Language of document : ECLI:EU:C:2012:791

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawża C‑545/10

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Repubblika Ċeka

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Direttiva 91/440/KEE – Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji – Direttiva 2001/14/KE – Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 – Iffissar tal-ammont massimu tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 – Adozzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi jnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess – Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 – Iffissar tat-tariffi miġbura fuq is-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi – Spiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju – Spiża marġinali – Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 – Assenza ta’ sistema ta’ titjib tas-servizzi – Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 – Korp regolatorju – Kompetenzi – Azzjoni amministrattiva quddiem il-Ministru tat-Trasport – Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 – Korp regolatorju – Kompetenzi”





I –    Introduzzjoni

1.        Bir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikoli 4(1), 6(2), 7(3), 11 u 30(5) tad-Direttiva 2001/14/KE (2), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”), u tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440/KEE (4), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE (5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”). Ir-Repubblika Ċeka titlob li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jiġi miċħud.

2.        Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (6), ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa li jiġi żgurat aċċess ġust u nondiskriminatorju ta’ impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent peress li joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità biex teżamina għall-ewwel darba l-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari tinterpreta l-hekk imsejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”.

3.        Fis-6 ta’ Settembru 2012, jiena diġà ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, Il‑Kummissjoni vs Spanja, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja. Minbarra dawn il-konklużjonijiet, jiena llum qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, Il‑Kummissjoni vs Franza, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu. Sa fejn din il-kawża tirrigwarda lmenti simili għal dawn li diġà kelli l-okkażjoni nanalizza fil-konklużjonijiet imsemmja iktar ’il fuq, kulma se nagħmel huwa li nirreferi għall-punti rilevanti ta’ dawk il-kawżi mingħajr madankollu ma nirrepeti l-argument kollu inkluż fihom.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 91/440

4.        L-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għar-regolamenti Komunitarji u nazzjonali li jirrigwardaw il-politika ta’ kompetizzjoni u l-istituzzjonijiet b’responsabbiltà f’dak il-qasam, il-korp regolatorju stabbilit taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE, jew kwalunkwe korp ieħor li jgawdi l-istess grad ta’ indipendenza għandu jissorvellja l-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż is-suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija.

Dak il-korp għandu jkun stabbilit skond ir-regoli ta’ l-Artikolu 30 (1) ta’ l-imsemmija Direttiva. Kull applikant jew parti interessata tista’ tippreżenta lment ma’ dan il-korp jekk iħoss li jkun ġie trattat inġustament, kien soġġett għal diskriminazzjoni jew ġie b’xi mod inġurjat. Fuq il-bażi ta’ l-ilment u, fejn xieraq, fuq l-inizzjattiva tiegħu stess, il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr dwar miżuri xierqa biex jiġu kkoreġuti xi żviluppi mhux mixtieqa f’dawn is-swieq. Sabiex jassigura l-possibbiltà meħtieġa ta’ kontroll ġudizzjarju u l-kooperazzjoni rekwiżita bejn il-korpi regolatorji nazzjonali, l-Artikolu 30 (6) u l-Artikolu 31 ta’ l-imsemmija Direttiva għandhom japplikaw f’dan il-kuntest”.

2.      Id-Direttiva 2001/14

5.        Skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14:

“Il-piżijiet [is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju

6.        L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet [għall-impożizzjoni ta’ tariffi] waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE.

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa] għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż [l-irkupru ta’ din it-tariffa] għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura”.

7.        Skont l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14:

“2. Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni [għaż-żamma] u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet [tat-tariffi] ta’ l-aċċess.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-dispożizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’ poteri adegwati”.

8.        L-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [it-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi għandhom ikunu ugwali għall-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”.

9.        Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14:

“1.      Skemi tal-piżijiet [sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] infrastrutturali għandhom permezz ta’ skema tal-ħidma [sistema ta’ titjib tas-servizzi] jinkoraġġixxu l-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur ta’ l-infrastruttura biex jimminimizzaw it-telf [id-disturbi] u jtejbu l-ħidma [is-servizzi] tan-network tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi penali għal azzjonijiet li jtellfu l-operazzjoni [jiddisturbaw] tan-network, il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf [dawn id-disturbi] u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dik li ġiet ippjanata.

2.      Il-prinċipji bażiċi ta’ l-iskema ta’ operazzjoni [tas-sistema ta’ titjib tas-servizzi] għandhom japplikaw man-network kollha”.

