuq l-appelli

39      Wara li l-partijiet u l-Avukat Ġenerali nstemgħu fuq dan il-punt, il‑kawżi C‑101/07 P u C-110/07 P ġew magħquda għal raġunijiet ta’ konnessjoni, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ April 2007, għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, u kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura.

 L-aggravji ta’ annullament tas-sentenza appellata

40      Insostenn tal-appell tagħha, il-FNCBV tqajjem ħames aggravji intiżi għall‑annullament tas-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata, li wħud minnhom għandhom diversi partijiet:

–      l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti tal‑Prim’Istanza ma rrikonoxxietx li kien hemm ksur mill-Kummissjoni tad‑drittijiet tad-difiża fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata minnha (punti 217 sa 225 tas-sentenza appellata);

–      it-tieni aggravju huma bbażat fuq l-iżnaturament mill-Qorti tal‑Prim’Istanza ta’ ċerti provi, jiġifieri:

–      in-noti miktuba bl-idejn mid-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 2001 (punti 169 sa 174 tas-sentenza appellata);

–      id-dikjarazzjoni magħmula fl-4 ta’ Diċembru 2001 mill-viċi president tal-FNB lill-Vendée Agricole (punt 176 tas‑sentenza appellata);

–      in-nota tal-Fédération vendéenne des producteurs tal-5 ta’ Diċembru 2001 (punt 177 tas-sentenza appellata);

–      in-nota ta’ informazzjoni tal-FNPL tal-10 ta’ Diċembru 2001 (punt 179 tas-sentenza appellata), u

–      ċerti siltiet min-noti miktuba bl-idejn mid-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2001 (punt 180 tas-sentenza appellata);

–      it-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi dwar l‑evalawazzjoni tal-prova tal-adeżjoni tal-FNCBV għall-ftehim orali peress li:

–      il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fil‑kwalifika ġuridika tal-adeżjoni ta’ din il-federazzjoni għal dan il-ftehim, u

–      peress li hemm kontradizzjoni ta’ motivi fis-sentenza appellata bejn ir-rikonoxximent ta’ din l-adeżjoni u l-eżistenza ta’ vjolenza eżerċitata kontra l-imsemmija federazzjoni;

–      ir-raba’ aggravju, ippreżentat b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ natura antikompetittiva tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 u tal-ftehim orali, peress li l-Qorti tal‑Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta kkwalifikat il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 bħala antikompetittiv u naqset milli tanalizza l-effetti tal‑estensjoni ta’ dan il-ftehim, u

–      il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill‑Qorti tal-Prim’Istanza fl-applikazzjoni tal-Artiolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, minħabba:

–      il-ksur tal-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet, u

–      raġunament kontradittorju fil-motivi.

41      Il-FNCBV tqajjem, barra minn hekk, is-sitt aggravju intiż għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata u għat-tnaqqis tal‑ammont tal-multa imposta fuqha, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti tal‑Prim’Istanza fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

42      Insostenn tal-appell tagħhom, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jqajmu l-erba’ aggravji li ġejjin:

–      l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-provi sa fejn il‑Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra żewġ provi essenzjali li juru li l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 ma ġiex estiż sa wara t-30 ta’ Novembru 2001 (punti 159 sa 190 tas-sentenza appellata);

–      it-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni kienet ċara u preċiża biżżejjed (punti 217 sa 225 tas-sentenza appellata);

–      it-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-membri tal‑federazzjonijiet appellanti sabiex tikkunsidra li l-multi imposti mill-Kummissjoni ma kinux jaqbżu l-limitu massimu stabbilit f’din id‑dispożizzjoni (punti 312 sa 334 tas-sentenza appellata), u

–      ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tar-regola li tipprojbixxi akkumulazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-penali sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza imponiet multa differenti fuq kull federazzjoni appellanti filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-membri msieħba komuni tagħhom (punti 340 sa 346 tas-sentenza appellata).

 Fuq l-ewwel aggravju mqajjem mill-FNCBV u fuq it-tieni aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNPL u mill-JA, ibbażati fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet li taċċetta li hemm ksur tad‑drittijiet tad-difiża mwettaq mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata minnha

43      Permezz tal-ewwel u t-tieni aggravji rispettivi tagħhom, il‑FNCBV, minn naħa, u l-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA, min-naħa l‑oħra, isostnu li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet biss l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu għal multa, bħalma huma l-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li dan twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza, filwaqt li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Prim’Istanza, hija kellha ssemmi li l‑eventwali multa kienet ser tiġi kkalkolata billi jittieħed inkunsiderazzjoni d‑dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom.

44      Dawn iż-żewġ aggravji ma jistgħux jintlaqgħu.

45      Fil-fatt, mill-punt 219 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-argument li l-Kummissjoni kellha ssemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-eventwali multa kienet ser tiġi kkalkolata billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-federazzjoni appellanti diġà tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u ġie ġustament miċħud, fil‑punt 224 ta’ dik is-sentenza, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja mfakkra fil-punti 222 u 223 tal-imsemmija sentenza.

46      B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 221 tas-sentenza appellata, li kien fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l‑Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri bażiċi tal-federazzjonijiet appellanti sabiex tiġi vverifikata l-osservanza, f’dak li jikkonċerna l‑ammont tal-multa imposta, tal-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

47      Issa, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-fatt li jingħataw indikazzjonijiet dwar il-livell tal-multi maħsuba, qabel ma l-impriżi jkunu ngħataw l-opportunità jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-oġġezzjonijiet imqajma kontra tagħhom, jammonta għal antiċipazzjoni mhux xierqa tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21).

48      Insostenn tal-aggravju tagħhom, il-FNCBV kif ukoll il-FNSEA, il‑ FNB, il-FNPL u l-JA jsostnu, barra minn hekk, li l-obbligu tal‑Kummissjoni li ssemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif il‑multa eventwali ser tiġi kkalkolata huwa iktar u iktar evidenti peress li hija biddlet kompletament il-ħsieb tagħha dwar il-metodu tradizzjonalment użat għall-kalkolu tal‑multi, fatt dan li ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil‑punt 237 tas-sentenza appellata. Sa fejn l-imsemmija federazzjonijiet ma kellhomx il-possibbiltà li jantiċipaw tali bidla fil-metodu u ma kellhomx għalhekk il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom fuq dan il‑punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tirrikonoxxi l-ksur tad‑drittijiet tad-difiża mwettaq mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata minnha.

