Language of document : ECLI:EU:T:2012:98

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Marzu 2012 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Settur finanzjarju — Għajnuna maħsuba sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Kontribuzzjoni ta’ kapital bl-għażla mogħtija lill-benefiċjarju tal-għajnuna bejn ir-rimbors jew il-konverżjoni tat-titoli — Tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors matul il-proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Vantaġġ — Kriterju ta’ investitur privat — Rabta neċessarja u proporzjonata bejn l-ammont tal-għajnuna u l-portata tal-miżuri maħsuba sabiex tiġi permessa l-kompatibbiltà tal-għajnuna”

Fil-Kawżi konġunti T‑29/10 u T‑33/10,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, Y. de Vries u M. de Ree, bħala aġenti, assistiti minn P. Glazener, avukat,

rikorrenti fil-kawża T-29/10,

ING Groep NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentata minn O. Brouwer, M. Knapen u J. Blockx, avukati, sussegwentement minn Brouwer, Blockx u M. O’Regan, solicitor,

rikorrenti fil-kawża T-33/10,

sostnuta minn

De Nederlandsche Bank NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentata minn B. Nijs u G. van der Klis, sussegwentement minn van der Klis, M. Petite u S. Verschuur u, finalment, minn Petite u Verschuur, avukati,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet, L. Flynn u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/608/KE, tat-18 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 10/09 (ex N 138/09) implimentata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-faċilità ta’ sostenn ta’ assi mhux likwidi u l-pjan ta’ ristrutturar tal-ING (ĠU 2010, L 274, p. 139),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, S. Frimodt Nielsen (Relatur) u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti fil-kawża T-33/10, ING Groep NV (iktar ’il quddiem, “ING”), hija istituzzjoni finanzjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Amsterdam (Il-Pajjiżi l-Baxxi) u li toffri servizzi bankarji, ta’ investiment, ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta’ pensjoni tal-irtirar, lil individwi, lil kumpanniji u lil klijenti istituzzjonali f’iktar minn 40 pajjiż. ING hija komposta minn żewġ entitajiet ġuridiċi prinċipali, jiġifieri ING Bank NV (iktar ’il quddiem, “ING Bank”) u ING Verzekeringen NV (iktar ’il quddiem, “ING Insurance”). Fl-aħħar tas-sena 2008, il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata ta’ ING kien ta’ EUR 1 332 biljun, li minnu iktar minn 75 % kien provenjenti mill-attivitajiet bankarji tagħha (premessa 12 tad-Deċiżjoni 2010/608/KE, tat-18 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 10/09 (ex N 138/09) implimentata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-faċilità ta’ sostenn ta’ assi mhux likwidi u l-pjan ta’ ristrutturar tal-ING (ĠU 2010, L 274, tad-19 ta’ Ottubru 2010, p. 139, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Sabiex tinftiehem sewwa l-kwistjoni, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġu ppreżentati fil-qosor il-miżuri ta’ għajnuna differenti mogħtija lil ING mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bil-għan li jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ dan il-pajjiż minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija, fit-tieni lok, li jiġu indikati l-istadji kronoloġiċi prinċipali tal-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ dawn il-miżuri u, fit-tielet lok, li jiġi espost il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, partikolarment fir-rigward tal-elementi l-iktar rilevanti għall-eżami ta’ dawn ir-rikorsi.

1.     Miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil ING

3        Mill-punt 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ING ibbenefikat minn tliet miżuri ta’ għajnuna mingħand ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri kontribuzzjoni ta’ kapital (iktar ’il quddiem, l-“ewwel miżura ta’ għajnuna” jew il-“kontribuzzjoni ta’ kapital”), miżura relatata ma’ attivi ddepprezzati (iktar ’il quddiem, it-“tieni miżura ta’ għajnuna” jew il-“miżura relatata ma’ attivi ddepprezzati), imsejħa wkoll faċilità ta’ sostenn ta’ “assi mhux likwidi”, u diversi garanziji mogħtija fuq elementi ta’ passiv fuq medda medja ta’ żmien (iktar ’il quddiem, it-“tielet miżura ta’ għajnuna”).

4        L-ewwel miżura ta’ għajnuna kienet tikkonsisti f’żieda fil-kapital imwettqa fil‑11 ta’ Novembru 2008, bil-ħruġ ta’ biljun titolu ING li ma jagħtux id-dritt la għal vot u lanqas id-dritt għal dividendi interament sottoskritti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bi prezz tal-ħruġ ta’ EUR 10 għal kull titolu. Din it-tranżazzjoni ppermettiet lil ING li żżid il-kapital bażiku tagħha msejjaħ “Core Tier 1” (kategorija 1) b’EUR 10 biljun. Abbażi tal-kundizzjonijiet tar-rimbors inklużi fil-ftehim tal-għoti tal-kapital konkluż f’dan ir-rigward bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING, it-titoli kellhom, fuq inizjattiva ta’ ING, jew jinxtraw mill-ġdid bi EUR 15 għal kull titolu (li jirrappreżenta ħlas addizzjonali ta’ rimbors ta’ 50 % fuq il-prezz tal-ħruġ), jew, wara tliet snin, jiġu kkonvertiti f’azzjonijiet ordinarji. Jekk ING tieħu l-għażla tal-konverżjoni, l-awtoritajiet Olandiżi madankollu jkollhom il-fakultà li jiksbu minn ING ix-xiri mill-ġdid tat-titoli bil-prezz unitarju ta’ EUR 10, flimkien mal-interessi li jkunu akkumulaw. Ċedola fuq it-titoli titħallas fil-Pajjiżi l-Baxxi biss f’każ li ING tħallas dividend fuq l-azzjonijiet ordinarji.

5        Sussegwentement, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING emendaw il-kundizzjonijiet tar-rimbors għal parti mill-kontribuzzjoni ta’ kapital. Il-modalitajiet il-ġodda kienu jipprovdu li ING tista’ tixtri mill-ġdid sa 50 % mit-titoli bil-prezz tal-ħruġ tagħhom, miżjud bl-interessi li jkunu akkumulaw fir-rigward taċ-ċedola annwali ta’ 8.5 % u bi ħlas addizzjonali ta’ rimbors antiċipat (imsejjaħ ukoll “penali ta’ rimbors antiċipat”) jekk il-prezz tal-azzjonijiet tal-ING ikun ta’ iktar minn EUR 10. Dan il-ħlas addizzjonali seta’ jilħaq l-ammont massimu ta’ EUR 705 miljun u kien jikkonsisti f’ammont ta’ mill-inqas EUR 340 miljun, li jiżgura rata minima ta’ qligħ intern ta’ 15 %.

6        Fil-21 ta’ Diċembru 2009, ING xtrat mill-ġdid 50 % mit-titoli tagħha maħruġa fil-kuntest taż-żieda tal-kapital imwettqa fil-11 ta’ Novembru 2008, għal ammont li jikkorrispondi għall-prezz tal-ħruġ ta’ dawn it-titoli, flimkien ma’ ċedola ta’ 8.5 % u ħlas addizzjonali ta’ rimbors antiċipat qrib l-ammont minimu, b’tali mod li l-qligħ totali miksub mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mid-data tal-ħruġ tagħhom laħaq ir-rata minima ta’ qligħ intern ta’ 15 %. L-għażliet ta’ rimbors u ta’ konverżjoni ta’ titoli oħra maħruġa fil-kuntest tal-imsemmija żieda tal-kapital baqgħu l-istess.

7        It-tieni miżura ta’ għajnuna kienet tikkonsisti f’miżura ta’ skambju tal-flussi tal-kontanti fir-rigward tal-attivi ddepprezzati li jikkonċernaw portafoll imsejjaħ “Alt-A” ta’ titoli msejsa fuq ipoteki residenzjali mogħtija lill-Istati Uniti li l-valur tagħhom kien waqa’ b’mod kunsiderevoli.

8        It-tielet miżura ta’ għajnuna tikkonsisti f’garanziji fuq obbligi assunti minn ING li jammontaw għal 9 biljun dollaru Amerikan (li minnhom diġà kienu nħarġu 8.25 biljun) u għal EUR 5 biljun (li minnhom diġà kienu nħarġu 4.15 biljun). Dawk il-garanziji ngħataw mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bi ħlas ta’ kummissjoni.

2.     Proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw dawn il-miżuri ta’ għajnuna

9        Fit-22 ta’ Ottubru 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifika lill-Kummissjoni bl-ewwel miżura ta’ għajnuna (Każ N 528/08).

10      Fit-12 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 6936, fil-Każ N 528/08, li tirrigwarda għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil ING (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni inizjali”). F’din id-deċiżjoni, hija kkunsidrat, wara analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni “l-kunsiderazzjonijiet ta’ politika pubblika u l-bżonnijiet ta’ ING”, li jimmotivaw l-intervent tal-Istat Olandiż, u “kunsiderazzjonijiet oħra li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-investitur privat”, li x-xiri mill-Istat Olandiż ta’ titoli tal-ING kien jinkludi element ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessi 36 sa 51 tad-deċiżjoni inizjali). Madankollu, il-Kummissjoni rrilevat li din il-miżura kienet konformi mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3)(b) KE sa fejn din kienet intiża sabiex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija (premessi 52 sa 70 tad-deċiżjoni inizjali). Konsegwentement, hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-imsemmija miżura u approvatha, bħala miżura ta’ urġenza fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, għal perijodu ta’ sitt xhur. Il-Kummissjoni indikat ukoll li din il-miżura kienet ser tiġi eżaminata mill-ġdid meta jiskadi l-imsemmi perijodu ta’ sitt xhur bil-għan b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk tali miżura tistax tiżgura l-vijabbiltà ta’ ING fuq medda twila ta’ żmien. Fl-aħħar nett, hija ppreċiżat li, jekk l-awtoritajiet Olandiżi jressqu pjan kredibbli f’dan ir-rigward f’dan il-perijodu ta’ sitt xhur (iktar ’il quddiem, il-“pjan ta’ ristrutturazzjoni”), il-validità tad-deċiżjoni inizjali tiġi estiża awtomatikament sakemm hija tadotta deċiżjoni fuq dan il-pjan (premessi 71 sa 74 tad-deċiżjoni inizjali).

11      Fl-4 ta’ Marzu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifika lill-Kummissjoni bit-tieni miżura ta’ għajnuna (Każ C 10/09, ex N 138/2009).

12      Fis-17 ta’ Marzu 2009, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ING u De Nederlandsche Bank NV (iktar ’il quddiem, “DNB”), il-bank ċentrali tal-Pajjiżi l-Baxxi, li huwa wkoll l-awtorità ta’ sorveljanza tal-banek u tal-kumpanniji ta’ assigurazzjonijiet Olandiżi. Waqt din il-laqgħa, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li hija kienet tikkunsidra li kien neċessarju pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ portata kunsiderevoli sabiex hija tkun tista’ tawtorizza b’mod definittiv il-miżura ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital u l-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati.

13      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ĠU C 158, p. 13, iktar ’il quddiem, “id-deċiżjoni ta’ ftuħ”), minħabba dubji dwar il-konformità ta’ ċerti aspetti tal-miżura relatata ma’ attivi ddepprezzati mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna t-trattament tal-attivi ddepprezzati fis-settur bankarju (ĠU 2009, C 72, p. 1). Madankollu, din il-miżura ġiet awtorizzata għal perijodu ta’ sitt xhur (punt VI tad-deċiżjoni ta’ ftuħ). Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, jissemma wkoll li l-Istat Olandiż impenja ruħu li sa mhux iktar tard mit-12 ta’ Mejju 2009, huwa jippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni li jkopri kemm il-miżura ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital kif ukoll il-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati (premessa 83 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ).

14      Fl-24 ta’ April 2009, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ING u DNB. Waqt din il-laqgħa, il-Kummissjoni indikat li l-miżuri ta’ għajnuna msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq ma kinux ser jiġu approvati jekk ING ma kinitx disposta li taċċetta miżuri importanti fil-qasam tar-ristrutturazzjoni bil-għan li tiġi rrestawrata l-vijabbiltà tagħha u li jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li ġew ikkawżati (iktar ’il quddiem, il-“miżuri kumpensatorji”). B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li ING kellha tiġi ssuġġettata għal projbizzjoni fir-rigward tal-akkwisti, taċċetta obbligu fil-qasam tal-leadership fuq il-prezzijiet u li tiddisponi minn attivi li jmorru lil hinn minn dawk li kienu previsti minn ING, li fosthom hemm b’mod partikolari l-azzjonijiet tagħha fi tliet entitajiet: bank li jopera fil-Pajjiżi l-Baxxi, entità li topera fl-Istati Uniti u entità li topera fl-Ewropa.

15      Fit-12 ta’ Mejju 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni li jikkonċerna lill-ING. Dan il-pjan kien strutturat b’mod konformi ma’ skema kkomunikata mill-Kummissjoni fit-2 ta’ April 2009 u kien jinkludi proposta tal-ING li jitnaqqas il-valur tal-karta tal-bilanċ tagħha b’ammont ikkunsidrat bħala sinjifikattiv meta mqabbel mal-valur tal-karta tal-bilanċ kkonstatat fit-30 ta’ Settembru 2008. ING ikkunsidrat li ma kinux neċessarji miżuri kumpensatorji addizzjonali peress li l-miżuri ta’ għajnuna msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq ma kinux iwasslu għal distorsjonijiet identifikabbli tal-kompetizzjoni. Dan il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ġie kkompletat permezz ta’ informazzjoni addizzjonali ppreżentata fis-7 ta’ Lulju 2009. F’din l-okkażjoni, ING ippreżentat argumentazzjoni ddettaljata sabiex issostni d-dikjarazzjoni tagħha li ma kienx hemm distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

16      Fl-14 ta’ Lulju 2009, saret l-ewwel laqgħa bejn il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ING u DNB sabiex jiġi diskuss il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentat fit-12 ta’ Mejju 2009. Il-Kummissjoni tat bidu għal dik il-laqgħa permezz ta’ preżentazzjoni tal-elementi li hija kienet tikkunsidra bħala neċessarji sabiex tapprova dan il-pjan. Waqt din il-preżentazzjoni, intitolata “Kuntest ta’ ristrutturazzjoni għall-ING — Preżentazzjoni tal-bidu”, hija indikat b’mod partikolari, fl-ewwel lok, li dan il-pjan ma kienx pjan kredibbli, fit-tieni lok, li fin-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-imsemmi pjan mid-dipartimenti tagħha l-miżura ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital u l-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna illegali li jkollha tiġi rkuprata u, fit-tielet lok, li tali approvazzjoni kellha ssir mhux iktar tard min-nofs Awwissu 2009 bil-għan li tkun tista’ tingħata deċiżjoni fl-aħħar tax-xahar ta’ Settembru 2009. Hija pprevalixxiet ruħha wkoll minn din il-preżentazzjoni sabiex tipprovdi, taħt it-titolu “Il-qofol tal-qafas ta’ ristrutturazzjoni huwa stabbilit”, sinteżi ddettaljata tal-miżuri kumpensatorji li hija kienet tikkunsidra bħala neċessarji. Fost il-miżuri kumpensatorji mitluba mill-Kummissjoni, kien hemm projbizzjoni sħiħa fir-rigward ta’ kull akkwist, projbizzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-prezzijiet fis-settur bankarju bl-imnut fil-Pajjiżi l-Baxxi u trasferimenti kbar ta’ attivi fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Belġju u fil-livell tal-grupp.

17      Fil-31 ta’ Lulju 2009, DNB bagħtet ittra lill-Kummissjoni bil-għan li tinformaha bl-obbligi legali tagħha skont il-liġi Olandiża fil-qasam tar-regolazzjoni u tas-sorveljanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’din l-ittra, hija invokat ukoll id-dritt tal-Unjoni Ewropea, sa fejn hija tikkontribwixxi, permezz tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), lejn l-iżvolġiment tajjeb tal-politika mwettqa fir-rigward tal-istħarriġ prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (fis-sens tal-Artikolu 105(5) KE). F’dan il-kuntest, hija indikat li, skont il-liġi Olandiża, hija kellha tagħti “dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni” (Verklaring van geen bezwaar) għal kull miżura sinjifikattiva ta’ riorganizzazzjoni finanzjarja li tikkonċerna lil ING b’kont meħud, b’mod partikolari, tal-importanza ta’ dan l-istabbiliment għall-ekonomija Olandiża u tan-neċessità li din tal-aħħar ikollha kapital suffiċjenti sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha. Finalment, DNB informat lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħha li tevita kull sitwazzjoni fejn din tal-aħħar ikollha timponi miżuri kontradittorji fil-konfront ta’ ING fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni prevista.

18      Fil-5 ta’ Awwissu 2009, saret it-tieni laqgħa bejn il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ING u DNB sabiex jiġi diskuss il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentat minn ING. Matul din il-laqgħa, ING indikat ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-pjan ta’ ristrutturazzjoni propost fit-12 ta’ Mejju 2009 kellu jiġi aċċettat mill-Kummissjoni. B’risposta, il-Kummissjoni rrepetiet li hija tikkunsidra li dan il-pjan kien insuffiċjenti.

19      Fl-10 ta’ Awwissu 2009, ING, minn naħa, u DNB, min-naħa l-oħra, ippreżentaw formalment lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati li kienet is-suġġett tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (Każ C 10/09, ex N 138/09). DNB irrilevat li l-Kummissjoni ma talbitx osservazzjonijiet fir-rigward tal-miżura relatata mal-kontribuzzjoni ta’ kapital u ppreċiżat li f’każ li l-Kummissjoni tinvestiga b’mod iktar fil-fond din il-miżura, hija jkollha osservazzjonijiet x’tippreżenta, minħabba r-rwol tagħha ta’ awtorità ta’ sorveljanza. Hija ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li, fl-opinjoni tagħha, il-proċedura preliminari ta’ eżami ta’ miżura ta’ għajnuna ma kinitx adatta għall-impożizzjoni ta’ miżuri kumpensatorji, peress li din ma kinitx tippermetti lil terzi interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet adegwati. Fir-rigward tal-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati per se, DNB indikat essenzjalment li ING kienet impriża vijabbli li kellha bżonn għajnuna tal-Istat Olandiż biss minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija, li l-elementi relatati mal-valur tal-portafoll akkwistat u mar-remunerazzjoni tal-Istat Olandiż kienu ġew evalwati korrettament, li ma kienx hemm lok li jingħata ħlas addizzjonali ta’ garanzija u li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni li kien ġie ppreżentat kien konformi ma’ dak li kien mistenni fis-sitwazzjoni preżenti.

20      Fit-13 ta’ Awwissu 2009, ING ippreżentat quddiem il-Kummissjoni, bis-saħħa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, pjan ġdid ta’ ristrutturazzjoni. F’dan ir-rigward ING indikat li din il-proposta kienet iddettata mill-volontà li tiġi evitata l-possibbiltà li l-Kummissjoni tressaq l-azzjoni għall-irkupru tal-kontribuzzjoni ta’ kapital li hija kienet iddikjarat jekk ma jiġix ippreżentat quddiemha pjan kredibbli qabel nofs Awwissu 2009 u mill-fatt li l-Kummissjoni setgħet timponi fuqha b’mod unilaterali kull rekwiżit fil-qasam tar-ristrutturazzjoni li hija tqis xieraq li jiġi impost. Dan il-pjan ġdid kien ibbażat fuq it-talbiet tal-Kummissjoni u kien jipprevedi diversi trasferimenti ta’ attivi li jwasslu għal tnaqqis tal-karta tal-bilanċ tagħha li jirrappreżenta iktar mid-doppju tal-valur propost qabel. Bħala possibbiltà oħra minbarra t-trasferiment tal-azzjonijiet tagħha fit-tliet entitajiet imsemmija mill-Kummissjoni, ING ipprevediet li tittrasferixxi waħda minn dawn l-entitajiet, dik li topera fl-Istati Uniti, kif ukoll entità oħra li twettaq l-attività prinċipali tagħha ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi.