10.      L-Artikolu 30(2) u (3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“2.      Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet adottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna:

a)      id-dikjarazzjoni tan-network;

b)      il-kriterji fih[a];

c)      il-proċess ta’ l-allokazzjoni u r-riżultat tiegħu;

d)      l-iskema tal-piżijiet [is-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi];

e)      livell jew struttura ta’ piżijiet infrastrutturali [tariffi għall-użu tal-infrastruttura] li hu meħtieġ jew li jista’ jkun meħtieġ li jħallas;

f)      l-arranġamenti għall-aċċess skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva [91/440], kif emendata mid-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ April 2004 […] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 251].

3.      Il-korp regolatorju għandu jassigura li l-piżijiet [t-tariffi] stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u mhumiex diskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali [tariffi għall-użu tal-infrastruttura] għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervieni jekk in-negozjati x’aktarx jikkontravenu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva”.

11.      L-Artikolu 30(5) u (6) tal-imsemmija direttiva jipprovdu:

“5.      Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha.

Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni.

Fil-każ ta’ appell kontra rifjut li tingħata l-kapaċità infrastrutturali, jew kontra t-termini ta’ offerta għall-kapaċità, il-korp regolatorju għandu jew jikkonferma li ebda modifika tad-deċiżjoni ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura ma hi meħtieġa, jew għandha teħtieġ modifika ta’ dik id-deċiżjoni skond id-direzzjonijiet speċifikati mill-korp regolatorju.

6.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma soġġetti għal rivista ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju]”.

B –    Il-leġiżlazzjoni Ċeka

1.      Il-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija

12.      Il-Liġi Nru 266/1994 Sb. dwar il-linji tal-ferrovija (zákon č. 266/1994 Sb., o dráhách), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-linji tal-ferrovija”) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-operat tal-linji tal-ferrovija u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi relatati magħhom.

13.      Skont l-Artikolu 34c tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija:

“Dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali u reġjonali

1)      Il-korp ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet, wara konsultazzjoni mal-amministratur tal-linji tal-ferrovija, għandu jfassal, mhux iktar tard minn 12-il xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskeda ta’ servizz, id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, u għandu jippubblikaha fil-Bulletin tat-Trasport u tat-Tariffi.

2)      Id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju għandha tindika:

[…]

f)      il-kundizzjonijiet għall-irtirar tal-kapaċitajiet infrastrutturali attribwiti imma mhux użat jew parzjalment użati, inkluża l-informazzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-kapaċitajiet tat-trasport attribwiti u mhux użati;

g)      informazzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet infrastrutturali u dwar l-iffissar ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura;

[…]”

14.      L-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“1)      L-applikant għal allokazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja jista’ jitlob lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, f’terminu ta’ 15-il jum li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, sabiex jipproċedi għall-eżami tagħha, li jinkludi l-kriterji inklużi fiha.

2)      L-applikant għal allokazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja li l-korp ta’ allokazzjoni ma jkunx laqa’ t-talba tiegħu għandu d-dritt, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 34e, li jitlob lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, f’terminu ta’ 15-il jum li jibda jiddekorri min-notifika tad-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 34e(4) sabiex jeżamina l-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-impatt tagħha u l-mod kif ġew iffissati l-prezzijiet.

3)      Jekk l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jikkonstata li fit-tfassil tad-dikjarazzjoni tan-netwerk, li tinkludi l-kriterji inklużi fiha, jew fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, inklużi r-riżultati tiegħu u l-mod kif ikunu ġew iffissati l-prezzijiet, tkun ġiet segwita proċedura inkorretta, huwa għandu jiddeċiedi li l-imsemmija dikjarazzjoni għandha tiġi mmodifikata, inklużi l-kriterji stabbiliti fiha, jew għandu jiddeċiedi dwar allokazzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet, u b’mod partikolari l-mod kif ġew iffissati l-prezzijiet”.

15.      Skont l-Artikolu 56(c) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, il-Ministeru tat-Trasport huwa “il-korp tal-appell fil-proċeduri amministrattivi, fl-oqsma rregolati minn din il-liġi, li jitressqu kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, tal-ispettorat tal-ferroviji u tal-komuni”.

2.      Il-Liġi dwar il-prezzijiet

16.      Il-Liġi Nru 526/1990 Sb. dwar il-prezzijiet (zákon č. 526/1990 Sb., o cenách), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-prezzijiet”) tikkonċerna l-applikazzjoni, il-leġiżlazzjoni u l-kontroll tal-prezzijiet tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħlijiet għas-suq nazzjonali.

17.      Skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet:

“Id-dispożizzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni tal-prezzijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati mill-Ministeru tal-Finanzi fil-Bullettin Uffiċjali tal-Prezzijiet […]. Huma għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skont dispożizzjonijiet legali speċjali. […] Id-deċiżjoni dwar il-prezzijiet għandha ssir valida dakinhar li tiġi ppubblikata fil-Bullettin Uffiċjali korrispondenti u għandha tidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fiha, imma mhux qabel dakinhar li tiġi ppubblikata”.

