Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvija) fl-20 ta’ Lulju 2016 – SIA "Aqua Pro" vs Valsts ieņēmumu dienests

(Kawża C-407/16)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SIA "Aqua Pro"

Konvenut: Valsts ieņēmumu dienests

Domandi preliminari

a) L-Artikolu 220(1) u(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 1 , tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazji dovuti kkonstatati mill-awtoritajiet huwa meqjus li seħħ fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar id-dħul fil-kontijiet jew id-determinazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tad-dazji, irrispettivament mill-kontestazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ din id-deċiżjoni?

b) L-Artikoli 236 u 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn meta l-awtoritajiet adottaw deċiżjoni li ddaħħal fil-kontijiet l-ammont tad-dazji inkwistjoni u minn meta imponew fuq id-debitur l-obbligu li jħallashom (hekk kif għamelt l-amministrazzjoni nazzjonali f’dan il-każ), filwaqt li kontra din id-deċiżjoni d-debitur ikun ippreżenta rikors amministrattiv u ġudizzjarju, dan tal-aħħar għandu simultanjament jitlob il-maħfra jew ir-rimbors ta’ dawn id-dazji skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 236 jew 239 tar-regolament (jew inkella l-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fil-kawża preżenti tista’ wkoll titqies li hija talba għal maħfra/rimbors)? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’differenza sostanzjali hemm bejn l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar id-dħul fil-kontijiet u dwar l-obbligu ta’ ħlas tad-dazji, minn naħa, u l-kwistjoni li għandha tiġi deċiża fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 236, min-naħa l-oħra?

ċ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas tad-dazji u t-tul ta’ din il-proċedura jestendu t-terminu għat-tressiq ta’ talba għall-maħfra jew għar-rimbors tad-dazji (jew jiġġustifikaw it-tardività tagħha)?

d) Jekk, fil-kawża preżenti, il-kwistjoni tad-dħul fil-kontijiet jew tal-maħfra għandha tiġi deċiża irrispettivament mid-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor (f’dan il-każ il-Finlandja), l-awtoritajiet jew il-qorti għandhom, fid-dawl tal-Artikolu 869(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 2 , tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, u tal-eventwali ammont dazji fil-kawża inkwistjoni, iressqu quddiem il-Kummissjoni Ewropea l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet jew tal-maħfra tad-dazji?

a) Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandhom jitwettqu eżamijiet wara r-rilaxx taċ-ċirkustanzi relatati mal-aġir tal-awtoritajiet u ta’ esportatur ta’ pajjiż terz (f’dan il-każ, il-Kambodja) li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni fil-kuntest ta’ missjoni tal-OLAF? Jew inkella d-deskrizzjonijiet ġenerali taċ-ċirkustanzi esposti fir-rapport tal-OLAF fir-rigward tal-imsemmi aġir għandhom jingħataw l-istatus ta’ provi?

b) L-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ eżami wara r-rilaxx jieħdu l-preċedenza fuq ir-rapport tal-OLAF, anki jekk dawn jirrigwardaw is-sitwazzjoni ta’ Stat Membru speċifiku?

ċ) L-Artikolu 875 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa marbut minn deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor (f’dan il-każ il-Finlandja) abbażi ta’ dan l-istess rapport tal-OLAF?

d) Għandu jkun hemm eżami wara r-rilaxx u l-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ dan l-eżami għandha tintuża f’ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni Ewropea tkun adottat, abbażi tar-rapport tal-OLAF, deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet tad-dazji fil-konfront ta’ Stat Membru ieħor u tkun applikat l-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali?

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, il-fatt li, f’każ partikolari, operazzjoni ta’ importazzjoni ta’ merkanzija seħħet abbażi ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni, jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ motivi raġonevoli u ta’ bona fide fl-aġir tal-persuna taxxabbli?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3