Language of document : ECLI:EU:C:2011:839

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, fuq il-moviment liberu tal-persuni – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita attività professjonali fl-Isvizzera – Ritorn fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu”

Fil-Kawża C‑257/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (li qabel kienet ir-Regeringsrätten) (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

Försäkringskassan

vs

Elisabeth Bergström,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Elisabeth Bergström, minn U. Öberg u I. Otken Eriksson, avukati,

–        għall-Gvern Svediż, minn K. Petkovska u A. Falk, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. Jenkinson u L. Seeboruth, bħala aġenti, kif ukoll minn R. Palmer, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati [, għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 129, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, fuq il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn E. Bergström, ċittadina Svediża, u l-Försäkringskassan (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali”) fir-rigward tar-rifjut min-naħa ta’ dan tal-aħħar milli jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja maħsub għall-edukazzjoni ta’ tifel, il-perijodu ta’ attività mħallsa li wettqet il-persuna interessata fl-Isvizzera.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-preambolu tal-Ftehim jipprovdi:

“[il-partijiet kontraenti],

konvint[i] li l-moviment liberu tal-persuni fit-territorji tal-partijiet kontraenti jikkostitwixxi element importanti għall-iżvilupp armonjuż tar-relazzjonijiet tagħhom,

deċiż[i] li jġibu fis-seħħ il-moviment liberu tal-persuni bejniethom billi jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet applikati fil-Komunità Ewropea

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim jipprovdi:

“L-għan ta’ dan il-ftehim, favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Isvizzera, huwa:

a)     li jagħti dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika b’salarju, ta’ stabbiliment inkwantu ħaddiem għal rasu u d-dritt li persuna tibqa’ fit-territorju tal-partijiet kontraenti;

[…]

d)     li jagħti l-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 2 tal-Ftehim imsemmi, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, jipprovdi li “[i]ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li huma residenti legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III għal dan il-ftehim, suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 8 tal-istess Ftehim jipprovdi:

“Il-partijiet kontraenti għandhom jipprovdu, b’mod konformi mal-Anness II, għall-koordinament tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bil-għan partikolari li jiżguraw:

a)     l-ugwaljanza fit-trattament;

[…]

ċ)     l-aggregazzjoni, bil-għan li jinkiseb u jinżamm id-dritt għall-benefiċċji, kif ukoll għall-kalkolu tagħhom, tal-perijodi kollha kkunsidrati mid-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali;

d)     il-ħlas tal-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-partijiet kontraenti;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 1 tal-Anness II tal-Ftehim, intitolat “Koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà”, jipprovdi s-segwenti:

“1.   Il-Partijiet kontraenti jaqblu li japplikaw bejniethom, fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-atti Komunitarji li jsir riferiment għalihom li jkunu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-ftehim u kif emendati bit-Taqsima A ta’ dan l-Anness jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.     It-terminu ‘Stat Membru’ jew ‘Stati Membri’ msemmi fl-atti li jsir riferiment għalihom fit-Taqsima A ta’ dan l-Anness għandu jitqies li jirreferi, minbarra għall-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni, għall-Isvizzera.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Il-punt 1 tal-Anness II(A) tal-Ftehim, intitolat “Atti li jsir riferiment għalihom”, jipprovdi:

“371 R 1408 […]: Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati [, għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità,

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Trattament Ugwali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat.”

10      Skont l-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament:

“[P]ersuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal leġislazzjoni ta’ l Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

11      L-Artikolu 23 tar-regolament imsemmi, inkluż fil-Kapitolu 1, intitolat “Mard u maternità”, tat-Titolu III dwar id-dispożizzjonijiet speċjali li għandhom x’jaqsmu mal-kategoriji differenti tal-benefiċċji, jipprovdi:

“1.   L-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tipprovdi illi l-kalkolu tal-benefiċċji fi flus għandu jkunu ibbażat fuq il-paga medja jew is-salarju medju, għandha tistabblixxi din il-paga medja jew salarju medju esklussivament b’riferenza għall-pagi u s-salarji konfermati bħala li ġew imħallsa matul il-perijodi taż-żmien imwettqa skond il-leġislazzjoni msemmija.