18.      Skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, il-Ministeru tal-Finanzi jippubblika deċiżjoni (“Výměr”) li tistabbilixxi l-lista tal-oġġetti li prezzhom ikun qed jiġi rregolat. Il-Ministeru tal-Finanzi jippubblika din id-deċiżjoni kull sena fil-Bullettin Uffiċjali tal-Prezzijiet. Din tiffissa l-prezz massimu għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja interna, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali, fil-kuntest tal-operat tat-trasport ferrovjarju.

3.      Il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport

19.      Il-Liġi Nru 104/2000 Sb. dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport (Zákon č. 104/2000 Sb. o Státním fondu dopravní infrastruktury), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport”) tirregola l-attivitajiet ta’ dan il-Fond u l-użu tal-krediti tiegħu għall-iżvilupp, għall-kostruzzjoni, għall-manutenzjoni u għall-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji.

20.      Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport:

“Il-Fond jalloka d-dħul tiegħu lill-iżvilupp, lill-kostruzzjoni, lill-manutenzjoni u lill-modernizzazzjoni tat-toroq u tal-awtostradi, tal-linji tal-ferrovija u tal-ilmijiet navigabbli kif ġej:

[…]

c)      il-finanzjament tal-kostruzzjoni, tal-modernizzazzjoni, tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija nazzjonali u reġjonali,

[…]

f)      l-għoti ta’ krediti għal xogħlijiet preparatorji jew għal proġetti, studji jew perizji għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni jew għat-tiswija ta’ toroq jew ta’ awtostradi, ta’ ilmijiet navigabbli importanti għat-trasport u għall-kostruzzjoni ta’ linji tal-ferrovija nazzjonali jew reġjonali, […]”

4.      Id-Digriet Nru 501/2005

21.      Id-Digriet Nru 501/2005 Sb. jiffissa l-ispejjeż sostnuti mill-amministratur tal-linji tal-ferrovija, marbuta mal-operat u mal-funzjonament, mal-modernizzazzjoni u mal-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija (vyhláška n 501/2005 Sb., o vymezení nákladů provozovatele dráhy spojených s provozováním a zajišťováním provozuschopnosti, modernizace a rozvoje železniční dopravní cesty).

5.      Il-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni

22.      Il-Liġi Nru 273/1996 Sb. dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni (zákon č. 273/1996 Sb., o působnosti Úřadu pro ochranu hospodářské soutěže), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni”) tiddefinixxi, fost l-oħrajn, l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan l-Uffiċċju.

23.      Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni:

“[…]

a)      joħloq il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi promossa u li tinżamm il-kompetizzjoni,

b)      jiżgura sorveljanza fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi,

c)      għandu kompetenzi oħrajn iddefiniti minn lex specialis”.

6.      Il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni

24.      L-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni jwettaq l-attivitajiet previsti mil-Liġi Nru 143/2001 Sb. dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni (zákon č. 143/2001 Sb., o ochraně hospodářské soutěže a o změně některých zákonů) kif emendata.

25.      Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni:

“Huwa għandu jorganizza l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi […] kontra kull prattika li timpedixxi, tirrestrinġi, twettaq distorsjoni ta’ jew thedded il-kompetizzjoni permezz ta’

a)      akkordji bejn il-kompetituri,

b)      operat abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ kompetituri, jew

c)      konċentrazzjoni ta’ impriżi kompetituri”.

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Fl-10 ta’ Mejju 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu kwestjonarju lill-awtoritajiet Ċeki sabiex jivverifikaw it-traspożizzjoni mir-Repubblika Ċeka tad-Direttivi 91/440 u 2001/14. L-imsemmi Stat Membru wieġeb il-kwestjonarju b’ittra tal-11 ta’ Lulju 2007.

27.      Fis-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Ċeka, intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttivi 91/440 u 2001/14 u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tagħhom dwar it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u ma’ dawk dwar il-korp regolatorju.

28.      Abbażi tal-informazzjoni li bagħtitilha r-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-oġġezzjonijiet ippreżentati fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha ma kinux ġew ikkonfutati u, b’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, bagħtet opinjoni mmotivata lir-Repubblika Ċeka.

29.      F’din l-opinjoni mmotivata, il-Kummissjoni akkużat lir-Repubblika Ċeka li hija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikoli 4(1), 6(2), 7(3), 11 u 30(5) tad-Direttiva 2001/14, kif ukoll tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440. Konsegwentement, hija stiednet lir-Repubblika Ċeka sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa ħalli tikkonforma ruħha mal-imsemmija opinjoni mmotivata f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha.

