Language of document : ECLI:EU:C:2012:639

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Ottubru 2012(*)

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 90/434/KEE — Sistema fiskali komuni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti — Artikolu 11(1)(a) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġi fiskali għal ksib ta’ awtorizzazzjoni — Talba għal awtorizzazzjoni li għandha tiġi sottomessa minn tal-inqas tletin ġuranta qabel it-twettiq tat-tranżazzjoni ppjanata”

Fil-Kawża C‑603/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upravno sodišče Republike Slovenije (Is-Slovenja), permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Pelati d.o.o.

vs

Republika Slovenija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Levits, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, J J. Kasel (Relatur) u M. Safjan, Imħalfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pelati d.o.o., minn A. Jarkovič, avukat,

–        għall-Gvern Sloven, minn V. Klemenc, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Žebre, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pelati d.o.o. (iktar ’il quddiem “Pelati”) u r-Repubblika tas-Slovenja dwar iċ-ċaħda, mill-amministrazzjoni tat-taxxi ta’ din tal-aħħar, ta’ talba għall-għoti ta’ vantaġġi fiskali fil-waqt tad-diviżjoni tal-impriża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434, li jinsab taħt it-Titolu V tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet finali”, huwa fformulat kif ġej fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża inkwistjoni :

“1. Stat Membru jista’ jirrifjuta li japplika jew li jirtira l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom tat-Titoli II, III u IV meta jidher li l-inkorporazzjoni, id-diviżjoni, it-trasferiment ta’ l-attiv jew l-iskambju ta’ ishma:

(a)       ikollu bħala l-għan immedjat tiegħu jew bħala wieħed mill-għanijiet immedjati prinċipali tiegħu l-evażjoni tat-taxxa jew il-ħarbien minnha; il-fatt li waħda mill-ħidmiet riferiti fl-Artikolu 1 ma tiġix imwettqa għal raġunijiet kummerċjali validi bħalma huma l-istrutturazzjoni mill-ġdid jew ir-razzjonalizzazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-kumpanniji li jkunu qegħdin jieħdu sehem fil-ħidma jista’ jikkostitwixxi preżunzjoni ta’ evażjoni mit-taxxa jew ħarbien minnha bħala l-għan immedjat ewlieni tagħha jew wieħed mill-għanijiet immedjati ewliena tagħha”.


 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Skont l-Artikolu 47 tal-liġi dwar it-taxxi fuq il-kumpanniji (Zakon o davku od dohodkov pravnih oseb, Uradni list RS, n°17/05, iktar ’il quddiem iż-“ZDDPO-1”), “id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 41 sa 47 [ta’ din il-liġi] huma rikonoxxuti lill-kumpannija li tittrasferixxi, lill-kumpannija benefiċjarja u lill-azzjonist tal-kumpannija li tittrasferixxi abbażi ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-amministrazzjoni tat-taxxa, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 41 sa 47 jiġu ssodisfatti.”

5        Il-proċedura ta’ tassazzjoni fil-każ ta’ inkorporazzjonijiet jew ta’ diviżjonijiet ta’ kumpanniji hija prevista mil-liġi dwar il-proċedura fiskali (Zakon o davčnem postopku , Uradni list RS, n° 25/05, iktar ’il quddiem iż-“ZDavP-1”).

6        Skont l-Artikolu 345(2) taż-ZDavP-1, il-persuna taxxabbli tippreżenta d-dikjarazzjoni fiskali lill-amministrazzjoni tat-taxxa mhux iktar tard mit-terminu ta’ sittin ġurnata wara r-reġistrazzjoni tad-diviżjoni fir-reġistru tal-kumpanniji kummerċjali tal-qorti kompetenti.

7        L-Artikolu 363 taż-ZDavP-1 jiddisponi :

“(1) L-awtorizzazzjoni imsemmija fl-Artikolu 47 taż-ZDDPO-1 għandha tingħata għal kull tranżazzjoni individwali.