21      Fil-15 ta’ Awwissu 2009, DNB informat lill-Kummissjoni li l-konsegwenzi prudenzjali għal ING tat-trasferiment tal-bank li jopera fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kien ġie ssuġġerit mill-Kummissjoni, kienu tali li kien improbbabli ħafna li ING tikseb minn DNB dikjarazzjoni min-naħa tagħha li tindika li hija ma kellhiex oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

22      Fit-18 ta’ Awwissu 2009, l-Istat Olandiż bagħat lil ING kopja ta’ messaġġ elettroniku li huwa kien irċieva mingħand, N. Kroes, membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni, li fiha din tal-aħħar indikat kif kien possibbli li jinkiseb riżultat sodisfaċenti mill-perspettiva tagħha. Fl-ewwel lok, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni kien tal-opinjoni li “ING ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala bank fundamentalment sod fir-rigward tal-proċeduri ta’ eżami tal-għanjuna mill-Istat”, peress li ING kienet irċiviet l-għajnuna fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni u ta’ miżura relatata mal-attivi ddepprezzati li jirrappreżentaw iktar minn 2 % mill-attivi tagħha mwieżna skont ir-riskju (risk weighted assets, iktar ’il quddiem, ir-“RWA”). Fit-tieni lok, din il-persuna rrilevat in-nuqqas ta’ qbil li għadu jeżisti bejn il-partijiet fir-rigward tal-valutazzjoni tal-valur tal-portafoll imsejjaħ “Alt-A” u l-livell ta’ remunerazzjoni li għandu jingħata lill-Istat Olandiż. Fit-tielet lok, hija indikat li kellu jinkiseb iktar progress fir-rigward tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li l-proposta ta’ trasferiment minn ING tal-attività prinċipali tagħha ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet fid-direzzjoni t-tajba, iżda li kien hemm in-neċessità li jsir iktar. Fl-opinjoni tagħha, il-punt essenzjali kien jikkonċerna, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrimedjati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq is-suq bankarju bl-imnut fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan ir-rigward, hija nnotat li, fid-dawl tal-pożizzjoni b’saħħitha ħafna ta’ ING fuq is-suq, li kien ikkonċentrat, ma kienet teżisti l-ebda soluzzjoni oħra ħlief li jsiru trasferimenti ta’ attivi ta’ portata kbira bil-għan li ssir vijabbli l-wasla ta’ attur ġdid. Fl-aħħar nett, hija indikat li, “sakemm ma jinkisibx progress ċert din il-ġimgħa, ma jkunx possibbli li tingħata deċiżjoni pożittiva fl-aħħar tax-xahar ta’ Settembru”.

23      Fil-21 ta’ Awwissu 2009, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni bagħat ittra lil DNB bil-għan li tindikalha, b’risposta għall-ittra tagħha tal-31 ta’ Lulju 2009, li n-neċessità li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja kienet partikolarment importanti għall-Kummissjoni u li l-opinjonijiet espressi fuq dan il-punt mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni, din il-persuna madankollu fakkret li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-effetti fuq is-suq komuni. Fl-aħħar nett hija indikat li kienet ħadet nota tal-osservazzjonijiet mibgħuta minn DNB fir-rigward tal-Każ C 10/09 (ex N 138/09).

24      Fl-1 ta’ Settembru 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta quddiem il-Kummissjoni rapport ta’ perizja ekonomika fuq il-kompetizzjoni tas-suq Olandiż bankarju bl-imnut u tal-assigurazzjoni, ibbażat fuq data reċenti u li jikkonferma, skont l-awturi tiegħu, id-dikjarazzjoni li s-suq bankarju, għalkemm relattivament kkonċentrat, kien kompetittiv u effiċjenti.

25      Fit-8 ta’ Settembru 2009, wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta proposta ta’ trasferiment differenti fir-rigward tas-suq bankarju fil-Pajjiżi l-Baxxi. Minflok il-bank li jopera fil-Pajjiżi l-Baxxi, ING tittrasferixxi bank ipotekarju, jiġifieri Westland Utrecht Hypotheekbank (iktar ’il quddiem, il-“WUH”), u l-attivitajiet kollha ta’ Interadvies, waħda mill-entitajiet tagħha taħt l-awspiċi ta’ Nationale Nederlanden. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-14 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni indikat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li din il-proposta għaliha kienet kjarament insuffiċjenti.

26      Fil-15 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni estendiet l-awtorizzazzjoni tal-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fil-25 ta’ Settembru 2009, DNB bagħtet ittra lill-Kummissjoni bil-għan li tispjegalha r-raġunijiet kollha li jippermettulha li tikkonkludi, bħala awtorità ta’ sorveljanza tal-attivitajiet finanzjarji ta’ ING, li din l-impriża kienet vijabbli fuq il-livell finanzjarju kemm qabel kif ukoll wara l-kisba tal-għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dehrilha li din il-preċiżjoni kienet neċessarja sa fejn DNB kienet tixtieq li tevita li l-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod inopportun fuq din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ eżami li jikkonċerna r-regoli tal-kompetizzjoni.

28      Fis-6 ta’ Ottubru 2009, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni bagħat messaġġ elettroniku lil ING bil-għan b’mod partikolari li jiċċara l-istat tad-diskussjonijiet dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni. F’dan ir-rigward, din il-persuna ssuġġerixxiet diversi alternattivi bil-għan li tinkiseb soluzzjoni, fosthom iż-żieda tar-remunerazzjoni tal-Istat Olandiż bħala korrispettiv għall-miżura relatata ma’ attivi ddepprezzati jew it-trasferiment ta’ entità ta’ ING li topera fil-Ġermanja minbarra dik ta’ WUH/Interadvies. Finalment hija rrilevat li jekk ING ma tiħux il-proċedura bis-serjetà, il-Kummissjoni ma jkollha l-ebda alternattiva oħra ħlief li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond u li ING tkun ukoll “tilfet l-opportunità tagħha”.

29      Fit-12 ta’ Ottubru 2009, ING ippreżentat quddiem il-Kummissjoni, bis-saħħa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, pjan ta’ ristrutturazzjoni ieħor. Filwaqt li jsostni l-opinjoni diverġenti tal-ING fuq diversi aspetti u filwaqt li jenfasizza l-intenzjoni tagħha li ma tippreżentax miżuri oħra ta’ tħassir ta’ investimenti, b’mod speċjali fis-suq domestiku tagħha, dan il-pjan kien jirreferi, għal diversi drabi, għall-proposti esposti mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2009. B’mod partikolari dan il-pjan kien jipprevedi diversi trasferimenti li jwasslu għal tnaqqis tal-karta tal-bilanċ ta’ ING b’45 %, jiġifieri kważi tliet darbiet iktar minn dak li ġie propost fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentat fit-12 ta’ Mejju 2009, projbizzjoni fir-rigward ta’ kull akkwist u obbligi komportamentali, kif rikjesti mill-Kummissjoni.

30      Fis-16 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni talbet lil ING u lil DNB biex jirtiraw l-osservazzjonijiet li kienu ġew ippreżentati fl-10 ta’ Awwissu 2009 fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE (Każ C 10/09, ex N 138/09).

31      Fil-21 ta’ Ottubru 2009, ING bagħtet ittra lill-Kummissjoni bil-għan li tindikalha li hija kienet taċċetta t-talba tal-Kummissjoni li tirtira l-osservazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq sabiex hija tkun tista’ minn dakinhar sat-18 ta’ Novembru 2009 tadotta deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. Madankollu, f’din l-ittra, ING irrilevat li din il-kumpannija tibqa’ tal-opinjoni li l-ispiża tal-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati kienet ġiet evalwata b’mod korrett. B’risposta, il-Kummissjoni indikat permezz ta’ messaġġ elettroniku li hija ma setgħetx taċċetta ittra mingħand ING li tindika li kienet hi li talbet l-irtirar tal-osservazzjonijiet. Il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kellha bżonn ta’ ittra li tindika sempliċement li ING irtirat l-osservazzjonijiet tagħha, peress li tali osservazzjonijiet ma kinux iktar rilevanti fid-dawl tal-ftehim u tad-deċiżjoni mistennija (“We need a letter that simply states that ING is withdrawing its observations because they are [no] longer valid in view of the settlement and the expected decision”). Biex tikkonkludi, il-Kummissjoni rrilevat li ma huwa ser jittieħed l-ebda pass fir-rigward tal-proċess deċiżjonali qabel ma hija tkun irċeviet tali ittra (“Once again, I will not start the decision process before I have not [sic] received such a letter”). Wara dan il-messaġġ elettroniku, ING bagħtet ittra ġdida fil-21 ta’ Ottubru 2009 sabiex tirrispondi għat-talbiet tal-Kummissjoni.

32      Fl-istess jum, DNB ukoll bagħtet ittra lill-Kummissjoni bil-għan li tindikalha li hija taċċetta li tirtira l-osservazzjonijiet tagħha, fuq it-talba tal-Kummissjoni, sa fejn din tal-aħħar tikkunsidra li dan l-irtirar huwa neċessarju sabiex tkun tista’ tasal għal soluzzjoni b’mod tempestiv fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ kapital u tal-faċilità ta’ sostenn tal-“attivi mhux likwidi”. DNB irrilevat li, għalkemm hija tkompli ssostni l-argumenti ppreżentati fl-osservazzjonijiet tagħha, hija kienet lesta li tirtirhom peress li dan jippermetti li tinġieb fi tmiemha l-inċertezza li kienet qiegħda taffaċċja ING u għaldaqstant huwa fl-interess tal-istabbiltà finanzjarja. L-għada, wara talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens, DNB bagħtet ittra oħra li tindika li hija rtirat l-osservazzjonijiet tagħha, din id-darba mingħajr ma ġie msemmi l-fatt li tali rtirar intalab mill-Kummissjoni u mingħajr ebda riferiment għall-“interess tal-istabbilità finanzjarja”.

33      Fit-22 ta’ Ottubru 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni rivedut ta’ ING. F’din id-data, huwa kkomunika wkoll lill-Kummissjoni emenda tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors imsemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem, l-“emenda tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors”).

34      Sussegwentement, saru diversi diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u ING fir-rigward b’mod partikolari, minn naħa, tal-elementi kkunsidrati fil-kuntest tal-kundizzjonijiet ġodda ta’ rimbors u, min-naħa l-oħra, tan-natura materjali u l-portata ġeografika tal-projbizzjoni tal-leadership fuq il-prezzijiet mixtieqa mill-Kummissjoni.

35      Fis-6 ta’ Novembru 2009, fl-4.12 ta’ filgħodu, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lil ING abbozz li jikkonċerna l-ewwel parti tad-deċiżjoni li hija kellha l-intenzjoni li tadotta fejn talbithom jivverifikaw id-data li kienet tissemma fih qabel l-10 ta’ filgħodu. Dan l-abbozz kien jinkludi 92 premessa u jsemmi l-punti 1 sa 4 ta’ dik li wara saret id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-punti relatati mal-proċedura, mad-deskrizzjoni tal-fatti, mal-preżentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u mar-raġunijiet li jimmotivaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni. Fil-premessa 30 tal-imsemmi abbozz, li wara saret il-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li ssemmiet l-emenda tal-ftehim ta’ rimbors kkomunikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ġie indikat, minn naħa, li, “[f]i kliem ieħor, b’kunsiderazzjoni li ING normalment ikollha tħallas 2,5 biljun EUR primjum ta’ ħlas lura [ħlas addizzjonali ta’ rimbors] din l-emenda tirriżulta f’vantaġġ addizzjonali għal ING ta’ bejn 1,79 u 2,2 biljun EUR skont il-prezz tas-suq tal-ishma tal-ING” u, min-naħa l-oħra, li “[i]l-Pajjiżi l-Baxxi [kienu] spjegaw li r-raġuni għall-emenda kien li jkunu awtorizzati kundizzjonijiet għal ħruġ lill-ING simili għal dawk li kienu mogħtija lil SNS u Aegon fuq l-injezzjonijiet tal-kapital li rċevew mill-Pajjiżi l-Baxxi”.

36      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Novembru 2009, mibgħut fit-8.45 ta’ filgħodu, ING indikat lill-Kummissjoni li t-terminu indikat għar-risposta kien diffiċli wisq biex jiġi osservat sabiex jiġi rrivedut dokument ta’ 23 paġna u talbet jekk kinitx possibbli ftit flessibbiltà fir-rigward tal-ħin li fih kellhom jiġu fformulati l-osservazzjonijiet. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-istess jum, mibgħut fil-11.02 ta’ filgħodu, ING indikat lill-Kummissjoni li hija kienet kważi lestiet il-kummenti tagħha u li dawn kienu ser jintbagħtu dalwaqt. Madankollu ING irrilevat li proposta mill-Kummissjoni li tikkonċerna l-obbligu fil-qasam tal-leadership fuq il-prezzijiet qatt ma ġiet aċċettata mill-persuni responsabbli u kienet għadha s-suġġett ta’ diskussjonijiet interni. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-istess jum, mibgħut fil-11.15 ta’ filgħodu, il-Kummissjoni rrispondiet li hija għadha tistenna l-kummenti ta’ ING filwaqt li ppreċiżat li dak li talbet kien intiż sabiex tivverifika jekk l-abbozz trażmess kienx jinkludi żbalji fattwali u mhux sabiex tingħata kummenti fuq it-test propost, għalkemm hija kienet ser taqra dawn il-kummenti.

37      ING ittrażmettiet fl-istess jum il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni, li wieġbet li l-parti l-kbira minnhom ma jikkonċernawx żbalji fattwali, iżda pjuttost proposti intiżi għall-adozzjoni ta’ redazzjoni oħra. Il-Kummissjoni talbet ukoll xi preċiżjonijiet fuq ċerti kummenti magħmula minn ING, li wieġbet f’messaġġ elettroniku trażmess fis-6 ta’ Novembru 2009 fis-7.37 ta’ filgħaxija.

38      Fid-18 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

3.     Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

39      Minkejja t-titolu tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha tissemma biss it-tieni miżura ta’ għajnuna (Każ N 138/09), il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll fl-imsemmija deċiżjoni dwar l-għajnuna mogħtija permezz tal-kontribuzzjoni ta’ kapital (Każ N 528/08) (ara b’mod partikolari l-premessi 1, 32 sa 35, 97 sa 100, 133 u 156 kif ukoll l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2, tad-deċiżjoni kkontestata) u fuq l-għajnuna mogħtija bħala garanziji fuq elementi ta’ passiv fuq medda medja ta’ żmien approvati permezz tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sistema Olandiża tal-garanziji (Każijiet N 524/08 u N 379/09).

40      Fir-rigward tal-garanziji mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tat-tielet miżura, ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt is-sistema Olandiża tal-garanziji approvata inizjalment permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2008 (Każ N 524/08), u wara mill-ġdid permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2009 (Każ N 379/09) (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Fil-parti introduttiva tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li hija tat lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’mod konformi ma’ dak li huwa rikjest mit-Trattat KE. Fuq dan il-punt hija tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u tippreċiża li hija ma rċeviet l-ebda osservazzjoni tal-partijiet interessati.

42      Fil-punt 2 “Deskrizzjoni tal-fatti”, il-Kummissjoni tippreżenta l-kontribuzzjoni ta’ kapital u l-emenda tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors fil-premessi 33 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“(33) Il-prezz tal-ħruġ ta’ injezzjoni [kontribuzzjoni] ta’ 10 biljun EUR ta’ kapital Core-Tier 1 kien 10 EUR għal kull titolu. Fuq l-inizjattiva tal-ING it-titoli jistgħu jkunu jew mixtrija mill-ġdid b’15 EUR għal kull titolu (50 % primjum ta’ ħlas lura għall-prezz tal-ħruġ [li jirrappreżenta ħlas addizzjonali ta’ 50 % fuq il-prezz tal-ħruġ]), jew, wara tliet snin, ikunu mibdula f’ishma ordinarji fuq bażi individwali. Jekk ING twassal għall-alternattiva tat-tibdil, il-Pajjiżi l-Baxxi [l-awtoritajiet Olandiżi] għandhom l-alternattiva li jagħżlu l-ħlas lura [r-rimbors] tat-titoli b’rata ta’ 10 EUR għal kull titolu kif ukoll imgħax akkumulat. Ċedola tkun imħallsa għall-Pajjiżi l-Baxxi biss f’każ li dividend ikun imħallas fuq l-ishma ordinarji.

(34) Fil-qafas tal-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew emenda għall-ftehim tal-ħlas lura [tar-rimbors] tat-titoli tat-Tier 1 minn ING. Skont it-termini emendati ING tista’ tixtri lura sa 50 % tat-titoli Core-Tier 1 bil-prezz tal-ħruġ (10 EUR), kif ukoll l-imgħax akkumulat fir-rigward taċ-ċedola annwali ta’ 8.5 % (madwar 253 miljun EUR), kif ukoll penali ta’ ħlas lura bikri [rimbors antiċipat] meta il-prezz tal-ishma tal-ING huwa ta’ iktar minn 10 EUR. Il-penali għall-ħlas lura bikri [rimbors antiċipat] tiżdid mal-prezz tal-ishma tal-ING. Għall-iskop tal-kalkolu tal-primjum tal-ħlas lura bikri [ħlas addizzjonali għar-rimbors antiċipat] ż-żieda fil-prezz tal-ishma għandha limitu ta’ 12.45 EUR. F’dak il-livell il-penali hija ekwivalenti għal 13 % fuq bażi annwali. Il-penali tal-ħlas lura bikri [tar-rimbors antiċipat] tista’ tammonta għal massimu ta’ 705 miljun EUR b’suppożizzjoni li l-5 biljun EUR ikunu mħallsa lura [jiġu rrimborsati] wara 400 jum mid-data tal-ħruġ. Barra minn hekk il-primjum tal-penali [ħlas addizzjonali] għandu livell minimu ta’ 340 miljun EUR, filwaqt li jiżgura rata interna minima ta’ rendiment għall-Pajjiżi l-Baxxi ta’ 15 %. Fi kliem ieħor, b’kunsiderazzjoni li ING normalment ikollha tħallas 2.5 biljun EUR primjum ta’ ħlas lura din l-emenda tirriżulta f’vantaġġ addizzjonali għal ING ta’ bejn 1.79 u 2.2 biljun EUR skont il-prezz tas-suq tal-ishma tal-ING. Il-Pajjiżi l-Baxxi spjegaw li r-raġuni għall-emenda kien li jkunu awtorizzati kundizzjonijiet għal ħruġ lill-ING simili għal dawk li kienu mogħtija lil SNS u Aegon fuq l-injezzjonijiet tal-kapital li rċevew mill-Pajjiżi l-Baxxi. Dawk il-kundizzjonijiet ta’ ħlas bikri minn qabel [rimbors antiċipat] jistgħu jkunu applikati biss għall-ħlas lura [għar-rimbors] ta’ 5 biljun EUR (jiġifieri 50 % tal-injezzjoni [kontribuzzjoni] tal-kapital inizjali).

