Language of document : ECLI:EU:T:2011:42

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

17 ta’ Frar 2011 (*)

“Xandir televiżiv – Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE – Miżuri adottati mir-Renju tal-Belġju li jirrigwardaw l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana – Tazza tad-dinja tal-futbol – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt Komunitarju – Motivazzjoni – Artikoli 43 KE u 49 KE – Dritt ta’ proprjetà”

Fil-Kawża T‑385/07,

Fédération internationale de football association (FIFA), stabbilita fi Zürich (l-Isvizzera), inizjalment irrappreżentata minn R. Denton, E. Batchelor, F. Young, solicitors, u A Barav, avukat, sussegwentement minn E. Batchelor, A. Barav, D. Reymond, avukati, u F. Carlin, barrister,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u N. Yerrell, bħala aġenti, assistiti minn J. Flynn, QC, u minn L. Maya, barrister,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, A. Berenboom u A. Joachimowicz, avukati,

minn

Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

u minn

Ir‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi‑Spencer, E. Jenkinson u L. Seeboruth, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn T. de la Mare, sussegwentement minn B. Kennelly, barristers,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/479/KE, tal-25 ta’ Ġunju 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill-Belġju skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 180, p. 24),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, L. Truchot u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 43 KE jipprovdi s-segwenti:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 48, paragrafu 2, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ listabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital”.

2        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE jistabbilixxi:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

3        L-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif miżjud bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li emendat id-direttiva [89/552] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321) jistabbilixxi:

“1. Kull Stat Membru jista jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista’ ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ mportanza kbira [primarja] għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira diferita sħiħa jew parzjali.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta tliet xhur minn-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 23a. Għandha minn hemm ’il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġislattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma’ jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possibiltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1”.

4        Il-premessi 18 sa 22 tad-Direttiva 97/36 jipprovdu s-segwenti:

“(18) Billi huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri sabiex jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u sabiex jiżguraw aċċess wiesa mill-pubbliku għax-xandir televiżiv ta avvenimenti nazzjonali jew mhux nazzjonali ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà, bħal-Logħob Olimpiku, it-Tazza tad-Dinja u l-kampjonat Ewropew tal-futbol; billi għal dan il-għan l-Istati Membri jżommu d-dritt li jieħdu l-miżuri kompatibbli mal-liġi Komunitarja mmirati sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta drittijiet esklussivi tax-xandir għal avvenimenti bħal dawk mix-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;

(19) Billi huwa neċessarju li jsiru arranġamenti fi ħdan il-qafas Komunitarju, sabiex jiġi evitat il-potenzjal ta’ inċertezza legali u xkiel tas-suq u sabiex iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi televiżivi tiġi rikonċiljata mal-bżonn li tiġi evitata l-possibiltà ta’ ksur tal-miżuri nazzjonali li jipproteġu interess ġenerali leġittimu;

(20) Billi, b’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu stipulati dispożizzjoniet f’din id-Direttiva dwar l-eżerċizzju minn xandara ta drittijiet esklussivi tax-xandir li huma setgħu xtraw għal avvenimenti li huma meqjusa bħala ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà fi Stat Membru li m’huwiex dak li għandu l-ġurisdizzjoni fuq ix-xandara; […]

(21) Billi avvenimenti ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà għandhom, għall-iskopijiet ta din id-Direttiva, jissodisfaw ċerti kriterji, jiġifieri li jkunu avvenimenti eċċezzjonali li huma ta’ interess għall-pubbliku inġenerali fl-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru partikolari jew f’parti importanti li hija komponent tad Stat Membru partikolari u li jkunu organizzati minn qabel minn organizzatur ta’ l-avvenimenti li huwa legalment intitolat li jbigħ id-drittijiet li jappartjenu għal dak l-avveniment;

(22) Billi, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘televiżjoni mingħajr ħlas’ tfisser xandir fuq kanal, pubbliku jew kummerċjali, ta programmi li huma aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas apparti mill-mezzi ta’ l-iffinanzjar tax-xandir li jinsabu f’kull Stat Membru (bħall-miżata tal-liċenzja u/jew il-miżata ta’ abbonament għas-servizz bażiku ta sistema interkonnessa bil-fil)”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5        Ir-rikorrenti, il-Fédération internationale de football association (FIFA), hija assoċjazzjoni magħmula minn 208 federazzjoni nazzjonali tal-futbol u tikkostitwixxi l-korp eżekuttiv dinji tal-futbol. L-għanijiet tagħha huma, b’mod partikolari, li tippromovi l-futbol fuq skala dinjija u li torganizza l-kompetizzjonijiet internazzjonali tagħha. Il-bejgħ tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja (iktar ’il quddiem it-“Tazza tad-Dinja”), li hija tiżgura l-organizzazzjoni tagħha, jikkostitwixxi s-sors prinċipali ta’ dħul tagħha.

6        Fil-Belġju, il-komunità Fjamminga u Franċiża għandhom il-kompetenza li jadottaw miżuri fis-sens tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552. Għalhekk, l-awtoritajiet ta’ kull komunità adottaw miżuri distinti, li sussegwentement ġew innotifikati lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mill-awtoritajiet federali Belġjani.

7        Skont l-Artikolu 76(1) tad-digrieti dwar ix-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, ikkoordinati fil-25 ta’ Jannar 1995, adottati mill-Kunsill Fjamming (Moniteur belge tat-30 ta’ Mejju 1995 p. 15092), “[i]l-Gvern Fjamming qed jistabbilixxi l-lista ta’ avvenimenti li huma meqjusa bħala li jnisslu interess kbir fil-pubbliku, u li, għal din ir-raġuni, ma jistgħux jixxandru fuq bażi esklużiva b’mod li parti sinjifikattiva tal-pubbliku fil-Komunità Fjamminga ma tkunx tista’ ssegwi dawn l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas”.

8        Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Mejju 2004 (Moniteur belge tad-19 ta’ Awwissu 2004, p. 62207), il-Gvern Fjamming stabbilixxa l-avvenimenti li għandhom jitqiesu bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà, u li fosthom hemm il-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja. Sabiex avveniment ikun jista’ jiġi inkluż fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, dan għandu, skont dan l-istess digriet, jissodisfa minn tal-inqas tnejn mill-kriterji segwenti:

–        ikollu valur sinjifikattiv ta’ attwalità u jqajjem interess kbir fi ħdan il-pubbliku

–        jiġi organizzat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni internazzjonali importanti jew tkun logħba li tinvolvi t-tim nazzjonali, jew tim ta’ klabb Belġjan jew atleta jew numru ta’ atleti Belġjani;

–        jaqa’ taħt dixxiplina sportiva importanti u jirrappreżenta valur kulturali sinjifikattiv fi ħdan il-komunità Fjamminga;

–        tradizzjonalment jixxandar mit-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas u jkollu indiċi ta’ smigħ għoli fil-kategorija tiegħu.

9        Skont l-Artikolu 1 tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004, ċerti avvenimenti mniżżla fil-lista, fosthom il-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, għandhom jiġu trażmessi permezz ta’ rapportaġġ sħiħ u b’xandira diretta. Skont l-Artikolu 2 tal-istess digriet, id-drittijiet esklużivi fuq l-avvenimenti mniżżla fil-lista ma jistgħux jiġu eżerċitati b’mod li jipprekludu lill-parti kbira tal-populazzjoni milli jsegwu dawn l-avvenimenti fuq il-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-istess dispożizzjoni, parti kbira tal-populazzjoni tal-komunità Flamminga għandha titqies bħala li tista’ ssegwi avveniment ta’ interess kbir għas-soċjetà fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas meta l-avveniment jixxandar permezz ta’ televiżjoni li jxandar bl-Olandiż u li r-riċezzjoni hija żgurata għal tal-inqas 90 % tal-populazzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ ħlas addizzjonali fuq il-prezz tal-abbonament għad-distribuzzjoni televiżiva.

10      Skont l-Artikolu 3 tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004, il-korpi ta’ xandir televiżiv li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 2 tagħha u li jiksbu drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva tal-avvenimenti mniżżla fil-lista għar-reġjun ta’ lingwa Olandiza u għar-reġjun bilingwi ta’ Bruxelles-Capitale ma jistgħux jeżerċitaw dawn id-drittijiet sakemm dawn ma jkunux jistgħu jiggarantixxu, permezz ta’ kuntratti konklużi, li parti kbira tal-popolazzjoni ma tkunx prekluża milli ssegwi dawn l-avvenimenti fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward, ix-xandara inkwistjoni jistgħu joħorġu sottoliċenzji bi prezz tas-suq raġonevoli lil xandara li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. Madankollu, fil-każ fejn l-ebda xandar li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet inkwistjoni ma jiddikjara ruħu lest li jikseb dawn is-sottoliċenzji, ix-xandar li jkun kiseb id-drittijiet esklużivi jista’ jeżerċitahom.

11      Skont l-Artikolu 4(1) tad-digriet tas-27 ta’ Frar 2003 (Moniteur belge tas-17 ta’ April 2003, p. 19637), adottat mill-Parlament tal-Komunità Franċiża, il-Gvern tal-Komunità Franċiża jista’, wara li jkun sema’ l-opinjoni tal-Conseil supérieur de l’audiovisuel (Kunsill Superjuri tal-Awdjoviżiv), jistabbilixxi lista ta’ avvenimenti li huwa jiddeċiedi li huma ta’ importanza primarja għall-pubbliku tal-imsemmija komunità. Dawn l-avvenimenti ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ esklużività minn editur tas-servizzi ta’ xandir televiżiv jew mill-RTBF, b’mod li parti kbira mill-pubbliku ta’ din il-komunità tinċaħad mill-aċċess għal dawn l-avvenimenti permezz ta’ servizz ta’ xandir televiżiv ta’ bla ħlas.

12      Sabiex avveniment ikun jista’ jiġi inkluż fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, dan għandu, skont l-Artikolu 4(2) tad-digriet tas-27 ta’ Frar 2003, jissodisfa minn tal-inqas tnejn mill-kriterji segwenti:

–        inissel interess partikolari fi ħdan il-pubbliku tal-komunità Franċiża b’mod ġenerali u mhux biss fil-pubbliku li normalment isegwi dan l-avveniment;

–        ikollu importanza kulturali globalment magħrufa mill-pubbliku tal-komunità Franċiża u jżid l-identità kulturali tagħha;

–        personalità jew tim nazzjonali jipparteċipa fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew manifestazzjoni internazzjonali ewlieni;

–        tradizzjonalment ikun is-suġġett ta’ trażmissjoni f’programm ta’ servizz ta’ xandir televiżiv ta’ bla ħlas fil-komunità Franċiża u joħloq interess f’numru kbir ta’ nies.

13      Skont l-Artikolu 4(3) tal-istess digriet, servizz ta’ xandir televiżiv għandu jitqies bħala ta’ bla ħlas meta jixxandar bil-lingwa Franċiża u jista’ jinqabad minn 90 % tad-djar li għandhom installazzjoni ta’ riċezzjoni tas-servizzi ta’ xandir televiżiv u li jinsabu fir-reġjun tal-lingwa Franċiża u fir-reġjun bilingwi ta’ Bruxelles-Capitale. Minbarra l-ispejjeż tekniċi, ir-riċezzjoni ta’ dan is-servizz jista’ jkun suġġett biss għal ħlas tal-prezz eventwali tal-abbonament bażiku għal servizz ta’ distribuzzjoni bil-kejbil.

