Language of document : ECLI:EU:C:2013:525

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Lulju 2013 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE – Kundizzjoni ta’ ‘selettività’ – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikolu 1(b)(i) – Għajnuna eżistenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul tal-kumpanniji – Tnaqqis tat-telf sostnut – Nuqqas ta’ tnaqqis fil-każ ta’ bidla fil-proprjetarju – Awtorizzazzjoni għal derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali”

Fil-Kawża C‑6/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

P Oy

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P Oy, minn O. A. Haapaniemi, avukat,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u S. Hartikainen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Koskinen, R. Lyal u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn P Oy (iktar ’il quddiem “P”) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul tal-kumpanniji, dwar ir-rifjut ta’ dawn l-awtoritajiet li jagħtuha l-benefiċċju tat-tnaqqis tat-telf fiskali li hija kienet sostniet, previst, bħala prinċipju, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, u t-tpaċija ta’ dan it-telf matul is-snin sussegwenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Definizzjonijiet”, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptitolu 8, Vol. 1, p. 339):

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      “għajnuna eżistenti” għandha tfisser:

(i)      mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 144 u 172 ta’ l-Att [dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-aġġustamenti tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L. 1, p. 1, iktar ’il quddeim l-“Att ta’ Adeżjoni”] kull għajnuna li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u li għadhom applikabbli wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

[…]”

 Id-dritt Finlandiż

4        Fl-Artikolu 117 tagħha, intitolat “Telf u tnaqqis tat-telf”, il-Liġi Nru 1535/1992, tat-30 ta’ Diċembru 1992, dwar it-taxxa fuq id-dħul (Tuloverolaki, iktar ’il quddiem it-“TVL”), tipprovdi:

“It-telf ikkonstatat għandu jitnaqqas mir-riżultat tas-snin fiskali sussegwenti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-parti.

It-telf għandu jitnaqqas fl-ordni li fih ikun seħħ.”

5        L-Artikolu 119 ta’ din il-liġi, intitolat “Telf li jirriżulta minn attività ekonomika jew agrikola”, jipprovdi:

“It-telf tas-sena fiskali, li jirriżulta minn attività ekonomika jew agrikola, għandu jitnaqqas mir-riżultat iġġenerat mill-attività ekonomika jew agrikola fuq l-għaxar snin fiskali sussegwenti, kif u meta dan ir-riżultat jiġi ġġenerat.

Telf li jirriżulta minn attività ekonomika għandu jfisser l-ammont tat-telf ikkalkolat skont il-liġi dwar l-impożizzjoni tad-dħul professjonali (laki elinkeinotulon verottamisesta), […]”

6        L-Artikolu 122 tal-istess liġi, intitolat “Effett ta’ bidla fil-proprjetarju fuq it-tnaqqis tat-telf”, fl-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi li t-telf sostnut minn kumpannija ma jkunx deduċibbli jekk, matul is-sena fiskali li fiha jkun twettaq it-telf jew sussegwentement, iktar minn nofs l-ishma jew l-azzjonijiet ikunu bidlu l-proprjetarju, esklużi bdil fil-proprjetarju pemezz ta’ wirt jew testment, jew iktar min-nofs ta’ dawn il-kumpanniji jkunu ġew issostitwiti.

7        L-imsemmi Artikolu 122 tat-TVL, fit-tielet paragrafu tiegħu jipprovdi li, minkejja dak previst fl-ewwel paragrafu, l-uffiċċju kompetenti għat-taxxa jista’, f’ċirkustanzi partikolari, meta dan ikun meħtieġ sabiex kumpannija tkompli bl-attivitajiet tagħha, jawtorizza t-tnaqqis tat-telf fuq talba għal dan l-għan.

8        Għal fini ta’ ċarezza tad-dispożizzjoni li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL u ta’ armonizzazzjoni tal-prattiki amministrattivi, fl-14 ta’ Frar 1996 id-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tal-Finlandja ppubblika l-ittra ta’ gwida Nru 634/348/96, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha huma dawn li ġejjin:

“2.      Proċedura ta’ awtorizzazzjoni derogatorja

2.1      Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni

Skont l-Artikolu 122 tat-TVL, [kumpannija] tista’, fuq talba u meta dan ikun neċessarju sabiex tkompli bl-attività tagħha, tikseb awtorizzazzjoni ta’ tnaqqis tat-telf ikkonstatat.

