Language of document : ECLI:EU:T:2012:592

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

13 ta’ Novembru 2012 (*)

“Disinn Komunitarji – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinni Komunitarji rreġistrati li jirrappreżentaw termosifuni għal radjaturi ta’ tisħin – Disinni preċedenti – Raġuni għal invalidità – Nuqqas ta’ karattru individwali – Nuqqas ta’ impressjoni globali differenti – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Saturazzjoni tal-eċċellenza – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑83/11 u T-84/11,

Antrax It Srl, stabbilita f’Resana (l-Italja), irrappreżentata minn L. Gazzola, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn G. Mannucci u A. Folliard-Monguiral, sussegwentement minn Folliard-Monguiral u F. Mattina, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

The Heating Company (THC), stabbilita f’Dilsen (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Haber, avukat,

li għandha bħala suġġett rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tat‑Tielet Awla tal-Bord tal-Appell tal-UASI tat-2 ta’ Novembru 2010 (Każijiet R 1451/2009-3 u R 1452/2009-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn The Heating Company (THC) u Antrax It Srl,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Frar 2011,

wara li rat ir-risposti tal-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2011,

wara li rat ir-risposti tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju u fis-27 ta’ Ġunju 2011,

wara li rat ir-repliki ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Awwissu u tad-19 ta’ Settembru 2011,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-partijiet tal-25 u 29 ta’ Mejju 2012, b’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2012,

wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Antrax It Srl, hija proprjetarja ta’ tmien Trade marks jew disinni Komunitarji Nru°000593959-0001 sa Nru 000593959‑0008, ippreżentati fil-25 ta’ Settembru 2006 fl‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) u ppubblikati fil-Bullettin ta’ Disinni Komunitarji fil-21 ta’ Novembru 2006 u l-20 ta’ April 2009.

2        Dawn id-disinni kollha jirrappreżentaw, skont kif inhuma fformulati l-applikazzjonijiet tat-trade marks u disnni ppreżentati quddiem l-UASI, id-disinni tat‑termosifuni (“modelli di termosifoni”) intiżi biex ikunu użati f’“radjaturi ta’ tisħin” fil‑klassi 23.03 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendata.

3        Minn dawn, huma biss id-disinni Nru 000593959-0002 u Nru  000593959‑0001 (iktar ’il quddiem id-“disinni ikkontestati”) li huma s-suġġett ta’ dawn il-kawżi.

4        Id-disinni kkontestati huma rrappreżentati kif ġej:

–        disinn Nru 000593959-0002:

Image not found

–        disinn Nru 000593959-0001:

Image not found

5        Fis-16 ta’ April 2008, l-intervenjenti, The Heating Company (THC), ippreżentat quddiem l-UASI talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinni kkontestati, li ġew irreġistrati bir-referenzi ICD000005312 u ICD000005320. Dawn it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), dispożizzjoni li tagħmel riferiment għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

6        Insostenn tat-talbiet tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-intervenjenti invokat, fir-rigward tad-disinni kkontestati, li għandhom rispettivament in‑Nru 000593959‑0002 u n-Nru 000593959‑0001, id-disinni Ġermaniżi li għandhom rispettivament in-Nru 4 u u n-Nru 5 (iktar ’il quddiem id-“disinni preċedenti”) inklużi fir-reġistrazzjoni multipla Nru°40110481.8, ippubblikata fl-10 ta’ Settembru 2002 u estiża għal Franza, l-Italja u għall-Benelux bħala d-disinn internazzjonali bir-referenza DM/060899.

7        Id-disinni kkontestati huma rrappreżentati kif ġej:

–        disinn Nru 4:

Image not found

–        disinn Nru 5:

Image not found

8        Permezz tad-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Settembru 2009, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni ddikjarat l-invalidità tad-disinni kkontestati, minħabba in-nuqqas ta’ novità fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002.

9        Dawn id-deċiżjonijiet kienu s-suġġett ta’ rikors li r-rikorrenti ppreżentat fis-27 ta’ Novembru 2009.

10      Permezz tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI annulla d‑deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, minħabba assenza ta’ motivazzjoni adegwata fir-rigward tal-kawża tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità dwar in-nuqqas ta’ novità, u ddikjarat invalidi d-disinni kkontestati minħabba n-nuqqas ta’ karattru individwali.

11      B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell, wara li kkonstata li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkontestati quddiemu kienu neqsin minn motivazzjoni adegwata fir-rigward tar-raġuni ta’ invalidità minħabba nuqqas ta’ novità (Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002) u għandhom, għalhekk, jiġu annullati, għadda għal eżami ġdid ta’ din ir-raġuni ta’ invalidità u ċaħadha, minħabba li d-differenzi bejn id-disinni kkontestati u d-disinni preċedenti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien bħala d-“disinni inkwistjoni”) ma humiex “esterni” għall-proġetti, kif kieku jkun kodiċi ta’ prodott jew trade mark ta’ kwalità, iżda jikkonċernaw dawn il-proġetti u ma jistgħux, minn din il-perspettiva, ikunu bbażati fuq il-kunċett ta’ “dettalji insinjifikanti” skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

12      Il-Bord tal-Appell, imbagħad, għamel eżami tar-raġuni ta’ invalidità minħabba nuqqas ta’ karattru individwali [Artikolu 25(1)(b) u Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002].