14      Skont l-Artikolu 2 tad-digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004 (Moniteur belge tas-6 ta’ Settembru 2004, p. 65247), adottat mill-Gvern tal-Komunità Franċiża, “l-editur ta’ servizzi ta’ xandir televiżiv li jinsab fil-Komunità Franċiża u li jixtieq jeżerċita dritt esklużiv ta’ trażmissjoni li jkun kiseb għal avveniment ta’ interess maġġuri għandu jxandar l-imsemmi avveniment bl-għajnuna ta’ programm ta’ servizz ta’ xandir televiżiv ta’ bla flus u skont l-anness tad-digriet preżenti”.

15      L-anness tad-digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004 kif ukoll il-lista kkonsolidata tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għar-Renju tal-Belġju jinkludu l-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja li għandha tixxandar permezz ta’ xandira diretta u sħiħa.

16      Permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Jannar 2001 u tas-16 ta’ Mejju 2002, il-FIFA bagħtet lill-Ministeru tal-Komunità Fjamminga l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eventwali dħul tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana billi opponiet il-fatt li l-logħbiet kollha ta’ din il-kompetizzjoni jiġu inklużi f’din il-lista.

17      Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2003, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni l-miżuri adottati fil-kuntest tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

18      Il-miżuri inkwistjoni kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/479/KE, tal-25 ta’ Ġunju 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill- [mir-Renju tal-] Belġju skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (ĠU L 180, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

19      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi s-segwenti:

“Artikolu 1

Il-miżuri notifikati mill-[mir-Renju tal-]Belġju lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Diċembru 2003 skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552/KEE] kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea C 158 tad-29 ta’ Jannar 2005, huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità.

Artikolu 2

Il-miżuri kif finalment meħuda mill-[mir-Renju tal-]Belġju u stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva [89/552]”

20      Id-deċiżjoni kkontestata hija b’mod partikolari mmotivata mill-premessi segwenti:

“(4) Il-lista ta’ avvenimenti ewlenin ta’ importanza għas-soċjetà inklużi fil-miżuri Belġjani, tfasslet b’mod ċar u trasparenti u kienet tnediet konsultazzjoni wiesgħa fil-Belġju.

(5) Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-attivitajiet elenkati fil-miżuri Belġjani laħqu minn ta’ l-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, meqjusa bħala indikaturi ta’ min joqgħod fuqhom ta’ l-importanza ta’ l-avvenimenti, għas-soċjetà (i) qbil ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istati Membri, u mhux sempliċement sinifikat għal dawk li normalment isegwu l-isport jew attività konċernata; (ii) importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b’mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment kien tradizzjonalmnent imxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni u kienu jarawh udjenzi kbar.

(6) Numru sinifikanti ta’ l-avvenimenti elenkati fil-miżuri Belġjani, fosthom l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa, kif ukoll il-finali tat-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej tal-futbol (irġiel), jaqgħu taħt il-kategorija ta’ avvenimenti tradizzjonalment ikkunsidrati ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà, kif riferut għalihom b’mod espliċitu fi premessa 18 tad-Direttiva 97/36/KE. Dawn l-avvenimenti għandhom qbil ġenerali u speċjali fil-Belġju, għax huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi.

[…]

(8) L-avvenimenti tal-futbol elenkati li jinvolvu t-timijiet nazzjonali għandhom qbil ġenerali u speċjali fil-Belġju peress li jagħtu lit-timijiet Belġjani l-opportunità li jippromwovu l-futbol Belġjan fuq livell internazzjonali.

[…]

(16) L-avvvenimenti elenkati, fosthom dawk li għandhom jitqiesu fit-totalità tagħhom, u mhux bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali, tradizzjonalment kienu jixxandru fuq it-televiżjoni bla ħlas u kienu jiġbdu udjenzi televiżivi kbar. […]

(17) Il-miżuri [nnotifikati mir-Renju tal-Belġju] jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mill-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE li servizzi jiġu provduti abbażi ta’ raġuni predominanti ta’ interess pubbliku, li għandha tiżgura aċċess wiesa’ għall-pubbliku għal xandiriet ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà.

(18) Il-miżuri [nnotifikati mir-Renju tal-Belġju] huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni [tat-Trattat] għall-fatt li d-definizzjoni ta’ xandâra kwalifikati li jxandru avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu kompetizzjoni attwali u potenzjali għall-kisba tad-drittijiet tax-xandir ta’ dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, in-numru ta’ avvenimenti elenkati mhux disproporzjonat tant li jgħawweġ il-kompetizzjoni għas-swieq tat-televiżjoni b’xejn u bi ħlas.

[…]

(22)      Mis-sentenza [tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM v Il‑Kummissjoni, T‑33/01, Ġabra p. II‑5897] jirriżulta, li d-dikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552] huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, u jikkostitwixxu deċiżjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 249 [KE], li għalhekk jeħtieġ jiġi addottat mill-Kummissjoni. Skond dan, hemm bżonn li permezz ta’ din id-Deċiżjoni jiġi dikjarat li l-miżuri notifikati mill- [mir-Renju tal-]Belġju huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità. Il-miżuri, kif finalment meħuda mill-Belġju u stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva [89/552].”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2007, il-FIFA ppreżentat ir-rikors preżenti.

22      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ottubru 2007, il-FIFA talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, diversi dokumenti li fil-fehma tagħha kienu essenzjali għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha kif ukoll għall-finijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali hija msejħa twettaq.

23      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 u fid-29 ta’ Jannar 2008, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talbu li jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-31 ta’ Marzu 2008, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-FIFA ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn in-noti fit-termini imposti.

24      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Frar 2008, il-FIFA talbet lill-Qorti Ġenerali tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ċerti dokumenti msemmija fir-risposta ppreżentata mill-Kummissjoni.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2008, is-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax, f’dan l-istadju, it-talba għall-miżuri ta’ organizzjoni tal-proċedura mressqa mill-FIFA.

26      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2009 u għall-finijiet tal-proċedura orali, il-kawża preżenti ngħaqdet mal-Kawża T‑68/08, FIFA vs Il‑Kummissjoni.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tagħmel ċerti mistoqsijiet lill-FIFA u lill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali rċeviet it-tweġibiet fit-termini imposti.

28      Il-FIFA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata parzjalment jew totalment sa fejn tirrigwarda t-Tazza tad-Dinja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-FIFA għall-ispejjeż.

30      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit jitolbu li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors. Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu wkoll li l-FIFA tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

31      Fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni ddikjarat matul is-seduta li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2008 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451), hija rtirat l-argumenti li jikkonċernaw l-ammissibbiltà tar-rikors li kienet ressqet fil-kuntest tar-risposta tagħha.

32      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li r-rikors huwa inammissibbli għaliex il-FIFA ma hi la individwalment u lanqas direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-FIFA ma ppreżentatx rikors kontra l-miżuri nazzjonali quddiem il-qrati Belġjani, sabiex b’hekk ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ġie ppreżentat wara t-terminu, fejn l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jaffettwax il-validità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-FIFA ma għandhiex interess ġuridiku fid-deċiżjoni kkontestata.

33      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-FIFA ma għandhiex interess ġuridiku fid-deċiżjoni kkontestata, peress li, fil-mument tal-adozzjoni tagħha l-FIFA kienet diġà ċediet id-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja tal-2006, tal-2010 u tal-2014. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-FIFA fir-rigward tal-possibbiltà li ċċedi d-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħbiet ta’ dawn il-kompetizzjonijiet lil xandara tal-għażla tagħha ma ġietx affettwata bid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-FIFA ma għandhiex interess ġuridiku fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kompetizzjonijiet organizzati wara l-2014 għaliex, l-ewwel nett, id-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħbiet tagħhom għadhom ma ġewx sfruttati u, it-tieni nett, il-Kummissjoni kienet ipproċediet bl-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri Belġjani mad-dritt Komunitarju abbażi tal-avvenimenti partikolari u mhux abbażi tal-fażijiet finali kollha tat-Tazza tad-Dinja li ser jiġu organizzati fil-futur. Għalhekk, mill-annullament tad-deċiżjoni jibbenefikaw biss ix-xandara li ma humiex stabbiliti fil-Belġju u li jixtiequ jittrażmettu l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja f’dan il-pajjiż. Barra minn hekk, il-FIFA ma hijiex ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni kkontestata.

34      Il-FIFA tqis li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali u li, barra minn hekk, tikkonċernaha direttament u individwalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

35      Il-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirrigwardaw l-ordni pubbliku peress li, fil-kuntest tagħhom, jitrattaw l-interess ġuridiku u l-locus standi tal-FIFA kif ukoll il-fatt li t-terminu tar-rikors jiġi osservat. Għalhekk, hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżamina ex officio dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, minkejja li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-intervenjenti inkwistjoni ma għandhomx il-kwalità li jqajmu l-imsemmija eċċezzjonijiet u l-Kummissjoni waqfet milli tkompli tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 21 sa 23).

36      Fir-rigward tal-interess dirett tal-FIFA, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, kif stabbilit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, titlob li l-miżura Komunitarja kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 31 iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004 (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq), l-ebda korp ta’ xandir televiżiv li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-istess digriet ma jista’ jeżerċita d-drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva tat-Tazza tad-Dinja għar-reġjun ta’ lingwa Olandiża u għar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitali sa kemm ma jiggarantixxix, permezz ta’ kuntratti konklużi, li l-kundizzjonijiet inkwistjoni ser jiġu osservati. Bl-istess mod, mill-Artikolu 2 u mill-anness tad-digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004 (ara l-punt 14 iktar ’il quddiem) jirriżulta li l-korpi ta’ xandir televiżiv li jinsabu fil-komunità Franċiża u li jixtiequ jeżerċitaw dritt ta’ trażmissjoni esklużiva tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja għandhom ixandruhom bl-għajnuna ta’ servizz ta’ trażmissjoni televiżiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 13 iktar ’il fuq.

38      Minn din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li l-għoti tad-drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva tat-Tazza tad-Dinja, li l-FIFA hija l-organizzatriċi fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, lil korpi tax-xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Belġju u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 9 u 13 iktar ’il fuq ma jipproduċix l-effetti legali li huma normalment marbuta ma’ din l-esklużività. Fil-fatt, skont ir-regoli stabbiliti mill-komunità Fjamminga u dik Franċiża ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, dawn il-korpi ta’ xandir televiżiv għandhom, sabiex ixandru l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja, jirrikorru għas-servizzi ta’ xandar ieħor li jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet, b’tali mod li l-klawżola ta’ esklużività li huma stipulaw hija nieqsa mis-sustanza tagħha.