(2) It-talba ta’ awtorizzazzjoni hija ppreżentata mill-kumpannija li tittrasferixxi […] jew mill-kumpannija benefiċjarja […], u dan għandu jsir minn tal-inqas tletin ġuranta qabel id-data prevista tat-tranżazzjoni msemmija fl-Artikolu 41 taż-ZDDPO-1.

[…]

(5) L-amministrazzjoni fiskali għandha tiddeċiedi fuq it-talba ta’ awtorizzazzjoni fit-terminu massimu ta’ tletin ġuranta li jibdew jiddekorru mill-wasla tat-talba […]”

8        L-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-amministrazzjoni tat-taxxi, kif inhu previst fl-Artikolu 47 taż-ZDDPO-1, moqri flimkien mal-Artikolu 363 taż-ZDavP-1, kien ġie abolit mad-daħla fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2007 , ta’ verżjoni ġdida ta’ liġijiet rigward it-taxxi fuq il-kumpanniji u l-proċedura fiskali (Uradni list RS Nru 117/06), li introduċew proċedura ssimplifikata ta’ notifika f’liema kuntest in-nuqqas ta’ osservanza mill-persuna taxxabbli tal-kundizzjonijiet proċedurali ma jwassalx awtomatikament għat-telf tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 90/434.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Permezz ta’ att notarili tat-30 ta’ Ġunju 2005, Pelati adottat proġett ta’ diviżjoni li kien jipprevedi t-trasferiment ta’ parti mill-kumpannija tagħha lill-kumpannija ġdida. Fis-27 ta’ Settembru 2005, Pelati ssottomettiet quddiem il-qorti kompetenti tar-reġistru tal-kumpanniji kummerċjali talba għar-reġistrazzjoni tat-tibdil fil-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha. Dawn il-bidliet kienu ġew irreġistrati b’digriet fit-12 ta’ Otturbu 2005. Fil-21 ta’ Ottubru 2005, Pelati ppreżentat talba għall-għoti ta’ benefiċċju ta’ vantaġġi fiskali fil-waqt tad-diviżjoni li seħħet.

10      L-amministrazzjoni tat-taxxa kkonstatat li t-trasformazzjoni tal-kumpannija kienet seħħet fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-tibdil fil-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji kummerċjali. Għalhekk hija ċaħdet it-talba ta’ Pelati minħabba l-fatt li din ma kinitx ġiet sottomessa fit-terminu previst tal-Artikolu 363 taż-ZDAVP-1, jiġifieri tletin ġuranta minn tal-inqas qabel it-twettiq tat-trasformazzjoni mixtieqa.

11      Pelati ppreżentat ilment kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda billi sostniet li l-amministrazzjoni tat-taxxa lanqas biss kienet eżaminat il-kwistjoni sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet sostantivi biex tibbenifika mill-vantaġġi fiskali skont iż-ZDDPO-1 kinux ġew issosdisfatti. Dan l-ilment ukoll ġie miċħud minħabba l-fatt li t-terminu ta’ tletin ġuranta kien obbligatorju, għaldaqstant it-talba ta’ Pelati kienet inammissibbli peress li kienet ġiet ippreżentata tard wisq.

12      Pelati ppreżentat rikors għall-annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Upravno sodišče Republike Slovenije (il-Qorti amministrattiva tar-Repubblika tas-Slovenja). Hija ssostni li d-dekadenza li hija kellha taffaċċja bħala sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tletin ġuranta msemmi fl-Artikolu 363(2) taż-ZDavP-1 kien imur kontra d-Direttiva 90/434. Barra minn hekk, l-osservanza ta’ dan it-terminu ma kienx jiddependi kompletament fuq il-kumpannija taxxabbli, peress li hija d-data tar-reġistrazzjoni tat-tibdil fil-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji kummerċjali mill-qorti kompetenti li kienet tiddetermina dik tal-iskadenza tal-imsemmi terminu.

