Language of document : ECLI:EU:C:2014:192

Kawża C‑314/12

UPC Telekabel Wien GmbH

vs

Constantin Film Verleih GmbH

u

Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Sit internet li jqiegħed xogħlijiet ċinematografiċi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tad-detenturi ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur — Artikolu 8(3) — Kunċett ta’ ‘intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat’ — Fornitur tal-aċċess għall-internet — Digriet indirizzat lil fornitur tal-aċċess għall-internet li jipprojbih milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit internet — Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-27 ta’ Marzu 2014

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Domandi mhux relatati mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali — Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Intermedjarju fis-sens tal-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva — Fornitur tal-aċċess għal sit internet li jqiegħed oġġetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur — Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 8(3))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Sit internet li jqiegħed oġġetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur — Digriet indirizzat lil fornitur tal-aċċess għall-internet li jipprojbih milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit internet – Kundizzjonijiet u modalitajiet — Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11,16, 17(2) u 51; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 8(3))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 19-21)

2.        L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE , dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tqiegħed oġġetti protetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit internet mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, tkun qed tuża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess għall-internet tal-persuni li jikkonsultaw dawn l-oġġetti, li għandu jiġi kkunsidrat bħala intermedjarju fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva.

Fil-fatt, fornitur tal-aċċess għall-internet li jippermetti lill-klijenti tiegħu li jkollhom aċċess għal oġġetti protetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet minn terz, huwa intermedjarju li s-servizzi tiegħu jintużaw biex jinkisru drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan li d-Direttiva 2001/29 tfittex li tilħaq. L-esklużjoni tal-fornituri tal-aċċess għall-internet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 tnaqqas sostanzjalment il-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, mixtieqa minn din id-direttiva.

(ara l-punti 32, 33, 40 u d-dispożittiv 1)

3.        Id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li fornitur tal-aċċess għall-internet jiġi pprojbit, permezz ta’ ordni mogħtija minn qorti, milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit internet li jqiegħed online oġġetti protetti mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, meta din l-ordni ma tispeċifikax liema miżuri għandu jieħu dan il-fornitur tal-aċċess u meta dan tal-aħħar jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità intiżi biex jippenalizzaw il-ksur tal-imsemmija ordni billi jipprova li jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli, bil-kundizzjoni madankollu li, minn naħa, il-miżuri meħuda ma jċaħħdux inutilment lill-utenti tal-internet mill-possibbiltà li jkollhom aċċess b’mod leġittimu għall-informazzjoni disponibbli u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri jkollhom bħala effett li jipprekludu jew, tal-inqas, li jirrendu diffiċli t-twettiq tal-konsultazzjoni mhux awtorizzata ta’ oġġetti protetti u li jiskoraġġixxu serjament lill-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi tad-destinatarju ta’ din l-istess ordni milli jikkonsultaw dawn l-oġġetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom bi ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali.

(ara l-punt 64 u d-dispożittiv 2)