39      Għalkemm huwa minnu li dawn il-konsegwenzi legali jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Belġjana u mhux mid-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit minn din tal-aħħar, skont l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552, joħloq għall-Istati Membri l-obbligu li dawn il-konsegwenzi jitħarsu. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom mill-osservanza, permezz tal-korpi ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni televiżiva fil-Belġju tal-avvenimenti mniżżla fil-lista kkonsolidata u mehmuża mad-deċiżjoni kkontestata, kif iddefinita mir-Renju tal-Belġju fil-miżuri approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa, l-obbligu li dan ir-riżultat jintlaħaq jippreġudika direttament is-sitwazzjoni legali tal-korpi ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri minbarra r-Renju tal-Belġju u li jixtiequ jixtru d-drittijiet ta’ trażmissjoni fil-Belġju miżmuma oriġinarjament mill-FIFA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 31 iktar ’il fuq, punti 62 u 63).

40      Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit bid-deċiżjoni kkontestata jobbliga lill-Istati Membri sabiex jeskludu l-implementazzjoni tad-drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja mill-korpi ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 9 u 13 iktar ’il fuq, b’mod li d-drittijiet li oriġinarjament kellha l-FIFA jiġu wkoll affettwati meta dawn jiġu offruti pubblikament lil korpi li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Belġju, iżda taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

41      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-FIFA fir-rigward tad-drittijiet miżmuma oriġinarjament minnha u ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat imfittex li huwa impost b’mod awtomatiku u li jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, irrispettivament mill-kontenut tal-mekkaniżmi partikolari li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu sabiex jilħqu dan ir-riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 31 iktar ’il fuq, punti 60 u 61).

42      Għalhekk, il-FIFA hija direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata.

43      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-FIFA hijiex ikkonċernata individwalment bid-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jitfakkar li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss fil-każ fejn din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal kif jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 31 iktar ’il fuq, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’din il-kawża, huwa paċifiku, irrispettivament min-natura legali u mis-sors tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tat-Tazza tad-Dinja, li din tikkostitwixxi avveniment skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, fis-sens li hija organizzata bil-quddiem minn organizzatur legalment awtorizzat li jbigħ dawn id-drittijiet u li l-FIFA hija l-organizzatriċi inkwistjoni. Din is-sitwazzjoni tgħodd ukoll fil-mument li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, fejn il-FIFA kienet perfettament identifikabbli f’dan il-mument.

45      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna individwalment lill-FIFA.

46      Fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Belġju bbażat fuq il-fatt li l-FIFA ma kkontestatx il-miżuri Belġjani quddiem il-qrati nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-rikors tagħha, il-FIFA tikkontesta b’mod partikolari l-legalità tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-miżuri inkwistjoni huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

47      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ mitlub mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża jirrigwarda l-legalità ta’ din il-konstatazzjoni, mingħajr ma l-fatt li l-miżuri Belġjani ma ġewx ikkontestati quddiem il-qrati nazzjonali ma jaffettwa b’mod jew ieħor l-ammissibbiltà tar-rikors li ġie ppreżentat skont it-terminu previst fl-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il‑Kummissjoni, T‑33/01, Ġabra p. II‑5897, punt 109).

48      Fir-rigward tal-argument imressaq mir-Repubblika Federeali tal-Ġermanja li huwa bbażat fuq il-fatt li meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata l-FIFA kienet diġà ċediet id-drittijiet ta’ trażmissjoni tat-Tazez tad-Dinja tal-2006, tal-2010 u tal-2014, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ddikjarat bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju l-miżuri adottati mir-Renju tal-Belġju, kif ġew riprodotti fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, dawn il-miżuri jirreferu għat-Tazza tad-Dinja mingħajr ma ġiet stabbilita l-ebda limitazzjoni ratione temporis, sabiex b’hekk dawn huma koperti mid-deċiżjoni kkontestata sakemm dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ. Għaldaqstant, l-interess ġuridiku tal-FIFA ma għandux jitqiegħed inkwistjoni mill-argument imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

49      Għaldaqstant, l-argumenti li jirrigwardaw l-inammissibbiltà tar-rikors imressqa mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-mertu

50      Il-FIFA tressaq sitt motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 49 KE, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli mal-Artikolu 43 KE, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(2) għaliex il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli mad-dritt ta’ proprjetà tal-FIFA, il-ħames nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-proċedura li wasslet sabiex il-miżuri Belġjani jiġu adottati kienet ċara u trasparenti u, is-sitt nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

51      Qabel ma l-motivi mressqa mill-FIFA jiġu eżaminati, hemm lok li jiġu spjegati ċerti kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħhom.

52      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 ikkonkretizza l-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom li jirrestrinġu, abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-eżerċizzju, fil-qasam tal-awdjoviżiv, tal-libertajiet fundamentali, stabbiliti bid-dritt Komunitarju primarju.

53      Fil-fatt, minkejja li l-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 japplikaw b’mod nondiskriminatorju kemm għall-impriżi stabbiliti fit-territorju nazzjonali kif ukoll għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, huwa biżżejjed li dawn il-miżuri jivvantaġġjaw ċerti impriżi stabbiliti fit-territorju nazzjonali sabiex jitqiesu bħala li jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C‑398/95, Ġabra p. I‑3091, punt 16, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan‑Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punti 37 u 38). Bl-istess mod, dawn il-miżuri jistgħu jipprekludu l-libertà ta’ stabbiliment meta jkunu jistgħu jpoġġu lill-kumpanniji ta’ Stati Membri oħra f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi żvantaġġuża meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ Stati Membri oħra li jkunu adottawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 1999, Pfeiffer, C‑255/97, Ġabra p. I‑2835, punt 19).

54      Issa, dawn ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jiġi ġġustifikati meta jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn ikunu adattati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Pfeiffer, punt 53 iktar ’il fuq, punt 19, u United Pan‑Europe Communications Belgium et, punt 53 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni, kif protett bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jinsab fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema legali Komunitarja u jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika tali restrizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Pan‑Europe Communications Belgium et, punt 53 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tal-KEDB, il-libertà ta’ espressjoni tinkludi wkoll il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni.

56      F’din il-kawża, hekk kif inhu rrilevat fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri adottati mir-Renju tal-Belġju jikkostitwixxu xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 huma intiżi li jipproteġu d-dritt għal informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesa’ għall-pubbliku tat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti nazzjonali jew le li jkunu ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, avveniment huwa ta’ importanza primarja meta jkun straordinarju, il-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru partikolari jew parti sinjifikattiva ta’ Stat Membru partikolari jkun interessat fih u huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li huwa awtorizzat li jbigħ id-drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

57      Minn dan jirriżulta li, peress illi huma jirrigwardaw avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fatt li l-FIFA ma tikkontestax.

58      Sussegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 54 iktar ’il fuq, il-miżuri inkwistjoni għandhom ikunu wkoll adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

59      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, hemm lok li jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li għalih tirreferi din il-premessa, ma jipproċedix għal armonizzazzjoni tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Fil-fatt, kuntrarjament għall-verżjoni ta’ dan l-artikolu li tidher fid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni stabbilita mill-Kunsill bil-ħsieb li d-Direttiva 97/36 tiġi adottata (ĠU 1996 C 362, p. 56) u li tirreferi espressament għal-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa u għall-kampjonati tad-dinja u tal-Ewropa tal-futbol, din id-dispożizzjoni ma tirreferix għal avvenimenti speċifiċi li jistgħu jiddaħlu fil-listi nazzjonali.

60      Minn dan jirriżulta, kif tirrileva barra minn hekk il-Kummissjoni, li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma għandhiex tinftiehem li l-fatt li t-Tazza tad-Dinja ġiet inkluża fil-lista nazzjonali tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà jwassal sabiex titqies bħala awtomatikament kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Iktar u iktar, din il-premessa ma għandhiex tinftiehem bħala li tindika li t-Tazza tad-Dinja tista’ validament dejjem tiġi inkluża kollha kemm hi f’din il-lista, irrispettivament mill-interess li l-logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni jnissel fl-Istat Membru kkonċernat.

61      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 52 sa 57 iktar ’il fuq, din il-premessa timplika li, meta Stat Membru jinkludi l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja fil-lista li għażel li jistabbilixxi, ma hemmx bżonn li jniżżel fil-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni motivazzjoni speċjali dwar in-natura tagħhom bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

62      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-fondatezza tal-motivi mqajma mill-FIFA għandha tiġi evalwat.

63      Fl-aħħar nett, sa fejn il-FIFA ssostni, fis-sitt motiv tagħha mqajjem fir-replika, nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja għas-soċjetà Belġjana, il-Qorti Ġenerali ser tqajjem dan il-motiv qabel ma teżamina l-ewwel motiv li jqiegħed inkwistjoni l-fondatezza ta’ din l-evawlazzjoni.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

64      Il-FIFA ssostni li ma hemm xejn fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 li jippermetti li r-riferiment għat-Tazza tad-Dinja jitqies bħala li jirrigwarda awtomatikament kull waħda mill-64 logħba ta’ din il-kompetizzjoni bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Bil-kontra, diviżjoni tal-logħbiet tal-imsemmija kompetizzjoni, minn naħa, f’logħbiet “ta’ importanza primarja”, li jinkludu ż-żewġ semifinali, il-finali u l-logħbiet tat-tim nazzjonali rispettivament, f’dan il-każ it-tim nazzjonali tal-Belġju, u, min-naħa l-oħra, f’logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, li jinkludu l-logħbiet kollha l-oħra, hija infallibbli u tikkorrispondi għall-metodu implementat minn Stati Membri oħra li nnotifikaw il-miżuri tagħhom skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552. Il-Kummissjoni stess għarfet din id-diviżjoni tal-logħbiet fid-dokument ta’ ħidma tagħha CC TVSF(97) dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552. Għalhekk, il-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu li tispjega r-raġunijiet għalfejn ikkonfermat l-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista Belġjana bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

65      Issa, il-kunsiderazzjonijiet li l-Kummissjoni fformultat fil-premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata ma huma bbażati fuq l-ebda prova, u għalhekk dawn ma jistgħux jitqiesu bħala li jifformaw motivazzjoni xierqa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix elementi li juru li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni.

66      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata la tindkludi data dwar is-sitwazzjoni awdjoviżiva Belġjana li l-Kummissjoni kkunsidrat, skont il-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni, u lanqas informazzjoni oħra li din l-istituzzjoni ssostni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, bħaċ-ċifri ta’ telespettaturi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa impossibbli għall-FIFA li tagħti l-perspettiva tagħha fuq in-natura u r-rilevanza tal-elementi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tqis li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja huma ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana u sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ mistenni minnha, u għalhekk id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

67      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

68      Qabel kollox, għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-Qorti Komunitarja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-fatt li dan il-motiv tqajjem għall-ewwel darba fir-replika ma jwaqqafx lill-Qorti Ġenerali milli tipproċedi bl-eżami tal-fondatezza tiegħu.

69      Sussegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew il-persuni l-oħra kkonċernati direttament jew individwalment bl-att jista’ jkollhom mill-fatt li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061, punt 93).