49      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 218 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, meta l‑Kummissjoni tindika espressament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal‑ksur allegat u l-fatt li l-ksur twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal‑impriżi għal smigħ xieraq. Meta tagħmel hekk, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra 2005 p. I‑5425, punt 428).

50      Rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tal‑federazzjonijiet appellanti għall-kalkolu tal-multi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstat li din il‑prattika, min-naħa tal-Kummissjoni, mhijiex ġdida u hija aċċettata mill-qrati Komunitarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 66; kif ukoll tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T-39/92 u T-40/92, Ġabra p. II 49, punt 139). Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal‑federazzjonijiet appellanti, ma kienx hemm, għalhekk, bidla fil-metodu min‑naħa tal-Kummissjoni li tiġġustifika li dan jissemma b’mod speċifiku fid‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

51      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tal‑FNCBV u lanqas dawk tal-FNSEA, tal-FNB, tal-FNPL u tal-JA peress li ma indikatx, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kellha l-intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom sabiex tivverifika l-osservanza tal-limitu ta’ 10 % stabbilit fl‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

52      Għalhekk, l-ewwel aggravju mqajjem mill-FNCBV u t-tieni aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNPL u mill-JA għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tieni aggravju mqajjem mill-FNCBV, ibbażat fuq l-iżnaturament mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ ċerti provi.

53      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-FNCBV issostni li l‑konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma vvizzjati minn ineżattezza materjali sa fejn hija manifestament biddlet is‑sens, il-kontenut jew il-portata ta’ provi mressqa quddiemha. Skont din il-federazzjoni, eżami komplet tal-proċess, imqiegħed fil-kuntest tiegħu, kellu jwassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-konklużjoni li hija ma kinitx irrispettat l-estensjoni orali u sigrieta tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 lil’hinn mid-data tal-iskadenza tiegħu.

54      Id-dokumenti li allegatament kienu żnaturati mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma dawn li ġejjin:

–        in-noti miktuba bl-idejn tad-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tad‑29 ta’ Novembru 2001 (punti 169 sa 174 tas-sentenza appellata);

–        dokumenti oħra li jikkonfermaw li l-federazzjonijiet appellanti kienu laħqu ftehim orali, jiġifieri, id-dikjarazzjoni tal-viċi president tal‑FNV tal-4 ta’ Diċembru 2001 lill-Vendée Agricole u n-nota tal‑Fédération vendéenne des producteurs tal-5 ta’ Diċembru 2001 (punti 176 u 177 tas‑sentenza appellata);

–        siltiet min-nota ta’ informazzjoni tal-FNPL tal-10 ta’ Diċembru 2001 (punt 179 tas-sentenza appellata), u

–        silitiet min-noti miktuba bl-idejn mid-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2001 (punt 180 tas-sentenza appellata).

55      Għal kull wieħed minn dawn id-doklumenti, il-FNCBV tikkritika lill‑Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sustanza, li biddlet is-sens tagħhom u, għalhekk, li għamlet evalwazzjoni ineżatta tal-portata tal-fatti inkwistjoni.

56      Il-Kummissjoni ssostni li, permezz tal-aggravju tagħha, il-FNCBV qiegħda tipprova tikkontesta l-valur probatorju li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat lil dawn id-dokumenti.

57      Fir-replika tagħha, il-FNCBV tikkontesta li hija qajmet dubju dwar il‑konstatazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Skont din il-federazzjoni, “il-konstatazzjoni tal-fatti hija intiża li tqajjem dubju dwar il-fatti fihom infushom jew l-evalwazzjoni tagħhom filwaqt li l‑iżnaturament huwa tibdil fil-kontenut tal-provi, nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aspetti essenzjali tagħhom jew nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest tagħhom”.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżatezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza abbażi ta’ dawn il-fatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C-266/06 P, punt 72).

59      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l‑Qorti tal-Prim’Istanza qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tal‑liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal‑amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti tal‑Prim’Istanza li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill‑provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal‑Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 52, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 73).

60      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 54, u Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 74).

61      F’din il-kawża, il-FNCBV ma tallegax li l-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza qrat id-diversi dokumenti li hija tiċċita huwa vvizzjat minn ineżattezza materjali. Hija tikkritika lill-Qorti tal‑Prim’Istanza, b’mod partikolari, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l‑aspetti essenzjali ta’ dawn id-dokumenti u ma qegħdithomx fil-kuntest tagħhom. Għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li tinvoka “żnaturament”, il‑FNCBV qiegħda fir-realtà tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti.

62      Barra min hekk, mill-punti kkontestati tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l‑Qorti tal-Prim’Istanza ma qratx il-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni iżda għamlet interpretazzjoni tagħhom. Fil-punti 169 sa 180 ta’ dik is‑sentenza, ikkontestati mill-FNCBV, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt teżamina d‑diversi dokumenti u indikazzjonijiet, tqiegħedhom fil‑kuntest tagħhom, tinterpretahom u tevalwa l-valur probatorju ta’ kull wieħed minnhom. Fil-punt 185 tal-imsemmija sentenza, hija tikkonkludi li, fid-dawl ta’ dawn il-provi, il-Kummissjoni pprovat, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, it-tkomplija tal-applikazzjoni tal‑ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

63      Peress li hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti sabiex tinterpreta l-provi u tevalwa l-valur probatorju tagħhom, minn dan isegwi li l‑aggravju huwa inammissibbli.

 Fuq it-tielet aggravju mqajjem mill-FNCBV, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-evalwazzjoni tal-prova tal-adeżjoni ta’ din il-federazzjoni għall‑ftehim orali

64      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, maqsum f’żewġ partijiet, il-FNCBV issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li saret il-prova li hija kienet aderixxiet għall-ftehim orali. Skont din il-federazzjoni, il-Qorti tal‑Prim’Istanza ma setgħetx tikkundannaha għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ftehim abbażi ta’ preżunzjoni iżda billi turi l‑adeżjoni ċara tagħha għal akkordju ma’ dawk li jrabbu l-annimali, f’kuntest ikkaratterizzat mill-espressjoni tar-rieda unilaterali minn dawk li jrabbu l-annimali li japplikaw l-istruttura ta’ prezzijiet minimi ta’ xiri bħala talba sindakali.

