Language of document : ECLI:EU:C:2017:126

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Frar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Reġistratur – Kunċett ta’ qorti jew tribunal nazzjonali – Ġurisdizzjoni obbligatorja – Eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji – Indipendenza – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C-503/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (reġistratur tal-qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Ramón Margarit Panicello

vs

Pilar Hernández Martínez,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Margarit Panicello, minn L. Rodríguez Soria, avukat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego u A. Rubio González, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) u d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU 2005, L 149, p. 22).


2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ramón Margarit Panicello, avukat, u Pilar Hernández Martínez, il-klijenta tiegħu, dwar l-onorarji dovuti għas-servizzi legali pprovduti lil din tal-aħħar f’proċedura li tirrigwarda l-kustodja tat-tfal.

 

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/13

3        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

 

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4        Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva:

 

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.      Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

[…]”

 Id-Direttiva 2005/29

5        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi:

 

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

[…]

d)      il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;

[…]”

6        L-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

 

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.

[…]”

7        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

 

“L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat fil-proċedimenti ċivili jew amministrattivi msemmija fl-Artikolu 11 sabiex:

a)      jesiġu li l-kummerċjant iġib prova ta’ l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-rigward ta’ xi prattika kummerċjali jekk, b’kont meħud ta’ l-interess leġittimu tal-kummerċjant u ta’ kwalunkwe parti oħra fil-proċedimenti, tali kondizzjoni tidher ġustifikata abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari;

u

b)      jikkunsidraw il-pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk il-prova rikjesta skond il-paragrafu (a) ma tinġiebx jew titqies insuffiċjenti mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva.”

 Id-dritt Spanjol

 Il-LOPJ

8        Il-Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial (Liġi Organika 6/85 dwar is-setgħa ġudizzjarja) tal-1 ta’ Lulju 1985 (BOE Nru 157, tat-2 ta’ Lulju 1985, p. 20632), kif emendata mil-Ley Orgánica 19/2003 (Liġi Organika 19/2003), tat-23 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 309, tas-26 ta’ Diċembru 2003, p. 46025) (iktar ’il quddiem il-“LOPJ”), tiddefinixxi is-sistema legali u l-kontenut tal-funzjonijiet tas-Secretario Judicial (reġistratur), imsejħa “Letrado de la administración de la justicia” sussegwentement għall-adozzjoni tal-Ley Orgánica 7/2015 (Liġi Organika 7/2015), tal-21 ta’ Lulju 2015 (BOE Nru 174, tat-22 ta’ Lulju 2015, p. 61593).

 

9        L-Artikolu 440 tal-LOPJ jipprevedi li is-Secretarios Judiciales (reġistraturi) “huma uffiċjali pubbliċi li jiffurmaw parti minn korp legali superjuri, uniku, nazzjonali, fis-servizz tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li jaqa’ taħt il-ministeru tal-ġustizzja u li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bħala awtorità […]”.

 

10      L-Artikolu 446(1) tal-LOPJ li jirregola ir-raġunijiet ta’ astensjoni u ta’ rekuża, jipprevedi li s-Secretarios Judiciales (reġistraturi) “għandhom jastjenu fil-każijiet previsti għall-imħallfin u l-maġistrati u jistgħu jiġu rekużati jekk ma jagħmlux dan.”

 

11      L-Artikolu 452(1) tal-LOPJ jiddefinixxi d-dmirijiet tas-Secretarios Judiciales (reġistraturi) kif ġej:

 

“Is-Secretarios judiciales għandhom josservaw il-prinċipji ta’ legalità u ta’ imparzjalità fil-każijiet kollha, il-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-fiduċja pubblika ġudizzjarja kif ukoll il-prinċipji ta’ unità ta’ azzjoni u dipendenza ġerarkika fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet l-oħra kollha li huma suġġetti għalihom skont din il-liġi, id-dispożizzjonijiet proċedurali relatati magħhom kif ukoll ir-regolament organiku li huma suġġetti għalih. Il-funzjonijiet tas-Secretarios Judiciales ma jistgħux jiġu ddelegati jew awtorizzati, bla ħsara tal-Artikolu 451(3).”

