Language of document : ECLI:EU:C:2016:330

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-10 ta’ Mejju 2016 (1)

Kawża C‑182/15

Aleksei Petruhhin

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il‑Latvja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u Artikolu 21(1) TFUE – Talba għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor lejn ir-Russja – Rifjut ta’ Stat Membru li jestradixxi ċ-ċittadini tiegħu stess – Differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-impunità – Verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”





1.        L-estradizzjoni tista’ tiġi ddefinita bħala proċedura ta’ assistenza reċiproka internazzjonali fil-qasam kriminali li permezz tagħha Stat jitlob lil Stat ieħor sabiex jikkonsenjalu persuna li tinsab fit-territorju tat-tieni Stat sabiex din il-persuna tiġi suġġetta għal prosekuzzjoni, tingħata sentenza fil-konfront tagħha jew, jekk tkun diġà ġiet ikkundannata, sabiex tiskonta l-piena tagħha.

2.        Din il-kawża tirrigwarda talba għal estradizzjoni indirizzata mill-Federazzjoni Russa lir-Repubblika tal-Latvja li tikkonċerna ċittadin Estonjan li ġie arrestat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

3.        Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi jekk il-protezzjoni mill-estradizzjoni li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini Latvjani skont id-dritt nazzjonali tagħhom u skont ftehim bilaterali konkluż mal-Federazzjoni Russa għandhiex tiġi estiża għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra konformement mar-regoli tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

4.        Għadd ta’ Stati Membri, fosthom ir-Repubblika tal-Latvja, jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom kif ukoll fil-konvenzjonijiet internazzjonali li huma partijiet fihom, il-prinċipju li skontu huma jirrifjutaw l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom. Ladarba tiġi indirizzata talba għal estradizzjoni lil Stat Membru u din it-talba tkun tikkonċerna ċittadin tal-Unjoni li ma huwiex ċittadin ta’ dan l-Istat, tali prinċipju joħloq differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-imsemmi Stat u dawk tal-Istati Membri l-oħra. Minkejja dan, jien ser inqis li tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, meta jintwera li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-impunità ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat fi Stat terz.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        L-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2), intitolat “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni” jiddisponi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.”

B –    Id-dritt Latvjan

6.        Il-Kostituzzjoni Latvjana tipprevedi, fit-tielet sentenza tal-Artikolu 98 tagħha:

“Ċittadin Latvjan ma jistax jiġi estradit lejn Stat barrani, ħlief fil-każijiet previsti fi trattati internazzjonali rratifikati mis-Saeima (Parlament), bil-kundizzjoni li l-estradizzjoni ma tiksirx id-drittijiet fundamentali tal-persuna ggarantiti mill-Kostituzzjoni.”

7.        Skont l-Artikolu 4 tal-Krimināllikums (liġi kriminali, iktar ’il quddiem il-“liġi kriminali Latvjana”):

“1.      Il-persuni ċittadini u mhux ċittadini Latvjani [(3)] kif ukoll il-barranin li huma detenturi ta’ permess ta’ residenza permanenti fil-Latvja għandhom jinżammu responsabbli, fit-territorju tal-Latvja skont din il-liġi, għal att imwettaq fit-territorju ta’ Stat ieħor jew barra mit-territorju nazzjonali, irrispettivament minn jekk dan l-att jitqiesx jew le li huwa reat u suġġett għal sanzjonijiet kriminali fil-post fejn twettaq.

[...]

3.      Il-barranin li ma humiex detenturi ta’ permess ta’ residenza permanenti fil-Latvja li jkunu wettqu reati gravi jew gravi ħafna fit-territorju ta’ Stat ieħor kontra l-interessi tar-Repubblika tal-Latvja jew tal-abitanti tagħha għandhom, indipendentement mil-leġiżlazzjoni tal-Istat li fit-territorju tiegħu twettaq ir-reat, jinżammu kriminalment responsabbli taħt din il-liġi jekk huma ma nżammewx responsabbli jew ma tressqux quddiem il-qrati b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-post fejn twettaq ir-reat.

4.      Il-barranin li ma humiex detenturi ta’ permess ta’ residenza permanenti fil-Latvja li jkunu wettqu reat fit-territorju ta’ Stat ieħor jew barra mit-territorju nazzjonali għandhom, indipendentement mil-leġiżlazzjoni tal-Istat li fit-territorju tiegħu twettaq ir-reat, jinżammu responsabbli taħt din il-liġi fil-każijiet previsti mill-ftehimiet internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika tal-Latvja jekk huma ma nżammewx kriminalment responsabbli għall-imsemmi reat jew ma tressqux quddiem il-qrati minħabba fih fit-territorju ta’ Stat ieħor.”

8.        It-Taqsima 66 tal-Kriminālprocesa likums (kodiċi ta’ proċedura kriminali, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ proċedura kriminali Latvjan”), intitolata “Estradizzjoni ta’ persuna lejn Stat barrani” tiddisponi, fl-Artikolu 696(1) u (2) tagħha:

“1.      Persuna li tinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvja tista’ tiġi estradita għal finijiet ta’ proċeduri kriminali, ta’ sentenza jew ta’ eżekuzzjoni ta’ kundanna, jekk tkun ġiet irċevuta talba għad-detenzjoni provviżorja jew talba għall‑estradizzjoni ta’ din il-persuna magħmula minn Stat barrani u l-fatti jkunu kklassifikati bħala reat mil-liġi Latvjana u dik tal-Istat barrani.

2.      Persuna tista’ tiġi estradita għal finijiet ta’ proċeduri kriminali jew ta’ deċiżjoni fil-konfront tagħha għal att li t-twettiq tiegħu huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija li l-massimu tagħha ma huwiex inqas minn sena jew b’piena iktar severa, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn trattat internazzjonali.”