65      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-FNCBV issostni li l-Qorti tal‑Prim’Istanza għamlet interpetazzjoni ġuridika żbaljata tal-provi kkunsidrati sabiex tintwera l-allegata rieda ta’ din il-federazzjoni li tkompli bil-ftehim tal‑24 ta’ Ottubru 2001, liema provi ma jipprovawx ir-rieda reali tagħha li tkompli tapplika l-istruttura tal-prezzijiet minimi ta’ xiri u s‑sospensjoni tal-importazzjonijiet wara l-iskadenza tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001. L-imsemmija federazzjoni tirreferi:

–        għan-noti mitkuba bl-idejn mid-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 2001 u dik tal-5 ta’ Diċembru 2001 (punti 172 u 180 tas-sentenza appellata);

–        għall-ittra elettronika tas-6 ta’ Diċembru 2001 mibgħuta minn rappreżentant tal-Fédération régionale des syndicats d’exploitants agricoles de Bretagne lill-presidenti tal-FDSEA tar-reġjun tiegħu (punt 178 tas-sentenza appellata);

–        għan-nota ta’ informazzjoni tal-FNPL tal-10 ta’ Diċembru 2001 (punt 179 tas-sentenza appellata);

–        għan-nota tal-FDSEA ta’ Vendée tat-18 ta’ Diċembru 2001 (punt 182 tas-sentenza appellata), u

–        għad-dokumenti dwar azzjonijiet lokali (punti 183 u 184 tas-sentenza appellata).

66      Sa fejn il-FNCBV trid tpoġġi fid-dubju l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, billi tikkontesta essenzjalment il-fatt li l‑provi kkunsidrati fil-punti 169 sa 184 tas-sentenza appellata huma suffiċjenti sabiex juru l-adeżjoni tagħha għat-tkomplija tal-applikazzjoni tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 wara l-aħħar ta’ Novembru 2001, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi ddikjarata inammissibbli peress li hija intiża li tikseb eżami mill-ġdid ta’ evalwazzjonijiet fattwali, eżami li, kif ġie mfakkar fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tagħmel fil-kuntest ta’ appell.

67      Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, il-FNCBV tqajjem kontradizzjoni ta’ motivi fis-sentenza appellata sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li din il-federazzjoni kienet aderixxiet għall-ftehim orali u, fl-istess ħin, ikkunsidrat bħala stabbilit li l-aġir akkużata bih kien jirriżulta mill-pressjoni unilaterali minn dawk li jrabbu l-annimali. Permezz ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 279 u 289 tas-sentenza appellata, irrikonoxxiet in-natura unilaterali tal-azzjonijiet vjolenti ta’ dawk li jrabbu l-annimali.

68      Din it-tieni parti tat-tielet aggravju mqajjem mill-FNCBV għandha tiġi miċħuda wkoll peress li hija bbażata fuq qari tas‑sentenza appellata li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-kuntest li jagħmlu parti minnu l-evalwazzjonijiet inkwistjoni magħmula mill-Qorti tal‑Prim’Istanza, jiġifieri l-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti għall-finijiet taż-żieda tal‑multi imposti lil uħud mill-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu l‑annimali bħalma huma l-FNSEA, il-FNB u l-JA.

69      Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni ta’ motivi f’din il-kawża peress li ċ-ċirkustanzi aggravanti riprodotti fil-punti 279 u 289 ta’ dik is-sentenza ttieħdu inkunsiderazzjoni biss wara li l-grad u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ta’ kull federazzjoni inkwistjoni fil-ftehim orali ġew stabbiliti abbażi tal-provi eżaminati mill-Qorti tal‑Prim’Istanza fil-punti 169 sa 184 tal-imsemmija sentenza, liema provi huma s-suġġett tal-ilmenti li jaqgħu taħt l-ewwel parti ta’ dan l‑aggravju li ġiet miċħuda fil-punti 66 ta’ din is-sentenza. Fir-rigward ta’ dawn il-provi, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, mingħajr bl-ebda mod ma tikkontradixxi lilha nnifisha, kif irrileva l‑Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, tikkonstata l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ ftehim, filwaqt li tirrileva, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ċerti atti ta’ pressjoni jew ta’ forza min-naħa ta’ dawk li jrabbu l-annimali.

70      Għalhekk, it-tielet aggravju mqajjem mill‑FNCBV għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq l-ewwel aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNPL u mill‑JA, ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni żewġ dokumenti essenzjali li juru li l‑ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 ma ġiex estiz lil’hinn mit-30 ta’ Novembru 2001, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt

71      Permezz tat-ewwel aggravju tagħhom, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi li juru li, meta l-prezzijiet stabbiliti fl-istruttura tal-prezzijiet minimi ta’ xiri ġew riprodotti fil-ftehim lokali sussegwenti għat-30 ta’ Novembru 2001, dan ma kienx il-konsegwenza ta’ ftehim li joħroġ mir-rieda tal-federazzjonijiet li ffirmaw tal-24 ta’ Ottubru 2001 iżda mill-pressjoni sindakali eżerċitata fuq il-livell lokali mill-bdiewa fil-konfront tal-biċċiera.

72      Skont l-imsemmija federazzjonijiet, dan huwa l-każ ta’ dokument mibgħut b’faks fil-11 ta’ Diċembru 2001 minn wieħed mid-diretturi tal-FNB lil federazzjoni ta’ dipartiment li fih kien hemm l-istruttura ta’ prezzijiet minimi ta’ xiri, flimkien mal-espressjoni “attent, din l-istruttura ma saritx b’riżultat ta’ ftehim”, u ta’ komunikat tat-12 ta’ Diċembru 2001 tal-Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles de Bretagne li fih huwa indikat li “l-FDSEA ta’ Bretagne, peress li jqisu li l‑evoluzzjoni attwali tal-prezzijiet bl-ingrossa tal-annimali tal-ifrat hija inaċċettabbli, jinfurmaw lil dawk li jrabbu l‑annimali li huwa għamlu pressjoni sindakali fuq ix-xerrejja b’mod li jiġu stabbiliti mill-ġdid prezzijiet ekwivalenti għal dawk ta’ Novembru”.

73      Issa, skont il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA, il-fatt li ż-żewġ dokumenti msemmija fil-punt preċedenti, li dawn il-federazzjonijiet bagħtu lill-Qorti tal-Prim’Istanza wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2006, ma ssemmewx fis-sentenza appellata juri li din tal-aħħar bl-ebda mod ma ħadithom inkunsiderazzjoni. Huma jsostnu li dawn iż-żewġ dokumenti juru li l-federazzjonijiet tal-produtturi jikkunsidraw li l-federazzjonijiet tal-biċċiera ma kinux għadhom marbuta bil-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 u li, għalhekk, il-produtturi ma setgħux jiksbu l-prezzijiet imsemmija fl-istruttura tal-prezzijiet minimi ta’ xiri adottata minn dan il-ftehim ħlief permezz tal-pressjoni sindakali eżerċitata lokalment. Meta naqset li teżamina ż-żewġ dokumenti inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u s-sentenza appellata għalhekk hija vvizzjata b’invalidità f’dan ir-rigward.