Jistgħu jitqiesu li huma raġunijiet partikolari, b’mod partikolari:

–        it-trasferimenti marbuta ma’ bdil fil-ġenerazzjoni;

–        il-bejgħ ta’ impriżi lil kollaboraturi;

–        ix-xiri ta’ impriża ġdida li għadha ma bdietx teżerċita l-attività;

–        il-bdil ta’ proprjetà fi ħdan il-grupp;

–        il-bdil ta’ proprjetà marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni;

–        konsegwenzi partikolari fuq l-impjiegi; u

–        bdil tal-proprjetà tal-kumpanniji kkwotati.

2.1.1.            Kundizzjonijiet partikolari

L-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 122 tat-TVL huwa li jiġi evitat li l-impriżi li jesperjenzaw telf ma jiġux ittrasformati f’merkanzija. Jekk il-bdil tal-proprjetarji tal-impriżi ma jkollux il-karatteristiċi msemmija, l-awtorizzazzjoni għat-tnaqqis tagħhom tista’ tingħata.

[...]

2.1.2 Tkomplija tal-attività

L-awtorizzazzjoni sabiex it-telf jitnaqqas jista’ jingħata jekk it-tnaqqis huwa neċessarju sabiex il-[kumpannija] tkompli bl-attività tagħha. Kundizzjoni assoluta tista’ tkun li l-[kumpannija] tkompli bl-attività tagħha wara l-bidla fil-proprjetarju. Jekk, fil-prattika, il-[kumpannija] tkun waqqfet l-attività tagħha u l-valur tagħha jibbaża ruħu essenzjalment fuq it-telf ikonstatat, ma jkunx hemm lok li l-awtorizzazzjoni derogatorja tingħata.”

9        Iċ-ċirkulari Nru 2/1999, ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tal-Finlandja fis-17 ta’ Frar 1999, issemmi wkoll, bħala raġuni partikolari, l-estensjoni tal-attività permezz tax-xiri mill-ġdid ta’ impriżi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fit-3 ta’ Settembru 1998, P, kumpannija stabbilita fl-1998, ressqet talba quddiem l-amministrazzjoni fiskali kompetenti sabiex, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL, tagħtiha l-benefiċċju tat-tnaqqis tat-telf li hija kienet sostniet matul is-snin fiskali 1998 sa 2004, minkejja li l-bdil fil-proprjetarju seħħ f’Awwissu 2004. L-attività ekonomika tal-impriża kompliet wara l-bdil fil-proprjetarju, kif ukoll wara bidliet ulterjuri fil-proprjetarju. Din it-talba ġiet miċħuda mill-amministrazzjoni fiskali kompetenti fl-24 ta’ Ottubru 2008, għar-raġuni li abbażi tagħhom l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni kien ġustifikat, minkejja l-bidlet fil-proprjetarju li seħħew.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2009, il-Helsingin hallinto-oikeus (it-Tribunal Amministrattiv ta’ Helsinki) ċaħad ir-rikors ta’ P għall-istess raġunijiet imsemmija mill-amministrazzjoni fiskali kompetenti. P appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus, li essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari l-kriterju ta’ selettività interpretat mill-angolu tas-setgħa diskrezzjonali li l-awtorità fiskali għandha f’dan il-każ, ixekklux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha jiġi awtorizzat it-tnaqqis tat-telf ta’ kumpannija minkejja li jkun sar bdil fil-proprjetarju tagħha, tant li din il-miżura ma ġietx debitament innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

12      Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza għal dan l-għan ikollha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali għaliex l-eżistenza nfisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali”.

13      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ dan il-kuntest ta’ referenza jeżistu żewġ possibbiltajiet. Skont l-ewwel possibbiltà, dan il-kuntest jista’ jiġi kkostitwit permezz tar-regola ġenerali tat-tpaċija tat-telf prevista fl-Artikoli 117 u 199 tat-TVL. Skont din ir-regola, l-awtorizzazzjoni ta’ deroga fil-każ ta’ bdil fil-proprjetarju ma twassalx lill-kumpannija benefiċjarja għal sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik prevista bir-regola ġenerali. Skont it-tieni possibbiltà, il-kuntest ta’ referenza huwa kkostitwit mir-regola tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL, li skont tali regola t-telf ma jistax jitnaqqas wara bdil fil-proprjetarju. Fir-rigward ta’ dan il-kuntest ta’ referenza, ir-regola derogatorja tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL tagħti lill-amministrazzjoni fiskali setgħa diskrezzjonali li tista’ tqiegħed lill-impriża benefiċjarja f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik ta’ impriża li, fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, ma tkunx ingħatalha d-dritt għat-tnaqqis.