9.        L-Artikolu 697(2) tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Latvjan huwa fformulat kif ġej:

“L-estradizzjoni ma hijiex awtorizzata jekk:

1)      il-parti kkonċernata tkun ċittadina Latvjana;

2)      it-talba għall-estradizzjoni tal-parti kkonċernata tkun marbuta mal-għan li jinbdew proċeduri kriminali kontra din il-persuna jew li tiġi punita minħabba r-razza, l-affiljazzjoni reliġjuża, in-nazzjonalità, il-fehmiet politiċi tagħha, jew jekk ikunu jeżistu raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li d-drittijiet ta’ din il-persuna jistgħu jinkisru għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq;

[...]

7)      ikun hemm riskju li l-persuna tiġi ttorturata barra l-pajjiż.”

10.      Il-ftehim tat-3 ta’ Frar 1993 bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-Federazzjoni Russa, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili, tal-familja u kriminali, jiddisponi, fl-Artikoli 1 u 62 tiegħu:

“Artikolu 1. Protezzjoni ġuridika

1.      Fir-rigward tad-drittijiet personali u patrimonjali, iċ-ċittadini ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li jinsabu fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra jibbenefikaw mill-istess protezzjoni ġuridika hemmhekk bħaċ-ċittadini tal-parti kontraenti l-oħra.

2.      Iċ-ċittadini ta’ waħda mill-partijiet kontraenti għandhom id-dritt ta’ aċċess liberu u mingħajr ostakoli għall-qrati, għall-prosekutur, għall-uffiċċji notarili [...] u għal istituzzjonijiet oħra tal-parti kontraenti l-oħra li huma kompetenti f’materji ċivili, tal-familja u kriminali; huma jistgħu jidhru hemmhekk, iressqu talbiet, jippreżentaw rikorsi u jipproċedu b’atti proċedurali oħra taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali.

[...]

Artikolu 62. Rifjut tal-estradizzjoni

1.      L-estradizzjoni ma sseħħx jekk:

1)      il-persuna li tkun is-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni tkun ċittadin tal-parti kontraenti li lilha tiġi indirizzata t-talba, jew jekk din il-persuna tkun kisbet l-istatus ta’ refuġjat f’dan l-Istat.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.      Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji, iffirmat f’Tallinn fil-11 ta’ Novembru 1992, jipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu:

“Fir-rigward tad-drittijiet personali u patrimonjali, iċ-ċittadini ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li jinsabu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra jibbenefikaw mill-istess protezzjoni ġuridika hemmhekk bħaċ-ċittadini ta’ din il-parti kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.      Aleksei Petruhhin, ċittadin Estonjan, kien is-suġġett ta’ avviż ta’ tfittxija prijoritarju ppubblikat fuq is-sit internet tal-Interpol, fit-22 ta’ Lulju 2010.

13.      A. Petruhhin ġie arrestat fit-30 ta’ Settembru 2014 fil-belt ta’ Bauska (il-Latvja), u sussegwentement tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja.

14.      Fil-21 ta’ Ottubru 2014, l-awtoritajiet Latvjani ġew aditi b’talba għal estradizzjoni mressqa mill-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa. Minn din it-talba jirriżulta li nbdew proċeduri kriminali kontra A. Petruhhin permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2009 u li dan tal-aħħar kellu jitqiegħed taħt detenzjoni abbażi ta’ miżura li tneħħi l-libertà. Skont din id-deċiżjoni, A. Petruhhin huwa akkużat b’attentat ta’ traffikar ta’ kwantità kbira ta’ drogi b’assoċjazzjoni ma’ kriminali oħra. Skont il-leġiżlazzjoni Russa, dan ir-reat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn 8 u 20 sena.

15.      Il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja awtorizza l-estradizzjoni ta’ A. Petruhhin lejn ir-Russja. Madankollu, fl-4 ta’ Diċembru 2014, A. Petruhhin talab l-annullament tad-deċiżjoni ta’ estradizzjoni għar-raġuni li, skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji, huwa kellu, fil-Latvja, l-istess drittijiet bħal ċittadin Latvjan u li, konsegwentement, ir-Repubblika tal-Latvja kienet obbligata tipproteġih minn estradizzjoni infondata.

16.      L-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja) tenfasizza li la d-dritt Latvjan u lanqas ebda ftehim internazzjonali ffirmat mir-Repubblika tal-Latvja, b’mod partikolari mal-Federazzjoni Russa u mal-pajjiżi Baltiċi l-oħrajn, ma jipprevedu limitazzjoni għall-estradizzjoni ta’ ċittadin Estonjan lejn ir-Russja. Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 62 tal-Ftehim tat-3 ta’ Frar 1993 bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-Federazzjoni Russa, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili, tal-familja u kriminali, il-protezzjoni minn tali estradizzjoni hija prevista biss fir-rigward taċ-ċittadini Latvjani.

17.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li għalkemm id-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (4), tawtorizza l-konsenja, bejn l-Istati Membri, taċ-ċittadini rispettivi tagħhom, min-naħa l-oħra, ma huwiex previst mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni bejn l-Istati Membri li jippermetti li jiġi rċevut il-kunsens tal-Istat Membru li l-persuna tkun ċittadina tiegħu għall-estradizzjoni ta’ din il-persuna lejn Stat terz.

18.      Skont il-qorti tar-rinviju, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija minn Stat Membru liċ-ċittadini tiegħu stess kontra l-estradizzjoni lejn Stat terz hija effettiva biss fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Madankollu, fl-opinjoni tagħha, dan imur kontra l-essenza taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt għal protezzjoni ekwivalenti. Hija tenfasizza li din is-sitwazzjoni toħloq inċertezza għaċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-libertà li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

19.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi l-opinjoni li, skont id-dritt tal-Unjoni, f’każ ta’ talba għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru lejn Stat terz, l-Istat Membru li jirċievi tali talba għandu jiggarantixxi l-istess livell ta’ protezzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni bħal dak li joffri liċ-ċittadini tiegħu stess.

