Language of document : ECLI:EU:C:2017:119

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Frar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 64 TFUE – Moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji – Assi finanzjarji miżmuma f’kont bankarju Svizzeru – Avviż ta’ stima addizzjonali – Terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali – Estensjoni tat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali fil-każ ta’ assi miżmuma barra mill-Istat Membru ta’ residenza”

Fil-Kawża C‑317/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

X

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. L. Noort, K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. M. De Socio, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X, persuna fiżika, u l-iStaatssecretaris van Financiën (segretarju tal-istat għall-finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar avviżi ta’ rkupru relatati mat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ sigurtà soċjali għas-snin 1998 sa 2006.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artiklu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.”

4        Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 hemm, fit-Taqsima VI tiegħu, “[o]perazzjonijiet f’kontijiet kurrenti u depożiti ma’ stituzzjonijiet finanzjarji”, li jinkludu b’mod partikolari “[o]perazzjonijiet mwettqa minn residenti ma’ stituzzjonijiet finanzjarji barranin”.

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

5        L-Artikolu 16 tal-Algemene Wet inzake Rijksbelastingen (kodiċi tat-taxxi, iktar ’il quddiem l-“AWR”) jipprovdi:

“1.      Meta fatt, ikun liema jkun, jagħti x’jaħseb li ma tkunx inġabret taxxa jew li inġustament ikun inġabar biss ammont żgħir wisq, […] l-ispettur jista’ jirkupra t-taxxa li ma tkunx inġabret […]

[…]

3.      Id-dritt li jinħareġ avviż ta’ stima addizzjonali jiskadi wara perijodu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mid-data meta jinħoloq id-dejn tat-taxxa. […]

4.      Fil-każ li element taxxabbli, miżmum jew iġġenerat barra l-pajjiż, ikun ġie ntaxxat b’mod baxx wisq, id-dritt li tinħareġ l-istima addizzjonali jiskadi, b’deroga mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, wara perijodu ta’ tnax-il sena li jibda jiddekorri mid-data meta jinħoloq id-dejn tat-taxxa.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Fix-xahar ta’ Mejju 2002, tressaq ilment għal ksur tal-Wet toezicht effectenverkeer (liġi dwar il-kontroll tal-movimenti ta’ titoli). Sussegwentement, inbdiet investigazzjoni kriminali, li fil-kuntest tagħha X instemgħet diversi drabi.

7        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2009, X bagħat lill-amministrazzjoni fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi informazzjoni relatata ma’ kont li huwa kien żamm f’istituzzjoni bankarja Svizzera taħt isem ta’ kodiċi sal-bidu tas-sena 2004 u ma’ kont li huwa kellu f’istituzzjoni bankarja fil-Lussemburgu mill-bidu tal-istess sena 2004, liema kontijiet huwa ma kienx semma fid-dikjarazzjonijiet fiskali stabbiliti għas-snin preċedenti għal din l-ittra.

8        Fis-27 ta’ Lulju 2010, l’Officier van Justitie (prosekutur pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) bagħat ir-riżultati tal-investigazzjoni kriminali lill-amministrazzjoni fiskali. Fit-30 ta’ Novembru 2010, inħarġu stimi addizzjonali fir-rigward tas-snin 1998 sa 2006.

9        X ippreżentat rikors kontra dawn l-istimi addizzjonali quddiem ir-Rechtbank te Breda (qorti ta’ Breda, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Settembru 2012, dik il-qorti kkunsidrat li l-istimi addizzjonali li jkopru s-snin sal-2004 inkluża, li kienu nħarġu b’applikazzjoni tat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali estiż previst fl-Artikolu 16(4) tal-AWR, ma kinux saru bid-diliġenza dovuta, fis-sens tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim-van Schoot (C‑155/08 u C‑157/08, EU:C:2009:368). Madankollu, l-imsemmija qorti ddeċidiet, abbażi tal-klawżola ta’ “standstill” li tinsab fl-Artikolu 64(1) TFUE, li l-moviment liberu tal-kapital, u għaldaqstant il-ġurisprudenza li tirriżulta minn dik is-sentenza, ma kinux applikabbli għall-istima addizzjonali, sa fejn din tal-aħħar kienet tikkonċerna l-kont bankarju Svizzeru. Għal dawn ir-raġunijiet, hija kkonfermat l-istimi addizzjonali li jkopru s-snin sal-2003 inkluża, bl-eċċezzjoni ta’ korrezzjoni dwar it-tqassim tad-dħul bejn X u l-konjuġi tiegħu, u naqqas it-taxxa relatata mal-kont bankarju Lussemburgiż mill-istima addizzjonali li tkopri s-sena 2004.