14      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi u, għaldaqstant, huma selettivi a priori, jistgħu jiġu ġġustifikati meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jkunu jinsabu fiha. F’dan ir-rigward hija tosserva li s-sistema fiskali stabbilita bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tevita milli t-telf tal-impriża jsir kummerċ jew abbuż minnu. Dan ir-riskju jikkonċerna b’mod partikolari l-impriżi inattivi li jkunu sostnew xi telf, li kumpanniji oħra jistgħu, permezz ta’ diversi mezzi, jippruvaw jakkwistaw sabiex inaqqsu dan it-telf mill-profitti tagħhom. Is-setgħa diskrezzjonali li l-amminsitrazzjoni fiskali għandha f’dan il-każ tista’ tkun ikkunsidrata fil-kuntest ta’ din is-sistema fiskali fit-totalità tagħha, li l-għan tagħha huwa li tagħti l-benefiċċju tat-tnaqqis tat-telf fil-każ fejn ma jiġix stabbilit riskju ta’ abbuż.

15      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Korkein hallinto‑oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni bħal dik tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 [tat-TVL], il-kundizzjoni ta’ selettività li tirriżulta mil-Artikolu 107(1) tat-TFUE għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi d-dritt li jitnaqqas it-telf fil-każ ta’ tibdil tal-proprjetarju jekk il-proċedura prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE ma hijiex osservata?

2)      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat il-grupp ta’ riferiment, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola ġenerali tat-tnaqqis tat-telf ikkonstatat li tidher fl-Artikoli 117 u 118 [tat-TVL] jew id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-każijiet ta’ tibdil tal-proprjetarju?

3)      Jekk il-kundizzjoni ta’ selettività tal-Artikolu 107 TFUE hija kkunsidrata a priori bħala ssodisfatta, is-sistema li tirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 122 [tat-TVL] tista’ tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata mill-fatt li dan huwa mekkaniżmu inerenti għan-natura tas-sistema fiskali, li huwa neċessarju pereżemju għall-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali?

4)      Fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni u ta’ mekkaniżmu inerenti għan-natura tas-sistema fiskali, x’importanza għandha tingħata lill-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet? Għal dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu inerenti għan-natura tas-sistema fiskali, huwa meħtieġ li l-korp li japplika l-liġi ma jkollu l-ebda setgħa diskrezzjonali u li l-leġiżlazzjoni tiddefinixxi b’mod preċiż il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-deroga?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni sar-raba’ domandi

16      Permezz tat-tieni sar-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk sistema fiskali bħalma hija dik li tirriżulta mill-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 122 tat-TVL tissodisfax il-kundizzjoni ta’ selettività bħala element tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk l-eċċezzjoni prevista fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu hijiex ġustifikata mill-fatt li din hija inerenti għan-natura tas-sistema fiskali. Il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll kjarifika milll-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-importanza li l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni ta’ din is-sistema jista’ jkollha.

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE, bħala prinċipju jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva.

18      Għalhekk, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma tinkludix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, Ġabra p. I‑11113, punti 72, 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva” teħtieġ, qabel kollox, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa fil-konfront ta’ din is-sistema fiskali komuni jew “normali” li mbagħad għandha tiġi evalwata u stabbilita n-natura eventwalment selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni, u dan billi jintwera li din il-miżura tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn tiddistingwi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan marbut mas-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, Ġabra p. I‑7611, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-klassifikazzjoni tippreżumi mhux biss l-għarfien tal-kontenut tar-regoli tad-dritt rilevanti, iżda teħtieġ ukoll l-eżami tal-portata tagħhom ibbażat fuq il-prassi amministrattiva u ġudizzjarja u fuq l-informazzjoni li tikkonċerna l-portata tal-kopertura personali ta’ dawn ir-regoli.

21      Billi l-qorti tar-rinviju ma għaddietx din l-informazzjoni kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija ma tistax tieħu pożizzjoni dwar din il-klassifikazzjoni.

22      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura li, għalkemm tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċjarju, tiġġustifika ruħha permezz tan-natura jew tal-istruttura ġenerali tas-sistema li fiha hija tinsab, ma tissodisfax din il-kundizzjoni ta’ selettività (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, miżura li tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali tista’ tkun iġġustifikata jekk l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji fundamentali jew prinċipali tas-sistema fiskali tiegħu (ara s-sentenza Paint Graphos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-preżenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni fiha nnifisha ma teskludix tali ġustifikazzjoni.

24      Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni hija possibbli fil-każ fejn, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti tkun limitata għall-verifika tal-kundizzjonijiet li huma stabbiliti sabiex iservu għan fiskali identifikabbli u l-kriterji li għandhom jiġu applikati minn din l-awtorità huma inerenti għan-natura tas-sistema fiskali.

