Language of document : ECLI:EU:C:2013:692

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Ottubru 2013 (*)

“Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Direttiva 90/232/KEE — Artikolu 1 — Inċident tat-traffiku — Mewt ta’ passiġġier — Dritt għal kumpens ta’ konjuġi u ta’ tfal minorenni — Dannu mhux materjali — Kumpens — Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja”

Fil-Kawża C‑22/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Krajský súd v Prešove (Is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Katarína Haasová

vs

Rastislav Petrík,

Blanka Holingová,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot, u A. Arabadjiev (Relatur) Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 01, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 01, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Haasová, li qed taġixxi f’isimha stess u għan-nom ta’ bintha minorenni Kristína Haasová, li twieldet fit-22 ta’ April 1999, kontra R. Petrík u B. Holingová dwar il-kumpens minn dawn it-tnejn tal-aħħar, għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, tad-danni li rriżultaw b’konsegwenza tal-mewt ta’ M. Haas, konjugu ta’ K Haasová u missier Kristína Haasová, f’inċident tat-traffiku li seħħ fit-territorju Ċek.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali privat

3        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku, konkluża f’Den Haag fl-4 ta’ Mejju 1971 (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1971”), li ġiet rattifikata mir-Repubblika Slovakka, mir-Repubblika Ċeka u minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll minn ċerti pajjiżi terzi, jipprovdi:

“Il-liġi applikabbli hija l-liġi interna tal-Istat fejn seħħ l-inċident.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Suġġett għall-Artikolu 5, japplikaw is-segwenti eċċezzjonijiet għall-Artikolu 3 fil-każijiet previsti iktar ’il quddiem:

a)      Fejn vettura waħda hija involuta fl-inċident u li hija rreġistrata fi Stat ieħor minn dak tat-territorju fejn seħħ l-inċident, il-liġi interna tal-Istat ta’ reġistrazzjoni hija applikabbli sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà

–        fir-rigward tax-xufier, il-persuna li tkun fil-pussess tagħha, il-proprjetarju jew kwalunkwe persuna oħra li jkollha interess fil-vettura, mingħajr ma ssir distinzjoni dwar ir-residenza abitwali tagħhom,

–        fir-rigward ta’ vittma li kienet passiġġiera, jekk hija kellha residenza abitwali fi Stat ieħor minn dak tat-territorju fejn seħħ l-inċident,

–        fir-rigward ta’ vittma li tinsab fis-sit fejn seħħ l-inċident iżda barra mill-vettura, jekk hija kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Istat ta’ reġistrazzjoni.

Fejn hemm żewġ vittmi jew iktar, il-liġi applikabbli hija stabbilita separatament fir-rigward ta’ kull waħda minnhom.

b)      Fejn hemm żewġ vetturi jew iktar involuti fl-inċident, id-dispożizzjonijiet li jidhru taħt l-ittra (a) huma applikabbli biss jekk il-vetturi kollha huma rreġistrati fl-istess Stat.

[…]”

5        L-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“Il-liġi applikabbli tiddetermina b’mod partikolari:

1.      il-kundizzjonijiet u l-portata tar-responsabbiltà;

2.      il-kawżi għall-eżonerazzjoni, kif ukoll kull limitazzjoni u kull kondiviżjoni ta’ responsabbiltà;

3.      l-eżistenza u n-natura tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati;

4.      it-tipi u l-portata ta’ kumpens;

5.      it-trasmissibbiltà tad-dritt għall-kumpens;

6.      il-persuni intitolati għal kumpens għal dannu subit personalment;

7.      ir-responsabbiltà ta’ persuna għan-danni li jwettqu persuni li jkunu qed jaġixxu f’isimha;

8.      il-preskrizzjonijiet u t-termini bbażati fuq l-iskadenza ta’ terminu, inkluż fosthom il-bidu tad-dekorrenza, l-interruzzjoni u s-sospensjoni tat-termini.”

