Language of document : ECLI:EU:C:2017:116

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Bot

ippreżentati fil-15 ta’ Frar 2017 (1)

Kawża C‑579/15

Openbaar Ministerie

vs

Daniel Adam Popławski

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Artikolu 4(6) – Raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Implementazzjoni – Interpretazzjoni konformi – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’supremazija”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, magħmula mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, maħruġ fis-7 ta’ Ottubru 2013 mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (qorti reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja) kontra Daniel Adam Popławski, ċittadin Pollakk residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ sena.

2.        Din it-talba toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex tagħti preċiżazzjonijiet utli fuq il-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru jista’ jimplementa fid-dritt nazzjonali tiegħu r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew previst fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (2), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (3).

3.        Punt ta’ interess fundamentali ieħor li huwa marbut mal-imsemmija talba huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja tingħata l-possibbiltà li tiddeċiedi mill-ġdid fuq in-natura u s-sistema ġuridika tad-deċiżjonijiet qafas adottati fuq il-bażi tal-ex tielet pilastru tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 34(2)(b) UE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam, dawn l-istrumenti, bħad-direttivi, jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallu lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-mezzi. Bil-kontra, huma ma jistax ikollom effett dirett. Minkejja li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet qafas twassal għal obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, il-qorti tar-rinviju tiddubita, fil-kawża preżenti, il-possibbiltà li hija tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Sabiex jingħataw kjarifikazzjonijiet lil din il-qorti fil-każ ta’ assenza ta’ konformità tas-sistema nazzjonali mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-impossibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, hemm lok li wieħed imur lil hinn fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istatut ġuridiku tad-deċiżjonijiet qafas, filwaqt li jiġi indikat jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jistgħux jagħżlu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet ser insostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimplementa r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan l-artikolu b’tali mod li:

–        l-awtorità ġudizzjarja għandha l-obbligu li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni kontra persuna rikjesta li tgħix fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew fejn hija ċittadina jew residenti, mingħajr ma tkun tista’ tevalwa, skont is-sitwazzjoni konkreta tal-persuna, jekk l‑eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat Membru hijiex ta’ natura li tiffavorixxi l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha fis-soċjetà;

–        ir-rifjut li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew ikollu biss bħala effett li dan l-Istat Membru jiddikjara ruħu dispost li jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-piena, mingħajr ma din id-dikjarazzjoni tkun infurzabbli;

–        l-awtorità ġudizzjarja tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni kontra persuna rikjesta li tgħix fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew fejn hija ċittadina jew residenti, meta, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, li tittieħed wara d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni, hija suġġetta għal kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza u l-osservanza ta’ konvenzjoni li torbot lill-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kif ukoll mal-kollaborazzjoni tal-Istat Membru emittenti, u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ma huwiex ikkontestat fil-każ tal-impossibbiltà li tittieħed ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena minħabba l-assenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa.

5.        Fit-tieni lok, ser insostni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas huma nieqsa minn effett dirett, u li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, b’konformità mad-dritt tal-Unjoni u li, fl-eventwalità li tali interpretazzjoni tkun impossibbli, il-qorti nazzjonali hija marbuta li ma tapplikax dawn id-dispożizzjonijiet minħabba nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-Artikolu 4(6) tad- Deċiżjoni Qafas 2002/584.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

6.        Il-premessi 1, 5 sa 7 u 10 ta’ din id-deċiżjoni qafas huma fformulati b’dan il-mod:

“(1)      Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u partikolarment il-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali tal-estradizzjoni għandha tkun abolita fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew mogħtija sentenza finali u proċeduri tal-estradizzjoni għandhom jiġu mħeffin fir-rigward ta’ persuni suspettati li wettqu offiża.

[…]

(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b’sistema ta’ ċediment bejn awtoritajiet ġudizzjarji. ‘Il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tinata’ s-sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

(7)      Billi l-iskop tat-tibdil tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri qed jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà msejjaħ fl-Artikolu 2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu tal-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx ’il hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri […]”

7.        L-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit fit-termini segwenti:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

8.        L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma ddedikati, rispettivament, għar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju u għar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

9.        L-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas jiddisponi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

6)      jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta tal-Istat Membru li jesegwixxi u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi s-sentenza jew ordni ta’ detenzjoni skont il-liġi domestika tiegħu”.

2.      Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI

10.      L-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni (4), jipprovdi:

“1.      Talbiet riċevuti qabel il-5 ta’ Diċembru 2011 għandhom jibqgħu jiġu rregolati skond l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati. Talbiet li jaslu wara dik id-data għandhom jiġu rregolati minn regoli adottati mill-Istati Membri skont din id-Deċiżjoni Qafas.

2.      Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jagħmel dikjarazzjoni fejn jindika li, f’każijiet fejn is-sentenza finali tkun ġiet mogħtija qabel id-data li tispeċifika, bħala Stat emittenti u ta’ esekuzzjoni, hu jkompli japplika l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011. Jekk issir tali dikjarazzjoni, dawk l-istrumenti għandhom japplikaw f’tali każijiet fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-oħra kollha irrispettivament minn jekk ikunux għamlu l-istess dikjarazzjoni jew le. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011. Id-dikjarazzjoni msemmija għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.”

B –    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

11.      L-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja), tad-29 ta’ April 2004 (5), tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi.

12.      Fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-Wet wederzijdse erkenning en tenuitvoerlegging vrijheidsbenemende en voorwaardelijke sancties (liġi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni reċiproċi ta’ kundanni għal sanzjonijiet ta’ priġunerija sospiżi jew mhux sospiżi) tat-12 ta’ Lulju 2012 (6), li ttrasponiet lid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-Artikolu 6 tal-OLW kien jipprevedi:

“1.      Il-konsenja ta’ persuna Olandiża tista’ tiġi awtorizzata sakemm tintalab għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali mmexxija kontriha u, skont l-awtorità ġudizzjara li teżegwixxi, sakemm jiġi ggarantit li, jekk tiġi kkundannata b’sentenza ta’ detenzjoni inkundizzjonata fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat minħabba l-fatti li għalihom tista’ tiġi awtorizzata l-konsenja, hija tista’ teħel din il-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2.      Il-konsenja ta’ persuna Olandiża ma hijiex permessa jekk din il-konsenja tintalab għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ detenzjoni li tkun ingħatat b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

3.      Fil-każ li l-konsenja tiġi rrifjutata esklużivament abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) […], l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jinforma lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat li huwa lest jieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tal-konvenzjoni fuq it-trasferimenti ta’ persuni kkundannati jew abbażi ta’ konvenzjoni applikabbli oħra.

4.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jinforma immedjatament lill-Ministru tagħna […] b’kull rifjut ta’ konsenja kkomunikata flimkien mad-dikjarazzjoni, prevista fil-paragrafu 3, li tipprovdi li l-Pajjiżi l-Baxxi huma disposti li jibdew l-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija.

5.      Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw ukoll għal barrani li jkollu permess ta’ residenza għal terminu indeterminat, inkwantu huwa jista’ jiġi mħarrek fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-fatti li minħabba fihom joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew u inkwantu huwa mistenni li l-persuna barranija ma titlifx id-dritt ta’ residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi wara s-sentenza jew il-piena li tingħata wara l-konsenja.”

