Language of document : ECLI:EU:C:2013:471

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2013 (1)

Kawża C‑22/12

Katarína Haasová

vs

Rastislav Petrík,

Blanka Holingová

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (is-Slovakkja)]

Kawża C‑277/12

Vitālijs Drozdovs, rappreżentat minn Valentīna Balakireva

vs

AAS Baltikums

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja)]

“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Danni koperti minn dik l-assigurazzjoni – Direttiva 72/166/KEE – Artikolu 3(1) –Direttiva 84/5/KEE – Artikolu 1(1) u (2) – Direttiva 90/232/KEE – Artikolu 1 – Kunċett ta’ “korrimenti personali” – Inklużjoni ta’ dannu mhux materjali – Kumpens għal dannu mhux materjali kkawżat bil-mewt ta’ persuna qariba f’inċident tat-traffiku – Ammonti minimi ggarantiti”





I –    Introduzzjoni

1.        Iż-żewġ kawżi li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw il-possibbiltà ta’ kumpens, abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-dannu kkawżat bil-mewt ta’ persuna qariba f’inċident tat-traffiku (2). Meta jitqiesu l-punti komuni li jeżistu bejn dawn il-kawżi, u b’mod partikolari l-fatt li d-domanda ġuridika ċentrali li huma jissollevaw hija identika, deher li huwa opportun li jiġu ppreżentati konklużjonijiet komuni dwar dan is-suġġett, minkejja li fin-nuqqas ta’ konnessjoni proprja bejniethom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreveditx li tgħaqqadhom.

2.        L-ewwel kawża, li ġiet irreġistrata bin-numru C‑22/12 (iktar ’il quddiem il-“kawża Haasová”), tirrigwarda t-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Krajský súd v Prešove (is-Slovakkja) li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (3) (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (4) (iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”).

3.        It-tieni kawża, bin-numru C‑277/12 (iktar ’il quddiem il-“kawża Drozdovs”), tirrigwarda t-talba għal deċiżjoni preliminari rrinvjata mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja) għall-finijiet ta’ interpretazzjoni wkoll tal-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva, kif ukoll tal-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (5) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”).

4.        Minn qari kkombinat tad-domandi li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Haasová u Drozdovs jirriżultaw tliet kwistjonijiet.

5.        Fl-ewwel lok, il-kwistjoni prinċipali, li hija komuni għaż-żewġ kawżi, hija jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva (6) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dannu mhux patrimonjali jew morali (iktar ’il quddiem “dannu mhux materjali” (7)), bħal dak li jirriżulta mill-mewt ta’ membru tal-familja jew konjugi f’inċident tat-traffiku, jagħmilx parti mid-danni li għandhom ikunu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. Dan jimplika, b’mod partikolari, li tiġi ddefinita l-portata tal-kunċett ta’ “korrimenti personali” li jinsab f’dawn iż-żewġ l-aħħar dispożizzjonijiet, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jistax jinkludi dannu mhux materjali mġarrab mill-qraba ta’ persuna li tmut f’dawk iċ-ċirkustanzi li ma jkunux involuti direttament fl-inċident.

6.        Fit-tieni lok, permezz tat-tieni domanda li saret fil-kawża Drozdovs, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa biex tiddetermina, fil-każ fejn l-Istati Membri jkunu obbligati li jieħdu miżuri utli sabiex il-kumpens għal dak id-dannu jkun kopert bl-assigurazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u fl-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva, jekk huma għandhomx il-fakultà li jadottaw regolament li jiffissa limitu fuq il-kumpens li għandu jingħata mill-assiguratur f’livell nettament inferjuri mill-ammonti minimi ta’ garanzija previsti mill-imsemmija Direttivi.

7.        Fit-tielet lok, it-tieni domanda li saret fil-kawża Haasová tirrigwarda, essenzjalment, l-ipoteżi kuntrarja għal dik imsemmija iktar ’il fuq, jiġifieri l-każ fejn regolament nazzjonali li ma jipprovdix kumpens għad-dannu kkonċernat jitqies bħala kompatibbli mal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna biex tiddikjara jekk qorti ta’ Stat Membru tistax tinterpreta l-imsemmija leġiżlazzjoni fid-dawl ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni b’mod li hija tagħti dak il-kumpens minkejja d-diċitura kuntrarja tad-dritt nazzjonali applikabbli.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni (8)

1.      L-Ewwel Direttiva

8.        L-ewwel u t-tielet premessi tal-Ewwel Direttiva jindikaw, minn naħa, li kull kontroll fil-fruntieri tal-obbligu tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mit-traffiku ta’ vetturi bil-mutur għandu bħala għan il-ħarsien tal-interessi tal-persuni li jistgħu jkunu vittmi ta’ ħsara kkawżata minn dawk il-vetturi u, min-naħa l-oħra, li d-diskrepanza bejn ir-regoli nazzjonali dwar dan is-suġġett hija ta’ natura li tostakola l-moviment liberu tal-vetturi bil-mutur u tal-persuni fi ħdan il-Komunità Ewropea u minħabba dan il-fatt għandha effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni.

9.        L-Artikolu 1(2) tal-imsemmija Direttiva jipprovdi li “il-parti inġurjata’ tfisser kull persuna ntitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi”.

10.      L-Artikolu 3(1) tal-istess Direttiva jipprovdi li “[k]ull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri”.

2.      It-Tieni Direttiva

11.      Skont it-tielet premessa tat-Tieni Direttiva, id-disparitajiet maġġuri bejn il-liġijiet tal-Istati Membri differenti li jikkonċernaw il-limitu ta’ dan l-obbligu ta’ kopertura tal-assigurazzjoni għandhom effett dirett fuq l-istabilliment u l-operazzjoni tas-suq komuni.

12.      Ir-raba’ u l-ħames premessi ta’ din id-direttiva jipprovdu wkoll li “l-estenzjoni ta’ l-obbligu ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni biex tinkludi r-responsabbiltà involuta fir-rigward ta’ ħsara lil proprjetà hi ġustifikata” u li “l-ammonti li fir-rigward tagħhom l-assigurazzjoni hi obligatorja għandhom fi kwalunkwe każ jiggarantixxu lill-vittmi kumpens adegwat irrispettivament mill-Istat Membru li fih seħħ l-inċident”.

13.      L-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-[Ewwel Direttiva] għandha tkopri b’obbligu kemm il-ħsara lill-proprjetà u kemm il-korrimenti personali.

2.      Mingħajr preġudizzju għal xi garanziji ogħla li Stati Membri jistgħu jistabilixxu, kull Stat Membru għandhu jkun jeħtieġ li l-ammonti li għalihom din l-assigurazzjoni hi obbligatorja jkunu mill-anqas:

–        fil-każ ta’ korriment personali, 350 000 ECU meta jkun hemm vittma waħda biss; meta jkun hemm aktar minn vittma waħda involuta fi pretensjoni waħda, dan l-ammont għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ vittmi;

–        fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà 100 000 ECU għal kull pretensjoni, independentement min-numru ta’ vittmi.

L-Istati Membri jistgħu, minflok l-ammonti minimi ta’ iktar ’il fuq, jipprovdu għal ammont minimu ta’ 500 000 ECU għal korriment personali meta aktar minn vittma waħda tkun involuta fi pretensjoni waħda jew, fil-każ ta’ korriment personali u ħsara lill-proprjetà, ammont totali minimu ta’ 600 000 ECU għal kull pretensjoni independentement min-numru ta’ vittmi jew min-natura tal-ħsara” (9).

3.      It-Tielet Direttiva

14.      Ir-raba’ premessa tat-Tielet Direttiva tipprovdi li “[i]l-vittmi ta’ l-aċċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn fil-Komunità jseħħu l-aċċidenti”. Skont il-ħames premessa tagħha, “hemm, partikolarment, ċerti lakuni fil-koperta obbligatorja ta’ l-assigurazzjoni tal-pasiġġieri fil-vetturi bil-mutur f’ċerti Stati Membri; billi, bħala protezzjoni għal din il-kategorija partikolarment vulnerabbli tal-vittmi potenzjali, dawn il-lakuni għandhom ikunu magħluqa”.

15.      L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, b’mod partikolari, li “l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) tal-[Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura”.

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Id-dritt Ċek (kawża Haasová)

16.      Għalkemm id-domandi preliminari li saru fil-kawża Haasová jirrigwardaw kemm dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek kif ukoll dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk (10), dawn tal-ewwel biss ser jissemmew hawnhekk, fl-għarfien li dawn huma applikabbli ratione materiae fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-inċident inkwistjoni, skont il-konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku, konkluża f’Den Haag fl-4 ta’ Mejju 1971 (11) (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1971”), waqt li huwa madankollu ppreċiżat li ma jippreġudikax il-liġi applikabbli, barra minn hekk, għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni (12).

a)      Il-kodiċi ċivili Ċek

17.      L-Artikolu 11 tal-liġi Nru 40/1964 (13) li tistabbilixxi l-kodiċi ċivili (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Ċek”) jipprovdi b’mod partikolari li “kull persuna fiżika għandha dritt għall-protezzjoni tal-personalità tagħha, b’mod partikolari ta’ ħajjitha”.

18.      Skont l-Artikolu 13 ta’ dan il-kodiċi:

“1)      Il-persuna fiżika għandha b’mod partikolari d-dritt li titlob il-waqfien ta’ kull ksur illegali tad-dritt tal-protezzjoni tal-personalità tagħha, it-tneħħija tal-konsegwenzi ta’ dak il-ksur u li t-talbiet tagħha jiġu debitament sodisfatti.

2)      Sal-punt fejn hija ma tkunx ingħatat sodisfazzjon suffiċjenti fis-sens tal-paragrafu 1, b’mod partikolari għaliex tkun ġiet affettwata b’mod sinjifikattiv fid-dinjità ta’ persuntha jew fir-rispettabbiltà soċjali tagħha, il-persuna fiżika għandha wkoll id-dritt għal kumpens finanzjarju għad-dannu mhux patrimonjali.

3)      L-ammont tal-kumpens imsemmi fil-paragrafu 2 huwa ddeterminat mill-qorti wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tal-preġudizzju mġarrab u ċ-ċirkstanzi li fihom ikun seħħ dak il-ksur tad-dritt”.

19.      L-Artikolu 444(3)(a) tal-kodiċi msemmi jipprovdi li, f’każ ta’ mewt, is-superstiti għandhom dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma fissa ta’ CZK 240 000 (Kuruni Ċeki), jew madwar EUR 9 300, fir-rigward tal-mewt ta’ konjugi.

b)      Il-liġi Ċeka dwar l-assigurazzjoni obbligatorja

20.      L-Artikolu 6(1) tal-liġi Nru 168/1999 (14) dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura (iktar ’il quddiem il-“liġi Ċeka dwar l-assigurazzjoni obbligatorja”) jipprovdi b’mod partikolari li dik l-assigurazzjoni “tkopri kull persuna responsabbli għad-dannu li jirriżulta mill-użu tal-vettura msemmija fil-kuntratt tal-assigurazzjoni”.