 Id-dritt tal-Unjoni

6        L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”), intitolat “Ir-relazzjoni ma’ konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar ikunu Partijiet fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.

2.      Madankollu, bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jipprevalixxi fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn tnejn jew aktar minnhom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.”

7        L-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva jistabbilixxi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2.      “il-parti inġurjata” tfisser kull persuna ntitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi;

[…]”

8        L-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jiddisponi:

“Kull Stat Membru għandu, […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

9        L-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 07, p. 3), kif emendat bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU L 149, p. 14, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), jipprovdi:

“1.      L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.

2.      Mingħajr preġudizzju għal garanziji għola li Stati Membri jistgħu jistabbilixxu, kull Stat Membru għandu jeżiġi li l-assigurazzjoni tkun obbligatorja mill-inqas fir-rigward ta’ l-ammonti li ġejjin:

a)      fil-każ ta’ dannu personali, ammont minimu kopert ta’ EUR 1000000 għal kull vittma; jew EUR 5000000 għal kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi;

b)      fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà, EUR 1000000 għall kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi.

Jekk hemm bżonn, Stati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ tranżizzjoni sa ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva [2005/14]; li fih jadattaw l-ammonti minimi tagħhom koperti għall-ammonti previsti f’dan il-paragrafu.

Stati Membri li jistabbilixxu dan il-perjodu ta’ tranżazzjoni għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni u jindikaw it-tul tal-perjodu ta’ tranżazzjoni.

Fi żmien 30 xahar mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva [2005/14], l-Istati Membri għandhom iżidu l-garanziji għal mill-inqas nofs tal-livelli previsti f’dan il-paragrafu.”

10      L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jipprovdi, b’mod partikolari, li “l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura”.

 Id-dritt nazzjonali

 Id-dritt Slovakk

11      L-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 40/1964 li tistabbilixxi l-kodiċi ċivili (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Slovakk”) jipprovdi:

“Il-persuna fiżika għandha dritt għall-protezzjoni ta’ persuntha, b’mod partikolari ta’ ħajjitha u ta’ saħħitha, tal-unur tagħha ċivili u tad-dinjità tagħha bħala persuna, kif ukoll tal-ħajja privata tagħha, ta’ isimha u tal-espressjoni ħielsa tagħha.”

12      L-Artikolu 13 tal-Kodiċi Ċivili Slovakk jistabbilixxi:

“1)      Il-persuna fiżika għandha b’mod partikolari d-dritt li titlob il-waqfien ta’ kull ksur illegali tad-dritt tal-protezzjoni ta’ persuntha, it-tneħħija tal-konsegwenzi ta’ dak il-ksur u li t-talbiet tagħha jiġu debitament issodisfatti.

2)      Sal-punt fejn hija ma tkunx ingħatat sodisfazzjon suffiċjenti fis-sens tal-paragrafu 1, b’mod partikolari għaliex tkun ġiet affettwata b’mod sinjifikattiv fid-dinjità ta’ persuntha jew fir-rispettabbiltà soċjali tagħha, il-persuna fiżika għandha wkoll id-dritt għal kumpens finanzjarju għad-dannu mhux patrimonjali.

3)      L-ammont tal-kumpens imsemmi fil-paragrafu 2 huwa ddeterminat mill-qorti wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tal-preġudizzju mġarrab u ċ-ċirkstanzi li fihom ikun seħħ dak il-ksur tad-dritt.”