(35) ING tista’ tagħżel li tuża l-alternattiva tal-ħlas [tax-xiri] lura qabel il-31 ta’ Jannar 2010, iżda dik id-data tista’, wara ftehim mal-Pajjiżi l-Baxxi, tkun estiża sal-1 ta’ April 2010 minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali tas-suq jekk ING tkun tista’ turi li ma kienx ekonomikament fattibbli li tiġbor biżżejjed kapital Core-Tier 1 sabiex tixtri mill-ġdid il-5 biljun EUR qabel. Din l-estenzjoni tkun imbagħad soġġetta għal approvazzjoni mill-Kummissjoni. ING timmira li tuża l-alternattiva tax-xiri mill-ġdid qabel l-1 ta’ Jannar 2010. L-alternattivi ta’ ħlas lura [tar-rimbors] u tal-konverżjoni tal-50 % li jibqa’ mhumiex mibdula [jibqgħu inoltrati]”

43      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni tindika fil-punt 5.1 “Eżistenza tal-għajnuna” dak li hemm stabbilit fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(97) Il-Kummissjoni diġà stabbiliet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ li r-rikapitalizzazzjoni tal-ING tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tammonta għas-somma tal-kapital injettat, jiġifieri, 10 biljun EUR.

(98) L-emenda tal-primjum tal-ħlas lura [fir-rigward tal-ħlas addizzjonali għar-rimbors] tikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat safejn l-Istat iċedi d-dritt tiegħu li jikseb dħul. Peress li ING diġà qablet rigward primjum ta’ ħlas lura [ħlas addizzjonali għar-rimbors] ta’ 150 % kwalunkwe tnaqqis huwa fil-fatt dħul rinunzjat. It-tibdil tat-termini ta’ ħlas lura għar-riżultati tal-injezzjoni tal-kapital [tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mogħti mill-awtoritajiet] Olandiżi huwa benefiċċju addizzjonali għall-ING. Dan jirrappreżenta għajnuna addizzjonali ta’ madwar 2 biljun EUR kif indikat hawn fuq fil-premessa 34.

(99) Rigward il-miżura [relatata mal-attivi ddepprezzati] il-Kummissjoni sabet [indikat] fid-deċiżjoni ta’ ftuħ li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna. L-ammont tal-għajnuna li jirriżulta mill-miżura [ta’ din il-miżura] huwa kkalkulat bħala d-differenza bejn il-prezz tat-trasferiment (ibbażat fuq il-valur ekonomiku reali) u l-prezz tas-suq tal-portafoll trasferit […] Id-differenza li tirriżulta bejn il-prezz tat-trasferiment u l-prezz tas-suq tal-portafoll trasferit hija ta’ 6.5 biljun USD, li jikkorrispondu għal madwar 5.0 biljun EUR. L-ammont tal-għajnuna li tirriżulta mill-miżura [relatata mal-attivi ddepprezzati] huwa għalhekk ikkunsidrat li huwa 5 biljun EUR.”

44      Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat kif tqassmet l-għajnuna inkwistjoni fi ħdan ING bil-għan li tevalwa l-ammont tagħha b’kunsiderazzjoni tar-RWA ta’ ING:

“(100) L-10 biljun EUR tal-injezzjoni [tal-kontribuzzjoni] tal-kapital kienu inizjalment allokati kif ġej fil-grupp: 5 biljun EUR lil ING Bank, 4 biljun EUR lil ING Insurance u 1 biljun EUR fil-livell tal-holding. ING għandha l-possibbiltà li titrasferixxi l-ammont tal-injezzjoni tal-kapital fi kwalunkwe ħin bejn l-ING Bank, ING Insurance u l-livell tal-holding.

(101) Barra minn hekk 85 % tal-flussi tal-kontanti ttrasferiti lill-Pajjiżi l-Baxxi skont il-miżuri [miżura relatata mal-attivi ddepprezzati] koprew assi [attivi] miżmuma mill-ING Bank u 15 % mill-assi [attivi] miżmuma minn ING Insurance. Mill-ammont totali tal-għajnuna li jirriżulta mill-miżura [relatata mal-attivi ddepprezzati] (5 biljun EUR) 4.25 biljun EUR għandhom għalhekk ikunu attribwiti lill-ING Bank u 0.75 biljun EUR lil ING Insurance.

(102) Dan jirriżulta f’ammont totali ta’ għajnuna għal ING Bank ta’ 9.25 biljun EUR (li jirrappreżenta 2.7 % tal-RWA tal-ING Bank), ammont ta’ għajnuna totali għall-ING Insurance ta’ 4.75 biljun EUR (li jirrappreżenta 50 % tar-rekwiżiti tal-marġni ta’ solvenza tal-ING Insurance) u 1 biljun EUR li jifdal fil-livell ta’ holding.

(103) Għar-raġuni ta’ simpliċità u konsistenza mat-termini ntużati fil-Komunikazzjoni tal-Assi Danneġġati [dwar l-attivi ddepprezzati], l-ammont totali tal-għajnuna jista’ jkun espress ukoll b’RWAs tal-ING Bank biss. F’dak il-każ, iż-żewġ miżuri flimkien kif ukoll l-għajnuna addizzjonali mit-tnaqqis tal-primjum tal-ħlas lura [tal-ħlas addizzjonali għar-rimbors] ta’ 2 biljun EUR jirriżultaw f’element ta’ għajnuna ta’ madwar 17 biljun EUR, li jammonta għal madwar 5 % ta’ assi mkejla skont ir-riskju tal-ING Bank”

45      Sabiex tikkonkludi l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-għajnuna, il-Kummissjoni tindika wkoll fil-premessa 106 filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri kollha ta’ għajnuna mogħtija lil ING:

“(106) Bħala total, għalhekk, ING għandha tirċievi għajnuna ta’ ristrutturar ta’ sa [12-22] biljun EUR f’garanziji ta’ likwidità u madwar 17 biljun EUR ta’ għajnuna oħra, li jammontaw għal madwar 5 % ta’ RWA tal-bank.”

46      Bħala konklużjoni għall-analiżi tagħha tal-miżuri mogħtija lil ING, il-Kummissjoni tirrileva fil-premessi 155 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(155) Huwa konkluż, l-ewwel nett, li fuq il-bażi tal-emendi ppreżentati mill-Pajjiżi l-Baxxi fl-20 ta’ Ottubru 2009 il-miżura [relatata mal-attivi ddepprezzati] tikkonforma mal-Komunikazzjoni tal-Assi Danneġġati [dwar l-attivi ddepprezzati] u għandha tkun iddikjarata kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat [KE].

(156) Fit-tieni lok, huwa konkluż li l-miżuri ta’ ristrutturar jippermettu lil ING biex tirkupra l-vijabbiltà tagħha għal żmien twil, huma suffiċjenti fir-rigward tal-qsim [tat-tqassim] tal-piżijiet u huma adatti u proporzjonali għat-tpaċċija tal-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni tal-miżuri tal-għajnuna in kwistjoni. Il-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] sottomess jissodisfa l-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar [Ristrutturazzjoni] u għandu għalhekk ikun ikkunsidrat kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Arikolu [87](3)(b) tat-Trattat [KE]. Il-miżuri ta’ injezzjoni [kontribuzzjoni] tal-kapital u l-garanziji li diġà kienu mogħtija jistgħu għalhekk ikunu mtawla skont il-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni]. Madankollu, ir-restrizzjonijiet temporanji tal-karta tal-bilanċ imposti fid-Deċiżjoni N 528/08 għandhom jitneħħew.

(157) Fit-tielet lok, huwa konkluż li miżuri addizzjonali ta’ għajnuna ppreżentati fil-qafas tal-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni], jiġifieri l-modifika tat-termini tax-xiri mill-ġdid tat-titoli tal-Core Tier 1 mill-Pajjiżi l-Baxxi u l-garanziji tal-obbligazzjonijiet previsti [li jirrigwardaw il-passiv], għandhom ikunu ddikjarati wkoll bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat [KE], meta wieħed jikkunsidra id-dettall tal-miżuri fl-indirizzar tad-distorsjonijiet tas-suq ippreżentati fil-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] u l-fatt li l-għajnuna tgħin lill-benefiċjarju biex iżid il-vijabbiltà tiegħu. Dan jirrigwarda wkoll l-għajnuna li tirriżulta mit-termini mibdula tal-arranġamenti tal-ħlas lura [tar-rimbors] tal-kapital mogħti mill-Pajjiżi l-Baxxi.”

47      Konsegwentement, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika, fl-ewwel paragrafu, li “[l]-għajnuna ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] pprovduta mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-ING tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat [KE]” u, fit-tieni paragrafu, li dik l-“għajnuna hija kumpatibbli mas-suq komuni, soġġetta għall-impenji stabbiliti fl-Anness II”.

48      Mill-Anness II jirriżulta li għandhom jiġu osservati b’mod partikolari diversi impenji:

–        Id-daqs tal-karta tal-bilanċ ta’ ING għandu, qabel l-aħħar tas-sena 2013, jitnaqqas b’45 %, meta mqabbel ma’ dak tal-karta tal-bilanċ kkonstatat fit-30 ta’ Settembru 2008 (tnaqqis ta’ EUR 616 biljun meta mqabbel ma’ EUR 1 376 biljun (ara l-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata)). Għal dak il-għan, ING għandha tittrasferixxi l-fergħa tal-assigurazzjoni, ING Direct US u entitajiet oħra (ara l-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata), skont kalendarju li jipprevedi stadji fl-aħħar tas-sena 2011, tas-sena 2012 u finalment, tas-sena 2013: 20 % tat-tnaqqis tal-karta tal-bilanċ totali qabel l-aħħar tal-2011; 30 % qabel l-aħħar tas-sena 2012 u 45 % minn issa sal-aħħar tal-2013. Tista’ tingħata estensjoni tat-terminu finali mill-Kummissjoni fuq talba mressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi.

–        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jimpenja ruħu li ING tosserva l-projbizzjoni fir-rigward tal-akkwisti għal tliet snin li jibdew jiddekorru mid-data tad-deċiżjoni jew sar-rimbors sħiħ tat-titoli. Il-Kummissjoni tista’ tapprova akkwist jekk dan ikun essenzjali sabiex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja jew il-kompetizzjoni fuq is-swieq ikkonċernati.

–        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jimpenja ruħu li jimpedixxi lil ING li taġixxi bħala leader fuq il-prezzijiet. Fin-nuqqas tal-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, ING ma għandhiex toffri prezzijiet iktar favorevoli fuq ċerti prodotti u ċerti swieq minn dawk ipprattikati mit-tliet kompetituri diretti tagħha li joffru l-aħjar prezzijiet. Barra minn hekk, ING Direct ma għandhiex, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, teżerċita influwenza predominanti fuq ċerti prezzijiet u ċerti swieq. Dawk l-impenji huma validi għal tliet snin li jibdew jiddekorru mid-data tad-deċiżjoni jew sar-rimbors sħiħ ta’ dawk it-titoli.

–        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jimpenja ruħu fil-kuntest ta’ diversi dispożizzjonijiet iddettaljati li jikkonċernaw lil ING li fosthom hemm, b’mod partikolari, it-trasferiment tal-attività imsejħa WUH/InterAdvies, ir-restawrazzjoni tal-vijabbiltà, id-differiment taċ-ċedoli u x-xiri mill-ġdid tat-titoli msejħa tal-kategorija 1 u 2, u restrizzjonijiet fuq il-politika tar-remunerazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni.

–        L-awtoritajiet Olandiżi jimpenjaw ruħhom li r-ristrutturazzjoni ta’ ING tiġi eżegwita fl-intier tagħha qabel l-aħħar tal-2013.

49      Barra minn hekk, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika, fl-ewwel paragrafu, li “[I]l-miżura tal-assi danneġġati [attivi ddepprezzati] pprovduta mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-hekk portafoll [imsejjaħ ‘]Alt-A[’] tal-ING tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat [KE]” u, fit-tieni paragrafu, li dik l-“għajnuna hija kumpatibbli mas-suq komuni, soġġetta għall-impenji stabbiliti fl-Anness I”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

50      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta rikors fil-Kawża T‑29/10.

51      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess data, ING ippreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑33/10.

52      Permezz ta’ atti separati ppreżentati waqt il-preżentazzjoni ta’ dawn ir-rikorsi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING talbu, sa fejn jikkonċerna lilhom, li l-kawża tiġi deċiża skont proċedura mħaffa u li jiġi deċiż li jingħaqdu l-kawżi fl-interess ta’ din il-proċedura.

53      Fis-16 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn it-talbiet fejn indikat li hija topponi għat-talbiet għal proċedura mħaffa u sabiex jingħaqdu l-kawżi.

54      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2010, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiċħad it-talbiet intiżi sabiex il-kawża tiġi deċiża skont proċedura mħaffa. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fuq talba tat-Tielet Awla, li għandha tingħata prijorità lil dawn il-kawżi skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

55      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Marzu 2010, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali għaqqad il-Kawżi T-29/10 u T-33/10 għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali.

56      Fit-23 ta’ April 2010, DNB talbet li tintervjeni fil-Kawża T‑33/10 insostenn tat-talbiet ippreżentati minn ING.

57      Permezz ta’ digriet tas-14 ta’ Lulju 2010, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) aċċettat l-intervent ta’ DNB u din tal-aħħar setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fit-30 ta’ Awwissu 2010.

58      Billi l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża. Peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

59      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu numru ta’ mistoqsijiet relatati, minn naħa, mal-kunċett ta’ “għajnuna ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni]” użat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, mal-portata tal-kapijiet tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ ING (iktar ’il quddiem, il-“mistoqsijiet bil-miktub”).

60      Il-partijiet irrispondew għal dawn il-mistoqsijiet fit-18 ta’ Mejju 2011.

61      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali ġibdet l-attenzjoni tal-partijiet għal fatt li huma għandhom waqt is-seduta l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn it-tweġibiet u b’mod iktar partikolari fuq ċerti punti miġjuba speċifikament u rispettivament għall-attenzjoni, minn naħa, tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ ING u ta’ DNB.

62      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2011.

63      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet (ara l-punti 52 u 53 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

64      Fil-Kawża T‑29/10, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa, inter alia, ibbażat fuq il-konstatazzjoni, esposta fil-premessa 98 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi tinkludi għajnuna addizzjonali lil ING fl-ammont ta’ EUR 2 biljun;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

65      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

66      Fil-Kawża T‑33/10, ING, sostnuta minn DNB, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkunsidra li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tinkludi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni ssuġġettat l-approvazzjoni tal-għajnuna għall-aċċettazzjoni tal-projbizzjonijiet ta’ leadership fuq il-prezzijiet kif indikat fid-deċiżjoni u fl-Annness II tagħha;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni ssuġġettat l-approvazzjoni tal-għajnuna għal kundizzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni li jmorru lil hinn minn dak li huwa proporzjonali u rikjest skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ristrutturazzjonijiet;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

67      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors peress li huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lil ING għall-ispejjeż.

68      Fir-rigward tal-argumenti dwar l-ammissibbiltà, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet ta’ ING, li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar tikkunsidra li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tinkludi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li hija ma hijiex ċerta li ING tista’ tikkontesta, fit-tieni u fit-tielet kap tat-talbiet tagħha, minn naħa, il-projbizzjonijiet magħmula fil-konfront ta’ ING milli teżerċita influwenza predominanti fuq il-prezzijiet, u min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti li ING għandha tosserva fil-qasam tar-ristrutturazzjoni (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata tawtorizza lil ING li tirċievi għajnuna mill-Istat li għaliha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab awtorizzazzjoni li ngħatatlu abbażi tal-impenji meħuda minn dan l-Istat. Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li d-definizzjoni tal-għajnuna hija korretta, id-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċi l-ebda effett legali li jista’ jippreġudika l-interessi ta’ ING. Min-naħa tagħha, din tal-aħħar tosserva li s-sitwazzjoni legali tagħha hija affettwata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-għajnuna mill-Istat hija ddikjarata bħal kompatibbli mas-suq komuni b’kont meħud tal-impenji ppreċiżati fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata u li l-kontenut ta’ dawn l-impenji ġie impost mill-Kummissjoni, b’mod partikolari sa fejn huwa kkonċernat l-obbligu li jinbiegħu ċerti attivi jew dak li jiġu aċċettati ċerti restrizzjonijiet.

 Id-dritt

69      Fil-Kawża T-29/10, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jinvoka tliet motivi insostenn tat-talba tiegħu għal annullament (ara l-punt 64 iktar ’il fuq). L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87 KE sa fejn, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie indikat li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tinkludi għajnuna addizzjonali favur ING ta’ madwar EUR 2 biljun. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma esponietx motivi suffiċjenti insostenn tal-kundanna tagħha tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital.

70      Fil-Kawża T-33/10, ING tinvoka wkoll tliet motivi, fejn hemm ippreċiżat li kull wieħed minn dawn il-motivi jikkorrispondi għal waħda mit-tliet talbiet tagħha għal annullament (ara l-punt 66 iktar ’il fuq). L-ewwel motiv, maqsum f’żewġ partijiet, huwa bbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 87 KE peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa kkunsidrat li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-possibbiltà ta’ projbizzjoni fil-konfront ta’ impriża milli taġixxi bħala leader fuq il-prezzijiet. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tar-rekwiżiti meħtieġa fil-qasam tar-ristrutturazzjoni.

71      L-argumenti mressqa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-tliet motivi tiegħu insostenn tat-talba tiegħu għal annullament jistgħu jinġabru flimkien mal-argumenti mressqa minn ING fiż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv tagħha insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha. Essenzjalment, dawn l-argumenti kollha jikkonċernaw il-klassifikazzjoni bħala għajnuna addizzjonali magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata wara l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital li ġiet ikkomunikata lilha mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

72      Konsegwentement, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jinġabru flimkien u jiġu eżaminati l-argumenti kollha esposti fil-punt 71 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn l-argumenti jiddistingwu ruħhom mill-argumenti invokati minn ING fit-tieni u t-tielet motiv tagħha, li jikkonċernaw aspett sussegwenti tal-analiżi, jiġifieri mhux il-klassifikazzjoni tal-għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE, iżda n-natura u l-portata tal-impenji li għandhom jiġu osservati sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 87(3)(b) KE.

A –  Fuq il-klassifikazzjoni tal-għajnuna addizzjonali

1.     L-argumenti tal-partijiet

73      Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu żewġ tipi ta’ argumenti sabiex jikkritikaw il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat addizzjonali li saret wara l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital li ġiet ikkomunikata waqt il-proċedura. Uħud minn dawn l-argumenti jikkonċernaw il-legalità tal-mertu u r-regoli materjali sanċiti fl-Artikolu 87(1) KE, partikolarment fir-rigward tal-kunċett ta’ vantaġġ, filwaqt li oħrajn, kultant identiċi, jirrigwardaw il-legalità proċedurali u huma bbażati fuq l-obbligi ta’ diliġenza u ta’ motivazzjoni, fejn huwa inkluż id-dritt għal smigħ u sempliċement id-dritt għal informazzjoni.

a)     Fuq l-argumenti relatati mal-Artikolu 87(1) KE

74      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING isostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienet tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali mill-Istat fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, jekk kontribuzzjoni ta’ kapital tkun tinkludi għajnuna li tammonta għall-ammont totali ta’ kapital injettat, l-emenda tal-kundizzjonijiet tagħha ta’ rimbors ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna addizzjonali mill-Istat. Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fl-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna mogħtija bħala kontribuzzjoni ta’ kapital, peress li din l-emenda ġiet ikkomunikata lilha qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tanalizza b’mod separat l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, hija għaldaqstant wettqet diversi żbalji fl-evalwazzjoni tagħha: qabel xejn, hija kkunsidrat b’mod żbaljat li, fin-nuqqas ta’ tali emenda, ING xorta kienet tirrimborsa b’mod antiċipat EUR 5 biljun; sussegwentement, il-Kummissjoni naqset li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, bis-saħħa ta’ din l-emenda, il-ħlas tal-interessi akkumulati fil-mument tar-rimbors ma baqax jiddependi fuq il-ħlas ta’ dividend fuq l-azzjonijiet ordinarji; finalment, il-Kummissjoni ma pparagunatx l-aġir tal-awtoritajiet Olandiżi ma’ dak ta’ investitur privat. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Kummissjoni naqset milli tinkludi fir-raġunament tagħha l-fatt li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kellha l-għan li tirrendi dawn il-kundizzjonijiet f’konformità ma’ dawk li kien intlaħaq ftehim fuqhom ma’ stabbilimenti finanzjarji Olandiżi oħra.