21.      Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jippreċiża li, salv dispożizzjonijiet kuntrarji f’dik il-liġi, “il-persuna assigurata għandha d-dritt li l-assiguratur jikkumpensa minflokha lill-parti inġurjata, fil-kuntest u għall-ammont previsti mill-kodiċi ċivili, [b’mod partkolari] għall-korriment fiżiku mġarrab jew il-mewt […], kemm-il darba l-parti inġurjata tkun stabbilixxiet u pprovat id-dritt tagħha, u li l-fatt dannuż li jkun ta lok għall-preġudizzju u li għalih huwa responsabbli l-assiguratur ikun seħħ matul il-perjodu ta’ validità, ħlief jekk ikun hemm perjodu ta’ interruzzjoni”.

2.      Id-dritt Latvjan (kawża Drozdovs)

a)      Il-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja

22.      Il-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarji tal-vetturi fuq l-art (15), imsejħa l-“liġi OCTA” (iktar ’il quddiem il-“liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja”), ittrasponiet, b’mod partikolari, l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttivi. Il-kontenut tad-dispożizzjonijiet segwenti huwa dak li kien fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti.

23.      Skont l-Artikolu 15 ta’ dik il-liġi, bit-titolu “Limitu tar-responsabbiltà tal-assiguratur”:

“(1)      F’każ ta’ inċident, l-assiguratur li jkun assigura r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju tal-vettura li tkun ikkawżat l-inċident […] għandu jagħti kumpens għad-dannu, fil-limiti tar-responsabbiltà tal-assiguratur:

1)      sa LVL 250 000 [Lats Latvjani] għal kull vittma ta’ korriment personali;

2)      sa LVL 70 000 [Lats Latvjani] għal dannu materjali, irrispettivament min-numru ta’ terzi vittmi;

(2)      It-terzi jistgħu jitolbu kumpens, skont id-dritt komuni, għad-danni li ma jkunux ikkumpensati skont din il-liġi jew li jaqbżu l-limiti tar-responsabbiltà tal-assiguratur.”

24.      L-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi jagħti lista ta’ danni, materjali jew mhux materjali, li jistgħu jiġu kkawżati lill-vittmi matul inċidenti tat-traffiku li jaqgħu taħt il-liġi. Fost id-danni mhux materjali, li huma ddefiniti bħala “danni relatati mal-uġigħ u t-tbatija psikoloġiċi”, il-paragrafu 2(3) ta’ dak l-Artikolu jsemmi, b’mod partikolari, “il-mewt tal-persuna li fuqha wieħed jiddependi”. Il-paragrafu 3 tiegħu jippreċiża li “[l]-ammont u l-mod ta’ kalkolu tal-kumpens tal-assigurazzjoni għad-danni materjali u mhux materjali kkawżati lill-persuni huma ffissati mill-Kunsill tal-ministri”.

25.      L-Artikolu 23(1)(a) ta’ din l-istess liġi jipprovdi li t-tfal minorenni, anki jekk ikunu adottati, għandhom dritt għal kumpens tal-assigurazzjoni fil-każ ta’ mewt tal-persuna li jkunu jiddependu fuqha.

b)      Id-digriet Latvjan Nru 331

26.      Id-digriet Nru 331 tal-Kunsill tal-ministri, tas-17 ta’ Mejju 2005 dwar l-ammont u l-mod tal-kalkolu tal-indennizzi tal-assigurazzjoni għad-danni morali kkawżati lill-persuni (16) (iktar ’il quddiem id-“digriet Latvjan Nru 331”) ġie adottat għall-finijiet tal-adozzjoni tal-Artikolu 19(3) tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja.

27.      L-Artikoli 7 u 10 tal-imsemmi digriet jistabbilixxu li l-ammont tal-indennizzi tal-assigurazzjoni mogħtija għall-uġigħ u t-tbatija psikoloġiċi wara l-mewt ta’ persuna li fuqha wieħed kien jiddependi huwa ta’ LVL 100 għal kull pretendent u għal kull persuna, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja, u li l-ammont totali tal-indennizzi mogħtija mill-assigurazzjoni huwa limitat għal LVL 1 000 għal kull persuna vittma ta’ inċident tat-traffiku jekk id-danni kollha msemmija fil-punti 3, 6, 7 u 8 ikunu kkumpensati.

III – Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Il-kawża Haasová (17)

28.      Fis-7 ta’ Awwissu 2008, V. Haas miet fit-territorju tar-Repubblika Ċeka f’inċident tat-traffiku kkaġunat minn R. Petrík. Dan tal-aħħar kien qiegħed isuq vettura bil-mutur irreġistrata u assigurata fis-Slovakkja li kienet tappartjeni lil B. Holingová. Haas kien passiġġier fil-vettura li ħabtet ma’ vettura kbira rreġistrata fir-Repubblika Ċeka. Huwa kien miżżewweġ ma’ K. Haasová u kellu tifla, li twieldet fit-22 ta’ April 1999, li ma kinux preżenti fuq il-post tal-inċident. Il-partijiet ikkonċernati kollha kienu jew huma ta’ nazzjonalità Slovakka u ddomiċiljati fis-Slovakkja.

29.      Permezz ta’ sentenza kriminali tal-Okresný súd Vranov nad Topľou (is-Slovakkja), Petrík, li nżamm responsabbli b’mod partikolari ta’ delitt ta’ omiċidju b’negliġenza, ġie kkundannat għal piena ta’ sentejn detenzjoni sospiża u perijodu ta’ probation ta’ sentejn. B’applikazzjoni tal-kodiċi kriminal u tal-kodiċi tal-proċedura kriminali Slovakki, huwa ġie ordnat li jikkumpensa, matul l-imsemmi perijodu u skont il-kapaċitajiet tiegħu, id-danni kkawżati, fosthom id-dannu mġarrab minn K. Haasová li ġie ffissat għal ammont ta’ EUR 1 057.86.

30.      Mill-aspett ċivili, Haasová, li kienet qiegħda taġixxi f’isimha stess u f’isem it-tifla minorenni tagħha, ħarrket lil Petrík u lil Holingová għall-finijiet ta’ kumpens finanzjarju għad-dannu kkwalifikat bħala “mhux patrimonjali” ikkawżat mit-telf tar-raġel u l-missier tagħhom rispettivament, fuq il-bażi tal-Artikolu 13(2) u (3) tal-kodiċi ċivili Slovakk. Fl-ewwel istanza, is-sewwieq u l-proprjetarju tal-vettura ġew ordnati biex iħallsuha kumpens ta’ EUR 15 000 abbażi tal-imsemmi preġudizzju.

31.      Il-partijiet kollha ppreżentaw appell quddiem il-Krajský súd v Prešove. Din tal-aħħar tippreċiża li, bħala parti intervenjenti fil-proċedura, l-assiguratur ta’ Holingová, il-kumpannija Allianz ‑ Slovenská poisťovňa a.s., irrifjutat li tikkumpensa d-dannu inkwistjoni, abbażi li d-dritt ta’ riżarċiment invokat ma kienx kopert mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni abbażi tal-liġijiet Ċeki u Slovakki dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur.

32.      Skont il-qorti tar-rinviju, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi applikat id-dritt sostantiv Ċek, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tal-konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1971, u b’mod partikolari l-Artikolu 444(3) tal-Kodiċi Ċivili Ċek li, għall-kuntrarju tal-Kodiċi Ċivili Slovakk, jipprevedi espressament il-kumpens għad-danni mhux materjali fil-kuntest tal-kumpens għal dannu kkawżat lill-qraba superstiti, sal-ammonti ffissati bil-liġi, u b’mod partikolari kumpens fil-forma ta’ somma fissa ta’ CZK 240 000, jew madwar EUR 9 300, għat-telf ta’ konjugi.

33.      Barra minn hekk, dik il-qorti hija tal-fehma, minn naħa, li d-dritt ta’ kumpens għal dannu mhux materjali għandu jirriżuta mid-dritt għal riżarċiment tad-dannu kopert mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja u, min-naħa l-oħra, li l-pretensjonijiet ta’ Haasová huma bbażati fuq dritt idderivat mill-vittma tal-inċident tat-traffiku, peress li l-ħajja ta’ Haas kienet protetta mill-Artikolu 11 tal-Kodiċi Ċivili Ċek.

34.      Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Krajský súd v Prešove għandha dubji dwar l-adegwatezza tal-kumpens inkwistjoni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, bil-preċiżazzjoni li deċiżjonijiet tal-qrati Slovakki donnhom juru perspettivi kontradittorji f’dan il-qasam fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk. Hija tiddikjara wkoll li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija determinanti biex tiġi evalwata r-regolarità tal-intervent tal-assiguratur fil-kawża prinċipali u għaldaqstant, biex tiġi ddeterminata n-natura vinkolanti fir-rigward tiegħu tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-proċedura msemmija.

35.      F’dan il-kuntest, il-Krajský súd v Prešove ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-[Tielet Direttiva] u 3(1) tal-[Ewwel Direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (bħal dik li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Liġi Slovakka [dwar l-assigurazzjoni obbligatorja] [(18)] u l-Artikolu 6 tal-liġi Ċeka [dwar l-assigurazzjoni obbligatorja]), li permezz tagħha r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur ma tkoprix id-danni mhux patrimonjali, imsarrfin f’forma pekunjarja, ikkawżati lis-superstiti tal-vittmi ta’ inċident li jirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur

2)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4(1), (2) u (4) tal-Liġi Slovakka [fuq l-assigurazzjoni obbligatorja] u l-Artikolu 6(1) sa (3) tal-Liġi Ċeka [fuq l-assigurazzjoni obbligatorja] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux qorti nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 1 [tat-Tielet Direttiva] u 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], milli tirrikonoxxi d-dritt għall-kumpens għad-danni mhux patrimonjali kkawżati lis-superstiti tal-vittmi ta’ inċident li jirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur bħala persuni li sofrew dannu, ukoll f’forma pekunjarja?”

36.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Slovakk, Ġermaniż u Estonjan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea (19). Ma saritx seduta.

B –    Il-kawża Drozdovs

37.      Fl-14 ta’ Frar 2006, il-ġenituri ta’ Vitālijs Drozdovs, li twieled fil-25 ta’ Awwissu 1995, mietu f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Riga (il-Latvja). Bħala minorenni, it-tifel tpoġġa taħt it-tutela tan-nanna tiegħu, V. Balakireva (iktar ’il quddiem il-“kuratriċi ta’ Vitālijs Drozdovs”).

38.      L-inċident kien ikkaġunat mis-sewwieq ta’ vettura bil-mutur li kienet assigurata mill-kumpannija tal-assigurazzjoni AAS “Baltikums” (iktar ’il quddiem “Baltikums”). B’sentenza kriminali kkonfermata fl-appell, huwa ġie kkundannat għal piena ta’ sitt snin priġunerija u għas-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu għal ħames snin (20).

