Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ottubru 2014 – Rotenberg vs Il-Kunsill

(Kawża T-720/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Arkady Romanovich Rotenberg (San Pietruburgu, ir-Russja) (rappreżentanti: D. Pannick, QC, M. Lester, Barrister, S. Hey and H. Brunskill, Solicitors)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/508/PESK u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 826/2014, sa fejn dawk il-miżuri japplikaw għalih;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li l-Kunsill naqas milli jagħti raġunijiet xierqa jew suffiċjenti sabiex ir-rikorrent jiġi inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina.

It-tieni motiv, li jallega li l-Kunsill wettaq żball manifest meta kkunsidra li kull wieħed mill-kriterji għal elenkar fil-miżuri kkontestati kien issodisfatt fil-każ tar-rikorrent.It-tielet motiv, li jallega li l-Kunsill kiser il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data.Ir-raba’ motiv, li jallega li l-Kunsill naqas milli jħares id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-rikorrent.Il-ħames motiv, li jallega li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjonalità, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt għall-proprjetà, negozju u reputazzjoni.