25      Fir-rigward tal-awtorità kompetenti, huwa stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li setgħa diskrezzjonali li tippermetti li din l-awtorità tiddetermina l-benefiċjarji jew il-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija ma tistax titqies li hija ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, Ġabra p. I‑3913, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      B’hekk, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti li ssir tpaċija tat-telf fi snin fiskali sussegwenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju ma tistax titqies li hija selettiva jekk l-awtoritajiet kompetenti jkollhom, meta jiddeċiedu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ talba għal awtorizzazzjoni, biss setgħa diskrezzjonali limitata għas-sistema fiskali stabbilita bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bħalma huwa l-għan li jsir kummerċ mit-telf.

27      Għall-kuntrarju, jekk l-awtoritajiet ikollhom setgħa dikrezzjonali estiża sabiex jiddeterminaw il-benefiċjarji u l-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija abbażi ta’ kriterji li ma jagħmlux parti mis-sistema fiskali, bħalma hija ż-żamma tal-impjiegi, allura l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jitqies li jiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan segwit, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

28      Issa, f’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tal-Finlandja ħareġ ittra ta’ gwida, imsemmija fil-punt 8 tal-preżenti sentenza, li telenka bħala “raġuni partikolari” bl-għan ta’ awtorizzazzjoni derogatorja għall-projbizzjoni ta’ tnaqqis tat-telf, fost oħrajn, konsegwenzi partikolari fuq l-impjiegi.

29      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ politika ta’ żvilupp reġjonali jew ta’ koeżjoni soċjali bħala tali ma tistax tippermetti li miżura adottata fil-kuntest ta’ din il-politika titqies li hija ġustifikata min-natura u l-istruttura ta’ sistema fiskali nazjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 82).

30      Minkejja li, f’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-ittra ta’ gwida msemmija iktar ’il fuq ma hijiex ta’ natura legalment vinkolanti, għandu jiġi rrilevat li jekk l-awtorità kompetenti kellha tkun tista’ tiddetermina l-benefiċjarji tat-tnaqqis tat-telf abbażi ta’ kriterji li ma jeżistux fis-sistema fiskali, bħalma huma ż-żamma tal-impjiegi, allura tali eżerċizzju ta’ din is-setgħa jkollu jitqies li jiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fid-dawl tal-għan segwit, ikunu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.

31      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi biżżejjed sabiex tevalwa l-ġustifikazzjoni tan-natura possibbilment selettiva tas-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domandi għandha tkun li sistema fiskali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tissodisfa l-kundizzjoni ta’ selettività bħala element tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kieku kellu jiġi stabbilit li s-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema “normali”, tikkonsisti fil-projbizzjoni tat-tnaqqis tat-telf fil-każ ta’ bdil fil-proprjetarju, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tat-TVL, li, meta mqabbla magħha, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu tkun tikkostitwixxi eċċezzjoni. Tali sistema tista’ tkun iġġustifikata bin-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema li fiha hija tkun tinsab, fejn tali ġustifikazzjoni teskludi li l-awtorità nazzjonali kompetenti, f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni għal deroga mill-projbizzjoni ta’ tnaqqis tat-telf, tista’ tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali li tawtorizzaha sabiex tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha ta’ awtorizzazzjoni fuq kriterji li ma jeżistux f’din is-sistema fiskali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-klassifikazzjonijiet b’mod definittiv.

33      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-selettività hija biss waħda mill-elementi tal-għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward, lanqas il-kwistjoni dwar elementi oħra ma hija suġġetta għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-projbizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE tostakolax l-applikazzjoni tas-sistema fiskali prevista fl-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 122 tat-TVL.

35      Fir-rigward tal-kontroll tal-osservanza, mill-Istati Membri, tal-obbligi imposti fuqhom bl-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, għandha titfakkar il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar artikolu kif ukoll is-setgħat u r-responsabbiltajiet li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Kummissjoni, minn naħa, u lill-Istati Membri, min-naħa l-oħra.

36      L-Artikolu 108 TFUE jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, tiġi nnotifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni, u ma tistax tiġi eżegwita qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi eżegwita b’mod regolari kemm‑il darba l-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Kremikovtzi, C‑262/11, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ kontroll, il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali jeżerċitaw responsabbiltajiet u setgħat differenti (sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1984, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra p. I-3829, punt 14).