30.      Ir-Repubblika Ċeka wieġbet din l-opinjoni mmotivata b’ittra tat-8 ta’ Diċembru 2009, fejn ikkontestat kull ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’din tal-aħħar.

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fit-23 ta’ Novembru 2010.

32.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2011, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

33.      Il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Ċeka kienu rrappreżentati matul is-seduta li saret fl-20 ta’ Settembru 2012.

IV – Analiżi tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A –    Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq l-allegat iffissar ta’ ammont massimu ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja

1.      L-argumenti tal-partijiet

34.      Il-Kummissjoni ssostni li billi tiffissa l-ammont massimu tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14. Hija ssostni li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dritt li għandu l-Istat Membru li jiffissa l-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għandu jirrispetta d-dritt tal-amministratur li jiddetermina t-tariffa u li jiġborha. Issa, l-iffissar, b’deċiżjoni annwali tal-Ministeru tal-Finanzi, ta’ tariffa massima applikabbli għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, imur lil hinn mill-kuntest għall-impożizzjoni ta’ tariffi u mir-regoli li l-Istati Membri huma intitolati jiddefinixxu abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

35.      Ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li l-interpretazzjoni letterali u sistematika tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, difiża mill-Kummissjoni ma hijiex suffiċjenti, u ssostni li għandu jintuża l-metodu teleoloġiku. Skont dan l-Istat Membru, in-neċessità li jiġu eliminati l-impatti negattivi tal-monopolju tagħmel parti mill-għan ġenerali tad-Direttiva 2001/14, u dan jispjega għaliex din tabilħaqq tagħti lill-Istati Membri l-kompetenza sabiex jistabbilixxu kuntest jew sistema għall-impożizzjoni ta’ tariffi. Barra minn hekk, l-iffissar tal-prezz massimu ma jfissirx li l-amministratur tal-infrastruttura ma jkunx jista’ jiddetermina huwa stess l-ammont tat-tariffi.

36.      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li l-iffissar ta’ ammont massimu ma jimpedixxix lill-amministratur tal-infrastruttura milli jistabbilixxi tassew it-tariffi.

2.      Eżami tal-ewwel ilment

37.      Qabel xejn, għandu jiġi osservat li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jirrigwarda l-istess problematika tal-ewwel ilment fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. Minkejja l-fatt li fir-Repubblika Ċeka, il-Ministru tal-Finanzi jiffissa biss ammont massimu għat-tariffi filwaqt li fi Spanja l-ammont tat-tariffi jitfissa kollu b’digriet ministerjali b’tali mod li l-irkupru tat-tariffi biss huwa fdat f’idejn l-amministratur tal-infrastruttura, naħseb li l-argumenti legali mressqa fl-imsemmija konklużjonijiet japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għar-Repubblika Ċeka (7).

38.      F’din il-kawża, jiena kkonkludejt li sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ amministrazzjoni indipendenti, il-kuntest regolatorju u finanzjarju biss jista’ jiġi ddefinit mill-Istat. Tali kuntest jista’ jinkludi regoli ġenerali dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi u, bla ħsara li tiġi osservata l-kundizzjoni tal-indipendenza tal-amministrazzjoni, anki regoli speċifiċi. Fil-fehma tiegħi, tali kuntest statali jista’ wkoll jiddefinixxi għanijiet finanzjarji tal-amministrazzjoni tal-infrastruttura meta jirrigwardaw, pereżempju, forom differenti ta’ traffiku ferrovjarju. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-infrastruttura rispettivi ġġenerati mill-forom differenti ta’ traffiku ferrovjarju (bħat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, it-traffiku tal-passiġġieri fuq distanzi twal jew it-traffiku suburban), l-Istat jista’ jiddefinixxi limiti varjabbli, skont it-tip ta’ traffiku, li l-amministraturi għandhom isostnuhom (8). Madankollu, regolamentazzjoni tal-prezzijiet mill-Istat li timplika determinazzjoni ta’ tariffi massimi ma jidhirlix li hija konformi mal-indipendenza tal-amministrazzjoni.

39.      Skont l-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, il-kontroll tal-livell u tal-istruttura tat-tariffi għandu jsir mill-korp regolatorju. Huwa minnu li l-ministeru responsabbli mill-kwistjonijiet tat-trasport jista’ jagħmilha ta’ korp regolatorju. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-Repubblika Ċeka. L-iffissar, b’deċiżjoni annwali tal-Ministeru tal-Finanzi, ta’ tariffa massima applikabbli għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, ma jistax, iktar u iktar, jiġi kkunsidrat bħala traspożizzjoni korretta tal-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/14 dwar il-kompetenzi tal-korp regolatorju.