 Fuq l-effett tal-evalwazzjoni mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna mogħtija bħala kontribuzzjoni ta’ kapital

75      Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING, sostnuti minn DNB, ifakkru li miżura statali tikkostitwixxi għajnuna jekk il-benefiċjarju tagħha jirċievi vantaġġ li ma kienx jikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. F’każ ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital, il-kriterju sabiex jiġi ddeterminat il-vantaġġ mogħti huwa, fil-prinċipju, id-differenza bejn il-kundizzjonijiet li taħthom l-Istat ikun ta l-kontribuzzjoni u l-kundizzjonijiet li taħthom jagħmel dan kollu investitur privat. Huwa biss meta, b’mod eċċezzjonali, l-ebda kontribuzzjoni ta’ kapital ma tkun tista’ tinkiseb fuq is-suq li l-element tal-għajnuna jkun jista’ jekwivali għat-totalità tal-kontribuzzjoni. F’dak il-każ, l-emenda tal-kundizzjonijiet li taħthom tkun ingħatat dik il-kontribuzzjoni ma tkunx iktar rilevanti sabiex tiġi evalwata l-portata tal-għajnuna u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna addizzjonali mill-Istat. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li l-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat f’ammont li jekwivali għat-totalità tal-kapital ikkontribwit. Għaldaqstant din tal-aħħar għandha tiġi kkunsidrata bħala liberalità. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni, li hija tassimila ma’ liberalità, tikkostitwixxi “għajnuna addizzjonali”. Loġikament, il-fatt li l-kapital mogħti jista’ jiġi rrimborsat għandu jwassal għall-konklużjoni li l-ammont tal-għajnuna mogħtija huwa inferjuri għall-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni. Fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali, ir-rikorrenti josservaw li din tal-aħħar ma tagħmel xejn ħlief li tapprova l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni proviżorjament u li, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma kinitx iddeċidiet dwar l-ammont tal-għajnuna rrappreżentata mill-miżura relatata mal-kontribuzzjoni ta’ kapital.

76      Għall-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk kontribuzzjoni ta’ kapital tagħtix vantaġġ li ma setax jinkiseb fuq is-suq timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa li l-istħarriġ dwarha huwa limitat. F’dan ir-rigward, hija ssostni li jirriżulta mid-deċiżjoni inizjali li t-totalità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Kif huwa espost f’din id-deċiżjoni, ING kienet ibbenefikat minn vantaġġ, peress li, mingħajr l-intervent tal-Istat Olandiż, ING ma setgħetx tikseb tali finanzjament fit-terminu u taħt kundizzjonijiet paragunabbli b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni volatili tas-suq. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, li ma ppreżentaw l-ebda rikors kontra d-deċiżjoni inizjali, u għaldaqstant ma kellhiex għalfejn tiġi approfondita fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li huwa neċessarju li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-mument meta ttieħdu l-miżuri sabiex tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat. Il-kundizzjonijiet il-ġodda tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital għaldaqstant għandhom jiġu pparagunati mal-kundizzjonijiet tar-rimbors miftiehma inizjalment f’Ottubru tal-2008 bejn l-Istat Olandiż u ING u mhux mal-kundizzjonijiet tas-suq. Peress li l-Istat Olandiż irrinunzja milli jirċievi parti mir-remunerazzjoni prevista inizjalment, ING kienet ibbenefikat minn vantaġġ ġdid.

 Fuq in-neċessità li jiġu eżaminati l-aspetti kollha tal-kontribuzzjoni ta’ kapital

77      Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, sabiex tevalwa l-miżura relatata mal-kontribuzzjoni ta’ kapital, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors li ġiet ikkomunikata lilha qabel ma hija adottat deċiżjoni definittiva fuq dan il-punt. L-approċċ adottat mill-Kummissjoni, li huwa possibbli li tiġi evalwata miżura emendata mhux fuq il-forma definittiva tagħha, iżda abbażi ta’ paragun bejn il-kundizzjonijiet inizjali tar-rimbors u l-kundizzjonijiet emendati sussegwentement, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 87(1) KE. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni kienet tqis li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienet tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali, possibbilment illegali, hija kellha għalhekk tiftaħ proċedura formali ta’ eżami sabiex tevalwa din il-miżura. Issa minflok ipproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ttrattat l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fil-kuntest tal-proċedura li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni ta’ kapital.

78      Il-Kummissjoni tfakkar li l-eżistenza u l-portata ta’ għajnuna għandhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fil-mument tal-għoti tagħha u mhux ta’ dawk li kienu jeżistu fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni. Għalhekk, f’Ottubru tal-2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien ta lil ING vantaġġ ta’ EUR 10 biljun, li huwa t-totalità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital f’dan il-mument. Bl-istess mod, f’Ottubru tal-2009, l-Istat Olandiż kien iffavorixxa mill-ġdid lil ING, billi emenda l-kundizzjonijiet tar-rimbors previsti fis-sena ta’ qabel. Il-Kummissjoni għandha l-obbligu tevalwa b’mod separat kull waħda minn dawn il-miżuri, li taw vantaġġ f’mument differenti. Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-miżuri, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija approvatha provviżorjament fid-deċiżjoni inizjali. Madankollu din in-natura provviżorja kienet tirrigwarda biss l-approvazzjoni ta’ din il-miżura u mhux il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna, li kienet definittiva minn dak l-istadju. Barra minn hekk id-deċiżjoni inizjali ma setgħetx tiġi invokata sabiex jiġi sostnut li kull miżura ulterjuri meħuda favur ING fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ kapital ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala għajnuna addizzjonali. Barra minn hekk, il-fatt li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ġiet ittrattata fil-proċedura miftuħa sabiex tiġi eżaminata l-kontribuzzjoni ta’ kapital (Każ N 525/08), mingħajr ma saret insistenza sabiex tinkiseb notifika formali, ma jinċidix fuq l-eżistenza ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna. Filwaqt li huwa probabbli li l-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ din l-emenda tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna illegali, ma huwiex neċessarju li tiġi deċiża din il-kwistjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien neċessarju li tiftaħ proċedura formali ta’ eżami, peress li hija kkunsidrat li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienet marbuta mal-ftehim tal-għoti tal-kapital konkluż bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ kapital. Fuq dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala deċiżjoni li ma għandhomx jitqajmu oġġezzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 (KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

 Fuq il-paragun tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tal-prinċipju ta’ investitur privat

79      Fit-tielet lok, jekk anki jiġi preżunt li l-Kummissjoni tista’ tevalwa l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija żbaljata fuq diversi aspetti u ING, sostnuta minn DNB, tirrileva li l-imsemmija emenda hija konformi mal-prinċipju ta’ investitur privat.

–       Fuq il-premessa tar-raġunament tal-Kummissjoni

80      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw il-premessa tar-raġunament tal-Kummissjoni, li fin-nuqqas tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, ING xorta kienet tirrimborsa EUR 5 biljun b’mod antiċipat. Fil-fatt, fil-premessi 34 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-imsemmija emenda kienet tagħti lil ING għajnuna addizzjonali ta’ madwar EUR 2 biljun li jirriżultaw mill-paragun bejn il-kundizzjonijiet emendati u l-kundizzjonijiet inizjali. Abbażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet inizjali, ING setgħet tixtri mill-ġdid it-titoli bil-prezz ta’ EUR 15 għal kull titolu jew, mix-xahar ta’ Novembru 2011, tikkonvertihom f’azzjonijiet, f’liema każ l-Istat seta’ jagħżel ir-rimbors tal-prezz tax-xiri, miżjud biċ-ċedola akkumulata. Għalhekk l-Istat seta’ jirċievi ħlas addizzjonali ta’ EUR 2.5 biljun fil-każ ta’ rimbors antiċipat. Madankollu, fid-dawl tal-ammont kunsiderevoli ta’ dan il-ħlas addizzjonali u b’kont meħud tal-evoluzzjoni tal-valur tal-azzjoni, kien improbabbli ħafna li ING kienet tirrimborsa b’mod antiċipat il-kontribuzzjoni ta’ kapital li kieku l-Istat ma emendax il-kundizzjonijiet inizjali. ING kellha d-dritt li tistenna sa Novembru 2011 sabiex tikkonverti t-titoli f’azzjonijiet u, għalkemm l-Istat dakinhar ried jimpedixxi l-konverżjoni, l-unika soluzzjoni possibbli kienet li jintalab ir-rimbors tal-prezz oriġinali tal-ħruġ ta’ EUR 10, miżjud biċ-ċedola akkumulata. L-Istat għalhekk kien fir-riskju li l-parteċipazzjoni tiegħu tippersisti fit-tul mingħajr il-kisba tal-inqas qligħ, peress li ċ-ċedola tiddependi mill-ħlas ta’ dividend. Il-punt ta’ tluq tar-raġunament tal-Kummissjoni sabiex tasal għal konklużjoni li, abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali, l-Istat kien irċieva madwar EUR 2 biljun iktar minn dak li kien jirċievi skont il-kundizzjonijiet il-ġodda, ma huwiex reali. Il-Kummissjoni żbaljat billi indikat li l-Istat irrinunzja għad-“dritt tiegħu li jdaħħal il-qligħ”. Il-ħlas addizzjonali tar-rimbors ta’ 50 % msemmi fil-ftehim inizjali bl-ebda mod ma jikkostitwixxi “dritt” tal-Istat, peress li ING kellha l-għażla li tieħu jew le tali soluzzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-eżami tal-valur tal-azzjoni ING, li kien ferm inqas minn EUR 15, kien juri b’mod ċar li la kien possibbli u lanqas xieraq, li ING tirrimborsa antiċipatament EUR 5 biljun abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali.

81      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirribattu l-portata tar-riferimenti magħmula għal diversi dokumenti li huma setgħu jippreżentaw waqt il-proċedura amministrattiva. Għalhekk, għalkemm ING kienet indikat li l-prijorità tagħha kienet li ssib mezz biex tirrimborsa lill-Istat Olandiż kemm jista’ jkun malajr, dan għamlitu bi tweġiba għal mistoqsija tal-Kummissjoni intiża sabiex tivverfika jekk ING kellhiex l-intenzjoni li tagħmel xi akkwisti matul il-ħames snin suċċessivi. Bl-istess mod, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni ma setax jiġi invokat insostenn tal-idea li ING kienet tirrimborsa fi kwalunkwe każ skont il-kundizzjonijiet inizjali. L-ipoteżi li l-għajnuna tiġi rrimborsata bir-rata ta’ 150 % kienet prevista biss għall-finijiet ta’ ppjanar. Din l-ipoteżi barra minn hekk tieħu inkunsiderazzjoni rimbors bir-rata ta’ 150 % tal-prezz tal-ħruġ fl-aħħar tal-2013, jiġifieri ħames snin wara l-ħruġ, li huwa għalkollox differenti minn rimbors fl-2009. Rimbors bir-rata ta’ 150 % fl-2013 ikun irendi qligħ annwali ta’ 12.4 %, ferm inqas mill-qligħ ta’ bejn 15 % u 21.5 % li l-Istat seta’ jagħmel fuq il-EUR 5 biljun irrimborsat antiċipatament abbażi tal-kundizzjonijiet emendati. Rimbors bir-rata ta’ 150 % sena wara l-ħruġ ikun sempliċement projbitorju. Barra minn hekk, it-tweġiba ta’ ING għal mistoqsija tal-Kummissjoni, li fiha ING tindika li rimbors qabel l-aħħar tas-sena 2010 “seta’ jkun possibbli jekk is-sitwazzjoni ekonomika titjieb b’rata iktar mgħaġġla minn dik prevista”, xorta ma timplikax li tali rimbors kien ser isir. Barra minn hekk, ING tippreċiża f’din it-tweġiba li rimbors matul l-ewwel tliet snin ma kienx fattibbli wisq minħabba restrizzjonijiet għal telf fiskali fl-Istati Uniti li kienu jillimitaw il-possibbiltà ta’ ħruġ kbir matul dan il-perijodu jew li tinbiegħ parti mill-impriża. Bl-istess mod, kellu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni kienet teżiġi mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jindikalha jekk il-qligħ mill-kontribuzzjoni ta’ kapital kienx ser ikun inqas minn 10 % (ara l-premessi 32 u 67 tad-deċiżjoni inizjali), u dan juri sew li l-Kummissjoni kienet taf li kien possibbli li l-ħlas addizzjonali tar-rimbors ta’ 50 % ma jitħallasx. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma setgħetx raġonevolment tallega li hija kienet ibbażat ruħha fuq l-ipoteżi li ING kienet sejra żżomm il-politika tagħha ta’ dividend u li għalhekk kienet ser tħallas ukoll ċedola annwali ta’ 8.5 %. Dividend jista’ jitħallas biss jekk ir-riżultati jkunu jippermettuh. Il-fatt li jkun tħallas dividend fil-passat ma jippermettix li jiġi konkluż li ser jerġa’ jsir l-istess fil-futur, u dan ċertament fis-sitwazzjoni partikolarment inċerta li nisslet il-kriżi finanzjarja.

82      Il-Kummissjoni tosserva li l-probabbiltà ta’ rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital skont il-kundizzjonijiet inizjali ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali għajnuna, jeħtieġ li jiġi determinat jekk l-Istat tax vantaġġ lil ING u, f’dan il-każ, jiġifieri l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors f’Ottubru 2009 tat lil ING il-possibbiltà li tirrimborsa EUR 5 biljun taħt kundizzjonijiet iktar favorevoli meta mqabbla ma’ dawk miftiehma inizjalment. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa korrett li ING kellha d-dritt li tikkonverti t-titoli f’azzjonijiet minn Novembru tal-2011. Madankollu, ING dejjem insistiet fuq il-fatt li hija riedet tirrimborsa malajr kemm jista’ jkun lill-Istat. Għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, ir-rikorrenti wieġbu kif ġej fis-7 ta’ Lulju 2009: “[l]-ewwel prijorità ta’ ING hija li ssib kif tirrimborsa lill-Gvern Olandiż fl-inqas ħin possibbli”, “[i]r-rimbors huwa prijorità tat-tmexxija ta’ ING li ser tagħmel dak kollu possibbli sabiex twettaq dawk il-ħlasijiet kemm jista’ jkun malajr” u “għal finijiet ta’ ippjanar, il-ħlasijiet ġew immudellati sabiex jiġu rrimborsati b’mod sħiħ f’darba fl-aħħar tas-sena 2013 skont il-modalitajiet kuntrattwali tal-alternattiva tax-xiri mill-ġdid”. Għaldaqstant ING kienet tal-opinjoni li x-xiri mill-ġdid kellu jsir skont il-kundizzjonijiet inizjali. ING indikat ukoll li tali xiri mill-ġdid parzjalment antiċipat kien possibbli meta hija ddikjarat: “Xiri mill-ġdid antiċipat jew xiri mill-ġdid parzjalment antiċipat tat-titolu jista’ jkun possibbli jekk is-sitwazzjoni ekonomika titjieb b’rata iktar mgħaġġla minn dik prevista.” Il-Kummissjoni tindika wkoll li huwa korrett li ING ma kinitx obbligata tirrimborsa jew li tikkonverti t-titoli u li l-Istat għalhekk kien fir-riskju li l-parteċipazzjoni tiegħu ma tiġġenerax qligħ matul perijodu twil ta’ żmien, peress li ċ-ċedola ttrasferita lill-Istat kienet tiddependi fuq il-ħlas ta’ dividend. Madankollu, fil-premessa 31 tad-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni indikat li ING kienet iddikjarat li hija ser żżomm il-politika tagħha fil-qasam tad-dividendi. Issa, skont dik il-politika u qabel il-kriżi finanzjarja, ING kienet ħallset dividend ta’ mill-inqas EUR 0.74 għal kull azzjoni kull sena sa mill-1999. Skont il-Kummissjoni, fil-premessa 67 ta’ din l-istess deċiżjoni, din indikat ukoll li, sabiex jiġi kkalkulat il-qligħ probabbli ġġenerat mit-titoli għall-Istat, kien xorta waħda ser jitħallas dividend kull sena u li għalhekk bħala konsegwenza kienet ser titħallas ukoll iċ-ċedola annwali ta’ 8.5 %. ING qatt ma kkontestat din id-dikjarazzjoni preċedentement.

–       Fuq il-vantaġġ mogħti lill-Istat mill-kundizzjonijiet il-ġodda

83      Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna addizzjonali l-fatt li, wara l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, il-ħlas tal-interessi akkumulati fil-mument tar-rimbors ma kienx jiddependi iktar fuq il-ħlas ta’ dividend. F’dan il-każ, iċ-ċedola dovuta fuq EUR 5 biljun irrimborsati fil-21 ta’ Diċembru 2009 iġġenerat il-ħlas ta’ EUR 258.5 miljun lill-Istat, ammont li ma kienx ikun dovut fil-każ ta’ rimbors skont il-kundizzjonijiet inizjali. Billi ma ħaditx kont ta’ dan il-vantaġġ, il-Kummissjoni tat importanza iktar minn kemm kien jistħoqqilha fi kwalunkwe każ lill-għajnuna allegata, li ma kinitx ta’ bejn EUR 1.79 biljun u EUR 2.2 biljun, kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata, iżda bejn EUR 1.5 biljun u EUR 1.9 biljun. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li, huwa ma rreaġixxiex f’dak ir-rigward fuq l-abbozz tal-espożizzjoni tal-fatti tad-deċiżjoni trażmessa mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Novembru 2009, minħabba t-terminu qasir wisq mogħti mill-Kummissjoni sabiex tingħata tweġiba u peress li l-konsegwenzi relatati ma’ din il-preżentazzjoni skorretta tal-fatti ma kinitx tidher. Indipendentement minn dan, in-nuqqas ta’ reazzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi u minn ING ma jistax jirrimedja l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, ikun żbaljat li tingħata l-impressjoni li l-Istat seta’ jippretendi l-ħlas taċ-ċedola fl-2009 abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali peress li ING kien ħallas dividend fl-2008. Fil-fatt, iċ-ċedoli huma mħallsa fit-12 ta’ Mejju b’effett retroattiv. Għalhekk, għalkemm, fit-12 ta’ Mejju 2009, l-Istat irċieva ċedola għall-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Novembru 2008 u t-12 ta’ Mejju 2009, peress li ING kienet ħallset dividend għas-sena finanzjarja 2008, madankollu fl-ipoteżi ta’ rimbors bir-rata ta’ 150 % fil-21 ta’ Diċembru 2009, l-Istat ma rċieva l-ebda ċedola għall-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Mejju u l-21 ta’ Diċembru 2009 abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali, peress li ING ma kienet ħallset l-ebda dividend għas-sena finanzjarja 2009.