38      Dawn il-qrati jistgħu jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari bl-għan li jiġi ddeterminat jekk miżura tal-Istat, stabbilita mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll minn qabel tal-Artikolu 108(3) TFUE, għandhiex tiġi suġġetta għaliha jew le. Għall-kuntrarju, huma ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punti 50 u 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Filwaqt li l-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna ppjanata mas-suq intern, anki fil-każijiet fejn l-Istat Membru jikser il-projbizzjoni msemmija fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna, il-qrati nazzjonali, f’tali sitwazzjoni, ma jagħmlu xejn ħlief li, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-partijiet fil-kawża jekk ikun hemm il-possibbiltà ta’ ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat, ta’ din il-projbizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punt 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dak li jirrigwarda l-għajnuna eżistenti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 108(1) TFUE jagħti kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tagħmel eżami kostanti tagħha mal-Istati Membri. Dan l-eżami jista’ jwassal sabiex il-Kummissjoni tipproponi lill-Istat Membru kkonċernat il-miżuri utli meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq komuni, u jekk ikun il-każ, tipproponi lill-Istat Membru sabiex jiddeċiedi dwar it-tneħħija jew l-emenda ta’ għajnuna li hija tqis inkompatibbli mas-suq intern.

41      Din l-għajnuna għandha titqies li hija legali sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq intern (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, Ġabra p. I‑11911, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, f’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 108(3) TFUE ma jagħtix lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni li jipprojbixxu l-eżekuzzjoni ta’ għajnuna eżistenti.

42      Skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, “għajnuna eżistenti”, bla ħsara għall-Artikoli 144 u 172 tal-Att ta’ Adeżjoni, hija l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri l-skemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u jkunu baqgħu jgħoddu wara, l-imsemmi dħul fis-seħħ.

43      Skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, u kif sostnew kemm il-Gvern Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni, is-sistema prevista fl-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 122 tat-TVL ġiet implementata qabel id-dħul fis-seħħ, li sar fl-1 ta’ Jannar 1994, tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU L 1, p. 3), u baqgħet tiġi applikata sa minn dik id-data. Ir-Repubblika tal-Finlandja daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995.

44      Barra minn hekk, konformement ma’ dak li osservat il-Kumissjoni, iċ-ċirkustanzi, previsti fl-Artikoli 144 u 172 tal-Att ta’ Adeżjoni, li fihom l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti”, ma huwiex applikabbli, ma humiex rilevati għal din il-kawża.

45      Għandu jitfakkar li l-emenda tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ sistema ta’ għajnuna tista’ twassal, f’ċerti kundizzjonijiet, għall-klassifikazzjoni ta’ tali sistema bħala għajnuna ġdida.

46      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġewx emendati.

47      Li kieku ġara li l-emendi possibbli kellhom l-effett li jestendu l-portata tas-sistema, seta’ kien ikun meħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk din kinitx għajnuna ġdida li għandha l-konsegwenza li tapplika l-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE.

48      Konsegwentment, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 108(3) TFUE ma jipprekludix li sistema fiskali, bħalma hija dik prevista fl-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 122 tat-TVL, fil-każ fejn din kellha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, tkompli, minħabba n-natura “eżistenti” tagħha, tiġi applikata fl-Istat Membru li stabbilixxa din is-sistema fiskali, bla ħsara għall-kompetenza tal-Kummissjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 108(3) TFUE.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Sistema fiskali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tissodisfa l-kundizzjoni ta’ selettività bħala element tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kieku kellu jiġi stabbilit li s-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema “normali”, tikkonsisti fil-projbizzjoni tat-tnaqqis tat-telf fil-każ ta’ bdil fil-proprjetarju, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tal-Liġi Nru 1535/1992, tat-30 ta’ Diċembru 1992, dwar it-taxxa fuq id-dħul (Tuloverolaki), li, meta mqabbla magħha, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu tkun tikkostitwixxi eċċezzjoni. Tali sistema tista’ tkun iġġustifikata bin-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema li fiha hija tkun tinsab, fejn tali ġustifikazzjoni teskludi li l-awtorità nazzjonali kompetenti, f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni għal deroga mill-projbizzjoni ta’ tnaqqis tat-telf, tista’ tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali li tawtorizzaha sabiex tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha ta’ awtorizzazzjoni fuq kriterji li ma jeżistux f’din is-sistema fiskali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-klassifikazzjonijiet b’mod definittiv.

2)      L-Artikolu 108(3) TFUE ma jipprekludix li sistema fiskali, bħalma hija dik prevista fl-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 122 tal-Liġi Nru 1535/1992, fil-każ fejn din għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, tkompli, minħabba n-natura “eżistenti” tagħha, tiġi applikata fl-Istat Membru li stabbilixxa din is-sistema fiskali, bla ħsara għall-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea prevista fl-imsemmi Artikolu 108(3) TFUE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.