20.      Minkejja dan, billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dritt tal-Unjoni, fis-26 ta’ Marzu 2015, l-Augstākā tiesa (qorti suprema) iddeċidiet, filwaqt li annullat iż-żamma taħt detenzjoni ta’ A. Petruhhin, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni lejn Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni, skont ftehim dwar l-estradizzjoni konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz, għandu jiġi ggarantit l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak li huwa ggarantit lil ċittadin tal-Istat Membru inkwistjoni?

2)      F’tali ċirkustanzi, il-qorti tal-Istat Membru li kien mitlub l-estradizzjoni għandha tapplika l-kundizzjonijiet ta’ estradizzjoni tal-Istat [Membru] tan-nazzjonalità jew ta’ dak li fih tinżamm ir-residenza abitwali [tal-parti kkonċernata]?

3)      Fil-każijiet fejn l-estradizzjoni għandha ssir mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell speċifiku ta’ protezzjoni stabbilit għaċ-ċittadini tal-Istat li jkun ġie mitlub l-estradizzjoni, l-Istat Membru li ġie mitlub l-estradizzjoni għandu jivverifika li jiġu osservati l-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-Karta, jiġifieri li l-ebda persuna ma tista’ tiġi estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti? Din il-verifika tista’ tiġi limitata għall-konstatazzjoni li l-Istat li jitlob l-estradizzjoni jkun parti kontraenti fil-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tat-tortura, jew għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni konkreta, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-imsemmi Stat magħmula mill-Kunsill tal-Ewropa?”

III – L-analiżi tiegħi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

 1.     Fuq l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 1(1) tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali

21.      Fir-rikors li ppreżenta kontra d-deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja li jawtorizza l-estradizzjoni tiegħu, A. Petruhhin jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji. Fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, huwa jsostni li huwa għandu jibbenefika, min-naħa tar-Repubblika tal-Latvja, mill-istess protezzjoni bħal dik li dan l-Istat Membru jiggarantixxi liċ-ċittadini tiegħu fil-każ ta’ proċeduri kriminali. Minn dan isegwi li l-imsemmi Stat Membru għandu l-obbligu li jiddefendi lil A. Petruhhin kontra talba għal estradizzjoni mhux iġġustifikata u li dan tal-aħħar għandu d-dritt jistenna li r-Repubblika tal-Latvja tagħmel kull sforz biex tikseb il-provi li jistabbilixxu l-ħtija jew l-innoċenza tiegħu. Madankollu, fil-fehma tiegħu, mill-pożizzjoni meħuda mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja, jirriżulta li ma huwa ser isir xejn biex jiġu vverifikati kemm jista’ jkun u bl-iktar mod preċiż possibbli r-reati allegati fil-konfront tiegħu fit-territorju Russu.

22.      Waqt is-seduta, il-Gvern Latvjan ġie mistoqsi dwar jekk l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji, jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti liċ-ċittadini Estonjani u Litwani l-istess protezzjoni mill-estradizzjoni bħal dik li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini Latvjani. Il-Gvern Latvjan indika, f’dan ir-rigward, li sa issa, il-ġurisprudenza Latvjana ma interpretatx din id-dispożizzjoni fis-sens li tagħti garanziji supplimentari liċ-ċittadini Estonjani u Litwani biex ma jiġux estraditi mir-Repubblika tal-Latvja.

23.      Huwa kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk tistax issib soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali billi tinterpreta l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji. B’mod partikolari, hija għandha teżamina jekk l-espressjoni “drittijiet personali”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tkoprix id-dritt li wieħed jibbenefika minn protezzjoni ġuridika mill-estradizzjoni.

 2.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

24.      Waqt is-seduta, il-Gvern Latvjan issuġġerixxa li A. Petruhhin ma kienx għadu fit-territorju tiegħu, iżda li wara l-annullament taż-żamma taħt detenzjoni tiegħu fis-26 ta’ Marzu 2015, huwa mar lura l-Estonja. Minn dan il-gvernijiet tal-Istati Membri li ppreżentaw il-fehmiet tagħhom f’din is-seduta kkonkludew li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

25.      F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tiġi deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom (5).

26.      Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (6).

27.      Minn dan isegwi li l-mistoqsijiet b’rabta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-qafas leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex x’taqsam mar-realtà tal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha (7).

28.      Għaldaqstant, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħhom huma mistennija li jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (8).

29.      Dan huwa l-każ fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, il-Gvern Latvjan, waqt is-seduta, ikkonferma li l-qorti tar-rinviju għadha adita b’kawża li tinsab pendenti quddiemha. Irrispettivament mill-inċertezza dwar il-post fejn attwalment jinsab A. Petruhhin, il-qorti tar-rinviju għalhekk għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja li dan tal-aħħar jiġi estradit. Skont l-Artikolu 707 tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Latvjan, il-qorti tar-rinviju tista’ tiddeċiedi li jew tinżamm id-deċiżjoni tal-Prosekutur, jew li din tiġi annullata u li l-estradizzjoni ma għandhiex tiġi awtorizzata, jew li t-talba għal estradizzjoni tiġi suġġetta għal eżami supplimentari. Mill-perspettiva tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-qorti tar-rinviju, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula minn din tal-aħħar tibqa’ utli. Bħal kundanna segwita mill-ħarba tal-persuna kkundannata, tali deċiżjoni sussegwentement tista’ tiġi eżegwita f’kull mument, jekk ikun meħtieġ wara arrest mill-ġdid ta’ A. Petruhhin fit-territorju Latvjan.

30.      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.