13      L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 381/2001 dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem il-“liġi Slovakka dwar l-assigurazzjoni obbligatorja”) jipprovdi:

“1)      L-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tkopri kull persuna responsabbli tad-dannu li jirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur imsemmi fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

2)      L-assigurat għandu dritt, skont l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili, li l-assigurazzjoni tikkumpensa minfloku lill-parti inġurjata tad-drittijiet attwali ppruvati għall-kumpens:

a)      tad-dannu fiżiku u tal-ispejjeż f’każ ta’ mewt,

b)      tad-dannu kkawżat lill-parti inġurjata permezz tad-distruzzjoni, is-serq jew it-telf tal-beni,

c)      l-ispejjeż tar-rappreżentanza ġuridika sostnuti sabiex jiġu nfurzati d-drittijiet previsti taħt (a), (b) u (d), jekk l-assigurazzjoni ma hijiex eżentata mill-obbligi previsti fl-Artikolu 11(6)(a) jew (b), je jekk l-assigurazzjoni indebitament irrifjutat milli teżegwixxi l-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jew indebitament naqqset il-kumpens ta’ assigurazzjoni fornuta,

d)      it-telf tad-dħul.

3)      L-assigurat għandu dritt, skont l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili, sabiex l-assigurazzjoni tirrimborsa minfloku lill-partijiet ikkonċernati l-ispejjeż mediċi attwali, pprovati u mħallsa, allowances għal kull jum, il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, il-benefiċċji f’każ ta’ inċidenti, il-benefiċċji ta’ assigurazzjoni għal inċidenti, il-benefiċċji tal-irtirar, il-benefiċċji tal-irtirar għall-membri tal-militar u tal-pulizija kif ukoll il-pensjonijiet tat-tafaddil għall-pensjoni, jekk l-assigurat huwa marbut jirrimborsahom lil dawn il-partijiet ikkonċernati.”

 Id-dritt Ċek

14      L-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 40/1964 li tistabbilixxi l-kodiċi ċivili (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Ċek”) jipprovdi:

“Kull persuna fiżika għandha dritt għall-protezzjoni ta’ persuntha, b’mod partikolari ta’ ħajjitha u ta’ saħħitha, tal-unur ċivili tagħha u tad-dinjità tagħha bħala persuna, kif ukoll tal-ħajja privata tagħha, ta’ isimha u tal-espressjoni ħielsa tagħha.”

15      L-Artikolu 13 tal-Kodiċi Ċivili Ċek jipprevedi:

“1)      Il-persuna fiżika għandha b’mod partikolari d-dritt li titlob il-waqfien ta’ kull ksur illegali tad-dritt tal-protezzjoni ta’ persuntha, it-tneħħija tal-konsegwenzi ta’ dak il-ksur u li t-talbiet tagħha jiġu debitament issodisfatti.

2)      Sal-punt fejn hija ma tkunx ingħatat sodisfazzjon suffiċjenti fis-sens tal-paragrafu 1, b’mod partikolari għaliex tkun ġiet affettwata b’mod sinjifikattiv fid-dinjità ta’ persuntha jew fir-rispettabbiltà soċjali tagħha, il-persuna fiżika għandha wkoll id-dritt għal kumpens finanzjarju għad-dannu mhux patrimonjali.

3)      L-ammont tal-kumpens imsemmi fil-paragrafu 2 huwa ddeterminat mill-qorti wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tal-preġudizzju mġarrab u ċ-ċirkstanzi li fihom ikun seħħ dak il-ksur tad-dritt.”

16      L-Artikolu 444 ta’ dan il-Kodiċi jistabbilixxi li:

“1)      F’każ ta’ dannu fiżiku, l-uġiegħ tal-parti inġurjata u d-dannu soċjali jagħtu lok għal kumpens fil-forma ta’ somma fissa.

[…]

3)      F’każ ta’ mewt, l-avventi kawża jibbenefikaw minn kumpens fil-forma ta’ somma fissa ta’:

a)      240 000 [Kuruni Ċeki (CZK)] għat-telf ta’ konjuġi;

[…]”

17      L-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 168/1999 dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura (iktar ’il quddiem il-“liġi Ċeka dwar l-assigurazzjoni obbligatorja”) jipprovdi:

“1)      L-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tkopri kull persuna responsabbli għad-dannu li jirriżulta mill-użu tal-vettura msemmija fil-kuntratt tal-assigurazzjoni.