40.      L-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq in-neċessità li jiġi evitat li l-pożizzjoni monopolistika tal-amministratur tal-infrastruttura ma tissarrafx fl-iffissar ta’ tariffi eċċessivi fir-rigward tat-trasportaturi kollha, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Skont l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, il-korp regolatorju stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, jew kwalunkwe korp ieħor li jgawdi mill-istess grad ta’ indipendenza għandu jissorvelja l-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Fir-Repubblika Ċeka, dan il-kompitu ġie fdat lill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni. Il-kontroll tat-tariffi massimi mill-Ministeru tal-Finanzi għalhekk ma josservax din id-dispożizzjoni.

41.      Għandu jingħad ukoll li s-sentenza Mobistar (9), imsemmija mir-Repubblika Ċeka, lanqas ma tixhed favur il-pożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2002/22/KE (10) ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali li tiddefinixxi metodu speċifiku għall-kalkolu tal-ispejjeż u li tistabbilixxi minn qabel u permezz ta’ mudell teoretiku tal-ispejjeż, il-prezzijiet massimi li jistgħu jintalbu mill-operatur li jagħti mingħand l-operatur li jirċievi, bħala spejjeż ta’ stabbiliment, peress li t-tariffi huma ffissati abbażi tal-ispejjeż b’tali mod li l-konsumaturi ma jiġux dissważi milli jużaw din il-faċilità tal-portabbiltà. Issa, din is-sentenza tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni Komunitarja li tinsab f’kuntest leġiżlattiv differenti u li l-għan u d-diċitura tagħha ma jikkorrispondux għal dawk tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

42.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel ilment tal-Kummissjoni.

B –    Fuq it-tieni lment ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi jnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess

1.      L-argumenti tal-partijiet

43.      Il-Kummissjoni ssostni li billi ma adottatx miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi jnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess, ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fehma tagħha, l-iskema ta’ inċentivi prevista minn dik id-dispożizzjoni tippreżumi rabta diretta bejn l-għoti ta’ riżorsi finanzjarji u l-aġir tal-amministratur tal-infrastruttura, b’dan tal-aħħar inaqqas l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura jew l-ammont tat-tariffi ta’ aċċess. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-mezzi finanzjarji mogħtija mill-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport bl-ebda mod ma jikkostitwixxu inċentivi intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur inaqqas l-ispejjeż jew l-ammont tat-tariffi.

44.      Skont ir-Repubblika Ċeka, ir-rwol mogħti lill-Istat mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, jiġifieri li jinkoraġġixxi lill-amministraturi tal-infrastrutturi b’inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u tal-livell tat-tariffi ta’ aċċess, ma huwiex mingħajr kundizzjonijiet. L-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi l-għan li l-Istati Membri għandhom jilħqu, fil-forma ta’ riżultat li jista’ jinkiseb kollu biss wara li jintlaħaq livell suffiċjenti ta’ kwalità u ta’ sigurtà tal-infrastruttura ferrovjarja fil-kuntest tan-netwerk kollu jew ta’ parti kbira minnu. Fid-dawl tal-istat attwali tal-infrastruttura ferrovjarja fir-Repubblika Ċeka, is-sistema meħtieġa mill-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi stabbilita kollha mingħajr ma din, fl-istess ħin, tirriżulta f’theddida għas-sigurtà jew għall-kwalità tas-servizzi tal-infrastruttura inkwistjoni.

45.      Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-inċentivi previsti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 attwalment jitwettqu permezz tal-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport. Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija huma koperti mis-sussidji allokati mill-Istat permezz tal-imsemmi Fond. Mingħajr dawn is-sussidji, l-ammont tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura jkun diversi drabi ogħla.

46.      Skont ir-Renju ta’ Spanja, ma huwiex raġonevoli li jitnaqqsu t-tariffi ta’ aċċess mingħajr ma qabel jiġi mmodernizzat in-netwerk ferrovjarju u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għall-manutenzjoni. Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14 huwa marbut man-neċessità li l-amministratur tal-infrastruttura jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħajr finanzjament Statali.

2.      Eżami tat-tieni lment

47.      Qabel xejn, għandu jiġi osservat li t-tieni lment tal-Kummissjoni f’din il-kawża, ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ inċentivi biex l-amministratur tal-infrastruttura jillimita l-ispejjeż marbuta mas-servizz tal-infrastruttura jew il-livell tat-tariffi ta’ aċċess, huwa essenzjalment identiku għat-tielet ilment fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll għat-tielet ilment fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, fejn se nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi fl-istess data tal-konklużjonijiet f’din il-kawża (11). Għal din ir-raġuni, biħsiebni nirreferi għar-raġunament legali li segwejt fl-imsemmija konklużjonijiet.