2.     L-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tipprovdi illi l-kalkolu tal-benefiċċji fi flus għandu jkunu ibbażat fuq paga jew salarju standard, għandha tieħu f’konsiderazzjoni esklussivament il-livell tal-paga jew tas-salarju jew, fejn xieraq, tal-medji tal-pagi jew is-salarji standard għall-perijodi taż-żmien imwettqa skond il-leġislazzjoni msemmija.

[…]”

12      L-Artikolu 72 tal-istess regolament, intitolat “Aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras (self-employment)”, inkluż fil-Kapitolu 7, li huwa intitolat “Benefiċċji tal-familja”, tat-Titolu III, jipprovdi:

“Fejn il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru twettaq [tipprovdi li l-]akkwist tad-dritt tal-benefiċċji [huwa] kondizzjonat fuq it-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat tieħu inkonsiderazzjoni għal dan l-iskop, sa fejn ikun hemm bżonn, perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru, bħallikieku dawn kienu perjodi mwettqa taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra.”

13      L-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“Proċeduri speċjali għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri jinsabu fl-Anness VI.”

14      Il-punt 1 tal-Anness VI(N) intitolat “L-Isvezja” ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, “[b]iex ikun japplika l-Artikolu 72 tar-Regolament, id-dritt ta’ persuna għall-benefiċċju ta’ ġenitur għandu jkun stabbilit billi jitqiesu l-perjodi ta’ assigurazzjoni magħmula fi Stat Membru ieħor, imsejsa fuq l-istess dħul medju bħal tal-perjodi ta’ assigurazzjoni Svediża li magħhom jingħaddu”. Din id-dispożizzjoni tħassret sussegwentement bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 (ĠU L 392, p. 1).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15      Il-Liġi (1999:799) dwar is-sigurtà soċjali [Socialförsäkringslag (1999:799)] tipprovdi b’mod partikolari, fil-Kapitolu 3 tagħha intitolat “Kopertura tas-sigurtà soċjali”:

“Artikolu 1 – Kull persuna residenti fl-Isvezja hija koperta għall-benefiċċji segwenti, imsemmija fil-[Liġi (1962:381) dwar l-assigurazzjoni ġenerali (Lag om allmän försäkring (1962:381), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali”)]:

1.     benefiċċju ta’ kura tas-saħħa eċċ., b’mod konformi mal-Kapitolu 2 f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji stabbiliti mill-fondi ġenerali ta’ assigurazzjoni;

2.     benefiċċju parentali fuq livell minimu u fuq livell bażi;

3.     kumpens għall-mard u kumpens għall-attività taħt forma ta’ kumpensi ta’ garanzija;

[…]

Artikolu 4 – Kull persuna li teżerċita attività professjonali fl-Isvezja hija koperta għall-benefiċċji segwenti, imsemmija fil-[Liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali]:

1.     kumpens għall-mard u kumpens għat-tqala;

2.     benefiċċju parentali superjuri għal-livell minimu u benefiċċju parentali temporanju;

3.     kumpens għall-mard skont id-dħul u kumpens għall-attività skont id-dħul;

[…]”

16      Il-Liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali tipprovdi b’mod partikolari:

“Kapitolu 3 – Kumpens għall-mard

Artikolu 2 – Id-dħul li jiddetermina l-ammont tal-kumpens għall-mard huwa d-dħul annwali fi flus li assigurat soċjali jista’ jirċievi għall-attività professjonali li jeżerċita fl-Isvezja, kemm bħala impjegat (salarju), kif ukoll fuq bażi oħra (dħul minn attività professjonali bi ħlas) […] Id-dħul li jiddetermina l-ammont tal-kumpens għall-mard huwa stabbilit mill-fond ta’ assigurazzjoni […]

Il-kalkolu tad-dħul li jiddetermina l-ammont tal-kumpens għall-mard huwa bbażat, meta l-fond ta’ assigurazzjoni ma jkollux l-informazzjoni utli kollha, fuq l-informazzjoni li l-fond jikseb mingħand l-assigurat jew mingħand il-persuna li timpjegah, jew li tirriżulta mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-assigurat. Il-benefiċċji tal-leave annwu ma humiex inklużi fid-dħul li jiddetermina l-ammont tal-kumpens għall-mard lil hinn mill-ammont li tħallas bħala salarju għax-xogħol imwettaq matul perijodu ta’ żmien korrispondenti.