70      Il-FIFA tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx il-konklużjoni tagħha li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja għandhom jitqiesu bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), il-FIFA espliċitament ikkonfermat dak illi jirriżulta indirettament minn diversi punti tan-noti tagħha, jiġifieri li hija tqis li l-fatt li jiġu inklużi l-logħbiet “ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja, jiġifieri l-finali, iż-żewġ semifinali u l-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-Belġju, fil-lista Belġjana huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti ta’ proċedura ċara u trasparenti jiġu osservati wkoll.

71      Issa, għalkemm huwa veru li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma tiħux pożizzjoni fuq il-kwistjoni kruċjali dwar id-dħul totali jew parzjali tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja f’lista nazzjonali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, l-ebda kunsiderazzjoni valida ma tippermetti li jiġi konkluż li bħala regola l-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss jistgħu jiġu kklassifikati bħala tali u li, minħabba dan il-fatt, jistgħu jiġu inklużi f’din il-lista.

72      Fil-fatt, it-Tazza tad-Dinja hija kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed milli pjuttost bħala sensiela ta’ avvenimenti mqassma f’logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja”. F’dan ir-rigward, huwa magħruf li, fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja, ir-riżultati tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jiddeterminaw ir-riżultat tat-timijiet, u għalhekk il-parteċipazzjoni tagħhom għal logħbiet “ta’ importanza primarja”, bħal dawk li jinvolvu t-tim nazzjonali relatat, tista’ tiddependi minnhom. Għalhekk, il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jistabbilixxu l-avversarji tat-tim nazzjonali fil-każ li jgħaddu għall-fażijiet segwenti tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jistgħu wkoll jiddeterminaw il-preżenza jew le ta’ dan it-tim nazzjonali fil-fażijiet segwenti tal-kompetizzjoni.

73      Fid-dawl ta’ dan il-kuntest speċifiku li jippermetti li t-Tazza tad-Dinja titqies bħala avveniment wieħed, kif tenfasizza l-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn timmotiva f’iktar dettall l-evalwazzjoni tagħha dwar il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, b’mod partikolari meta l-istatistika rilevanti ma turix li dawn il-logħbiet jattiraw sistematikament numru żgħir ta’ telespettaturi (ara l-punti 101 sa 109 iktar ’il quddiem). Dawn iċ-ċirkustanzi ppermettew lill-Kummissjoni timmotiva d-deċiżjoni tagħha wkoll b’riferiment għall-interess partikolari li t-Tazza tad-Dinja tnissel fil-Belġju fis-sens li dan huwa avveniment partikolarment popolari mal-pubbliku inġenerali u mhux biss mal-persuni interessati fil-futbol, kif tistabbilixxi l-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

74      Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni li tinsab fil-premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) tippermetti lill-FIFA tidentifika r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja setgħu validament jitniżżlu fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 253 KE f’dan ir-rigward.

75      Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli mal-Artikolu 49 KE

–       L-argumenti tal-partijiet

76      Il-FIFA ssostni, kif barra minn hekk tirrileva l-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-lista Belġjana tikkostitwixxi xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn tillimita n-numru ta’ xandara televiżivi li jistgħu jkunu interessati li jixtru d-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja fil-Belġju. Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza li għandha l-esklużività fil-kuntest tax-xiri ta’ dawn id-drittijiet, l-ebda xandar stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex il-Belġju u li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 9 u 13 iktar ’il fuq ma huwa interessat li jixtri d-drittijiet ta’ trażmissjoni mhux esklużivi, minkejja l-fatt li huwa possibbli li joffri s-servizzi tiegħu lill-komunitajiet ikkonċernati ta’ dan il-pajjiż.

77      Il-FIFA ssostni, filwaqt li taċċetta l-possibbiltà li l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali stabbilita bit-Trattat jiġi limitat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-aċċess tal-pubbliku għal avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li l-Kummissjoni għandha twettaq stħarriġ sħiħ tal-kompatibbiltà tal-miżuri adottati jew ippjanati abbażi tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 mad-dritt Komunitarju, fejn dawn il-miżuri jikkostitwixxu eċċezzjonijiet li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. L-Istat Membru kkonċernat għandu juri li r-restrizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati, meħtieġa u proporzjonati u l-Kummissjoni għandha turi, fil-kuntest tal-proċedura preżenti, li hija kisbet l-elementi meħtieġa f’dan ir-rigward.

78      F’dan ir-rigward, il-FIFA tenfasizza li l-logħbiet “ta’ importanza primarja” jistgħu leġittimament jitqiesu bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fatt li barra minn hekk jikkorrispondi għall-politika tagħha stess. Skont din il-politika, iż-żewġ semifinali, il-finali u l-logħbiet tat-tim nazzjonali relatat u l-ewwel logħba tat-Tazza tad-Dinja, jiġifieri total ta’ mill-inqas 22 logħba, għandhom jixxandru permezz ta’ xandira diretta fuq stazzjoni ta’ bla ħlas.

79      Issa, minn varji punti tan-noti tal-Kummissjoni jirriżulta li din ma wettqitx stħarriġ xieraq tal-kompatibbiltà tal-lista Belġjana mad-dritt Komunitarju sa fejn din tal-aħħar inkludiet il-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja, taħt il-pretest li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 irendi dan l-istħarriġ inutli. Skont il-FIFA dan il-fatt jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

80      Barra minn hekk, il-FIFA tenfasizza li l-miżuri kontenzjużi ma humiex koerenti mal-għan iddikjarat tagħhom li huwa li l-aċċess tal-pubbliku għall-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana jiġi żgurat, peress li huma jkollhom bħala konsegwenza li “jfaqqru” fit-tul l-avvenimenti sportivi mniżżla fil-lista billi jnaqqsu d-dħul li dawn l-avvenimenti jiġġeneraw u b’hekk jipperikolaw iż-“żamma” tagħhom bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

81      Fir-rigward tal-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” għas-soċjetà Belġjana, il-FIFA ssostni, l-ewwel nett, li dawn il-logħbiet jinteressaw b’mod partikolari biss lill-persuni interessati fil-futbol u, it-tieni nett, li tradizzjonalment dawn il-logħbiet la ġew trażmessi mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni ta’ bla ħlas u lanqas ma attiraw ħafna telespettaturi. Minn dan jirriżulta li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma jissodisfawx iż-żewġ kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni fil-premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk hija wettqet żball f’dan ir-rigward.

82      Fir-rigward tal-kriterju dwar l-interess li t-Tazza tad-Dinja tnissel fis-soċjetà Belġjana, il-FIFA ssostni li l-inklużjoni tal-logħbiet kollha ta’ din il-kompetizzjoni fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana hija miżura sproporzjonata fil-konfront tal-għan imfittex. Fil-fatt, il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja jattiraw biss parti min-numru ta’ telespettaturi attirati mil-logħbiet “ta’ importanza primarja”, jew minn trażmissjonijiet oħra tal-televiżjoni Belġjana, u għalhekk il-popolarità tagħhom għandha titqies li hija limitata ħafna. Barra minn hekk, din in-natura sproporzjonata tista’ tintwera mill-fatt li x-xandara stess ma jittrażmettux il-logħbiet kollha b’mod dirett.

83      Dawn il-konklużjonijiet huma skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza, u huma sostnuti miċ-ċifri ta’ telespettaturi partikolarment baxxi miksuba għal ċerti logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, li attiraw bejn 27 000 u 33 000 telespettatur fil-Vallonja.

84      B’mod partikolari, minn studju bbażat fuq l-elementi tad-database ta’ kumpannija Belġjana tar-riċerka jirriżulta li n-numru medju ta’ persuni li ma humiex interessati fil-futbol li segwew mill-inqas 30 minuta konsekuttiva tal-logħbiet kollha “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazez tad-Dinja tal-1998, tal-2002 u tal-2006 irrappreżenta, rispettivament, biss 2.5, 0.8 u 2.5 % tat-telespettaturi kollha tal-komunità Fjamminga u 1.4, 1.2 u 1.4% tat-telespettaturi kollha tal-komunità Franċiża. Min-naħa l-oħra, 17.6, 9.5 u 10 % tal-persuni interessati fil-futbol segwew rispettivament mill-inqas 30 minunta konsekuttiva tal-logħbiet kollha “ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, tal-2002 u tal-2006 fil-komunità Fjamminga, u dawn iċ-ċifri kienu jammontaw għal 10.9, 9 u 12.5 % fil-komunità Franċiża.

85      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-interess partikolari li l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja jnisslu fil-pubbliku inġenerali tal-Belġju, u, iktar u iktar, il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ta’ din il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-logħbiet kollha ta’ din il-kompetizzjoni huma ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana.

86      Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” huma ta’ importanza primarja għas-soċjeta Belġjana meta l-leġiżlazzjoni Belġjana ma timponix fuq il-korpi ta’ xandir televiżiv l-obbligu li jittrażmettuhom, filwaqt li dawn l-obbligi jeżistu għal avvenimenti oħra.

87      Fir-rigward tal-kriterju dwar il-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali tal-Belġju li jinsab fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-FIFA ssostni li dan ma huwiex, bħala regola, sodisfatt għal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”.

88      Fir-rigward tal-kriterju marbut mal-fatt li tradizzjonalment it-Tazza tad-Dinja tixxandar minn stazzjonijiet ta’ bla ħlas u mal-“interess” li juru numru kbir ta’ telespettaturi, qabel kollox, il-FIFA tqis li dan ma huwiex adegwat, għaliex varji trażmissjonijiet, bħall-films jew il-kummiedji, jissodisfaw dan il-kriterju mingħajr ma jkunu mniżżla fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana. Sussegwentement, il-FIFA tenfasizza li l-osservanza ta’ dan il-kriterju jikkostitwixxi sempliċement ħjiel tal-importanza ta’ dan l-avveniment, li jippermetti li titqies il-possibbiltà li jitniżżel fil-lista. Barra minn hekk, peress li l-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix ħjiel f’sens oppost, il-Kummissjoni tista’ biss tikkonkludi li dan il-kriterju ġie sodisfatt u li l-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista Belġjana tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà huwa miżura proporzjonata.

89      Il-FIFA tenfasizza li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja spiss tant kemm ma jqajmux interess li saħansitra ma jixxandrux b’mod dirett fuq it-televiżjoni ta’ bla ħlas, u li, meta dan huwa l-każ, dawn ma jattirawx numru kbir ta’ telespettaturi. Għalhekk, fir-rigward tat-Tazez tad-Dinja tal-1998, tal-2002, u tal-2006, total ta’ 24 logħbiet ma ġewx trażmessi b’mod dirett f’waħda mill-komunitajiet jew fiż-żewġ komunitajiet Belġjani li adottaw il-miżuri kontenzjużi, filwaqt li 8 minn dawn il-logħbiet li ġew trażmessi b’mod differit fil-Vallonja attiraw numru żgħir ħafna ta’ telespettaturi. Barra minn hekk, il-FIFA tenfasizza li l-iżvolġiment simultanju ta’ żewġ logħbiet ma huwiex ċirkustanza li tiġġustifika n-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ waħda minnhom, għaliex dawn setgħu jixxandru minn stazzjonijiet differenti, filwaqt li sottoliċenzji jistgħu wkoll jiġu ppjanati għal dan il-każ speċifiku.