84      Il-Kummissjoni tosserva li l-Istat ma rrilevax dan l-allegat vantaġġ meta huwa kkomunika l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors. Bl-istess mod, la l-Istat Olandiż u lanqas ING ma qajmu oġġezzjoni fil-konfront tal-iżball allegat meta l-Kummissjoni bagħtitilhom abbozz tal-espożizzjoni tal-fatti tad-deċiżjoni kkontestata li ssemmi vantaġġ addizzjonali għal ING ta’ bejn EUR 1.79 biljun u EUR 2.5 biljun. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li twettaq l-iżball invokat, dan tal-aħħar kien irrilevanti, peress li l-vantaġġ li jirriżulta mill-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ivarja, wara l-korrezzjoni, bejn EUR 1.5 biljun u EUR 1.9 biljun u mhux, kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata, bejn EUR 1.79 u EUR 2.2 biljun. Għaldaqstant l-estimi inklużi fid-deċiżjoni kkontestata u dawk li jinsabu fir-rikors jaqblu b’mod sostanzjali. Minħabba nuqqas ta’ konsegwenzi fuq il-mertu, dan l-allegat żball ta’ kalkolu ma jistax iwassal għall-annullament mitlub. Fl-aħħar nett, peress li ING kienet ħallset dividend għas-sena finanzjarja 2008, l-Istat seta’ jippretendi l-ħlas ta’ ċedola fil-każ ta’ rimbors tat-titoli fl-2009 abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali.

–       Fuq l-aġir ta’ investitur privat

85      Fit-tielet lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING, sostnuti minn DNB, isostnu li l-Kummissjoni kellha tanalizza l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors u r-remunerazzjoni proposta fid-dawl tal-prinċipju ta’ investitur privat. Ir-rikorrenti jfakkru wkoll li l-kundizzjonijiet inizjali kienu jippermettu lill-Istat li jitlob ħlas addizzjonali għar-rimbors ta’ 50 % fil-każ ta’ rimbors antiċipat. Issa, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-valur tal-azzjoni matul il-perijodu ta’ bejn id-data tal-ħruġ u l-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2009, valur li dejjem kien inqas ferm minn EUR 15, xejn ma kien jinstiga lil ING sabiex tirrimborsa l-kontribuzzjoni ta’ kapital qabel l-iskadenza. F’tali ċirkustanzi, ir-rikorrenti jenfasizzaw li investitur privat kien iqis bħala attraenti li jagħżel il-kundizzjonijiet emendati peress li dawn jiżguraw qligħ minimu ta’ 15 % fis-sena għal nofs l-investiment. L-Istat kien ikun skambja qligħ spekulattiv ta’ 50 % mqassam fuq numru mhux magħruf ta’ snin ma’ qligħ ċert ta’ bejn 15 u 21.5 % fis-sena għal nofs l-investiment tiegħu. Din kienet deċiżjoni ekonomikament razzjonali, b’mod partikolari peress li l-eventwalità li ING tirrimborsa t-titoli bir-rata ta’ 150 % f’terminu prevedibbli kienet minima. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Kummissjoni kienet indikat fid-deċiżjoni kkontestata li r-rati ta’ qligħ prevedibbli skont il-ftehim inizjali kien ta’ iktar minn 10 %, iżda inqas minn 15 %. Wara l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, dawn ir-rati żdiedu għall-benefiċċju tal-Istat. Fi kwalunkwe każ, li kieku ING għażlet li tirrimborsa t-titoli abbażi tal-ftehim inizjali, kien ikun ftit li xejn probabbli li ING tħallas l-inqas dividend lill-azzjonisti tagħha. ING kien ikollha bżonn li żżomm il-qligħ tagħha sabiex tkun tista’ tirrimborsa t-titoli. DNB tindika wkoll li l-kundizzjonijiet emendati huma aħjar fuq il-livell regolatorju, peress li jiffaċilitaw il-ħruġ tal-Istat u jippermettu rimbors aċċellerat tal-kontribuzzjoni ta’ kapital b’rata superjuri minn dik ikkunsidrata bħala adatta mill-Kummissjoni.

86      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li t-titoli maħruġa waqt il-kontribuzzjoni ta’ kapital kienu jiswew iktar lil ING mill-azzjonijiet ordinarji, minħabba ċedola ogħla u drittijiet mogħtija lill-Istat, li jinstiga lil ING sabiex tirrimborsa mill-iktar fis possibbli, ir-rikorrenti jsostnu li fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-valur tal-azzjoni ta’ ING li jiddetermina jekk teżistix il-possibbiltà reali ta’ rimbors antiċipat tal-kontribuzzjoni ta’ kapital skont il-kundizzjonijiet inizjali. B’valur ferm inqas minn EUR 15, ING ma kinitx f’pożizzjoni li toħroġ il-kapital neċessarju sabiex tgħaqqad l-ammont neċessarju sabiex tirrimborsa. Il-fatt li ING xtrat it-titoli bir-rata ta’ EUR 11.21 għal kull titolu filwaqt li l-valur medju tal-azzjoni ING matul il-perijodu preċedenti kien inqas minn EUR 10 ma jbiddel xejn u jispjega ruħu bid-diskrepanza li teżisti neċessarjament bejn il-mument meta titħabbar it-tranżazzjoni u dak meta tiġi awtorizzata, u imbagħad imwettqa. Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni dwar l-evoluzzjoni tal-valur tal-azzjoni ta’ ING, li kienet tista’ tippermetti r-rimbors antiċipat skont il-kundizzjonijiet inizjali, ir-rikorrenti jsostnu li għandha ssir il-mistoqsija jekk, fil-każ fejn kien iffaċċjat, fil-ħarifa tal-2009, bl-għażla bejn rimbors antiċipat skont il-kundizzjonijiet emendati u ż-żamma tal-kundizzjonijiet inizjali, investitur privat setax, realistikament, jistenna li l-valur tal-azzjoni ING jogħla f’terminu prevedibbli sa livell li jirrendi attraenti għal ING r-rimbors bir-rata ta’ 150 % skont il-kundizzjonijiet inizjali. Fil-ħarifa tal-2009, xejn ma kien jippermetti tali speranza fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-valur tal-azzjoni f’dak iż-żmien u tal-perċezzjoni ġenerali li l-kriżi ma kinitx ser tintgħeleb malajr. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni sussegwenti tal-valur tal-azzjoni tikkonferma l-korrettezza ta’ din is-suppożizzjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tippretendi, mingħajr ebda forma oħra ta’ preċiżjoni, li kien għalkollox possibbli li l-valur tal-azzjoni jitla’ għal EUR 15 fis-“snin sussegwenti”. Fir-rigward tal-argument li jeżistu xenarji oħra ta’ qligħ, il-Kummissjoni tkompli twettaq l-iżball li tikkunsidra li x-xiri mill-ġdid tat-titoli bir-rata ta’ EUR 15 matul l-ewwel tliet snin hija alternattiva realistika, xi ħaġa li ma hijiex tali mill-perspettiva ta’ investitur privat fil-ħarifa tal-2009. Bi tweġiba għall-argument ibbażat fuq l-intervall qasir u r-relazzjoni bejn il-ftehim inzjali u l-emenda tiegħu, li jimpedixxu li jsir riferiment għall-prinċipju ta’ investitur privat, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrileva li l-Kummissjoni tiddefendi teżi kuntrarja fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors setgħetx tiġi kkunsidrata bħala għajnuna indipendentement mill-kontribuzzjoni ta’ kapital. F’dan il-każ, kien hemm waħda u l-istess kontribuzzjoni ta’ kapital, mogħtija sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat membru, u kienu biss il-kundizzjonijiet tar-rimbors tagħha li ġew emendati.

87      Il-Kummissjoni ssostni li l-aġir tal-Istat ma jistax jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat. Fil-fatt, huwa improbabbli li investitur privat kien japprova emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors aċċettata mill-Istat Olandiż. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prinċipju ta’ investitur privat ma japplikax għal miżura addizzjonali favur il-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat waqt ristrutturazzjoni. Skont il-Kummissjoni, meta tkun diġà ngħatat għajnuna għal ristrutturazzjoni lil impriża f’diffikultà, forom oħra ta’ għajnuna finanzjarja ma jiġux normalment analizzati iktar skont il-prinċipju ta’ investitur privat. Issa, peress li l-ftehim inizjali u l-ftehim tal-emenda ġew konklużi f’intervall pjuttost qasir, fil-11 ta’ Novembru 2008 u l-24 ta’ Ottubru 2009 rispettivament, fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ ING fl-isfond tal-kriżi finanzjarja, l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ma tistax tiġi ddissoċjata mill-ftehim inizjali sabiex tkun tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur privat. Fi kwalunkwe każ, l-emenda kkontestata ma hijiex konformi ma’ dan il-kriterju. Il-mistoqsija ġusta hija dik dwar jekk, fid-dawl tal-fatt li ING riedet fl-2009 tixtri mill-ġdid nofs it-titoli, l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tathiex vantaġġ meta mqabbla mal-ftehim inizjali, kif ġara f’dan il-każ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti mhux biss ikkonfermaw diversi drabi waqt il-proċedura amministrattiva li ING xtaqet tirrimborsa malajr il-kontribuzzjoni ta’ kapital, iżda dawk it-titoli kellhom ukoll konsegwenzi negattivi għal ING u l-azzjonisti tagħha. Il-fatti jagħtu prova wkoll li l-argument li jkun improbabbli li ING tixtri mill-ġdid titoli bi prezz ogħla mill-valur tas-suq tal-azzjonijiet ordinarji (jiġifieri EUR 15 flimkien mal-ħlas addizzjonali tar-rimbors) huwa skorrett, peress li ING konkretament xtrat mill-ġdid nofs dawn it-titoli wara l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors bil-prezz ta’ EUR 11.21 għal kull titolu, meta l-valur medju ta’ azzjoni ordinarja kien inqas minn EUR 10 matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel din it-tranżazzjoni. Il-Kummissjoni tiddubita wkoll li r-rimbors antiċipat tat-titoli ma jispjegax ruħu fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-valur tal-azzjoni matul il-perijodu ta’ bejn id-data tal-ħruġ fl-aħħar ta’ Ottubru 2009, li matulu l-valur tal-azzjoni ING dejjem kien ferm inqas minn EUR 15. Ċertament, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-azzjoni ta’ ING niżlet drastikament matul l-ewwel nofs tas-sena 2009, meta waqgħet għal kważi EUR 2.5, iżda din l-azzjoni sussegwentement irkuprat bil-qawwi. Il-ġurnata ta’ qabel l-aħbar tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors u tal-ħruġ ta’ azzjonijiet neċessarji għal dak il-għan, l-azzjonijiet ġew skambjati għal EUR 11.66, jiġifieri erba’ darbiet iktar mil-livell milħuq madwar sitt xhur qabel. Għaldaqstant ma kienx impossibbli li din l-evoluzzjoni tinżamm. L-azzjoni ING ġiet skambjata wkoll, lejn l-2001, għal EUR 43. Għaldaqstant kien għalkollox possibbli li l-valur tal-azzjoni jerġa’ jogħla għal EUR 15, rata li minnha ING skont ma qalet, kienet tixtri mill-ġdid it-titoli skont il-kundizzjonijiet inizjalment previsti. Fl-aħħar il-Kummissjoni tisfuma l-argument li jkun attraenti għal investitur privat li jagħżel il-kundizzjonijiet ta’ rimbors emendati, peress li dawk jiżguraw qligħ tal-inqas ta’ 15 % fuq bażi annwali għal nofs l-investiment tiegħu. Fil-fatt anki wara din l-emenda, l-Istat ma kellux iċ-ċertezza assoluta li ser jiġi rrimborsat. Kien baqa’ jeżisti r-riskju li ING ma tiġborx jew ma tiġborx biżżejjed fondi fuq is-swieq sabiex twettaq din it-tranżazzjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan ir-riskju kien limitat, peress li s-sitwazzjoni fuq is-suq mit-tielet trimester tal-2009 kienet favorevoli ħafna għall-ġbir tal-flus minħabba l-eċċess ta’ likwidità disponibbli.

88      Fir-rigward tat-tabelli ppreżentati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jiġu esposti l-perspettivi ta’ qligħ għall-Istat skont il-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali u emendati, il-Kummissjoni tenfasizza li kien prevedibbli qligħ ieħor. Għalhekk, fid-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni ppreżentat diversi alternattivi, li wħud minnhom kienu jipprevedu qligħ mistenni li jvarja bejn 16 u 21 % fis-sena. Anki fin-nuqqas ta’ ħlas taċ-ċedola, dawn l-alternattivi xorta jwasslu għal qligħ annwali ta’ bejn 9.3 u 15 %. F’każ li r-rimbors isir fl-aħħar tat-tieni sena u li tkun tħallset ċedola kull sena, il-qligħ kien ikun ta’ madwar 31 %, jiġifieri d-doppju tal-qligħ minimu miksub skont il-kundizzjonijiet emendati. Għaldaqstant ikun żbaljat li tingħata l-impressjoni li billi aċċetta l-kundizzjonijiet emendati l-Istat Olandiż, bħala definizzjoni, kien dejjem ser jikseb qligħ ogħla milli kieku obbliga lil ING sabiex josserva l-kundizzjonijiet inizjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, fi kwalunkwe każ, l-Istat kellu l-garanzija li xi darba kien ser jirkupra l-ammont injettat inizjalment.

–       Fuq id-data prodotta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

89      Ir-raba’ nett, insostenn tal-argumenti tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta żewġ dokumenti ppreparati mill-bank Rothschild, bank tal-investiment. L-ewwel dokument huwa rapport, li fih il-bank Rothschild jindika li, b’kont meħud tal-evoluzzjoni tal-valur tal-azzjoni ING, kien iktar attraenti għal investitur privat li jikseb rimbors antiċipat ta’ nofs l-investiment tiegħu bi qligħ interessanti milli jispera li jikseb qligħ teoretiku li jista’ jkun ikbar fil-każ li tiġi eżerċitata l-alternattiva ta’ xiri mill-ġdid bil-prezz ta’ EUR 15 għal kull titolu (iktar ’il quddiem, ir-“rapport Rothschild”). It-tieni dokument jirripproduċi l-analiżijiet ppreparati minn dak l-istess bank abbażi ta’ tabelli li jiddettaljaw xenarji differenti u jippermetti wkoll lill-bank Rothschild li jikkonkludi li l-kundizzjonijiet il-ġodda jkunu iktar vantaġġużi għall-Istat mill-kundizzjonijiet inizjali (iktar ’il quddiem, l-“analiżijiet Rothschild”). Bi tweġiba għall-kritika magħmula fil-konfront ta’ dawn id-dokumenti, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza li l-awtur tagħhom huwa kompetenti sabiex jagħti opinjoni tiegħu fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Istat aġixxiex bħal investitur privat. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti ma jagħmlu xejn ħlief li jevalwaw il-fatti disponibbli u għalhekk diġà magħrufa fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-probabbiltà meqjusa ta’ 50 % li ING iħallas dividend, din il-probabbiltà kienet iġġustifikata xjentifikament plawsibbli u, fi kwalunkwe każ, raġonevoli fid-dawl tad-diffikultà li jiġi previst jekk ING hijiex ser tħallas dividend jew le.

90      Il-Kummissjoni ssostni li r-rapport u l-analiżi Rothschild ġew wara l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors u li ġew stabbiliti għall-proċedura kontenzjuża. Għaldaqstant dawn huma irrilevanti għal kwistjoni dwar jekk l-Istat Olandiż aġixxiex bħal investitur privat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex dawn id-dokumenti fil-mument meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata. L-elementi fattwali inklużi f’dawn ir-rapporti ma jistgħux jiġu invokati. Barra minn hekk, il-bank Rothschild jiddikjara biss f’dawn id-dokumenti li l-ammont ta’ EUR 15 ma għandux jiġi kkunsidrat bħala “prezz tal-ħruġ”, iżda bħala “livell massimu tal-qligħ pożittiv”. Dan ma jneħħi xejn mill-fatt li, għalkemm ING riedet tixtri mill-ġdid it-titoli, hija kienet obbligata tħallas dan l-ammont skont il-ftehim inizjali. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-bank Rothschild, li “kien irrazzjonali, għal ING, li teżerċita din l-alternattiva sakemm il-prezz tal-azzjoni ordinarju ma jeċċedix EUR 15”, għandha tiġi evalwata b’ċertu xettiċiżmu. Il-bank Rothschild fil-fatt jikkonferma, li ma jagħmel l-ebda sens għal ING li tixtri mill-ġdid nofs it-titoli fl-aħħar ta’ Diċembru 2009, bil-prezz ta’ EUR 11.21, peress li f’dan il-mument, l-azzjonijiet ordinarji kienu ħafna irħas. Madankollu dan ma kienx jimpedixxi lil ING milli twettaq din it-tranżazzjoni. Id-dikjarazzjoni tal-bank Rothschild ma tiħux kont b’mod suffiċjenti tal-fatt li t-titoli kienu obbligatorji għal ING u li ma kinux paragunabbli mal-azzjonijiet ordinarji. Barra minn hekk, ir-rapport Rothschild ma huwiex sostnut b’mod suffiċjenti u lanqas fondat fuq metodoloġija ċara.

 Fuq l-allinjament tal-kundizzjonijiet mogħtija lil AEGON u lil SNS Reaal

91      Fir-raba’ lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING josservaw li, b’mod żbaljat, il-Kummissjoni naqset milli tinkludi fir-raġunament tagħha l-fatt li l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kellu wkoll l-għan li jirrendi dawn il-kundizzjonijiet konformi ma’ dawk li kienu ġew miftiehma bejn l-Istat Olandiż u stabbilimenti finanzjarji Olandiżi oħra, jiġifieri AEGON u SNS Reaal. Anki jekk jiġi preżunt li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tista’ tiġi evalwata separatament mill-kontribuzzjoni ta’ kapital u mhux skont il-prinċipju ta’ investitur privat, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li miżura intiża sabiex jiġi rtirat żvantaġġ fil-konfront ta’ impriża privata, meta mqabbla ma’ impriżi oħra, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. L-imsemmija emenda għandha sempliċement l-effett li tħassar l-iżvantaġġ subit minn ING skont il-ftehim inizjali, jiġifieri l-fatt li ING ma setgħetx tixtri mill-ġdid it-titoli b’rata li kienet finanzjarjament raġonevoli.

92      Il-Kummissjoni ssostni li d-differenza bejn il-kundizzjonijiet miftiehma ma’ ING u dawk miftiehma ma’ AEGON u SNS Reaal hija ġġustifikata minn differenza netta fil-profil ta’ riskju. Fil-każ ta’ ING, ġie impost pjan ta’ ristrutturazzjoni fil-mument tal-kontribuzzjoni ta’ kapital u l-ħlas addizzjonali tar-rimbors maqbul inizjalment għandu jitqies bħala piż normali impost fuq ING. Barra minn hekk, l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors relatati ma’ ING jmorru lil hinn minn sempliċi allinjament ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma’ dawk stabbiliti għall-banek l-oħra ċċitati u jippermettu lil ING li tibbenefika minn kundizzjonijiet iktar vantaġġużi. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ rimbors iktar favorevoli fil-każ ta’ AEGON u ta’ SNS Reaal japplikaw biss għal terz mill-kontribuzzjoni ta’ kapital, filwaqt li japplikaw għal nofs fil-każ ta’ ING. Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet iktar favorevoli fil-każ ta’ AEGON u ta’ SNS Reaal kienu japplikaw għal sena, filwaqt li r-rimbors minn ING finalment twettaq sena u xahar wara l-injezzjoni tal-kapital.

b)     Fuq l-argumenti relatati mal-obbligi ta’ diliġenza u ta’ motivazzjoni

93      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING, sostnuti minn DNB, isostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ diliġenza kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni fuq diversi aspetti. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma eżaminatx kif l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors setgħet iżżid l-ammont tal-għajnuna lil hinn mill-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ kapital. Il-Kummissjoni lanqas ma eżaminat jekk din l-emenda kinitx konformi mal-prinċipju ta’ investitur privat. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma semgħetx u ma informatx lill-Istat Olandiż jew lil ING fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors bħala għajnuna addizzjonali mill-Istat ta’ EUR 2 biljun. Hija ma talbitx b’mod utli lill-Istat Olandiż u lil ING sabiex jesponu l-opinjonijiet tagħhom fuq din il-klassifikazzjoni u ma tathomx il-possibbiltà li jikkontestawha. Kien biss permezz tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti setgħu, għall-ewwel darba, jiddeduċu li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra l-previżjoni ta’ possibbiltà addizzjonali ta’ rimbors bħala għajnuna addizzjonali. Il-fatt li ġie ppreżentat abbozz relatat mal-fatti u li ngħataw xi sigħat sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet f’dan ir-rigward ma kienx suffiċjenti. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma pprovdietx motivazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata b’mod adegwat fir-rigward tal-opinjoni tagħha li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali mill-Istat. Il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-miżura ta’ għajnuna ma ġietx evalwata fl-istat li kienet fih fiż-żmien tad-deċiżjoni, u lanqas kif kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ EUR 10 biljun tista’ tikkostitwixxi għajnuna ta’ EUR 12 biljun, u lanqas, li kieku jiġi preżunt li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tikkostitwixxi miżura distinta, din tal-aħħar ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ investitur privat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija indikat fil-premessi 34 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod suċċint, iżda ċar u inekwivoku, li hija qieset li l-possibblità addizzjonali ta’ rimbors tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali. Madankollu dawn il-premessi ma fihom xejn iktar ħlief il-konklużjoni li dan kien vantaġġ addizzjonali, li hija konklużjoni li l-Kummissjoni waslet għaliha abbażi tal-premessa skorretta li ING kienet aċċettat li tirrimborsa bi “ħlas addizzjonali tar-rimbors ta’ [50] %”. Xejn ma kien juri fuq liema bażi l-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni.