13      F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell iddefinixxa utent informat, fis-sens tal-Artikolu 6(1), tar-Regolament Nru 6/2002, bħala dak li jixtri r-radjaturi ta’ tisħin sabiex jinstallhom f’daru u li kellu l-possibbiltà li jara u jipparaguna d-disinni ta’ radjaturi, billi jikkonsulta rivisti ta’ disinni jew ta’ adattamentbilli jżur ħwienet speċjalizzati u jfittex fuq l-internet.

14      Imbagħad, il-Bord tal-Appell indika li “id-[disinnji inkwistjoni] [ji]rappreżenta[w] radjaturi li jikkostitwixxu żewġ kolletturi orizzontali tondi, magħqudin fuq quddiem [għad-disinn Nru 000593959-0002 u Nru 4 – rispettivament fuq il-parti ta’ quddiem u fuq il-parti ta’ wara għad-disinni Nru 000593959-0001 u Nru°5 –] permezz ta’ serje ta’ elementi vertikali (tubi radjanti), rettangulari, bi ftit spazju bejniethom”.

15      Il-Bord tal-Appell għadda għal-evalwazzjonijiet li ġejjin:

“41. Id-[disinni inkwistjoni] jużaw komponenti li jkollhom l-istess forma. It-tubi vertikali huma rettangolari, il-kolletturi huma ċilindriċi. Il-parti li tisporġi lateralment tal-kolletturi hija wkoll identika.

42. Id-dehra ġenerali taż-żewġ radjaturi għandha tiġi kkunsidrata simili, jew mhux probabbli li toħloq fl-utent informat impressjoni globali differenti b’mod sinjifikanti, kemm jekk inħarsu lejn il-radjatur minn quddiem, mill-ġenb jew minn angoli intermedji , kif jiġri ħafna drabi matul l-użu normali.”

16      Il-Bord tal-appell, imbagħad, ikkunsidra li d-differenzi enfasizzati mir-rikorrenti bejn iż-żewġ disinni inkwistjoni jikkonċernaw, l-ewwel nett, ir-relazzjoni bejn id-daqs ta’ quddiem (iktar ’il quddiem il-“wisa’”) u d-daqs mill-ġenb (iktar ’il quddiem il-“fond” tat-tubi; it-tieni nett, ir-relazzjoni bejn il-wisa’ tat-tubi u l-ispazju bejn iż-żewġ tubi u, it-tielet nett, ir-relazzjoni bejn id-dijametru tal-kollettur u l-fond tat-tubi ma jistgħux jiġu miċħuda, iżda ma kinux biżżejjed, anki meta jiġu kkunsidrata kollha f’daqqa, sabiex ibiddlu, f’għajnejn l-utent informat, l-impressjoni globali mogħtija mid-disinni inkwistjoni.

17      Fir-rigward tal-argument li jgħid li jkun jaqbel li jiġi kkunsidrat grad limitat ta’ libertà tal-disinjatur f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ċaħdu billi rrileva li, għat-tubi tar-radjaturi b’mod partikolari, setgħu jiġu immaġinati diversi konfigurazzjonijiet ta’ forma.

18      Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-disinni kkontestati kellhom għaldaqstant jiġu ddikjarati invalidi minħabba nuqqas ta’ karattru individwali.

 It-talbiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet kkontestati sa fejn iddikjaraw invalidi d-disinni kkontestati minħabba li huma nieqsa minn karattru individwali u li tiddikjara, għalhekk, il-validità tal-imsemmijin disinni;

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn ikkundannawha għall-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem l-UASI;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti sabiex iħallsuha lura l-ispejjeż kollha sostnuti b’rabta ma’ dawn il-proċedimenti, u kwalunkwe ammonti oħra dovuti skont il-liġi;

–        tikkundanna lill-intervenjenti li tħallasha lura l-ispejjeż kollha sostnuti fil-proċedimenti quddiem l-UASI, u kwalunkwe ammonti oħra dovuti skont il-liġi.

20      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż ta’ din proċedura;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż sostnuti quddiem l-UASI.

22      Permezz ta’ ittri tat-13 April u tas-27 Mejju 2011, l-UASI, skont l-Artikolu 133(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali bagħtet l-inkartament tal-proċedimenti quddiem it-Tielet Bord tal-Appell, inkluż l-inkartament tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Frar 2012, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li sema’ lill-partijiet, ordna li l-kawżi preżenti jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Id-dritt

24      Ir-rikorrenti invokat motiv wieħed biss, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

25      L-UASI jikkontesta l-ammissibbiltà quddiem il-Qorti Ġenerali tad-dokumenti prodotti fl-Annessi A 3 u A 4 tar-rikorsi, peress li dawn id-dokumenti ma ġewx prodotti fl-ebda stadju tal‑proċedimenti quddiem l-UASI.

26      Ir-rikorrenti rrispondiet li dawn id-dokumenti ma humiex provi ġodda li jbiddlu l-kuntest tal-kawża, iżda biss rappreżentazzjonijiet tridimensjonali tad-disinni inkwistjoni, magħmula bl-iskop uniku li ssir viżwalizzazzjoni aktar faċli tad-differenzi fundamentali li jikkaratterizzaw dawn id-disinni u li joħolqu fl-utent informat impressjoni globali differenti. Ħaġa waħda meta jiġu prodotti fil-proċeduri quddiem it-Tribunal provi li jippreżentaw ċirkustanzi ġodda jew li jiffurmaw il-bażi għal argumenti ġodda u differenti meta mqabbla ma’ dawk żviluppati quddiem il-Bord tal-Appell. Ħaġa oħra tkun li jiġu mehmuża dokumenti li huma intiżi li jikkonfermaw l-argumenti li jkunu diġà ġew esposti u li juru kemm in-natura żbaljata kif ukoll l-assenza ta’ bażi għall-argument li l-UASI approva fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

27      Għandu jiġi rrilevat li, minkejja dak li ssostni r-rikorrenti, id-dokumenti ppreżentati fl-Annessi A 3 u A 4 tar-rikorsi jikkostitwixxu provi ġodda, li l-Bord tal-Appell ma kellux.