13.      Wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni reċiproċi ta’ kundanni għal sanzjonijiet ta’ priġunerija sospiżi jew mhux sospiżi, l-Artikolu 6(3) tal-OLW huwa fformulat kif ġej:

“3.      Fil-każ tar-rifjut ta’ konsenja bbażat esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) […] l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jgħarraf lill-awtorità ġudizzjarja emittenti li huwa dispost li jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza.”

II – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Frar 2007, li saret definittiva fit-13 ta’ Lulju 2007, is-Sąd Rejonowy w Poznaniu (qorti reġjonali ta’ Poznań) ikkundannat lil D. Popławski, ċittadin Pollakk, għal sena priġunerija sospiża. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2010, l-istess qorti ordnat l-eżekuzzjoni tal-piena.

15.      Fis-7 ta’ Ottubru 2013, din il-qorti ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra D. Popławski għall-eżekuzzjoni ta’ din il-piena.

16.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) tikkunsidra li ma teżistix raġuni oħra għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ħlief dik prevista fl-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW, għall-benefiċċju ta’ persuni li jirresjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħalma huwa l-każ ta’ D. Popławski, li pprova l-fatt li huwa rrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-perijodu ta’ mill-inqas 5 snin b’mod mhux interrott.

17.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, taħt l-Artikolu 6(3) tal-OLW, il-Pajjiżi l-Baxxi, meta jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew, jiddikjaraw li huma “dispost[i]” li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena fuq il-bażi ta’ konvenzjoni li torbot lil dan l-Istat mal-Istat Membru emittenti. Hija tippreċiża li tali teħid ta’ responsabbiltà jiddependi, fil-kawża prinċipali, fuq talba fformulata f’dan is-sens mill-Polonja, u li l-leġiżlazzjoni Pollakka tipprekludi tali talba fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun ċittadina Pollakka.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li rifjut ta’ konsenja jista’ jwassal għall-impunità tal-persuna rikjesta, peress li, wara li tingħata s-sentenza li tirrifjuta l-konsenja, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena jista’ jirriżulta impossibbli, u dan ma jkollux impatt fuq is-sentenza li tirrifjuta l-konsenja, li ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell ordinarju.

19.      Filwaqt li esprimiet dubji dwar il-konformità tal-Artikolu 6(2) sa (4) tal-OLW mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jippermetti r-rifjut tal-konsenja biss jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni “jimpenja ruħu” li jeżegwixxi l-piena b’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Stat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jimplementa [l-Artikolu 4(6) ta]d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt intern tiegħu b’tali mod li:

–        l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tiegħu jkollha l-obbligu pur u sempliċi li tirrifjuta l-konsenja ta’ ċittadin jew residenti tal-imsemmi Stat Membru għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza,

–        dan ir-rifjut għandu, ipso jure, l-effett li l-imsemmi Stat Membru huwa dispost li jieħu r-responsabbiltà li jeżegwixxi s-sentenza ta’ kustodja imposta kontra dan iċ-ċittadin jew resident,

–        iżda li d-deċiżjoni li jieħu r-responsabbiltà li jeżegwixxi s-sentenza tittieħed biss wara r-rifjut u li deċiżjoni pożittiva tiddependi fuq 1) l-eżistenza ta’ bażi legali f’konvenzjoni li torbot l-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, 2) ir-rekwiżiti imposti f’din il-konvenzjoni, u 3) il-kollaborazzjoni tal-Istat Membru emittenti, permezz ta’, pereżempju, talba għal dan il-għan,

hekk li jeżisti riskju li l-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat ma jistax, wara rifjut ta’ konsenja, jieħu r-responsabbiltà li jeżegwixxi s-sentenza, peress li huwa intiż li tali riskju ma jaffettwax l-obbligu li tiġi rrifjutata l-konsenja għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza?

2.      Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda numru 1:

a)      il-qorti nazzjonali tista’ tapplika direttament id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 anki jekk, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżittorji, [annessi mat-Trattati], l-effetti legali tal-imsemmija deċiżjoni qafas għandhom, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jinżammu fis-seħħ sakemm id-deċiżjoni qafas tiġi mħassra, annullata jew emendata, u

b)      f’każ ta’ risposta pożittiva, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni [Kwadru] Qafas 2002/584 huwa preċiż biżżejjed u mingħajr kundizzjoni sabiex jiġi applikat mill-qorti nazzjonali?

3.      Fil-każ li r-risposti għad-domandi 1 u 2(b) jkunu negattivi: Stat Membru li d-dritt intern tiegħu jissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà li jeżegwixxi s-sentenza ta’ kustodja deċiża f’pajjiż ieħor għall-eżistenza ta’ bażi legali f’konvenzjoni internazzjonali li tirregola din id-domanda jista’ jimplementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 fid-dritt intern tiegħu billi jinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li hija tipprovdi hija stess il-bażi legali konvenzjonali meħtieġa, u dan sabiex tipprevjeni r-riskju ta’ impunità marbut mal-imsemmi rekwiżit ta’ bażi legali konvenzjonali, kif previst fid-dritt intern (ara d-domanda I)?

4.      Fil-każ li r-risposti għad-domandi 1 u 2(b) jkunu negattivi: Stat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jimplementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 fid-dritt intern tiegħu b’mod li: huwa jimponi bħala rekwiżit għal rifjut tal-konsenja ta’ resident li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkollu ġurisdizzjoni jiddeċiedi dwar ksur imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew u li ma jkunx hemm ostakoli fil-prattika (bħar-rifjut tal-Istat Membru emittenti li jittrażmettilu l-proċess kriminali) sabiex tittieħed azzjoni […] kontra dan ir-resident fit-territorju tiegħu minħabba f’dan il-ksur, filwaqt li huwa ma jimponix tali rekwiżit għar-rifjut ta’ konsenja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni?”

III – L-analiżi tiegħi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

20.      L-ewwel domanda preliminari hija diviża fi tliet partijiet li għandhom jiġu eżaminati b’mod separat.

1.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari

21.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru jistax jimplementa r-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’tali mod li l-awtorità ġudizzjarja jkollha l-obbligu tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ta’ ordni ta’ detenzjoni kontra persuna rikjesta li tgħix fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew fejn hija ċittadina jew residenti.

22.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-koperazzjoni ġudizzjarja (7), u li fuqu hija bbażata l-istruttura ta’ din id-deċiżjoni qafas (8), jimplika, abbażi tal-Artikolu 1(2) tagħha, li l-Istati Membru huma, bħala prinċipju, marbuta li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew.

23.      Madankollu, dan ir-rikonoxximent ma jimplikax “obbligu assolut” ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ, peress li s-sistema tal-imsemmija deċiżjoni qafas, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tagħha, “tħalli l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippermettu, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li jiddeċiedu li piena imposta għandha tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni” (9).