13      Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, li ZDDPO-1 għandha l-obbligu li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku Sloven id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/434. Sussegwentement hija tikkonstata li, jekk it-talba li tagħti l-opportunità li wieħed jibbenifika minn benefiċċji fiskali għandha tiġi ppreżentata, skont l-Artikolu 363(2) taż-ZDAVP-1, minn tal-inqas tletin ġuranta qabel it-tranżazzjoni mixtieqa, madankollu din il-liġi ma tippreċiżax f’liema mument din it-tranżazzjoni ġiet ikkunsidrata bħala mitmuma. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-amministrazzjoni tat-taxxi hija bbażata fuq l-Artikolu 533 tal-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali (Zakon o gospodarskih družbah, Uradni list RS N°30/1993, fil-verżjoni li tapplika għall-fatti), li jiddikjara li l-qorti kompetenti tirreġistra fl-istess waqt fir-reġistru tal-kumpanniji kummerċjali d-diviżjoni u l-formazzjoni tal-kumpannija l-ġdida. Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li d-data tat-tranżazzjoni tikkorrispondi għal dik tar-reġistrazzjoni tal-emendi fil-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni li saru f’dan ir-reġistru. Finalment, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-Direttiva 90/434 ma tipprovdi l-ebda bażi li tippermetti li jiġi rrifjutat il-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali lil kumpannija taxxabbli mingħajr ma jkun ġie evalwat jekk din tal-aħħar tissodisfax jew le l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ vantaġġi bħal dawn.

14      Huwa f’dan il-kuntest li l-Upravno sodišče Republike Slovenije ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda għal deċiżjoni preliminari li ġejja:

“Il-dispożizzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 90/434/KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha r-Repubblika tas-Slovenja tissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġ fiskali għal kumpannija li tixtieq tagħmel diviżjoni (diviżjoni ta’ parti tal-kumpannija u l-ħolqien ta’ kumpannija ġdida) għall-kundizzjoni li din il-kumpannija tissottometti tempestivament applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess għal rikonoxximent ta’ benefiċċji fiskali li tirriżulta mid-diviżjoni, jekk il-kundizzjonijiet imposti jkunu sodisfatti, u li skont liema b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-persuna taxxabbli titlef awtomatikament il-benefiċċji tat-taxxa mal-iskadenza tat-terminu?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

15      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’konformità mal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

16      Huwa paċifiku li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tapplika f’kuntest purament nazzjonali.

17      Madankollu, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlatur Sloven iddeċieda, fil-waqt tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/434 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, li japplika t-trattament fiskali previst minn din id-direttiva anki għal sitwazzjonijiet purament nazzjonali, b’mod li r-ristrutturazzjonijiet nazzjonali u transkonfinali jiġu sottomessi għall-istess sistema fiskali.

18      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta għal sitwazzjonijiet purament nazzjonali l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt tal-Unjoni sabiex, b’mod partikolari, tiġi evitata d‑diskriminazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini nazzjonali jew distorsjoni eventwali tal-kompetizzjoni, jeżisti ċertament interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom ser ikunu applikati (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C-28/95, Ġabra p.I-4161, punt 32; tal-15 ta’ Jannar 2002, Andersen og Jensen, C-43/00, Ġabra p.I-379, punt 18, kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2010, Modehuis A. Zwijnenburg, C-352/08, Ġabra p.I-4303, punt 33).

19      Għandu jingħad ukoll li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-portata preċiża ta’ dan ir-rinviju għad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami biss tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Leur-Bloem, punt 33 u Modehuis A. Zwijnenburg, punt 34).

20      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/434 minkejja li dawn ma jirregolawx direttament is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u għaldaqstant, sabiex tirrispondi għad-domanda tal-qorti tar-rinviju.