28      Dawn id-dokumenti, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil‑fatt, ir‑rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal‑Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs L-UASI - PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, Ġabra p. II‑981, punt 24, ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, L-UASI vs Kaul, C‑29/05, Ġabra p. I‑2213, punt 54, u tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Mejju 2007, Henkel vs L-UASI - SERCA (COR), T‑342/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31].

29      L-istess konklużjoni tapplika, kif ġie argumentat mill-UASI u mill‑intervenjenti fis-seduta fir-rigward tad-dokumenti annessi ma’ osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-29 ta’ Mejju 2012 u prodotti għall‑ewwel darba insostenn tal-argument tagħha li kienet teżisti saturazzjoni tal-eċċellenza.

 Fuq il-motiv uniku dwar il-ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002

30      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja fl-evalwazzjoni tiegħu tad-disinni individwali kkontestati. Id-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni huma tali li l‑impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent informat ikunu differenti u disinni kkontestati ma jkunux, għalhekk, nieqsa minn karattru individwali.

31      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

32      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn Komunitarju ma huwiex żgurat salv sa fejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

33      Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali li titħalla fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, qabel id-data tal-prijorità.

34      L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

35      L-artikolu 63 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li “[f]il-proċeduri quddiemu, l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu. Madankollu, il-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ dikjarazzjoni ta’ l-invalidità, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett f’din l-eżaminazzjoni bil‑fatti, bix-xhieda u bl-argumenti pprovduti mill-partijiet [...]”

36      L-ewwel nett, fir-rigward tad-definizzjoni tal-utent informat, hemm lok li jiġi mfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “utent informat” fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jfissirx prodottur u lanqas bejjiegħ tal-prodotti li fihom id-disinn ikkonċernat ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu ikun maħsub li jiġi applikat. L-utent informat huwa persuna li għandha viġilanza partikolari u li tiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-eċċellenza preċedenti, jiġifieri tal-partimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkonċernat (sentenza Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, punt 28 iktar ’il fuq, punt 62).

37      Barra minn hekk, il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fuqu jiġi inkorporat id-disinn, b’konformità mal-għan li għalih l-istess prodott huwa intiż (sentenza tat-22 Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs L-UASI - Bosch Security Systems (Tagħmir tal-Komunikazzjoni), T‑153/08, Ġabra p. II-2517, punt 46.

38      Id-definizzjoni “informat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu grad ta’ konoxxenzi fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom (sentenza Tagħmir tal-Komunikazzjoni, punt 37, iktar ’il fuq punt 47).

39      Madankollu, din is‑sitwazzjoni ma timplikax li l-utent informat ikun f’pożizzjoni li jiddistingwi, lil hinn mill-esperjenza li huwa kiseb minħabba l-użu tal-prodott ikkonċernat, bejn l-aspetti tal-apparenza tal-prodott li huma ristretti mill-funzjoni teknika ta’ dan tal-aħħar, u dawk li huma arbitrarji (sentenza Tagħmir tal-Komunikazzjoni, punt 37, iktar ’il fuq punt 48).

40      Fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Mon Promer Graphic (C‑281/10 P, Ġabra p. I‑10153, punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kunċett ta’ utent informat għandu jinftiehem, bħala kunċett intermedjarju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma joqgħodx jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ intenditur, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ utent informat jista’ jinftiehem li jinkludi utent li għandu mhux attenzjoni medja iżda viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tas-settur ikkunsidrat.

41      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell iddefinixxa l-utent informat bħala dak li jixtri radjaturi ta’ tisħin biex jinstallahom f’daru. Il-Bord tal-Appell żied li għandu jkun “informat” fis-sens li huwa għandu jkollu l-opportunità li jara u jqabbel id-disinni ta’ radjaturi, li jikkonsulta pubblikazzjonijiet tad-disinn u ta’ żvilupp, billi jżur ħwienet speċjalizzati u jfittex fuq l-internet. Fi kliem ieħor, skont il-Bord tal-Appell, din il-persuna, mingħajr ma tkun esperta fid-disinn industrijali (kif ikun perit jew dekoratur interjuri), huwa konxju ta’ dak li joffri s-suq, tax-xejriet tal-moda u tal-karatteristiċi bażiċi tal-prodott.

42      Għandu jiġi rrilevat li din id-definizzjoni, li taqbel magħha r-rikorrenti, hija korretta.

43      It-tieni nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, l-Artikolu 6(2), tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’din l-evalwazzjoni, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-għamla ta’ dan id-disinn.

44      Il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn huwa ddefinit, b’mod partikolari, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott li għalih jiġi applikat id-disinn. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal normalizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għad-disinni applikati fuq il-prodott ikkonċernat [sentenza tal-Qorti Ġenerali, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, punt 28 iktar ’il fuq punt 67, u tad-9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs L-UASI - Honda Giken Kogyo (Magna b’kombustjoni interna), T‑8/11, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 32].