2)      Jekk il-liġi preżenti ma tipprovdix mod ieħor, il-persuna assigurata għandha d-dritt li l-assiguratur jikkumpensa minflokha lill-parti inġurjata, fil-kuntest u għall-ammont previsti mill-kodiċi ċivili, għal

a)      korriment fiżiku mġarrab jew il-mewt,

b)      id-dannu kkawżat lill-parti inġurjata mid-deterjorazzjonu, id-distruzzjoni jew it-telf tal-beni kif ukoll id-dannu kkawżat mis-serq tal-beni, jekk il-persuna fiżika tilfet il-possibbiltà li tassumi l-preżervazzjoni,

c)      it-telf ta’ dħul,

d)      l-ispejjeż tar-rappreżentanza ġuridika sostnuti sabiex jiġu nfurzati d-drittijiet previsti taħt (a), (b) u (c), madankollu, għall-ispejjeż previsti taħt (b) u (c), biss sa fejn l-assigurazzjoni ma osservatx it-terminu previst fl-Artikolu 9(3), jew indebitament irrifjutat milli teżegwixxi l-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jew indebitament naqqset il-kumpens ta’ assigurazzjoni fornuta,

kemm-il darba l-parti inġurjata tkun stabbilixxiet u pprovat id-dritt tagħha, u li l-fatt dannuż li jkun ta lok għall-preġudizzju u li għalih huwa responsabbli l-assiguratur ikun seħħ matul il-perjodu ta’ validità, ħlief jekk ikun hemm perijodu ta’ interruzzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mid-dettalji mogħtija mill-qorti tar-rinviju għar-risposta għal domanda ta’ kjarifika, jirriżulta li, din infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-regoli tal-proċeduri tagħha, li M. Haas miet fis-7 ta’ Awwissu 2008 fit-territorju Ċèk, f’inċident tat-traffiku kkawżat minn R. Petrík, li kien qed isuq karozza li tappartjeni lil B. Holingová.

19      Il-karozza ta’ B. Holingová, irreġistrata fis-Slovakkja u li fiha kien hemm M. Haas, ħabtet ma’ trakk irreġistrat fir-Repubblika Ċeka. K. Haasová u bintha kienu jinsabu, fil-mument ta’ dan l-inċident, fis-Slovakkja.

20      Permezz ta’ sentenza mogħtija f’qorti kriminali mill-Okresný súd Vranov nad Topľou (is-Slovakkja), R. Petrík ġie ddikjarat ħati ta’ omiċidju kif ukoll ta’ feriti u ġie kkundannat għal piena sospiża ta’ detenzjoni ta’ sentejn. Skont l-Artikoli 50(2), u 51(4)(c) tal-kodiċi kriminali Slovakk, ġie kkundannat jikkumpensa d-danni kkawżati, fosthom, b’mod partikolari dak ta’ ammont ta’ EUR 1 057.86 subiti minn K. Haasová.

21      Min-naħa l-oħra, K. Haasová u bintha assenjaw lill-R. Petrík kif ukoll lil B. Holingová bħala kumpens għad-danni extrapatrimonjali li jirriżultaw mit-telf tal-konjuġi u missier, skont l-Artikolu 13(2) u (3) tal-Kodiċi Ċivili Slovakk. Fl-ewwel istanza, R. Petrík u B. Holingová ġew ikkundannati għall-ħlas lil K. Haasová ta’ kumpens ta’ EUR 15 000 għal dan id-dannu. Il-partijiet kollha appellaw is-sentenza ta’ kundanna quddiem il-Krajský súd v Prešove (Is-Slovakkja).

