Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2011 minn ThyssenKrupp Elevator (CENE) GmbH, li kienet ThyssenKrupp Aufzüge GmbH, u minn ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta' Lulju 2001 fil-Kawżi magħquda T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-503/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: ThyssenKrupp Elevator (CENE) GmbH, li kienet ThyssenKrupp Aufzüge GmbH, u ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH (rappreżentant: K. Blau-Hansen, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta' Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07 (ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea), sa fejn tiċħad ir-rikors u sa fejn tikkonċerna lill-appellanti;

sussidjarjament, tkompli tnaqqas b'mod raġonevoli l-multa imposta fuq l-appellanti permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta' Frar 2007;

iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni ġdida;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti jikkontestaw is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta' Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-147/07 et (ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea), sa fejn dik is-sentenza tiċħad ir-rikors ippreżentat fis-7 ta' Mejju 2007 kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2007) 512 finali, tal-21 ta' Frar 2007 (Każ COMP/E-1/38.823 - Liftijiet u Eskalejters) u sa fejn tikkonċerna lill-appellanti.

L-appellanti jinvokaw, f'total ta' erba' aggravji, in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni, ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, ksur tat-Trattat KE, tat-Trattat FUE u tad-dispożizzjonijiet legali li jimplementawhom, kif ukoll użu ħażin tal-poter u ksur tad-drittijiet fundamentali.

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonfermat, b'mod legalment żbaljat, il-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tal-proċedura. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali kien imissha annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba li l-Artikolu 101 TFUE (li kien l-Artikolu 81 KE) ma kienx japplika fid-dawl tal-fatt li l-ksur lokali kkonstatat ma kellux implikazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, meta l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Artikolu 101 TFUE kien applikabbli, hija kien imissha kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, skont il-Komunikazzjoni dwar in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, il-kompetenza tal-Kummissjoni hija suġġetta għas-sistema ta' kompetenzi paralleli stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003 1. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra li l-ftuħ sussegwenti ta' proċeduri min-naħa tal-Kummissjoni jammonta għal ksur tal-prinċipji ġenerali ta' ċertezza legali u ta' legalità fejn jidħlu s-sanzjonijiet, prinċipji protetti bħala drittijiet fundamentali.

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonfermat, b'mod legalment żbaljat, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm lill-appellanti responsabbli in solidum filwaqt li tieħu bħala bażi l-volum tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp ThyssenKrupp AG. B'hekk, is-sentenza tikser l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, il-prinċipju tal-istat tad-dritt kif espress fil-prinċipju nulla poena sine lege, il-prinċipju tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet, il-prinċipju in dubio pro reo u l-prinċipju ta' responsabbiltà. Skont l-appellanti, is-sentenza hija vvizzjata minn żball ta' liġi sa fejn hija bbażata fuq il-preżunzjoni li, għal finijiet ta' responsabbiltà, kumpannija sussidjarja tifforma, flimkien mal-kumpannija parent tagħha (u ma' kumpanniji oħra fil-grupp), entità waħda fil-forma ta' unità ekonomika. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta' responsabbiltà sa fejn timponi multa in solidum fuq l-appellanti flmkien mal-kumpanniji parent tagħhom. Sussidjarjament, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kkonfermat ir-responsabbiltà in solidum sa fejn naqset milli tistabbilixxi livelli ta' responsabbiltà fir-relazzjoni interna.

Fit-tielet lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma ssodisfatx l-obbligu legali tagħha li twettaq stħarriġ eżawrjenti, u dan sa fejn eżaminat b'mod insuffiċjenti biss in-natura sproporzjonata tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku u tal-multiplikatur dissważiv u n-nuqqas ta' rikonoxximent min-naħa tal-Kummissjoni tal-kollaborazzjoni tal-appellanti, b'tali mod li kisret id-dritt għal smigħ xieraq u l-garanzija ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tagħmel parti minn dan id-dritt.

Fir-raba' lok, qiegħed jiġi allegat ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u tal-prinċipju ta' trattament ugwali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku għall-ksur li jikkorrispondi għall-Ġermanja sa fejn, fid-determinazzjoni ta' dan l-ammont, ġie inkluż il-volum tad-dħul mill-bejgħ minn prodotti li ma kinux involuti fil-ksur, u dan minkejja li raġunijiet imperattivi jipprekludu dan. F'dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni ġustament differenzjata fir-rigward ta' Schindler iżda naqset, b'mod żbaljat fil-liġi, milli tagħmel tali distinzjoni anki fir-rigward tal-appellanti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).