Language of document : ECLI:EU:C:2015:477

Kawża C‑170/13

Huawei Technologies Co. Ltd

vs

ZTE Corp.

u

ZTE Deutschland GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf)

“Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Impriża li żżomm privattiva essenzjali għal standard li timpenja ruħha, mal-organu ta’ standardizzazzjoni, li tagħti liċenzja lit-terzi b’kundizzjonijiet ekwi, raġonevoli u mhux diskriminatorji msejħa ‘FRAND’ (‘fair, reasonable and non-discriminatory’) – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Azzjonijiet għal ksur – Kawża għal inibizzjoni – Azzjoni għal sejħa lura tal-prodotti – Azzjoni għal-finijiet tal-provvista ta’ data tal-kontabbiltà – Azzjoni għal kumpens – Obbligi tal-proprjetarju tal-privattiva essenzjali għal standard”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015

1.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Eżerċizzju ta’ drittijiet għall-proprjetà intellettwali – Kundizzjonijiet

(Artikolu 102 TFUE)

2.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Azzjoni għal ksur ta’ privattiva assoċjata ma’ impenn irrevokabbli tal-proprjetarju tagħha mal-organu ta’ standardizzazzjoni li jagħti liċenzja lit-terzi bil-kundizzjonijiet FRAND u intiża għall-inibizzjoni tal-ksur ta’ din il-privattiva jew għas-sejħa lura tal-prodotti kkonċernati minn din il-privattiva

(Artikolu 102 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(2), u 47)

3.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Azzjoni għal ksur ta’ privattiva assoċjata ma’ impenn irrevokabbli tal-proprjetarju tagħha mal-organu ta’ standardizzazzjoni li jagħti liċenzja lit-terzi bil-kundizzjonijiet FRAND u intiża għall-kisba ta’ data tal-kontabbiltà jew għall-għoti tad-danni – Assenza ta’ effett fuq il-ħruġ jew iż-żamma fis-suq ta’ prodotti konformi mal-istandard – Assenza ta’ abbuż

(Artikolu 102 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 45-47)

2.        L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard (PES) stabbilita minn organu ta’ standardizzazzjoni, li jkun impenja ruħu irrevokabbilment lejn dan l-organu li jagħti lit-terzi liċenzja b’kundizzjonijiet ekwi, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND), ma jabbużax mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-sens ta’ dan l-artikolu bl-introduzzjoni ta’ azzjoni ta’ ksur għall-inibizzjoni tal-ksur tal-privattiva tiegħu jew għas-sejħa lura tal-prodotti li għall-manifattura tagħhom din il-privattiva ntużat, meta:

–        qabel l-introduzzjoni ta’ din l-azzjoni, huwa, minn naħa, kien avża lill-allegat awtur tal-ksur tal-privattiva li huwa kkritika billi indika din il-privattiva u ppreċiża l-mod kif dan kiser il-privattiva u, min-naħa l-oħra, wara li l-allegat awtur tal-ksur esprima r-rieda tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ liċenzja skont il-kundizzjonijiet ekwi, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND), bagħat lil dan l-awtur tal-ksur tal-privattiva, offerta konkreta u bil-miktub ta’ liċenzja għal tali kundizzjonijiet, li tispeċifika, b’mod partikolari, ir-royalty u l-modalitajiet ta’ kalkolu tagħha, u

–        l-imsemmi awtur tal-ksur tal-privattiva li kompla jisfrutta din l-privattiva ma rrispondiex għal din l-offerta b’diliġenza, konformement mal-konswetudnijiet kummerċjali aċċettati fil-qasam u mal-bona fede, u dan għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u jimplika b’mod partikolari l-assenza ta’ kull tattika ta’ dewmien.

Dawn ir-rekwiżiti huma intiżi sabiex jiżguraw bilanċ ġust tal-interessi ikkonċernati. B’hekk, għalkemm l-impenn irrevokabbli ta’ għoti ta’ liċenzji b’kundizzjonijiet ekwi, raġonevoli u mhux diskriminatorji, meħud ma’ tali organu ta’ standardizzazzjoni mill-proprjetarju tal-PES, ma jistax ineħħi mis-sustanza tad-drittijiet iggarantiti lil dan il-proprjetarju mill-Artikoli 17(2) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa madankollu jiġġustifika li tiġi imposta fuq il-proprjetarju ta’ tali privattiva l-osservanza tar-rekwiżiti speċifiċi msemmija iktar ’il fuq fl-okkażjoni tat-tressiq, kontra l-awturi tal-ksur tal-privattivi allegati, ta’ kawżi għal inibizzjoni jew għal sejħa lura tal-prodotti.

(ara l-punti 55, 59, 71 u d-dispożittiv 1)

3.        Meta, minn naħa, il-proprjetarju ta’ privattiva Ewropea jkun innotifika din il-privattiva lill-European Telecommunication Standards Institute (ETSI), organu li għan tiegħu, fil-qasam tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali, huwa li jinħolqu standards li huma adattati għall-objettivi tekniċi tas-settur Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet, bħala privattiva essenzjali għal tali standard u, f’din l-okkażjoni, ikun impenja ruħu li jagħti liċenzji lil terzi b’kundizzjonijiet ekwi, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND), u li, min-naħa l-oħra, terz ibigħ prodotti li jaħdmu abbażi ta’ dan l-istandard, billi jisfrutta l-privattiva, mingħajr la jkollu konċessjoni ta’ liċenzja, la jkun ħallas royalty lill-imsemmi proprjetarju u lanqas jagħti rendikont sħiħ lil dan tal-aħħar tal-atti tal-isfruttar li saru, hemm lok li l-Artikolu 102 TFUE jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxi lill-impriża proprjetarja tal-privattiva, f’tali ċirkustanzi, milli tressaq azzjoni għal ksur kontra l-allegat awtur tal-ksur tal-privattiva tiegħu u intiża għall-provvista ta’ data tal-kontabbiltà relatata mal-atti passati ta’ użu ta’ din il-privattiva jew l-għoti ta’ danni fir-rigward ta’ tali atti.

Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawn, azzjonijiet għal ksur mibdija mill-proprjetarju ta’ tali privattivi u li għandhom tali għan ma għandhomx il-konsegwenza diretta fuq il-ħruġ jew iż-żamma fis-suq ta’ prodotti konformi mal-istandard meqjus, magħmula mill-kompetituri.

(ara l-punti 74, 76 u d-dispożittiv 2)