Kapitolu 4 – Benefiċċju parentali

[…]

Artikolu 6 – Il-benefiċċju parentali integrali jammonta għal minimu ta’ SEK 60 fil-ġurnata (livell minimu).

Matul l-ewwel 180 ġurnata, il-benefiċċju parentali jkun ugwali għall-kumpens għall-mard tal-ġenitur, ikkalkolat b’mod konformi mal-ħames paragrafu, jekk il-ġenitur, matul perijodu mhux interrott ta’ 240 ġurnata qabel it-twelid jew il-ġurnata prevista tat-twelid, kellu dritt għal kumpens għall-mard superjuri għal-livell minimu u kien ikollu dritt għalih li kieku l-fond ta’ assigurazzjoni kellu fil-pussess tiegħu l-informazzjoni utli kollha. Madankollu, il-benefiċċju parentali għall-ewwel 180 ġurnata ma jkun qatt inferjuri għall-benefiċċju sħiħ ta’ SEK 150 (livell bażi). Għal ġenitur kopert b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 3 tal-[Liġi (1999:799) dwar is-sigurtà soċjali], din ir-regola tapplika bil-kundizzjoni li l-ġenitur jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu.

Minbarra d-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu, il-benefiċċju parentali jitħallas

–        matul 210 ġurnata fl-ammont li jikkorrispondi għall-kumpens għall-mard tal-ġenitur, ikkalkolat b’mod konformi mal-ħames paragrafu, iżda mill-inqas fil-livell bażi, u

–        matul 90 ġurnata fl-ammont li jikkorrispondi għal-livell minimu.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      E. Bergström, ċittadina Svediża, marret tgħix fl-Isvizzera f’Jannar 1994, u hemmhekk eżerċitat attività professjonali sa meta twieldet it-tifla tagħha, fid-19 ta’ Marzu 2002. Sussegwentement, hija marret lura lejn l-Isvezja, flimkien mar-raġel u mat-tifla tagħha, fl-1 ta’ Settembru 2002. Ir-raġel tagħha beda jeżerċita immedjatament attività professjonali fl-Isvezja, filwaqt li E. Bergström ma bdietx teżerċita attività professjonali mill-ġdid sabiex tieħu ħsieb it-tifla tagħha. Hija applikat għall-benefiċċju parentali ekwivalenti għal-livell tal-kumpensi ta’ kuljum għall-mard (iktar ’il quddiem il-“BPE-KK”) mis-16 ta’ Marzu 2003, abbażi tad-dħul mill-attività professjonali tagħha fl-Isvizzera.

18      L-Uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali ddeċieda li jagħtiha l-benefiċċju parentali bażi, minħabba li hija ma setgħetx titlob il-BPE-KK għalhiex hija ma kinitx eżerċitat attività professjonali fl-Isvezja matul il-240 ġurnata qabel ma weldet, liema ħaġa kienet tagħtiha d-dritt għal kumpens għall-mard superjuri għal-livell bażi.

19      E. Bergström ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-länsrätten i Stockholms län (tribunal amministrattiv ta’ Stokkolma). Dan ċaħad l-azzjoni billi kkunsidra li l-BPE-KK kien benefiċċju marbut mal-eżerċizzju ta’ attività professjonali u li, sabiex ikollu dritt għalih, kien hemm bżonn li l-assigurat soċjali jkun ħadem personalment fl-Isvezja fi żmien suffiċjentement viċin tal-perijodu li għalih il-benefiċċju kien mitlub. Għalhekk, il-fatt li l-konjuġi tal-assigurat soċjali jeżerċita attività professjonali fl-Isvezja ma huwiex biżżejjed.

20      B’hekk, E. Bergström ippreżentat appell quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (qorti amministrattiva ta’ Stokkolma), li, b’deċiżjoni fuq il-mertu, ikkunsidrat li din tal-aħħar kienet tissodisfa l-kundizzjoni tat-tul taż-żmien stabbilita mil-leġiżlazzjoni Svediża fir-rigward tal-240 ġurnata ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali b’riżultat tal-attività tagħha fl-Isvizzera. E. Bergström setgħet tippretendi kumpens f’ammont superjuri għal dak tal-BPE, stabbilit abbażi tal-attività professjonali tagħha fl-Isvizzera.