74      Huwa veru li, sabiex l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża titwettaq tajjeb, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina b’attenzjoni d-dokumenti kollha li jkunu ġew ippreżentati lilha mill-partijiet u għandha toħodhom inkunsiderazzjoni, inklużi dawk li, bħal ma ġara f’din il-kawża, iddaħħlu fil-proċess wara t-trattazzjonijiet orali, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Huwa veru wkoll li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli ssemmi ż-żewġ dokumenti kontenzjużi, jiġifieri l-faks tal-11 ta’ Diċembru 2001 u l-komunikat tat-12 ta’ Diċembru 2001.

75      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża, peress li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkun jafu r-raġunijiet għalxiex ikunu ttieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C-120/99, Ġabra p. I-7997, punt 28, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/000 P, Ġabra P. 1-123, punt 372).

76      Issa, fir-rigward tal-evalwazzjoni jekk il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 kienx ġie mġedded b’mod orali u fis-sigriet lil’hinn mit-30 ta’ Novembru 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat fid-dettall, fil-punti 164 sa 184 tas-sentenza appellata, fid-dawl tal-argumenti invokati mill‑federazzjonijiet appellanti, id-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u li l-federazzjonijiet appellanti kkritikaw il-valur probatorju tagħhom. B’mod partikolari, il‑Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-portata tad-dokumenti eżaminati fil-punti 169 sa 184 tas-sentenza appellata jwasslu għall‑konvinzjoni li, kif sostniet il-Kummissjoni, waqt il-laqgħat tad-29 ta’ Novembru u tal-5 ta’ Diċembru 2001, ġie deċiż li jiġġedded il‑ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

77      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, fil-punti 186 u 187 tas-sentenza appellata, li l-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu l-annimali komplew jimplementaw, fis-sigriet, il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 filwaqt li adottaw strateġija ta’ komunikazzjoni intiża sabiex jiġi ddikjarat pubblikament li dan il-ftehim ma kienx ġie mġedded u sabiex tintalab l-applikazzjoni tal‑istruttura tal-prezzijiet fil-forma ta’ talba sindakali.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill‑FNB, mill-FNPL u mill-JA għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju mqajjem mill-FNCBV, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ natura antikompetittiva tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 u tal-ftehim orali

79      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, imqajjem b’mod sussidjarju, il-FNCBV issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonstata n-nuqqas ta’ natura antikompetittiva tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 minħabba l-kuntest ekonomiku li fih sar dan il-ftehim u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tagħmel analiżi tal-effetti eventwali tal-estensjoni tal-imsemmi ftehim.

80      Il-FNCBV issostni li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku. Skont din il-federazzjoni, il-kawża kienet partikolari ħafna fis-sens li s-settur inkwistjoni kien qiegħed f’sitwazzjoni ekonomika kompletament eċċezzjonali li kienet wasslet lill-awtoritajiet Komunitarji sabiex jimplementaw sistema ta’ intervent sabiex jinxtraw il-karkassi ta’ laħam u sabiex dawk li jrabbu l-annimali jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu.

81      Il-FNCBV hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi l-estensjoni tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 abbażi tal-eżami tal-effetti tiegħu fuq il-prezzijiet ipprattikati fil-perijodu inkwistjoni. F’dan ir‑rigward il-FNCBV titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n‑nuqqas ta’ effett ta’ din l-estensjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-istruttura ta’ prezzijiet minimi ta’ xiri mid-diversi biċċeriji fir-reġjuni. Għal dan il-għan, il-FNCBV ippreżentat tabelli li jinkludu l-prezzijiet li kienu qed jiġu applikati mill-biċċeriji f’reġjuni differenti ta’ Franza u li suppost juru li l-prezzijiet realment ipprattikati kienu differenti minn reġjun għal ieħor u li kienu inqas, fil-maġġoranza tagħhom, mill‑prezzijiet stabbiliti f’din l-istruttura wara s-sospensjoni tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

82      Dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’ peress li huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punti 81 sa 93 tas-sentenza appellata.

83      Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal‑Prim’Istanza kkonstatat li l-impenn ta’ sospensjoni tal‑importazzjonijiet, previst mill-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, kellu l‑għan li jaqsam f’kompartimenti s-suq nazzjonali Franċiż u li b’hekk jillimita l-kompetizzjoni fis-suq wieħed. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil‑punti 84 u 85 ta’ dik is-sentenza, li l-federazzjonijiet li kienu kkonkludew dan il-ftehim kienu ftehmu dwar struttura ta’ prezzijiet minimi ta’ xiri li fir-rigward tagħha huma impenjaw ruħhom li jiżguraw l-osservanza tagħha, filwaqt li llimitaw il-marġni ta’ negozjar kummerċjali ta’ dawk li jrabbu l-annimali u tal-biċċiera u filwaqt li ħolqu distorsjoni fir-rigward tal-formazzjoni ta’ prezzijiet fis-swieq inkwistjoni.

84      It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 86 sa 92 tas‑sentenza appellata, il-kuntest li fih kien ġie konkluż il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat kemm l-ispeċifiċità tas-swieq agrikoli, li għalihom japplikaw, b’ċerti eċċezzjonijiet, ir-regoli ta’ kompetizzjoni Komunitarji, u kif ukoll il‑kundizzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt tal-implementazzjoni ta’ dan il‑ftehim f’sitwazzjoni ta’ kriżi fil-qasam tal-laħam taċ-ċanga u tal‑vitella.

85      B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrimarkat li l-prezzijiet stabbiliti għal parti sostanzjali tal-baqar kienu ħafna ogħla mill-prezzijiet ta’ intervent stabbiliti mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ukoll li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 336, p. 21), invokat mill-federazzjonijiet appellanti, ma setax jiġi applikat f’din il‑kawża peress li l-produzzjoni tal-membri tal-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu l-annimali kienet taqbeż sostanzjalment il-limitu ta’ 30 % tas-suq rilevanti li lil’hinn minnu dan ir-regolament ma jippermettix li tingħata l-eżenzjoni skont il-kategorija stabbilita favur ftehim vertikali.