48.      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ċeka u tal-implementazzjoni tagħha, madankollu jeżistu xi differenzi sinjifikattivi meta pparagunati mas-sitwazzjoni prevalenti fil-Ġermanja, u sa ċertu punt, meta pparagunati mas-sitwazzjoni prevalenti fil-Polonja. Konsengwentement, l-eżami tal-kwistjoni jekk l-ilment tal-Kummissjoni huwiex fondat jew le għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika prevalenti fir-Repubblika Ċeka.

49.      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, l-amministratur tal-infrastruttura, filwaqt li josserva r-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà u filwaqt li jżomm u jtejjeb il-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, għandu jiġi inkoraġġit b’inċentivi sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċesss. Bil-kontra ta’ dak li jiġi applikat, abbażi tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, għat-titjib tas-servizzi tan-netwerk ferrovjarju, l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva ma jeżiġix li l-inċentivi jifformaw “skema [sistema]” (12).

50.      Madankollu, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14 jipprevedi żewġ possibbiltajiet distinti għat-twettiq tal-obbligu pprovdut fl-Artikolu 6(2). Il-possibbiltajiet huma jew ftehim multiannwali konkluż bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità kompetenti u li jipprevedi finanzjament mill-Istat, jew l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’poteri adegwati. Issa, anki jekk miżuri, meħuda separatament, jistgħu jiġi kkunsidrati bħala inċentivi, madankollu dawn ma jistgħux jirrappreżentaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jekk ma jkunux jagħmlu parti mill-kuntest ta’ waħda miż-żewġ possibbiltajiet iddefiniti f'dan l-Artikolu 6(3).

51.      Jidhirli li r-Repubblika Ċeka ma hijiex qed tafferma li aġixxiet, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ inċentivi, b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14, u iktar minn hekk, b’mod li jista’ jwettaq l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 6(2).

52.      Għandu jingħad ukoll li s-sempliċi fornitura lill-amministratur tal-infrastruttura ta’ finanzjament mill-Istat, bħal dik imsemmija mir-Repubblika Ċeka, ċertament tista’ tinvolvi tnaqqis fl-ispejjeż u fit-tariffi, imma ma tikkostitwixxix, minnha nfisha, inċentiv fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, inċentiv huwa att li jħeġġeġ lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqas l-ispejjeż jew it-tariffi, jiġifieri li għandu bħala effett ċertu aġir min-naħa tal-imsemmi amministratur. Għal din ir-raġuni, il-kundizzjonijiet tal-finanzjament Statali jew l-istruttura tal-kuntest tal-fornitura tiegħu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inċentivi. Min-naħa l-oħra, mhux l-istess jista’ jingħad għas-sempliċi eżistenza ta’ finanzjament.

53.      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq l-istat imwiegħer tal-infrastruttura ferrovjarja, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligi tal-Istati Membri previsti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 ma humiex suġġetti għal tali ċirkustanza. Madankollu, jibqa’ evidenti l-fatt li l-għażla tal-inċentivi li għandhom jiġu adottati, u b’mod iktar partikolari l-għanijiet konkreti li jkun irid jilħaq l-Istat Membru permezz ta’ dawn l-inċentivi, jiddependu mir-rekwiżiti tas-sigurtà u tal-livell ta’ kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, li jissemmew espressament fl-imsemmi paragrafu.

54.      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-għan tal-inċentivi huwa li jħarsu l-effikaċja ekonomika tal-amministrazzjoni mill-perikoli ta’ nuqqas ta’ effikaċja li huma inerenti fil-monopolji naturali (13). Fil-fehma tiegħi, l-istat imwiegħer tal-infrastruttura ma jeskludix varjazzjoni fl-effikaċja tal-amministrazzjoni u, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ inċentivi fir-rigward tal-amministratur. B’miżuri bħal dawn, Stat Membru jipprova jiżgura, minn naħa, li l-ispejjeż tal-amministratur tal-infrastruttura jikkorrispondu għal dawk ta’ infrastruttura amministrata b’mod effikaċi u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija spejjeż ma jkunux jinkludu spejjeż żejda li jkunu kkawżati minn organizzazzjoni ħażina jew minn amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-amministratur tal-infrastruttura. B’hekk, jekk huwa paċifiku li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat tal-infrastruttura għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, dan bl-ebda mod ma jeżentahom mill-obbligu li jadottaw inċentivi bħal dawk previsti mill-imsemmija dispożizzjoni.

55.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ anki t-tieni lment tal-Kummissjoni.