39.      Fit-13 ta’ Diċembru 2006, il-kuratriċi ta’ Vitālijs Drozdovs informat lill-assiguratur dwar id-dannu u talbitu biex jikkumpensa lill-minuri, b’mod partikolari għad-dannu “morali” li ġarrab li ġie evalwat għal LVL 200 000. Fid-29 ta’ Jannar 2007, Baltikums ħallset, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-digriet Latvjan Nru 331, kumpens ta’ LVL 200 abbażi tat-tbatija psikoloġika tat-tifel (21), kif ukoll kumpens ta’ LVL 4 497,47 abbażi tad-dannu patrimonjali tiegħu, ammont li ma huwiex ikkontestat.

40.      Fit-13 ta’ Settembru 2007, il-kuratriċi msemmija ressqet rikors kontra Baltikums għall-ħlas ta’ kumpens ta’ LVL 200 000 għad-dannu morali mġarrab minn V. Drozdovs minħabba l-mewt tal-ġenituri tiegħu meta kien ta’ età żgħira, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 39(1) u (6) tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja, kif ukoll abbażi tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva.

41.      Ir-rikors u l-appell ippreżentati mill-kuratriċi ta’ Vitālijs Drozdovs ġew miċħuda permezz tad-deċiżjonijiet, rispettivament, tas-27 ta’ Novembru 2008 u tas-16 ta’ Novembru 2010, minħabba li Baltikums kienet irrispettat l-ammont iffissat mill-Artikolu 7 tad-digriet Latvjan Nru 331.

42.      Il-kuratriċi msemmija ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem l-Augstākās tiesas Senāts għall-finijet tal-annullament tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-appell u tar-rinviju tal-kawża lil dik il-qorti għal ritrattazzjoni. Hija ssostni li din applikat b’mod żbaljat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għaliex dik id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata b’mod partikolari b’mod konformi mal-ewwel u mat-tieni direttiva. Jirriżulta minn dawn tal-aħħar li Stat Membru ma jistax jiffissa limiti ta’ kumpens li jkunu inqas mill-ammonti minimi previsti mid-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-Artikolu 7 tad-digriet Latvjan Nru 331 imur kontra l-limiti ffissati mill-imsemmija dispożizzjoni tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja u mid-direttivi msemmija, li dik il-liġi tittrasponi.

43.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kumpens obbligatorju għad-dannu personali previst fl-[Ewwel Direttiva] u [fl-Artikolu 1(1) u (2)] [(22)] tat-[Tieni Direttiva] jinkludi wkoll id-danni morali?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva, l-Artikolu 3 tal-[Ewwel Direttiva] u [l-Artikolu 1(1) u (2),] [(23)] tat-[Tieni Direttiva], għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu lil Stat Membru milli jillimita l-ammont massimu tal-kumpens għad-danni mhux materjali (morali), billi jiffissa limitu li huwa sostanzjalment inqas mil-limitu tar-responsabbiltà tal-assigurazzjoni ffissat mid-direttivi u mil-liġi nazzjonali?”

44.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kuratriċi ta’ V. Drozdovs, Baltikums, il-Gvern Latvjan, Ġermaniż u Litwan kif ukoll mill-Kummissjoni.

45.      Matul is-seduta tal-20 ta’ Marzu 2013, il-kuratriċi ta’ V. Drozdovs, Baltikums, il-Gvern Latvjan u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari dwar il-liġi applikabbli

46.      L-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli għal kawża transkonfinali hija stadju preliminari f’kull analiżi f’termini tad-dritt sostantiv. Din hija partikolarment essenzjali f’din il-kawża, fid-dawl tad-diskrepanzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kumpens abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (24).

47.      Dan ma jippreżentax diffikultajiet fil-kawża Drozdovs għaliex ma jirriżultax mill-provi fil-proċess li fattur ta’ estranjetà jista’ jwassal biex is-sitwazzjoni inkwistjoni tiġi konnessa ma’ Stat Membru ieħor apparti r-Repubblika tal-Latvja.

48.      Min-naħa l-oħra, din il-problema tista’ tqum fil-kawża Haasová, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi fattwali tal-inċident tat-traffiku li wassal għall-kawża prinċipali, li tinsab quddiem qorti Slovakka. Effettivament, il-post ta’ dan l-inċident jinsab fit-territorju tar-Repubblika Ċeka u waħda mill-vetturi involuti hija rreġistrata hemmhekk, filwaqt li l-punti ta’ konnessjoni l-oħrajn, jiġifieri l-post ta’ reġistrazzjoni tal-vettura fejn kienet tinsab il-vittma diretta, kif ukoll in-nazzjonalità u r-residenza tal-persuni kkonċernati, jorbtu l-kawża mar-Repubblika Slovakka.

49.      L-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (25) jipprovdi li dan ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali u li għalihom Stat Membru wieħed jew iktar kienu partijiet kontraenti fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-Regolament, u li bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jipprevali fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn tnejn jew iktar minnhom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan it-test.

50.      Rigward ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali li tirriżulta minn inċident tat-traffiku fuq it-triq, ir-regoli ta’ konflitt tal-liġijiet li jinsabu fil-konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1971, li fil-mument meta ġie adottat l-imsemmi regolament kienu jorbtu kemm lill-Istati Membri kif ukoll lil Stati terzi, għandhom jirbħu fuq id-dispożizzjonijiet tiegħu fl-Istati kollha li rratifikaw dik il-konvenzjoni, li huwa l-każ b’mod partikolari tar-Repubblika Slovakka (26).

51.      Skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1971, il-liġi applikabbli f’dan il-qasam (27) hija, fil-prinċipju, il-liġi interna tal-Istat li fit-territorju tiegħu seħħ l-inċident. B’hekk, fil-kawża Haasová, il-qorti tar-rinviju Slovakka tikkunsidra ġustament li dik id-dispożizzjoni twassal għall-għażla tal-liġi Ċeka (28). Infakkar li derogi mill-applikazzjoni tal-lex loci delicti, favur il-liġi tal-Istat tar-reġistrazzjoni huma previsti fl-Artikolu 4 tal-konvenzjoni msemmija. B’mod partikolari, il-punt (b) tal-imsemmi artikolu jkopri l-każ fejn vetturi differenti jkunu involuti f’inċident u fejn kollha jkunu rreġistrati fl-istess Stat. Madankollu, din l-aħħar kundizzjoni tidher li ma hijiex sodisfatta fil-kawża prinċipali (29).

52.      Għandu jiġi ppreċiżat li dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-dritt Ċek għar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali li tirriżulta mill-inċident inkwistjoni b’ebda mod ma tippreġudika d-determinazzjoni tal-liġi li għandha tirregola d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur f’sitwazzjoni li tinvolvi konflitt ta’ liġijiet (30).

B –    Fuq l-inklużjoni tal-kumpens għal dannu mhux materjali ta’ vittma indiretta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (l-ewwel domandi fil-kawżi Haasová u Drozdovs)

53.      Fil-kawża Haasová, permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li twassal biex il-kumpens finanzjarju ta’ dannu mhux materjali mġarrab mis-superstiti tal-vittma ta’ inċident tat-traffiku ta’ vettura bil-mutur ma jkunx kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja sottoskritta mill-persuna li r-responsabbiltà ċivili tagħha tkun involuta.

54.      L-ewwel domanda preliminari li saret fil-kawża Drozdovs hija simili, u għandu jitfakkar li din saret f’kuntest fattwali simili (31), għalkemm id-dispożizzjonijiet imsemmija u t-termini użati ma humiex fil-fatt identiċi, peress li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kumpens obbligatorju tal-korrimenti personali jinkludi wkoll id-dannu morali previst fid-dritt nazzjonali.

55.      Meta titqies il-prossimità sostanzjali tagħhom, dawn id-domandi ser jiġu indirizzati flimkien f’dawn il-konklużjonijiet, bir-riżultat li l-interpretazzjoni proposta ser tikkombina d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fl-Ewwel, fit-Tieni u fit-Tielet Direttivi fl-istess ħin.

56.      L-opinjonijiet li ngħataw f’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, huma diverġenti. Il-kuratriċi ta’ V. Drozdovs u l-Kummissjoni jikkunsidraw li dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li d-dannu mhux materjali mġarrab minn persuna li tkun tilfet persuna qariba f’inċident tat-traffiku għandu jaqa’ taħt l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili prevista minn dawk it-testi, għall-kuntrarju ta’ Baltikums u tal-Gvernijiet li intervjenew, jiġifieri l-gvernijiet tal-Islovakkja, tal-Ġermanja, u tal-Estonja fil-kawża Haasová u l-gvernijiet tal-Latvja, tal-Ġermanja u tal-Litwanja fil-kawża Drozdovs.

57.      Għalkemm ċerti elementi tar-risposta jistgħu faċilment jiġu stabbiliti mill-ġurisprudenza li ser tiġi ċċitata iktar ’il quddiem, żewġ aspetti tal-problema mqajma hawnhekk huma mingħajr preċedent u fil-fehma tiegħi għandhom jiġu eżaminati b’mod separat. Dawn huma, minn naħa, l-inklużjoni tad-dannu mhux materjali fis-sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja prevista fl-imsemmija direttivi u, min-naħa l-oħra, l-estensjoni ta’ dik l-inklużjoni għal persuni li ma jkunux involuti huma stess fl-inċident tat-traffiku li jkun ikkawżalhom dak id-dannu.

1.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dderivati mill-acquis ġurisprudenzjali

58.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi indikat li, f’dawn il-kawżi, fil-fehma tiegħi għandha ssir riferenza mhux biss għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll għal dik tal-Qorti tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (32) (iktar ’il quddiem “il-Qorti tal-EFTA”), li waħda mis-sentenzi tagħha (33) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen”), li ġiet invokata b’mod estensiv mill-partijiet u mill-intervenjenti f’dawn il-proċeduri, tirrigwarda l-problema inkwistjoni f’din il-kawża (34).

59.      Kif enfasizzat ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-preamboli tal-Ewwel, tat-Tieni u tat-Tielet Direttivi jindikaw li l-għan tagħhom huwa, minn naħa (35), li jiżguraw iċ-ċirkulazzjoni libera kemm tal-vetturi li normalment jinsabu fuq it-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-persuni li jkunu rikbin fuqhom, u, min-naħa l-oħra (36), li jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun liema jkun il-punt fit-territorju tal-Komunità fejn seħħ l-inċident (37), sabiex tiġi kkonkretizzata r-realizzazzjoni tas-suq komuni.

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dawn it-testi li l-Ewwel Direttiva, kif iċċarata u kkompletata mit-Tieni u mit-Tielet Direttivi, timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (38).

61.      Hija fakkret li, madankollu, l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili ta’ danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda hija ddefinita u ggarantita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni hija rregolata, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (39).

62.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-għan tal-Ewwel, tat-Tieni u tat-Tielet Direttivi, kif ukoll mill-kliem tagħhom, jirriżulta li dawn ma humiex intiżi li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili fl-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi (40).

63.      Hija ppreċiżat li, hekk kif inhuma l-affarijiet, l-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur kif iddefinita skont id-dritt nazzjonali applikabbli hija koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija iktar ’il fuq (41).