45      Għalhekk, iktar ma tkun kbira l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, inqas ikunu d-differenzi żgħar bejn id-disinni pparagunati jkunu suffiċjenti sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent informat. Bil-maqlub, iktar ma l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn tkun ristretta, iktar ma d-differenzi żgħar bejn id-disinni pparagunati jkunu suffiċjenti sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent informat. Għalhekk, grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn isaħħaħ il-konklużjoni li d-disinni meta mqabbla li ma jkollhomx differenzi sinjifikattivi jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent informat (sentenza Magna b’kombustjoni interna, punt 44 iktar ’il fuq, punt 33).

46      Fil-punt 48 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-argument tar-rikorrenti li l-marġni ta’ libertà tad-disinjatur kienet imnaqqsa f’dan il-każ ma kienx konvinċenti. Il-Bord tal-Appell irrileva, b’mod partikolari għat-tubi li jistgħu jiġu immaġinati konfigurazzjonijiet varji għall-forma, kif muri mid-disinni tar-reġistrazzjonijiet minn Nru 000593959-0003 sa Nru 000593959-0008 tar-rikorrenti.

47      Għandu jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell hija korretta.

48      Fil-fatt, fir-rigward tad-disinn ta’ tubi, ma huwiex stabbilit u lanqas allegat li l-libertà tad-disinjatur se toffri limitazzjonijiet partikolari. Bil-maqlub, jidher li d-disinjatur jista’ jagħżel, il-forma tat-tubi, fost varjetà ta’ forom differenti, fejn id-disinni tar-rikorrenti Nru 000593959-0003 sa Nru 000593959-0008 jipprovdu, barra minn hekk, illustrazzjoni.

49      Fir-rigward tad-disinn tal-kolletturi, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ ebda restrizzjonijiet tekniċi jew legali li jillimitaw il-grad ta’ libertà tad-disinjatur. Għalhekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li “din [ma kenitx] koinċidenza li d-dijametru tal-kolletturi tar-radjaturi attwalment prodotti mill-[intervenjenti], [ir-rikorrenti] u l-maġġoranza kbira tal-produtturi ta’ radjaturi hija kostanti u ta’ dimensjoni ekwivalenti għal 34 jew 35 mm” mhux biss ma tikkostitwixxix prova tal-eżistenza ta’ restrizzjonijiet tekniċi jew legali li jimponu dan id-dijametru fuq il-produtturi tar-radjaturi, iżda, għall-kuntrarju, jesprimi b’mod espliċitu li l-użu ta’ kolletturi ta’ dijametri oħra – indipendentement ukoll mill-użu ta’ forom oħra barra dik ċilindrika - kien mhux biss possibbli, iżda baqa’ prattikat.

50      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll ikkorraborati mir-risposta tar-rikorrenti fir-replika, għall-kumment tal-UASI u tal-intervenjenti fuq l-assenza ta’ evidenza ta’ restrizzjonijiet tekniċi jew legali f’dan il-qasam. Fil-fatt, għal kull risposta għal dan il-kumment, ir-rikorrenti indikat li “għall-finijiet ta’ din l-istanza, għall-inqas, il-prodotti tal-intervenjenti u tar-rikorrenti għandhom l-istess dijametru tal-kollettur u [li] dan huwa, ċertament punt ta’ riferiment reali fl-analiżi komparattiva ta’ żewġ mudelli ta’ radjaturi” Madankollu, għandu jiġ kkonstatat li l-fatt li ċ-ċirkustanza eventwali li r-radjaturi konkretament prodotti mill-partijiet skont id-disinni inkwistjoni jinvolvu kolletturi tal-istess dijametru ma tbiddel xejn mill-fatt li kwalunkwe limitazzjoni teknika jew legali tal-libertà tad-disinjatur f’dak li jirrigwarda l-kolletturi.

51      Fir-rigward, finalment, tad-dettalji tal-arranġament bejn it-tubi u l-kolletturi, l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet regolatorji jew tekniċi ma hijiex stabbilita.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif ġie rrilevat mill-UASI, kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, fil-punt 48 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur ma kienx ristrett.

53      It-tielet nett, għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni mill-Bord tal-Appell, li ġiet ikkritikata mir-rikorrenti, tal-karattru individwali tad-disinni kkontestati.

54      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta ddikjara li, fid-disinni inkwistjoni, “l-isporġenza laterali tal-kolletturi kienet ukoll identika”. Fil-fatt, id-disinni kkonstestati jippreżentaw, f’dak li jirrigwarda l-kolletturi, linji miksura, peress li dawn ma għandhomx tul predefinit, u kieku, fi kwalunkwe każ, sakemm ma kellhom l-ebda sporġenza laterali, diversament mid-disinni preċedenti. Konsegwentement, il-fatt li, kuntrarjament għad-disinni preċedenti, il-kolletturi tad-disinni kkontestati ma humiex mgħammra bi sporġenzi laterali jikkostitwixxi l-ewwel differenza sostanzjali bejn id-disinni inkwistjoni, li l-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat injora.

55      Għandu, l-ewwel nett, jiġi kkonstatat li, kif l-UASI jammetti quddiem il-Qorti Ġenerali, id-disinni kkontestati ma jinkludu l-ebda talba fir-rigward tat-truf tal-kolletturi u, b’mod partikolari, kull sporġenza eventwali li dawn il-kolletturi jiffurmaw fir-rigward tal-aħħar tubu. Din l-assenza ta’ talba hija deduċibbli mil-linji maqtugħa li jispiċċaw, fid-disinni kkontestati, id-disinni tal-kolletturi.