B –    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

31.      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ Stat Membru li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li huwa s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni minn Stat terz għandu jibbenefika mill-istess regola bħal dik li tipproteġi liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor mill-estradizzjoni.

32.      Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni ta’ A. Petruhhin taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

33.      Il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dak tar-Renju Unit, isostnu li r-regoli dwar l-estradizzjoni, f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim dwar din il-kwistjoni ma’ Stat terz, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

34.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni. Għall-kuntrarju, naqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Gvern tar-Renju Unit waqt is-seduta, jiġifieri li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) TFUE huma applikabbli sa fejn A. Petruhhin eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu jew ta’ residenza tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u li għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa għandu d-dritt għal trattament identiku għal dak li jingħata liċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti.

35.      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, bħala ċittadin Estonjan, A. Petruhhin igawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 20(1) TFUE, u għalhekk jista’ jinvokah kemm fil-konfront tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu kif ukoll fil-konfront tal-Istat Membru li fih għandu drittijiet relatati ma’ dan l-istatus.

36.      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’ħafna okkażjonijiet, dan l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li permezz tiegħu dawk fosthom li jinsabu fl-istess sitwazzjoni jistgħu jiksbu l-istess trattament ġuridiku, fil-kuntest ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward (9). 

37.      Peress li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 20 TFUE, ma għandhiex l-għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE għal sitwazzjonijiet interni li ma għandhom ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni (10), jeħtieġ li jiġi identifikat jekk jeżistux tali elementi ta’ konnessjoni.

38.      Dwar dan il-punt, il-gvernijiet tal-Istati Membri, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tennew il-pożizzjoni tradizzjonali f’dan it-tip ta’ każ, jiġifieri li sabiex ikunu applikabbli r-regoli tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jeħtieġ li l-fatti tal-kawża prinċipali jkunu relatati ma’ kwistjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, u li ma huwiex biżżejjed li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ikun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu.

39.      Minkejja dan, wieħed għandu jinsisti fuq il-fatt li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm dawk relatati mal-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif prevista mill-Artikolu 21 TFUE (11). Għaldaqstant, fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, element ta’ konnessjoni rilevanti għad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun jinvolvi l-eżerċizzju minn ċittadin ta’ Stat Membru tad-dritt tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (12). Għall-kuntrarju, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun affaċċjata b’sitwazzjoni li fiha, minn naħa, il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, il-persuna li tinvoka d-dritt tal-Unjoni ma tkunx għamlet użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħha previst fl-Artikolu 21 TFUE, hija tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jkollha quddiemha (13).

40.      Issa huwa paċifiku li A. Petruhhin, li ġie arrestat il-Latvja, għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, iggarantita mill-Artikolu 21(1) TFUE.

41.      Jeħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li, fin-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-estradizzjoni ta’ ċittadini tal-Istati Membri lejn ir-Russja (14), dawn l-Istati jibqgħu kompetenti sabiex jadottaw tali regoli u sabiex jikkonkludu ftehimiet f’dan il-qasam mal-Federazzjoni Russa.

42.      Għalhekk, l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni. Dan jikkonċerna l-applikazzjoni, fi kwistjonijiet ta’ estradizzjoni, ta’ ġurisprudenza stabbilita li skontha l-Istati Membri huma obbligati josservaw id-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat‑Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni mogħtija lil kull ċittadin (15). 

43.      Għaldaqstant, anki f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, meta sitwazzjoni partikolari jkollha fattur ta’ konnessjoni suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni, kif inhuwa l-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, dawn l-Istati huma obbligati jiġġustifikaw differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tagħhom u dawk tal-Istati Membri l-oħra permezz ta’ raġunijiet oġġettivi (16).

44.      Għandu issa jiġi eżaminat jekk ir-regola li skontha r-Repubblika tal-Latvja ma testradixxix liċ-ċittadini tagħha stess tikkostitwixxix diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18(1) TFUE.

45.      A. Petruhhin ġie arrestat fil-Latvja u tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja hemmhekk sas-26 ta’ Marzu 2015. Talba għal estradizzjoni min-naħa tal-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa waslet għand il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja fil-21 ta’ Ottubru 2014. Għalhekk, huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt Latvjan kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-Ftehim tat-3 ta’ Frar 1993 bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-Federazzjoni Russa, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili, tal-familja u kriminali, li għandhom japplikaw.

46.      Fil-kuntest tal-kawża preżenti, ir-regola li skontha ċ-ċittadini Latvjani ma jistgħux jiġu estraditi mil-Latvja lejn Stat terz tinsab fit-tielet sentenza tal-Artikolu 98 tal-Kostituzzjoni Latvjana, fl-Artikolu 697(2)(1) tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Latvjan, kif ukoll fl-Artikolu 62(1)(1) tal-Ftehim tat-3 ta’ Frar 1993 bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-Federazzjoni Russa, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili, tal-familja u kriminali.

47.      Sa fejn, skont din ir-regola, huma ċ-ċittadini Latvjani biss li jibbenefikaw minn din il-protezzjoni mill-estradizzjoni, minn dan tirriżulta differenza fit-trattament fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra li jinsabu fit-territorju Latvjan u li huma s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni magħmula minn Stat terz.

48.      Peress li A. Petruhhin eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza f’dan it-territorju, kif mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE, huwa fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE li għandu jiġi eżaminat jekk ir-regola li skontha r-Repubblika tal-Latvja ma testradixxix liċ-ċittadini tagħha stess lejn ir-Russja hijiex kompatibbli mal-prinċipju li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità.

49.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod. Tali trattament jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u proporzjonati mal-għan leġittimu mfittex (17).

50.      Għaldaqstant hemm lok li, f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini Latvjani li jirrisjedu l-Latvja titqabbel ma’ dik taċ-ċittadini Latvjani.