64.      Finalment, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens tad-danni mill-użu tal-vetturi ma jistgħux iċaħħdu lill-Ewwel, lit-Tieni u lit-Tielet Direttivi mill-effett utli tagħhom (42).

65.      Għar-raġunijiet li ser jissemmew iktar ’il quddiem, l-imsemmija direttivi huma, fil-fehma tiegħi, imċaħħda mill-effett utli tagħhom jekk id-dritt ta’ kumpens għal dannu bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (43) ikun ippreġudikat minn dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam tal-assigurazzjoni li jillimitaw il-kopertura tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. Min-naħa l-oħra, dan ma jkunx il-każ jekk id-dritt għall-kumpens inkwistjoni jkun illimitat, mhux minħabba dispożizzjonijiet relatati mal-assigurazzjoni, iżda minħabba dispożizzjonijiet relatati mar-reġim nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku (44).

2.      Fuq l-inklużjoni ta’ dannu mhux materjali fis-sistema tal-assigurazzjoni obbligatorja prevista mill-Ewwel, mit-Tieni u mit-Tielet Direttivi

66.      Fis-sentenza Nguyen, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-EFTA kellha quddiemha kwistjoni dwar il-kompatibbiltà mal-Ewwel, mat-Tieni u mat-Tielet Direttivi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ Norveġiża (45), li kienet teskludi l-kumpens għal dannu mhux materjali (46) (“uġigħ u tbatija” jew “pretium doloris”) mis-sistema tal-assigurazzjoni obbligatorja tad-dritt domestiku. Hija interpretat l-imsemmija direttivi fis-sens li tali esklużjoni ma hijiex kompatibbli ma’ dawk it-testi, meta jitqies il-fatt li l-kumpens għal dannu mhux materjali huwa forma ta’ responsabbiltà ċivili (47).

67.      Il-Qorti tal-EFTA bbażat dik id-deċiżjoni mhux biss fuq il-kunsiderazzjonijiet ġenerali bbażati fuq il-preċedenti ġurisprudenzjali mfakkra iktar ’il fuq, iżda wkoll fuq ir-raġunijiet segwenti, li fil-fehma tiegħi huma konvinċenti fuq kull punt.

68.      Qabel kollox, dik il-qorti nnotat ġustament li fl-imsemmija direttivi ma hemm ebda dispożizzjoni li teskludi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-kumpens għal dannu mhux materjali. F’dan is-sens, hija nnotat li l-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Direttiva, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “il-parti inġurjata” jirreferi għal “kull persuna ntitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi”. L-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jirreferu, b’mod partikolari, għal “korrimenti personali”, jew “personal injuries” fil-verżjoni Ingliża (48), sabiex jiddefinixxu dak li għandu jkun suġġett għall-assigurazzjoni obbligatorja. Il-Qorti tal-EFTA ddeċidiet li l-formulazzjoni mogħtija iktar ’il fuq tħaddan kull tip ta’ danni, indipendentement mill-fatt jekk ikunx dannu materjali jew mhux materjali, u b’hekk ma taqbilx mat-teżi li dan l-aħħar tip ta’ dannu ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi (49).

69.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq hija ddeduċiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, moqri flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva u dawk tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru kemm id-dannu materjali kif ukoll dak mhux materjali, inklużi l-uġigħ u t-tbatija psikoloġiċi. Interpretazzjoni differenti tmur kontra l-għan tal-imsemmija direttivi li huwa li jiġi żgurat il-moviment liberu u li l-vittmi jingħataw garanzija ta’ trattament paragunabbli jinsabu fejn jinsabu fit-territorju taż-ŻEE fejn iseħħu l-inċidenti (50).

70.      Il-Qorti tal-EFTA ddikjarat ukoll, ġustament, li kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, min-natura tiegħu stess, jagħti lil persuna d-dritt li tikseb kumpens mingħand persuna oħra u b’hekk jikkostitwixxi forma ta’ responsabbiltà ċivili. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq (51) jirriżulta li d-direttivi kkonċernati ma humiex intiżi biex jimponu l-adozzjoni ta’ forom partikolari ta’ responsabbiltà, iżda jeżiġu li kull responsabbiltà ċivili relatata mal-użu ta’ vettura bil-mutur tkun koperta minn assigurazzjoni, u huwa irrilevanti jekk din ir-responsabbiltà hija bbażata fuq culpa jew casus. Effettivament, kull interpretazzjoni oħra ċċaħħad lill-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, kif ikkompletata u emendata bit-Tieni u bit-Tielet Direttivi, mill-effett utli tagħha, li huwa li jiġu protetti l-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku permezz tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili (52).

71.      Fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta simili fir-rigward tad-domandi li saru fil-kawżi Haasová u Drozdovs, fid-dawl tad-diċitura u l-objettivi kif ukoll l-effett utli tad-direttivi kkonċernati, b’mod li għandu jiġi stabbilit li l-kumpens għal dannu mhux materjali jaqa’ taħt is-sistema tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li hija prevista mill-Ewwel, mit-Tieni u mit-Tielet Direttivi.

72.      Ninnota li fil-kawża Drozdovs, il-qorti tar-rinviju staqsiet b’mod iktar partikolari dwar il-kwistjoni jekk l-assigurazzjoni obbligatorja tal-“korrimenti personali”, li jeżiġi partikolarment l-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva, tistax tinkludi d-dannu morali. F’dan ir-rigward, ninsisti fuq il-fatt li l-kunċett ta’ “dommages corporels” użat, inter alia (53), fil-verżjoni Franċiża tat-Tieni u tat-Tielet Direttivi ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi ostaklu għall-kunċett estensiv propost hawnhekk.

73.      Effettivament, l-espressjoni użata f’diversi verżjonijiet oħrajn (54), fil-fehma tiegħi tippermetti li ssir riferenza għal kunċett iktar wiesa’, li jħaddan mhux biss il-ħsara kontra l-ġisem, jiġifieri kontra l-integrità fiżika tal-vittma, iżda wkoll kull ħsara ta’ natura “personali”, fi kliem ieħor, mhux materjali, li tinkludi t-tbatija kemm fiżika kif ukoll psikoloġika (55). Jidhirli li dan għandu jirriżulta, minn naħa, mid-distinzjoni li ssir, b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva, bejn dan it-tip ta’ dannu u d-“danni materjali”, jiġifieri dawk relatati mal-beni jew mal-patrimonju tal-persuna kkonċernata (56), u, min-naħa l-oħra, l-għan li tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-vittmi, li mmarka b’mod ċar l-evoluzzjoni tal-imsemmi artikolu (57).

74.      L-ewwel element tar-risposta b’hekk jista’ jingħata b’mod relattivament faċli, kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta, kif nipproponi, li ssegwi l-linja mmarkata mill-ġurisprudenza preċedenti tagħha u li taderixxi mar-raġunament adottat korrelattivament mill-Qorti tal-EFTA fis-sentenza tagħha Nguyen, iċċitata iktar ’il fuq.

75.      Madankollu, għalkemm, fil-fehma tiegħi, minn dawn il-preċedenti ġurisprudenzjali jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi kkonċernati għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li huma jipprovdu għandha tkopri d-dannu mhux materjali mġarrab minn persuna li tkun involuta f’inċident tat-traffiku, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija (58), għad irid jiġi ddeterminat jekk dan l-approċċ jgħoddx bl-istess mod għall-vittmi li ma kinux milquta direttament, kif huwa l-każ fil-każijiet li wasslu għall-kawżi Haasová u Drozdovs.

3.      Fuq l-estensjoni tal-inklużjoni tad-dannu mhux materjali għall-vittmi indiretti ta’ inċident tat-traffiku

76.      Fil-kawżi prinċipali, id-dannu mhux materjali li huwa invokat mir-rikorrenti kien imġarrab minn persuni li ma kinux involuti huma stess fl-inċidenti inkwistjoni, jiġifieri, fil-kawża Haasová, il-mara u t-tifla tar-raġel li kien il-vittma diretta u, fil-kawża Drozdovs, it-tifel tal-miżżewġin li kienu l-vittmi diretti. Il-mewt ta’ individwu, b’mod partikolari f’dawk iċ-ċirkustanzi, ċertament jikkawża taqlib fil-mod tal-għixien u fil-bilanċ emottiv tal-persuni li magħhom kellha relazzjoni tassew mill-qrib. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dak id-dannu jistax jaqa’ taħt id-direttivi msemmija fid-domandi preliminari, jidhirli li għandhom jiġu trasposti l-fatturi ta’ evalwazzjoni adottati qabel, billi nsegwu interpretazzjoni letterali, teleoloġika u fl-istess ħin ibbażata fuq l-effett utli ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

77.      Fl-ewwel lok, l-analiżi tad-diċitura tad-dispożizzjonijiet rilevanti ma tippermettix li jiġi eskluż il-kumpens għad-dannu inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kopertura mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili prevista mill-Ewwel, mit-Tieni u mit-Tielet Direttivi. Effettivament, id-definizzjoni ta’ “il-parti inġurjata” mogħtija fl-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Direttiva hija wiesgħa biżżejjed biex tinkludi il-vittmi indiretti, u l-unika kundizzjoni stipulata hija li hija “tkun intitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi” skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli.

78.      Huwa minnu li, b’devjazzjoni mit-terminoloġija użata fit-testi preċedenti (59), l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jirreferi għall-“korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier”, li jista’ jagħti x’jifhem li persuna mhux involuta f’inċident ma tistax tkun koperta mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili. Madankollu, dik id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tar-raba’ u tal-ħames premessi tal-imsemmija direttiva, li minnhom jirriżulta li l-vittmi kkonċernati mir-regoli protettivi tad-dritt tal-Unjoni ma humiex limitati għall-passiġġieri, li jidhru li huma biss kategorija partikolari tat-terzi kollha li huma protetti mill-assigurazzjoni ta’ sid il-vettura li tkun ikkawżat l-inċident (60). L-imsemmi artikolu huwa intiż biex jispjega l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-garanzija offruta mill-assigurazzjoni obbligatorja, u mhux biex jillimitaha għall-passiġġieri msemmija (61). Din l-analiżi hija kkorroborata mill-evoluzzjoni segwita f’din il-materja (62).

79.      Fit-tieni lok, il-kopertura permezz tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tad-dannu mhux materjali tal-persuni li jsofru dannu indirettament minħabba inċident tat-traffiku hija meħtieġa fir-rigward tal-objettivi msemmija mill-Ewwel, mit-Tieni u mit-Tielet Direttivi, li jiffavorixxu l-moviment liberu kif ukoll li jiġi ggarantit trattament paragunabbli għall-vittmi rrispettivament mill-Istat Membru fejn iseħħ l-inċident li jikkawżalhom dannu (63). Kieku l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva kellhom jiġu interpretati b’mod differenti, dawn il-persuni kienu jkunu suġġetti għar-riskji tar-regoli tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-assigurazzjoni, li l-kontenut tagħhom jista’ jvarja skont il-post tal-inċident, fin-nuqqas ta’ approssimazzjoni imposta mid-dritt tal-Unjoni.