21      L-Uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali appella minn din is-sentenza u talab il-konferma tad-deċiżjoni tal-länsrätten i Stockholms län. E. Bergström talbet sabiex din it-talba tiġi miċħuda.

22      Għall-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li E. Bergström hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Svediża, abbażi tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, minkejja li din ma teżerċita ebda attività professjonali fl-Isvezja. Madankollu, din tal-aħħar ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali sabiex tkun tista’ tippretendi l-BPE-KK.

23      Il-kundizzjoni, dwar l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fl-Isvezja li tippermetti li persuna tkun assigurata għal benefiċċji għall-mard matul mill-inqas 240 ġurnata konsekuttiva qabel it-twelid ta’ tifel, ma hijiex sodisfatta. Il-kwistjoni hija jekk il-perijodu ta’ attività professjonali fl-Isvizzera għandux jiġi kkunsidrat fis-sens li jissodisfa din il-kundizzjoni.

24      Barra minn hekk, E. Bergström ma eżerċitatx attività professjonali u ma rċevietx dħul li, skont id-dritt nazzjonali, għandu jippermetti li jiġi stabbilit id-dħul ta’ riferiment għall-għoti ta’ kumpensi ta’ kuljum. Il-kwistjoni hija jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-attività professjonali tagħha fl-Isvizzera għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

25      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazjonijiet, il-Högsta förvaltningsdomstolen iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemu u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)   Skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari [l-Ftehim] u l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, jista’ perijodu ta’ kwalifika għal benefiċċju tal-familja fil-forma ta’ benefiċċju għall-kura tat-tfal bbażat fuq id-dħul jiġi kkompletat kollu kemm hu permezz ta’ impjieg u assigurazzjoni fl-Isvizzera?

2)     Skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, [il-Ftehim] u l-Artikoli 3(1) u 72 tar-Regolament Nru 1408/71, dħul magħmul fl-Isvizzera għandu jitqabbel ma’ dħul domestiku fid-determinazzjoni tad-dritt għal benefiċċju tal-familja fil-forma ta’ benefiċċju għall-kura tat-tfal bbażat fuq id-dħul?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

26      Ir-risposta għad-domandi li saru tippreżumi li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tifforma parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-każ ta’ E. Bergström huwa dak ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li, wara li eżerċita attività professjonali fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra, irritorna fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu fejn talab, abbażi ta’ din l-attività professjonali, allowance tal-familja stabbilita mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

27      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li t-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim jipprovdi li l-partijiet kontraenti huma “konvinti li jwettqu l-moviment liberu tal-persuni bejniethom abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Komunità Ewropea”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

28      Din il-libertà tkun ostakolata jekk ċittadin ta’ parti kontraenti jbati minn żvantaġġ fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu għall-unika raġuni li jkun eżerċita d-dritt tal-moviment tiegħu.

29      Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 8 tal-Ftehim jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jirregolaw, b’mod konformi mal-Anness II tal-Ftehim imsemmi, il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali skont l-għanijiet stabbiliti fih. Din id-dispożizzjoni ma tirreferi la direttament u lanqas indirettament għal xi ħtieġa fir-rigward tal-post ta’ residenza tal-persuni li għalihom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà soċjali jew fir-rigward tal-għażla tal-parti kontraenti li tapplikahom.

30      Fost l-għanijiet segwiti mill-imsemmi Artikolu 8, fl-inċiż (a) jissemma “l-ugwaljanza fit-trattament”. Ir-riferiment għal dan il-prinċipju, b’mod espliċitu u ġenerali, juri li, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-prinċipju msemmi japplika indipendentement mill-Artikolu 2 tal-Ftehim, li jissuġġetta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq ir-residenza ta’ persuna benefiċjarja fuq it-territorju tal-parti kontraenti l-oħra.

31      Fit-tielet lok, il-punt 1 tal-Anness II(A) tal-Ftehim jipprovdi għall-applikazzjoni, bejn il-partijiet kontraenti, tar-Regolament Nru 1408/71, bla ħsara għal ċerti adattazzjonijiet li madankollu ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tad-domanda mressqa. L-Artikolu 1(2) ta’ dan l-anness jipprovdi li t-termini “Stat Membru” jew “Stati Membri” msemmija fl-atti li jsir riferiment għalihom fit-Taqsima A ta’ dan l-anness għandom jitqiesu li jirreferu, minbarra għall-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni, għall-Isvizzera.