24.      L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi, b’mod partikolari, raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew li bis-saħħa tagħha “l-awtorità ġudizzjarja” li teżegwixxi “tista’” tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija meta l-persuna rikjesta tkun toqgħod fih, jew fejn hija ċittadina jew residenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u dak l-Istat jimpenja ruħu li jeżegwixxi din il-piena skont id-dritt nazzjonali tiegħu.

25.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità sabiex tippreċiża l-portata ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari billi ddellimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ratione personae (10) u billi stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li għalihom jista’ jiġi suġġett ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat (11), hija, min-naħa l‑oħra, għadha ma ġietx imwassla biex tiddeċiedi direttament fuq il-punt dwar jekk in-natura fakultattiva tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas tfissirx li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddisponi jew le minn marġni ta’ diskrezzjoni meta tiddeċiedi fuq l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

26.      Il-kwistjoni hija dik sabiex jiġi ddeterminat x’għandu jinftiehem permezz tan-natura “fakultattiva” tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Din il-fakultà hija intiża għall-Istati Membri li, meta jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt nazzjonali tagħhom, jistgħu jiddeċiedu jew le li jżommu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, jew hija attribwita lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi jew le li żżommhom skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ?

27.      Fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-24 ta’ Marzu 2009, fil-kawża Wolzenburg (12), sostnejt li l-implementazzjoni fid-dritt nazzjonali tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma tistax titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, iżda hija ta’ natura obbligatorja. Fl-opinjoni tiegħi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kellha tiddisponi fid-dritt nazzjonali mill-possibbilità li topponi l-konsenja meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li ddeċidiet mod ieħor meta ddikjarat, b’mod partikolari, fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (13), li, “jekk (14) Stat Membru jimplementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 […] fid-dritt nazzjonali tiegħu, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa limitat” ratione personae.

28.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fakultà li jiddisponu minnha l-Istati Membri sabiex jittrasponu jew le fid-dritt nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ma tfissirx madankollu li, meta jagħżlu li jittrasponu l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, huma jistgħu jinterpretaw il-kliem “tista’ tirrifjuta” fis-sens li jistabbilixxu obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom sabiex jirrifjutaw li jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra persuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni. Għalkemm, meta jimplementaw din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri “għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni” (15), jibqa l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti, kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma fiha l-ebda referenza espliċita għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandhom jingħataw normalment, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (16).

29.      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma fih l-ebda referenza għad-dritt tal-Istati Membri u jeżiġi, konsegwentement, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, kemm il-kuntest li hija parti minnu, kif ukoll l-għan segwit permezz ta’ din id-deċiżjoni qafas (17).

30.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-titolu ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-aġġettiv “fakultattiv” jirrigwarda n-“nuqqas ta’ eżekuzzjoni” u mhux ir-“raġunijiet”, li minnu jiġi dedott li huwa tassew ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat li huwa fakultattiv, bil-kontra tar-rifjut obbligatorju previst fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-fakultà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ingħatat direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta’ eżekuzzjoni, li għandhom għaldaqstant igawdu minn setgħa diskrezzjonali.

31.      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tat-termini tal-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas hija kkorroborata mill-kuntest li tagħmel parti minnu din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni qafas hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ta’ konsenja obbligatorja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, fir-rigward ta’ liema l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tistax topponi ruħha ħlief abbażi ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni espressament prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan il-kuntest, il-konsenja tikkostitwixxi l-prinċipju u r-rifjut ta’ konsenja jinftiehem bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Issa, dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżiġi li l-awtorità ġudizzjarja tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew li jikkonċerna ċittadin tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew ukoll persuna li toqgħod jew tirresjedi fih, iċċaħħad, minħabba n-natura awtomatika tagħha, lil din l-awtorità mill-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi, speċifiċi f’kull każ, li jistgħu jwassluha sabiex tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ rifjut ma ġewx issodisfatti. Billi tittrasforma sempliċi fakultà f’obbligu reali, dispożizzjoni ta’ din in-natura tittrasforma wkoll l-eċċezzjoni kkostitwita mir-rifjut tal-konsenja f’regola ta’ prinċipju.

32.      Fit-tielet lok, il-fatt li jiġi impost fuq l-awtorità ta’ eżekuzzjoni l-obbligu li tirrifjuta l-konsenja tal-persuni previsti fl-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas imur kontra l-għan segwit minnha.

33.      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilita f’din id-dispożizzjoni, għandha l-għan, b’mod partikolari, li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà li żżid l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna rikjesta meta tiġi skontata l-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata (18).

34.      L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-għan ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid hija kkonfermata b’mod espliċitu minn strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 fejn l-Artikolu 3(1) tagħha jippreċiża li hija għandha bħala għan li tiġi “[ffaċilitata] r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna [kkundannata]”.

35.      Fl-opinjoni tiegħi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-għan jimplika li jingħata marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex hija tkun tista’ tiddetermina l-opportunitajiet effettivi ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna rikjesta fis-sitwazzjoni partikolari u konkreta ta’ din tal-aħħar.

36.      Dan huwa l-każ meta l-persuna rikjesta tkun ċittadina tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, peress li minkejja li din il-kwalità turi l-eżistenza ta’ rabta b’saħħitha ħafna ma’ dan l-Istat, hija ma tistax madankollu tgħodd bħala preżunzjoni inkonfutabbli li l-eżekuzzjoni tal-piena fl-imsemmi Stat Membru hija neċessarjament l-aħjar sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-parti interessata. Fit-teħid ta’ pożizzjoni tiegħi ppreżentat fit-28 ta’ April 2008 fis-sentenza Kozłowski (19), sostnejt għaldaqstant f’dan is-sens li l-għan ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid, segwit permezz tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jistax jiġġustifika li Stat Membru jċaħħad lill-awtoritajiet ġudizzjarji tiegħu minn kull setgħa diskrezzjonali u li, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena jikkonċerna ċittadin tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li dan jopponi l-konsenja tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat għandha tkun tista’ tivverifika, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta ta’ din il-persuna, jekk l-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tal-imsemmi Stat hijiex tassew neċessarja sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tagħha (20).

37.      Għandu jiġi ammess ukoll, jekk mhux a fortiori, li l-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jikkonferixxi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fakultà ta’ għażla sabiex tirrifjuta jew le l-konsenja meta l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena jikkonċerna persuna li, mingħajr ma tkun ċittadina tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tkun toqgħod jew tirresjedi fih. Fil-fatt, minn naħa, il-kwalità ta’ resident fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, bħal dik ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, ma tistax tgħodd bħala preżunzjoni inkonfutabbli ta’ opportunità ikbar ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid f’dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi determinat jekk il-persuna rikjesta tgħix fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ikun hemm bżonn li ssir evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-intensità tar-rabtiet li għandha l-persuna rikjesta ma’ dan l-Istat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun implementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 mingħajr madankollu ma adotta kundizzjonijiet speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, sabiex tiddetermina jekk, f’sitwazzjoni konkreta, jeżistux rabtiet bejn il-persuna rikjesta u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna tgħix jew tirresjedi f’dan l-Istat fis-sens tal-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li għandha titwettaq evalwazzjoni globali tal-elementi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li fosthom hemm, b’mod partikolari, it-tul, in-natura, u l-kundizzjonijiet tar-residenza tal-persuna rikjesta kif ukoll ir-rabtiet familjali u ekonomiċi li din għandha.