94      Il-Kummissjoni ssostni li hija spjegat diversi drabi lill-awtoritajiet Olandiżi r-riżervi tagħha fir-rigward tal-emendi tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-emenda prevista inizjalment ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni l-effett dilwattiv li kien ikollu l-ġbir neċessarju tal-kapital fuq ir-rimbors antiċipat. Il-Kummissjoni tirrileva li hija tat ukoll lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi l-possibbiltà li jifformula osservazzjonijiet dwar l-abbozz tal-espożizzjoni tal-fatti tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jindika li l-emenda kienet tagħti lil ING “vantaġġ addizzjonali li jammonta għal EUR 1.79 sa 2.5 biljun”. Permezz ta’ dan, il-Kummissjoni tikkontesta li hija aġixxiet bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha. Fil-fatt, huwa evidenti li l-għoti ta’ vantaġġ addizzjonali jwassal għall-għoti ta’ għajnuna addizzjonali mill-Istat. Barra minn hekk il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed. Hija ma kkonstatatx f’din tal-aħħar li ING kienet ser tirrimborsa EUR 5 biljun bir-rata ta’ 150 %, iżda hija ma kinitx obbligata li tagħmel din il-konstatazzjoni. L-element importanti kien li l-emenda kienet tagħti lil ING il-possibbiltà li tirrimborsa b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk miftiehma inizjalment. Il-motivazzjoni hija fil-qosor iżda suffiċjenti. Fir-rigward tal-allinjament tal-pożizzjoni ta’ ING ma’ dawk ta’ stabbilimenti finanzjarji oħra, il-Kummissjoni ssostni li huwa evidenti li l-eliminazzjoni ta’ piż normali fuq impriża jiġġenera vantaġġ u li għaldaqstant ma kienx neċessarju li hija tadotta pożizzjoni b’mod espress fuq il-kwistjoni tat-trattament mogħti lil AEGON u lil SNS Reaal.

2.     L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

a)     Osservazzjonijiet fuq il-kunċett ta’ għajnuna u fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

95      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-argumenti relatati mal-legalità sostantiva, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jipprovdi li, “[b]la ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

96      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. Għalhekk, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fl-ewwel lok, għandu jkun involut intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fit-tieni lok, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura tali li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fit-tielet lok, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u, fir-raba’ lok, dan għandu jikkawża distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, Ġabra p. I‑7831, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tat-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Sabiex jiġi ddeterminat tali “vantaġġ” f’każ ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital, hemm lok li jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs paragunabbli ma’ dak ta’ awtorità pubblika kienx jasal li jagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-istess ammont, fid-dawl b’mod partikolari tal-informazzjoni disponibbli u tal-evoluzzjonijiet prevedibbli meta saru l-imsemmija kontribuzzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Stardust Marine”, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 70, u tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 38). Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Stardust Marine, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, sabiex jiġi eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-aġir ta’ investitur prudenti fl-ekonomija tas-suq, jeħtieġ li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest taż-żmien li matulu kienu ttieħdu l-miżuri ta’ sostenn finanzjarju sabiex tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat u għalhekk tiġi evitata kull evalwazzjoni li tkun ibbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti (sentenza Stardust Marine, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

98      Tali prinċipji japplikaw fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, wara li jkun iddeċieda li jipparteċipa f’kontribuzzjoni ta’ kapital maħruġa minn impriża suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet ta’ rimbors, l-Istat jaċċetta li jemenda l-imsemmija kundizzjonijiet. F’tali ċirkustanzi, għajnuna mill-Istat setgħet ingħatat kemm waqt il-kontribuzzjoni ta’ kapital, li tinkludi neċessarjament l-informazzjoni li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ rimbors eventwali ulterjuri jew remunerazzjoni eventwali tal-imsemmi kapital, kif ukoll waqt l-emenda ta’ dawk il-kundizzjonijiet tar-rimbors, jekk jirriżulta li l-Istat ma aġixxiex f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet bħal investitur privat f’sitwazzjoni simili. Il-paragun tal-aġir tal-Istat ma’ dak ta’ investitur privat għandu jsir billi tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni disponibbli u evoluzzjonijiet prevedibbli fid-data ta’ dawn il-miżuri. Għaldaqstant sabiex tiġi evalwata l-analiżi mill-Kummissjoni tar-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat f’dan il-każ, hemm lok li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-mument meta ttieħdu l-miżuri, jiġifieri, f’dan il-każ, fil-ħarifa tal-2008 għall-kontribuzzjoni ta’ kapital u d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali u l-ħarifa tal-2009 għall-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors rispettivament. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li skont ġurisprudenza stabbilita l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha meta hija adottat id-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra. p. I‑2577, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Konsegwentement, hemm lok li tinċaħad id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ma setgħetx jew ma kellhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur privat, peress li din tal-aħħar, li ngħatat ftit wara l-kontribuzzjoni ta’ kapital, kellha titqies bħala “miżura addizzjonali favur il-benefiċċjarju ta’ għajnuna mill-Istat matul ristrutturazzjoni” (ara l-punt 87 iktar ’il fuq). Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 98, ma huwiex possibbli għall-Kummissjoni li tevita, kif tipproponi li tagħmel, l-obbligu tagħha li teżamina r-razzjonalità ekonomika tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tal-prinċipju ta’ investitur privat minħabba s-sempliċi raġuni li l-kontribuzzjoni ta’ kapital li kienet is-suġġett tar-rimbors kienet fiha nfisha diġà tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, huwa biss wara li twettaq tali eżami li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi dwar jekk ingħatax vantaġġ addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

100    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif definit f’din id-dispożizzjoni, huwa ta’ natura legali li għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża ppreżentata quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10505, punt 111).

101    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punti 10 u 11, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 114). Madankollu hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 114).

102    F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom iseħħu fil-kuntest tal-Unjoni, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni minn stħarriġ tal-interpretazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra p. I‑7763, punti 64 u 65).

103    Madankollu, il-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha. Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, punt 102 iktar ’il fuq, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    F’dak il-kuntest, bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ ta’ art minn awtorità pubblika lil impriża kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, kien hemm lok li l-Kummissjoni tapplika l-kriterju ta’ investitur privat, sabiex jiġi vverifikat jekk il-prezz imħallas mill-benefiċjarju preżunt, jikkorrispondix mal-prezz li investitur privat, li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, seta’ jiffissa. B’mod ġenerali, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika minn naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika kumplessa (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, punt 102 iktar ’il fuq, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Għaldqastant, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, sa fejn din tagħti vantaġġ lil benefiċjarju tagħha fid-dawl tad-definizzjoni esposta fil-punt 96 iktar ’il fuq, taqa’, bħala prinċipju, taħt l-istħarriġ sħiħ tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tkun tal-opinjoni li l-identifikazzjoni tal-għajnuna tkun tpoġġi f’dubju evalwazzjoni ekonomika kumplessa mwettqa mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, billi aċċetta l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, l-Istat Olandiż aġixxiex kif kien jaġixxi investitur privat prudenti ta’ daqs paragunabbli, tali kwistjoni taqa’ taħt stħarriġ limitat skont il-modalitajiet iddefiniti fil-punt 102 iktar ’il fuq.

106    Għalhekk, sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ informazzjoni li kellha jew li seta’ jkollha l-Kummissjoni fit-18 ta’ Novembru 2009, li hija d-data li fiha hija adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, jekk jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tiġi kontradetta jew impoġġija f’dubju minn elementi ta’ informazzjoni li ma kinitx taf bihom waqt il-proċedura amministrattiva, ikun hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali elementi setgħux ikunu magħrufa u meħuda inkunsiderazzjoni tempestivament u, jekk dak kien il-każ, jekk dawn l-elementi ta’ informazzjoni kellhomx normalment jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, tal-inqas bħala informazzjoni rilevanti sabiex jiġi applikat il-kriterju ta’ investitur privat (ara l-punti 102 sa 104 iktar ’il fuq).

107    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-argumenti relatati mal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-livell proċedurali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jinvokaw, b’mod ġenerali, diversi garanziji kkonferiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, speċjalment meta dawn jistgħu jwasslu għal deċiżjoni li tipproduċi effetti legali obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet previsti mir-riżultat tagħha. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tesponi l-opinjoni tagħha qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll dak li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni. L-osservanza ta’ dawn il-garanziji hija ta’ importanza iktar fundamentali meta l-Kummissjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punti 13 u 14; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punt 73; ara wkoll, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1) u, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 58).

108    B’mod partikolari hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-elementi kollha li hija għandha (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 62).

109    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx b’mod korrett, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital twassal għal vantaġġ addizzjonali għal ING, jiġifieri għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun.

b)     Evalwazzjoni tar-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors

110    Mill-punti 97 sa 99 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha sabiex tikkonstata li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mingħajr ma tipproċedi preliminarjament bl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-emenda mwettqa kinitx tagħti lil ING vantaġġ li investitur privat impoġġi fl-istess sitwazzjoni bħall-Istat Olandiż ma kienx jagħti, eżami li jippreżumi b’mod partikolari l-paragun tal-kundizzjonijiet tar-rimbors inzjali mal-kundizzjonijiet emendati.

111    Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni kienet obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, dawk li kienu jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali u mill-kundizzjonijiet emendati. Fost dawn l-elementi hemm, fl-ewwel lok, il-fatt li l-kundizzjonijiet inizjali ma kinux jipprevedu obbligu, iżda biss il-fakultà li ING tixtri mill-ġdid it-titoli akkwistati mill-Istat Olandiż fit-terminu ta’ tliet snin previst għal dan l-effett, fit-tieni lok, il-fatt li l-kundizzjonijiet inizjali kienu jiżguraw biss lill-Istat qligħ annwali ekwivalenti għall-interessi akkumulati u, fit-tielet lok, il-fatt li, permezz tal-kundizzjonijiet emendati, l-Istat ġie żgurat il-perċezzjoni ta’ qligħ annwali ta’ 15 %.

112    Madankollu mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet il-paragun imsemmi fil-punt 110 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tindika li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienu jwasslu għal nuqqas ta’ qligħ għall-Istat Olandiż.

113    Fil-fatt, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkaratterizzat l-eżistenza tal-għajnuna addizzjonali, evalwazzjoni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jikkontestaw il-legalità tagħha, billi indikat, minn naħa, li “[l]-emenda tal-primjum tal-ħlas lura [ħlas addizzjonali ta’ rimbors] tikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat safejn l-Istat iċedi d-dritt tiegħu li jikseb dħul” u, min-naħa l-oħra, li din l-emenda “[t]irrappreżenta għajnuna addizzjonali ta’ madwar 2 biljun EUR”. Din il-karatterizzazzjoni tal-għajnuna addizzjonali mill-Kummissjoni essenzjalment hija bbażata fuq l-allegata neċessità għal ING li tosserva l-kundizzjonijiet inizjali f’każ ta’ rimbors antiċipat bil-għan li tiddetermina r-remunerazzjoni dovuta lill-Istat. Issa, skont il-kundizzjonijiet inizjali, xiri mill-ġdid antiċipat ta’ 500 miljun titolu ING neċessarjament jinkludi l-ġbir mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ ħlas addizzjonali ta’ EUR 2.5 biljun, liema ħlas addizzjonali huwa ogħla minn dak imħallas abbażi tal-kundizzjonijiet emendati. Din l-idea hija ddikjarata fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn huwa indikat li, “[f]i kliem ieħor, b’kunsiderazzjoni li ING normalment ikollha tħallas 2,5 biljun EUR primjum ta’ ħlas lura [ħlas addizzjonali ta’ rimbors] din l-emenda tirriżulta f’vantaġġ addizzjonali għal ING ta’ bejn 1,79 u 2,2 biljun EUR skont il-prezz tas-suq tal-ishma tal-ING”, u msemmija mill-ġdid fil-premessa 98 tal-imsemmija deċiżjoni, li fiha hemm ippreċiżat li, “[p]eress li ING diġà qablet rigward primjum ta’ [ħlas addizzjonali ta’ rimbors] ħlas lura ta’ [50 % (flok ta’ 150 %, ara l-premessa 33)] kwalunkwe tnaqqis huwa fil-fatt dħul rinunzjat”.

114    Konsegwentement, l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors twassal, skont il-Kummissjoni, għal nuqqas ta’ qligħ għall-Istat Olandiż, ekwivalenti għal għajnuna addizzjonali, f’ammont li jekwivali għad-differenza bejn l-ammont previst inizjalment skont il-kundizzjonijiet inizjali u l-ammont li għandu jitħallas abbażi tal-kundizzjonijiet emendati. Sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(b) KE, partikolarment tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet kont ukoll tal-eżistenza ta’ għajnuna addizzjonali ta’ madwar EUR 2 biljun.

 Fuq l-analiżi de jure tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors

115    Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ma wasslitx de jure għal nuqqas ta’ qligħ għall-Istat Olandiż, sa fejn l-Istat ma rrinunzjax għal qligħ garantit, iżda sempliċement għall-possibbiltà tal-ġbir, għal parti mit-titoli maħruġa, ta’ qligħ annwali massimu għoli ħafna (iktar minn 50 % fis-sena).

116    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna addizzjonali, il-Kummissjoni neċessarjament ibbażat ruħha fuq il-premessa li l-kundizzjonijiet inizjali kienu l-uniċi li setgħu japplikaw f’każ ta’ rimbors (ara l-punt 113 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet inizjali kienu jippreċiżaw, li, f’każ ta’ xiri mill-ġdid minn ING tat-titoli maħruġa fl-okkażjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, dawn tal-aħħar kienu jinxtraw mill-ġdid b’EUR 15 għal kull titolu. Madankollu, mit-test tal-ftehim inizjali jirriżulta b’mod ċar li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma setax jobbliga lil ING sabiex tirrimborsah, a fortiori u antiċipatament, in-nofs tal-kontribuzzjoni ta’ kapital billi jiġi integrat il-ħlas addizzjonali tar-rimbors ta’ 50 % fir-rigward tal-prezz tal-ħruġ ta’ EUR 10 li kien hemm definit fih (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), u dan kif ġie rrikonoxxut espressament mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha (ara l-punt 82 iktar ’il fuq) u waqt is-seduta, kif dan ġie mniżżel fl-atti tal-proċess. Abbażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet inizjali, il-possibbiltà li jiġi rrimborsat l-ammont tal-kapital ipprovdut matul l-ewwel tliet snin kienet offruta biss lil ING, li kienet fil-libertà li tagħżel jew le li teżerċita l-għażla korrispondenti kif kienet tqis li huwa xieraq. Isegwi li kien biss abbażi tal-kundizzjonijiet emendati li l-Istat Olandiż seta’ jkollu ċ-ċertezza tar-rimbors ta’ parti mill-ammont imħallas skont il-kontribuzzjoni ta’ kapital fit-tliet snin previsti għal dak l-għan. Madankollu tali ċertezza ma kinitx teżisti abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali.

117    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha (ara l-punti 87 u 88 iktar ’il fuq) li l-Kummissjoni ddikjarat li ma huwiex ikkontestat li l-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali setgħu jwasslu għal qligħ ta’ 31 %, pereżempju, fil-każ ta’ rimbors fl-aħħar tat-tieni sena u f’każ ta’ ħlas ta’ ċedola kull sena u li, għaldaqstant, l-ebda investitur privat ma kien jaċċetta li jiġi rrimborsat mingħajr ma jipprevalixxi ruħu mill-qligħ previst inizjalment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li huwa żbaljat li tiġi invokata l-inċertezza tar-rimbors, peress li ING dejjem indikat li hija ser tirrimborsa kemm jista’ jkun malajr. Dawn l-ispjegazzjonijiet wasslu lill-Kummissjoni biex tikkonferma fil-kitbiet tagħha li ING kienet obbligata li tirrimborsa skont il-kundizzjonijiet previsti inizjalment għal dak l-għan. Fil-każ li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jilħqu ftehim sabiex tiġi rrimborsata antiċipatament parti mill-kontribuzzjoni ta’ kapital b’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti inizjalment, il-Kummissjoni ma jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li timponi fuq ING l-adempjenza tal-ħlas addizzjonali previst inizjalment permezz tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna addizzjonali. Ma tista’ tiġi prevista l-ebda ipoteżi ta’ rimbors ħlief dik li ġiet definita fil-ftehim inizjali. Skont il-Kummissjoni, l-ebda investitur privat ma kien ser jirrinunzja għal dak li seta’ jispera li ser ikun l-aħjar.

118    F’dan il-kuntest, jekk jiġi segwit ir-raġunament tal-Kummissjoni, il-modalitajiet tar-rimbors ta’ self konkluż bejn żewġ partijiet f’mument partikolari ma jkunux jistgħu jiġu emendati sussegwentement, li f’dak il-każ kienu intiżi, pereżempju, sabiex jittieħed kont tal-evoluzzjoni jew tal-istaġnar tal-valur tal-Borża, tar-ritorn tal-likwidità fis-swieq finanzjarji jew tat-tmiem tal-moviment ta’ paniku. Tali approċċ, li jillimita ruħu sabiex jinvoka emenda fir-rigward tal-kundizzjonijiet inizjali, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jikkaratterizza għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE, peress li jħalli barra totalment kemm l-għażla, u mhux id-dritt, tal-Istat Olandiż li jiġi rrimborsat abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali kif ukoll ir-razzjonalità ekonomika li tista’ tispjega l-emenda mwettqa.