86      Minn dan l-eżami tas-sentenza appellata jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-FNCBV, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 sabiex issir l-evalwazzjoni tan-natura tiegħu antikompetittiva.

87      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal‑effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu meta l-għan tiegħu jkun il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58-64, Ġabra p. 429, 496, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 491).

88      F’din il-kawża, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-għan antikompetitttiv tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 kien ġie stabbilit, iddeċidiet ġustament, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni ma kinitx obbligata tara x’inhuma l-effetti konkreti tal-miżuri adottati minn dan il-ftehim fuq il-kompetizzjoni. Peress li l-estensjoni tal-imsemmi ftehim lil’hinn mit-30 ta’ Novembru 2001 ġiet stabbilita wkoll abbażi ta’ indizji dokumentati, il-Qorti tal‑Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li ma kienx meħtieġ li din l-estensjoni tiġi pprovata wkoll abbażi tal-eżami tal‑effetti tagħha fuq il-prezzijiet ipprattikati fil-perijodu inkwistjoni.

89      Għalhekk, ir-raba’ aggravju mqajjem mill-FNCBV għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNPL u mill-JA u fuq il-ħames aggravju mqajjem mill-FNCBV, ibbażati fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

90      Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA, sostnuti mir-Repubblika Franċiża, isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-limitu tal-multi stabbilit fl‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 seta’ jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom u mhux dak ta’ kull federazzjoni. Il-federazzjonijiet appellanti jsostnu li dan jikkostitwixxi bidla radikali fid-dawl tal-eżiġenza preċiża, oġġettiva u ġustifikata, magħmula mill-ġurisprudenza, jiġifieri li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għall-kalkolu ta’ dan il-limitu huwa suġġett għall-kundizzjoni li din l-assoċjazzjoni tkun tista’, skont ir-regoli interni tagħha, torbot lill‑membri tagħha. Sussidjarjament, ir-Repubblika Franċiża żżid li, peress li l‑federazzjonijiet appellanti m’għandhomx is-setgħa li jorbtu lill-membri tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex taċċetta li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar għall-kalkolu tal-limitu stabbilit minn din id-dispożizzjoni mingħajr ma jiġi stabbilit jekk il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 kellux effettivament impatt fuq is-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella.

91      Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħha, il-FNCBV issostni li din il-bidla radikali fil-ġurisprudenza, mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, hija kuntrarja għall‑prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn l-impriżi kkonċernati ma jkunux jistgħu jiddistingwu l-każijiet meta l-limitu ta’ 10 % stabbilit mill‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jiġi evalwat fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi u dawk meta dan il-limitu jiġi evalwat fid-dawl tat-total tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ din l-assoċjazzjoni.

92      Għandu jiġi rrilevat li t-tielet aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNPL u mill-JA u l-ewwel parti tal-ħames aggravju mqajjem mill‑FNCBV huma bbażati fuq premessa żbaljata li ġiet miċħuda, ġustament, mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 316 sa 319 tas-sentenza appellata.

93      Fil-fatt, huwa minnu li, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret fil-punt 317 tal-imsemmija sentenza, il-limitu ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 15(2) jista’, skont ġurisprudenza stabbilita, jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi membri kollha ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, għall-inqas meta din l-assoċjazzjoni tista’ torbot lill-membri tagħha. Madankollu, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punt segwenti tas-sentenza appellata, din il-ġurisprduenza ma teskludix li, f’każijiet partikolari, dan it-teħid inkunsiderazzjoni jista’ jkun possibbli anki jekk l-assoċjazzjoni ta’ impriżi ma jkollhiex, formalment, il-poter li torbot lill‑membri tagħha.

94      Il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jsostnu madankollu li, fil‑ġurisprudenza l-iktar reċenti, jiġifieri fil-punt 66 tas-sentenza Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet b’mod ċar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jekk din ma jkollhiex il-possibbiltà li torbot lill-membri tagħha.

95      Dan il-qari tal-imsemmija sentenza ma jistax jiġi aċċettat.

96      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kuntest li fih jinsab il-punt 66 tas-sentenza Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-impriżi membri tal-assoċjazzjoni li fuqha l-Kummissjoni imponiet multa ma kinux involuti fit-twettiq tal-ksur. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħha mhuwiex relatat mad-daqs tagħha jew mal-poter li għandha fis-suq, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi membri ta’ din l‑assoċjazzjoni sabiex tiġi determinata penali li tkun dissważiva, bil-kundizzjoni iżda li l-imsemmija assoċjazzjoni jkollha, skont ir‑regoli interni tagħha, il-possibbiltà li torbot lill-membri tagħha.

97      Għalhekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-Qorti tal‑Prim’Istanza kellha raġun tikkunsidra li, meta, bħal f’din il-kawża, il‑membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jkunu pparteċipaw b’mod attiv fl-implementazzjoni ta’ ftehim antikompetittiv, id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-membri jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-penali, u dan anki jekk l-assoċjazzjoni inkwistjoni, b’mod differenti mis-sitwazzjoni msemmija fil-punt 66 tas-sentenza Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jkollhiex il‑possibbiltà li torbot lill-membri tagħha. Huwa għalhekk ġustament li, fil-punt 319 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa ġġustifikat “meta ksur min-naħa ta’ assoċjazzjoni jinvolvi l-attivitajiet tal-membri tagħha u meta l-prattiki antikompetittivi inkwistjoni jitwettqu mill‑assoċjazzjoni direttament għall-benefiċċju tal-membri tagħha u b’kooperazzjoni magħhom, peress li l-assoċjazzjoni m’għandhiex interessi oġġettivi differenti minn dawk tal-membri tal-assoċjazzjoni”.

98      Barra minn hekk, kull interpetazzjoni oħra tmur kontra l-bżonn li jkun żgurat l-effett dissważiv tal-penali imposti għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni Komunitarji. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament irrilevat, fil-punt 318 tas-sentenza appellata, il-fakultà li għandha l-Kummissjoni li timponi multi b’ammont adegwat fuq dawk li jwettqu l-ksur inkwistjoni tista’, inkella, tiġi kompromessa, sa fejn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jkollhom dħul mill-bejgħ żgħir iżda li jiġbru flimkien, mingħajr madankollu ma jkollhom is-setgħa li jorbtuhom formalment, numru kbir ta’ impriżi li, flimkien, jiksbu dħul mill‑bejgħ kbir, ikunu jistgħu jiġu ppenalizzati biss b’multi żgħar ħafna, minkejja li l-ksur imwettaq minn dawn l-assoċjazzjonijiet jista’ jkollu impatt kunsiderevoli fis-swieq inkwistjoni.