C –    Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi ma humiex ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju

1.      L-argumenti tal-partijiet

56.      Il-Kummissjoni ssostni li fir-Repubblika Ċeka, it-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi ma humiex ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, bi ksur ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fehma tagħha “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala l-ispiża marġinali imputabbli għall-operat reali tas-servizz ferrovjarju. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-ispejjeż ġenerali ma jistgħux jiġu inklużi fl-imsemmija spiża billi dawn ma humiex imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

57.      Ir-Repubblika Ċeka wieġbet li, peress li la d-Direttiva 2001/14 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jelenkaw l-ispejjeż li jistgħu jaqgħu jew le taħt il-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, wieħed għandu jistaqsi, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi kkalkolat l-ammont tat-tariffi, jekk, fir-rigward ta’ tali spejjeż, tistax tiġi stabbilita rabta kawżali diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju, jiġifieri jekk dawn l-ispejjeż ġewx sostnuti tassew għall-finijiet tal-operat ta’ tali servizz. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn humiex spejjeż marbuta direttament ma’ attività jew ma’ oġġett li l-assenza tagħha jew tiegħu jimpedixxi lill-ferrovija milli tiċċirkula fuq linja tal-ferrovija.

58.      Skont ir-Repubblika Ċeka, il-proċedura ta’ ffissar tat-tariffi mill-amministratur tal-ammont billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrrovjarju tirriżulta mill-Artikolu 34c tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, moqri flimkien mad-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, adottata abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tan-netwerk”). Sabiex jiġi ddeterminat jekk spiża partikolari, jew kategorija partikolari ta’ spejjeż, tkunx imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, għandu jiġi eżaminat jekk din l-ispiża jew din il-kategorija ta’ spejjeż tiġix iġġenerata bl-operat ta’ trasport ferrovjarju partikolari.

59.      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li huwa żbaljat li jiġi sostnut li ż-żieda ta’ ferrovija supplimentari fl-iskema tal-operat ta’ linja partikolari ma twassalx, b’mod ġenerali, għaż-żieda tal-ispejjeż marbuta mal-amministrazzjoni tat-traffiku. Dan l-Istat Membru jgħid b’mod partikolari li minn avviż ta’ “The Community of European Railway and Infrastructure Companies (CER)” [il-Komunità tal-Impriżi Ferrovjarji u Infrastrutturali Ewropej (CER)], (14) jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mal-programmazzjoni, mal-allokazzjoni tal-mogħdijiet, mal-amministrazzjoni tat-traffiku, mad-dispaċċ u mas-sinjalazzjoni ta’ moviment ta’ ferrovija għandhom jaqgħu fil-kategorija ta’ spejjeż imputabbli direttament għall-operat ta’ servizz ferrovjarju.

2.      Eżami tat-tielet ilment

a)      Osservazzjonijiet preliminari

60.      Qabel xejn, għandu jiġi osservat li jiena kelli l-okkażjoni li nindirizza b’mod dettaljat l-istruttura u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 fil-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (15). F’dik il-kawża, jiena kkonkludejt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet tant kumplessa li ma setgħetx tiġi ridotta għal għażla bejn żewġ metodi alternattivi ta’ kumpens għall-ispejjeż, imma li wieħed kellu jibbaża ruħu fuq firxa li tinkorpora valur minimu, jiġifieri l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tal-infrastruttura, u valur massimu li jikkorrispondi għall-ammont totali tal-ispejjeż inkorsi mill-amministratur tal-infrastruttura. Bejn dawn iż-żewġ limiti, l-amministratur jista’ japplika kriterji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi supplimentari previsti mill-imsemmija direttiva, kif ukoll tnaqqis skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2001/14 u, possibbilment, kriterji stabbiliti fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi adottata mill-Istat Membru.

61.      Għandu jitfakkar ukoll li d-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi stabbilit mill-Istat Membru, għandha ssir mill-amministratur tal-infrastruttura, li jiżgura ruħu li s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji fin-netwerk kollu (16). Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/14, sabiex tiġi impedita diskriminazzjoni, it-tariffi medji u marġinali ta’ amministratur tal-infrastruttura partikolari għandhom ikunu paragunabbli għal użu ekwivalenti tal-infrastruttura tiegħu u servizzi paragunabbli pprovduti fl-istess settur tas-suq għandhom ikunu suġġetti għall-istess tariffi. Fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, l-amministratur tal-infrastruttura juri li s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (17).

62.      Min-naħa l-oħra, it-traspożizzjoni leġiżlattiva tal-Istat Membru għandha tipprevedi regoli bażiċi li jippermettu l-aċċess għas-servizzi minimi tal-infrastruttura ferrovjarja u jiddefinixxu f’termini ġenerali l-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi meħtieġa mid-Direttiva 2001/14. Madankollu, ġeneralment, l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi previsti mill-imsemmija direttiva għandha ssir fuq il-livell leġiżlattiv jew amministrattiv, billi għal dan il-għan jintużaw il-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi u d-dikjarazzjoni tan-netwerk applikati għad-data konkreta tas-suq. Għandu jitfakkar ukoll li l-aċċess għas-servizzi minimi tal-infrastruttura jista’ jkun suġġett għal rati ta’ profitt jew għal żidiet “jekk is-suq jiflaħ dan” [Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14].