80.      Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza kostanti msemmija iktar ’il fuq (64) jirriżulta li għalkemm l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttivi ma jarmonizzawx is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li jinsabu fis-seħħ fl-Istati Membri, dawn madankollu jimponu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li hija applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi. Minn dan isegwi li meta d-dritt għall-kumpens ta’ dannu jiġi akkwistat abbażi tar-responsabbiltà ċivili ta’ persuna assigurata skont id-dritt nazzjonali applikabbli (65), għandha tapplika l-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li hija prevista mill-imsemmija direttivi.

81.      Nosserva li d-dritt ta’ kumpens għad-dannu mhux materjali kkawżat mit-telf ta’ persuna qariba f’inċident tat-traffiku huwa rikonoxxut fis-sistemi ġuridiċi ta’ għadd kbir ta’ Stati Membri (66), anki jekk il-faċilità tal-aċċess għal dan id-dritt tvarja għaliex uħud minnhom jagħtu din il-possibbiltà ta’ kumpens biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali (67) waqt li oħrajn jipprovdu oneru tal-prova allegata (68). Peress li l-leġiżlaturi tal-Istati Membri għad għandhom kompetenza riżervata fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, jirriżulta li huwa l-kompitu tagħhom biex jiddeterminaw jekk id-dritt għal kumpens ta’ tali dannu huwiex rikonoxxut fil-prinċipju u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet. B’mod partikolari, il-kwistjoni jekk dan huwiex dritt proprju tal-vittma b’mod indirett, jew inkella huwiex dritt idderivat minn dak tal-persuna mejta, hija fid-diskrezzjoni tagħhom.

82.      Madankollu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza (69), l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw dik il-kompetenza b’mod li jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li jippreżerva l-effett utli tal-Ewwel, tat-Tieni u tat-Tielet Direttivi. Fil-fehma tiegħi, dan l-effett jiġi ppreġudikat b’mod partikolari jekk ikun awtorizzat li l-vittmi indiretti ta’ inċidenti tat-traffiku bħal dawk ikkonċernati mill-kawżi prinċipali ma jkunux protetti permezz tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili waqt li r-responsabbiltà tal-persuna assigurata hija stabbilita b’mod ċar fil-konfront tagħhom.

83.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li sakemm, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, ir-responsabbiltà ċivili ta’ persuna assigurata tkun stabbilita abbażi ta’ dannu mhux materjali mġarrab minn persuna li tkun tilfet persuna qariba tagħha f’inċident tat-traffiku bejn vetturi bil-mutur, dak il-kumpens għandu jkun kopert mid-dispożittiv tal-assigurazzjoni obbligatorja prevista minn dawk id-direttivi.

C –    Fuq l-impossibbiltà għall-Istati Membri li jiffissaw ammonti massimi ta’ kumpens mill-assigurazzjoni li jkunu inqas mill-ammonti minimi ta’ garanzija previsti fid-dritt tal-Unjoni (it-tieni domanda fil-kawża Drozdovs)

1.      Fuq il-kontenut tad-domanda li saret

84.      Fil-kawża Drozdovs, il-qorti tar-rinviju tressaq it-tieni domanda preliminari fuq bażi sussidjarja, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda tagħha, jiġifieri fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili, li hija prevista fl-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva u fl-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva, tinkludi wkoll il-kumpens għal dannu morali bħal dak invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

85.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kwistjoni jekk l-artikoli msemmija iktar ’il fuq jipprekludux regola tad-dritt nazzjonali li tipprovdi, abbażi tal-kumpens minn assiguratur għal dannu mhux materjali, ammont massimu li jkun nettament inqas, minn naħa, mil-limiti minimi tal-kapital assigurat b’mod obbligatorju li timponi t-Tieni Direttiva u, min-naħa l-oħra, mil-limiti tar-responsabbiltà tal-assiguraturi ffissati mil-liġi nazzjonali.

86.      Effettivament, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-limitu massimu ta’ kumpens għal dannu morali bħal dak imġarrab minn V. Drozdovs li huwa previst fl-Artikolu 7 tad-digriet Latvjan Nru 331 (70), fir-rigward mhux biss tal-ammonti minimi ta’ garanzija ddefiniti fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva (71), iżda wkoll dak speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja (72), li b’mod partikolari ttrasponiet dik id-direttiva.

87.      Dan l-aħħar aspett tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirrifletti l-aggravji mqajma fl-appell fil-kassazzjoni ppreżentat mill-kuratriċi ta’ V. Drozdovs, li b’mod partikolari ssostni li l-limitu tal-kumpens previst mid-digriet Latvjan Nru 331 huwa redikolu u jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja, li d-digriet imsemmi kellu l-għan li jimplementa (73). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza biex tiddeċiedi dwar il-kostituzzjonalità jew il-legalità tar-regoli tad-dritt intern u, b’mod partikolari, biex tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet regolatorji nazzjonali humiex konformi ma’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali. B’hekk, dan l-aspett tad-domanda ma huwiex sejjer jiġi eżaminat.

2.      Fuq in-natura vinkolanti tal-ammonti minimi tal-kopertura tar-responsabbiltà ċivili ffissati mit-Tieni Direttiva

88.      Kemm il-kuratriċi ta’ V. Drozdovs kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva jipprekludu li Stat Membru jillimita l-kumpens għal dannu mhux materjali abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili f’ammont li huwa inqas mil-limitu tar-responsabbiltà tal-assiguratur iffissat f’dawk it-testi. Nindika qabel kollox li naqbel ma’ din l-opinjoni, għar-raġunijiet li ġejjin.

89.      Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-oriġini, mill-ġenesi u mill-evoluzzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fit-tieni domanda li saret mill-Augstākās tiesas Senāts sabiex nipproċedu għall-interpretazzjoni tagħhom.

90.      Kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 3(1) in fine tal-Ewwel Direttiva kien iħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw id-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili (74). Skont it-tielet premessa tat-Tieni Direttiva, huwa sabiex jitnaqqsu d-diverġenzi li kien hemm fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li l-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva impona, fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili, kopertura obbligatorja tad-danni materjali u tal-korrimenti personali, f’ammonti determinati, liema ammonti minimi jiżguraw livell minimu ta’ protezzjoni għall-vittmi tal-inċidenti fit-toroq (75).

91.      Eżami tal-abbozzi li kien hemm qabel l-adozzjoni tat-Tieni Direttiva juri li l-Artikolu 1(2) tagħha, li jiffissa dawn l-ammonti minimi ta’ garanzija, kien wieħed mid-dispożizzjonijiet li ġew mibdula l-iktar ta’ spiss, matul il-proċess leġiżlattiv inizjali (76). Kien hemm ukoll reviżjonijiet suċċessivi tal-imsemmija direttiva (77), waqt li għandu jiġi ppreċiżat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn it-testi ulterjuri (78), abbażi tad-direzzjoni li jirriflettu, minkejja li d-dispożizzjonijiet tagħhom ma humiex applikabbli ratione temporis fil-kawża Drozdovs. Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva kien suġġett ta’ attenzjoni partikolari mil-leġiżlatur Ewropew. Barra minn hekk, l-iżvilupp li ġie segwit b’dik id-dispożizzjoni, lejn tisħiħ progressiv tar-rekwiżiti li jistabbilixxi, jixhed tħassib dejjem ikbar għall-protezzjoni tal-vittmi. Effettivament, kif diġà ġie enfasizzat espressament mil-leġiżlatur, “l-obbligi ta’ l-Istati Membri li jiggarantixxu assigurazzjoni li tkopri mill-inqas ċerti ammonti minimi tikkostitwixxi element importanti” biex jintlaħaq dak l-għan (79).

92.      Skont dak l-approċċ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ċar li l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi ammonti massimi ta’ kumpens li jkunu inferjuri għall-ammonti minimi ta’ garanzija ffissati mill-imsemmi artikolu (80).

93.      Sabiex timmotiva d-deċiżjonijiet mogħtija f’dan is-sens, hija ddeċidiet, kif jiena diġà fakkart sabiex nirrispondi għall-ewwel domandi preliminari, li l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li r-responsabbiltà ċivili li, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, tapplika għad-danni kkawżati mill-użu tal-vetturi, tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ewwel, tat-Tieni u tat-Tielet Direttivi. Peress li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, dan jimplika, b’mod partikolari, li l-kopertura għall-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tirrispetta l-ammonti minimi ta’ garanzija ffissati fit-Tieni Direttiva u, għaldaqstant, li ebda leġiżlazzjoni nazzjonali ma tista’ tillimita l-protezzjoni li tirriżulta billi jiġu ffissati ammonti massimi ta’ kumpens taħt dawk l-ammonti minimi (81).

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li “[k]ull interpretazzjoni oħra ċċaħħad lill-Artikoli 3(1) tal-Ewwel Direttiva u 1(2) tat-Tieni Direttiva mill-effett utli tagħhom. Dan l-għan, li huwa li jiġu protetti l-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku permezz tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili, jiġi pperikolat jekk il-kopertura ta’ dik ir-responsabbiltà permezz tal-assigurazzjoni titħalla fid-diskrezzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (82).

95.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu trasposti fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fid-digriet Latvjan Nru 331, li jiffissaw limitu massimu ta’ garanzija wisq baxx b’mod partikolari għad-dannu mhux materjali dovut għall-mewt tal-persuna li fuqha jkun jiddependi individwu, inkwantu r-rispett kemm tal-għan kif ukoll tal-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jimplika li għandu jiġi ggarantit riżarċiment suffiċjenti lill-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku rrispettivament mill-Istat Membri fejn ikun seħħ id-dannu (83). Għaldaqstant, it-tieni domanda li saret mill-Augstākās tiesas Senāts għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

96.      Nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex determinanti li l-livell wisq baxx adottat fid-dritt nazzjonali huwa moderatament inqas mil-limitu tar-responsabbiltà tal-assiguraturi ffissat mid-direttivi jew nettament inqas minnu, kif tindika dik il-qorti fid-domanda preliminari tagħha (84). Huwa biżżejjed li l-livell minimu tal-kopertura ma jintlaħaqx biex regola tad-dritt nazzjonali ma tkunx konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ir-riżerva fformulata fil-bidu tal-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva (85) tawtorizza lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mil-limiti massimi ta’ kopertura previsti, waqt li huwa ppreċiżat li huma jistgħu jew jeżiġu garanzija mingħajr limitu, jew inkella jiffissaw ammonti li sal-limiti tagħhom l-assigurazzjoni tkun obbligatorja, bl-uniku rekwiżit ikun li dawn ma għandhomx ikunu inferjuri mill-imsemmija limiti minimi (86).

97.      Meta jitqies ir-riskju ta’ ambigwitajiet, li jista’ jiġi identifikat fid-dawl tal-osservazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-fehma tiegħi, dak li huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ma huwiex il-limitazzjoni tal-ammonti ta’ garanzija per se (87), iżda l-fatt li Stat Membru jistabbilixxi limitu massimu fuq il-kumpens f’livell iktar baxx minn dak tal-ammonti minimi ffissati mid-direttivi inkwistjoni.