10      L-ispettur tat-taxxi appella mis-sentenza tar-Rechtbank te Breda (qorti ta’ Breda) quddiem il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Bois-le-Duc, il-Pajjiżi l-Baxxi) sa fejn dik is-sentenza kienet tikkonċerna l-istima addizzjonali li tkopri s-sena 2004, u ċaħad li ma eżerċitax id-diliġenza dovuta. Min-naħa tagħha, X adixxiet il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Bois-le-Duc) b’appell inċidentali minn dik is-sentenza sa fejn din kienet tirrigwarda l-istimi addizzjonali maħruġa għas-snin kollha kkonċernati mill-kawża ppreżentata quddiem ir-Rechtbank te Breda (qorti ta’ Breda), u kkontestat, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-klawżola ta’ “standstill”, li tinsab fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandha bħala konsegwenza li l-moviment liberu tal-kapital ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-kont bankarju Svizzeru.

11      Il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Bois-le-Duc) ċaħad l-appell prinċipali tal-ispettur tat-taxxi bħala infondat. Fir-rigward tal-appell inċidentali ta’ X, dik il-qorti ddeċidiet li kien inammissibbli sa fejn kien jirrigwarda d-deċiżjonijiet relatati mal-istimi addizzjonali li jkopru s-snin sal-2003 inkluża kif ukoll is-snin 2005 u 2006, iżda kkunsidra li kien fondat sa fejn kien jirrigwarda d-deċiżjoni relatata mal-istima addizzjonali li tkopri s-sena 2004. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti kkunsidrat li l-istima addizzjonali relatata mal-kont bankarju Svizzeru kienet taqa’ kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim-van Schoot (C‑155/08 u C‑157/08, EU:C:2009:368). Skont l-istess qorti, l-Artikolu 64(1) TFUE ma kienx applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li l-miżura msemmija fl-Artikolu 16(4) tal-AWR kienet miżura ġenerali li tista’ tiġi applikata f’sitwazzjonijiet mingħajr relazzjoni ma’ investimenti diretti, mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew mad-dħul ta’ titoli fi swieq tal-kapital, li huma l-kategoriji msemmija espressament fl-Artikolu 64(1) TFUE.

12      X u s-segretarju tal-istat għall-finanzi ppreżentaw appelli ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Bois-le-Duc) quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Is-segretarju tal-istat għall-finanzi jsostni li l-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Bois-le-Duc) żbaljat meta kkunsidrat li l-Artikolu 64(1) TFUE ma jkoprix miżuri bħall-istima addizzjonali applikata għad-dħul mill-kont bankarju Svizzeru għas-sena 2004 b’applikazzjoni tat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali li jinsab fl-Artikolu 16(4) tal-AWR.

13      Il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tesprimi dubji, fl-ewwel lok, fuq il-kwistjoni jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 64(1) TFUE huwiex limitat mill-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata jew mit-tranżazzjoni li għaliha din il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi restrizzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, minn naħa, li r-riferiment għall-“applikazzjoni” tar-restrizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 64(1) TFUE jidher li huwa argument favur din l-interpretazzjoni tal-aħħar. Barra minn hekk, hija tqis li l-ewwel interpretazzjoni tista’ twassal li ċċaħħad din id-dispożizzjoni minn parti kbira mill-effett utli tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tosserva li s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et (C‑163/94, C‑165/94 u C‑250/94, EU:C:1995:451) tista’ tipprovdi argument favur l-ewwel interpretazzjoni. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni li tapplika b’mod ġenerali għall-esportazzjonijiet kollha ta’ muniti, ta’ karti tal-flus jew ta’ ċekkijiet tal-portatur, inklużi dawk li ma jinvolvux, fil-pajjiżi terzi, investimenti diretti, l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fis-swieq, ma jaqgħux taħt l-Artikolu 73ċ(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 64(1) TFUE).

