Language of document : ECLI:EU:C:2012:657

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 5 sa 7 — Konvenzjoni ta’ Montréal — Artikoli 19 u 29 — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira — Kompatibbiltà”

Fil-Kawżi magħquda C‑581/10 u C‑629/10,

li għandhom bħala sugġett talbiet għal deċiżjonijiet preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Köln (il-Ġermanja) u l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), b’deċiżjonijiet, rispettivament, tat-3 ta’ Novembru u tal-10 ta’ Awwissu 2010, li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 u fl-24 ta’ Diċembru 2010, fil-Kawżi

Emeka Nelson,

Bill Chinazo Nelson,

Brian Cheimezie Nelson

vs

Deutsche Lufthansa AG (C-581/10)

u

The Queen, fuq talba ta’:

TUI Travel plc,

British Airways plc,

easyJet Airline Company Ltd,

International Air Transport Association

vs

Civil Aviation Authority(C-629/10)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, J. Malenovský (Relatur), A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, D. Šváby u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsche Lufthansa AG, minn Ch. Giesecke, Rechtsanwalt,

–        għal TUI Travel plc, British Airways plc, easyJet Airline Company Ltd u International Air Transport Association, minn L. Van den Hende, solicitor, u D. Anderson, QC,

–        għas-Civil Aviation Authority, minn A. Shah, QC,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar kif ukoll K. Bożekowska-Zawisza u M. Kamejsza, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn D. Beard, QC,

–        għall-Parlament Ewropew, minn L. G. Knudsen u A. Troupiotis, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u A. De Elera, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u K.-P. Wojcik kif ukoll N. Yerrell, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        It-talba dwar il-Kawża C‑581/10 ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn E. Nelson u l-familja tagħha (iktar ’il quddiem il-“membri tal-familja Nelson”) u l-kumpannija tal-ajru Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”) dwar ir-rifjut ta’ din il-kumpannija li tikkumpensa lil dawn il-passiġġieri li twasslu fl-ajruport ta’ destinazzjoni b’dewmien ta’ 24 siegħa meta mqabbel mal-ħin ta’ wasla inizjalment previst.

3        It-talba dwar il-Kawża C‑629/10 ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn TUI Travel plc, British Airways plc, easyJet Airline Company Ltd u l-International Air Transport Association (iktar ’il quddiem “TUI Travel et”) u s-Civil Aviation Authority dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tiggarantilhom li hija mhux ser tinterpreta r-Regolament Nru 261/2004 fis-sens li jimponi obbligu fuq il-kumpanniji tal-ajru li jikkumpensaw lill-passiġġieri f’każ ta’ dewmien tat-titjira tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

4        Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999 ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”).

5        L-Artikoli 17 sa 37 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jifformaw il-Kapitolu III tagħha, li huwa intitolat “Responsabbiltà tat-trasportatur u l-portata tal-kumpens għal danni”

6        L-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Dewmien”, jiddisponi:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t‑trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri”.

7        L-Artikolu 22(1) tal-imsemmija konvenzjoni jillimita r-responsabbiltà tat-trasportatur meta din tirriżulta minn dewmien li jammonta għal 4150 dritt speċjali ta’ preljev għal kull passiġġier. Il-ħames paragrafu tal-istess artikolu essenzjalment jgħid li din il-limitazzjoni ma tapplikax jekk id-dannu jirriżulta minn att jew ommissjoni tat-trasportatur, tal-uffiċjali tiegħu jew tal-mandatarji tiegħu magħmul fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom bl-intenzjoni li jiġi kkawżat dannu, jew bi traskuraġni u b’konoxxenza li probabbilment kien ser jirriżulta dannu.

8        L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, intitolat “Bażi tal-pretensjonijiet”, jiddisponi:

“Fil-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm taħt din il-Konvenzjoni jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’oħra, tista’ tinġieb biss bla ħsara għall-kondizzjonijiet u dawn il-limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom. F’kull azzjoni ta’ din ix-xorta, m’humiex rikoverabbli danni punitivi, eżemplari jew danni oħrajn non-kompensatorji”.

 Id-dritt tal-Unjoni

9        Il-premessi 1 sa 4 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu :

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

(3)      Filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91, tal-4 ta’ Frar 1991, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306) ħoloq protezzjoni bażika għal passiġġieri, in-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom tibqa’ għolja wisq, bħalma tibqa’ dik affettwata minn kanċellazzjonijiet mingħajr notifika minn qabel u dik affettwata minn dewmien twal.

(4)      Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta' passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f'suq illiberalizzat.