98.      Ċertament, skont il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata iktar ’il fuq, kull responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vetturi bil-mutur prevista minn sistema ġuridika nazzjonali għandha tkun koperta b’assigurazzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan il-prinċipju għandu jinftiehem biss fis-sens li regola tad-dritt nazzjonali relatata mal-assigurazzjoni ma tistax teskludi ċerti tipi ta’ danni jew ċerti kategoriji ta’ persuni inġurjati mill-kopertura meta l-vittmi jistgħu jinvokaw ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata sabiex jiksbu kumpens fuq dik il-bażi. Id-deċiżjoni, meħuda mil-leġiżlatur Ewropew, li jintroduċi livelli ta’ garanzija li jitilgħu “bħala minimu” sal-ammonti previsti mid-direttivi kkonċernati ma tagħmilx sens ħlief jekk jiġi aċċettat li dawn jippermettu, min-naħa l-oħra, li limiti massimi iktar għoljin ikunu ffissati mill-Istati Membri u, b’hekk, li r-responsabbiltà ċivili li tmur lil hinn minn dawk il-limiti massimi nazzjonali ma tkunx koperta bl-assigurazzjoni obbligatorja (88). B’hekk, is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni ġenerali applikabbli għar-responsabbiltà ċivili ma tkunx tinkludi limiti massimi għall-kumpens jistgħu madankollu jillimitaw il-kopertura tagħha mill-assigurazzjoni obbligatorja billi jintroduċu limiti massimi li jaqbżu l-ammonti tal-limiti minimi previsti mid-direttivi msemmija.

3.      Fuq l-effetti tar-risposta proposta

99.      Fil-motivazzjoni tat-talba tagħha, l-Augstākās tiesas Senāts tinsisti dwar l-importanza li jinstab bilanċ bejn l-interessi preżenti. Din il-Qorti tirrileva li l-interess tal-vittmi, li huwa li jinkiseb l-iktar kumpens komplut possibbli għad-dannu li huma ġarrbu, huwa differenti ħafna minn dak tal-proprjetarju tal-vettura li kkawżat l-inċident, li huwa li jħallas l-inqas possibbli bħala primjums tal-assigurazzjoni obbligatorja, u mill-għan tal-assiguratur, li huwa li jikseb dħul li jiddependi sa grad għoli mir-relazzjoni bejn il-primjums li jdaħħal u l-kumpens imħallas bħala danni (89). Hija tissuġġerixxi li l-konċiljazzjoni ta’ dawn l-interessi diverġenti tippresupponi d-definizzjoni ċara ta’ limiti għall-garanzija dovuta mill-assiguratur, sabiex l-imsemmi proprjetarju jkun f’pożizzjoni li jissottoskrivi għal assigurazzjoni b’tariffa mhux eċċessiva (90) u, għaldaqstant, li l-vittma tirċievi l-kumpens previst abbażi tad-dannu li ssofri.

100. Il-gvernijiet tal-Latvja u tal-Litwanja jaqblu ma’ din il-fehma. Huma jiddikjaraw ukoll li l-iffissar ta’ tali limiti mil-liġi tippreżenta wkoll il-vantaġġ li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali, waqt li l-għoti ta’ somom kbar bħala kumpens għal danni mhux materjali joħloq ir-riskju, fil-każ ta’ inċidenti li jinvolvu diversi persuni, li jaffettwaw id-distribuzzjoni ġusta tal-ammonti limitati li huma disponibbli (91). Minn dan, huma jiddeduċu li l-applikazzjoni għad-danni morali tal-limiti previsti fl-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva toħloq diffikultajiet fir-rigward tal-effettività tas-sistema tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili inkwistjoni.

101. Huwa minnu li, a priori, il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-assigurazzjoni jista’ jkun affettwat mill-obbligu għall-assiguraturi li jkopru d-danni b’mod iktar wiesa’ u f’livell iktar għoli, fir-rigward ta’ vetturi li huma normalment stazzjonati fit-territorju tal-Istati Membri, li jista’ jikkawża żieda fil-primjums imħallsa mill-persuni assigurati.

102. Madankollu, nosserva li, sa mill-bidu nett, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien ippreveda “[il-]problemi li l-iffissar ta’ dawn l-ammonti minimi inevitabbilment ser joħloq f’ċerti pajjiżi (b’mod partikolari ż-żieda fil-primjums tal-assigurazzjoni attwali)”, iżda kien tal-fehma, ġustament fil-fehma tiegħi, li dan kien jikkonsisti fi “sforz indispensabbli li għandu jiġi aċċettat biex jinkiseb l-objettiv fil-mira, jiġifieri protezzjoni aktar tal-vittmi” u b’hekk kien appoġġa l-proposta biex jiddaħħlu ammonti minimi ta’ garanzija (92). Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt minn fejn iridu jitilqu ċerti Stati Membri għal dak li jirrigwarda l-ammonti msemmija, it-Tieni Direttiva tinkludi miżuri tranżitorji rigward l-implementazzjoni progressiva tad-dispożizzjonijiet relatati f’dawk l-Istati Membri (93).

103. Barra minn hekk, il-prattika turi li kunċett wiesa’ tal-kamp ta’ intervent tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili mhux neċessarjament għandu riperkussjonijiet sensittivi daqs kemm huwa mistenni fil-livell tal-primjums tal-assigurazzjoni (94). B’hekk, fil-Bulgarija, l-emenda reċenti fil-liġi dwar l-ammonti koperti mill-imsemmija assigurazzjoni, li tinkludi l-kumpens għal dannu morali (95), ma kellhiex impatt sinjifikattiv fuq il-primjums relatati (96). Bl-istess mod, fl-Isvezja, skont il-ħidmiet preparatorji li wasslu għall-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni tad-dritt għal kumpens għall-korrimenti personali fil-każ ta’ mewt ta’ persuna qariba f’inċident tat-traffiku (97), dik ir-riforma għandu jkollha biss effett marġinali fuq l-ispejjeż tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u, għaldaqstant, fuq il-primjums tal-assigurazzjoni, li kellhom jiżdiedu biss b’1 sa 1.5 %, jew inqas (98).

104. Barra minn hekk, it-tħassib li esprimew il-gvernijiet li intervjenew f’din il-kawża ma jidhirlix li huma ġġustifikati peress li, għandi nfakkar, fil-fehma tiegħi ma huwiex ipprojbit għall-Istati Membri li jiffissaw limiti massimi, sabiex il-garanzija dovuta mill-assiguraturi ma tkunx mingħajr limitu, u li l-uniku rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva huwa li dan il-limitu massimu jkun iffissat f’livell ogħla mill-ammonti minimi previsti minn dak l-Artikolu.

105. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fil-fehma tiegħi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda li saret fil-kawża Drozdovs għandha tkun li l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva jipprekludu regola tad-dritt nazzjonali li, sabiex tillimita l-kumpens għal dannu mhux materjali li jista’ jkun dovut abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili, tipprovdi għal ammonti massimi ta’ garanzija li jkunu inqas mill-ammonti minimi ta’ garanzija ffissati għall-kumpens ta’ korrimenti fiżiċi mill-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva.

D –    Fuq it-tieni domanda li saret fil-kawża Haasová

106. Skont it-tieni domanda li tressqet għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Haasová, il-Krajský súd v Prešove titlaq mill-ipoteżi li ser jiġi deċiż, b’risposta għall-ewwel domanda, li ma humiex kontra d-dritt tal-Unjoni dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-assigurazzjoni li ma jirrikonoxxux il-kumpens finanzjarju għad-dannu mhux materjali kkawżat lis-superstiti tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku li jirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur.

107. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tibbaża fuq premessa li tmur kontra r-risposta li nipproponi li għandha tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari. Fir-rigward tal-kontenut tar-risposta li, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata għal dik id-domanda, jidhirli li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda, li qiegħda ssir biss fuq bażi sussidjarja.

108. Madankollu, ninnota li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tipproċedi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (99), li huwa eskluż, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza kostanti (100).

109. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta tiegħi, id-domanda jkollha tiġi fformulata mill-ġdid, jidhirli, fis-sens li tkun relattiva, sostanzjalment, għall-eventwali possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru, li tipproċedi għal interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ewwel u tat-Tielet Direttivi msemmija. F’kull każ, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, li f’dan il-każ tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq l-assiguratur tal-obbligu li jagħti kumpens għall-kuntrarju ta’ dak li tipprovdi regola tad-dritt nazzjonali (101).

V –    Konklużjoni

110. Fil-kawża Haasová (C‑22/12), fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Krajský súd v Prešove bil-mod li ġej:

1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, minn naħa, u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li jkunu normalment stazzjonati fit-territorju ta’ Stat Membru tkopri l-kumpens għal danni mhux materjali mġarrba mill-qraba ta’ vittmi li jmutu f’inċident tat-traffiku li jkun seħħ f’dak il-kuntest inkwantu dak il-kumpens ikun previst abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża.

2)      Ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.

111. Fil-kawża Drozdovs (C‑277/12), fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Augstākās tiesas Senāts bil-mod li ġej:

1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, minn naħa, u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li jkunu normalment stazzjonati fit-territorju ta’ Stat Membru tkopri l-kumpens għal danni mhux materjali mġarrba mill-qraba ta’ vittmi li jmutu f’inċident tat-traffiku li jkun seħħ f’dak il-kuntest inkwantu dak il-kumpens ikun previst abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża.

2)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 72/166 u l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 84/5 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola tad-dritt nazzjonali li, abbażi tal-kumpens li jista’ jkun dovut minn assiguratur bħala kumpens għal dannu mhux materjali li jirriżulta mill-mewt f’inċident tat-traffiku ta’ persuna li fuqha kienet tiddependi l-persuna kkonċernata, tipprovdi għal ammonti massimi ta’ garanzija li jkunu inqas mill-ammonti minimi ta’ garanzija ffissati minn dan l-aħħar Artikolu għall-kumpens ta’ korrimenti fiżiċi.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ir-relazzjoni mill-qrib ma’ dik il-persuna, li tkun il-vittma diretta tal-inċident, tista’ tirriżulta, f’ċerti sistemi ġuridiċi, mhux esklużivament minn relazzjoni ta’ familja, kif huwa l-każ f’dawn il-kawżi, iżda wkoll minn relazzjonijiet ta’ affezzjonijiet intimi li jkunu nħolqu, b’mod partikolari, minn koabitazzjoni de facto. Sabiex jitqies dan l-element, it-terminoloġija użata f’dawn il-konklużjonijiet ma hijiex ser tkun limitata biss għall-membri tal-familja.


3 – ĠU L 103, p. 1.


4 – ĠU L 129, p. 33.


5 – ĠU 1984, L 8, p. 17.


6 – It-tliet direttivi kkonċernati ġew irrevokati, flimkien ma’ oħrajn, permezz tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11), li pproċediet għall-kodifikazzjoni tagħhom.