38.      B’hekk, l-evalwazzjoni mwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna rikjesta taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas tikkoinċidi ma’ dik li għandha ssir sabiex jiġi ivverifikat jekk l-eżekuzzjoni tal-piena fl-imsemmi Stat hijiex ta’ natura li tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ din il-persuna.

39.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, niddeduċi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali li tippermettilha li tuża jew le l-fakultà li hija rrikonoxxuta lilha sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-għan ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid.

40.      Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimplementa r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan l-artikolu b’tali mod li l-awtorità ġudizzjarja jkollha l-obbligu li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ta’ ordni ta’detenzjoni ta’ persuna rikjesta li tgħix fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew fejn hija ċittadina jew residenti, mingħajr ma tkun tista’ tevalwa, skont is-sitwazzjoni konkreta tal-persuna, jekk l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat hijiex tali li tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tagħha.

2.      Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari

41.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru jistax jimplementa r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas b’tali mod li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollu biss bħala effett li dan l-Istat Membru jiddikjara ruħu dispost li jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, mingħajr ma din id-dikjarazzjoni tiġi kkunsidrata bħala impenn ta’ eżekuzzjoni.

42.      Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll mill-preċiżazzjonijiet imressqa waqt is-seduta mill-Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) jirriżulta li, fis-sistema prevista mid-dritt nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew saħansitra qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-piena tistax tiġi effettivament eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-awtorità kompetenti sabiex tagħti d-deċiżjoni finali f’dan ir-rigward huwa l-Minister van Veiligheid en Justitie (ministru tas-sigurtà u l‑ġustizzja). B’hekk, f’din is-sistema, l-eżekuzzjoni tal-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex kundizzjoni għar-rifjut tal-konsenja, li ma jiġix ikkontestat jekk jirriżulta li l-piena ma tistax tiġi eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

43.      L-eżami tal-imsemmija deċiżjoni qafas jippermetti li jiġi affermat li sistema bħal dik prevista mid-dritt Olandiż ma hijiex kompatibbli mas-sistema ta’ konsenja organizzata permezz ta’ dan l-istrument.

44.      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jissuġġetta l-fakultà tal-qorti li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għal kundizzjoni doppja, minn naħa, li l-persuna rikjesta tkun ċittadina tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew tgħix hemm jew tirresjedi fih, u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat jimpenja ruħu li jeżegwixxi l-piena jew l-ordni b’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu.

45.      Mill-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jissopponi bħala korrispettiv impenn unilaterali reali mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jirrikonoxxi s-sentenza u li jiżgura l-eżekuzzjoni tal-piena.

46.      Issa, id-dikjarazzjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jiddikjara ruħu dispost li jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena ma tissodisfax dan ir-rekwiżit peress li ma għandhiex in-natura ta’ deċiżjoni, iżda ta’ sempliċi manifestazzjoni ta’ intenzjoni, li għandha tiġi segwita minn deċiżjoni reali maħruġa mill-Minister van Veiligheid en Justitie (ministru tas-sigurtà u l‑ġustizzja). B’hekk, fil-proċedura prevista fl-Artikolu 6 tal-OLW, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena ma hijiex kundizzjoni, ċerta u obbligatorja tar-rifjut ta’ konsenja, iżda konsegwenza eventwali u fakultattiva tiegħu.

47.      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit f’din id-dispożizzjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiffaċilita l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna li tiskonta piena ta’ priġunerija, billi tippermettilha tiskonta din il-piena fl-Istat Membru fejn l-opportunitajiet tagħha għall-integrazzjoni soċjali mill-ġdid ikunu ikbar. Din il-fakultà ta’ rifjut ma tawtorrizzax lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jeħles liċ-ċittadini jew lill-persuni li jgħixu fih jew jirresjedu fit-territorju tiegħu mill-piena li huma ġew ikkundannati għaliha fl-Istat Membru emittenti.

48.      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li sistema li fiha r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ma huwiex suġġett għall-impenn li tiġi eżegwita l-piena hija f’kontradizzjoni totali mal-loġika tas-sistema ta’ konsenja prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Filwaqt li din is-sistema, li hija intiża sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bl-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan assenjat lill-Unjoni li hija ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li jimplika, abbażi tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li l-Istati Membri huma bħala prinċipju marbuta li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew, is-sistema prevista mill-OLW twassal, bil-kontra, sabiex tippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex ma jirrikonoxxix s-sentenza ta’ kundanna ta’ piena ta’ priġunerija ddikjarata fl-Istat Membru emittenti. L-assenza ta’ eżekuzzjoni tal-piena ddikjarata tixbah riforma ta’ din, minnha nnifisha kuntrarja għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, u bbażata, barra minn hekk, fuq kundizzjoni ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza, b’dan il-mod diskriminatorja.

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimplementa r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan l-artikolu b’tali mod li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollu bħala effett uniku li dan l-Istat Membru jiddikjara ruħu dispost li jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, mingħajr ma din id-dikjarazzjoni tkun tgħodd bħala impenn ta’ eżekuzzjoni.

3.      Fuq it-tielet parti tal-ewwel domanda preliminari

50.      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru jistax jimplementa r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 b’tali mod li l-awtorità ġudizzjarja tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ta’ ordni ta’ detenzjoni kontra persuna rikjesta li tgħix fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew fejn hija ċittadina jew residenti meta, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-eżekuzzjoni tal-piena, li tittieħed wara d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-eżekuzzjoni tkun suġġetta għal kundizzjonijiet relatati mal-eżistenza u l-osservanza ta’ konvenzjoni li torbot lill-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll għall-kollaborazzjoni tal-Istat Membri emittenti, u meta, min-naħa l-oħra, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ma huwiex ikkontestat fil-każ tal-impossibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena minħabba l-assenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa.

51.      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam), tibda mill-premessa li t-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena ddikjarata fil-5 ta’ Frar 2007 kontra D. Popławski għandu josserva r-regoli previsti fl-Artikolu 6(3) tal-OLW, li jirreferu għall-eżistenza ta’ bażi legali f’konvenzjoni, pjuttost milli għad-dispożizzjonijiet ġodda adottati fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

52.      Din il-premessa hija kkontestata indirettament mill-Kummissjoni Ewropea li, fl-osservazzjonijiet tagħha kemm bil-miktub kif ukoll orali, għamlet referenza għad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li hija għaldaqstant ikkunsidrat b’mod impliċitu bħala applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

53.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedi li t-talbiet għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tal-kundanni rċevuti wara l-5 ta’ Diċembru 2011 huma rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni f’din id-deċiżjoni qafas, l-Artikolu 28(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jawtorizza madankollu lil kull Stat Membru sabiex jagħmel dikjarazzjoni li jkollha bħala effett li tiġi ttardjata l-applikazzjoni tagħha.