12      L-Artikolu 465 jipprevedi:

 

“Is-segwenti funzjonijiet jaqgħu fil-kompetenza tas-Secretarios de Gobierno:

[…]

6.      L-għoti ta’ struzzjonijiet lis-Secretarios Judiciales tat-territorji rispettivi tagħhom […].

[…]

8.      Il-ħruġ ta’ ċirkularijiet u ta’ struzzjonijiet ta’ servizz lis-Secretarios Judiciales tat-territorju tagħhom […]. Huma ma jistgħux […] jagħtu struzzjonijiet partikolari dwar kawżi speċifiċi li fihom Secretario Judicial jaġixxi għall-finijiet ta’ awtentikazzjoni jew fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ organizzazzjoni u ta’ direzzjoni tiegħu tal-proċeduri.”

13      L-Artikolu 467 tal-LOPJ hija redatta kif ġej:

 

“Taħt l-awtorità diretta tas-Secretario de Gobierno, is-Secretario Coordinador jeżerċita l-funzjonijiet li ġejjin […]:

1.      Jagħti struzzjonijiet lis-Secretarios Judiciales tat-territorju tiegħu għall-funzjonament tajjeb tas-servizzi li ġew fdati lilu.

2.      Jivverifika l-implementazzjoni tajba taċ-ċirkularijiet u tal-istruzzjonijiet maħruġa mis-Secretario de Gobierno li huwa suġġett għalih minnu.”

 Id-Digriet Irjali Nru 1608/2005

14      Ir-Real Decreto 1608/2005 por el que se aprueba el Reglamento Orgánico del Cuerpo de Secretarios Judiciales (Digriet Irjali Nru 1608/2005 dwar l-awtorizzazzjoni tar-regolament organiku rigward is-Secretarios Judiciales, tat-30 ta’ Diċembru 2005 (BOE Nru 17, tal-20 ta’ Jannar 2006, p. 2527), jirregola ukoll il-qafas ġuridiku tas-Secretarios Judiciales (reġistraturi).

 

15      L-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dan id-digriet irjali jistabbilixxi:

 

“2)      [Is-Secretarios Judiciales] josservaw il-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fil-qasam tal-fiduċja pubblika ġudizzjarja.

3)      Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet eżekuttivi […] tal-uffiċċju ġudizzjarju u ta’ dawk kollha li jiġu fdati lilhom mil-liġi organika dwar is-setgħa ġudizzjarja u minn dan ir-regolament, salv dawk imsemmija fil-punt preċedenti, dawn jaġixxu fl-osservanza tal-prinċipji tal-unità ta’ azzjoni u d-dipendenza ġerarkika […]”.

16      L-Artikolu 16 tal-imsemmi digriet irjali jipprevedi:

 

“Is-Secretarios de Gobierno jgawdu l-kompetenzi li ġejjin fil-qasam ta’ azzjoni effettiva tagħhom:

[…]

g)      Jagħtu struzzjonijiet lis-Secretarios Judiciales tat-territorju rispettiv tagħhom […]

h)      Joħorġu ċirkularijiet u struzzjonijiet ta’ servizz lis-Secretarios Judiciales tat-territorju tagħhom […]. Huma ma jistgħux […] jagħtu struzzjonijiet speċifiċi dwar kawżi determinati li fihom Secretario Judicial jintervjeni għall-finijiet ta’ awtentikazzjoni jew fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu ta’ organizzazzjoni u amministrazzjoni tal-proċeduri.

[…]”

 Il-LEC

17      L-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji hija rregolata mil-Ley 1/2000 de Enjuiciamento Civil (Liġi Nru 1/2000 dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili) tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE 7 tat-8 ta’ Jannar 2000 iktar ’il quddiem il-“LEC”). Bl-emendi li saru permezz tal-Ley 13/2009 de reforma de la legislación procesal para la implantación de la nueva Oficina judicial (Liġi 13/2009 dwar ir-riforma tar-regoli ta’ proċedura għall-istabbiliment tar-reġistru l-ġdid), tat-3 ta’ Novembru 2009 (BOE 266 tal-4 ta’ Novembru 2009, p. 92103) li daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Mejju 2010, il-kompetenza esklużiva għal din il-proċedura, kienet ittrasferita lis-Secretarios Judiciales (reġistratur).

 

18      B’mod partikolari, l-Artikolu 34 tal-LEC, dwar il-“kontijiet tal-aġenti tal-qorti”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

 

“1.      Meta aġent għandu jeżiġi mill-klijent tiegħu somom arretrati li huwa dovut li jħallas biex ikopri l-ispejjeż u ammonti mħallsa għall-finijiet tal-kawża, huwa jista’ jippreżenta lis-Secretario Judicial tal-post fejn huwa jkun stabbilit kont iddettaljat u ġġustifikat, filwaqt li jiddikjara li s-somom indikati u mitluba f’dan il-kont huma dovuti lilu u li huma arretrati mhux imħallsa […].