56      Din il-konstatazzjoni dwar l-assenza ta’ talba fir-rigward tat-truf tal-kolletturi hija, barra minn hekk, konsistenti mal-fatt li l-disinni kkontestati huma, kif jirriżulta espressament mill-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ppreżentati mir-rikorrenti, mhux disinni ta’ “radjaturi ta’ tisħin”, iżda, b’mod iktar limitat, id-disinni ta’ “termosifuni” (modelli di thermosifoni) maħsuba sabiex jiġu applikati għal radjaturi ta’ tisħin.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-riferiment għal “radjaturi ta’ tisħin” (radiatori per riscaldamento), użata ex officio mill-UASI fir-reġistrazzjonijiet kif ippubblikati fil-Bullettin ta’ Disinni Komunitarji, tirriżulta minn inizjattiva purament amministrattiva tal-UASI, intiża biex tikklassifika dawn ir-reġistrazzjonijiet skont it-terminoloġija mhux obbligatorja tal-klassifikazzjoni stabbilita mill-Ftehim ta’ Locarno (punt 2 iktar ’il fuq). Din l-inizjattiva ma tisostitwixxix, u lanqas ma tinvalida, d-deskrizzjoni tad-disinni kkontestati - mudelli ta’ termosifuni - indikat fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni [ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002 u l‑Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002, tal-21 ta’ Ottubru 2002, li [j]implimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinnji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31 p. 14)].

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-riferimenti kollha li jsiru f’dan il-każ għall-isporġenzi tal-kolletturi tad-disinni inkwistjoni, li qed jiġi eżaminat jekk humiex identiċi, jew li jistgħu jkunu, jew, għall-kuntrarju, biex jiġi pretiż li huma differenti huma barra mill-ambitu tal-protezzjoni mitluba mid-disinni inkwistjoni u huma, għalhekk, irrilevanti.

59      Għalhekk, huwa żbaljat li l-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ikkunsidra li “l-isporġenza laterali tal-kolletturi [tad-disinni inkwistjoni kienet] identika”.

60      Minkejja dak li sostna l-UASI, din il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell tikkostitwixxi tassew waħda minn dawk li, fil-punt 41 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, tifforma l-bażi tal-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 42 ta’ dawn id-deċiżjonijiet li “[l-] apparenza globali tad-[disinni inkwistjoni] għandha tiġi kkunsidrata bħala simili, jew mhux probabbli li toħloq fl-utent informat impressjoni globali differenti b’mod sinjifikanti”.

61      Madankollu, din l-evalwazzjoni żbaljata tal-Bord tal-Appell ma timplikax l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jekk jirriżulta li kunsiderazzjonijiet oħra li saru mill-Bord tal-Appell f’dawn id-deċiżjonijiet, fir-rigward tal-forom, tal-arranġamenti u tar-relazzjoni tal-proporzjon tat-tubi u tal-kolletturi, setgħu jistabbilixxu, sal-grad rikjest mil-liġi, il-konklużjoni li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali.

62      Fir-rigward dawn il-kunsiderazzjonijiet l-oħra, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell irrileva li d-disinni inkwistjoni għandhom inkomuni li jirrappreżentaw żewġ kolletturi orizzontali ċirkolari, magħquda fuq quddiem (għall-mudelli Nru 000593959-0002°u Nru 4) u kif ukoll fuq parti ta’ wara (għall-mudelli Nru 000593959-0001 u Nru 5) permezz ta’ sekwenza ta’ elementi vertikali (tubi radjanti), ta’ forma rettangolari, bi spazju żgħir bejn it-tubi.

63      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-disinni inkwistjoni kienu qed jużaw komponenti li għandhom l-istess forma. Huwa jirreferi għall-fatt li t-tubi vertikali huma rettangolari u l-kolletturi huma ċilindriċi.

64      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-differenzi, enfasizzati quddiemu mir-rikorrenti, il-proporzjonijiet bejn id-disinni inkwistjoni, li jikkonċernaw, l-ewwel nett, ir-relazzjoni bejn il-wisa’ u l-fond tat-tubi, it-tieni nett, ir-relazzjoni bejn il-wisa’ tat-tubi u l-ispazju bejn iż-żewġ tubi u t-tielet nett, il-proporzjon bejn id-dijametru tal-kollettur u l-fond tat-tubi ma setgħetx, ċertament, tiġi miċħuda, iżda ma kinux, madankollu, biżżejjed, anki jekk se jiġu kkunsidrati kollha f’daqqa, biex jibdlu, f’għajnejn l-utent informat, l-impressjoni globali tad-disinni inkwistjoni.

65      Kuntrarjament għal dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti tenniet, essenzjalment, l-argument tagħha diġà żviluppat quddiem l-UASI u bbażat fuq id-differenzi ta’ proporzjon bejn id-disinni inkwistjoni, li hi tikkunsidra importanti biżżejjed biex jipproduċi fuq l-utent informat impressjonijiet globali differenti b’mod sinjifikattiv. Ir-rikorrenti tqabbel ukoll fir-rigward tad-disinni inkwistjoni, il-proporzjon ta’ spazju bejn il-fond u l-wisa’ tat-tubi (2.2 / 1 għad‑disinni preċedenti kontra 1.7 / 1 tad-disinni kkontestati) u l-proporzjon ta’ spazju bejn iż-żewġ tubi u l-wisa’ tat-tubi (1 / 1 għal disinni preċedenti kontra 0.6 / 1 tad-disinni kkontestati).