[…]

(15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

10      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi :

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

l)      ‛kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

11      L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8;

[…]

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

[…]

(iii) huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

12      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 61/2004, intitolat “Dewmien” huwa redatt kif ġej:

“1.      Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

a)      għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

b)      għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)       għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

i)      l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), u

ii)      meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ), u

(iii) meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.      Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

13      L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

“1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilomentru;

(ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.      Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament :

a)      b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas; jew

b)      b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(ċ) b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista' jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

[…]”.

14      Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament

“1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

a)      — rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

— titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

b)       rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá, jew

(ċ)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-581/10

15      Il-membri tal-familja Nelson irriżervaw titjira mal-Lufthansa bi tluq minn Frankurt Main (il-Ġermanja) u b’destinazzjoni Lagos (in-Niġerja), għas-27 ta’ Lulju 2007, kif ukoll it-titjira ta’ ritorn LH 565 minn Lagos għal Frankfurt Main, għas-27 ta’ Marzu 2008. Il-ħin ta’ tluq previst għal din it-titjira ta’ ritorn kien l-għaxra u ħamsin minuta ta’ filgħaxija. Fis-27 ta’ Marzu 2008, il-membri tal-familja Nelson waslu fil-ħin fl-ajruport ta’ Lagos. Madankollu, it-titjira ta’ ritorn ma telqitx fil-ħin previst u huma ġew alloġġjati f’lukanda. Fit-28 ta’ Marzu 2008 fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar, huma twasslu mil-lukanda għall-ajruport. It-titjira LH 565 telqet finalment fid-29 ta’ Marzu 2008 fis-siegħa ta’ filgħodu b’ajruplan ta’ sostituzzjoni li Lufthansa ġabet minn Frankfurt Main bl-istess numru ta’ titjira, u essenzjalment bl-istess passiġġieri. L-ajruplan niżel fi Frankfurt Main fis-sebgħa u għaxra ta’ filgħodu, jiġifieri b’dewmien ta’ iktar minn erbgħa u għoxrin siegħa mil-ħin ta’ wasla inizjalment previst.

16      Wara din it-titjira, il-membri tal-familja Nelson ressqu kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma b’mod partikolari talbu li Lufthansa tiġi, minħabba dan id-dewmien, ikkundannata tħallas EUR 600, interessi mhux inklużi, lil kull wieħed minnhom fuq il-bażi tal-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

17      F’dan ir-rigward, Lufthansa sostniet li, sa fejn it-titjira saret, dan ma huwiex każ ta’ kanċellazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 261/2004, iżda dewmien li fir-rigward tiegħu dan ir-regolament ma jipprovdix dritt għal kumpens.

18      Il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura minħabba d-deċiżjoni mistennija tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑402/07 u C‑432/07 li waslet għas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (Ġabra. p. I-10923). Il-proċeduri tkomplew wara li ngħatat din is-sentenza.

19      Fid-dawl tal-imsemmija sentenza, Lufthansa sostniet, minn naħa, li d-dritt għal kumpens irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja favur passiġġieri ta’ titjiriet li jkunu ġarrbu dewmien ma huwiex kompatibbli mas-sistema ta’ kumpens prevista mill-Konvenzjoin ta’ Montréal. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, eċċediet il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jikkostitwixxi dritt għal danni fuq bażi li ma hijiex dik tal-kumpens fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal?

2)      X’relazzjoni hemm bejn, minn naħa, id-dritt għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jista’ jkun pretiż, skont is-sentenza [Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq], mill-passiġġieri li jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal kumpens tad-danni kkawżati minn dewmien, previst fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fid-dawl tal-esklużjoni, taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 29 ta’ din l-istess konvenzjoni, ta’ danni fuq bażi li ma hijiex dik tal-kumpens?

3)      Kif jista’ l-kriterju ta’ interpretazzjoni li fuqu hija bbażata s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, li jippermetti li d-dritt għal kumpens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jiġi estiż għal każijiet ta’ dewmien, jiġi rrikonċiljat mal-kriterju ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika għal dan l-istess regolament fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I‑403)?”

 Il-Kawża C-629/10

21      TUI Travel plc huwa grupp internazzjonali ta’ divertiment li għandu seba’ kumpanniji tal-ajru, fosthom Thomson Airways li hija bbażata fir-Renju Unit. British Airways plc u easyJet Airlines Company Ltd. huma kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet internazzjonali regolari ta’ passiġġieri.

22      L-International Air Transport Association hija organizzazzjoni kummerċjali internazzjonali li tiġbor madwar 230 kumpannija tal-ajru li jirrappreżentaw 93 % tat-traffiku internazzjonali regolari.