2.      Kif jitressaq dan il-kont, is-Secretario Judicial jordna lill-mandant sabiex iħallas din is-somma, kif ukoll l-ispejjeż tal-irkupru, jew li jikkontesta l-kont f’terminu ta’ għaxart ijiem. Din is-somma għandha tiġi maqbuda jekk il-mandant la jħallas u lanqas ma jressaq kontestazzjoni.

Jekk il-mandant iressaq kontestazzjoni, is-Secretario Judicial jeżamina l-kont u l-atti proċedurali, kif ukoll id-dokumenti ppreżentati u, fi żmien għaxart ijiem, jagħti deċiżjoni motivata li tistabbilixxi s-somma li għandha titħallas lill-aġent. Din is-somma tiġi maqbuda jekk il-ħlas ma jsirx fi żmien ħamest ijiem min-notifika.

Id-deċiżjoni motivata skont il-paragrafu preċedenti ma hija suġġetta għal ebda appell, madankollu, din bl-ebda mod ma tippreġudika s-sentenza li sussegwentement tista’ tingħata fl-ambitu tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja.”

19      L-Artikolu 35 tal-LEC, intitolat “Onorarji tal-avukati”, jipprevedi:

 

“1.      Fil-konfront tal-parti li huma jirrappreżentaw, l-avukati jistgħu jitolbu l-ħlas tal-onorarji dovuti lilhom fil-kawża billi jippreżentaw fattura dettaljata, filwaqt li jiddikjaraw b’mod formali li dawn l-onorarji huma dovuti lilhom u li għadhom ma tħallsux.

2.      Wara l-preżentata ta’ din it-talba, is-Secretario Judicial jistieden lid-debitur sabiex iħallas is-somma msemmija, inklużi l-ispejjeż, jew iressaq kontestazzjoni fir-rigward tal-fattura fi ħdan għaxart ijiem. Din is-somma għandha tiġi maqbuda jekk il-mandant la jħallas u lanqas ma jressaq kontestazzjoni.

Jekk, f’dan it-terminu, titressaq kontestazzjoni fir-rigward tal-onorarji fuq il-bażi li dawn ma humiex dovuti, għandhom japplikaw it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 34(2).

Jekk jiġu kkontestati minħabba l-fatt li huma eċċessivi, dawn l-onorarji jiġu l-ewwel net irreveduti konformement mal-Artikolu 241 et seq., salv jekk l-avukat jipprova l-eżistenza ta’ stima miftiehma minn qabel bil-miktub mill-parti li qed tikkontesta u tingħata deċiżjoni motivata li biha tiġi ffissata s-somma dovuta. Din is-somma tiġi maqbuda jekk il-ħlas ma jsirx fi żmien ħamest ijiem min-notifika. Din is-somma tiġi maqbuda jekk il-ħlas ma jsirx fi żmien ħamest ijiem min-notifika.

Din id-deċiżjoni motivata ma hijiex suġġetta għal appell, madankollu, bl-ebda mod ma tippreġudika s-sentenza li tista’ tingħata sussegwentement fl-ambitu tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja.

3.      Jekk, fit-terminu stabbilit, id-debitur tal-onorarji ma jressaqx kontestazzjoni, il-fattura tkun suġġetta għal eżekuzzjoni forzata fl-ammont tas-somma li hija tindika, flimkien mal-ispejjeż tal-irkupru.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għar-rappreżentazzjoni tagħha fil-proċedura għall-kustodja tat-tfal tagħha, li hija pendenti mill-2013 quddiem il-Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa, Spanja), P. Hernández Martínez inkarigat lil R. Margarit Panicello bħala avukat.

 

21      Fis-27 ta’ Lulju 2015, R. Margarit Panicello ippreżentat quddiem din il-qorti ressqet azzjoni quddiem din il-qorti għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 1 095.90, kontra P. Hernández Martínez.