22      Din il-qorti tikkunsidra li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali, hemm lok li jiġi applikat id-dritt sostnativ Ċek u, b’mod partikolari, l-Artikolu 444(3) tal-Kodiċi Ċivili Ċek li jipprovdi, f’każ ta’ mewt, li l-konjuġi, avventi kawża tal-vittma, tibbenefika minn kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ CZK 240 000. Issa, tqum il-kwistjoni tal-adegwatezza ta’ dan il-kumpens u, konsegwentement, dak tad-dritt għall-kumpens supplimentari fuq il-bażi tal-Artikolu 11 ta’ dan il-kodiċi.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-drittijiet ta’ K. Haasová u ta’ bintha jirriżultaw minn dawk tal-vittma, peress li l-ħajja ta’ M. Haas kienet protetta mill-Artikolu 11 tal-imsemmi kodiċi. Hija tippreċiża li l-Artikoli 11 sa 16 tal-kodiċi ċivili Slovakki u Ċèki jħarsu l-protezzjoni tal-persuna, li tinkludi fiha, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa, tal-unur ċivili, tad-dinjità tal-persuna, tal-ħajja privata, tal-isem u tal-espressjoni ħielsa kontra “danni”, kelma li hija użata sabiex jiġi indikat dannu ekonomiku li jirriżulta minn ksur ta’ dritt għal din il-protezzjoni.

24      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, bis-saħħa tal-liġi Slovakka dwar l-assigurazzjoni obbligatorja, il-proprjetarju ta’ vettura bil-mutur għandu dritt li jeżiġi li assigurazzjoni tiggarantixxi minfloku, lill-parti inġurjata minn ħsara li huwa responsabbli għaliha, il-kumpens ta’ dannu attwali pruvat, bil-mod stabbilit minn din il-liġi u mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-assigurazzjoni, u, konsegwentement, il-kumpens tad-dannu fiżiku u tal-ispejjeż inkorsi f’każ ta’ mewt.

25      Fil-każ preżenti, B. Holingová kienet ikkonkludiet kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ma’ Allianz-Slovenská poisťovňa a.s., (iktar ’il quddiem “Allianz”). Peress li l-persuna responsabbli tad-danni tista’ ddur fuq l-assigurazzjoni sabiex din tikkumpensa minflokha d-dannu li hija trid twieġeb għalih, jeħtieġ li l-assigurazzjoni tissejjaħ fil-proċeduri ta’ kumpens bħala intervenjenti, peress li għandha interess leġittimu fil-kawża. B’hekk, Allianz kienet, fuq l-inizjattiva tal-qorti tar-rinviju, imsejħa fil-proċeduri f’din il-kwalità.

26      Issa, Allianz ma kellhiex interess leġittimu bħal dan ħlief jekk id-dritt eżerċitat jaqa’ taħt il-kopertura, mill-assigurazzjoni obbligatorja, tar-responsabbiltà ċivili. Fil-fatt, jekk id-dannu extra-patrominjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja, l-intervent ta’ Allianz fil-proċeduri ma tkunx ġustifikata.

27      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kumpens tad-danni fiżiċi jirrigwarda wkoll inparti d-danni extra-patrominjali, jiġifieri tbatija u degradazzjoni tal-ħajja soċjali. Il-kunċett ta’ dannu kopert mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni jinkludi b’hekk ukoll danni ta’ natura extra-patrominjali, b’mod partikolari, ta’ natura mhux materjali, morali jew emozzjonali.

28      Din il-qorti tikkunsidra, barra minn hekk, li l-Istati Membri huma marbuta, bis-saħħa tal-Ewwel u t-Tielet Direttiva, li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex ir-responsabbiltà ċivili tad-danni li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur li huma normalment ibbażati fit-territorju tagħhom ikunu koperti minn assigurazzjoni, bil-għan tal-protezzjoni tal-persuni assigurati u tal-vittmi tal-inċidenti, u sabiex kull ħsara jew dannu kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur iwasslu għall-kumpens.

29      Issa, Allianz tirrifjuta li tikkumpensa d-dannu extra-patrominjali subit, peress li l-kumpens ta’ dan id-dannu skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi Ċivili Slovakk ma jkunx kopert mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li jirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur, id-dritt għal tali kumpens ma jaqax taħt il-kopertura prevista mil-liġijiet Slovakki u Ċeki dwar l-assigurazzjoni obbligatorja.