90      Barra minn hekk, il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 attiraw biss, bħala medja, 326 000 u 279 000 telespettatur rispettivament fil-Fjandri u fil-Vallonja, meta mqabbla mas-722 000 u l-583 000 telespettatur li ġew, bħala medja, attirati mil-logħbiet “ta’ importanza primarja” ta’ din l-istess kompetizzjoni, u tendenzi simili jistgħu jiġu osservati fir-rigward tat-Tazez tad-Dinja tal-1998, u tal-2002. Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball billi ddikjarat li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja dejjem attiraw numru kbir ta’ telespettaturi fil-Belġju u għalhekk kisret ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

91      Barra minn hekk, il-FIFA tenfasizza li l-aċċess tal-pubbliku għal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja seta’ nkiseb permezz ta’ mezzi inqas restrittivi, bħall-użu ta’ xandara bil-ħlas, fejn is-servizz tagħhom jista’ xorta waħda jinqara minn 90 % tal-popolazzjoni Belġjana, jew it-trażmissjoni b’mod differit tal-partijiet l-iktar importanti jew tal-logħbiet kollha minn xandar li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 9 u 13 ikar ’il fuq, jew saħansitra permezz ta’ xandira radjofonika diretta jew differita. Għalhekk, it-trażmissjoni b’mod dirett tal-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss tista’ tiġi rriżervata għax-xandara li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. Issa, billi naqset milli teżamina dawn il-possibbiltajiet, il-Kummissjoni ma tistax validament tikkonkludi li l-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà hija miżura meħtieġa u proporzjonata fir-rigward tal-għan li tfittex.

92      Il-FIFA ssostni wkoll li għalkemm, kuntrarjament għall-argumenti li hija tressaq, l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva kellu inftiehem fis-sens li t-Tazza tad-Dinja għandha titqies, kollha kemm hi, bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà minħabba kliem il-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, hemm lok li jitqies li eċċezzjoni abbażi tal-Artikolu 241 KE kontra din id-dispożizzjoni ġiet impliċitament imqajma fir-rikors jew, fi kwalunkew każ, fir-replika. Fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni, il-FIFA tinvoka l-argumenti kollha intiżi li juru, fil-fehma tagħha, li xejn ma jiġġustifika l-fatt li t-Tazza tad-Dinja, kollha kemm hi, titqies bħala avveniment wieħed ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

93      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

94      L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, billi ġie stabbilit li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tagħhom fis-sens stabbilit tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva f’dan ir-rigward.

95      It-tieni nett, minkejja l-fatt li l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma jipproċedix għal armonizzazzjoni tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu minn Stat Membru bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punti 59 u 60 iktar ’il fuq), ir-riferiment tat-Tazza tad-Dinja fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tqis li l-inklużjoni tal-logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni f’lista ta’ avvenimenti jikser id-dritt Komunitarju minħabba li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punt 61 iktar ’il fuq). Madankollu, l-eventwali konklużjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-inklużjoni tat-Tazza tad-Dinja kollha kemm hi f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, għaliex din il-kompetizzjoni hija, minħabba l-karatteristiċi tagħha, validament meqjusa bħala avveniment wieħed, tista’ tiġi kkonfutata abbażi ta’ elementi speċifiċi li juru li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma humiex daqshekk importanti għas-soċjetà ta’ dan l-Istat.

96      Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq, la l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 u lanqas l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma jiddiskutu l-kwistjoni dwar jekk it-Tazza tad-Dinja tistax tiġi validament inkluża kollha kemm hi f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà irrispettivament mill-interess li l-logħbiet tagħha jnisslu, u b’mod partikolari l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, fl-Istat Membru kkonċernat.

97      Għaldaqstant, kull diskussjoni dwar il-legalità tad-Direttiva 97/36 fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kollha hemm hi bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà, pjuttost milli s-sempliċi logħbiet “ta’ importanza primarja” ta’ din il-kompetizzjoni (ara l-punt 92 iktar ’il fuq), hija insinjifikanti peress li l-premessa 18 tagħha ma tiddiskutix din il-kwistjoni. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar jekk il-FIFA setgħetx validament tqajjem l-eċċezzjoni skont l-Artikolu 241 KE f’dan ir-rigward fir-replika tagħha jew jekk din l-eċċezzjoni għandhiex titqies li tqajmet impliċitament fl-istadju tar-rikors.

98      It-tielet nett, kif ġie spjegat fil-punti 71 u 72 iktar ’il fuq, it-Tazza tad-Dinja tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed pjuttost milli sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja”, u għalhekk l-approċċ tal-awtoritajiet Belġjani jidħol fil-limitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom.

99      Barra minn hekk, l-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tirriżulta wkoll mis-sempliċi fatt li dawn jifformaw parti minn din il-kompetizzjoni, bħal fil-każ ta’ sports ieħor li l-interess fih, normalment limitat, jiżdied meta jiġi organizzat fil-kuntest tal-Logħob Olimpiku.

100    Minn dan jirriżulta li, billi ma kkonfutatx il-pożizzjoni li tipprovdi li ma hemmx lok li ssir distinzjoni, għall-finijet tal-evalwazzjoni dwar l-importanza tat-Tazza tad-Dinja għas-soċjetà Belġjana, bejn logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja”, iżda li din il-kompetizzjoni għandha titqies fl-intier tagħha u mhux bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali (premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-punt 20 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball.

101    L-argumenti li l-FIFA tressaq dwar dan is-suġġett fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jikkontradixxux l-evalwazzjonijiet li hemm fil-premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata.

102    Fil-fatt, il-fatt li jipprovdi li n-numru ta’ persuni li ma humiex interessati fil-futbol li segwew 30 minuta konsekuttiva ta’ kull logħba “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazez tad-Dinja tal-1998, tal-2002 u tal-2006 jikkorrispondi għal perċentwali żgħir ħafna (ara l-punt 84 iktar ’il fuq) ma huwiex konklużiv, peress li ma humiex bilfors il-logħbiet kollha “mhux ta’ importanza primarja” li għandhom ikun ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana sabiex it-Tazza tad-Dinja tkun tista’ validament tiġi inkluża, kollha kemm hi, fil-lista Belġjana ta’ dawn l-avvenimenti. Bil-kontra, huwa biżżejjed li l-karatteristika deskritta fil-punt 72 iktar ’il fuq tirrigwarda ċerti logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, li fir-rigward tagħhom la n-numru u lanqas il-parteċipanti ma jistgħu jiġu speċifikati fil-mument tar-redazzjoni tal-lista jew fil-mument li d-drittijiet ta’ trażmissjoni jiġu akkwistati, sabiex tiġġustifika l-fatt li ma ssirx distinzjoni bejn logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja” fir-rigward tal-importanza tagħhom għas-soċjetà. Minn dan jirriżulta li l-kriterju użat għall-finijiet tas-sondaġġi magħmula fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni kien eċċessivament restrittiv u, għalhekk, inadatt kemm għall-istruttura tat-Tazza tad-Dinja kif ukoll għall-karatteristiċi li din il-kompetizzjoni għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata kollha kemm hi bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

103    Din il-konstatazzjoni xxejjen ukoll l-argument tal-FIFA li huwa bbażat fuq il-fatt li ċerti logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazez tad-Dinja tal-1998, tal-2002 u tal-2006 ma xxandrux b’mod dirett jew qatt ma xxandru, iktar u iktar meta dan jirrigwarda, ħlief fil-każ ta’ żewġ eċċezzjonijiet simili, logħbiet li żvolġew simultanjament ma’ logħbiet oħra wkoll “mhux ta’ importanza primarja”, li xorta waħda attiraw, skont id-dokument prodott mill-FIFA intitolat “Ċifri ta’ telespettaturi fil-Belġju għat-Tazez tad-Dinja ta’ bejn l-1998 u l-2006” bejn 125 000 u 697 000 telespettatur fil-Fjandri, u 152 000 u 381 000 telespettatur fil-Vallonja. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ trażmissjoni jew it-trażmissjoni b’xandira differita ta’ numru limitat ta’ logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma jwassalx sabiex dawn ma jitqisux, kollha kemm huma, minkejja l-karatteristiċi tagħhom (ara l-punti 71 u 99 iktar ’il fuq) bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana, b’mod partikolari meta dawn is-soluzzjonijiet huma adottati għal raġunijiet oġġettivi, bħall-iżvolġiment simultanju ta’ żewġ logħbiet. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li skont dan l-istess dokument huwa biss fil-Fjandri li ma xxandrux il-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja li ntlagħbu fl-istess ħin. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, il-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) ma tirreferix għal-logħbiet li dejjem ixxandru b’xandira diretta, iżda għal-logħbiet li dejjem ixxandru mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni ta’ bla ħlas, fatt li jikkorrispondi għar-raba’ kriterju stabbilit fil-premessa 5 tal-istess deċiżjoni. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma jinvolvux bħala regola lit-tim nazzjonali Belġjan, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, kif diġà ġie espost, li t-Tazza tad-Dinja tista’ validament titqies bħala avveniment wieħed ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana u, it-tieni nett, li l-Kummissjoni qieset biss li l-ewwel u r-raba’ kriterji stabbiliti fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata kienu ġew sodisfatti mingħajr ma ddeċidiet speċifikament fuq it-tielet kriterju.

104    L-argumenti bbażati fuq iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazez tad-Dinja tal-1998, tal-2002 u tal-2006 (ara l-punt 90 iktar ’il fuq) lanqas ma għandhom jintlaqgħu.

105    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” meta mqabbla maċ-ċifri marbuta mal-logħbiet “ta’ importanza primarja” ma jurux li tal-ewwel ma attirawx numru kbir ta’ telespettaturi. Fil-fatt, skont id-dokument intitolat “Ċifri ta’ telespettaturi fil-Belġju għat-Tazez tad-Dinja ta’ bejn l-1998 u l-2006”, il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” attiraw, bħala medja, 32 % tat-telespettaturi li segwew il-logħbiet “ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, fejn dawn il-perċentwali ammontaw rispettivament għal 31 % u għal 46 % għat-Tazez tad-Dinja tal-2002 u tal-2006. Għalkemm huwa minnu li dawn iċ-ċifri huma inqas għoljin minn dawk marbuta mal-logħbiet “ta’ importanza primarja” xorta jibqa’ l-fatt li l-inklużjoni tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista nazzjonali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ma jeħtieġx li dawn jattiraw in-numru ta’ telespettaturi attirati mil-logħbiet “ta’ importanza primarja”. F’dan il-każ, dawn iċ-ċifri ma għandhomx jinftiehmu bħala li jirrappreżentaw in-numru ta’ telespettaturi li, fil-Belġju, normalment huma attirati mil-logħbiet li jiżlvoġux fil-kuntest ta’ kompetizzjoni internazzjonali maġġuri tal-futbol fuq skala ta’ timijiet nazzjonali u li, barra minn hekk, ma tinvolvix it-tim nazzjonali Belġjan.