14      Fit-tieni lok, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 64(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss id-dritt nazzjonali applikabbli għall-fornitur ta’ servizzi finanzjarji, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ din il-provvista ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, minn naħa, li, fil-kawża pendenti fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju u li sussegwentement wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith (C‑560/13, EU:C:2015:347), il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni Ewropea kienu argumentaw favur tali interpretazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li, kontra din l-interpretazzjoni, jista’ jiġi invokat il-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni f’dan is-sens u li s-sinjifikat reali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa limitat ħafna.

15      Fit-tielet u l-aħħar lok. il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tistaqsi jekk il-kliem “restrizzjonijiet […] dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi […] il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji” li jinsabu fl-Artikolu 64(1) TFUE, ikoprux l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(4) tal-AWR rigward il-kont miżmum minn X f’bank Svizzeru. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, għalkemm huwa possibbli ż-żamma ta’ kont ta’ titoli tiġi kklassifikata bħala servizz finanzjarju fid-dawl tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim-van Schoot (C‑155/08 u C‑157/08, EU:C:2009:368), dik is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 KE (li saru l-Artikoli 56 u 63 TFUE) u huwa possibbli li jiġi ddubitat jekk l-Artikolu 64(1) TFUE għandux jiġi interpretat bl-istess mod.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-awtorizzazzjoni li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq pajjiżi terzi, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, hija estiża wkoll għall-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet taħt id-dritt nazzjonali bħalma huwa t-terminu ta’ rkupru [għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali] estiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema regoli huma wkoll applikabbli għal sitwazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal‑investimenti diretti, mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew mal-ammissjoni ta’ titoli fis-swieq kapitali?

2)      L-awtorizzazzjoni li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi finanzjarji, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, tirrigwarda wkoll restrizzjonijiet li, bħat-terminu ta’ rkupru [għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali] estiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex diretti lejn il-fornitur tas-servizzi u lanqas ma jirregolaw il-kundizzjonijiet jew il-modalitajiet tal-provvista ta’ servizzi?

3)      L-espressjoni ‘il-moviment tal-kapital […] li jinvolvi […] il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji’ fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE tinkludi wkoll sitwazzjoni fejn, bħalma huwa l-każ inkwistjoni, resident ta’ Stat Membru jkun fetaħ kont (ta’ titoli) ma’ istituzzjoni bankarja barra mill-Unjoni, u l-fatt li din l-istituzzjoni bankarja twettaq operazzjonijiet għad-detentur tal-kont huwa rilevanti, u fl-affermattiv, sa fejn huwa rilevanti dan il-fatt?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Kummenti preliminari

17      Id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE, li skontu l-Artikolu 63 ma jippreġudikax l-applikazzjoni, għall-pajjiżi terzi, tar-restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 skont id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett, inkluż ukoll investiment f’beni immobbli, l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq tal-kapital.

18      Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dawn id-domandi jitilqu mill-ipoteżi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali estiż, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

19      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 1991. Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni kienet applikabbli qabel id-data tal-31 ta’ Diċembru 1993 prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE u, għaldaqstant, tissodisfa l-kriterju ratione temporis li jinsab f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 64(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapital imsemmija f’din id-dispożizzjoni, bħat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali estiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta din ir-restrizzjoni tkun applikabbli wkoll għal sitwazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ investimenti diretti, mal-istabbiliment, mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew mad-dħul ta’ titoli fis-swieq.

21      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-kliem tal-Artikolu 64(1) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi deroga mill-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 63(1) TFUE favur l-“applikazzjoni” tar-restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 skont id-dritt nazzjonali dwar il-moviment tal-kapital li jinvolvi investimenti diretti, l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq tal-kapital. Għalhekk, l-applikabbiltà tal-Artikolu 64(1) TFUE ma tiddependix mill-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi tali restrizzjonijiet iżda mill-effett tagħha. Din id-dispożizzjoni tapplika sa fejn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital li jinvolvi investimenti diretti, l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fis-swieq. Minn dan isegwi li l-fatt li l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ wkoll tiġi applikata għal sitwazzjonijiet oħrajn ma huwiex ta’ natura li jostakola l-applikabbiltà tal-Artikolu 64(1) TFUE fiċ-ċirkustanzi li hija tkopri.