 Fuq il-mertu

21      Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434 għandux jiġi interpretat fis-sens li jopponi l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissottometti l-għoti ta’ vantaġġi fiskali applikabbli għal tranżazzjoni ta’ diviżjoni għal kundizzjoni li t-talba relatata ma’ din it-tranżazzjoni titressaq f’terminu determinat, fejn il-punt ta’ tluq ma jkunx magħruf mill-persuna taxxabbli u li fl-iskadenza tiegħu din tal-aħħar titlef id-dritt għal dawn il-vantaġġi fiskali mingħajr ma jkun ġie eżaminat jekk hija ssodisfatx jew le l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti tagħhom.

22      Hekk kif ikkonstataw kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni Ewropea, li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 90/434 ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tirrigwarda l-metodi proċedurali li l-Istati Membri għandhom josservaw meta jingħataw il-vantaġġi fiskali previsti minn din id-direttiva.

23      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-metodi proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany et Arcor, C-392/04 et C-422/04, Ġabra p.I-8559, punt 57, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et C-262/09, Ġabra p. I‑5669, punt 55).

24      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element tali li jqajjem dubju dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

25      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività li għandu jitqies bħala li ġie miksur meta jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

26      Fir-rigward tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 90/434, hemm lok li jitfakkar li s-sistemi fiskali komuni stabbiliti permezz ta’ din id-direttiva, li tipprevedi diversi vantaġġi fiskali, tapplika mingħajr ebda distinzjoni għall-tranżazzjonijiet kollha ta’ inkorporazzjoni, ta’ diviżjoni, ta’ trasferiment ta’ attiv u ta’ skambju ta’ ishma, mingħajr kunsiderazzjoni tal-motivi tagħhom, kemm jekk ikunu finanzjarji, ekonomiċi jew purament fiskali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Leur-Bloem, punt 36, u Modehuis A. Zwijnenburg, punt 41).

27      Huwa biss b’mod eċċezzjonali u f’każijiet partikolari li l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434, jirrifjutaw li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kollha, jew uħud minnhom, jew jirtiraw il-benefiċċju tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, C-321/05, Ġabra p.I-5795, punt 37, u Modehuis A. Zwijnenburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45), jiġifieri meta t-tranżazzjoni ta’ ristrutturazzjoni mixtieqa għandha bħala għan prinċipali jew bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha l-evażjoni tat-taxxa jew il-ħarbien minnha.

28      F’dan il-każ, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja joħroġ li l-persuna taxxabbli għandha, f’konformità mal-Artikolu 47 taż-ZDDPO-1, moqri flimkien mal-Artikolu 363(2) taż-ZDavP-1, tressaq it-talba tagħha sabiex tibbenifika mill-vantaġġi fiskali previsti mid-Direttiva 90/434, taħt piena li titlef id-drittijiet mogħtija minnha, minn tal-inqas tletin ġuranta qabel it-tranżazzjoni ta’ ristrutturazzjoni mixtieqa.

29      Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi vverifikat jekk it-terminu ta’ tletin ġurnata jissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività għal dak li jirrigwarda kemm it-tul kif ukoll il-punt ta’ tluq tiegħu.

30      F’dak li jirrigwarda t-tul tat-terminu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-analiżi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva tad-drittijiet mogħtija lil dawk li huma suġġetti għad-dritt tal-Unjoni, diġà rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi, fl-interess taċ-ċertezza legali, li jipproteġi kemm lill-persuni taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, termini bħal dawn ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p.I-4025, punt 28, tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p.I-7141, punt 19). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet bl-istess mod li terminu ta’ rikors ta’ sittin ġuranta ma jistax fih innifsu jiġi kkontestat (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, Ġabra p.I-4599, punt 16, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecommunications, C-40/08, Ġabra p.I-9579, punt 43).