106    Għandu jiġi rrilevat korrelativament li, skont id-dokument intitolat “Ċifri ta’ telespettaturi fil-Belġju għat-Tazez tad-Dinja ta’ bejn l-1998 u l-2006”, fost il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, tnax minnhom attiraw bejn 1 u 1.345 miljun telespettatur, filwaqt li tmienja attiraw bejn 799 000 u 976 000 telespettatur. Fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja tal-2002, minn dan l-istess dokument jirriżulta li, fost il-logħbiet “mhux ta’ importanza primajra”, ħmistax minnhom attiraw bejn 624 000 u 915 000 telespettatur u sebgħa attiraw bejn 511 000 u 589 000 telespettatur. Fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja tal-2006, id-dokument inkwistjoni jindika li, fost il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, għaxra minnhom attiraw bejn 808 000 u 1.185 miljun telespettatur u erbatax attiraw bejn 649 000 u 768 000 telespettatur.

107    Issa, skont id-dokument intitolat “Ċifri ta’ telespettaturi fil-Belġju għat-Tazez tad-Dinja ta’ bejn l-1998 u l-2006”, il-logħbiet “ta’ importanza primarja” attiraw, għal dan l-Istat Membru kollu kemm hu, bħala medja, rispettivament 2.172 miljun, 1.418 miljun u 1.305 miljun telespettatur għall-kompetizzjonijiet tal-1998, tal-2002 u tal-2006. Meta mqabbla ma’ dawn il-medji, iċ-ċifri msemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq juru li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jattiraw fil-Belġju bosta telespettaturi, u li l-unika spejgazzjoni hija dovuta għall-fatt li dawn il-logħbiet ġew inklużi fil-kalendarju tat-Tazza tad-Dinja. Għalhekk, dawn jikkonfermaw il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 71, 72 u 99 iktar ’il fuq u jsaħħu l-pożizzjoni esposta fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja, inklużi l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, tradizzjonalment attiraw numru kbir ta’ telespettaturi.

108    Din l-analiżi ma hijiex imqiegħda inkwistjoni miċ-ċifri ta’ telespettaturi allegatament u partikolarment baxxi invokati mill-FIFA fir-rigward ta’ ċerti logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” (ara l-punt 83 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, mit-tliet logħbiet li tirreferi għalihom il-FIFA, tnejn bdew fit-8:30 u t-tielet bdiet fis-13:30, ħin fil-Belġju, u żvolġew fl-istess ħin li ntlagħbu tliet logħbiet oħra “mhux ta’ importanza primarja”, li xorta waħda attiraw, fil-Vallonja, rispettivament 221 000, 290 000 u 163 000 telespettatur. Il-fatt li d-differenza fil-ħin flimkien mal-ħin li fih żvolġew il-logħbiet inkwistjoni huma l-kawża għal dan il-fenomenu osservat għall-kompetizzjoni tal-2002 huwa pprovat miċ-ċifri ta’ telespettaturi ferm ogħla għal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” mxandra la kmieni wisq filgħodu u lanqas matul ħinijiet tax-xogħol, bħal dawk ikkonstatati fil-punt 106 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, skont stqarrija għall-istampa annessa mal-kontroreplika, il-FIFA stess tenfasizza l-importanza tad-differenza fil-ħin, li tiddetermina l-ħin ta’ żvolġiment ta’ logħba f’kull pajjiż, fejn din iċ-ċirkustanza hija magħrufa bħala fattur li affettwa n-numru ta’ telespettaturi fl-Asja u fl-Ewropa matul it-Tazez tad-Dinja tal-2002 u tal-2006.

109    Għaldaqstant, iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw u mhux jinvalidaw l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 100 iktar ’il fuq.

110    Barra minn hekk, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 107 iktar ’il fuq ma tikkontradixxix dik esposta fil-premessa 40 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/400/KE, tal-10 ta’ Mejju 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Kawża Nru IV/32.150 – Eurovision, ĠU L 151, p. 18), li għaliha tirreferi l-FIFA (ara l-punt 83 iktar ’il fuq). Skont din il-premessa, l-avvenimenti internazzjonali huma ġeneralment iktar interessanti għall-pubbliku ta’ pajjiż partikolari minn avvenimenti nazzjonali, sa fejn it-tim nazzjonali jew atleta prim nazzjonali jipparteċipa fl-avveniment, filwaqt li avvenimenti internazzjonali li fih l-ebda tim jew atleta prim nazzjonali ma jipparteċipa spiss ma tantx inisslu interess. Issa, it-Tazza tad-Dinja spiss tintlagħab bil-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali Belġjan. Barra minn hekk, anki meta dan ma huwiex il-każ, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ dan it-tim nazzjonali huwa normalment ikkonstatat wara li tiġi ffissata l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana, iżda wkoll wara li jingħataw id-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżivi li jikkonċernaw is-sena partikolari.

111    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ obbligu li jixxandru l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-għażla li ma tiġix imposta fuq korp ta’ xandir televiżiv it-trażmissjoni ta’ avveniment bl-ebda mod ma timplika li dan l-avveniment ma huwiex ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, anki jekk l-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi hija waħda mill-prattiki segwiti b’mod ġenerali mil-leġiżlatur nazzjonali. Fil-fatt, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-għan tal-artikolu msemmi iktar ’il fuq huwa li ma jseħħx li, minħabba t-trażmissjonijiet televiżivi esklużivi, il-pubbliku inġenerali ta’ Stat Membru jispiċċa mingħajr il-possibbiltà li jsegwi ċerti avvenimenti fuq it-televiżjoni ta’ bla ħlas. Għalhekk, l-għan ma huwiex li indirettament jobbliga lill-Istati li jixtiequ jagħtu din il-protezzjoni sabiex jimponu t-trażmissjoni ta’ dawn l-avvenimenti fuq televiżjoni ta’ bla ħlas. Issa, jekk, sabiex avveniment imniżżel f’lista ta’ avvenimenti jkun jista’ validament jitqies bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà, l-Istati Membri kellhom jimponu fuq servizz televiżiv ta’ bla ħlas l-obbligu li jittrażmettu l-avveniment, id-dispożizzjoni inkwistjoni tkun qed tirrappreżenta effetti li jmorru lil hinn mill-għan prottet bl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

112    Peress li l-argumenti tal-FIFA bbażati fuq il-fatt li l-Kummisjoni wettqet żbalji, billi konfermata l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani li t-Tazza tad-Dinja tikkostitwixxi kollha kemm hi, avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana, għandhom jiġu miċħuda, hemm lok li l-argument li din l-istituzzjoni ma pproċedietx b’eżami xieraq tal-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” għas-soċjetà Belġjana għandu jiġi miċħud (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).

113    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li trażmissjonijiet oħra jissodisfaw ir-raba’ kriterju stabbilit fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 88 iktar ’il fuq) l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-produzzjonijiet li għalihom tirreferi l-FIFA ma jikkostitwixxux avvenimenti fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36.

114    It-tieni nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 la jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà u lanqas ma timponi fuqhom, fil-każ fejn din il-lista hija stabbilita, li jinkludu avveniment minkejja li dan tal-aħħar seta’ validament jiġi inkluż. Fil-fatt, lil hinn mill-fatt li din id-dispożizzjoni tindika li kull Stat Membru “jista’” jadotta miżuri li jwasslu għall-għanijiet deskritti minnha, din tikkonkretizza l-possibbiltajiet li l-Istati Membri għandhom li jidderogaw minn ċerti regoli tat-Trattat, bħal dawk li jirregolaw il-moviment liberu tas-servizzi. Issa, fir-rigward tal-għażla fost il-bosta avvenimenti konkreti ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens tad-Direttiva 97/36, ma jistax jiġi direttament jew indirettament impost fuq l-Istati Membri li jinkludu fil-listi tagħhom avvenimenti li ma humiex dawk li huma jagħżlu li jinkludu u li jidderogaw mir-regoli tat-Trattat b’mod iktar wiesa’ milli jixtiequ. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-eżami tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 fir-rigward tan-natura tal-avvenimenti inklużi bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandu jsir fil-konfront tal-karatteristiċi tal-avveniment inkwistjoni u mhux fil-konfront tal-karatteristiċi tal-avvenimenti l-oħra mhux imniżżla.

115    Għaldaqstant, meta avveniment huwa ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ liġi, fil-kuntest tal-istħarriġ li teżerċita abbażi tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, billi tonqos milli topponi d-dħul tiegħu fil-lista stabbilita mill-Istat Membru inkwisjtoni għar-raġuni li avveniment ieħor, eventwalment ta’ importanza iktar sinjifikattiva għas-soċjetà, ma huwiex imniżżel.

116    Għalhekk, anki li kieku kellu jitqies li hemm avvenimenti oħra, fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, ta’ importanza iktar sinjifikattiva mit-Tazza tad-Dinja għas-soċjetà Belġjana, iżda li ma jinsabux fil-lista stabbilita mill-awtoritajiet Belġjani, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi aċċettat li tinkludi din il-kompetizzjoni fil-lista kontenzjuża.

117    Fir-rigward tal-argumenti li jikkontestaw il-proporzjonalità tal-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista Belġjana tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, hemm lok li jiġi rrilevat li dak imsemmi fil-punt 82 iktar ’il fuq juri konfużjoni bejn, minn naħa, l-importanza primarja tal-avveniment għas-soċjetà, li hija l-ewwel kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta u li tikkostitwixxi r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara l-punti 52 sa 57 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, li tikkostitwixxi t-tieni kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi din il-libertà sabiex tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-analiżi mwettqa fi ħdan il-motiv preżenti, it-Tazza tad-Dinja tista’ validament titqies bħala avveniment uniku ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana, fejn iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw u mhux jinvalidaw il-kunsiderazzonijiet li jinsabu fil-premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment li l-logħbiet inkwistjoni ma humiex ta’ importanza primarja għas-soċjetà, u għalhekk il-miżuri Belġjani huma sproporzjonati, huwa, fi kwalunkwe każ, ibbażat fuq premessa żbaljata. Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura unitarja ta’ din il-kompetizzjoni, din l-oġġezzjoni ma tinvalidax il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura xierqa u proporzjonata tal-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana.

118    Fir-rigward tal-argumenti bbażati wkoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fil-punt 91 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltajiet proposti mill-FIFA ma humiex kompatibbli mad-definizzjoni ta’ televiżjoni ta’ bla ħlas esposta fil-premessa 22 tad-Direttiva 97/36, definizzjoni li l-FIFA espressament iddikjarat li tirrikonoxxi fir-replika tagħha. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn teżamina dawn il-possibbiltajiet qabel ma adottat il-konklużjoni tagħha dwar il-proporzjonalità tal-fatt li ġiet inkluża t-Tazza tad-Dinja kollha kemm hi fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana.

119    Minn dan jirriżulta li, billi l-inklużjoni tal-logħbiet kollha fit-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana titqies bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, u għalhekk l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 49 KE u fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli, rispettivament, mal-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 43 KE

–       L-argumenti tal-partijiet

120    Il-FIFA ssostni, fir-rikors tagħha, li l-argumenti li hija ressqet insostenn tal-ewwel motiv juri wkoll li, billi tqis l-inklużjoni tal-logħbiet kollha fit-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 49 KE.