22      It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tqis fil-fatt li restrizzjoni għall-moviment tal-kapital, bħat-trattament fiskali inqas vantaġġuż ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, taqa’ taħt l-Artikolu 64(1) TFUE, sa fejn hija tirrigwarda ishma akkwistati sabiex jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti bejn l-azzjonist u l-kumpannija kkonċernata u li jippermettu lill-azzjonist jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C‑464/14, EU:C:2006:896, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 64(1) TFUE bħala restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital li tinvolvi investimenti diretti meta hija tkun tirrigwarda l-investimenti ta’ kull tip li jsiru mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-impriża li għaliha huma ddestinati dawn il-fondi sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund, C‑194/06, EU:C:2008:289, punt 102). Minn dawn is-sentenzi u, b’mod partikolari, mill-espressjonijiet “sa fejn” u “meta” li jinsabu fihom jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE ma jiddependix mill-għan speċifiku ta’ restrizzjoni nazzjonali iżda mill-effett tagħha fuq il-movimenti ta’ kapital imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

23      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE ma titqigħedx fid-dubju mis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et (C‑163/94, C‑165/94 u C‑250/94, EU:C:1995:451) iċċitata mill-qorti tar-rinviju. Ċertament, wara li speċifikat, fil-punt 33 ta’ dik is-sentenza, li l-esportazzjoni materjali ta’ mezzi ta’ ħlas ma tistax fiha nnifisha tiġi kkunsidrata li hija moviment tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punti 35 u 36 tal-imsemmija sentenza, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika b’mod ġenerali għall-esportazzjonijiet kollha ta’ muniti, ta’ karti tal-flus jew ta’ ċekkijiet tal-portatur, inklużi dawk li ma jinvolvux, fil-pajjiżi terzi, investimenti diretti, l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fis-swieq, ma kinitx taqa’ taħt l-Artikolu 73ċ(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 64(1) TFUE). Madankollu, fil-punt 37 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Istati Membri għandhom dritt li jivverifikaw in-natura u r-realtà tat-tranżazzjonijiet jew tat-trasferimenti kkonċernati, sabiex jiżguraw li tali trasferimenti ma jintużawx għall-finijiet ta’ movimenti ta’ kapital li huma speċifikament is-suġġett tar-restrizzjonijiet awtorizzati mill-Artikolu 73ċ(1) tat-Trattat KE. Mis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et (C‑163/94, C‑165/94 u C‑250/94, EU:C:1995:451) jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprevalixxu ruħhom mill-Artikolu 64(1) TFUE sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika għall-movimenti ta’ kapital imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

24      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni fis-sens li l-Artikolu 64(1) TFUE japplika biss fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkonċerna esklużivament il-movimenti ta’ kapital imsemmija f’din id-dispożizzjoni tmur kontra l-effett utli ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, kif irrimarka l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali interpretazzjoni jkollha bħala konsegwenza li ġġiegħel lill-Istati Membri, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-awtorizzazzjoni li japplikaw ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1) TFUE, jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom qabel l-iskadenza tal-1 ta’ Jannar 1994 sabiex jadattawha b’mod preċiż ħafna għall-portata ta’ din id-dispożizzjoni.

25      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 64(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapital imsemmija f’din id-dispożizzjoni, bħat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali estiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki meta din ir-restrizzjoni tkun applikabbli wkoll għal sitwazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ investimenti diretti, mal-istabbiliment, mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew mad-dħul ta’ titoli fis-swieq.

 Fuq it-tielet domanda

26      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ftuħ ta’ kont ta’ titoli minn resident ta’ Stat Membru ma’ istituzzjoni bankarja barra mill-Unjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kunċett ta’ moviment tal-kapital li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fl-assenza, fit-Trattat FUE, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li n-nomenklatura li tikkostitwixxi l-Anness I tad-Direttiva 88/361 għandha valur indikattiv, bil-kundizzjoni li, konformement ma’ dak li jitfakkar fl-introduzzjoni ta’ dan l-anness, il-lista inkluża fih ma hijiex ta’ natura eżawrjenti (is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C‑560/13, EU:C:2015:347, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif irrimarkat il-Kummissjoni fl‑osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-anness isemmi, fit-Taqsima VI tiegħu, l-“[o]perazzjonijiet f’kontijiet kurrenti u depożiti ma’ stituzzjonijiet finanzjarji”, li jinkludu b’mod partikolari “[o]perazzjonijiet mwettqa minn residenti ma’ stituzzjonijiet finanzjarji barranin”. Il-ftuħ ta’ kont ta’ titoli ma’ istituzzjoni bankarja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalhekk jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”.