30      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din il-kwistjoni hija determinanti, peress li hemm lok li jiġi kkumpensat ukoll id-dannu extra-patrominjali subit mill-avventi kawża tal-vittma ta’ inċident tat-traffiku, dannu li jkun possibbli li jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 13(2) u (3) tal-kodiċi ċivili applikabbli u li għandu, skont interpretazzjoni wiesgħa, ikun ikkunsidrat bħala dannu fiżiku previst fl-Artikolu 4(2)(a) tal-liġi Slovakka dwar l-assigurazzjoni obbligatorja. B’hekk jirriżulta li l-kumpens ta’ dan id-dannu extra-patrominjali jaqa’ fil-qasam tar-responsabbiltà tal-assigurazzjoni taħt il-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Prešove ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      […] l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva [...] u 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (bħal dik li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Liġi Slovakka [dwar l-assigurazzjoni obbligatorja] u l-Artikolu 6 tal-Liġi Ċeka [dwar l-assigurazzjoni obbligatorja], li permezz tagħha r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur ma tkoprix id-danni mhux patrimonjali, imsarrfin f’forma pekunjarja, ikkawżati lis-superstiti tal-vittmi ta’ inċident li jirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur?

2)      F’każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4(1), (2) u (4) tal-Liġi Slovakka [dwar l-assigurazzjoni obbligatorja] u l-Artikolu 6(1) sa (3) tal-Liġi Ċeka [dwar l-assigurazzjoni obbligatorja] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux qorti nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 1 [tat-Tielet Direttiva] u 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], milli tirrikonoxxi d-dritt għall-kumpens għad-danni mhux patrimonjali ikkawżati lis-superstiti tal-vittmi ta’ inċident li jirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur bħala persuni li sofrew dannu, ukoll f’forma pekunjarja?”

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

32      Il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni esprimew dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari fejn sostnew li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda espożizzjoni tal-fatti dwar l-inċident tat-traffiku indispensabbli sabiex tiġi mifhuma l-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Gvern Slovakk jikkunsidra li dawn il-kwistjonijiet ma humiex rilevanti sabiex tiġi deċiża din il-kawża, peress li Allianz ma tkunx parti għall-imsemmija kawża u li d-deċiżjoni li l-qorti nazzjonali tagħti fil-kuntest ta’ din tal-aħħar ma tkunx vinkolanti għal din il-kumpannija ta’ assigurazzjoni.

33      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, bħala risposta għat-talba ta’ kjarimenti li saritilha mill-Qorti skont l-Artikolu 101 tar-regoli ta’ proċedura tagħha, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat il-fatti dwar l-inċident tat-traffiku li wassal għall-proċeduri fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, hija ppreċizat li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun stabbilita għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-intervent ta’ Allianz fil-proċeduri tal-kawża prinċipali u b’hekk f’dak li jirrigwarda l-karattru vinkolanti fir-rigward ta’ din l-impriża tas-sentenza li fiha jsir intervent f’dawn il-proċeduri.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jkun ikkunsidrat li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

35      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri l-kumpens tad-danni mhux materjali subiti mill-qraba tal-vittmi li mietu f’inċident tat-traffiku.

36      Preliminarjament, għandu jingħad li l-qorti tar-rinviju, minn naħa, ppeċiżat li d-dritt tar-responsabbiltà ċivili applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali huwa, fir-rigward tal-Artikoli 3 u 4 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1971 u fl-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma II, id-dritt Ċek u, min-naħa l-oħra, indikat li d-domandi li saru ma jirrigwardawx il-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili rregolata mis-sitt parti tal-Kodiċi Ċivili Ċek u b’hekk kumpens fil-forma ta’ somma fissa previst fl-Artikolu 444 ta’ dan il-kodiċi. Fil-fatt, din il-qorti tikkunsidra li l-Artikoli 11 u 13 tal-Kodiċi Ċivili Ċek, li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-persuna, japplikaw indipendentement minn dawn id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili u ppreċiżat li dawn il-kwistjonijiet għandhom bħala għan esklużivament il-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-kumpens tad-dannu mhux materjali dovut fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jipproteġu lill-persuna.