23      Is-Civil Aviation Authority hija organizzazzjoni indipendenti tal-avjazzjoni fir-Renju Unit. L-attivitajiet tagħha jinkludu r-regolamentazzjoni ekonomiku, il-politika tal-ispazju tal-ajru, ir-regolamentazzjoni tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Hija responsabbli mill-osservanza tar-regolamentazzjoni tal-ajru fir-Renju Unit.

24      TUI Travel et talbet lis-Civil Aviation Authority biex tikkonferma li hija mhux ser tinterpreta r-Regolament Nru 261/2004 fis-sens li jimponi obbligu fuq il-kumpanniji tal-ajru biex jikkumpensaw lill-passiġġieri tagħhom f’każ ta’ dewmien tat-titjira tagħhom. Is-Civil Aviation Authority irrifjutat li tilqa’ din it-talba, billi indikat li hija kienet marbuta bl-effetti tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq.

25      Għaldaqstant, TUI Travel et ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tiġi kkontestata l-pożizzjoni tas-Civil Aviation Authority.

26      Peress li qieset li l-argumenti ta’ TUI Travel et ma kinux nieqsa mill-fondatezza, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 5 sa 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu l-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 [ta’ dan ir-regolament] lill-passaġġieri li t-titjiriet tagħhom kellhom dewmien fis-sens tal-Artikolu 6 [tal-imsemmi regolament], u jekk dan huwa l-każ f’liema ċirkustanzi?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, l-Artikoli 5 sa 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] huma invalidi, għalkollox jew parzjalment, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali [ugwaljanza fit-trattament]?

3)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, l-Artikoli 5 sa 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] huma invalidi, għalkollox jew parzjalment, minħabba

a)      inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Montréal,

b)      ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u/jew

c)      ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali?

4)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermativa u t-tielet domanda tingħata risposta negattiva, x’limiti, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu imposti fuq l-effett ratione temporis tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ??

5)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, x’effett għandu jingħata, jekk ikun il-każ, li [is-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq], bejn id-19 ta’ Novembru 2009, id-data meta ngħatat, u d-data tas-sentenza li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ?”

27      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 2011, il-Kawżi C‑581/10 u C‑629/10 ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑629/10, jiġifieri l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 f’każ ta’ dewmien ta’ titjira u ċ-ċirkustanzi li fihom dan il-kumpens huwa dovut

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑629/10, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u jekk iva f’liema ċirkustanzi, il-passiġġieri ta’ titjiriet li jkunu ġarrbu dewmien għandhomx dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament u lanqas l-ebda dispożizzjoni oħra tiegħu ma jistabbilixxu b’mod espliċitu tali dritt.

30      Dan premess, mill-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li passiġieri għandhom, fiċ-ċirkustanzi speċifikati mill-imsemmija dispożizzjoni, dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għat-titjira tagħhom li tkun ġiet ikkanċellata mingħajr ma jkunu ġew informati minn qabel jew ikunu ġew informati in extremis, jiġifieri inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin ta’ tluq previst, u li fir-rigward tagħhom it-trasportatur tal-ajru ma jkunx f’pożizzjoni li jipproponi rotta differenti permezz ta’ titjira li titlaq l-iktar kmieni siegħa qabel il-ħin ta’ tluq previst u tasal fid-destinazzjoni finali inqas minn sagħtejn wara l-ħin ta’ wasla previst (ara s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

31      Għalhekk, l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tal-imsemmi regolament jagħti lit-trasportatur tal-ajru ċertu marġni ta’ manuvra biex jipproponi lil passiġġer ta’ titjira annullata in extremis rotta differenti, mingħajr ma jkollu jikkumpensah. Skont din id-dispożizzjoni, it-trasportatur għandu l-fakultà li jipproponilu rotta differenti li t-tul ikun itwal minn dak tat-titjira kkanċellata. Madankollu, minkejja li t-trasportatur juża b’mod sħiħ iż-żewġ marġni li l-imsemmija dispożizzjoni tagħtih, jiġifieri dik li tippermettilu li jressaq ’il quddiem it-tluq tal-imsemmi passiġġier b’ siegħa u li jċaqlaq il-ħin tal-waslu tiegħu għal inqas minn sagħtejn, il-tul totali tar-rotta differenti proposta ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tkun daqs jew iktar minn tliet sigħat meta mqabbla mat-tul previst għat-titjira kkanċellata. Minn dan il-limitu, il-passiġġier ikkonċernat għandu jiġi kkumpensat.