28      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tkun tista’ taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, il-miżura nazzjonali għandha tirrigwarda l-movimenti ta’ kapital li jkollhom rabta suffiċjentement stretta mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji, li jirrikjedi li jkun hemm rabta kawżali bejn il-moviment tal-kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C‑560/13, EU:C:2015:347, punti 43 u 44).

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-movimenti ta’ kapital li l-ftuħ ta’ kont ta’ titoli ma’ istituzzjoni bankarja jagħti lok għalihom jinvolvu l-provvista ta’ servizzi finanzjarji. Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku li din l-istituzzjoni bankarja twettaq għad-detentur ta’ dan il-kont servizzi ta’ ġestjoni tal-imsemmi kont, li għandhom jiġu klassifikati bħala provvista ta’ servizzi finanzjarji.

30      Min-naħa l-oħra, teżisti rabta kawżali bejn il-movimenti ta’ kapital ikkonċernati u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji, peress li d-detentur iqiegħed il-kapital tiegħu f’kont ta’ titoli minħabba l-fatt li huwa, inkambju, jibbenefika minn servizzi ta’ ġestjoni min-naħa tal-istituzzjoni bankarja. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, teżisti rabta suffiċjentement stretta bejn il-movimenti ta’ kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji.

31      Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-ftuħ ta’ kont ta’ titoli minn resident ta’ Stat Membru ma’ istituzzjoni bankarja barra mill-Unjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ moviment tal-kapital li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE.

 Fuq it-tieni domanda

32      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-possibbiltà li l-Artikolu 64(1) TFUE jagħti lill-Istati Membri li japplikaw restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji tgħoddx ukoll għal dawk, bħat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali estiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li la huma diretti lejn il-fornitur tas-servizzi u lanqas ma jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-provvista ta’ servizzi.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE jirrigwarda r-rabta kawżali li teżisti bejn il-movimenti ta’ kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji u mhux il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura nazzjonali kkontestata jew ir-relazzjoni tagħha mal-fornitur, pjuttost milli mad-destinatarju, ta’ tali servizzi. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa ddefinit b’riferiment għall-kategoriji ta’ movimenti tal-kapital li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ restrizzjonijiet (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C‑560/13, EU:C:2015:347, punt 39).

34      Konsegwentement, il-fatt li miżura nazzjonali tikkonċerna primarjament l-investitur u mhux il-fornitur ta’ servizz finanzjarju ma jipprekludix li din il-miżura taqa’ taħt l-Artikolu 64(1) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith, C‑560/13, EU:C:2015:347, punt 40). Bl-istess mod, il-fatt li miżura nazzjonali ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-provvista ta’ servizz finanzjarju ma jipprekludix li din il-miżura taqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

35      Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-possibbiltà li l-Artikolu 64(1) TFUE jagħti lill-Istati Membri li japplikaw restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji tgħodd ukoll għal dawk, bħat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali estiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li la huma diretti lejn il-fornitur tas-servizzi u lanqas ma jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-provvista ta’ servizzi.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 64(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapital imsemmija f’din id-dispożizzjoni, bħat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali estiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki meta din ir-restrizzjoni tkun applikabbli wkoll għal sitwazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-investimenti diretti, mal-istabbiliment, mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew mad-dħul ta’ titoli fis-swieq.

2)      Il-ftuħ ta’ kont ta’ titoli minn resident ta’ Stat Membru ma’ istituzzjoni bankarja barra mill-Unjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ moviment tal-kapital li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE.

3)      Il-possibbiltà li l-Artikolu 64(1) TFUE jagħti lill-Istati Membri li japplikaw restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji tgħodd ukoll għal dawk, bħat-terminu għall-ħruġ ta’ stima addizzjonali estiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li la huma diretti lejn il-fornitur tas-servizzi u lanqas ma jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-provvista ta’ servizzi.

Firem


** Langue de procédure: l-Olandiż