99      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-FNCBV, mill‑punti 318 sa 325 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Prim’Istanza mmotivat dan il-punt b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi.

100    Il-federazzjonijiet appellanti jsostnu wkoll li, fil-punti 320 sa 323 tas‑sentenza appellata, sabiex tiġi mwarrba, f’din il-kawża, l‑applikazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita dwar il-każijiet li fihom il‑limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ iffissat fl-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi kollha membri ta’ assoċjazzjoni, il-Qorti tal‑Prim’Istanza identifikat erba’ kriterji bbażati fuq il-fatti f’din il‑kawża, li kkwalifikathom bħala “ċirkustanzi speċifiċi”. Dawn huma l-każijiet li fihom l-assoċjazzjoni ta’ impriżi inkwistjoni għandha l-missjoni ewlenija li tiddefendi u tirrappreżenta l-interessi tal‑membri tagħha, il-ftehim antikompetittiv inkwistjoni jikkonċerna l-attività tal-membri tal-assoċjazzjoni u mhux l-attività tal-assoċjazzjoni stess, dan il-ftehim ġie konkluż għall-benefiċċju tal-membri ta’ din l-assoċjazzjoni u dawn il-membri kkooperaw mal-prattika antikompetittiva inkwistjoni.

101    Issa, skont il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA, minn naħa, tlieta minn dawn il‑kriterji huma naturalment preżenti fil-każ ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. Min-naħa l-oħra, il-ftehim lokali u l-azzjonijiet ta’ ċerti gruppi ta’ dawk li jrabbu l-annimali, imsemmija fil-punt 323 tas-sentenza appellata, ma jipprovawx il-kooperazzjoni tal-membri attivi kollha ta’ dawn il-federazzjonijiet fuq is-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal‑vitella, iżda juru biss il-kooperazzjoni ta’ wħud minnhom. B’hekk, il-konklużjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għaliha ma tistax tiġi ġustifikata minn rabta oġġettiva bejn l-imsemmija federazzjonijiet u l‑membri kollha tagħhom u mhijiex ibbażata fuq parteċipazzjoni indiretta tal-imsemmija membri fil-prattika antikompetittiva inkwistjoni fil-kawża preżenti.

102    Dawn l-argumenti huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u ma jistgħux jiġu aċċettati.

103    Fil-fatt, fil-punt 319 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza identifikat ċirkustanzi speċifiċi ġodda, applikabbli għall-każijiet ta’ ksur imwettaq minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, li għandhom jiżdiedu ma’ dawk li diġà ġew rikonoxxuti mill-ġurisprudenza. Għall-kuntrarju, fil-punti 320 sa 323 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk, f’din il-kawża, il-federazzjonijiet appellanti kinux jinsabu f’ċirkustanzi speċifiċi, sabiex tiddeċiedi jekk il-limitu ta’ 10 % ffissat fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kellux jiġi ddeterminat skont id-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom pjuttost milli skont dak ta’ dawn il-federazzjonijiet.

104    Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal‑Prim’Istanza fir-rigward tagħhom fil-punti 320 sa 322 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, li, kif ġie mfakkar fil-punt 59 ta’ din is‑sentenza, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 22, u tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C-125/06 P, Ġabra p. I-1451, punt 57). Issa, f’din il-kawża, ma ġiex invokat żnaturament tal-fatti quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja.

105    Skont il-FNCBV, tnejn mill-erba’ elementi kumulattivi meħtieġa stabbiliti mill‑Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex sodisfatti fil-każ tagħha. Din il‑federazzjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-iffirmar tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 m’għandu ebda interess għall-membri tagħha, peress li kien jinvolvi l-istipulazzjoni ta’ prezzijiet minimi rakkomandati għax-xiri ta’ annimali tal-ifrat. Dan il-ftehim kien għalhekk kontra l-interess tagħhom. Barra minn hekk, l-iffirmar tal-imsemmi ftehim ma kienx jippermetti li jitneħħew l-imblokki tal-biċċeriji, peress li l-imblokki komplew kif juri l-fajl tal-Kummissjoni. In-nuqqas ta’ interess tal-membri tal-imsemmija federazzjoni fl-iffirmar tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 huma barra minn hekk ikkonfermat min-numru żgħir ħafna ta’ ftehim lokali invokati mill-Kummissjoni.

106    Fit-tieni lok, l-awtonomija tal-interessi tal-FNCBV fil-konfront ta’ dawk tal-membri tagħha ma toħroġx biss mill-fatt li hija m’għandhiex is-setgħa li torbot lil dawn tal-aħħar, iżda wkoll min-numru limitat ta’ ftehim lokali li saru wara l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

107    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

108    Fil-fatt, peress li l-evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkudietx ġustament, fil-punt 322 tas-sentenza appellata, li l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 kien sar direttament għall-benefiċċju tal-membri bażiċi tal-FNCBV u, fil-punt 323 ta’ din is-sentenza, li dan il-ftehim kien ġie implementat b’mod partikolari bil-konklużjoni ta’ ftehim lokali bejn il‑federazzjonijiet dipartimentali u s-sindakati lokali agrikoli, minn naħa, u l-impriżi ta’ biċċeriji, min-naħa l-oħra.

109    Il-FNCBV issostni wkoll li la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti tal‑Prim’Istanza ma wrew li kien impossibbli li l-impriżi membri tal-federazzjoni appellanti jkunu d-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, hekk li l-multi jkunu imposti individwalment fuq dawn il-membri. Skont il-FNCBV, mill-punt 5(ċ) tal-linji gwida jirriżulta li huwa biss meta jkun impossibbli li jiġu imposti multi individwali fuq il-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-Kummissjoni tista’ timponi multa fuq l-assoċjazzjoni stess, li tkun ekwivalenti għat-total tal-multi li kieku kienet timponi fuq il-membri tal-assoċjazzjoni. Sa fejn il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma taw ebda raġuni għaliex intuża d-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-membri tal-federazzjonijiet appellanti għall-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq dawn il-federazzjonijiet, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn illegalità u għandha tiġi annullata.