32      Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma jagħti espliċitament kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-passiġġieri li jsiru jafu in extremis qabel it-titjira tagħhom, jew saħansitra matul din it-titjira, li din ser iġarrab dewmien twil, u li ser jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin ta’ wasla inizjalment previst.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Issa, il-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien u dawk ta’ titjiriet ikkanċellati għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, bħala li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, għaliex dawn il-passiġġieri jġarrbu l-istess inkonvenjenza, jiġifieri telf ta’ ħin li jkun daqs jew iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-pjan inizjali tat-titjira tagħhom (ara s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

35      Barra minn hekk, il-passiġġieri li jaqgħu taħt wieħed minn dawn il-gruppi huma prattikament imċaħħda mill-possibbiltà li jorganizzaw mill-ġdid b’mod liberu l-ispostament tagħhom, peress li huma kkonfrontati jew b’inċident gravi fit-twettiq tat-titjira imminenti tagħhom jew li tkun diġà fis-seħħ, jew b’kanċellazzjoni ta’ tali titjira li tagħti lok, jekk ikun il-każ, biex tiġi offruta rotta differenti. Għalhekk, għalkemm, għal raġuni jew oħra, huma neċessarjament obbligati li jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom f’mument partikolari, huma ma jistgħu bl-ebda mod jevitaw it-telf ta’ ħin inerenti fis-sitwazzjoni l-ġdida, għaliex f’dan ir-rigward huma ma għandhom l-ebda marġni ta’ manuvra.

36      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma barra minn hekk ikkorroborati mill-premessa 3 in fine tar-Regolament Nru 261/2004 li — billi ssemmi, fost l-oħrajn, in-numru wisq għoli ta’ passiġġieri kkonċernati mill-kanċellazzjonijiet mingħajr avviż minn qabel u mid-dewmien twil — tenfasizza impliċitament l-inkonvenjenza mġarrba minn dawn iż-żewġ gruppi ta’ passiġġieri.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 intiż li jkabbar il-protezzjoni tal-passiġġeri kollha tal-ajru, il-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar ma jistgħux jitqiesu b’mod differenti meta mqabbla ma’ dawk li jibbenefikaw mill-kumpens abbażi tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament, peress li tali inugwaljanza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ gruppi ma huwiex debitament iġġustifikat fid-dawl tal-għanijiet imfittxa minn dan ir-regolament (ara s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 kif ukoll 60).

38      Issa, biex tiġi eliminata din l-inugwaljanza, hemm lok li r-Regolament Nru 261/2004 jiġi interpretat fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien twil għandhom jibbenefikaw mill-istess kumpens mogħti lill-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati stabbilit fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

39      Dan premess, għandu jingħad li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur ried ukoll jibbilanċja l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tat-trasportaturi tal-ajru. Filwaqt li stabbilixxa drittijiet favur dawn il-passiġġieri, fl-istess ħin, fil-premessa 15 u fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, stipula li t-trasportaturi tal-ajru ma humiex obbligati jħallsu kumpens jekk ikunu f’pożizzjoni li juru li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv (sentenza Sturgeon et, punt 67).

40      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑629/10 għandha tkun li l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien għandhom dritt għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament meta huma jġarrbu, minħabba tali titjiriet, telf ta’ ħin li jkun daqs jew iktar minn tliet sigħat, jiġifieri meta jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin ta’ wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur il-passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li juri li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawza C‑581/10 kif ukoll it-tielet domanda (a) fil-Kawża C-629/10, jiġifieri l-validità tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Montréal

41      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑581/10 kif ukoll it-tielet domanda (a) fil-Kawża C‑629/10, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 humiex validi fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal meta jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien, li jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin ta’ wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru, għandhom dritt għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament.

42      Lufthansa, TUI Travel et kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u tar-Renju Unit isostnu li li kieku l-imsemmi regolament kellu jagħti dritt għal kumpens lill-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien, dan ikun qed jikser il-kliem stess tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal li tistabbilixxi azzjoni għal danni, b’mod partikolari fil-każ ta’ danni li jirriżultaw minn dewmien fit-trasport bl-ajru, u jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kumpens f’ċirkustanzi u limiti preċiżi li ma humiex sodisfatti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004.