51.      Il-prinċipju li ċ-ċittadini nazzjonali ma jiġux estraditi jikkostitwixxi prinċipju tradizzjonali tad-dritt tal-estradizzjoni. Huwa joriġina mis-sovranità tal-Istati fuq iċ-ċittadini tagħhom, mill-obbligi reċiproċi li jgħaqqduhom flimkien u min-nuqqas ta’ fiduċja fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati l-oħra. Għalhekk, fost ir-raġunijiet li huma invokati bħala ġustifikazzjoni ta’ dan il-prinċipju nsibu, b’mod partikolari, id-dmir tal-Istat li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu mill-applikazzjoni ta’ sistema kriminali barranija, li la jkunu jafu l-proċedura u lanqas il-lingwa tagħha, u li fil-kuntest tagħha jkun diffiċli għalihom li jiddefendu ruħhom (18).

52.      Eżaminati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u tal-ugwaljanza fit-trattament li dan jistabbilixxi, il-bażijiet tal-prinċipju li ċ-ċittadini nazzjonali ma jiġux estraditi jidhru relattivament dgħajfa. Dan huwa l-każ tal-obbligu ta’ protezzjoni li Stat Membru jrid ikollu fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu. Jien ma narax għalfejn tali obbligu ma għandux ikun estiż għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra. L-Artikolu 20(2)(ċ) TFUE wkoll jimmilita f’dan is-sens, sa fejn jipprevedi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom “id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta’ l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat”.

53.      L-istess japplika għall-argument li skontu l-prinċipju li ċ-ċittadini nazzjonali ma jiġux estraditi huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ fiduċja tal-Istati fir-rigward tas-sistemi ġuridiċi barranin. Dwar dan il-punt, seta’ jkun osservat ġustament li “[d]an in-nuqqas ta’ fiduċja mingħajr dubju jikkostitwixxi waħda mill-bażijiet essenzjali għal dak li jsawwar il-mod kif inhija pprattikata l-estradizzjoni – u fuq kollox irrifjutata – illum il-ġurnata. Iżda għalkemm dan jista’ jiġġustifika li Stat ma jweġibx b’mod favorevoli għal talba għal estradizzjoni, diffiċli jispjega għalfejn dan ir-rifjut jopponi biss talba għal estradizzjoni ta’ ċittadin minħabba n-nazzjonalità. Għalkemm in-nuqqas ta’ fiduċja jiġġustifika rifjut ta’ estradizzjoni, dan jiġġustifikah fir-rigward ta’ kulħadd, mhux biss fir-rigward taċ-ċittadini nazzjonali” (19) [traduzzjoni libera].

54.      Għalkemm il-bażijiet tar-regola li skontha Stat ma jestradixxix liċ-ċittadini tiegħu stess għalhekk għandhom jitqiesu b’kawtela meta jiġu evalwati fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, fil-fehma tiegħi, teżisti madankollu raġuni oġġettiva biex issir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni li jinsabu fiha ċ-ċittadini tal-Istat Membru mitlub u dik li jinsabu fiha ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra fir-rigward ta’ talba għal estradizzjoni magħmula minn Stat terz.

55.      Fil-fatt, hemm lok li, f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini Latvjani li jirrisjedu l-Latvja titqabbel ma’ dik taċ-ċittadini Latvjani fir-rigward tal-għan li ġie enfasizzat minn diversi Stati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jiġifieri l-għan li tiġi miġġielda l-impunità tal-persuni ssuspettati li wettqu reat. Tali għan ċertament għandu natura leġittima fid-dritt tal-Unjoni (20).

56.      Fuq dan il-punt, nosserva li l-estradizzjoni hija proċedura li tippermetti li jinbdew proċeduri kriminali għal reat jew l-eżekuzzjoni ta’ piena. Fi kliem ieħor, din hija proċedura bl-għan intrinsiku li tiġġieled l-impunità ta’ persuna li tinsab f’territorju li ma huwiex dak fejn twettaq ir-reat (21).

57.      Fir-rigward ta’ tali għan, is-sitwazzjoni li jinsabu fiha ż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini tal-Unjoni msemmija qabel tista’ titqies li hija komparabbli biss jekk it-tnejn li huma setgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Latvja għal reati mwettqa fi Stat terz.

58.      Fi kliem ieħor, l-eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet li jinsabu fihom iċ-ċittadini tal-Istat Membru mitlub u dawk tal-Istati Membri l-oħra jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk, konformement mal-prinċipju aut dedere aut judicare (estradizzjoni jew prosekuzzjoni), iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ser jiġu estraditi lejn Stat terz jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fl-Istat Membru mitlub minħabba reati mwettqa f’dan l-Istat terz. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk f’dan il-każ huwiex osservat il-prinċipju tradizzjonali fid-dritt internazzjonali tal-estradizzjoni li skontu l-Istat mitlub li jirrifjuta li jestradixxi ċ-ċittadini tiegħu għandu jkun f’pożizzjoni li jieħu proċeduri kriminali kontra dawn tal-aħħar.

59.      Hugo Grotius iddefinixxa l-prinċipju aut dedere aut punire (estradizzjoni jew punizzjoni) bil-mod segwenti: “[m]eta jkun mitlub, Stat għandu jikkastiga lill-persuna ħatja kif jistħoqqilha, jew inkella jgħaddiha f’idejn l-Istat rikjedenti” [traduzzjoni libera] (22). It-terminu “jikkastiga” issa huwa ssostitwit bit-terminu “jieħu proċeduri kriminali” bħala t-tieni alternattiva għall-estradizzjoni sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni tal-innoċenza li jibbenefikaw minnha l-persuni ssuspettati li wettqu reat.