121    Fir-replika tagħha, il-FIFA żżid tgħid, l-ewwel nett, li minkejja li din tapplika mingħajr distinzjoni għax-xandara nazzjonali u barranin, il-leġiżlazzjoni Belġjana tipprekludiha milli tbigħ id-drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja lil xandara li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 9 u 13 iktar ’il fuq u, it-tieni nett, abbażi tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit bid-deċiżjoni kkontestata, ix-xandara stabbiliti fi Stati Membri oħra ma jistgħux jittrażmettu l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-Belġju b’mod esklużiv, għaliex huma ma jissodisfawx l-imsemmija kundizzjonijiet. Minkejja li l-leġiżlazzjoni adottata mill-komunità Fjamminga tagħti l-possibbiltà lix-xandara inkwistjoni sabiex jipproċedu b’trażmissjoni esklużiva tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja fil-każ fejn l-ebda xandar li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 9 iktar ’il fuq ma jiddikjara ruħu dispost li jikseb sottoliċenzji mingħandhom, din l-eventwalità hija purament teoretika. Issa, l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li jinxtraw dan it-tip ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni fil-Belġju b’mod esklużiv teqred kull interess tax-xandara stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jiksbuhom u għalhekk tipprekludihom milli jxandru kull logħba tat-Tazza tad-Dinja f’dan l-aħħar pajjiż.

122    Madankollu, l-effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi min-naħa tax-xandara stabbiliti fi Stati Membri li ma huwiex il-Belġju setgħu nkisbu fuq livell proporzjonali billi jiġu inklużi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja biss il-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja li verament għandhom din l-importanza għas-soċjetà Belġjana, jiġifieri l-logħbiet “ta’ importanza primarja”, li magħhom il-FIFA dejjem żiedet il-logħba u ċ-ċerimonja ta’ ftuħ. Min-naħa l-oħra, il-miżuri Belġjani, bħal dawk approvati mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, iwasslu għal restrizzjonijiet sproporzjonati u inġustifikati għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi meta jiġu mqabbla mal-għan li huma jfittxu.

123    Fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ stabbiliment, il-FIFA, fir-rikors tagħha, tirrileva li l-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana jipprekludi lix-xandara li jridu jistabbilixxu ruħhom fil-Belġju u li jixtiequ jipproponu f’dan ir-rigward servizzi televiżivi bi ħlas milli jiksbu d-drittijiet esklużivi għat-trażmissjoni tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja f’dan il-pajjiż. Issa, il-kisba tad-drittijiet ta’ trażmissjoni mhux esklużivi ma tippermettix lil xandar ta’ daqs żgħir milli jagħmel qligħ, jakkumula l-abbonati u l-prestiġju meħtieġ sabiex jistabbilixxi ruħu fil-Belġju, u għalhekk il-Kummissjoni wettqet żball billi qieset li l-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana ma jiksirx l-Artikolu 43 KE.

124    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn il-motivi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

125    Huwa paċifiku, kif barra minn hekk ġie rikonoxxut fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-effett tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit bid-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 huwa li jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq komuni, kif stabbilit bl-Artikolu 49 KE.

126    Barra minn hekk, kif issostni l-FIFA, il-miżuri Belġjani jistgħu jqiegħdu lix-xandara stabbiliti fi Stati Membri oħra f’sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi żvantaġġuża meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ xandara stabbiliti fil-Belġju. F’dan ir-rigward, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni deskritta fil-punti 7 sa 15 iktar ’il fuq tapplika mingħajr distinzjoni għax-xandara nazzjonali u barranin, huwa fattwalment wisq inqas probabbli li l-ebda xandar li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punti 9 sa 13 iktar ’il fuq, stabbilit b’kull probabbiltà fil-Belġju, ma huwa ser jinteressa ruħu li jittrażmetti t-Tazza tad-Dinja u b’hekk jagħti lix-xandar li jixtieq jistabbilixxi ruħu fil-Belġju l-possibbiltà li jittrażmetti l-imsemmi avveniment b’mod esklużiv, milli bil-kontra. Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, din il-possibbiltà teżisti biss għall-komunità Fjamminga (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta li l-miżuri Belġjani jikkostitwixxu effettivament xkiel għal-libertà ta’ stabbiliment, kif stabbilit bl-Artikolu 43 KE.

127    Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati peress li huma intiżi li jipproteġu d-dritt ta’ informazzjoni u li jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess wiesa’ għat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti, nazzjonali jew le, ta’ importanza primarja għas-soċjetà, bil-kundizzjonijiet addizzjonali li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara l-punti 52 sa 58 iktar ’il fuq).

128    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-FIFA tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment sa fejn il-Kummissjoni tapprova l-inklużjoni tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana. Skont il-FIFA, dawn il-logħbiet ma jissodisfawx din il-klassifikazzjoni, b’mod li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment hija sproporzjonata.

129    Issa, bħall-argumenti eżaminati fil-punt 117 iktar ’il fuq, l-argumenti invokati insostenn tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 KE jbatu mill-istess konfużjoni bejn, minn naħa, l-importanza primarja ta’ avveniment għas-soċjetà, li hija l-ewwel kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta u li tikkostitwixxi r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara l-punti 52 sa 57 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, li tikkostitwixxi t-tieni kundizzjoni li għandha tissodisfa l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi din il-libertà sabiex tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-analiżi mwettqa fi ħdan l-ewwel motiv, it-Tazza tad-Dinja tista’ validament titqies bħala avveniment uniku ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana, fejn iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw, u mhux jinvalidaw, il-kunsiderazzjoni li tinsab fil-premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment li, sabiex tkun proporzjonata, il-lista kontenzjuża jmissha llimitat ruħha għall-inklużjoni tal-logħbiet “ta’ importanza primarja”, peress li dawn biss huma ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana, hija, fi kwalunkwe każ, ibbażata fuq premessa żbaljata. Għalhekk, dan l-ilment ma jinvalidax il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura proporzjonali tal-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana.

130    Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 127 u 129 iktar ’il fuq iwasslu sabiex l-argumenti mressqa mill-FIFA f’dan ir-rigward għandhom ukoll jiġu miċħuda.

131    It-tieni u t-tielet motivi għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli mad-dritt ta’ proprjetà tal-FIFA

–       L-argumenti tal-partijiet

132    Il-FIFA ssostni li l-projbizzjoni milli tittrasferixxi d-drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva ta’ kull logħba tat-Tazza tad-Dinja lil xandara li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 9 u 13 iktar ’il fuq teqred is-sustanza tad-dritt ta’ proprjetà tagħha u, fi kwalunkwe każ, tirrestrinġi l-imsemmi dritt b’mod sproporzjonat u inġustifikat. Il-possibbiltà li tittrasferixxi dawn id-drittijiet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li jistgħu jipparteċipaw fiha bosta operaturi hija l-fattur li l-iktar tiddetermina l-valur tagħhom, u li minnhom jirriżulta l-parti l-kbira tad-dħul tal-FIFA. Billi naqset milli tikkonstata dan il-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà, protett mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-KEDB u mid-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni għalhekk wettqet żball ta’ liġi.

133    Barra minn hekk, il-possibbiltà stabbilita mil-leġiżlazzjoni Fjamminga lil xandar li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li jittrażmetti l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja hija purament teoretika (ara l-punt 121 iktar ’il fuq), filwaqt li din il-possibbiltà lanqas biss hi offruta fil-Vallonja.

134    Issa, l-għan li l-pubbliku jkollu aċċess għall-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana seta’ jintlaħaq billi jiġu inklużi fil-lista ta’ tali avvenimenti biss il-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja li verament għandhom din l-importanza għal din is-soċjetà, jiġifieri l-logħbiet “ta’ importanza pimarja”.

135    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

136    Għandu jitfakkar, kif huwa paċifiku bejn il-partijiet, li l-FIFA hija l-organizzatriċi tat-Tazza tad-Dinja skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, b’mod li kull persuna li tixtieq tibbenefika mid-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva ta’ dan l-avveniment għandha tiksibhom mingħandha jew mingħand persuna li tkun kisbithom mingħandha.

137    Għalhekk, sa fejn il-valur ta’ dawn id-drittijiet jistgħu jiġu affettwati mill-effetti legali li d-deċiżjoni kkontestata toħloq (ara l-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq), id-dritt ta’ proprjetà tal-FIFA wkoll huwa affettwat mill-imsemmija deċiżjoni.

138    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 46 KE u 55 KE sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tipprekludi l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment, din il-ġustifikazzjoni, ipprovduta mid-dritt Komunitarju, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet ipprovduti b’dawn id-dispożizzjonijiet biss jekk tkun skont id-drittijiet fundamentali li l-qrati Komunitarju jiżguraw l-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 43). Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat li miżura nazzjonali li ma hijiex konformi mad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt ta’ proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411, punt 67), tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet rikonoxxuti għaliex din tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-aċċess televiżiv għall-pubbliku ġenerali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

139    Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali ta’ proprjetà fil-kuntest tad-dritt Komunitarju ma jidhirx bħala prerogattiva assoluta, iżda għandu jitqies fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nnifisha tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli‑Venezia Giulia u ERSA, C‑347/03, Ġabra p. I‑3785, punt 119, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 68).

140    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 98 sa 119 iktar ’il fuq u kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, it-Tazza tad-Dinja tista’ validament titqies bħala avveniment wieħed ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana, fejn iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw, u mhux jinvalidaw, il-kunsiderazzjoni li tinsab fil-premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, kif ġie deċiż fil-punt 117 iktar ’il fuq, in-natura unitarja tat-Tazza tad-Dinja bħala avveniment twassal sabiex il-Kummissjoni ma tkunx wettqet żball billi qieset li l-inklużjoni tal-logħbiet kollha fil-lista Belġjana kienet miżura proporzjonata.

141    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-oġġezzjoni li l-inklużjoni tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli għad-dritt ta’ proprjetà tal-FIFA minħabba li dawn il-logħbiet ma jikkostitwixxux dawn l-avvenimenti tistrieħ fuq premessa żbaljata.

142    Barra minn hekk, għalkemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ taffettwa l-prezz li l-FIFA ser tikseb għall-għoti tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-Belġju, din ma teqridx il-valur kummerċjal ta’ dawn id-drittijiet, għaliex, l-ewwel nett, din ma tobbligax lill-FIFA tittrasferihom għal kwalunkwe kundizzjoni u, it-tieni nett, din tal-aħħar hija protetta kontra prattiki miftiehma jew abbużivi kemm mid-dritt Komunitarju kif ukoll mid-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi kkonkludiet li l-miżuri Belġjani kienu proporzjonati.

143    Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-proċedura li wasslet sabiex il-miżuri Belġjani jiġu adottati kienet ċara u trasparenti

–       L-argumenti tal-partijiet

144    Il-FIFA ssostni li l-awtoritajiet Belġjani aġixxew b’mod arbitrarju u ma pprovdewx spjegazzjonijiet dwar il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Il-Kunsill tal-Istampa Fjamming kien ikkundanna l-eżistenza ta’ metodu arbitrarju li bih il-lista inkwistjoni kienet ġiet stabbilita, iżda wkoll it-tul tagħha u n-nuqqas ta’ spjegazzjoni dwar l-għażla tal-avvenimenti.