32      Fl-aħħar lok, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 mhux biss japplika għall-benefiċċji tal-familja, iżda anki għal kategoriji oħra ta’ benefiċċji fost liema, pereżempju, il-benefiċċji tal-anzjanità.

33      Minn dan jirriżulta li, mingħajr l-applikazzjoni tar-regola tal-akkumulazzjoni wara r-ritorn ta’ ħaddiem fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Membri tal-Unjoni tkun eskluża f’numru mhux żgħir ta’ konfigurazzjonijiet, fost oħrajn għall-ksib tal-benefiċċji tal-anzjanità.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Ftehim u r-Regolament Nru 1408/71 japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem, bħal dik deskritta fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ewwel domanda

35      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk permezz tal-Ftehim u tar-Regolament Nru 1408/71, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju tal-familja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ xogħol jew ta’ attività self employed, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, tali perijodi mwettqa kompletament fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera.

36      Mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex tingħata l-BPE-KK, E. Bergström għandha tiġġustifika perijodu ta’ attività professjonali matul il-240 ġurnata qabel ma weldet. E. Bergström wettqet dan il-perijodu kollu ta’ attività professjonali ta’ riferiment fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera.

37      Huwa stabbilit li l-benefiċċju mitlub minn E. Bergström jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja skont l-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

38      Ir-risposta għad-domanda li saret teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(ċ) tal-Ftehim u tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, li, għall-ksib tad-dritt għall-benefiċċju kkonċernat, jipprovdu għall-applikazzjoni tar-regola msejħa bħala “tal-akkumulazzjoni”.

39      Abbażi tat-terminu “akkumulazzjoni”, xi partijiet interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja osservaw li dan il-kunċett jippresupponi b’mod loġiku l-eżistenza ta’ mill-inqas żewġ perijodi ta’ attività mwettqa f’diversi Stati Membri. Għalhekk, l-Istat Membru tal-Istituzzjoni kompetenti għall-għoti ta’ benefiċċju għandu l-fakultà li jipprovdi, għal dan il-għan, li perijodu ta’ attività għandu jkun twettaq fit-territorju tiegħu, liema ħaġa teskludi l-użu ta’ perijodu wieħed imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ksib ta’ dritt għal benefiċċju ta’ sigurtà soċjali.

40      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi segwita.

41      Kemm il-kliem tal-Artikolu 8(ċ) tal-Ftehim kif ukoll dak tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 huma nieqsa mill-ambigwità. Skont l-ewwel dispożizzjoni, l-akkumulazzjoni tinkludi “l-perijodi kollha” ikkunsidrati mid-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, filwaqt li t-tieni dispożizzjoni teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-akkumulazzjoni, tal-“perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru”, daqs li kieku kienu perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti.

42      Għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 51 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 51 tat-Trattat KE, li sussegwentement sar, wara emenda, l-Artikolu 42 KE), li kien jawtorizza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-miżuri neċessarji għall-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema billi b’mod partikolari jistabbilixxi sistema li tippermetti li tiġi żgurata lill-ħaddiema migranti u lill-aventi kawża tagħhom l-akkumulazzjoni, għall-ksib u għaż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji kif ukoll għall-kalkolu tagħhom, “tal-perijodi kollha” ikkunsidrati mid-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

43      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan tal-Ftehim li jiżgura l-moviment liberu tal-persuni bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Komunità. Din tirrispetta wkoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 8(a) tal-Ftehim, peress li din tiżgura li l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu ma jkollux l-effett li jċaħħad lill-ħaddiem migrant minn benefiċċji ta’ sigurtà soċjali meta mqabbel ma’ ħaddiema oħra li ma eżerċitawx dan id-dritt.

44      B’hekk, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, sabiex tagħti benefiċċju tal-familja ma tistax teħtieġ li, minbarra perijodu ta’ impjieg jew ta’ attività mwettqa fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ fl-Isvizzera, ikun twettaq perijodu ieħor ta’ assigurazzjoni fuq it-territorju tagħha.

45      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, abbażi tal-Artikolu 8(ċ) tal-Ftehim u tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, meta leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-benefiċċju tal-familja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività self employed, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju tal-familja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, tali perijodi mwettqa integralment fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera.