 

22      Is-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (reġistratur tal-qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa), li għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi din l-azzjoni skont l-Artikolu 35 tal-LEC, filwaqt li jirrileva li ma jidhirx li R. Margarit Panicello kienet informat lil P. Hernández Martínez bit-tariffa approssimattiva tas-servizzi tagħha qabel ma ġiet inkarigata, jikkonstata madankollu li l-proċedura applikabbli, minn naħa, ma jippermettilux li jistħarreġ ex officio l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti eventwali fil-kuntratt konkluż bejn l-avukat u l-klijent tiegħu jew ta’ jew prattiki kummerċjali żleali ta’ dan il-professjonist fir-rigward tal-informazzjoni minn qabel dwar it-tariffa stmata tas-servizzi tiegħu u, min-naħa l-oħra, jillimita l-possibbiltà għall-klijent konvenut li jipproduċi l-provi li ma humiex dokumenti probatorji jew ta’ esperti sabiex jiġi kkontestat l-ammont mitlub.

 

23      Għalhekk, is-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (reġistratur tal-qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa) jistaqsi fuq il-kompatibbiltà ta’ din il-proċedura mad-Direttivi 93/13 u 2005/29. Huwa għandu wkoll dubji fuq il-konformità tal-imsemmija proċedura mal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn id-deċiżjoni motivata li huwa jadotta sabiex jagħlaq l-azzjoni għal pagament ta’ onorarji, meta d-debitur ma jħallasx volontarjament l-ammont mitlub u jifformula kontestazzjoni, ma hija suġġetta għal ebda appell ġudizzjarju iżda tippermetti lill-avukat li jitlob direttament is-sekwestru tas-somma stabbilita.

 

24      F’dan il-kuntest, bil-għan li jiġi vverifikat jekk huwiex awtorizzat li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, is-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (reġistratur tal-qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa) jistaqsi, preliminarjament, dwar jekk huwa jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, peress li, fid-dritt intern, kif jirriżulta mill-Artikolu 440 tal-LOPJ, huwa sempliċi uffiċjal tas-servizz pubbliku tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u li l-proċeduri li fihom jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ġew ikklassifikati bħala amministrattivi, u mhux bħala ġudizzjarji, mit-Tribunal de Conflictos de Jurisdicción (qorti tal-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, Spanja) fis-sentenza Nru 4/2011 tat-28 ta’ Settembru 2011, fir-rigward tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, kif ukoll mit-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali, Spanja) fid-Digriet Nru 163/2013, tad-9 ta’ Settembru 2013, u fis-sentenza Nru 58/2016, tas-17 ta’ Marzu 2016, dwar il-Ley 29/1998 reguladora de la Jurisdicción Contencioso-administrativa (Liġi 29/1998 dwar il-ġurisdizzjoni ta’ kawżi tal-qorti amministrattiva), tat-13 ta’ Lulju 1998 (BOE Nru 167, tal-14 ta’ Lulju 1998, p. 23516).

 

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (reġistratur tal-qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-domandi preliminari li ġejjin:

 

“1)      L-Artikoli 34, 35, 207(2)[, 207(3)] u 207(4) ([LEC]), li jirregolaw il-proċedura amministrattiva għall-irkupru ta’ onorarji mhux imħallsa (Jura de Cuentas) huma inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-[Karta], sa fejn jipprekludu l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 34 u 35 ([LEC]) is-Secretario Judicial [reġistratur] huwa “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

2)      L-Artikoli 34 u 35 ([LEC]) huma inkompatibbli mal-Artikoli 6(1) u 7(2) tad-Direttiva 93/13[…] u mal-Artikoli 6(1)(d), 11 u 12 tad-Direttiva 2005/29[…], sa fejn jipprekludu l-verifika ex officio tal-eventwali klawżoli inġusti jew prattiċi kummerċjali żleali inklużi f’kuntratti bejn avukati u persuni fiżiċi li jaġixxu b’għan barra mill-isfera tal-attività professjonali tagħhom?

3)      L-Artikoli 34 u 35 ([LEC]) huma inkompatibbli mal-Artikoli 6(1) u 7(2) u mal-punt 1(q) tal-Anness għad-Direttiva 93/13[…], sa fejn jipprekludu l-produzzjoni tal-prova fil-proċedura amministrattiva għall-irkupru ta’ onorarji mhux imħallsa bil-għan tar-riżoluzzjoni tat-tilwima?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat, kif ġie mistoqsi fil-kuntest tal-ewwel domanda, jekk Secretario Judicial (reġistratur) jikkostitwixxix “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u jekk, konsegwentement, huwiex awtorizzat jindirizza talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, liema kwistjoni hija rregolata unikament mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ elementi, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit b’liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura tiegħu hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti(ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C-58/13 u C-59/13, EU:C:2014:2088, punt 17, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C-203/14, EU:C:2015:664, punt 17).