145    Barra minn hekk, sabiex jintgħażlu l-avvenimenti li għandhom jiġu inklużi fil-lista, l-awtoritajiet Fjammingi kienu użaw kriterji li huma differenti minn dawk imsemmija fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

146    Għalhekk, l-ewwel nett, il-kriterju li jipprovdi li l-avveniment għandu jkollu valur ta’ attwalità sinjifikattiv u jqajjem interess kbir fi ħdan il-pubbliku (ara l-ewwel inċiż tal-punt 8, iktar ’il fuq) huwa sostanzjalment differenti mill-ewwel kriterju stabbilit fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) sa fejn dan ma jistabbilixxix il-ħtieġa li ssir verifika dwar jekk l-avveniment inissilx interess partikolari li jmur lil hinn mill-interess imnissel f’persuna li normalment issegwi l-isports jew l-attività inkwistjoni, iżda jirrigwarda biss valur ta’ attwalità u ta’ interess fi ħdan il-pubbliku.

147    It-tieni nett, il-kriterju li jipprovdi li l-avveniment għandu jiġi organizzat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni internazzjonali sinjifikattiva jew ikun logħba li tinvolvi t-tim nazzjonali, jew tim ta’ klabb Belġjan jew atleta jew numru ta’ atleti Belġjani huwa sostanzjalmet differenti mit-tielet kriterju stabbilit fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex dan tal-aħħar jeħtieġ kemm il-parteċipazzjoni ta’ tim jew atleta Belġjan kif ukoll l-iżvolġiment tal-avveniment fil-kuntest ta’ kompetizzjoni internazzjonali.

148    Fl-aħħar nett, il-FIFA tenfasizza li l-awtoritajiet Belġjani ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar il-fatt li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja ġew inklużi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, u għalhekk il-Kummissjoni ma tistax validament tikkonkludi li l-imsemmija lista ġiet stabbilita b’mod ċar u trasparenti, kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552.

149    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

150    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 ma jistabbilixxix l-elementi speċifiċi li għandhom jikkaratterizzaw il-proċeduri implementati fuq livell nazzjonali għall-finijiet tar-redazzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jorganizzaw il-proċeduri inkwistjoni fir-rigward tal-istadji tagħhom, tal-konsultazzjoni eventwali tal-persuni kkonċernati u tal-għoti tal-kompetenzi amministrattivi, filwaqt li tippreċiża li dawn għandhom ikunu kollha kemm huma ċari u trasparenti.

151    Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet fl-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat permezz tal-miżuri nazzjonali ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali xorta għandhom ikunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex minnhom u ma għandhomx imorru lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara punt 54 iktar ’il fuq).

152    Huwa bl-għan li tinżamm il-proporzjonalità u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni inġustifikata li l-proċeduri implementati mill-Istati Membri sabiex jadottaw il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandhom ikunu ċari u trasparenti, fis-sens li dawn għandhom jiġu bbażati fuq kriterji oġġettivi magħrufa bil-quddiem mill-persuni kkonċernati, b’mod li jiġi evitat li s-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddeċiedu dwar l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-listi tagħhom tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Pan‑Europe Communications Belgium et, punt 53 iktar ’il fuq, punt 46). Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li d-dħul ta’ avveniment fil-lista jeħtieġ, skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li l-imsemmi avveniment ikun ta’ importanza primarja għas-soċjetà, xorta jibqa’ l-fatt li l-iffissar bil-quddiem tal-kriterji speċifiċi li fid-dawl tagħhom din l-importanza għandha tiġi evalwata jikkostitwixxi element essenzjali sabiex id-deċiżjonijiet nazzjonali jiġu adottati b’mod trasparenti u fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom f’dan ir-rigward (ara punt 94 iktar ’il fuq).

153    F’dan il-kuntest, meta l-Kummissjoni tqis li l-proċedura nazzjonali li tistabbilixxi l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ Stat Membru tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ trasparenza, billi tikkunsidra, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ ċerti kriterji tal-għażla stabbiliti fid-deċiżjoni tagħha, dawn il-kriterji għandhom jirriflettu s-sustanza tal-kriterji pprovduti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata.

154    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel kriterju stabbilit bid-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004 ma għandux differenzi sostanzjali mill-ewwel kriterju stabbilit fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, ir-rekwiżit ta’ “interess wiesgħa fi ħdan il-pubbliku” ma huwiex, bħala regola, sodisfatt meta l-avveniment sportiv inkwistjoni jnissel interess biss fi ħdan il-persuni li normalment isegwu l-isport inkwistjoni.

155    Fir-rigward tat-tielet kriterju stabbilit fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma qisitx li t-Tazza tad-Dinja ssodisfat dan il-kriterju. F’dan ir-rigward, mill-premessi 6 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja, il-Kummissjoni qieset li l-ewwel u r-raba’ kriterju stabbiliti fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata kienu ġew sodisfatti. Min-naħa l-oħra, il-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li tapplika t-tielet kriterju stabbilit fil-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni, ma tirreferix għat-Tazza tad-Dinja, iżda tirrigwarda l-kompetizzjonijiet internazzjonali fuq livell ta’ klabbs tal-futbol, bħaċ-Champion’s League u t-tazza tal-UEFA, li l-logħbiet tagħhom li jinvolvu l-klabbs Belġjani huma wkoll imniżżla fil-lista inkwistjoni.

156    Fir-rigward tal-kumment ifformulat mill-Kunsill tal-Istampa Fjamming, hemm lok li jiġi rrilevat li dan ma jinkludi l-ebda element adegwat li jiġġustifika d-dikjarazzjoni tal-imsemmi kunsill dwar in-natura allegatament arbitrarja tal-proċedura għall-istabbiliment tal-lista tal-komunità Fjamminga u li ġie fformulat fl-1999, jiġifieri bosta snin qabel ma ġew adottati l-istrumenti leġiżlattivi u l-lista kontenzjuża. Fir-rigward tar-riferiment għat-tul tal-lista inkwistjoni, ma hemm xejn f’din l-evalwazzjoni li jaffettwa ċ-ċarezza jew it-trasparenza tal-proċedura nazzjonali.

157    Fir-rigward tal-allegazzjoni li tipprovdi li l-awtoritajiet Belġjani ma pprovdew l-ebda ġustifikazzjoni dwar il-fatt li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja ġew inklużi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, hemm lok, l-ewwel nett, li jitfakkar li r-rwol tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, kif espost fil-punt 72 iktar ’il fuq, jikkostitwixxi element ċar li huwa mingħajr dubju rikonoxxut mill-FIFA, l-organizzatriċi tal-kompetizzjoni inkwistjoni. It-tieni nett, il-FIFA ma tikkontestax il-fatt li l-logħbiet “ta’ importanza primarja” jissodisfaw il-kriterji sabiex jiġu kklassifikati bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana. Għalhekk, f’dan il-kuntest, huwa ċar li, meta l-awtoritajiet Belġjani jinkludu wkoll il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, huma jagħmlu dan għaliex dawn il-logħbiet jissodisfaw l-istess kriterji sodisfatti mil-logħbiet “ta’ importanza primarja” ta’ din il-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-FIFA kienet f’pożizzjoni li tkun taf ir-raġunijiet għalfejn l-awtoritajiet Belġjani inkludew it-Tazza tad-Dinja kollha kemm hi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjeta li huma adottaw u li tikkontesta din l-għażla quddiem il-qrati nazzjonali billi tinvoka l-elementi kollha li, fil-fehma tagħha, jqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni dwar l-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” għas-soċjetà Belġjana, ħaġa li hija għamlet fil-kuntest tar-rikors preżenti.

158    Minn dan jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-FIFA

159    Il-konsegwenza tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-motivi mqajma mill-FIFA hija li l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba minnha ma għandhomx għalfejn jiġu adottati (ara l-punti 22 u 24 iktar ’il fuq).

160    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-FIFA, it-talba tagħha hija intiża li tippermetti kemm lilha kif ukoll lill-Qorti Ġenerali li jeżaminaw, l-ewwel nett, jekk il-Kummissjoni kellhiex elementi biżżejjed sabiex tikkonkludi li l-lista Belġjana kienet kompatibbli mad-dritt Komunitarju u, it-tieni nett, jekk il-lista inkwistjoni ġietx stabbilita b’mod ċar u trasparenti. B’mod partikolari, il-FIFA ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Belġjani matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni huwa indispensabbli sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat jekk dawn l-awtoritajiet kinux konformi mat-talbiet tal-Kummissjoni u jekk iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mad-dixxiplini sportivi differenti ġewx meqjusa b’mod koerenti, peress li, fir-rigward ta’ kompetizzjonijiet oħra, ċerti logħbiet biss ġew inklużi fil-lista inkwistjoni.

161    Hemm lok li jiġi osservat li, kif ġie deċiż fil-kuntest tal-eżami tal-motivi mqajma mill-FIFA, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball billi kkonkludiet li l-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana kien kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u dan abbażi tal-elementi li hija kellha, bħan-notifika tal-awtoritajiet Belġjani tal-10 ta’ Diċembru 2003, imsemmija fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata u mehmuża fir-risposta. Din l-istess notifika ppermettiet lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċedura implementata fil-Belġju kienet ċara u trasparenti, peress li l-argumenti mressqa kontra din l-evalwazzjoni fil-kuntest tal-ħames motiv ġew miċħuda.

162    Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 mad-dritt Komunitarju hija evalwata fid-dawl tal-verżjoni finali tal-miżuri adottati. Għalhekk, l-eventwali verżjonijiet preċedenti jew l-osservazzjonijiet li l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali setgħu fformulaw fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri ma humiex, bħala regola, rilevanti f’dan ir-rigward.

163    Fir-rigward tal-argument dwar l-eventwali trattament differenti bejn diversi kompetizzjonijiet fis-sens li wħud minnhom ġew kollha kemm huma inklużi fil-lista kontenzjuża filwaqt li għal ċerti kompetizzjonijiet oħra ġew inklużi biss logħbiet partikolari, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li xejn ma jwaqqaf lill-FIFA milli tinvoka dan il-fatt, li jirriżulta mil-lista stess, bħala motiv għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk fir-rigward tal-kompetizzjonijiet inkwisjoni hija ma tafx iċ-ċifri ta’ telespettaturi kkomunikati lill-Kummissjoni.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll ir-rikors kollhu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

165    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-FIFA tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, skont it-tabliet tal-Kummissjoni.

166    Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Fédération internationale de football association (FIFA) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Forwood

Truchot

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2011.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-mertu

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli mal-Artikolu 49 KE

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 49 KE u fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli, rispettivament, mal-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 43 KE

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżuri Belġjani kienu kompatibbli mad-dritt ta’ proprjetŕ tal-FIFA

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-proċedura li wasslet sabiex il-miżuri Belġjani jiġu adottati kienet ċara u trasparenti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-FIFA

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.