43      Min-naħa l-oħra Lufthansa, TUI Travel et kif ukoll l-imsemmija Gvernijiet bl-ebda mod ma jikkontestaw li, fir-rigward tal-passiġġeri ta’ titjiriet ikkanċellati jew ta’ passiġġeri li ma jitħallewx jitilgħu, id-dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 huwa kompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

44      Madankollu, minn qari flimkien b’mod partikolari tal-Artikoli 8(1)(b) u 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta f’dan ir-rigward li rifjut milli persuna titħalla titla’ u rotta differenti jew kanċellazzjoni ta’ titjira b’rotta differenti jistgħu jwasslu, minn naħa, għal dewmien fit-trasport tal-arju ta’ passiġġieri, u, min-naħa l-oħra, kumpens għall-passiġġieri kkonċernati minn tali dewmien.

45      Għalhekk, bl-argument tagħhom, Lufthansa, TUI Travel et kif ukoll l-imsemmija Gvernijiet iqiegħdu indirettament inkwistjoni d-dritt stess għal kumpens hekk kif previst bir-Regolament Nru 261/2004, u, b’mod definittiv, il-kompatibbiltà tal-Artikoli 5 sa 7 ta’ dan ir-regolament mal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

46      Issa, fis-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jirriżulta la mill-Artikoli 19, 22 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u lanqas minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din il-konvenzjoni li l-awturi ta’ din tal-aħħar riedu jeskludu lit-trasportaturi tal-ajru minn kull forma oħra ta’ intervent li ma huwiex dak stabbilit b’dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari minn dawk li jistgħu jsiru mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu kkumpensati, b’mod standardizzat u immedjat, id-danni li jikkostitwixxu l-inkonvenjenzi kkawżati mid-dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, mingħajr ma dawn ikollhom ibatu l-inkonvenjenzi inerenti għall-implementazzjoni ta’ azzjonijiet għal danni u interessi quddiem il-qrati (sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

47      Minkejja li s-suġġett tad-domanda preliminari dwar il-kompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Montréal jirrigwarda biss il-miżuri ta’ assistenza u ta’ teħid ta’ responsabbiltà standardizzat u immedjat previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li miżuri oħra, bħalma hija l-miżura ta’ kumpens prevista fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, jistgħu jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

48      Din l-aħħar miżura ġiet konkretament eżaminata fis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li t-telf ta’ ħin jikkostitwixxi inkonvenjenza msemmija mir-Regolament Nru 261/2004, bħal inkonvenjenzi oħra li l-miżuri previsti minn dan ir-regolament għandhom jirrimedjaw. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li din l-inkonvenjenza għandha tiġi rrimedjata permezz ta’ kumpens lill-passiġġieri kkonċernati skont dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 kif ukoll 61).

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, bħall-inkonvenjenzi msemmija fis-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, telf ta’ ħin ma jistax jiġi kklassifikat bħala “dannu kkawżat minn dewmien”, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, u, għal din ir-raġuni, ma jidħolx fil-portata tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

50      Fil-fatt, l-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni jimplika, b’mod partikolari, li d-dannu huwa kkawżat bħala riżultat ta’ dewmien, li hemm rabta kawżali bejn id-dewmien u d-dannu u li d-dannu huwa individwalizzat skont id-danni differenti li jġarrbu d-diversi passiġġieri.

51      Issa, l-ewwel nett, telf ta’ ħin ma huwiex dannu kkawżat bħala riżultat ta’ dewmien, iżda jikkostitwixxi inkonvenjenza, bħall-inkonvenjenzi fis-sitwazzjonijiet ta’ rifjut li persuna titħalla titla’, ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jew ta’ dewmien twil, u jkun akkumpanjat b’dawn is-sitwazzjonijiet, bħal nuqqas ta’ kumdità jew il-fatt li tkun temporanjament imċaħħad mill-mezzi ta’ komunikazzjoni normalment disponibbli.

52      It-tieni nett, it-telf ta’ ħin huwa subit b’mod identiku mill-passiġġieri kollha tat-titjiriet li jġarrbu dewmien u, konsegwentement, huwa possibbli li jirrimedjaw permezz ta’ miżura standardizzata, mingħajr il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni ordinarja tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull passiġġier ikkonċernat. Għalhekk, tali miżura tista’ tapplika immedjatament.

53      Fl-aħħar nett, mhux bilfors hemm rabta kawżali bejn id-dewmien effettiv, minn naħa, u t-telf ta’ ħin meqjus bħala rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 jew għall-kalkolu tal-ammont ta’ dan tal-aħħar, min-naħa l-oħra.