110    Għandu jiġi kkonstat li din l-allegazzjoni dwar il-ksur tal-punt 5(ċ) tal-linji gwida tqajmet mill-FNCBV għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. Din tikkostitwixxi għalhekk, skont l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli fil-kuntest ta’ appell inkonformità mal-Artikolu 118 tal-istess regoli, aggravju ġdid li huwa inammissibbli peress li mhuwiex ibbażat fuq elementi ta’ dritt jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

111    Minn dan isegwi li t-tielet aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNPL u mill-JA u l-ewwel parti tal-ħames aggravju mqajjem mill-FNCBV għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

112    Permezz tat-tieni parti tal-ħames aggravju tagħha, il-FNCBV issostni li l‑motivi invokati fil-punti 320 et seq. tas-sentenza appellata huma f’kontradizzjoni ma’ dawk żviluppati fil-punti 341 et seq. tal-istess sentenza, dwar l-applikazzjoni tar-regola tal-projbizzjoni tal-akkumulazzjoni tal-penali.

113    Fil-fatt, fil-punt 341 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat l-iffirmar, il-parteċipazzjoni, ir-responsabbiltà, ir-rwol individwali u anki l‑implementazzjoni tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 mill‑federazzjonijiet appellanti sabiex tiġġustifika l-fatt li l-penali kienet imposta fuq dawn tal-aħħar u mhux fuq il-membri tagħhom. Għall-kuntrarju, fil-punti 320 et seq. ta’ din is-sentenza, l-enfasi tpoġġiet fuq il-fatt li dan il-ftehim ma kienx jikkonċerna l-attività tal-federazzjonijiet appellanti, li l-miżuri meħuda ma kinux jaffettwawhom, li l-imsemmi ftehim ġie konkluż direttament għall-benefiċċju tal-membri ta’ dawn il‑federazzjonijiet u, fl-aħħar nett, li dan l-istess ftehim ġie implementat mill-membri tal-imsemmija federazzjoni.

114    B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza żviluppat żewġ motivazzjonijiet kontradittorji intiżi, fl-ewwel każ, li jsostnu li l-federazzjonijiet appellanti kellhom rwol dirett u attiv fil-konklużjoni u l‑implementazzjoni tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 u, fit-tieni każ, li jsostnu li dawn il-federazzjonijiet kienu biss il-mezz li permezz tiegħu saret l‑azzjoni tal-membri tagħhom.

115    Barra minn dan, meta ddeċidiet, fil-punt 341 tas-sentenza appellata, li kien hemm il-parteċipazzjoni personali tal-federazzjonijiet appellanti fil‑ksur ippenalizzat mid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet impliċitament li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % tad‑dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma kienx ġustifikat f’din il-kawża.

116    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li d-dikjarazzjoni magħmula mill‑Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 343 tas-sentenza appellata, li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma imponietx penali fuq il-membri bażiċi tal‑federazzjonijiet appellanti tidher li hija kontradittorja mal-fatt li timmotiva, fil-punt 319 tal-imsemmija sentenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-membri għall-kalkolu tal-imsemmi limitu ta’ 10 % billi tirreferi għall-fatt li l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 kien ġie konkluż direttament għall-benefiċċju tal-imsemmija membri u b’kooperazzjoni magħhom.

117    Dawn l-allegati kontradizzjonijiet tal-motivi huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Għal din ir-raġuni, it-tieni parti tal-ħames aggravju mqajjem mill-FNCBV ma tistax tintlaqa’

118    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġi deċiż jekk il-limitu ta’ 10 % ffissat fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandux jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ tal-membri kollha tal-federazzjonijiet appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza vverifikat, fil-punti 320 sa 323 tas‑sentenza appellata, jekk dawn tal-aħħar kinux jinsabu fiċ-ċirkustanzi speċifiċi identifkati fil-punt 319 ta’ dik is-sentenza, jiġifieri jekk il‑ksur imwettaq minn dawn il-federazzjonijiet kienx jirrigwarda l‑attivitajiet tal-membri tagħhom u jekk il-prattiki antikompetittivi inkwistjoni kinux eżegwiti mill-imsemmija federazzjonijiet direttament għall-benefiċċju tal-membri tagħhom u b’kooperazzjoni magħhom. Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina l-missjoni tal-federazzjonijiet appellanti, tiddetermina l-attività koperta mill-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 kif ukoll il-benefiċjarji ta’ dan il-ftehim u teżamina kif ġie implementat dan il-ftehim.

119    Għall-kuntrarju, fil-punti 341 sa 345 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal‑Prim’Istanza ċaħdet il-motiv dwar il-ksur mill-Kummissjoni tal‑prinċipju li jipprojbixxi l-akkumulazzjoni tal-penali. F’dan ir‑rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbilixxiet li l-penali imposta fuq kull federazzjoni appellanti kienet ġiet stabbilita minħabba l-parteċipazzjoni u r‑responsabbiltà ta’ kull waħda minn dawn il-federazzjonijiet fil-ksur, peress li l‑federazzjonijiet appellanti kollha kienu ħadu sehem f’dan il-ksur għalkemm b’livelli u b’implikazzjonijiet differenti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li d‑deċiżjoni kkontestata ma kinitx ippenalizzat diversi drabi l‑istess entitajiet u lanqas l-istess persuni għall-istess fatti, peress li hija ma imponietx penali fuq il-membri bażiċi diretti jew indiretti ta’ dawn il‑federazzjonijiet.

120    Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ma vvizzjatx is-sentenza tagħha b’kontradizzjoni ta’ motivi meta, abbażi tar-raġunament tagħha, hija kkonkludiet, fil-punt 324 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġi kkalkolat il-limitu ta’ 10 % msemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, kien ġustifikat li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal‑membri bażiċi tagħha tal-federazzjonijiet appellanti u, fil-punt 344 tal-istess sentenza, li l-kontravvenjenti ma kinux identiċi, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma ppenalizzatx diveri drabi l-istess entitajiet jew l-istess persuni għall-istess fatti.

121    Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ħames aggravju mqajjem mill‑FNCBV għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

122    Għalhekk, it-tielet aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill‑FNPL u mill-JA u l-ħames aggravju mqajjem mill-FNCBV għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq ir-raba’ aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNPL u mill-JA, ibbażat fuq il-ksur tar-regola tal-projbizzjoni tal‑akkumulazzjoni u tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità tal-penali sa fejn il-Qorti tal‑Prim’Istanza imponiet fuq kull waħda minn dawn il‑federazzjonijiet multa distinta li ttieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul mill‑bejgħ akkumulat tal‑membri komuni tagħhom

123    Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l‑JA jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-prinċipji tal-projbizzjoni tal-akkumulazzjoni u ta’ proprozjonalità tal‑penali u mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, timponi multi distinti fuq il-FNSEA u fuq kull waħda mit-tliet sub-federazzjonijiet tagħha, li l‑membri attivi fis-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella tagħhom huma komuni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonstata li ebda waħda mill‑erba’ federazzjonijiet ma kellha interessi awtonomi minn dawk tal-membri komuni tagħhom kif ukoll minn dawk tat-tliet federazzjonijiet l-oħra u ma kellhiex tiddikjara validu l-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multi applikat mill-Kummissjoni għal kull waħda mill‑federazzjonijiet, li kien ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-imsemmija membri.