54.      Id-diffikultà tinstab fil-fatt li, skont il-kliem tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, id-dikjarazzjoni għandha titwettaq “fl-adozzjoni [tad] […]-Deċiżjoni Qafas”. Issa, jidher li d-dikjarazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ntbagħtet lill-Kunsill fl-24 ta’ Marzu 2009 u wara ġiet trażmessa bħala dokument tal-Kunsill fit-30 ta’ April 2009, qabel ma ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tad-9 ta’ Ottubru 2009, filwaqt li d-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja ġiet irċevuta mill-Kunsill fit-23 ta’ Frar 2011, u wara ġiet trażmessa bħala dokument tal-Kunsill fit-28 ta’ Frar 2011, qabel ma ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-1 ta’ Ġunju 2011.

55.      Skont it-teżi li sostnejt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-12 ta’ Ottubru 2016 fil-kawża van Vemde (21), fl-opinjoni tiegħi, it-tardività tad-dikjarazzjonijiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Repubblika tal-Polonja ċċaħħadhom mill-effetti legali tagħhom, b’tali mod li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-kundanna ddikjarata kontra D. Popławski għandhom jiġu suġġetti għar-regoli adottati mill-Pajjiżi l-Baxxi skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

56.      Tkun xi tkun il-perspettiva li minnha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar li teżamina d-domanda, ir-risposta jidhirli li għandha tkun l-istess, peress li dispożizzjonijiet bħal dawk adottati mill-leġiżlatur Olandiż kemm qabel u kemm wara d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jwasslu sabiex iġibu fix-xejn l-impenn ta’ eżekuzzjoni tal-piena previst fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

57.      Hekk kif diġà enfasizzajt (22), din id-dispożizzjoni għandha tinqara fis-sens li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkollu bħala korrispettiv l-impenn tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jipproċedi għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ kustodja jew tal-ordni ta’ detenzjoni deċiża fl-Istat Membru emittenti tal-mandat. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-implementazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u n-neċessità li jiġi eliminat kull riskju ta’ impunità jimplikaw li għandu jiġi kkunsidrat li jekk it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkunx possibbli, tkun xi tkun ir-raġuni, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi eżegwit.

58.      Minn dan jirriżulta li kull rifjut ta’ konsenja għandu jkun ppreċedut mill-verifika, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà tal-eżekuzzjoni reali tal-piena b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħha.

59.      Għalkemm dan id-dritt jirreferi b’mod validu għall-konvenzjonijiet fil-qasam tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pieni applikabbli preċedentement għas-sistema stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, u jimponi b’dan il-mod kollaborazzjoni bejn l-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ħlief meta ż-żewġ Stati Membri kkonċernati jiftiehmu fuq it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena.

60.      Għalkemm id-dritt nazzjonali jittrasponi s-sistema li rriżultat mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ir-rifjut ta’ konsenja jissopponi li l-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-deċiżjoni qafas huma ssodisfatti sabiex il-piena deċiża mill-Istat Membru emittenti tkun tista’ tiġi eżegwita mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fi kliem ieħor, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jirrifjuta l-konsenja biss fl-ipoteżi li ma jkunx beħsiebu juża waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

61.      Għandu jiġi osservat, f’dan is-sens, li l-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Infurzar ta’ sentenzi wara mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi li, “[m]ingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 […], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli (23) mad-dispożizzjonijiet taħt [din] id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas”. Skont il-premessa 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, “[d]an ifisser inter alia illi, mingħajr preġudizzju għa[d-]Deċiżjoni Qafas [2002/584], l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jista’ jivverifika l-eżistenza ta’ raġunijiet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar kif previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, inkluż l-iċċekkjar ta’ kriminalità doppja sal-punt li l-Istat ta’ esekuzzjoni jagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, bħala kondizzjoni biex jirrikonoxxi u jinforza s-sentenza bil-ħsieb li jikkonsidra jekk jikkonsenjax il-persuna jew jinfurzax il-piena f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 […]”.

62.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, iċċarat permezz tal-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas, juri biċ-ċar il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jaċċettax li Stat Membru jkun jista’ jirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta billi jinvoka l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent tad‑deċiżjonijiet u ta’ eżekuzzjoni tal-pieni li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Jekk tkun teżisti raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni li tipprekludi lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli jimpenja ruħu li jeżegwixxi l-piena, dan l-Istat Membru ma għandux għaldaqstant alternattiva oħra ħlief li jeżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u, għalhekk, li jikkonsenja l-persuna rikjesta.

63.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti niddeduċi li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimplementa r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan l-artikolu b’tali mod li l-awtorità ġudizzjarja tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni kontra persuna rikjesta li tgħix fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew fejn hija ċittadina jew residenti, meta, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, li tittieħed wara d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni, tkun suġġetta għal kundizzjonijiet relatati mal-eżistenza u mal-osservanza ta’ konvenzjoni li jorbot l-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll għall-kollaborazzjoni tal-Istat Membru emittenti, u meta, min-naħa l-oħra, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ma huwiex ikkontestat fil-każ tal-impossibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena minħabba l-assenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa.

B –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

64.      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistgħux ikollhom effett dirett u jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva, ir-regoli nazzjonali jistgħux ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li, meta Stat Membru jissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għall-eżistenza ta’ bażi legali f’konvenzjoni internazzjonali, dan l-artikolu jikkostitwixxi fih innifsu l-bażi konvenzjonali meħtieġa mid-dritt nazzjonali.

65.      Għandu jiġi rrilevat li din id-deċiżjoni qafas ma għandhiex effett dirett peress li ġiet adottata fuq il-bażi tal-ex tielet pilastru tal-Unjoni, b’mod partikolari, b’applikazzjoni tal-Artikolu 34(2)(b) UE, fil-verżjoni tiegħu li jirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam, li jipprevedi, minn naħa, li d-deċiżjonijiet qafas jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallu lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-mezzi u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux ikollhom effett dirett.

66.      Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji (24), anness mat-Trattat FUE, l-effetti legali tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu ppreżervati sakemm dawn l-atti jiġu rrevokati, isiru nulli jew jiġu emendati b’applikazzjoni tat-Trattati.

67.      Issa, l-imsemmija deċiżjoni qafas ma kinitx is-suġġett ta’ tali revoka, annullament jew emenda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, filwaqt li jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li jekk id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (25) issaħħaħ sostanzjalment id-dritt għall-informazzjoni rrikonoxxut għal kull persuna issuspettata jew akkużata, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva sempliċement jipprevedi, fir-rigward tal-proċeduri marbuta mal-mandat ta’ arrest Ewropew, li l-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ tali mandat għandhom jirċievu fil-pront dikjarazzjoni tad-drittijiet adattata li tkun tinkludi informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom “skont il-liġi li timplimenta d-Deċiżjoni [Qafas] […] fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”. Għaldaqstant, id-Direttiva 2012/13 ma temenda la formalment u lanqas sostanzjalment id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tkompli tipproduċi l-effetti legali tagħha b’konformità mal-Artikolu 34(2)(b), UE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam.