54      Fil-fatt, l-obbligu partikolari ta’ kumpens, impost bir-Regolament Nru 261/2004, ma jirriżulta bl-ebda mod mid-dewmien effettiv, iżda biss mid-dewmien li jwassal għal telf ta’ ħin daqs jew iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ħin ta’ wasla inizjalment previst. Barra minn hekk, filwaqt li l-portata ta’ dewmien jikkostitwixxi normalment fattur li jkabbar il-probabbiltà ta’ danni iktar sinjifikattivi, il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa mogħti abbażi tal-imsemmi regolament, f’dan ir-rigward, ma jinbidilx, peress li t-tul tad-dewmien effettiv lil hinn mit-tliet sigħat ma jittiħidx inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont ta’ kumpens dovut abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-telf ta’ ħin marbut ma’ dewmien ta’ titjira, li jikkostitwixxi inkonvenjenza fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004 u ma huwiex ikklassifikat bħala “dannu kkawżat minn dewmien”, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, ma jistax jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-imsemmija konvenzjoni.

56      Konsegwentement, l-obbligu li jirriżulta mir-Regolament Nru 261/2004 u intiż li jikkumpensa lill-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien ta’ natura twila huwa kompatibbli mal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

57      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ kumpens li jirriżulta mir-Regolament Nru 261/2004 jikkombaċi mal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, sa fejn dan jinsab qabel id-dispożittiv previst f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

58      Minn dan isegwi li dan l-obbligu ta’ kumpens ma jostakolax waħdu li l-passiġġieri kkonċernati, fil-każ meta l-istess dewmien jikkawżalhom ukoll danni individwali li jagħtu lok għad-dritt għal kumpens, ikunu jistgħu, barra minn hekk, jibdew azzjonijiet intiżi li jinkiseb, fuq bażi ta’ kumpens individwali, kumpens, skont il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montreal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IATA u ELFAA,iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 47).

59      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, matul l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kumpens ulterjuri”, li dan l-artikolu huwa maħsub biex jikkompleta l-applikazzjoni tal-miżuri previsti minn dan ir-regolament, b’mod li l-passiġġieri jiġu kkumpensati għad-dannu kollu li jkunu sofrew minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mit-trasportatur bl-ajru tal-obbligi kuntrattwali tiegħu. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-qorti nazzjonali tikkundanna lit-trasportatur bl-ajru biex jikkumpensa għad-dannu li jirriżulta lill-passiġġieri, mill-ksur tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru fondat fuq bażi legali distinta mir-Regolament Nru 261/2004, jiġifieri, b’mod partikolari, skont il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montréal jew mil-liġi nazzjonali (sentenza tat-13 Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C-83/10, Ġabra p. I‑9469, punt 38).

60      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑581/10 kif ukoll tat-tielet domanda (a) fil-Kawża C‑629/10 ma qajmet l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑581/10 u t-tielet domanda (ċ) fil-Kawża C‑629/10, jiġifieri l-validità tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

61      Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑581/10 u t-tielet domanda (ċ) fil-Kawża C‑629/10, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretati mis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, humiex validi fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

62      TUI Travel et kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit isostnu li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 fis-sens li jimponi obbligu li jiġu kkumpensati l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien twassal biex ikun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju. Din l-interpretazzjoni hija inkompatibbli, minn naħa, mas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li ma hemm l-ebda obbligu li jingħata kumpens f’tali sitwazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, din tikser l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif ukoll il-kliem ċar ta’ dan ir-regolament, li minnu jirriżulta li kumpens għandu jingħata biss f’każ li persuna ma titħalliex titla’ jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjiriet.

63      Dan l-argument għandu jiġi mwarrab fid-dawl tal-konstatazzjonijiet stabbiliti iktar ’il fuq f’din is-sentenza.

64      L-ewwel nett u b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq IATA u ELFAA u s-sentenza Sturgeon et, mill-punti 46 sa 48 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma hemm l-ebda tensjoni bejn dawn iż-żewġ sentenzi, peress li t-tieni timplementa l-prinċipji stabbiliti fl-ewwel sentenza.

65      It-tieni nett, mill-punti 30 sa 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 bħala li jimponi obbligu ta’ kumpens għad-dewmien twil ta’ titjiriet ma tiksirx ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

66      Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċarezza tal-obbligi imposti fuq it-trasportaturi tal-ajru, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand Frères et Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, punt 17; tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, kif ukoll tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30).

67      Issa, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-trasportaturi tal-ajru ma jistgħux inisslu argument mill-prinċipju ta’ ċertezza legali biex jippretendu li l-obbligu ta’ kumpens lill-passiġġieri li huwa impost fuqhom mir-Regolament Nru 261/2004, skont l-ammonti stabbiliti fil-każ ta’ dewmien, jikser dan l-aħħar prinċipju.