7 – Fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ qrati tar-rinviju, bl-istess mod bħal-liġijiet nazzjonali u d-duttrina, jużaw b’mod alternattiv termini bħal “dannu extra-patrominjali” u “dannu morali”, li l-portata ġuridika tagħhom tista’ tvarja, iddeċidejt li nuża, f’dawn il-konklużjonijiet, “dannu mhux materjali” li jidhirli li huwa iktar newtrali.


8 – Dwar l-evoluzzjoni segwita mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida (C‑300/10, punti 5 et seq, kif ukoll id-duttrina ċċitata fiha).


9 –      Dan il-paragrafu 2 ġie rrivedut mid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 149, p. 14), b’terminu għal traspożizzjoni ffissat għall-11 ta’ Ġunju 2007, b’mod li l-ammonti previsti ġew mibdula għal ammont minimu ta’ kopertura ffissat, għall-korrimenti fiżiċi, għal EUR 1 miljun, meta jkun hemm biss vittma waħda, jew għal EUR 5 miljun għal kull inċident, ikun liema jkun in-numru ta’ vittmi, u, għad-danni materjali, għal EUR 1 miljun għal kull inċident, ikun liema jkun in-numru ta’ vittmi.


10 – B’mod partikolari, l-Artikolu 4 tal-liġi Slovakka Nru 381/2001 dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem il-“liġi Slovakka dwar l-assigurazzjoni obbligatorja”).


11 – Test disponibbli fuq il-websajt tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-dritt internazzjonali privat (www.hcch.net).


12 – Fuq dan is-suġġett, ara l-punti 48 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13 – Zákon č. 40/1964 Sb. Liġi ppromulgata fis-26 ta’ Frar 1964.


14 – Liġi ppromulgata fit-30 ta’ Lulju 1999.


15 – Sauszemes transportlīdzekļu īpašnieku civiltiesiskās atbildības obligātās apdrošināšanas likums, Latvijas Vēstnesis, 2004, Nru 65 (3013)


16 – Noteikumi par apdrošināšanas atlīdzības apmēru un aprēķināšanas kārtību par personai nodarītajiem nemateriālajiem zaudējumiem, Latvijas Vēstnesis, 2005, Nru 80 (3238)


17 – Is-sommarju tal-kawża msemmija jirriżulta mill-elementi li jinsabu kemm fid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll fil-kjarifiki li ngħataw mill-qorti tar-rinviju wara talba mill-Qorti tal-Ġustizzja.


18 –      Fil-kjarifiki li pprovdiet ulterjurment, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li hemm lok li jiġi applikat id-dritt sostantiv tar-Repubblika Ċeka għall-kawża prinċipali. Fuq dan is-suġġett, ara l-punti 48 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19 – L-osservazzjonijiet ta’ Haasová, peress li ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu, ma ġewx infilzati fil-proċess.


20 – Għandu jiġi ppreċiżat li meta seħħew il-fatti, l-awtur tal-inċident kien taħt l-effett tal-alkoħol, kien qiegħed isuq b’veloċità eċċessiva u għamel manuvra perikoluża biex jaqbeż vettura oħra, b’vettura li ma kellhiex tajers tax-xitwa.


21 – Jiġifieri LVL 100 għal kull waħda miż-żewġ persuni li mietu li fuqhom il-persuna kkonċernata kienet tiddependi għall-manteniment.


22 –      Il-qorti tar-rinviju semmiet l-“Artikoli 1 u 2” (“1. un 2.pantā”) tat-Tieni Direttiva. Fid-dawl tal-fatt li l-kunċett ta’ “korrimenti fiżiċi”, li kien is-suġġett tad-domanda, jinsab fl-Artikolu 1, b’mod partikolari fil-paragrafi 1 u 2, u mhux fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, dan l-iżball tal-pinna għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi kkorreġut b’“l-Artikolu 1(1) u (2)”.


23 –      Idem.


24 – Ara, b’mod partikolari, l-istudji tad-dritt kumparattiv iċċitati minn Y. Lambert‑Faivre, u L. Leveneur, Droit des assurances, Dalloz, Pariġi, 12-il edizzjoni, 2005, p. 511, nota 1.


25 – Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), (ĠU L 199, p. 40).


26 – Il-konvenzjoni msemmija ġiet irratifikata miċ-Ċekoslovakkja. Fit-28 ta’ Jannar 1993 u fil-15 ta’ Marzu 1993, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka ddikjaraw li kienu jikkunsidraw li huma marbuta b’din il-konvenzjoni – inklużi r-riżervi u d-dikjarazzjonijiet li saru miċ-Ċekoslovakkja – mill-1 ta’ Jannar 1993, id-data meta nqasam dak l-Istat.


27 – L-Artikolu 8 tal-konvenzjoni msemmija jippreċiża l-oqsma koperti bil-liġi ddikjarata applikabbli, li jinkludi d-determinazzjoni, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet u tal-portata tar-responsabbiltà, tal-eżistenza u tan-natura tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati, tat-trasferibbiltà tad-dritt ta’ kumpens u tal-persuni li għandhom dritt għal kumpens tad-dannu li jkunu ġarrbu personalment.


28 – Nippreċiża li l-qorti tar-rinviju Slovakka, jiġifieri l-Krajský súd v Prešove indikat li, fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1971, hemm lok li jiġi applikat id-dritt sostantiv tar-Repubblika Ċeka, meta jitqies il-fatt li l-korriment fiżiku seħħ fis-7 ta’ Awwissu 2008 u b’rabta mal-użu ta’ vettura bil-mutur fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.


29 – Effettivament, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-vettura li kkawżat l-inċident kienet irreġistrata fis-Slovakkja waqt li dik milquta kienet irreġistrata fir-Repubblika Ċeka.


30 – Dik il-liġi għandha tkun speċifikata b’mod konformi mal-Artikolu 7 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE, tat-22 ta’ Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta differenti minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU L 172, p. 1), jew, għall-kuntratti ffinalizzati qabel is-17 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).


31 – Is-suġġett taż-żewġ kawżi prinċipali huwa l-kumpens għal dannu mhux materjali kkawżat mill-mewt matul inċident tat-traffiku, fil-kawża Haasová, ta’ raġel li l-mara u t-tifla tiegħu jitolbu kumpens għal dak id-dannu u, fil-kawża Drozdovs, ta’ koppja li t-tifel tagħhom jippreżenta l-istess talba, waqt li huwa ppreċiżat li dawn l-applikanti ma kinux involuti personalment fl-inċident inkwistjoni.


32 – B’mod konformi mal-prinċipju tal-omoġenjità previst mid-dritt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).


33 – Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal-20 ta’ Ġunjiu 2008, kawża E‑8/07, bejn Celina Nguyen vs The Norwegian State, E-8/07. Din is-sentenza tinsab fuq is-sit tal-Internet www.eftacourt.lu. Sommarju tas-sentenza msemmija ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 263, p. 4).


34 – L-imsemmija sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), u b’mod partikolari l-inklużjoni tal-kumpens għal dannu mhux materjali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti li għalihom issir referenza fl-Anness IX ta’ dan il-ftehim li huma l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttivi dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur.


35 – Ara, b’mod iktar partikolari, l-ewwel sat-tielet premessi tal-Ewwel Direttiva.


36 – Ara l-ħames premessa tat-Tieni Direttiva u r-raba’ premessa tat-Tielet Direttiva.


37 – Sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et (C‑537/03, Ġabra p. I‑5745, punt 17), kif ukoll Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26, u l-ġurisprudenza kollha ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38 – Sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39 – Sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 – Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira (C‑348/98, Ġabra p. I‑6711, punt 23), kif ukoll Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (punt 24).


41 – Sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C‑356/05, Ġabra p. I‑3067, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (punt 25).


42 – Sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Candolin et (punti 27 u 28), kif ukoll Marques Almeida (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (punt 24).


43 – Jiġifieri dannu mhux materjali mġarrab minn persuni li jkunu l-vittmi indiretti ta’ inċident tat-traffiku li fih tkun mietet persuna qariba.


44 – Fil-punti 34 et seq tas-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet distinzjoni netta fuq dan is-suġġett u kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet tirregola l-kumpens dovut abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata u mhux dik li tista’ tkun dovuta mill-assiguratur, ma kinitx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni inkwantu ma taffettwax il-garanzija, prevista minn dak id-dritt, li dik ir-responsabbiltà, iddeterminata skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mal-Ewwel, mat-Tieni u mat-Tielet Direttivi.


45 – Sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (b’mod partikolari l-punti 7 u 11).


46 – Fit-test oriġinali tas-sentenza msemmija, ifformulat bl-Ingliż, il-Qorti tal-EFTA kkwalifikat id-dannu inkwistjoni bħala “non economic injury”, iżda jiena għażilt min-naħa tiegħi kwalifikazzjoni oħra, minħabba n-natura iktar newtrali tagħha u għall-finijiet ta’ koerenza ma’ dak li ntqal iktar ’il fuq.


47 – Sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (punt 29).


48 – Nenfasizza d-differenza sinjifikattiva li teżisti bejn il-verżjoni Franċiża ta’ dik l-espressjoni u l-verżjoni tagħha bl-Ingliż, li hija l-lingwa tal-proċedura tal-Qorti tal-EFTA, fejn l-ewwel waħda tidher iktar stretta mit-tieni waħda.


49 – Sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (punt 26).


50Ibidem (punt 27).


51 – F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-EFTA tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll għad-digriet tal-24 ta’ Lulju 2003, Messejana Viegas (C‑166/02, Ġabra p. I‑7871, punti 21 u 22).


52 – Sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (punt 28).


53 – Ara wkoll il-verżjonijiet bil-Grieg (“σωματικές βλάβες”), bl-Ispanjol (“daños corporales”), bl-Olandiż (“lichamelijk letsel”) u bil-Portugiż (“danos corporais”).


54 – Ara, b’mod partikolari, l-espressjonijiet “personskade”, “Personenschäden”, “personal injury”, “danni alle persone”, “henkilövahingot” u “personskador” li jintużaw rispettivament fil-verżjonijiet bid-Daniż, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Finlandiż u bl-Isvediż.


55 – Barra minn hekk, din it-terminoloġija ma hijiex estiża b’mod restrittiv lanqas fid-dritt Franċiż, għaliex il-“préjudices extra‑patrimoniaux […] des victimes indirectes en cas de décès de la victime directe” (danni mhux patrimonjali […] tal-vittmi indiretti fil-każ ta’ mewt tal-vittma diretta) jinsabu fost il-“préjudices corporels des victimes indirectes” (“korrimenti personali tal-vittmi indiretti”) (enfażi tiegħi) fin-nomenklatura tal-korrimenti personali proposta, f’Lulju 2005, mir-rapport tal-grupp ta’ ħidma li kien inkarigat biex jelabora dik in-nomenklatura taħt it-tmexxija ta’ J.‑P. Dintilhac (ir-rapport jinsab fuq is-sit tal-Internet tad-Documentation française: http://www.ladocumentationfrancaise.fr/var/storage/rapports‑publics/064000217/0000.pdf).