66      Skont ir-rikorrenti, ma jistax jiġi miċħud li d-disinni preċedenti huma ħafna iktar fondi mid-disinni kkontestati u li t-tubi tad‑disinni preċedenti huma ħafna iktar spazjati minn dawk tad-disinni jew mudelli kkontestati. Minn dan tirriżulta differenza ċara u sinjifikattiva f’termini ta’ impressjoni globali fuq l-utent informat.

67      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni mitluba tirrigwarda disinni, irrispettivament mid-dimensjonijiet konkreti ta’ prodotti li għalihom dawn id-disinni huma intiżi biex jiġu applikati u li, barra minn hekk, l-ebda prova ma ġiet prodotta mir-rikorrenti ta’ xi restrizzjoni legali jew teknika li timponi dijametru ekwivalenti għall-kolletturi tar-radjaturi ta’ tisħin (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 49 u 50 iktar ’il fuq).

68      Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li l-fatt li huwa perfettament permissibbli għar-rikorrenti li tipproduċi fl-Annessi A 2 tar-rikorsi, stampi tad-disinji inkwistjoni riprodotti fi skala li tippermetti l-ekwalizzazzjoni tad-dijametri apparenti tal-kolletturi, ma jnaqqasx mill-fatt li ma hemm l-ebda prova li dawn il-kolletturi għandhom, minħabba l-limiti tekniċi jew legali, jiġu konkretament immanifatturati fl-istess dijametru.

69      Bħala riżultat, l-affermazzjonijiet kollha tar-rikorrenti li d-disinni preċedenti huma “iktar fondi” mid-disinni kkontestati, jew li skont dawn it-tubi tad-disinni preċedenti huma “iktar spazjati” minn dawk tad-disinni kkontestati, jew li skont dawn, kull metru lineari ta’ termosifuni, ir-radjaturi jistgħu jsiru skont id-disinni kkontesti “44 tubu” u dawk magħmula skont id-disinni preċedenti “24 tubu manifestament ikbar u iktar spazjati”, huma kompletament irrilevanti, peress li huma jikkostitwixxu paraguni magħmula fid-dimensjonijiet konkreti kkalkulati skont il-premessa, mhux stabbilita, li l-kolletturi rrappreżentati fit-tpinġijiet inkwistjoni għandhom neċessarjament l-istess dijametru.

70      Għall-istess raġunijiet, huwa żbaljat li r-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma evalwax adegwatament id-dimensjonijiet tad-disinni inkwistjoni minħabba li kien qabbel dawn id-disinni abbażi ta’ implementazzjoni tal-istess dimensjoni tal-kolletturi rrappreżentati f’dawn id-disinni.

71      Fl-aħħar nett, huma biss rilevanti f’dan il-każ, għall-finijiet ta’ tqabbil ta’ impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni, u lil hinn minn kunsiderazzjonijiet oħrajn fir-rigward għall-għażla tal-forom u l-arranġament ta’ tubi u ta’ kolletturi, il-kunsiderazzjonijiet relatati mad-differenzi fir-relazzjoni ta’ proporzjonijiet interni ta’ dawn id-disinni differenti.

72      Bil-benefiċċju ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jiġi rrilevat li huwa effettivament eżatt, hekk kif ikkonstata l-Bord tal-Appell innifsu, li jeżistu ċerti differenzi bejn id-disinni inkwistjoni fir-relazzjoni bejn il-proporzjonijiet interni tal-imsemmija disinni.

73      Għalhekk, il-Bord tal-Appell, filwaqt li rriproduċa l-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI, isemmi d-differenzi fil-proporzjonijiet fond/wisa’ tat-tubi (2 / 1 għall disinni preċedenti kontra 1.7 / 1 għad-disinni kkontestati) fil-proporzjonijiet tal-ispazju bejn iż-żewġ tubi/wisa’ (1 / 1 għal disinni preċedenti kontra 0.6 / 1 għad-disinni kontestati) u fil-proporzjonijiet tad-dijametru tal-kollettur/fond tat-tubi (proporzjon inqas mill-unità għal disinni preċedenti, u iktar mill-unità għad-disinni kkontestati).

74      Il-Bord tal-Appell jikkunsidra, essenzjalment, li dawn id-differenzi, kemm jekk jittieħdu individwalment jew globalment, ma humiex sinjifikattivi tant li jbiddlu l-impressjoni globali prodotta mid-disinni inkwistjoni.

75      F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell kompla jirrifjuta l-pożizzjoni tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur kienet limitata.

76      F’dan l-istadju tal-eżami tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li jekk din l-aħħar kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell hija korretta, jibqa’ biss kwistjoni oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-grad ta’ attenzjoni tal-utent informat għad-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni, li kienet tqajmet mir-rikorrenti fil-kawża quddiem l-UASI.

77      Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati stess li r-rikorrenti sostniet, kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell, li l-argument li s-settur tar-radjaturi b’elementi u tal-kolletturi ġie saturat f’termini ta’ disinn, bir-riżultat li d-differenzi fil-proporzjonijiet interni bejn id-disinni inkwistjoni, huwa ’il bogħod biex jista’ jitqies insinjifikattiv meta mqabbel mal-punti komuni li jorbtu l-imsemmijin disinni, kienu, għall-kuntrarju, immedjatament rikonoxxibbli minn utent informat u joħolqu, għaldaqstant, impressjonijiet globali differenti.