60.      Il-prinċipju aut dedere aut judicare huwa espress f’diversi konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali dwar l-estradizzjoni (23). L-obbligu ta’ estradizzjoni jew prosekuzzjoni pereżempju huwa espress fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957. L-Artikolu 6(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li “[k]ull Parti kontraenti ser ikollha l-għażla li tirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija konvenzjoni jissupplimenta din id-dispożizzjoni sa fejn jipprovdi li, “[j]ekk il-parti mitluba ma testradixxix liċ-ċittadin tagħha, hija għandha, fuq talba tal-parti rikjedenti, tressaq il-kawża quddiem l-awtoritajiet kompetenti sabiex jekk ikun hemm bżonn ikunu jistgħu jinbdew proċeduri ġudizzjarji”.

61.      Bħalma jindika r-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2014, intitolat “L-obbligu ta’ estradizzjoni jew ta’ prosekuzzjoni (aut dedere aut judicare)”, dawn il-konvenzjonijiet huma bbażati fuq l-impenn ġenerali reċiproku tal-Istati kontraenti li jirritornaw lil kull persuna li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjedenti jkunu fetħu proċeduri kontriha jew li tkun imfittxija għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna jew ta’ miżura li tneħħi l-libertà. Dan l-obbligu ta’ estradizzjoni madankollu għandu ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet, b’mod partikolari meta l-individwu li tintalab l-estradizzjoni tiegħu jkun ċittadin tal-Istat mitlub. Sabiex tiġi evitata l-impunità, l-imsemmija konvenzjonijiet jimponu fuq l-Istat mitlub it-tieni alternattiva, jiġifieri l-obbligu li jittieħdu proċeduri kriminali kontra l-awtur tar-reat jekk jirrifjuta li jestradixxih (24).

62.      Għaldaqstant, skont l-obbligu ta’ estradizzjoni jew ta’ prosekuzzjoni, jekk l-Istat mitlub ma jilqax talba għal estradizzjoni, huwa obbligat li jieħu proċeduri kriminali (25) kontra l-persuna ssuspettata sabiex jiżgura l-effettività tal-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-Istati u jevita li din tibqa’ ma tiġix ikkastigata.

63.      Issa huwa preċiżament fir-rigward ta’ dan l-element tal-aħħar li, fil-kuntest ta’ kawża prinċipali, iċ-ċittadini Latvjani u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli.

64.      Jista’ jkun hemm ir-riskju ta’ impunità tal-persuna kkonċernata minn talba għal estradizzjoni jekk l-Istat Membru mitlub ma jkunx ippreveda, fid-dritt intern tiegħu, ġurisdizzjoni li tippermettilu jiddeċiedi dwar ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkun issuspettat li wettaq reat fit-territorju ta’ Stat terz.

65.      F’dan ir-rigward, nirrileva, bħall-Kummissjoni, li skont l-Artikolu 4(1) tal-liġi kriminali Latvjana, “[i]l-persuni ċittadini u mhux ċittadini Latvjani (26) kif ukoll il-barranin detenturi ta’ permess ta’ residenza permanenti fil-Latvja għandhom jinżammu responsabbli, fit-territorju tal-Latvja skont din il-liġi, għal att imwettaq fit-territorju ta’ Stat ieħor jew barra mit-territorju nazzjonali, irrispettivament minn jekk dan l-att jitqiesx jew le li huwa ksur u suġġett għal sanzjonijiet kriminali fil-post fejn twettaq”.

66.      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ċ-ċittadini Latvjani li jkunu wettqu reat fi Stat terz jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Latvja. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward ta’ barranin li jkollhom permess ta’ residenza permanenti fit-territorju Latvjan.

67.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-barranin li ma jkollhomx permess bħal dan, l-eżerċizzju mill-qrati kriminali Latvjani tal-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward ta’ rati mwettqa fit-territorju ta’ Stat terz huwa limitat, skont l-Artikolu 4(3) tal-liġi kriminali Latvjana, għall-każijiet ta’ “reati gravi jew gravi ħafna kontra l-interessi tar-Repubblika tal-Latvja jew tal-abitanti tagħha”.

68.      Għaldaqstant jidher li minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali Latvjana jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru minbarra r-Repubblika tal-Latvja, bħal A. Petruhhin, li fir-rigward tiegħu huwa paċifiku li ma għandux permess ta’ residenza permanenti fit-territorju Latvjan, ma jistax ikun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Latvja għal reat li huwa ssuspettat li wettaq fir-Russja. Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-għan li tiġi evitata l-impunità ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat fi Stat terz, dan iċ-ċittadin ma jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik taċ-ċittadini Latvjani.

69.      Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini Latvjani li jirrisjedu l-Latvja u ċ-ċittadini Latvjani ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, sa fejn din hija ġġustifikata mill-għan li tiġi miġġielda l-impunità ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat fi Stat terz.

70.      Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jirrikjedux li ċittadin ta’ Stat Membru li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li huwa s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni minn Stat terz jibbenefika mill-istess regola bħal dik li tipproteġi liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor mill-estradizzjoni.

C –    Fuq it-tielet domanda

71.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, minn naħa, jekk Stat Membru li jiddeċiedi li jestradixxi ċittadin tal-Unjoni lejn Stat terz huwiex obbligat iwettaq verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, fiex għandha tikkonsisti din il-verifika.

72.      Mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li din il-kwistjoni jidher li toriġina mill-allegazzjonijiet ta’ A. Petruhhin li huwa jista’ jkun mhedded bit-tortura jekk jiġi estradit lejn ir-Russja.

73.      Skont l-Artikolu 19(2) tal-Karta, “[ħ]add ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”.

74.      L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (27) jindikaw li din id-dispożizzjoni “[t]inkorpora l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (28)]” (29).

75.      Ladarba s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li, bħalma huwa l-każ ta’ A. Petruhhin, għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif għidt preċedentement, jien tal-fehma li l-Artikolu 19(2) tal-Karta jista’ jiġi applikat f’sitwazzjoni bħal din.