 

28      Barra minn dan, sabiex jiġi stabbilit jekk korp nazzjonali, mogħti funzjonijiet ta’ natura differenti mil-liġi, għandux jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju wkoll li jiġi vverifikat liema hija n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jkun qed jeżerċita fil-kuntest legali partikolari li fih huwa jkun intalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi vverifikat jekk kawża hijiex pendenti quddiem tali organu u jekk dan tal-aħħar huwiex mitlub li jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C-58/13 u C-59/13, EU:C:2014:2088, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 

29      Fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-Secretario Judicial [reġistratur] huwa, skont l-Artikolu 440 tal-LOPJ, uffiċjal pubbliku li huwa parti minn servizz legali superjuri uniku, nazzjonali, għas-servizz tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja.

 

30      Wara l-emenda mdaħħla bil-Liġi Nru 13/2009, il-leġiżlatur Spanjol fada lis-Secretario Judicial (reġistratur) il-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet għal ħlas ta’ onorarji, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irregolati mill-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, li huma intiżi li jiggarantixxu lill-aġenti u lill-avukati rikonoxximent rapidu tal-eżiġibbiltà ta’ ċerti ħlasijiet speċifiċi u tal-għoti ta’ titolu eżekuttiv li jippermetti rkupru immedjat tagħhom, meta l-aġenti u l-avukati jipproduċu dokumenti li juru b’mod evidenti l-fondatezza u l-ammont tal-onorarji mhux imħallsa.

 

31      F’dan il-każ, fir-rigward, qabelxejn, tan-natura “obbligatorja” tal-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ rinviju, għandu jiġi kkonstatat li dan jagħmel, fil-prinċipju, nieqsa billi l-ġurisdizzjoni tas-Secretario Judicial (reġistratur) sabiex jieħu konjizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, skont tal-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, għandha natura purament inċidentali u fakultattiva. Fil-fatt, aġent jew avukat jista’ jressaq din l-azzjoni biss sabiex jitlob il-ħlasijiet relatati ma’ proċedura ġudizzjarja prinċipali diġà konkluża li huwa jkun beda għall-klijent tiegħu. Barra minn dan, sabiex jiġu rkuprati tali ħlasijiet, huwa ma għandu ebda obbligu, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, li jressaq tali azzjoni, u jista’, għall-kuntrarju, jagħżel liberament bejn din u proċedura ġudizzjarja dikjarattiva jew ta’ inġunzjoni għal ħlas.

 

32      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’ċerti ċirkustanzi, fuq id-domandi preliminari li jkunu ġew imressqa quddiemha minn korpi ta’ rinviju li l-ġurisdizzjoni tagħhom, minkejja li tkun fakultattiva, ma tiddependix madankollu mill-ftehim tal-partijiet u li d-deċiżjonijiet tagħhom kienu vinkolanti għalihom, bħalma huwa preċiżament il-każ tas-Secretario Judicial (reġistratur) fil-kuntest tal-azzjonijiet tal-ħlasijiet tal-onorarji (ara d-digriet tat-13 ta’ Frar 2014, Merck Canada, C-555/13, EU:C:2014:92, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C-377/13, EU:C:2014:1754, punt 28, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C-203/14, EU:C:2015:664, punt 23).

 

33      Madankollu, huwa stabbilit li dawn il-korpi ta’ rinviju, huma kklassifikati bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, mill-Qorti tal-Ġustizzja, u eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, konformement mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ proċeduri li għandhom natura kompletament ġudizzjarja.

 

34      Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn, skont l-Artikolu 34(2) u tal-Artikolu 35(2) tal-LEC, din l-azzjoni hija fil-periferija tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali. Fil-fatt, minn naħa, il-ftuħ tal-imsemmija azzjoni ma tipprekludix, minħabba lis pendens, azzjoni indipendenti quddiem qorti jew tribunal ta’ dritt komuni f’proċedura dikjarattiva jew inġunzjoni għal ħlas, u lanqas għal motiv ta’ inammissibbiltà tal-motivi li jistgħu jiġu mqajma, parallellament jew suċċessivament quddiem tali qorti jew tribunal, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni motivata li tagħlaq din l-azzjoni tidher li hija din it-tip ta’ azzjoni amministrattiva, peress li, filwaqt li hija definittiva u immedjatament eżegwibbli mingħajr possibbiltà ta’ appell, hija ma tistax tikseb l-attributi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, b’mod partikolari l-awtorità ta’ res judicata (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou, C-363/11, EU:C:2012:825, punti 27 u 28).

