Language of document : ECLI:EU:T:2011:355

Kawża T-38/07

Shell Petroleum NV et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli, 81 KE u 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Kunċett

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A, paragrafu 4)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Kapaċità effettiva li jiġi kkawżat dannu fis-suq affettwat

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A, paragrafi 1 sa 4 u 6)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur —Evalwazzjoni skont in-natura tal-ksur — Ksur serju ħafna

(Artikoli. 81 KE u 82 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A, paragrafi 1 u 2)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt A)

1.      Fil-każ tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din is-sussidjarja ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

(ara l-punti 53, 54)

2.      Il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li, minħabba l-pussess dirett jew indirett tal-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha, kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħhom. Għaldaqstant huwa l-obbligu tal-kumpannija parent li tirribatti din il-preżunzjoni billi turi li s-sussidjarji msemmija jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu, b’mod li ma jikkostitwixxux magħha entità ekonomika waħda u, għalhekk, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

B’mod iktar partikolari, hija l-kumpannija parent li għandha tressaq kull element li jirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn is-sussidjarji tagħha li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiemha, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

F’dan ir-rigward, ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja, u inqas u inqas ma hija implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda, li jawtorizza lill-Kummissjoni li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għaldaqstant, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur.

B’mod partikolari, il-fatt li l-kumpannija hija biss holding u mhux operazzjonali, li ftit li xejn tintervjeni fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha, ma jistax ikun biżżejjed biex jeskludi li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji msemmija billi tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp hija intiża li tikkonsolida l-holdings f’diversi kumpanniji u għandha l-funzjoni li tiżgura l-uniformità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll finanzjarju.

(ara l-punti 66-68, 70)

3.      Il-punt 2 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jsemmi, bħala eżempju ta’ ċirkustanzi aggravanti, il-ksur ripetut tal-istess tip magħmul mill-istess impriża jew impriżi. Il‑kunċett ta’ reċidiva, hekk kif jinftiehem f’ċertu numru ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur mill‑ġdid wara li kienet ġiet sanzjonata għal ksur li jixxiebah. Ir-reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali f’dak li jikkonċerna l-għażla ta’ elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li hija tillimita ruħha għal lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li jridu obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti mill-imsemmija setgħa tal-Kummissjoni u din tal-aħħar ma tistax tkun marbuta minn eventwali terminu ta’ preskrizzjoni għal tali konstatazzjoni.

F’dan ir-rigward, ir-ripetizzjoni minn impriża ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, b’mod partikolari ftit żmien wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti fejn din l-aħħar deċiżjoni ġiet adottata inqas minn għaxar snin wara l-ewwel deċiżjoni, turi t-tendenza tal-impriża kkonċernata li ma tapplikax il-konsegwenzi adegwati tal-konstatazzjoni fir-rigward tagħha ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, b’mod li l-Kummissjoni tista’ ġustament tibbaża fuq tali deċiżjonijiet preċedenti sabiex tikkonstata r-reċidiva, u dan mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Minbarra dan, il-miżuri adottati mill-impriża kkonċernata bil-għan li jiġi osservat id-dritt tal-kompetizzjoni ma jistgħux jaffettwaw ir-realtà tal-ksur li seħħ u r-reċidiva li ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ programm ta’ konformità mill-impriża kkonċernata ma tobbligax lill-Kummissjoni li tnaqqas l-ammont tal-multa minħabba dan il-fatt. Barra minn hekk, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-livell ta’ effettività tal-miżuri interni meħuda minn impriżi sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Fl-istess sens, il-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva lanqas ma tista’ tneħħi n-natura ta’ ċirkustanza aggravanti li għandha r-reċidiva tagħha.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura proporzjonali ta’ żieda fl-ammont tal-multa minħabba reċidiva, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont tal-multa u hija ma hijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża. Barra minn dan, il-Kummissjoni għandha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha. Issa, ir-reċidiva hija ċirkustanza li tiġġustifika żieda kunsiderevoli tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, ir-reċidiva tikkostitwixxi l-prova li s-sanzjoni preċedentement imposta ma kinitx suffiċjentement dissważiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’, billi tiffissa rata ta’ żieda minħabba reċidiva, tieħu inkunsiderazzjoni l-indizji li jikkonfermaw il-propensità tal-impriża kkonċernata li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż iż-żmien li jkun għadda bejn il-ksur inkwistjoni.