124    L-imemmija federazzjonijiet isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex tiġġustifika l-akkumulazzjoni tal-penali, ħadet inkunsiderazzjoni kull waħda mill-erba’ federazzjonijiet appellanti fil-kuntest ġenerali, jiġifieri bħala persuni legali distinti li għandhom il-baġits proprji tagħhom u interessi partikolari għalihom. Għall-kuntrarju, sabiex tiġġustifika l-fatt li ma jinqabiżx il-limitu, hija ħadet inkunsiderazzjoni kull waħda minn dawn il-federazzjonijiet fil-kuntest speċifiku tal-konklużjoni tal‑ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, jiġifieri bħala federazzjonijiet li l‑erbgħa li huma aġixxew bl-istess interess uniku, jiġifieri dak tal‑membri komuni tagħhom li huma attivi fuq is-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal‑vitella. L‑erba’ federazzjonijiet appellanti huma tal-fehma li federazzjoni waħda, il-FNSEA jew il-FNB, li t-tnejn li huma jiġbru fi ħdanhom il‑membri komuni kollha, setgħet tkun suġġetta għal penali li tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja tal‑imsemmija membri, u li l‑penali imposta fuq it-tliet federazzjonijiet l‑oħra għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-ammont tad-dħul tagħhom.

125    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li, sa fejn il-membri bażiċi tal-erba’ federazzjonijiet appellanti jistgħu jkunu komuni għal diversi minnhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza stmat il-qawwa ekonomika ta’ dawn il‑federazzjonijeti iktar milli fil-fatt hi. Għalhekk, il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ kull waħda mill-erba’ federazzjonijiet sabiex jiġi kkalkolat il-limitu tal-multi imposti fuq dawn tal-aħħar iwassal neċessarjament għall-impożizzjoni ta’ multa sproporzjonata fuqhom.

126    Dawn l-argumenti, li diġà tressqu fl-ewwel istanza mill‑istess federazzjonijiet appellanti, ġew miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil‑punti 340 sa 346 tas-sentenza appellata.

127    Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, l-ewwel nett, il-ġurisprudenza li tgħid li l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet ta’ identità tal-fatti, ta’ unità ta’ min jikser il-liġi u ta’ unità tal-interess legali protett, prinċipju li jipprojbixxi li l-istess persuna tiġi ppenalizzata iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi protett l-istess interess legali u kkonstat li, f’din il-kawża, il‑Kummissjoni kienet ippenalizzat lill-federazzjonijiet appellanti minħabba l-parteċipazzjoni u l-grad ta’ responsabbiltà ta’ kull federazzjoni fil‑ksur.

128    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, it-tieni nett, li ċ-ċirkustanza li l‑FNB, il‑FNPL u l-JA huma membri tal-FNSEA ma tfissirx li dawn il‑federazzjonijiet ġew ippenalizzati diversi drabi għall-istess ksur, peress li l‑imsemmija federazzjonijiet għandhom personalitajiet legali independenti, baġits separati kif ukoll għanijiet li mhux dejjem jaqblu, u jeżerċitaw l-azzjonijiet sindakali rispettivi tagħhom għall-ħarsien ta’ interessi li huma partikolari u speċifiċi għalihom.

129    Fl-aħħar nett, abbażi tal-ġurisprudenza tagħha li tgħid li l-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fid-determinazzjoni tal-limitu ta’ 10 % ma jfissirx li multa ġiet imposta fuqhom u lanqas li, għalhekk, l‑assoċjazzjoni inkwistjoni għandha l-obbligu li tgħaddi l-oneru tal-multa fuq il-membri tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza CB u Europay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 139), il‑Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 343 tas-sentenza appellata, li, peress li l-operaturi agrikoli individwali li huma membri indiretti tal-federazzjonijiet appellanti ma ġewx ippenalizzati mid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-membri bażiċi tal-FNB, tal-FNPL u tal-JA huma wkoll membri tal-FNSEA ma jimpedixxix lill-Kummissjoni milli tippenalizza individwalment kull waħda minn dawn il-federazzjonijiet.

130    Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tikkonkludi, fil‑punt 344 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem peress li l-kontravvenjenti ma kinux identiċi u li lanqas ma kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ proprozjonalità peress li l‑membri diretti jew indiretti tal-ferderazzjonijiet appellanti ma kinux imposti żewġ multi għall-istess ksur uniku.

131    Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju mqajjem mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNPL u mill‑JA għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt aggravju mqajjem mill-FNCBV, intiż għat-tnaqqis tal-multa imposta

132    Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-FNCBV tilmenta li l-Qorti tal‑Prim’Istanza kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 meta ffissat l-ammont tal-multa fil-konfront tagħha għal EUR 360 000, peress li din is-somma tikkorrispondi għal kważi 20 % tad-dħul mill‑bejgħ tagħha, jiġifieri l-ammont tad-dħul tagħha, filwaqt li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi l-limitu tal-multa li tista’ tiġi imposta għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kontravvenjenti.

133    Madankollu, peress li dan l-aggravju huwa bbażat fuq il-premessa li l‑Kummissjoni ma kellhiex dritt, sabiex tivverifika jekk l-ammont tal‑multa imposta jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-federazzjonijiet appellanti, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud peress li din il-premessa hija, għall-motivi msemmija fil-punti 92 sa 111 ta’ din is-sentenza, żbaljata.

134    Peress li l-federazzjonijiet appellanti tilfu l-aggravji kollha tagħhom, l‑appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-imsemmija Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

136    Peress li l-Kummissjoni talbet li l-federazzjoni appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u dawn tal-aħħar tilfu fl-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġi kkundannati għall-ispejjeż.

137    Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Il-Coop de France bétail et viande, li kienet Fédération nationale de la coopération bétail et viande (FNCBV), il-Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles (FNSEA), il-Fédération nationale bovine (FNB), il‑Fédération national des producteurs de lait (FNPL) u l-Jeunes agriculteurs (JA) huma kkundannati għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.