76.      Għalhekk, qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq talba dwar l-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkun għamel użu mid-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE hija obbligata tivverifika l-garanziji previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta.

77.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar fiex għandha tikkonsisti din il-verifika, konformement mal-ispjegazzjonijiet fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, jeħtieġ li jsir riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB.

78.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni mit-trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 3 tal-KEDB hija assoluta u li, għalhekk, it-tneħħija ta’ persuna mit-territorju min-naħa ta’ Stat kontraenti tista’ tqajjem problema fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat inkwistjoni abbażi tal-KEDB, meta jkun hemm raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-parti kkonċernata, jekk titneħħa lejn il-pajjiż tad-destinazzjoni, hemmhekk ser tkun tinsab f’riskju reali li tiġi suġġetta għal trattament li jmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni (30). F’dan il-każ, l-Artikolu 3 tal-KEDB “jimplika l-obbligu li l-persuna inkwistjoni ma titneħħiex lejn dan il-pajjiż, anki jekk ikun pajjiż terz” (31). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tispeċifika li hija “ma tagħmilx distinzjoni skont il-bażi legali tat-tneħħija; irrispettivament minn jekk tkunx ikkonċernata tkeċċija jew estradizzjoni, il-Qorti tadotta l-istess raġunament” (32).

79.      Meta l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina jekk rikorrent huwiex ser ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti ħżiena fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, hija tevalwa “minn naħa s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u min-naħa l-oħra l-elementi speċifiċi għall-każ tar-rikorrent. Meta l-Istat ospitanti jkun ipprovda garanziji, dawn jikkostitwixxu fattur rilevanti supplimentari li hija tieħu inkunsiderazzjoni” (33). Għalhekk, lil hinn mis-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, ir-riskju reali li wieħed ikun suġġett għal trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 3 tal-KEDB għandu jiġi individwalizzat.

80.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx raġunijiet serji u pprovati biex wieħed jemmen li hemm riskju reali ta’ trattamenti inkompatibbli mal-Artikolu 3 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tibbaża ruħha fuq il-provi kollha li jkunu ġew prodotti quddiemha jew, jekk ikun hemm bżonn, li hija tikseb ex officio (34). Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ġenerali f’pajjiż, hija ta’ spiss tat importanza lill-informazzjoni li tinsab fir-rapporti reċenti li ġejjin minn assoċjazzjonijiet internazzjonali indipendenti tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem bħal Amnesty International jew sorsi governattivi (35).

81.      Minbarra din id-deskrizzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b’konformità magħha, jeħtieġ li jitqies ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement tat deċiżjoni fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299.

82.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Karta, li “bil-għan li tiġi ggarantita l-osservanza [ta’ dan l-artikolu] fil-każ individwali tal-persuna li tkun suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li jkollha quddiemha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li jixhdu l-eżistenza ta’ [fallimenti sistematiċi jew iġġeneralizzati, jew li jmissu ċerti gruppi ta’ persuni], għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġielgħuha temmen li, wara l-konsenja tiegħu [tagħha] lill-Istat Membru emittenti, din il-persuna tkun qed tirriskja realment li f’dan l-Istat Membru tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens [tal-imsemmi] artikolu” (36).

83.      Il-metodoloġija ddefinita b’dan il-mod mill-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li tista’ tiġi applikata għas-sitwazzjoni li fiha, wara talba għal estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni minn Stat terz, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru mitlub tivverifika jekk humiex osservati l-garanziji previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta.

IV – Konklużjoni

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domandi magħmula mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja):

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jirrikjedux li ċittadin ta’ Stat Membru li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li huwa s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni minn Stat terz jibbenefika mill-istess regola bħal dik li tipproteġi liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor mill-estradizzjoni.

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-każ individwali ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru mitlub, li jkollha quddiemha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jixhdu l-eżistenza ta’ dgħufijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jaffettwaw lil ċerti gruppi ta’ persuni, hija obbligata tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistux raġunijiet serji u pprovati li jġielgħuha temmen li, wara l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istat terz rikjedenti, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ser ikun f’riskju reali li jiġi suġġett għal trattament inuman jew degradanti f’dan l-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


3      Mistoqsi, waqt is-seduta, dwar it-tifsira ta’ din l-espressjoni, il-Gvern Latvjan speċifika li l-“persuni [...] mhux ċittadini Latvjani” huma l-ex ċittadini Sovjetiċi li waslu fil-Latvja qabel l-indipendenza ta’ dan l-Istat. Dawn il-persuni la għażlu n-nazzjonalità Latvjana u lanqas in-nazzjonalità Russa u għandhom il-possibbiltà li jinnaturalizzaw ruħhom.


4      Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34. Deċiżjoni Qafas kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).


5      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export (C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export (C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export (C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-5 ta’ Ġunju 2014, Antonio Gramsci Shipping et (C‑350/13, EU:C:2014:1516, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C‑192/05, EU:C:2006:676, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara Iliopoulou, A., “Entrave et citoyenneté de l’Union”, L’entrave dans le droit du marché intérieur, Bruylant, Brussell, 2011, p. 191. Skont dan l-awtur, “[e]bda regola nazzjonali ma tista’ a priori tiġi eskluża milli tiġi kklassifikata bħala ostakolu fil-kuntest taċ-ċittadinanza. L-eżistenza ta’ element transkonfinali hija biżżejjed biex is-sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u biex twassal għal stħarriġ tal-kompatibbiltà mar-rekwiżiti tat-Trattat” [traduzzjoni libera] (p. 202). Ara wkoll, dwar dan is-suġġett, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Tas-Hagen u Tas (C‑192/05, EU:C:2006:223, punti 25 sa 43).


13      Ara, b’mod partikolari, id-digriet tad-19 ta’ Ġunju 2014, Teisseyre (C‑370/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2033, punti 33 sa 35).