(ara l-punti 90-93, 95-98)

4.      Meta l-Kummissjoni timponi multa fuq impriża minħabba ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u tiffissa l-ammont tagħha billi tapplika koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni differenti minn dak użat sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ multa imposta fuq din l-istess impriża f’deċiżjoni oħra, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma huwiex miksur peress illi ż-żewġ deċiżjonijiet huma kull waħda bbażata fuq sitwazzjonijiet fattwali differenti.

Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi, fil-fatt, waħda mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni bl-għan li hija tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljenza li jagħtiha d-dritt Komunitarju, missjoni li tinkludi l-obbligu li ssegwi politika ġenerali bl-għan li tapplika, fir-rigward tal-kompetizzjoni, il-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur bl-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, b’mod speċjali għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità. Dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din tiġi imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, min-naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunata ma’ dawk tal-membri l-oħra ta’ akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, ta’ multa proporzjonalment ogħla minn dik li tissanzjona l-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi.

Minbarra dan, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa f’akkordju huwa rilevanti sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa. L-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tfittex fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiżgura li l-impriżi josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għat-tmexxija tal-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Minn dan isegwi li l-fattur ta’ dissważjoni li jista’ jiġi inkluż fil-kalkolu tal-multa għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Dan il-prinċipju japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet multiplikatur ta’ dissważjoni li bih tkun ġiet miżjuda l-multa imposta fuq impriża.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-iffissar tal-ammont tal-multi, u hija ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement. Isegwi li l-impriża kkonċernata ma tistax tinvoka l-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

(ara l-punti 119-122, 125, 126, 129, 136)

5.      Il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jiddistingwu l-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida). Barra minn hekk, id-differenza magħmula bejn l-impriżi tikkonsisti f’li tiġi ddeterminata, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Punt 1 A tal-linji gwida, il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju bl-għan tal-klassifikazzjoni tagħha fil-kategorija adegwata.

Għandha ssir distinzjoni bejn il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju, u l-impatt konkret tal-ksur imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida. F’dan l-aħħar każ, l-impatt konkret tal-ksur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, meta dan jista’ jitkejjel, biex issir il-klassifikazzjoni tal-ksur fi ksur ftit serju, serju jew serju ħafna. Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża tittieħed inkunsiderazzjoni, min-naħa tagħha, biex isir bilanċ tal-ammonti skont il-gravità tal-ksur.

Anki fin-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur li jista’ jitkejjel, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, u wara li tkun ikklassifikat il-ksur bħala ftit serju, serju jew serju ħafna, li tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-ammont inizjali tal-multa f’livell ogħla għall-impriżi li għandhom sehem mis-suq relattivament ikbar mill-oħrajn fis-suq ikkonċernat. Hija tieħu għalhekk inkunsiderazzjoni tal-influwenza effettiva li kull impriża teżerċita f’dan is-suq. Fil-fatt, dan l-element huwa l-espressjoni tal-livell ta’ responsabblità ogħla ta’ impriżi li għandhom sehem mis-suq relattivament ikbar minn dak tal-oħrajn fis-suq ikkonċernat għad-dannu li jsir lill-kompetizzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-konsumaturi meta jiġi konkluż akkordju sigriet.

(ara l-punti 146, 149, 150, 154)

6.      Mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma intiżi b’mod partikolari għall-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim ta’ sehem mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni turi l-impatt konkret tal-ksur fis-suq. Bl-istess mod, l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, waħidhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna.

(ara l-punt 166)

7.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u hija għandha f’dan ir-rigward tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

(ara l-punt 175)