37      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-preamboli tal-Ewwel u tat-Tieni Direttiva juru li dawn jippruvaw, minn naħa, jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-persuni li jinsabu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi bil-mutur jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, punt 26 u ġurisprudenza ċċitata).

38      Għaldaqstant, l-Ewwel Direttiva, kif iċċarat u kkompletat mit-Tieni u t-Tielet Direttiva, timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terżi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili ta’ danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-fatt, li mill-għan tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva, kif ukoll mill-kliem tagħhom, li dawn ma humiex intiżi li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Konsegwentement, u fir-rigward b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Direttiva, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, ħielsa li jiddeterminaw, fil-kuntest tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati, il-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni u l-persuni li għandhom dritt għall-imsemmi kumpens.

42      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur ma jistgħux iċaħħdu l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva mill-effettività tagħhom (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fir-rigward tal-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tad-danni kkawżati mill-vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva tħalli, ċertament, hekk kif sostna l-Gvern Ġermaniż, f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw id-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet tal-assigurazzjoni obbligatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez, C‑129/94, Ġabra p. I‑1829, punt 15).

44      Madankollu, huwa sabiex inaqqas id-diverġenzi li hemm fir-rigward tal-portata tal-obbligu tal-assigurazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li l-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, impona kopertura obbligatorja ta’ ħsara lil proprjetà u tad-danni fiżiċi, sal-ammonti speċifikati. L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva estenda dan l-obbligu għall-kopertura tad-danni fiżiċi kkawżati lill-passiġġieri oħra li ma humiex ix-xufiera (sentenza Ruiz Bernáldez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

45      B’hekk, l-Istati Membri huma marbuta jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      B’hekk jirriżulta li l-libertà li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw id-danni koperti kif ukoll il-metodi tal-assigurazzjoni obbligatorja ġiet limitata mit-Tieni u mit-Tielet Direttiva, sa fejn dawn għamlu obbligatorju l-kopertura ta’ ċerti danni sal-ammonti minimi speċifikati. Fost dawn id-danni li l-kopertura tagħhom hija obbligatorja jidhru b’mod partikolari d-danni fiżiċi, hekk kif speċifikat fl-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva.

47      Issa, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif deċiż mill-Qorti AELE fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2008, Celina Nguyen vs The Norwegian State (E‑8/07, EFTA Court Report, p. 224, punti 26 u 27), għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-verżjonijiet differenti lingwistiċi tal-Artikoli 1(1) tat-Tieni Direttiva u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva kif ukoll tal-għan ta’ protezzjoni tat-tliet direttivi msemmija iktar ’il fuq, li mill-kunċett ta’ danni fiżiċi jirriżulta kull dannu, sa fejn il-kumpens tagħhom huwa previst mir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża, li jirriżulta minn ksur tal-integrità tal-persuna, li tinkludi t-tbatija kemm fiżika kif ukoll psikoloġika.

48      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C‑280/04, Ġabra p. I‑10683, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      B’hekk, peress li l-verżjonijiet lingwistiċi varji tal-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva jużaw, essenzjalment, il-kunċetti kemm ta’ “dannu fiżiku” kif ukoll tad-“dannu personali”, għandha ssir referenza għall-istruttura u l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u d-direttiva. F’dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jingħad li dawn il-kunċetti jikkompletaw dak tal-“ħsara lil proprjetà” u, min-naħa l-oħra, li jitfakkar li l-imsemmija dispożizzjoni u direttiva għandhom bħala għan, b’mod partikolari, li jsaħħu l-protezzjoni tal-vittmi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmija kunċetti li jidhru fil-punt 47 tas-sentenza preżenti.