14      Min-naħa l-oħra, jeżisti ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-estradizzjoni (ĠU 2003, L 181, p. 27) [ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/820/PESK, tat-23 ta’ Ottubru 2009, dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU 2009, L 291, p. 40)].


15      Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-kumpens għall-vittmi ta’ attakki mwettqa fit-territorju nazzjonali, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 19); fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar materji kriminali u ta’ proċedura kriminali, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C‑274/96, EU:C:1998:563, punt 17); fir-rigward tar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-kunjom ta’ persuna, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 25), kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2001, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata); fir-rigward ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bl-għan tal-irkupru tad-djun, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Pusa (C‑224/02, EU:C:2004:273, punt 22); fir-rigward ta’ regoli nazzjonali relatati mal-fiskalità diretta, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, EU:C:2005:446, punt 19); fir-rigward ta’ regoli nazzjonali li jiddeterminaw id-detenturi tad-dritt tal-vot u ta’ kandidatura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir-Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 78); fir-rigward tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-akkwist u tat-telf tan-nazzjonalità, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 39 u 41); fir-rigward tal-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata); u, fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u tal-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara Iliopoulou, A., op. cit. Skont dan l-awtur, “[i]d-dritt taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jirrikjedi li d-dritt taċ-ċittadinanza nazzjonali jiġġustifika ruħu, biex juri r-rilevanza u l-proporzjonalità tiegħu. L-Istat għandu jwettaq reviżjoni fid-dawl tal-istandards Ewropej tar-relazzjonijiet tiegħu mhux biss mal-‘barrani’ Komunitarju iżda wkoll maċ-ċittadini tiegħu” [traduzzjoni libera] (p. 196).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara Deen‑Racsmány, Z., u Blekxtoon, R., “The Decline of the Nationality Exception in European Extradition?”, European Journal of Crime, Criminal Law and Criminal Justice, Vol. 13/3, Koninklijke Brill NV, il-Pajjiżi l-Baxxi, 2005, p. 317.


19      Ara Thouvenin, J.‑M., “Le principe de non extradition des nationaux”, Droit international et nationalité, Colloque de Poitiers de la Société française pour le droit international, Pedone, Paris, 2012, p. 127, speċjalment p. 133.


20      Dan l-għan li tiġi miġġielda l-impunità ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 58 u 72).


21      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 4 ta’ Settembru 2014, Trabelsi vs Il-Belġju (CE:ECHR:2014:0904JUD000014010, § 117 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tindika li hija “ma tonqosx milli żżomm quddiem għajnejha l-prinċipji bażiċi tal-estradizzjoni li huma li l-persuni li wettqu reat li jkunu ħarbu jiġu impediti milli jevadu l-ġustizzja kif ukoll l-għan fejjiedi mfittex minnha għall-Istati kollha f’kuntest ta’ esternalizzazzjoni tal-kriminalità”.


22      Ara Grotius, H., De jure belli ac pacis, Ktieb II, Kapitolu XXI, Taqsima IV. Le droit de la guerre et de la paix: traduzzjoni bil-Franċiż minn Barbeyrac, J., Amsterdam, Pierre de Coud, 1724, Vol. 1, p. 639, speċjalment p. 640.


23      Ara, pereżempju, il-konvenzjonijiet multilaterali ċċitati fil-paġna 15 tar-Rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2014, intitolat “Obbligu tal-estradizzjoni jew tal-prosekuzzjoni (aut dedere aut judicare)”, jiġifieri l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957, il-Konvenzjoni Ġenerali ta’ Kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, iffirmata f’Antananarivo fit-12 ta’ Settembru 1961, il-Konvenzjoni Inter-Amerikana dwar l-Estradizzjoni tal-1981, il-Konvenzjoni dwar l-estradizzjoni tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, adottata f’Abuja fis-6 ta’ Awwissu 1994, u s-Sistema ta’ Londra għall-estradizzjoni bejn il-pajjiżi tal-Commonwealth.


24      Ara p. 15 ta’ dan ir-rapport finali.


25      Għalkemm l-espressjoni “obbligu ta’ prosekuzzjoni” hija l-iktar waħda użata, ikun iktar preċiż li dak li jkun isemmi obbligu li l-kawża titressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti biex jittieħdu l-proċeduri kriminali. Skont il-provi li jkun hemm, l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu tista’ twassal għat-teħid ta’ proċeduri kriminali jew le.


26      Dwar it-tifsira ta’ din l-espressjoni, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      ĠU 2007, C 303, p. 17.


28      Iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


29      Isir riferiment għas-sentenzi tal-Qorti EDB tas-7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888), u tas-17 ta’ Diċembru 1996, Ahmed vs L-Awstrija (CE:ECHR:1996:1217JUD002596494).


30      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 4 ta’ Frar 2005, Mamatkoulov u Askarov vs It-Turkija (CE:ECHR:2005:0204JUD004682799, § 67); 28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L-Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, § 125 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll 4 ta’ Settembru 2014, Trabelsi vs Il-Belġju (CE:ECHR:2014:0904JUD000014010, § 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Qorti EDB, 4 ta’ Settembru 2014, Trabelsi vs Il-Belġju (CE:ECHR:2014:0904JUD000014010, § 116).


32      Qorti EDB, 4 ta’ Settembru 2014, Trabelsi vs Il-Belġju (CE:ECHR:2014:0904JUD000014010, § 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, § 187).


34      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 30 ta’ Ottubru 1991, Vilvarajah et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1991:1030JUD001316387, § 107); 4 ta’ Frar 2005, Mamatkoulov u Askarov vs It-Turkija (CE:ECHR:2005:0204JUD004682799, § 69), kif ukoll 28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L-Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, § 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Mamatkoulov u Askarov vs It-Turkija (CE:ECHR:2005:0204JUD004682799, § 72) kif ukoll Saadi vs L-Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, § 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 94).