68      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-Konklużjonijiet tiegħu, hekk kif ġiet deċiża s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, il‑passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ikunu ġarrbu dewmien u t-trasportaturi tal-ajru setgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità l-mument minn meta, rispettivament, tal-ewwel jistgħu jippretendu l-għoti ta’ kumpens u minn meta tat-tieni huma obbligati li jagħtu dan il-kumpens, peress li l-iffissar ta’ limitu ta’ ħin ċar jippermetti wkoll li jiġi evitat li l-qrati nazzjonali jevalwaw b’mod differenti l-kunċett ta’ dewmien twil, fatt li jwassal, jekk ikun il-każ, għal inċertezza legali.

69      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tat-tielet domanda fil-Kawża C‑581/10 u tat-tielet domanda (ċ) fil-Kawża C‑629/10 ma rrilevat l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

 Fuq it-tielet domanda (b), fil-Kawża C-629/10, jiġifieri l-prinċipju ta’ proporzjonalità

70      Permezz tat-tielet domanda (b) fil-Kawża C‑629/10, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 humiex validi fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta huma interpretati fis-sens li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġarrbet dewmien għandhom dritt għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament.

71      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et, C‑27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 62, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 35).

72      F’din il-kawża, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri tal-ajru irrispettivament mill-fatt jekk tħallewx jitilgħu fuq l-ajruplan, jekk kienx hemm kanċellazzjoni jew dewmien twil tat-titjira, peress li lkoll huma vittmi ta’ diffikultajiet u ta’ inkonvenjenzi serji simili marbuta mat-trasport tal-ajru (ara s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

73      TUI Travel et kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit isostnu li jekk ir-Regolament Nru 261/2004 jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi l-għoti ta’ kumpens lill-passiġġieri f’każ ta’ dewmien tat-titjira tagħhom, tali interpretazzjoni tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet intiżi minn dan ir-regolament, għaliex twassal biex it-trasportaturi tal-ajru jbatu spiża finanzjarja eċċessiva. Barra minn hekk, din ikollha wkoll effett sproporzjonat fuq il-passiġġieri, għaliex jista’ jagħti l-każ li t-trasportaturi jgħaddu l-ispiża finanzjarja ta’ dan l-obbligu fuq it-tariffi tagħhom kif ukoll li jnaqqsu n-numru ta’ titjiriet ta’ distanza qasira u dawk b’destinazzjoni mbiegħda.

74      Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu mill-ewwel jitfakkar li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jippermetti li jiġi rrimedjat telf ta’ ħin subit mill-passiġġieri mingħajr il-ħtieġa li dawn tal-aħħar juru li huma ġarrbu dannu individwalizzat. Din il-miżura tippermetti għalhekk li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġiera tal-ajru, kif huwa l-għan imfittex minn dan ir-regolament.

75      Peress li t-telf ta’ ħin subit huwa ta’ natura irriversibbli, oġġettiv u faċilment kwantifikabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52), il-miżura li tikkonsisti fl-għoti lill-passiġġieri kollha kkonċernati minn din l-inkonvenjenza ta’ kumpens pekunjarji, immedjat u fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa partikolarment adattat.

76      Ċertament, huwa minnu li dan il-kumpens iwassal għal konsegwenzi finanzjarji onerużi għat-trasportaturi tal-ajru. Madankollu, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ protezzjoni għolja għall-passiġġieri tal-ajru.

77      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-obbligu ta’ kumpens li jirriżulta mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jikkonċerna mhux lid-dewmien kollu, iżda biss lid-dewmien twil.

78      It-tieni nett, l-ammont ta’ kumpens, iffissat għal EUR 250, 400 u 600 skont id-distanza tat-titjiriet ikkonċernati jista’ jitnaqqas bin-nofs, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 meta d-dewmien jibqa’, għal titjira li ma taqgħax taħt l-Artikolu 7(2)(a) jew (b), taħt l-erba’ sigħat (sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

79      Barra minn hekk, it-trasportaturi tal-ajru ma humiex obbligati jħallsu l-imsemmi kumpens jekk ikunu f’pożizzjoni li juru li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv (ara s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

80      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi imposti bir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għall-fatt li dawn it-trasportaturi jitolbu kumpens mingħand kull persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Tali kumpens għaldaqstant għandu mnejn inaqqas, u saħansitra jeskludi, l-ispiża finanzjarja tal-imsemmija trasportaturi bħala riżultat ta’ dawn l-obbligi. Barra minn hekk, ma jidhirx irraġonevoli li dawn l-obbligi jkunu, bla ħsara għad-dritt għal kumpens imsemmi iktar ’il fuq, inizjalment imqegħda fuq it-trasportaturi bl-ajru li magħhom il-passiġġieri kkonċernati huma marbuta b’kuntratt ta’ trasport li jagħtihom dritt għal titjira li ma għandha tiġi la kkanċellata u lanqas imdewma (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq IATA u ELFAA, punt 90, kif ukoll Sturgeon et, punt 68).