31      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-ġurisprudenza hija wkoll applikabbli meta tkun tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-metodi ta’ restituzzjoni tat-taxxi nazzjonali li kienu ġew riċevuti indebitament (sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 58). Dan għandu jgħodd ukoll meta tiġi evalwata l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività fir-rigward tal-iffissar ta’ terminu mogħti meta titressaq talba bil-għan li tikseb il-benefiċċju ta’ vantaġġi fiskali.

32      Għaldaqstant, ma jidhirx li leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti l-benefiċċji tal-vantaġġi fiskali previsti mid-Direttiva 90/434 biss bil-patt u l-kundizzjoni li t-talba relatata titressaq minn tal-inqas tletin ġuranta qabel it-tranżazzjoni ta’ ristrutturazzjoni mixtieqa tista’ trendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-persuna taxxabbli tislet mid-dritt tal-Unjoni.

33      Jekk it-terminu ta’ skadenza bħal dak fil-kawża prinċipali ma jmurx, minnu nnifsu, kontra l-prinċipju ta’ effettività, ma jistax madankollu jiġi eskluż li, fil-kuntest taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża sottomessa għall-qorti tar-rinviju, il-metodi tal-implementazzjoni ta’ dan it-terminu jkunu jistgħu jwasslu għal ksur tal-imsemmi prinċipju.

34      Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ tletin ġurnata previst fl-Artikolu 363(2), taż-ZDavP-1, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan it-terminu ġie kkalkolat b’lura mill-ġurnata li fiha ġiet effettwata t-tranżazzjoni tar-ristrutturazzjoni, peress li ġie ppreċiżat li d-data li fiha hija kkunsidrata li seħħet din it-tranżazzjoni hija dik tar-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji kummerċjali mill-qorti kompetenti

35      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal din, il-perijodu li matulu jibda jiddekorri t-terminu ta’ tletin ġuranta ma jiddependix mill-persuna taxxabbli, peress li din tal-aħħar ma tistax tkun taf bi preċiżjoni la l-punt ta’ tluq ta’ dan it-terminu u lanqas iż-żmien, jiġifieri l-ġuranta tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji kummerċjali tat-tranżazzjoni ta’ ristrutturazzjoni mixtieqa.

36      Issa, huwa xieraq li jitfakkar li l-għanijiet tad-Direttiva 90/434 għandhom jiġu implementati fid-dritt nazzjonali billi jiġu osservati r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jimplementaw sistema ta’ termini suffiċjentement preċiża, ċara u previdibbli sabiex jippermettu lill-individwi li jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK), C-406/08, Ġabra p.I-817, punt 39 u ġurisprudenza ċċitata). Hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali sabiex tivverifika jekk dawn ir-rekwiżiti ġewx osservati.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża inkwistjoni, li tissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġi fiskali applikabbli għal tranżazzjoni ta’ diviżjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għall-kundizzjoni li t-talba marbuta ma’ din it-tranżazzjoni titressaq f’terminu stabbilit. Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju biex tivverifika jekk il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ dan it-terminu, u b’mod iktar partikolari l-istabbiliment tal-punt ta’ tluq tiegħu, ikunu suffiċjentement preċiżi, ċari u previdibbli sabiex jippermettu lill-persuni taxxabbli jkunu jafu d-drittijiet tagħhom u jiżguraw li dawn tal-aħħar jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi fiskali previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża inkwistjoni, li tissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġi fiskali applikabbli għal tranżazzjoni ta’ diviżjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għall-kundizzjoni li t-talba marbuta ma’ din it-tranżazzjoni titressaq f’terminu stabbilit. Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju biex tivverifika jekk il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ dan it-terminu, u b’mod iktar partikolari l-istabbiliment tal-punt ta’ tluq tiegħu, ikunu suffiċjentement preċiżi, ċari u previdibbli sabiex jippermettu lill-persuni taxxabbli jkunu jafu d-drittijiet tagħhom u jiżguraw li dawn tal-aħħar jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi fiskali previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.