78      Mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta wkoll li, quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti fakkret li dawn l-argumenti kienu ġew ampjament murija waqt il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li ma ħadithomx inkunsiderazzjoni, imqar jekk biex tiċħadhom.

79      Madankollu, huwa ċar li l-Bord tal-Appell, għalkemm isemmi speċifikament l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-istat ta’ saturazzjoni tal-eċċellenza, ma jipprovdix min-naħa tiegħu, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ebda motivazzjoni dwarhom, imqar biex jiċħadhom bħala mhux ipprovati.

80      B’mod partikolari u kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-UASI fir-risposta tiegħu lill-Qorti Ġenerali, il-punt 48 tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jindirizzax din il-kwistjoni, iżda biss dik tal-limitazzjoni tal-libertà tad-disinjatur minn restrizzjonijiet tekniċi jew legali, li hija kwistjoni differenti.

81      Fil-fatt, il-konstatazzjoni li l-libertà tad-disinjatur ma kinitx limitata minn restrizzjonijiet tekniċi jew legali bl-ebda mod tindirizza l-kwistjoni ta’ jekk, de facto, kinitx tipprevali sitwazzjoni ta’ saturazzjoni tal-“eċċellenza” minħabba l-eżistenza ta’ disinni oħrajn ta’ termosifuni jew ta’ radjaturi li jippreżentaw l-istess karatteristiċi ġenerali bħal tad-disinni inkwistjoni, saturazzjoni tal-“eċċellenza” li tista’ x’aktarx tagħmel lill-utent informat iktar sensittiv għad-differenzi fil-proporzjonijiet interni bejn dawn id-disinni differenti.

82      L-UASI u l-intervenjenti, mistoqsija mill-Qorti Ġenerali dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar is-saturazzjoni tal-eċċellenza, ma jikkontestawx l-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fuq il-kwistjoni tas-saturazzjoni tal-eċċellenza. Kuntrarjament, l-UASI, fl-osservazzjonijiet tagħha tad-29 ta’ Mejju 2012, essenzjalment jammetti din l-assenza ta’ motivazzjoni.

83      Fl-istess ħin, l-UASI jsostni, fl-osservazzjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2012 kif ukoll waqt is-seduta, l-ewwel nett, li peress li r-rikorrenti invokat biss saturazzjoni tal-eċċellenza, dan seta’ jinfluwenza l-perċezzjoni tad-disinn mill-utent informat, iżda biss marġni iżgħar ta’ libertà tad-disinjaturi seta’ jirriżulta minn tali saturazzjoni, u, it-tieni nett, li din tal-aħħar pretensjoni hija żbaljata.

84      Sussidjarjament, l-UASI, sostnut mill-intervenjenti, argumenta li r-rikorrenti ma kinitx, fi kwalunkwe każ, ippruvat is-saturazzjoni tal-eċċellenza u li l-UASI ma huwiex obbligat jirrispondi għall-argumenti li jkunu mingħajr interess jew li jkunu irrilevanti. L-UASI jinvoka wkoll is-sentenza tat-Tagħmir tal‑Komunikazzjoni, punt 37 iktar ’il fuq (punt 58), li jsostni li l-Qorti Ġenerali, f’din is-sentenza, eskludiet ir-rilevanza tas‑saturazzjoni tal-eċċellenza sempliċement marbuta mal-eżistenza ta’ tendenza fil-qasam tad-design, jew ukoll ikkonfermat il-prinċipju li l-eżistenza ta’ tali tendenza hija irrilevanti fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali.

85      Fir-rigward tal-ewwel allegazzjoni invokata mill-UASI fl-osservazzjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2012 u mbagħad matul is-seduta, fuq dak li ddikjarat jew le r-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell, huwa ċar li din id-dikjarazzjoni hija direttament kontradetta kemm mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 77 sa 79 iktar ’il fuq kif ukoll mir-referenza magħmula mill-UASI stess fil-punt 15 tar‑risposta tagħha għall-argument tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell ibbażat fuq is-saturazzjoni tal-eċċellenza. Għaldaqstant, ma huwiex serjament ikkontestat li r-rikorrenti kienet sostniet quddiem l-UASI, l-eżistenza ta’ saturazzjoni tal-eċċellenza li tista’ taffettwa l-perċezzjoni tad-disinni inkwistjoni mill-utent informat, u li l-UASI kien perfettament identifika dan l-argument.

86      Bħala riżultat, it-tieni dikjarazzjoni tal-UASI, li marġini iżgħar ta’ libertà tad-disinjaturi ma jistax jirriżulta minn saturazzjoni tal-eċċellenza, jidher li huwa irrilevanti.

87      L-unika mistoqsija inkwistjoni hija jekk il-Bord tal-Appell ikkunsidrax l-argument tar-rikorrenti li s-saturazzjoni tal-eċċellenza li kienet teżisti setgħetx tinfluwenza l-perċezzjoni ta’ disinni inkwistjoni mill-utent informat. Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat, ir-risposta għal din il-mistoqsija dwar l-eżistenza ta’ eżami mill-UASI hija fin-negattiv.

88      Fl-argumenti tiegħu mressqin b’mod sussidjarju, l-UASI, sostnut mill-intervenjenti, jitlob li r-rikorrenti ma ppruvatx, fi kwalunkwe każ, quddiemu s-saturazzjoni tal-eċċellenza u li ma tkunx obbligata li tirrispondi għall-argumenti li ma humiex interessanti jew li huma irrilevanti.

