Language of document : ECLI:EU:C:2012:781

Kawża C‑610/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta' Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata ksur — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Artikoli 228(2) KE u 260(2) TFUE — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Sanzjonijiet pekunjarji”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Diċembru 2012

1.        Trattati tal-Unjoni — Applikazzjoni ratione temporis — Regoli proċedurali — Bidla tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tal-Istati Membri li jeżegwixxu sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Applikazzjoni għall-proċeduri prekontenzjużi pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha — Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjonijiet iktar severi, ta’ nulla poena sine lege u tad-drittijiet tad-difiża — Assenza

(Artikolu 228(2) KE; Artikolu 260(2) TFUE)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Terminu ta’ eżekuzzjoni — Data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Artikolu 228(2) KE; Artikolu 260(2) TFUE)

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Impriżi benefiċjarji tal-għajnuna li fallew — Determinazzjoni tad-debitur fil-każ ta’ trasferiment tal-attiv

(Artikolu 108(2) TFUE)

4.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja — Proposti u linji gwida tal-Kummissjoni — Effett

(Artikolu 260(2) TFUE)

5.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Determinazzjoni tal-ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kriterji

(Artikoli 3(3) TUE u 51 TUE; Artikolu 260(2) TFUE; Protokoll Nru 27 anness mat-Trattati UE u FUE)

6.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa — Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 260(2) TFUE)

1.        Minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 260(2) TFUE emenda l-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża li tiġi qabel rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni minn Stat Membru ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi elimina l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata li qabel kien previst fl-Artikolu 228(2) KE. Issa, din il-proċedura tinkludi biss stadju wieħed, jiġifieri dak tal-intimazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

Proċedura prekontenzjuża li nbdiet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda, iżda li baqgħet pendenti wara din id-data, hija rregolata minn dawn ir-regoli l-ġodda li, bħala regoli proċedurali, japplikaw għar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kollha ppreżentati wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, u dan minkejja l-fatt li l-proċedura tkun inbdiet qabel din id-data.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata mill-kunsiderazzjonijiet relatati mal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli l-ġodda, l-Istati Membri kellhom għarfien sħiħ kemm tal-obbligi tagħhom li jadottaw il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat kif ukoll tal-konsegwenti li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ jwassal għalihom, peress li kienu stabbiliti fid-dritt primarju tal-Unjoni ħafna qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. Dan jgħodd ukoll għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjonijiet iktar severi u ta’ nulla poena sine lege, sa fejn it-Trattat FUE ma ġab l-ebda bidla rigward, minn naħa, l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, min-naħa l-oħra, is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq l-Istati Membri f’każ li jiksru dan l-obbligu. Lanqas ma jista’ jkun il-każ ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri, peress li huma għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni.

(ara l-punti 42-44, 46-48, 50-52)

2.        Peress li t-Trattat FUE elimina mill-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha titqies li hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni.

(ara l-punt 67)

Fil-każ li l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni tkun ġiet iddikjarata falluta, l‑istabbiliment mill-ġdid tas‑sitwazzjoni ta’ qabel u l‑eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill‑għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura ta’ tali għajnuna jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv.

Madankollu, tali reġistrazzjoni ma tissodisfax l-obbligu ta’ rkupru ħlief jekk, fil-każ li l-awtoritajiet tal-Istat ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ammont kollu tal-għajnuna, il-proċedura ta’ falliment twassal għall-istralċ tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna illegali, jiġifieri għall-waqfien definittiv tal-attività tagħha. Għaldaqstant, meta l-impriża benefiċjarja tkun falluta, u kumpannija tkun inħolqot sabiex tkompli parti mill-attivitajiet tagħha, it-tkomplija ta’ din l-attività, mingħajr ma l-għajnuna kkonċernata tkun ġiet irkuprata kollha kemm hi, tista’ tkompli ttawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li din il-kumpannija tkun ibbenefikat minnu fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Għaldaqstant, tali kumpannija maħluqa b’dan il-għan tista’, jekk dan il-vantaġġ jippersisti favuriha, tkun obbligata tirrimborsa l-għajnuna inkwistjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta jiġi stabbilit li din il-kumpannija għadha effettivament tgawdi minn dan il-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ din l-għajnuna, b’mod partikolari, meta din tipproċedi għall-akkwist tal-attiv tal-kumpannija fi stralċ mingħajr ma tħallas, inkambju, prezz skont il-kundizzjonijiet tas-suq jew meta jiġi stabbilit li l-ħolqien ta’ tali kumpannija kellu l-effett li jiġi evitat l-obbligu li titħallas lura tal-imsemmija għajnuna. Dan jgħodd, b’mod partikolari, meta l-ħlas ta’ prezz konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq ma jkunx biżżejjed sabiex jinnewtralizza l-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna illegali.

F’tali każ, ir-reġistrazzjoni tad-dejn relattiv għal din l-għajnuna fl-iskeda tal-passiv ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex telimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa b’dan il-mod.

(ara l-punti 72, 99, 104, 106, 107)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 115-116)

4.        Meta jkun il-każ li Stat Membru jiġi impost pagament ta’ penalità sabiex jissanzjona n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tali sanzjoni għandha tiġi stabbilita skont il-grad ta’ persważjoni meħtieġ sabiex l-Istat Membru kkonċernat jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u jbiddel l-aġir tiegħu b’tali mod li jtemm il-ksur li jkun instab ħati tiegħu. F’dan ir-rigward, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat.

B’hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura repressiva tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu.

Għal dak li jirrigwarda l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-inflazzjoni u tal-prodott gross domestiku ta’ dan l-Istat Membru kif kienet fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiegħu li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-fatt li Stat Membru ħalla f’idejn ir-reġjuni tiegħu sabiex jimplementaw l-imsemmija deċiżjoni ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE. Fil-fatt, għalkemm kull Stat Membru huwa liberu li jqassam, kif jixtieq huwa, l-kompetenzi tas-setgħa ċentrali u reġjonali fil-livell nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, skont dan l-istess artikolu, huwa jibqa’ l-uniku wieħed responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak meta l-Kummissjoni tressaq il-każ quddiemha.

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, meta s-sentenza mhux eżegwita tkun tirrigwarda l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li jikkostitwixxu l‑espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet ewlenin mogħtija lill-Unjoni mill-Artikolu 3(3) TUE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq intern kif ukoll mill‑Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni li skont l‑Artikolu 51 TUE, jagħmel parti integrali tat-Trattati u li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta. Issa, permezz tar-rimbors tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub minnha u li, b’dan il-ħlas lura, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li bbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu.

(ara l-punti 117-120, 125-127, 131, 132)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 141, 143-145)