Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Marzu 2016 – H. vs Land Berlin

(Kawża C-174/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: H

Konvenut: Land Berlin

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18 UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE 1 , kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali ppubblikat fl-anness ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli ta’ dritt nazzjonali li jipprovdu li l-perijodu ta’ prova, li matulu pożizzjoni li tinvolvi funzjoni ta’ tmexxija fis-servizz pubbliku tkun ġiet assenjata lil persuna bi prova, jintemm permezz tal-liġi u bl-eskużjoni ta’ possibbiltà ta’ estensjoni anki jekk l-uffiċjal kien u għadu fuq leave parentali għall-parti l-kbira ta’ dak il-perijodu ta’ prova?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol 2 , b’mod partikolari l-Artikolu 14(1)(a) jew (ċ), l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li regoli ta’ dritt nazzjonali bil-kontenut kif deskritt fid-domanda 1, jinkludu diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess meta numru ferm ogħla ta’ nisa milli rġiel huma kkonċernati jew potenzjalment jistgħu jkunu kkonċernati minnhom?

F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1 jew għad-domanda 2, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni tipprekludi tali regoli tad-dritt nazzjonali anki meta huma ġġustifikati mill-għan li tkun tista’ ssir evalwazzjoni, matul il-perijodu ta’ prova, ta’ pożizzjoni permanenti li tinvolvi funzjoni ta’ tmexxija fil-każ biss li d-dmirijiet effettivament jitwettqu b’mod kontinwu għal perijodu twil ta’ żmien?

F’każ ta’ risposta affermattiva wkoll għad-domanda 3, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tawtorizza effett legali differenti mill-kontinwazzjoni tal-perijodu ta’ prova immedjatament wara tmiem tal-leave parentali – għat-tul tal-perijodu ta’ prova li jkun għadu ma ntemmx fil-bidu ta’ dan il-leave – għall-istess pożizzjoni ta’ servizz jew waħda paragunabbli, anki meta din il-pożizzjoni jew pożizzjoni stabbilita korrispondenti ma tkunx iktar disponibbli?

L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni timponi, f’każ simili, sabiex timtela pożizzjoni ta’ servizz jew pożizzjoni oħra b’funzjoni ta’ tmexxija li ma sseħx proċedura ġdida ta’ reklutaġġ permezz tal-inklużjoni ta’ kandidati oħra skont dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali?

____________

1 ĠU L 68, p. 13.

2 ĠU L 204, p. 23.