56 – Analiżi tal-ġenesi tat-Tieni Direttiva turi li d-dikotomija stabbilita bejn id-danni materjali u l-korrimenti personali ma tinsabx fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni (proposta ppreżentata fis-7 ta’ Awwissu 1980, ĠU C 214, p. 9), fejn kienu suġġetti għall-istess reġim, iżda tirriżulta mill-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fformulata fil-25 u s-26 ta’ Frar 1981 (ĠU C 138, p. 15, punt 2.2), li kienet enfasizzat li l-kumpens għal-korrimenti personali jirrappreżenta “interess soċjali ikbar” minn dak għad-danni materjali.


57 – Ara l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58 – Is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA, Nguyen (punt 2) tindika li l-persuna li lmentat kienet tilfet lil żewġha u liż-żewġt itfal tagħha f’inċident tat-traffiku u li hija stess kienet midruba ħafif fiżikament iżda tbati minn problemi psikoloġiċi minn meta seħħ l-inċident.


59 – It-terminu “passiġġier” la jinsab fl-Ewwel Direttiva u lanqas fit-Tieni Direttiva.


60 – Ir-raba’ premessa tat-tielet direttiva tinkludi “l-vittmi [kollha] ta’ l-aċċidenti bil-vetturi tal-mutur” fil-protezzjoni li joffri d-dritt tal-Unjoni. Fil-ħames premessa tal-istess direttiva, l-użu f’żewġ okkażjonijiet tal-kliem “partikolarment” jenfasizza li l-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur jitqiesu bħala “kategorija” fost “vittmi potenzjali” oħrajn, u li dawn il-passiġġeri jeħtieġu attenzjoni speċjali minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom.


61 – Fl-Opinjoni tiegħu tas-26 ta’ April 1989 dwar il-proposta għat-Tielet Direttiva (ĠU C 159, p. 7), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ddikjara, punt 1.2, li l-passiġġieri kienu koperti mill-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili, għar-raġuni li, f’dak iż-żmien, dan ma kienx obbligatorju f’ċerti Stati Membri.


62 – B’mod partikolari, l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva, li ddaħħal fiha bid-Direttiva 2005/14, ippreċiża li kategoriji oħrajn ta’ vittmi bħal dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi, iċ-ċiklisti u l-utenti oħrajn tat-triq li ma jużawx vettura b’mutur huma wkoll koperti meta “huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali”.


63 – Ara l-ġurisprudenza stabbilita msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari, is-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26), li tirriferi għall-preamboli tal-imsemmija direttivi.


64 – Ara l-punti 59 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65 – Mingħajr ma ninsew li huwa d-dritt nazzjonali, u mhux id-dritt tal-Unjoni, li jiddetermina d-dritt tal-vittma, kif ukoll il-portata ta’ dak id-dritt, għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).


66 – Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Irlanda, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, f’Ċipru, fil-Latvja, fil-Polonja, fis-Slovenja, fl-Isvezja u fir-Renju Unit.


67 – Fil-Ġermanja, jista’ jingħata kumpens għad-dannu biss jekk imur lil hinn mir-reazzjonijiet u l-inkonvenjenzi “normali” li jseħħu wara mewt li sseħħ f’dawn iċ-ċirkustanzi. Fl-Estonja, il-kumpens huwa ġġustifikat prinċipalment meta l-persuna qariba tkun rat l-inċident iseħħ. Fir-Renju Unit, il-ġurisprudenza stabbilixxiet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri marda psikjatrika kkawżata mix-xokk, l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ affezzjoni mal-vittma, il-prossimità tal-benefiċjarju mal-inċident, kif ukoll ix-xokk ikkawżat mill-fatt li dik il-persuna tkun esperjenzat l-inċident b’mod dirett.


68 – Fl-Isvezja, il-vittma indiretta tingħata ex officio kumpens matul is-sena wara l-mewt ta’ persuna qariba. Lil hinn minn sena, hija trid iġġib prova ta’ tbatija iktar fit-tul, billi tippreżenta ċertifikati mediċi.


69 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70 – L-imsemmi artikolu jipprovdi li l-ammont fiss tal-kumpens imħallas minn assiguratur għall-uġigħ u t-tbatija psikoloġiċi kkważati mill-mewt, b’mod partikolari, tal-persuna li individwu jkun jiddependi fuqha huwa ta’ LVL 100, jew madwar EUR 143, għal kull persuna li titlob kumpens u għal kull persuna mejta.


71 – L-ammonti inkwistjoni, imfakkra fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, issa jinsabu fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/103.


72 – Din il-liġi ffissat għal LVL 250 000, jew madwar EUR 357 283, il-limitu tar-responsabbiltà li jista’ jkollu assiguratur abbażi tal-kumpens għal korrimenti personali.


73 – L-Artikolu 19(3) tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja effettivament kien jipprovdi li l-ammont u l-mod tal-kalkolu tal-kumpens mill-assiguraturi għad-danni materjali u mhux materjali kkważati lill-persuni għandhom jiġu ffissati mill-Kunsill tal-ministri.


74 – Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez (C‑129/94, Ġabra p. I‑1829, punt 15).


75 – Ara s-sentenza Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26), kif ukoll il-punti 8 u 9 tal-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Cosmas fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza.


76 – Dan jirriżulta minn paragun bejn il-proposta inizjali tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Awwissu 1980, imsemmija iktar ’il fuq, l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-25 u tas-26 ta’ Frar 1981, imsemmija iktar ’il fuq, l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Ottubru 1981 (ĠU C 287, p. 44) u l-emenda għal dik il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Marzu 1982 (ĠU C 78, p. 17).


77 – Dawn l-ammonti ġew riveduti ’l fuq, b’żieda wkoll ta’ klawżola ta’ reviżjoni perjodika, sabiex tiġi evitata l-erożjoni tal-ammont minimu kopert, meta ġiet adottata d-Direttiva 2005/14. Ara wkoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/103 u l-parir tal-Kummissjoni dwar l-adattament skont l-inflazzjoni ta’ ċerti ammonti previsti mid-Direttiva 2009/103 (ĠU 2010 C 332, p. 1).


78 – Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll segwiet dan l-approċċ, b’mod partikolari, fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos (C‑484/09, Ġabra p. I‑1821, punt 45).


79 – Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 2005/14 u l-premessa 12 tad-Direttiva 2009/103.


80 – Ara s-sentenza Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41), kif ukoll id-digriet Messejana Viegas, iċċitat iktar ’il fuq (punt 20), dwar il-leġiżlazzjoni Portugiża li tiffissa tali ammonti meta, fin-nuqqas ta’ tort min-naħa tas-sewwieq ta’ vettura li jkun ikkawża l-inċident, tkun involuta biss ir-responsabbiltà ċivili għal casus.


81 – Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-leġiżlatur Komunitarju ried jeżiġi l-kopertura ta’ kull responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, anki jekk l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeterminaw ir-reġim tar-responsabbiltà ċivili, ibbażata fuq culpa jew casus, li hija applikabbli għad-danni relatati. Ara s-sentenza Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq (punti 29 u 40), kif ukoll id-digriet Messejana Viegas, iċċitat iktar ’il fuq (punt 21).


82 – Digriet Messejana Viegas, iċċitat iktar ’il fuq (punt 22). Ara wkoll il-punt 48 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq.


83 – Nirrileva li l-ammonti minimi tal-garanzija previsti mid-direttivi inkwistjoni jistgħu jwasslu għal ċerta armonizzazzjoni de facto tar-regoli tar-responsabbiltà ċivili applikabbli fl-Istati Membri, li jista’ jkollhom tendenza li jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam, anki jekk ma jkun hemm ebda obbligu ġuridiku fuqhom f’dak ir-rigward, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni (ara H. Heiss, “Motor vehicle liability insurance between the European directives and national tort law”, Over grenzen: liber amicorum Herman Cousy, Intersentia, Antwerpen‑Cambridge, 2011, p. 127 sa 136, u b’mod speċjali p. 133).


84 – Din il-problema ma tistax tiġi konfuża mal-eżami tal-proporzjonalità li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dwar il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirrifjutaw jew jillimitaw b’mod sproporzjonat, sempliċement fuq il-bażi tal-kontribut tal-vittma għad-danni li ssofri, id-dritt tagħha li tingħata kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 et seq, kif ukoll id-digriet tal-21 ta’ Marzu 2013, Rodrigues Esteves, C‑486/11, punti 26 et seq).


85 – Jiġifieri: “[m]ingħajr preġudizzju għal garanziji għola li Stati Membri jistgħu jistabbilixxu”.


86 – Dan jirriżulta mill-ħidmiet preparatorji relatati ma’ dik id-dispożizzjoni [ara, speċjalment, il-proposta inizjali u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (punti 2.1 u 2.2), imsemmija iktar ’il fuq].


87 – Kif tidher li tipprevedi l-qorti tar-rinviju (ara l-punt 8.1 in fine tad-deċiżjoni tagħha).


88 – Ara s-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “[m]adankollu, l-Istati Membru huma obbligati jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija hawn fuq” (enfażi tiegħi).


89 – Ara l-punt 8.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


90 – F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-punti 77 u 78 tas-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑518/06, Ġabra p. I‑3491).


91 – Nosserva li r-riskju invokat seta’ fil-fatt ikun l-istess fir-rigward ta’ dannu materjali.


92 – Fil-punt 2.3 tal-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tat-Tieni Direttiva, imsemmija iktar ’il fuq.


93 – Ara l-ħdax-il premessa kif ukoll l-Artikoli 5 u 6 tat-Tieni Direttiva.


94 – Il-proposta tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2005/14 toħloq bilanċ li permezz tiegħu bosta Stati Membri għażlu kopertura mingħajr limitu waqt li l-biċċa l-kbira fosthom li ffissaw garanziji minimi għamlu dan f’livell iktar għoli minn dak previst mid-direttivi preċedenti, mingħajr ma sofrew il-kumpanniji tal-assigurazzjoni stabbiliti f’dawk il-pajjiżi [COM(2002) 244 finali, p. 6 u 29].


95 – Liġi li temenda u tikkompleta l-kodiċi tal-assigurazzjoni (DV Nru 21 tat-13 ta’ Marzu 2012).


96 – Ara l-artiklu ta’ I. Stoyanova, “Обезщетенията за неимуществени вреди при ‘Гражданска отговорност’ на автомобилистите”, li jinsab fuq is-sit tal-Internet: www.zastrahovatel.com/statia.php?mysid=3522&t=4.


97 – Dan id-dritt iddaħħal fil-liġi ġenerali dwar il-kumpens għad-danni bil-liġi 2001:732, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.


98 – Regeringens proposition 2000/01:68, Ersättning för ideell skada, p. 34 u 63.


99 – Id-domanda hija fformulata f’dawn it-termini: “id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4(1), (2) u (4) tal-Liġi Slovakka [fuq l-assigurazzjoni obbligatorja] u l-Artikolu 6(1) sa (3) tal-Liġi Ċeka [fuq l-assigurazzjoni obbligatorja] għandhom jiġu interpretati […]”


100 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Zakaria (C‑23/12, punt 29).


101 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, punt 25), kif ukoll il-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, Sorge (C‑98/09, Ġabra p. I‑5837).