 

35      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kif ġie indikat mill-korp ta’ rinviju fit-tielet domanda tiegħu u kif ikkonstata t-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali) fis-Sentenza Nru 58/2016 tas-17 ta’ Marzu 2016, azzjoni għall-ħlas tal-onorarji bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt proċedura li għandha natura amministrattiva, fil-kuntest ta’ liema s-Secretario Judicial ma jistax jiġi kkunsidrat li qed jeżerċita funzjoni ġudizzjarja.

 

36      Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li s-Secretario Judicial (reġistratur) ma jissodisfax il-kriterju ta’ indipendenza stabbilit fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

 

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza ta’ korp ta’ rinviju jimplika żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jippreżumi li l-qorti teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal xi korp ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn xi ħadd ikun min ikun (ara, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C-58/13 u C-59/13, EU:C:2014:2088, punt 22, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C-203/14, EU:C:2015:664, punt 19), b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha (ara, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, EU:C:2006:587, punt 51; tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C-222/13, EU:C:2014:2265, punt 30, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C-203/14, EU:C:2015:664, punt 19).

 

38      It-tieni aspett, intern, jissieħeb mal-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali. (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, EU:C:2006:587, punt 52; tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C-222/13, EU:C:2014:2265, punt 31, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C-203/14, EU:C:2015:664, punt 20).

 

39      F’dan il-każ, huwa ċertament minnu li, meta s-Secretario Judicial (reġistratur) jeżamina l-azzjonijiet tal-ħlasijiet tal-onorarji, jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza kkunsidrat fl-aspett tiegħu intern, billi jwettaq id-dmirijiet tiegħu fl-osservanza sħiħa tal-oġġettività u tal-imparzjalità fir-rigward tal-partijiet għat-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fiha.

 

40      Madankollu, huwa stabbilit ukoll li, matul l-imsemmi eżami, is-Secretario Judicial (reġistratur) ma jissodisfax dan ir-rekwiżit ikkunsidrat taħt l-aspett estern tiegħu, li jeħtieġ l-assenza ta’ rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe entità li tista’ tagħtih ordnijiet jew istruzzjonijiet.

 

41      Fil-fatt, kif jirrileva l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu, minn qari tal-Artikolu 452(1) tal-Artikolu 465(6) u (8) u tal-Artikolu 467 tal-LOPJ, kif ukoll tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 16(h), tad-Digriet Irjali Nru 1608/2005 li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet kollha tiegħu, is-Secretario Judicial jirċievi, u huwa obbligat li josserva, l-istruzzjonijiet tas-superjur ġerarkiku tiegħu, salv meta huwa jeżerċita l-kompetenzi li jirrigwardaw il-fiduċja pubblika ġudizzjarja, jiġifieri matul l-awtentikazzjoni tal-atti u ta’ dokumenti ta’ proċedura kif ukoll matul iċ-ċertifikazzjoni tal-fatti li jipproduċi effetti proċedurali, fejn ikun adotta atti ta’ organizzazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-kawża. Għalhekk mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni Spanjola, is-Secretario Judicial (reġistratur) huwa msejjaħ sabiex jieħu konjizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-osservanza tal-prinċipji ta’ unità ta’ azzjoni u ta’ issuġġettar ġerarkiku.


42      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, li, fil-kuntest tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, i-Secretario Judicial (reġistratur) ma jikkostitwixxix “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u dan mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan il-korp jissodisfa l-kriterji l-oħra, elenkati fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jippermettu l-evalwazzjoni ta’ din in-natura. Is-Secretario Judicial (reġistratur), konsegwentement, ma huwiex awtorizzat li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tordna l-qbid tas-somma dovuta, li għandha teżamina, jekk ikun hemm bżonn ex officio, l-eventwali natura abbużiva ta’ klawżola kuntrattwali li tissemma fil-kuntratt konkluż bejn l-aġent jew avukat u l-klijent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C-32/14, EU:C:2015:637, punt 59, u tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C-49/14, EU:C:2016:98, punt 55), li għandu, jekk ikun il-każ, jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din it-talba.

 

43      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari fformulata mis-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (reġistratur tal-qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa).

 

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domandi magħmula mis-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (reġistratur tal-qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa, Spanja).

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.