81      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-importanza li jgawdi minnha l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, f’dak li jirrigwarda għalhekk il-passiġġieri tal-ajru, jista’ jiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, Ġabra p. I‑4999, punti 53 kif ukoll 69).

82      Għandu jingħad ukoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li skont data sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drabi ta’ dewmien twil u l-ispejjeż tal-imsemmi kumpens għall-kumpanniji tal-ajru, il-proporzjon ta’ titjiriet li d-dewmien tagħhom jagħti dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 jammonta għal inqas minn 0.15 %.

83      Fl-aħħar nett, ma ġie sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ kumpens fil-każ ta’ dewmien twil iwassal għal żieda fit-tariffi jew tnaqqis fin-numru ta’ titjiriet ta’ distanza qasira u dawk b’destinazzjoni mbiegħda.

84      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tat-tielet domanda (b) fil-Kawża C‑629/10 ma rrilevat l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

 Fuq it-tieni u l-ħames domanda fil-Kawża C‑629/10

85      Peress li dawn id-domandi ġew magħmula fl-ipoteżi ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑629/10, ma hemmx lok li jingħataw risposta.

 Fuq l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza (ir-raba’ domanda fil-Kawża C-629/10)

86      Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑629/10, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema huma l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda d-dritt għal kumpens tal-passiġġeri li t-titjira tagħhom tkun ġarrbet dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar meta mqabbla mal-ħin ta’ wasla inizjalment previst.

87      TUI Travel et isostnu li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv l-ewwel domanda u fin-negattiv it-tielet domanda, hija għandha tillimita l-effett ratione temporis ta’ din is-sentenza b’mod li l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jkunux jistgħu jiġu invokati biex isostnu talbiet għal kumpens ta’ passiġġieri dwar titjiriet li kienu s-suġġett ta’ dewmien qabel id-data ta’ din is-sentenza, ħlief fir-rigward ta’ passiġġieri li diġà ppreżentaw azzjoni ġudizzjarja bil-ħsieb li jiksbu dan il-kumpens fid-data ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minkejja s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, il-kumpanniji tal-ajru u l-atturi l-oħra kkonċernati jistgħu raġonevolment jikkonkludu bħalissa li l-Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 261/2004 ma japplikax għal passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġarrbet dewmien, għaliex din is-sentenza hija f’kontradizzjoni mal-kliem ċar ta’ dan ir-regolament kif ukoll mas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu sodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2002, Barreira Pérez, C-347/00, Ġabra p. I-8191, punt 44; tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 41).

89      Għaldaqstant, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika tal‑Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39, kif ukoll Linneweber u Akritidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

90      F’dan il-kuntest, hija madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina l-mument meta għandha tidħol fis-seħħ l-interpretazzjoni li hija tat ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

91      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ tali interpretazzjoni tista’ tiġi awtorizzata biss fl-istess sentenza li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba. Dan il-prinċipju jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri u tal-individwi l-oħra fil-konfront ta’ dan id-dritt u jissodisfa fl-istess ħin ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza Meilicke et, C‑292/04, Ġabra p. I‑1835, punt 37).

92      L-interpretazzjoni mitluba mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) fil-Kawża C‑629/10 tirrigwarda d-dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 li huwa dovut lill-passiġġieri tal-ajru meta jġarrbu, minħabba dewmien tat-titjira tagħhom, telf ta’ ħin daqs jew iktar minn tliet sigħat, jiġifieri meta jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin ta’ wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru. F’dan ir-rigward, diġà mill-punt 61 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-passiġġieri tal-ajru għandhom tali dritt.

93      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma limitatx ratione temporis l-effetti tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 dwar id-dritt għal kumpens imsemmi fil-punt preċedenti.

94      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

95      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien għandhom dritt għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament meta huma jġarrbu, minħabba tali titjiriet, telf ta’ ħin li jkun daqs jew iktar minn tliet sigħat, jiġifieri meta jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin ta’ wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur il-passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li juri li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv.

2)      L-evalwazzjoni tad-domandi preliminari ma rrilevat l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

Firem


* Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Ingliż.