68.      Mis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju, Pupino(26), hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li d-deċiżjonijiet qafas jistgħu jiġu invokati sabiex tinkiseb interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali quddiem l-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma jiddependix biss fuq l-eventwali effett dirett tan-norma tal-Unjoni, iżda jirriżulta min-natura vinkolanti ta’ din in-norma. Hekk kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, “minkejja li d-Deċiżjonijiet Qafas, skont l-Artikolu 34(2)(b), UE, [fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam], ma jistax ikollhom effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom madankollu twassal, għall-awtoritajiet nazzjonali u b’mod partikolari, għall-qrati nazzjonali, għal obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali” (27).

69.      Meta tapplika d-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali mitluba li tinterpretah hija għaldaqstant marbuta, sa fejn huwa possibbli, sabiex tagħmel dan fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali huwa “inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE peress li jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu [l-kawżi] li jkunu aditi bihom” (28). Skont il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi obbligu jeħtieġ li l-qrati nazzjonali “jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom (29) billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (30).

70.      Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ April 2016, DI (31), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jemendaw jew iwarrbu ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, l-interpretazzjoni konformi tipproduċi, b’ċertu mod, effett ta’ esklużjoni tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali li tikser id-dritt tal-Unjoni.

71.      Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għandu ċerti limiti bħal, b’mod partikolari, dak li jipprovdi li tali prinċipju ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (32).

72.      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma taqbilx mal-opinjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li tipprovdi li interpretazzjoni konformi hija possibbli u tissopponi biss interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, fis-sens li l-fatt li jiddikjara ruħu “lest jieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza” għandu jiġi kkunsidrat bħala impenn vinkolanti reali. Bil-kontra, hija tqis li peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni obbligu li tirrifjuta l-konsenja mingħajr ma tissuġġetta dan ir-rifjut għall-impenn li tiġi eżegwita l-piena, kull interpretazzjoni li tipprovdi li r-rifjut tal-eżekuzzjoni għandu jkun suġġett għal tali impenn tkun neċessarjament interpretazzjoni contra legem. F’dan ir-rigward, hija tenfassizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tevita l-obbligu li tirrifjuta l-konsenja meta jidher li l-Pajjiżi l-Baxxi mhux ser ikunu jistgħu jieħdu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena.

73.      Sabiex id-dritt nazzjonali jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ fil-fatt, bħalma jissuġġerixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li d-dikjarazzjoni ta’ “[rieda] li jieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza” ma tikkostitwixxix sempliċi manifestazzjoni ta’ intenzjoni imma impenn reali, meħud wara verifika li dan it-teħid ta’ responsabbiltà huwa realment possibli, u li l-Minister van Veiligheid en Justitie (ministru tas-sigurtà u l‑ġustizzja) isib ruħu sussegwentement f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata sabiex jaċċetta jew jirrifjuta t-teħid ta’ responsabbiltà, mingħajr ma jkun jista’ jevalwa l-fondatezza tiegħu.

74.      Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk teżistix impossibbiltà reali sabiex tasal għal interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-domanda tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni tal-kliem “konvenzjoni applikabbli” li jidhru fl-Artikolu 6(3) tal-OLW bħala li jirreferu għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li hija biss il-qorti tar-rinviju li tista’ tiddeċiedi. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi indirizzata din il-kwistjoni f’dawn il-konklużjonijiet.

75.      Mingħajr ma nantiċipa l-interpretazzjoni tagħha, għandu jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni tad-dritt Olandiż konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas jissopponi li jiġi ammess li t-termini tal-Artikolu 6 tal-OLW, jistgħu jinqraw fis-sens li jipprevedu mhux obbligu, iżda s-sempliċi fakultà għall-awtorità ġudizzjarja sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u bħala li ma jawtorizzawx l-użu ta’ din il-fakultà ħlief meta t-teħid ta’ responsabbiltà fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-eżekuzzjoni tal-piena jidher realment possibbli.

76.      Madankollu, sa fejn ma huwiex ċert li l-qorti tar-rinviju tista’ tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, fil-każ li tali interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, liema konsegwenzi konkreti jkollha tasal għalihom il-qorti nazzjonali mill-assenza ta’ konformità mal-imsemmija deċiżjoni qafas tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (3) tal-OLW.

77.      Bħala prinċipju, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jistgħux ikollhom interpretazzjoni konformi, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tħallihom mhux applikati, bl-għan li tapplika integralment id-dritt tal-Unjoni.

78.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet imwassla sabiex tieħu deċiżjoni fuq il-portata ġuridika tal-istrumenti adottati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE, li jirrigwarda l-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, hija madankollu llimitat ruħha, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (33), li testendi l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għal dawn l-istrumenti, filwaqt li rrikonoxxiet li deċiżjoni qafas tista’ titqabbel fuq dan il-livell ma’ direttiva.

79.      Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-punt dwar jekk in-nuqqas ta’ konformità ta’ regola nazzjonali ma’ deċiżjoni qafas timplikax, għall-qorti nazzjonali, l-obbligu li twarrab din ir-regola nazzjonali meta hija ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi.

80.      Hekk kif diġà sostnejt fit-teħid ta’ pożizzjoni tiegħi tat-28 ta’ April 2008 fil-kawża Kozłowski (34), ir-raġunijiet li minħabba fihom, fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri, wara li taw il-kunsens tagħhom liberament għal trasferiment tal-kompetenzi tagħhom lejn il-Komunità, ma jistgħux jopponu kontra att Komunitarju obbligatorju test tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, ikun xi jkun, huma transponibbli għal deċiżjoni qafas. Fl-opinjoni tiegħi, deċiżjoni qafas, bħal kull att tad-dritt Komunitarju li huwa obbligatorju, hija intiża li tipprevali fuq kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, tkun xi tkun, anki jekk tkun ta’ natura kostituzzjonali jew jekk tkun parti mid-dritt fundamentali. B’hekk, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti nazzjonali tiżġura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni “billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja” (36).

81.      Diversi kunsiderazzjonijiet jimmilitaw favur ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ supremazija għad-deċizjonijiet qafas adottati fil-kuntest tat-tielet pilastru (37).

82.      L-ewwel kunsiderazzjoni hija ta’ natura testwali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tar-riżerva li tirrigwarda l-assenza ta’ effett dirett tad-deċiżjonijiet qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża s-sistema tad-deċiżjonijiet qafas fuq dik tad-direttivi, billi pprovda li dawn “għandhom jorbtu lill-Istati Membri dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi.” (38). Peress li s-singolarità irreduċibbli tad-deċiżjonijiet qafas hija limitata għall-assenza ta’ effett dirett (39) tagħhom, ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi eskluża, għall-bqija, is-supremazija ta’ dawn l-istrumenti minħabba l-fatt li huma jaqgħu taħt il-qasam tal-kooperazzjoni intergovernattiva.

83.      It-tieni kunsiderazzjoni hija marbuta mar-rikonoxximent, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tuża t-teknika ta’ interpretazzjoni konformi sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad-deċiżjonijiet qafas u sabiex tasal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħhom.