119    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li n-nuqqas ta’ eżami fid-deċiżjoni kkontestata tar-razzjonalità ekonomika tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors mill-perspettiva ta’ investitur privat impoġġi f’pożizzjoni paragunabbli ma’ dik tal-Istat Olandiż huwa iktar inaċettabbli peress li, fid-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni kienet semmiet diversi elementi rilevanti għal tali eżami fil-kuntest tal-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 87 KE, tal-għajnuna mogħtija skont il-kontribuzzjoni ta’ kapital f’dak l-istadju tal-proċedura amministrattiva. Għalhekk, jirriżulta li r-rata minima ta’ qligħ intern prevista u miksuba skont il-kundizzjonijiet emendati (15 %, il-kategorija proposta kienet ta’ bejn 15 % u madwar 22 %, ara l-punt 85 iktar ’il fuq) kienet ogħla mir-rata msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inizjali meta hija kienet qiegħda tipprevedi r-remunerazzjoni dovuta minn ING lill-Istat Olandiż bħala korrispettiv għall-kontribuzzjoni ta’ kapital, li kienet tirreferi għal kategorija ta’ “iktar minn 10 %” iżda ta’ inqas minn “15 % jew iktar”. Fil-premessi 63 sa 67 tad-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni kienet tindika f’dan ir-rigward:

“(63) Mid-data riċenti jirriżulta li, billi jirrifletti s-suq fi kriżi, il-qligħ attwali għall-kapital Tier 1 ibridu huwa ta’ madwar 15 % jew iktar. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jekk ir-remunerazzjoni kellha tiġi ffissata fl-ammont tal-livell ta’ clearing attwali, il-bank ma jistax jibbenefika minn din it-tip ta’ miżura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid tallinja ruħha mal-kundizzjonijiet tas-suq fuq medda twila ta’ żmien u mhux timponi fuq il-banek il-kundizzjonijiet sfavorevoli attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet riċenti fuq il-livelli ta’ rikapitalizzazzjoni fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, aċċettat livelli ta’ remunerazzjoni ta’ 12 u 10 % rispettivament, flimkien, barra minn hekk, ma’ restrizzjonijiet stretti fil-qasam tal-aġir.

(64) Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi, u b’mod partikolari tar-riskju ta’ profil, ta’ titoli, tikkunsidra li f’dan il-każ huwa meħtieġ qligħ mistenni totali ta’ iktar minn 10 %.

(65) L-awtoritajiet Olandiżi jqisu li huwa probabbli ħafna li tali qligħ jintlaħaq permezz tal-għadd flimkien taċ-ċedoli bir-rata ta’ 8.5 % (anki iktar, skont il-livell tad-dividend distribwit), il-possibiltà tal-konverżjoni f’azzjonijiet ordinarji jew il-possibbiltà ta’ xiri mill-ġdid minn ING fil-livell ta’ 150 % (EUR 15 kull titolu). Il-Kummissjoni tikkunsidra dan il-livell bħala l-minimu neċessarju fiċ-ċirkustanzi attwali. L-awtoritajiet Olandiżi fil-fatt ippreżentaw xenarji differenti li minnhom jirriżulta li l-qligħ jista’ eventwalment ikun kbir ħafna, u dan jiddependi ħafna fuq ir-riżultati tal-ekonomija Olandiża u fuq l-ekonomija dinjija u għaldaqstant fuq il-prestazzjoni futura tal-azzjonijiet ta’ ING. Fir-rigward tal-ħlas taċ-ċedoli, jeħtieġ li jiġi mistenni li ING, fl-ipoteżi li r-riżultati finanzjarji tal-impriża jitjiebu u li l-prezz ta’ azzjoni ta’ ING jeċċedi fit-tliet snin il-EUR 15, tiddistribwixxi dividend wieħed jew l-ieħor fit-tliet snin. Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ xiri mill-ġdid, iktar mal-prezz tal-azzjoni ING jeċċedi l-livell ta’ EUR 15, iktar ikun interessanti għall-azzjonisti li jixtru lura l-istrument. Dan l-istimolu huwa bbażat fuq il-fatt li[, minn naħa,] l-istrument, f’dan ix-xenarju, huwa dejjem iktar għoli mill-azzjoni ordinarja u[, min-naħa l-oħra,] jekk il-prezz ta’ azzjoni ikun materjalment iktar minn EUR 15, ikun hemm instigazzjoni addizzjonali sabiex ING tiżgura, għall-benefiċċju tal-azzjonisti tagħha, li jitneħħa r-riskju ta’ dilwazzjoni minħabba l-konverżjoni tal-istrument f’azzjonijiet ordinarji.

(66) F’dan ix-xenarju, f’każ li l-impriża tixtri mill-ġdid l-istrument wara tliet snin (u jekk jiġi preżunt li ser jitħallas dividend fuq bażi annwali, iżda li l-Istat jiġbor biss iċ-ċedola ta’ 8.5 %), il-qligħ totali iġġenerat mill-Istat ikun jammonta għal 22.1 % fis-sena. Jekk ix-xiri mill-ġdid isir wara ħames snin, il-qligħ baxx jinbidel għal 16 % fis-sena u, f’każ li, matul dan il-perijodu, ma jiġi ddistribwit l-ebda dividend, il-qligħ ikun ukoll baxx, u jkun stabbilit għal 15.9 u 9.3 % rispettivament.

(67) B’kunsiderazzjoni tal-punti 65 u 66, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala plawżibbli li l-qligħ tal-investimenti tal-Istat jeċċedi l-10 %. Il-Kummissjoni tfakkar li hija karatteristika tal-kapital Tier 1 ferm subordinat li tkun teżisti ċerta inċertezza dwar il-qligħ. Huwa wkoll preċiżament għal din ir-raġuni u b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-istrument, li l-qligħ mistenni għandu jkun ta’ iktar minn 10 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħti evalwazzjoni favorevoli fir-rigward tal-obbligi ċċitati fil-punt 31 meħuda minn ING u l-awtoritajiet Olandiżi fid-dawl tal-ħlas tad-dividendi [fil-punt 31 huwa indikat li: ‘L-awtoritajiet Olandiżi obbligaw ruħhom li jagħmlu minn kollox biex jintlaħaq qligħ fuq it-titoli ta’ mill-inqas 10 % [; l-]awtoritajiet Olandiżi jikkunsidraw li tali qligħ jista’ ferm probabbilment jintlaħaq permezz tal-għadd flimkien ta’ ċedoli bir-rata ta’ 8.5 % (eventwalment iktar skont il-livell ta’ dividendi distribwiti) u l-alternattiva ta’ xiri mill-ġdid [;] ING iddikjarat ukoll li hija ser iżżomm il-politika eżistenti fil-qasam tad-dividendi’]. Il-Kummissjoni tieħu nota wkoll tal-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi obbligaw ruħhom li jipproċedu b’notifika ġdida, kif esposta taħt il-punt 32, fil-każ li l-qligħ mistenni ma jintlaħaqx, anki jekk il-Kummissjoni tammetti li ma jistax ikun hemm ċertezza fid-dawl tal-imsemmi qligħ.”

120    Mill-premessi esposti fil-premessi 63 sa 67 tad-deċiżjoni inizjali jirriżulta li, ċertament fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni u mhux tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ investitur privat, li l-Kummissjoni kienet perfettament konsapevoli, f’dan l-istadju tal-proċedura, mill-għażliet differenti mogħtija mill-ftehim inizjali kif ukoll mill-probabbiltajiet imsemmija f’dan ir-rigward sa fejn huma kkonċernati x-xenarji prevedibbli differenti. Qligħ ta’ 31 % imsemmi mill-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha jikkostitwixxi b’mod ċar massimu, u bl-ebda mod klawżola intanġibbli u irrevokabbli jew l-unika bażi ta’ referenza sabiex jiġi evalwat il-qligħ mistenni.

121    Barra minn hekk, mill-evalwazzjoni mwettqa fid-deċiżjoni inizjali mill-Kummissjoni jirriżulta wkoll li din tal-aħħar kienet tikkunsidra f’Novembru tal-2008 li, “billi jirrifletti s-suq fi kriżi”, il-qligħ mistenni mis-suq għat-titoli tat-tip ta’ dawk maħruġa waqt il-kontribuzzjoni ta’ kapital kien ta’ “15 % jew iktar”. Dan il-qligħ kien ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala kbir wisq u li hija kienet tkun sodisfatta f’dan l-istadju bi qligħ ta’ “iktar minn 10 %”. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li investituri privati setgħu jkunu interessati f’titoli simili. A fortiori, ma jistax jiġi eskluż li tali investituri setgħu kienu wkoll interessati f’tali titoli f’Novembru tal-2009, f’mument meta l-kriżi finanzjarja kienet qiegħda tinħass inqas u meta kien permess li wieħed jaħseb li l-qligħ mistenni mis-suq seta’ jkun iżgħar, kif irrikonoxxut mill-Kummissjoni.

122    Issa, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma wettqitx fid-deċiżjoni kkontestata eżami sabiex tiddetermina kif qligħ ta’ bejn 15 % u 22 % mogħti lill-Istat Olandiż wara l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ma kienx jikkorrispondi ma’ dak li raġonevolment seta’ jkun mistenni minn investitur privat iffaċċjat b’sitwazzjoni simili, jiġifieri detentur ta’ titoli tat-tip ta’ dawk maħruġa waqt il-kontribuzzjoni ta’ kapital li jistgħu jiġu rrimborsati minn min ħariġhom.

123    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-data rilevanti mressqa mir-rikorrenti waqt is-seduta, b’mod partikolari fir-rigward tal-qligħ mistenni differenti u l-aġir ta’ investitur privat ta’ referenza kif inhuma esposti fir-rapport u l-analiżi Rothschild, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn kienu elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kellha diġà jew seta’ jkollha fil-mument meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni tali elementi, anki ipotetikament, peress li r-raġunament tagħha kien ibbażat fuq il-premessa fattwali żbaljata li, f’każ ta’ rimbors, huma biss il-kundizzjonijiet inizjali li japplikaw, u dan ipso facto jikkostitwixxi għall-Istat Olandiż “dritt li jiddaħħal qligħ” iddeterminat bħala konsegwenza. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni u tevalwa tali elementi ta’ informazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ marbut mal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, b’mod partikolari dawk li jirrendu kredibbli l-ipoteżi li investitur privat jista’ jiġi instigat li jissostitwixxi ċertezza b’inċertezza u li jikseb f’dan ir-rigward qligħ iddeterminat minflok qligħ aleatorju. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni tali elementi u teżamina l-effett tagħhom fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna (ara l-punt 99 iktar ’il fuq).

124    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tallega li hija poġġiet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lil ING f’pożizzjoni li jipproduċu tali data fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva minħabba li ppermettitilhom li jesponu l-opinjoni tagħhom fuq il-parti relatata mal-fatti tal-abbozz ta’ deċiżjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax issostni raġonevolment li l-fatt li hija tathom xi sigħat sabiex jesponu l-opinjoni tagħhom, fis-6 ta’ Novembru 2009, fuq l-espożizzjoni tal-fatti li hija kienet ser tinkludi fid-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex tiġi premessa l-preżentazzjoni ta’ tali data. Mhux biss il-ħin konċess sabiex tingħata risposta kien qasir wisq, iżda la r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lanqas ING ma setgħu jkunu jafu, f’dan l-istadju, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tirreferi għall-kriterju ta’ investitur privat sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna relatata mal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx tindika, f’dan id-dokument liema kienet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kwistjoni dwar ir-raġunijiet li abbażi tagħhom l-Istat Olandiż kellu d-“dritt li jdaħħal” EUR 2.5 biljun jew dawk li abbażi tagħhom ING kellha l-obbligu li tħallas tali ammont f’każ ta’ rimbors antiċipat u l-kwistjoni tal-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mill-qligħ mistenni u magħruf mill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet il-ġodda tar-rimbors. Il-Kummissjoni lanqas ma kienet irrispondiet għall-argument ibbażat fuq it-trattament ugwali invokat mill-Istat Olandiż waqt il-komunikazzjoni tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien spjega li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kellha l-għan li toffri lil ING kundizzjonijiet ta’ natura simili għal dawk mogħtija lil AEGON u lil SNS Reaal.

125    Konsegwentement, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna billi naqset milli tevalwa jekk, billi aċċetta l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, l-Istat Olandiż aġixxiex bħalma kien jaġixxi investitur privat f’sitwazzjoni simili, partikolarment minħabba l-fatt li l-Istat Olandiż seta’ jiġi rrimborsat b’mod antiċipat u li kien jibbenefika f’din l-okkażjoni minn ċertezza ikbar li jiġi rremunerat b’mod sodisfaċenti fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti f’dan il-mument.

 Fuq l-analiżi de facto tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors

126    Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġġustifika l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qligħ billi ssostni li ING kienet de facto obbligata li tixtri mill-ġdid parti mit-titoli skont il-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali, anki jekk ma kinitx obbligata li tagħmel dan de jure, argument li ma huwa bl-ebda mod sostnut fid-deċiżjoni kkontestata.

127    Barra minn hekk, il-motivi invokati mill-Kummissjoni, għall-ewwel darba, quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex turi li ING kienet de facto obbligata li tixtri mill-ġdid parti mit-titoli maħluqa fil-kuntest taż-żieda tal-kapital imwettqa fil-11 ta’ Novembru 2008 skont il-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali ma humiex konvinċenti u huma kontradetti minn spjegazzjonijiet, iktar konvinċenti, ppreżentati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ING u DNB.

128    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jesponu b’mod konvinċenti r-raġunijiet li abbażi tagħhom ING ma użatx l-alternattiva tar-rimbors li ġiet proposta lilha skont il-ftehim inizjali żmien twil qabel ma l-prezz tal-azzjoni ING kien qiegħed joqrob b’mod sinjifikattiv lejn EUR 15 (ara, b’mod partikolari, il-punt 86 iktar ’il fuq).

129    Fil-fatt, il-maġġoranza ta’ dik id-data, jiġifieri dik kollha relatata mal-evoluzzjoni tal-valur tal-Borża tal-azzjoni ING sal-jum meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, fit-18 ta’ Novembru 2009, bħall-ipoteżi tal-evoluzzjoni ta’ dan il-valur tal-Borża fuq medda qasira u medja ta’ żmien mwettqa f’dan il-mument mill-analisti tal-borża, kienet disponibbli fil-mument meta l-Kummissjoni ddefinixxiet il-kuntest fattwali sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-għajnuna addizzjonali. Il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora dawn l-elementi, peress li l-prezz tal-azzjoni ING u l-evoluzzjoni probabbli tiegħu f’dak iż-żmien kienu jikkostitwixxu data rilevanti sabiex tiġi evalwata l-importanza li l-kundizzjonijiet inizjali seta’ jkollhom sabiex tiġi evalwata l-allegata eżistenza tad-“dritt li jiddaħħal qligħ” u ta’ għajnuna addizzjonali mogħtija fl-okkażjoni tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors.

130    Abbażi ta’ din id-data, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING isostnu li ma kienx razzjonali għal ING li tixtri t-titoli maħruġa waqt il-kontribuzzjoni ta’ kapital bil-ħlas addizzjonali tar-rimbors definit fil-kundizzjonijiet inizjali jekk il-prezz tal-azzjoni ING kien inqas minn EUR 15. Din id-dikjarazzjoni hija sostnuta b’mod partikolari mill-memorandum ippreparat mill-bank tal-investiment Goldman Sachs għal ING fit-12 ta’ Mejju 2009, li jippreżenta d-diversi xenarji possibbli u l-interess tagħhom għal ING, fir-rigward b’mod partikolari tar-rwol tal-livell massimu li għandu l-valur ta’ EUR 15, li jiskatta r-rimbors skont il-kundizzjonijiet inizjali. It-tabella li turi l-valur tal-Borża tal-azzjoni ING bejn Settembru 2008 u Mejju 2010, ikkomunikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni, turi wkoll li l-valur tal-azzjoni dejjem kien b’mod sinjifikattiv taħt il-EUR 15, fi kwalunkwe każ, sat-18 ta’ Novembru 2009, data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Din id-data ma hijiex ikkontestata mill-argument invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq in-neċessità li jittieħed kont tal-effett ta’ dilwazzjoni marbut mal-ħruġ ta’ azzjonijiet rikjest għall-kisba tal-fondi neċessarji għar-rimbors antiċipat fuq il-valur tal-azzjoni ING, kif dan jirriżulta mit-tabella kkomunikata f’dan ir-rigward mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi waqt is-seduta, li juri li, fi kwalunkwe każ, il-livell meħtieġ għall-kisba ta’ tali fondi skont kundizzjonijiet ekonomikament razzjonali ma ntlaħaqx.

131    Barra minn hekk, fir-rigward tal-evoluzzjonijiet probabbli tal-valur tal-azzjoni ING fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, ING tiċċita rapporti ta’ analiżi differenti ppubblikati fl-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2009, li jistabbilixxu li l-valur ta’ mira tal-azzjoni ING fuq tnax-il xahar kien ivarja minn EUR 9 għal Nomura, sa EUR 12.90 għal Bank of America Merrill Lynch, filwaqt li l-analisti l-oħra, jiġifieri Citi, Deutsche Bank, KBW, Morgan Stanley u UBS, kienu qed jipprevedu valur ta’ mira ta’ bejn EUR 10.60 u EUR 11.50, li huwa ferm inqas mil-livell ta’ EUR 15. Il-Kummissjoni ma tikkontestax din id-data bħala tali.

132    Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING isostnu li r-rimbors fl-2009 tat-titoli maħruġa waqt il-kontribuzzjoni ta’ kapital abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali kien jirrikjedi li ING tipproċedi bi ħruġ ta’ azzjonijiet, peress li dak iż-żmien hija ma kellhiex fondi disponibbli sabiex tirrimborsa dawn it-titoli. Għalhekk kien ikun illoġiku li jinħarġu azzjonijiet b’valur ta’ inqas minn EUR 15 sabiex jiġu rrimborsati t-titoli ta’ EUR 15. Kien biss iktar tard li ING setgħet tirrimborsa t-titoli maħruġa mill-profitti miżmuma — u għal darba oħra bil-kundizzjoni li ma jitħallsux dividendi — jew rikavat tat-trasferimenti mwettqa.

133    L-argumenti tal-Kummissjoni sabiex tikkonfuta r-rilevanza ta’ dawn l-elementi ma jistgħux jintlaqgħu (ara l-punti 82 u 87 iktar ’il fuq). Għalhekk, il-fatt li l-valur tal-Borża tal-azzjoni ING laħaq EUR 43 qrib l-2001 ma jistax ikun suffiċjenti sabiex ipoġġi f’dubju l-argumenti bbażati fuq l-evoluzzjoni konkreta tal-valur tal-Borża ta’ din l-azzjoni mill-bidu tal-kriżi finanzjarja tal-2008 sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq l-espożizzjoni tal-evoluzzjonijiet previsti f’dak il-mument mill-analisti. Bl-istess mod, l-osservazzjonijiet ibbażati fuq l-intenzjoni espressa minn ING li tirrimborsa jekk dan ikun possibbli ma jistax ikollhom l-effett li jinnegaw il-portata legali tal-alternattiva mogħtija lil ING u tal-interess li kellha din l-impriża li teżerċita fid-dawl tal-evoluzzjoni reali tal-valur tal-azzjoni fil-Borża, li fuqu tiddependi l-ispiża u għaldaqstant l-eventwalità ta’ rimbors imwettaq abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-intenzjoni ċċitati mill-Kummissjoni ma jiswew xejn iktar minn dak li jtennu, jiġifieri li, jekk dan kien possibbli, ING tirrimborsa. Madankollu tali deċiżjoni tifforma parti minn għadd ta’ data oġġettiva u razzjonali invokata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li r-realtà tagħha ma tistax tiġi nnegata mill-Kummissjoni, kif din tagħmel fid-deċiżjoni kkontestata billi tibbaża ruħha fuq premessa żbaljata.

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ING ma kinitx ser teżerċita l-alternattiva li tippermettilha li tirrimborsa l-ammont tal-kapital kontribwit matul l-ewwel tliet snin ħlief fil-preżenza ta’ ċirkustanzi ekonomiċi determinati li qatt ma ġraw u li lanqas ma kienu probabbli fid-dawl tal-valur tal-Borża u tal-evoluzzjoni prevedibbli tal-azzjoni ING matul il-ħarifa tal-2009. Minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li teżamina d-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “dritt li jiddaħħal qligħ fl-ammont ta’ EUR 2.5 biljun” f’każ ta’ rimbors antiċipat, id-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant ivvizzjata f’dan ir-rigward.