89      Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-riferiment għall-fatt li l-UASI ma huwiex obbligat jirrispondi għall-argumenti mhux interessanti jew li huma irrilevanti, għandu jiġi kkunsidrat, kif diġà indikat fil-punt 81 iktar ’il fuq, li s-saturazzjoni possibbli tal-eċċellenza, li tirriżulta mill-eżistenza allegata ta’ disinni oħrajn ta’ termosifuni jew radjaturi bl-istess karatteristiċi kollha tad-disinni inkwistjoni kienet rilevanti, jista’ jkun probabbli li jagħmlu l-utent informat iktar sensittiv għad-differenzi fil-proporzjonijiet interni bejn id-diversi disinni.

90      Fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tipprova quddiem l-UASI s-saturazzjoni tal-eċċellenza, huwa ċar li din il-kunsiderazzjoni hija, kif ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, tentattiv li tingħata motivazzjoni tardiva għad-deċiżjonijiet ikkontestati inammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt skont ġurisprudenza stabbilita l-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P, C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 463; sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006 tal-Organizzazzjoni tal-Poplu Mojahedin tal-Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 139).

91      Barra minn hekk u sa fejn dan l-argument tal-UASI, li jgħid li s-saturazzjoni tal-eċċellenza ma ġiex ippruvat fil-proċedura amministrattiva, seta’ jiġi pperċepit, bħat-talbiet u l-argumenti u d-dokumenti ġodda prodotti mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tad-29 ta’ Mejju 2012, bħala stedina biex il-Qorti Ġenerali teżamina hi nnifisha l-kwistjoni tal-eżistenza tas-saturazzjoni u l-effetti tagħha fuq il-perċezzjoni tad-disinni inkwistjoni mill-utent informat, dan għandu jiġi miċħud.

92      Fil-fatt, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lill-din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex u l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bdil għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs L-UASI C‑263/09 P, Ġabra p. I‑5853, punt 72).

93      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-UASI għas-sentenza tat-Tagħmir tal-Komunikazzjoni (punt 37 iktar ’il fuq, punt 58), għandu jiġi rrilevat li din ir-referenza hija irrilevanti.

94      Fil-fatt, fil-kawża tat-Tagħmir tal-Komunikazzjoni, l-argument tar-rikorrenti kien, essenzjalment, li l-libertà tad-disinjatur kienet limitata, b’mod partikolari, min-neċessità li jkun hemm konformità ma’ tendenza ġenerali fid-design (sentenza tat-Tagħmir tal‑Komunikazzjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 52, in fine). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument, billi indikat li tendenza ġenerali fid-design hija rilevanti, l-iktar, fir-rigward tal-perċezzjoni estetika tad-disinn ikkonċernat u, għaldaqstant, tista’ possibbilment tinfluwenza s-suċċess kummerċjali tal-prodott li fih id-disinn ikun inkorporat (sentenza tat-Tagħmir tal‑Komunikazzjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 58).

95      Permezz ta’ dan, il-Qorti Ġenerali ċaħdet biss tendenza ġenerali fil-aqasm tad-design li tista’ titqies bħala fattur li jillimita l-libertà tad‑disinjatur, peress li hija preċiżament din il-libertà li tippermetti lid-disinjatur li jiskopri forom ġodda, tendenzi ġodda, jew tiġdid fil-kuntest tat-tendenza eżistenti.

96      Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat-Tagħmir tal-Komunikazzjoni (punt 37 iktar ’il fuq), ma intendietx bl-ebda mod li sitwazzjoni ta’ saturazzjoni tal-eċċellenza għandha tiġi kkunsidrata bħala nieqsa mir-rilevanza għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn. L-iktar, l-iktar eskludiet mill-evalwazzjoni tal-karattru individwali kull kunsiderazzjoni fir-rigward tal-estetika individwali tad-disinn eżaminat jew għas-suċċess kummerċjali tal-prodott li fih id-disinn ikun inkorporat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tagħmir tal-Komunikazzjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 58, in fine.

97      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, filwaqt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jsemmu espressament l-argument tar-rikorrenti dwar is-saturazzjoni tal-eċċellenza u li dan l-argument kien rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ disinni individwali kkontestati dawn id-deċiżjonijiet ma fihom ebda motivazzjoni fir-rigward ta’ din l-allegazzjoni.

98      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din ssir taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermettilha teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 145, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 462) jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi (ara sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T-218/02, ĠabraSP p.I‑A‑267 u II 1221, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dan il-kuntest, li minnu jirriżulta li, lil hinn evalwazzjonijiet żbaljati deskritti fil-punti 59 sa 61 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma mmotivax id-deċiżjonijiet ikkontestati fuq kwistjoni li għalhekk hi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinni kkontestati, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati peress li jiddikjaraw id-disinni kkontestati invalidi, il-kumplament ta’ dawn ir-rikorsi huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI essenzjalment tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

101    Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti insostenn tal-UASI għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

102    Barra dan, ir-rikorrenti talbet il-kundanna tal-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem l-eżaminatur. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti li l-intervenjenti, peress li tilef il-kawża, jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI tista’ tintlaqa’ biss għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjonijiet tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-2 ta’ Novembru 2010 (Każijiet R 1451/2009-3 u R 1452/2009-3) huma annullati sa fejn id-disinni Nru 000593959-0002 u Nru 000593959-0001 ġew iddikjarati invalidi.

2)      Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

3)      L-UASI għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Antrax It Srl fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

4)      The Heating Company (THC) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, dawk sostnuti minn Antrax It fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Novembru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.