 Fuq it-tieni domanda

46      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, il-Ftehim u r-Regolament Nru 1408/71 għandhomx l-effett li jipparagunaw id-dħul professjonali rċevut fl-Isvizzera mad-dħul nazzjonali li jintuża, fl-Isvezja, għall-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja mitlub.

47      Mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li E. Bergström talbet benefiċċju tal-familja li l-ammont tiegħu huwa ugwali għall-kumpensi ta’ kuljum li huma stabbiliti skont ir-regoli tal-assigurazzjoni għall-mard (BPE-KK). Il-benefiċċju tal-familja inkwistjoni huwa marbut mad-dħul professjonali annwu tal-assigurat soċjali.

48      B’hekk, f’tali sitwazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja ta’ din il-kategorija partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-parti “mard” tas-sigurtà soċjali.

49      Dawn ir-regoli jinsabu fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1408/71. Indipendentement mill-fatt li d-determinazzjoni tad-dħul li fuqu huwa bbażat il-kalkolu tal-benefiċċji fi flus tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew ta’ dawk tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, id-dħul imsemmi huwa stabbilit jew skont il-qligħ ikkonstatat matul il-perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, jew billi jittieħed inkunsiderazzjoni qliegħ standard jew, jekk ikun il-każ, il-medja tal-qligħ standard, li jikkorrispondi għall-perijodi mwettqa taħt din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, taħt il-leġiżlazzjoni Svediża.

50      Tali soluzzjoni hija konformi mar-regola li tinsab fil-punt 1 tal-Anness VI(N) tar-Regolament Nru 1408/71, applikabbli ratione temporis, li tipprovdi li, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta’ persuna għal benefiċċji tal-familja, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu pparagunati ma’ perijodi ta’ kontribuzzjonijiet iddefiniti abbażi tal-istess qligħ medju bħall-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja.

51      Madankollu, fil-kawża prinċipali, E. Bergström ma bbenefikat minn ebda dħul fl-Isvezja matul il-perijodu ta’ riferiment ta’ 240 ġurnata.

52      F’sitwazzjoni bħal din, sabiex jingħata effett utli lill-Artikolu 8(ċ) tal-Ftehim u lill-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, kif interpretati fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, kif ukoll sabiex tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 8(a) tal-Ftehim u fl-Artikolu 3(1) tar-regolament imsemmi, id-dħul ta’ riferiment ta’ E. Bergström għandu jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul ta’ persuna li teżerċita, fl-Isvezja, attività paragunabbli għal tagħha u li għandha esperjenza u kwalifiki professjonali paragunabbli wkoll ma’ dawk tal-persuna interessata.

53      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(a) tal-Ftehim u l-Artikoli 3(1), 23(1) u (2), 72 kif ukoll il-punt 1 tal-Anness VI(N) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn l-ammont ta’ benefiċċju tal-familja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ddeterminat skont ir-regoli tal-benefiċċju għall-mard, dan l-ammont favur persuna li wettqet integralment il-perijodi ta’ attività professjonali neċessarji għall-ksib ta’ dan id-dritt fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, għandu jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul ta’ persuna li għandha esperjenza u kwalifiki paragunabbli għall-tagħha u li teżerċita attività paragunabbli fit-territorju tal-Istat Membru fejn intalab dan il-benefiċċju.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8(ċ) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, fuq il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, u l-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati [, u għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-benefiċċju tal-familja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività self employed, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju tal-familja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, tali perijodi mwettqa integralment fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera.

2)      L-Artikolu 8(a) tal-Ftehim imsemmi u l-Artikoli 3(1), 23(1) u (2), 72 kif ukoll il-punt 1 tal-Anness VI(N) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat bir-Regolament Nru 1386/2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn l-ammont ta’ benefiċċju tal-familja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ddeterminat skont ir-regoli tal-benefiċċju għall-mard, dan l-ammont favur persuna li wettqet integralment il-perijodi ta’ attività professjonali neċessarji għall-ksib ta’ dan id-dritt fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, għandu jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul ta’ persuna li għandha esperjenza u kwalifiki paragunabbli għal-tagħha u li teżerċita attività paragunabbli fit-territorju tal-Istat Membru fejn intalab dan il-benefiċċju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.