84.      Huwa minnu li, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha mhux fuq il-prinċipju ta’ supremazija iżda fuq dak ta’ kooperazzjoni leali. B’hekk, hija ddikjarat li dan il-prinċipju tal-aħħar, li jimplika, b’mod partikolari li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, għandu japplika wkoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li barra minn hekk hija bbażata kompletament fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet (40). Dan ir-raġunament diġà ġie ppreżentat fis-sentenza tal-10 ta’ April 1984, Von Colson et Kamann (41), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod partikolari ddeduċiet li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad‑dmir tal-Istati Membri sabiex jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom li jirrizultaw mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li ppreċiżat li dan id-dritt huwa impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-awtoritajiet ġudizzjarji (42).

85.      Jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, bħala “inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti li l-qrati nazzjonali jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom” (43), jirriżulta mil-ħtieġa ta’ effikaċja tad-dritt tal-Unjoni u n-neċessità li tiġi żgurata s-supremazija ta’ dan tal-aħħar fuq id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri (44). Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi permezz tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jissopponi li huwa neċessarju li tiġi ammessa, anki b’mod sottostanti, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif jista’ l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, jiġġustifika li l-qorti nazzjonali tkun marbuta tibdel it-tifsira tad-dritt nazzjonali tagħha f’sens konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk dan l-obbligu ma huwiex ikkunsidrat bħala wieħed li għandu jipprevali fuq l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi l-kawża skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali tagħha?

86.      It-tielet kunsiderazzjoni hija marbuta mal-evoluzzjoni tal-kuntest ġuridiku li tirriżulta mit-tmiem tal-perijodu tranżitorju previst mill-Protokoll (Nru 36) fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattati. Skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan il-protokoll, il-miżura tranżitorja prevista fil-paragrafu 1 waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fit-30 ta’ Novembru 2014. Il-fatt li t-tielet pilastru ġie assorbit definittivament fil-qasam li jinsab fit-tielet parti tat-Trattat FUE, Titolu V, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jeżiġi “interpretazzjoni Komunitarja” (45). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li, filwaqt li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja konformi mal-ex Artikolu 35 UE kienet tirrefletti n-natura intergovernattiva tal-kooperazzjoni fil-kuntest tat-tielet pilastru, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, minn dik id-data l’hawn, kompetenza preliminari awtomatika u obbligatorja, peress li hija ma għadhiex suġġetta għal dikjarazzjoni li tipprovdi li kull Stat Membru jirrikonoxxi din il-kompetenza u jindika l-qrati nazzjonali li jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (46), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq “[l]-importanza tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari skond l-Artikolu 35 UE”, sabiex tiġġustifika li jiġi rrikonoxxut għall-individwi d-dritt li jinvokaw id-deċiżjonijiet qafas sabiex jiksbu interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali quddiem il-qrati tal-Istati Membri (47). Ir-rikonoxximent ta’ kompetenza identika għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja żammet fil-kuntest tal-ewwel pillastru juri proċess b’saħħtu ta’ konverġenza bejn iż-żewġ pilastri, li jiġġustifika li l-effetti tad-deċiżjonijiet qafas jiġu bbażati fuq dawk tad-direttivi, bl-eċċezzjoni, ċertament, tal-effett dirett li huwa eskluż b’mod espress.

87.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, niddeduċi li d-deċiżjoni qafas hija intiża, abbażi tal-prinċipju ta’ supremazija, sabiex tipprevali fuq kull dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tmur kontriha.

88.      Skont il-loġika ta’ separazzjoni bejn l-effett “ta’ sostituzzjoni” u “l-invokabbiltà ta’ esklużjoni” (48), inqis li l-assenza ta’ effett dirett tad-deċiżjoni qafas ma tfissirx li l-qorti nazzjonali ma għandhiex l-obbligu li twarrab id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-prevalenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jostakolaw l-effikaċja sħiħa tiegħu.

89.      Din il-konklużjoni timponi ruħha iktar u iktar fil-kawża prinċipali għaliex din ma topponix żewġ individwi, fejn wieħed jinvoka kontra l-ieħor id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iżda tippreżenta, bil-kontra, aspett vertikali aċċentwat ħafna. Fil-fatt, hija topponi l-Istat Olandiż u D. Popławski (49). Barra minn hekk, dan jinvoka biss id-dritt nazzjonali tiegħu. Huwa ma jinvokax din id-deċiżjoni qafas bl-għan li jeżerċita dritt maħluq favurih permezz ta’ dan l-istrument u parti mill-patrimonju ġuridiku tiegħu.

90.      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas huma nieqsa minn effett dirett, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, u li, fl-eventwalità li tali interpretazzjoni tkun impossibbli, il-qorti nazzjonali hija marbuta li ma tapplikax dawn id-dispożizzjonijiet minħabba nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

91.      Sabiex nagħtu kjarifika kompleta lill-qorti tar-rinviju, nippreċiża li, fil-kawża prinċipali, il-fatt li jitwarrbu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jimplika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Olandiż li jittrasponu din id-deċiżjoni qafas. Minn dan jirriżulta, b’mod konkret, li l-qorti nazzjonali għandha tordna l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

C –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

92.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jistax jissuġġetta r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin ta’ Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun kompetenti sabiex jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-ksur li għalih dan iċ-ċittadin ġie ikkundannat u li ma hemmx ostakoli prattiċi oħra sabiex jinbdew proċeduri ġodda kontrih, filwaqt li, meta l-każ jikkonċerna ċittadin tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta’ dan l-Istat hija obbligata, mingħajr kundizzjonijiet, li tirrifjuta l-konsenja.

93.      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, sabiex tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha konformi mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija tista’ tinterpreta l-Artikolu 6(5) tal-OLW fis-sens li l-konsenja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tista’ tiġi rrifjutata biss taħt il-kundizzjoni li jiġi stabbilit mhux biss li proċeduri jistgħu jinbdew kontra dan iċ-ċittadin għall-istess fatti li minħabba fihom ġie kkundannat fl-Istat Membru emittenti, iżda wkoll li l-eżerċizzju ta’ tali proċeduri fil-Pajjiżi l-Baxxi ma huwa prekluż bl-ebda ostakolu prattiku, bħall-assenza ta’ trażmissjoni, mill-Istat Membru emittenti, tal-proċess kriminali tal-persuna kkonċernata.

94.      Skont il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni jkollha bħala vantaġġ li tevita l-impunità tal-persuna rikjesta peress li, anki jekk jitqies li l-piena li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tiġi eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi, proċeduri jistgħu madankollu jinbdew għall-istess fatti kontra l-persuna rikjesta. Bil-kontra, l-imsemmija interpretazzjoni tippreżenta l-inkonvenjenza li tittratta b’mod differenti ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra u ċ-ċittadini Olandiżi, peress li, għal dawn tal-aħħar, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi rrifjutat mingħajr ma dan ir-rifjut ikun suġġett għall-assigurazzjoni li jistgħu jinbdew proċeduri ġodda.

95.      Bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li l-premessa li fuqha tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju hija żbaljata. Fil-fatt, l-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jipprovdix bħala alternattiva għall-impenn meħud mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena, l-impenn sabiex jibda proċeduri ġodda għall-istess fatti kontra l-persuna rikjesta. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni, li hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi traspożizzjoni tal-prinċipju “aut dedere, aut judicare” li, fid-dritt tal-estradizzjoni, iħalli l-għażla lill-Istat mitlub bejn li jestradixxi l-awtur tal-ksur jew jiġġudikah minkejja s-sentenza mogħtija fl-Istat rikorrent.