135    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-Istat sofra nuqqas ta’ qligħ, hija ma ddeterminatx b’mod korrett l-ammont ta’ dan l-allegat nuqqas ta’ qligħ. Għalhekk, minn qari tal-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara l-punti 83 u 84 iktar ’il fuq), jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-ammont tal-għajnuna addizzjonali, il-Kummissjoni naqset li tieħu inkunsiderazzjoni data rilevanti oħra għall-analiżi tal-kunċett ta’ għajnuna. Fil-fatt, wara l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, il-ħlas ta’ ċedola li tirrappreżenta l-interessi akkumulati fil-mument tar-rimbors antiċipat ma kienx jiddependi iktar, kif kien il-każ abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali, fuq il-ħlas ta’ dividend lill-azzjonisti tal-azzjonijiet ordinarji. Għalhekk l-Istat Olandiż ġie rikonoxxut bid-dritt għal ammont ta’ flus li qabel ma kellux neċessarjament dritt għalih, peress li l-kisba tiegħu kienet ikkundizzjonata mid-deċiżjoni ta’ ING li tħallas jew le dividend.

136    Fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-18 ta’ Novembru 2009, din tal-aħħar kellha konjizzjoni ta’ tali data, li tirriżulta mill-kundizzjonijiet emendati stess. Barra minn hekk, sa mill-mument li fih il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi b’paragun bejn iż-żewġ verżjonijiet tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi li kienu jeżistu bejn dawn il-verżjonijiet sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE (ara l-punt 111 iktar ’il fuq). Id-differenza inkwistjoni, jiġifieri l-ħlas mhux ikkundizzjonat ta’ ċedola li tirrappreżenta l-interessi akkumulati fil-mument tar-rimbors antiċipat, ma setgħetx tiġi injorata mill-Kummissjoni, peress li din kienet determinanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kinitx timplika l-għoti ta’ vantaġġ addizzjonali lil ING. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikseb tempestivament parti mill-informazzjoni rilevanti sabiex tevalwa l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, li ġiet ikkomunikata minn ING lill-pubbliku fl-istqarrija għall-istampa tagħha tat-12 ta’ Awwissu 2009 fuq ir-riżultati miksuba fit-tieni trimester tas-sena 2009, li tiddikjara li “ING [kienet] iddeċidiet li ma tħallasx dividend temporanju fuq l-azzjonijiet ordinarji għas-sena 2009”.

137    F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li l-imsemmija differenza ma nġabitx b’mod speċifiku għall-attenzjoni tagħha mill-Istat Olandiż jew dak li l-iżball tagħha ma ġiex identifikat waqt il-qari tal-abbozz tal-espożizzjoni tal-fatti kkomunikat fis-6 ta’ Novembru 2009 (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 136 iktar ’il fuq, din id-differenza tikkostitwixxi, skont l-approċċ stess li għażlet il-Kummissjoni, element intrinsiku tal-kunċett ta’ vantaġġ kif iddefinit mill-Artikolu 87(1) KE, li fid-dawl tiegħu l-Kummissjoni hija obbligata li tikklassifika l-fatti billi tieħu inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, hemm lok ukoll li jiġi rrilevat, kif isostni r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni li jevalwa l-portata tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, peress li huwa ma kienx konsapevoli la mill-klassifikazzjoni li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni li tapplika fir-rigward tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors u lanqas mit-tweġiba li l-Kummissjoni kienet qiegħda tipprevedi li tagħti għall-argumenti li huwa kien ippreżenta quddiemha waqt il-proċedura amministrattiva sabiex jispjega din l-emenda.

138    Fin-nuqqas ta’ talba, b’mod kuntrarju għall-obbligu tagħha msemmi fil-punt 107 iktar ’il fuq, għal informazzjoni addizzjonali f’dak ir-rigward, kif għamlet inizjalment għall-miżura relatata mal-kontribuzzjoni ta’ kapital, jew, fin-nuqqas tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, jekk l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienet tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, bħalma kien il-każ għall-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati, il-Kummissjoni ma tistax targumenta li r-rikorrenti ma pprovdewhiex bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-differenza msemmija iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, l-iżball mwettaq f’dan ir-rigward ma setax jiġi rrilevat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING ħlief wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

139    F’dan il-każ, peress li ma tħallas l-ebda dividend minn ING għas-sena 2009, l-Istat Olandiż ingħata skont il-vantaġġ issanzjonat mill-kundizzjonijiet emendati, meta mqabbla mal-kundizzjonijiet inizjali, l-ammont ta’ EUR 258.5 miljun fl-okkażjoni tar-rimbors antiċipat li seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2009. Għalkemm l-ammont ta’ din is-somma ma setax ikun magħruf mill-Kummissjoni meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija kellha madankollu neċessarjament tistaqsi dwar l-effett li seta’ jkollha l-possibbiltà ta’ tali ħlas fuq l-ammont tal-għajnuna addizzjonali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, għar-raġunijiet ġustament esposti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Istat Olandiż ma setax jippretendi l-ħlas taċ-ċedola f’każ ta’ rimbors antiċipat fl-2009 abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali, peress li ING ma kienx ħallas dividend għal din is-sena finanzjarja (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

140    Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna addizzjonali mwettqa mill-Kummissjoni hija korretta, in-“nuqqas ta’ qligħ” għall-Istat Olandiż minħabba l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ma jistax jekwivali għal madwar EUR 2 biljun, jiġifieri ammont ta’ bejn EUR 1.79 biljun u EUR 2.2 biljun, kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata, iżda għal ammont neċessarjament baxx fi proporzjon mal-ammont tal-interessi akkumulati fil-mument tar-rimbors.

141    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni (ara l-punt 84 iktar ’il fuq), id-differenza bejn iż-żewġ ammonti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rrilevanti f’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tiffissa hija stess l-ammont tal-għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din id-differenza tista’ tirrappreżenta ammont, bħala tali, importanti u sinjifikattiv, li jista’ jammonta għal diversi mijiet ta’ miljuni ta’ euro. Għaldaqstant, ma tistax tiġi skartata l-ipoteżi li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali remunerazzjoni, prevista biss fil-kundizzjonijiet emendati, seta’ jkollha effetti fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, kemm fil-livell tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE kif ukoll fil-livell tal-eżami tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(b) KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ ING jew il-portata tal-miżuri maħsuba sabiex jiġu rrimedjati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

142    Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ fatt, li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-kunċett tal-għajnuna mill-Kummissjoni. Il-konsegwenzi ta’ dan l-iżball għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni ser jiġu evalwati sussegwentement fil-punti 147 et seq.

 Konklużjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna addizzjonali

143    Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li, billi l-Kummissjoni naqset li turi fid-deċiżjoni kkontestata li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienet tinkludi vantaġġ għal ING li ma kienx jingħata minn investitur privat fl-istess sitwazzjoni bħall-Istat Olandiż u billi kienet żbaljata fuq l-ammont tal-imsemmi vantaġġ, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata sa fejn hija tibbaża ruħha, għar-raġunijiet esposti fil-premessa 98 ta’ din id-deċiżjoni, fuq il-konstatazzjoni li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun.

144    Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, mingħajr il-bżonn li tingħata tweġiba għall-argumenti l-oħra msemmija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING f’dan il-kuntest.

145    Madankollu, jeħtieġ li jiġu previsti l-konsegwenzi ta’ tali vizzju li jaffettwa l-motivi tal-att fid-dispożittiv tiegħu.

B –  Fuq il-konsegwenzi tal-vizzju li jeffettwa l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dispożittiv tagħha

146    Bil-għan li tiġi evalwata l-portata tal-vizzju li jaffettwa d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tibbaża ruħha, għar-raġunijiet esposti fil-premessa 98 ta’ din id-deċiżjoni, fuq il-konstatazzjoni li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun, hemm lok li jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tiegħu u għandu jiġi interpretat, jekk ikun neċessarju, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549, punt 21, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 39). Għalkemm huwa veru li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni biss jista’ jipproduċi effetti legali, xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni sa fejn, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att jew jekk dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2009, KG Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑81/07 sa T‑83/07, Ġabra p. II‑2411, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob l-annullament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa, fost oħrajn, ibbażat fuq il-konstatazzjoni, esposta fil-premessa 98 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun, filwaqt li, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ING, sostnuta minn DNB, essenzjalment titlob l-annullament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tinkludi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun.

148    L-eżami ta’ dawn it-talbiet għal annullament jirrikjedi li tiġi ddeterminata l-portata fuq id-dispożittiv tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni meta hija tikkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tikkostitwixxi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun peress li dan iwassal għal distinzjoni bejn l-effett ta’ dawn l-iżbalji fuq, minn naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll l-Anness II ta’ din id-deċiżjoni.

1.     Fuq il-legalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

149    F’dan ir-rigward, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessa 98 tal-imsemmija deċiżjoni, jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kkunsidrat li, fl-okkażjoni tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ikkomunikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi waqt il-proċedura amministrattiva, l-Istat Olandiż kien ta lil ING “għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun”.

150    Sussegwentement, din l-għajnuna addizzjonali ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta hija ddefinixxiet l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tad-dispożittiv ta’ sostenn tal-“attivi mhux likwidi” u tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ ING (iktar ’il quddiem, l-“għajnuna għar-ristrutturazzjoni”). Fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, li kkonkludiet l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni indikat li, “[bħala] total, ING għaldaqstant ser tirċievi, bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni, sa [EUR 12-22] biljun bħala garanziji ta’ likwiditajiet u madwar EUR 17 biljun bħala għajnuna differenti, li lkoll flimkien jirrappreżentaw xi 5 % tar-RWA tal-bank”.

151    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreċiżat li kienu biss EUR 17 biljun ta’ għajnuna differenti li kienu jirrappreżentaw madwar 5 % tar-RWA ta’ ING Bank; il-garanziji mogħtija jew li ser jingħataw ma ttiħdux inkunsiderazzjoni f’dan l-istadju tar-raġunament. Dawn ir-risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub ippermettew ukoll li jiġi stabbilit li dan l-ammont ta’ EUR 17 biljun jitqassam kif ġej: fl-ewwel lok, l-ammont tal-għajnuna relatata mal-kontribuzzjoni ta’ kapital, jiġifieri EUR 10 biljun, kif kien indikat fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, fit-tieni lok, l-ammont tal-għajnuna relatata mal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, jiġifieri madwar EUR 2 biljun, kif kien indikat fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, u, fit-tielet lok, l-ammont tal-għajnuna marbuta mal-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati, jiġifieri EUR 5 biljun, kif kien indikat fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata.

152    Dawn il-preċiżjonijiet jippermettu li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “għajnuna għar-ristrutturazzjoni” imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxi li “[l]-għajnuna ta’ ristrutturar pprovduta mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-ING tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) [KE]”. Fil-fatt, minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta b’mod ċar li l-għajnuna addizzjonali tikkostitwixxi element kostituttiv tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, li ma tiddistingwix bejn l-elementi differenti ta’ din l-għajnuna.

153    Konsegwentement, b’kont meħud tal-iżbalji li jivvizzjaw il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna addizzjonali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat fl-intier tiegħu, peress li dan tal-aħħar huwa bbażat, għar-raġunijiet esposti b’mod partikolari fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-konstatazzjoni li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienet tinkludi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun.

2.     Fuq il-legalità tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni

154    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, wara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jikklassifikaw l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kollha mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jindika li “[din] l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, b’kunsiderazzjoni tal-impenji ppreċiżati fl-Anness II”, li jenfasizza qabel xejn li, “[fir-]rigward tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, l-impjeni li ġejjin għandhom jiġu osservati”. L-għajnuna addizzjonali, li hija element kostituttiv tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, ukoll tifforma parti integrali mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni meta din tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna tal-aħħar mas-suq komuni.

155    Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-premessa 141, fil-parti ddedikata għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna tar-ristrutturazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(b) KE, isir riferiment għall-“ammont ta’ għajnuna sinifikanti, li tirrappreżenta 5 % tar-RWA, jekk espress fit-termini ta’ RWA tal-ING Bank [d]an il-livell [kien] jaqbeż sew il-‘livell tal-iskattar’ ta’ 2 % tar-RWA” sabiex jiġi evalwat l-ammont tal-għajnuna u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minnu. Din ir-referenza għal-livell massimu ta’ 5 % tar-RWA turi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ EUR 17 biljun imsemmi preċedentement fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 150 u 151 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, il-Kummissjoni enfasizzat fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata li “l-miżuri ta’ għajnuna [addizzjonali] ppreżentati fil-qafas tal-pjan ta’ ristrutturar, jiġifieri l-modifika tat-termini [emenda tal-kundizzjonijiet] tax-xiri mill-ġdid tat-titoli tal-Core Tier 1 mill-Pajjiżi l-Baxxi u l-garanziji tal-obbligazzjonijiet previsti, [kellhom] ikunu ddikjarati wkoll bħala kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat, meta wieħed jikkunsidra id-dettall tal-miżuri fl-indirizzar tad-distorsjonijiet tas-suq ippreżentati fil-pjan ta’ ristrutturar u l-fatt li l-għajnuna [kienet tippermetti] lill-benefiċjarju biex iżid il-vijabbiltà tiegħu”, u li “[d]an jirrigwarda wkoll l-għajnuna li tirriżulta mit-termini mibdula tal-arranġamenti tal-ħlas lura [mill-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors] tal-kapital mogħti mill-Pajjiżi l-Baxxi”.

156    Għaldaqstant, mill-qari tad-dispożittiv u tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li huwa impossibbli li l-għajnuna tiġi sseparata mid-dispożittiv u mill-motivi li jsostnuha meta tiġi eżaminata l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward kemm tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni kif ukoll tad-determinazzjoni tal-livell ta’ impenji rikjest sabiex l-għajnuna tkun tista’ tiġi ddikjarata bħala kompatibbli.

157    F’dan ir-rigward, mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub u għall-mistoqsijiet magħmula waqt is-seduta jirriżulta li l-partijiet jipprekludu sa fejn jikkonċerna l-portata li jista’ jkollu l-annullament mitlub fuq l-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-impenji li għandhom jiġu osservati sabiex l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni. Qabel xejn hemm lok li jiġi rrilevat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika b’mod ċar li huwa kien tal-opinjoni li l-annullament li huwa talab kien ta’ natura li jwassal għad-dgħufija tal-miżuri kumpensatorji msemmija fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni, peress li din tal-aħħar tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-għajnuna addizzjonali. Sussegwentement, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ING u DNB, teżisti rabta neċessarja u proporzjonali bejn l-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Istat u l-firxa ta’ miżuri ppreżentati bil-għan li jiġu rrimedjati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li rriżultaw minn dik l-għajnuna. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li ġew irtirati EUR 2 biljun mill-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni — li tieħu prinċipalment inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-miżuri neċessarji sabiex jiġu rrimedjati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li rriżultaw l-EUR 10 biljun ta’ għajnuna mogħtija bħala kontribuzzjoni ta’ kapital u l-EUR 5 biljun ta’ għajnuna mogħtija bħala miżura relatata mal-attivi ddepprezzati — bl-ebda mod ma tinċidi fuq il-firxa tal-miżuri ppreżentati bil-għan li jiġu rrimedjati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li rriżultaw.

158    Dan l-aħħar approċċ ma jistax jiġi aċċettat mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-annullament mitlub fuq id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, anki jekk il-firxa tal-miżuri kumpensatorji tiddependi, bħala prinċipju, direttament u proporzjonalment mill-għajnuna mogħtija, li l-evalwazzjoni tagħha f’dan il-każ hija vvizzjata fir-rigward ta’ parti sostanzjali, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni eżaminat din il-kwistjoni fid-dawl tal-effetti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni komposta mill-għajnuna relatata mal-kontribuzzjoni ta’ kapital, mill-għajnuna relatata mal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors u mill-għajnuna marbuta mal-miżura relatata mal-attivi ddepprezzati, jiġifieri fid-dawl ta’ għajnuna li tammonta għat-total ta’ EUR 17 biljun.

159    Minħabba l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, ma huwiex iktar possibbli li hija tiddikjara, kif għamlet fil-premessi 106 u 141 tad-deċiżjoni kkontestata li l-għajnuna inkwistjoni tirrappreżenta “ammont ta’ għajnuna konsiderevoli”, “li jirrappreżenta 5 % tar-RWA”, li abbażi tiegħu ġew evalwati l-miżuri kumpensatorji.

160    Bħala konklużjoni, peress li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa illegali fid-dawl tal-Artikolu 87(1)KE sa fejn dan jikklassifika bħala għajnuna mill-Istat l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li tinkludi l-għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun imsemmi fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-illegalità twassal ukoll neċessarjament għall-illegalità tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni u dik tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni li hija mehmuża magħha, sa fejn il-kompatibbiltà tal-għajnuna li hija msemmija f’dan it-tieni paragrafu tiddependi fuq analiżi u impenji li l-kontenut tagħhom jiġi evalwat fid-dawl tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni definita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, tal-imsemmija deċiżjoni, li tinkludi l-għajnuna addizzjonali.

161    Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni u fl-interess tal-ekonomija tal-proċedura, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali teżamina l-argumenti ppreżentati minn ING u l-Kummissjoni fir-rigward tat-tieni u t-tielet motivi ppreżentati fil-Kawża T‑33/10, li jirrigwardaw stadju ulterjuri tal-analiżi u li jippreżumu li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni msemmija mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkaratterizzata b’mod korrett, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

 Fuq l-ispejjeż

162    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet din il-kawża, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet f’dan is-sens tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ ING u ta’ DNB.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑29/10 u T‑33/10 huma magħquda flimkien għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/608/KE, tat-18 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 10/09 (ex N 138/09) implimentata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-Faċilità ta’ Sostenn ta’ Assi Mhux Likwidi u l-Pjan ta’ Ristrutturar ta’ ING kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni u l-Anness II ta’ dik id-deċiżjoni huma annullati.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Frimodt Nielsen

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Marzu 2012.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża2

1.  Miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil ING3

2.  Proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw dawn il-miżuri ta’ għajnuna4

3.  Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata11

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet16

Id-dritt19

A —  Fuq il-klassifikazzjoni tal-għajnuna addizzjonali20

1.  L-argumenti tal-partijiet20

a)  Fuq l-argumenti relatati mal-Artikolu 87(1) KE20

Fuq l-effett tal-evalwazzjoni mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna mogħtija bħala kontribuzzjoni ta’ kapital21

Fuq in-neċessità li jiġu eżaminati l-aspetti kollha tal-kontribuzzjoni ta’ kapital22

Fuq il-paragun tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tal-prinċipju ta’ investitur privat23

—  Fuq il-premessa tar-raġunament tal-Kummissjoni23

—  Fuq il-vantaġġ mogħti lill-Istat mill-kundizzjonijiet il-ġodda25

—  Fuq l-aġir ta’ investitur privat26

—  Fuq id-data prodotta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi29

Fuq l-allinjament tal-kundizzjonijiet mogħtija lil AEGON u lil SNS Reaal30

b)  Fuq l-argumenti relatati mal-obbligi ta’ diliġenza u ta’ motivazzjoni30

2.  L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali32

a)  Osservazzjonijiet fuq il-kunċett ta’ għajnuna u fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju32

b)  Evalwazzjoni tar-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors36

Fuq l-analiżi de jure tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors37

Fuq l-analiżi de facto tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors42

Konklużjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna addizzjonali46

B —  Fuq il-konsegwenzi tal-vizzju li jeffettwa l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dispożittiv tagħha47

1.  Fuq il-legalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata48

2.  Fuq il-legalità tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni49

Fuq l-ispejjeż51




* Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Olandiż.