50      Konsegwentement, għan-numru ta’ danni li għandhom jiġu kkumpensati b’mod konformi mal-Ewwel, mat-Tieni u mat-Tielet Direttiva jidhru d-danni mhux materjali liema kumpens huwa previst għalihom taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża.

51      F’dak li jirrigwarda l-punt sabiex jiġi stabbilit min huma l-persuni li jistgħu jeżiġu kumpens ta’ dawn id-danni mhux materjali, minn naħa, għandu jingħad li minn qari flimkien tal-Artikolu 1, punt 2, u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jirriżulta li l-protezzjoni li għandha tiġi mogħtija permezz ta’ din id-direttiva testendi għal kull persuni avventi kawża, taħt id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn dawn il-vetturi bil-mutur.

52      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, it-Tielet Direttiva ma llimitatx iċ-ċirku tal-persuni protetti, iżda, għall-kuntrarju, għamlet obbligatorju l-kopertura tad-danni subiti minn ċerti persuni kkunsidrati bħala partikolarment vulnerabbli.

53      Barra minn hekk, peress li l-kunċett ta’ dannu li jidher fl-Artikolu 1, punt 2 tal-Ewwel Direttiva ma huwiex iktar limitat, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Estonjan, li ċerti danni, bħad-danni mhux materjali, sa fejn għandhom jiġu kkumpensati skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili applikabbli, għandhom jiġu esklużi minn dan il-kunċett.

54      L-ebda element tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva ma jippermettu li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jirrestrinġi l-protezzjoni mogħtija minn dawn id-direttivi lill-persuni biss direttament implikati f’avveniment li kkawża d-danni.

55      Konsegwentement, l-Istati Membri huma marbuta jiżguraw li l-kumpens dovut, skont id-dritt nazzjonali tagħhom tar-responsabbiltà ċivili, minħabba d-dannu mhux materjali subit mill-membri tal-familja li huma qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jkun kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja sal-ammonti minimi stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva.

56      Fil-każ preżenti, għandu jkun hekk peress li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, persuni li jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ K. Haasová u ta’ bintha għandhom dritt, bis-saħħa tal-Artikoli 11 u 13 tal-Kodiċi Ċivili Ċek, għall-kumpens tad-dannu mhux materjali subit bħala konsegwenza tal-mewt tal-konjuġi tagħha u ta’ missierha.

57      Din l-evalwazzjoni ma tkunx ikkontestata minħabba ċ-ċirkustanza, invokata mill-Gvern Slovakk, li skont din, dawn l-artikoli jaqgħu inparti taħt il-kodiċi ċivili Ċek u Slovakk li jirregola ksur tad-drittijiet tal-persuna u li hija awtonoma fir-rigward ta’ dak li huwa previst għar-responsabbiltà ċivili fih innifsu, fis-sens ta’ dawn il-kodiċi.

58      Fil-fatt, ir-responsabbiltà tal-persuna assigurata li tirriżulta, skont il-qorti tar-rinviju, fil-każ preżenti, mill-Artikoli 11 u 13 tal-Kodiċi Ċivili Ċek toriġina minn inċident tat-traffiku u peress li hija ta’ natura ċivili, xejn ma jwaqqaf milli jiġi kkunsidrat li tali responsabbiltà ma taqax taħt id-dritt nazzjonali sostantiv tar-responsabbiltà ċivili li għalih jirreferu d-direttivi msemmija iktar ’il fuq.

59      Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri l-kumpens tad-danni mhux materjali subiti mill-qraba tal-vittmi li mietu f’inċident tat-traffiku sa fejn dan il-kumpens huwa previst taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

 Fuq it-tieni domanda

60      Fir-rigward tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE tal-Kunsill, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendat bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri l-kumpens tad-danni mhux materjali subiti mill-qraba tal-vittmi li mietu f’inċident tat-traffiku sa fejn dan il-kumpens huwa previst taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.