96.      Peress li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha ssuġġerita mill-qorti nazzjonali ma hijiex, fi kwalunkwe każ, konformi mal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma hemmx lok li neżaminaw il-punt dwar jekk id-differenza fit-trattament li jirriżulta minnha hijiex ipprojbita jew le mid-dritt tal-Unjoni.

IV – Konklużjoni

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi):

1.      L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimplementa r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċizjoni Qafas 2002/584, kif emendata, b’tali mod li:

–        l-awtorità ġudizzjarja għandha l-obbligu li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni kontra persuna rikjesta li tgħix fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew fejn hija ċittadina jew residenti, mingħajr ma tkun tista’ tevalwa, skont is-sitwazzjoni konkreta tal-persuna, jekk l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat Membru hijiex ta’ natura li tiffavorixxi l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha fis-soċjetà;

–        ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollu bħala effett uniku li dan l-Istat Membru jiddikjara ruħu dispost li jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, mingħajr ma din id-dikjarazzjoni tkun tgħodd bħala impenn ta’ eżekuzzjoni;

–        l-awtorità ġudizzjarja tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni kontra persuna rikjesta li tgħix fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew fejn hija ċittadina jew residenti, meta, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, li tittieħed wara d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni, hija suġġetta għal kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza u l-osservanza ta’ konvenzjoni li torbot lill-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kif ukoll mal-kollaborazzjoni tal-Istat Membru emittenti, u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ma huwiex ikkontestat fil-każ tal-impossibbiltà li tittieħed ir‑responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena minħabba l-assenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, huma nieqsa minn effett dirett. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u, fl-eventwalità li tali interpretazzjoni tkun impossibbli, il-qorti nazzjonali hija marbuta li ma tapplikax dawn id-dispożizzjonijiet minħabba nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34.


3      ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”.


4      ĠU L 327, p. 27.


5      Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”.


6      Stb. 2012, Nru 333.


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 28).


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 30).


9      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, B. (C‑306/09, EU:C:2010:626, punti 50 u 51). Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, West (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 64).


10      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C‑66/08, EU:C:2008:437), tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616) u tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517).


11      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 53) li, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax jissuġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista fl-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, għal rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħall-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien indeterminat.


12      C‑123/08, EU:C:2009:183.


13      C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 35.


14      Korsiv miżjud minni.


15      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punti 33 u 37).


16      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 42).


17      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 33, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.


18      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 45), tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punti 62 u 67), tal-21 ta’ Ottubru 2010, B. (C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 52), u tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 32).


19      C‑66/08, EU:C:2008:253.


20      Teħid ta’ pożizzjoni fil-kawża Kozłowski (C‑66/08, EU:C:2008:253, punti 79 u 80).


21      C‑582/15, EU:C:2016:766.


22      Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Korsiv miżjud minni.


24      ĠU 2016, C 202, p. 321.


25      ĠU L 142, p. 1.


26      C‑105/03, EU:C:2005:386.


27      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Korsiv miżjud minni.


30      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ (C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      C‑441/14, EU:C:2016:278.


32      Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ (C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      C‑105/03, EU:C:2005:386.


34      C‑66/08, EU:C:2008:253.


35      6/64, EU:C:1964:66.


36      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 34).


37      Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K. u Corthaut, T., “Of birds and hedges: the role of primacy in invoking norms of EU law”, European Law Review, Sweet and Maxwell, Londres, 2006, p. 287-315. Ara, fis-sens kuntrarju, Peers, S., “Salvation outside the church: judicial protection in the third pillar after the Pupino and Segi judgments”, Common Market Law Review, n° 44, Issue 4, Wolters Kluwer Law and Business, Alphen aan den Rijn, 2007, p. 883-929, spec. p. 920, li jikkunsidra li jekk il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett dirett jiġu applikati għat-tielet pilastru, l-intenzjonijiet tal-awturi tat-trattati jiġu injorati. Madankollu, dan l-awtur jammetti li r-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tat-tielet pilastru jikkonferma l-prinċipju ta’ effettività u ma jiksrix b’mod espress it-test tat-trattati (p. 917).


38      Artikolu 34(2)(b) UE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam.


39      Prechal, S. u Marguery, T. jikklassifikaw l-assenza ta’ effett dirett tad-deċiżjonijiet qafas bħala “partikolarità żgħira” fil-“La mise en œuvre des décisions-cadres une leçon pour les futures directives pénales?”, L’exécution du droit de l’Union, entre mécanismes communautaires et droits nationaux, Bruylant, Brussell, 2009, p. 225-251, b’mod partikolari p. 250.


40      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 42).


41      14/83, EU:C:1984:153.


42      Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26).


43      Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, BP Europa (C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara, f’dan is-sens, Simon, D., “La panacée de l’interprétation conforme: injection homéopathique ou thérapie palliative?”, De Rome à Lisbonne: les juridictions de l’Union européenne à la croisée des chemins, Mélanges en l’honneur de Paolo Mengozzi, Bruylant, Brussell, 2013 p. 279-298. Dan l-awtur jikkunsidra li “l-elevazzjoni tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dinjità ta’ ‘prinċipju inerenti għas-sistema tat-trattat’ tipproċedi f’linja dritta […] mis-supremazija [tad-dritt tal-Unjoni] fuq id-dritt intern tal-Istati Membri” (p. 282). Huwa jżid li “ir-rabta mas-supremazija tal-Unjoni b’mod ġenerali u mhux biss mal-implementazzjoni tad-direttivi b’mod partikolari, tintwera mill-obbligu li tiġi żgurata interpretazzjoni ‘ewrokompatibbli’ mhux biss tal-att ta’ traspożizzjoni, iżda tat-totalità tad-dritt nazzjonali, kemm jekk huwa preċedenti jew sussegwenti għad-direttiva” (p. 283).


45 Prechal, S. u Marguery, T., “La mise en œuvre des décisions-cadres une leçon pour les futures directives pénales?”, L’exécution du droit de l’Union, entre mécanismes communautaires et droits nationaux, Bruylant, Brussell, 2009, p. 225-251, b’mod partikolari p. 232.


46      C‑105/03, EU:C:2005:386.


47      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punti 37 u 38).


48      Ara, b’mod partikolari, fuq din id-distinzjoni, Simon, D., “L’invocabilité des directives dans les litiges horizontaux: confirmation ou infléchissement?”, Revue Europe, Nru 3, LexisNexis, Paris, 2010. Ara wkoll, Dougan, M., “When worlds collide! Competing visions of the relationship between direct effect and supremacy”, Common Market Law Review, n° 44, Issue 4, Wolters Kluwer Law and Business, Alphen aan den Rijn, 2007, p. 931-963.


49      Ma hemmx bżonn li wieħed jeżaġera biex jiġi kkunsidrat li t-tilwima topponi wkoll, ċertament b’mod indirett, liż-żewġ Stati Membri, il-Polonja, bħala l-Istat Membru emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew, u l-Pajjiżi l-Baxxi, bħala Stat Membru ta’ eżekuzzjoni.