63.      Fil-kuntest tat-tielet ilment tal-Kummissjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-valur minimu tal-firxa, jiġifieri “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” (18). Dan il-kompitu ma huwiex mingħajr diffikultajiet fid-dawl, l-ewwel nett, tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-Direttiva 2001/14, it-tieni nett, tal-fatt li din l-interpretazzjoni tirreferi għal kunċetti u għal data ekonomika jew aħjar ekonometrika u, fl-aħħar nett, tad-diversità ta’ definizzjonijiet teoretiċi u ta’ applikazzjonijiet prattiċi tal-kunċett inkwistjoni fis-settur ferrovjarju.

64.      L-għanijiet tal-leġiżlatur f’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, huma faċilment identifikabbli. Fil-kuntest tal-għan ġenerali tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Unjoni li jiġi ggarantit aċċess ġust u nondiskriminatorju għall-infrastrutturi ferrovjarji, ir-rekwiżit tal-aċċess għas-servizzi minimi bħala korrispettiv ta’ kopertura tal-ispejjeż “direttament involut[i] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija [imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” jiġi spjegat bil-għanijiet li t-trasport ferrovjarju jkun jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tat-traffiku internazzjonali u li tiġi żgurata l-kompetittività intermodali tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija meta pparagunat ma’ mezzi oħrajn ta’ trasport (19).

65.      Issa, l-aċċess għas-suq u l-kompetittività kemm fir-rigward tal-operaturi ferrovjarji storiċi kif ukoll b’rabta mat-traffiku fit-toroq jeżiġu li l-infrastruttura ferrovjarja tkun aċċessibbli mingħajr ma tinvolvi kumpens għall-ispejjeż li jirrappreżentaw l-investimenti fl-infrastruttura storika li ma jiġux iffinanzjati mill-operaturi eżistenti jew li ma jiġux imposti fuq il-modi l-oħra kompetituri ta’ trasport.

b)      Fuq l-“l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”

66.      Skont il-Kummissjoni, “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, għandha tinftiehem bħala l-ispiża marġinali imputabbli għall-operat reali tas-servizz ferrovjarju. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan jikkorrispondi prinċipalment għall-ispejjeż marbuta mal-ħsarat fil-linji tal-ferrovija minħabba l-użu li jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji. Skont ir-Repubblika Ċeka, l-ispejjeż li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tat-tariffi huma dawk li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju, jiġifieri l-ispejjeż tabilħaqq sostnuti għall-finijiet tal-operat tal-imsemmi servizz.

67.      Mil-lat eknomiku, spiża marġinali tikkorrispondi għall-ispiża supplimentari ġġenerata mill-produzzjoni ta’ unità supplimentari. Applikata għas-settur ferrovjarju, l-ispiża marġinali tal-użu tal-infrastruttura b’hekk hija ekwivalenti għall-ispiża li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jsostni minħabba l-użu ta’ parti ddefinita mill-infrastruttura, bħal sezzjoni, minn ferrovija supplimentari (20).

68.      Sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż marġinali tal-użu tal-infrastruttura, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż varjabbli li jiddependu mit-traffiku. L-ispejjeż fissi, jew l-ispejjeż varjabbli li l-varjabbiltà tagħhom ma tiddependix mit-traffiku, inkorsi mill-amministratur tal-infrastruttura irrispettivament mill-volum tat-traffiku jikkostitwixxu l-ispejjeż mhux rekuperabbli (bil-lingwa Ingliża “sunk costs”), li ma jiġux inklużi fl-ammont tal-ispiża marġinali. B’dan il-mod, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta, jekk l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jkopri biss l-ispejjeż marġinali tat-traffiku, huwa ma jistax ikompli jipprovdi s-servizzi tiegħu fit-tul, sakemm l-ispejjeż l-oħra li huwa għandu jsostni ma jiġux iffinanzjati bi dħul li jiġi minn attivitajiet oħrajn jew minn riżorsi tal-Istat jew ta’ awtoritajiet territorjali.

69.      Fir-rigward tal-unità tat-traffiku li b’referenza għaliha tiġi ddeterminata l-ispiża tal-aċċess għall-infrastruttura fl-Istati Ewropej differenti, għandu jiġi kkonstatat li f’dan ir-rigward teżisti differenza kbira. Fost l-unitajiet li permezz tagħhom tista’ tiġi kkwantifikata l-ispiża marġinali, wieħed isib, pereżempju, it-“tunnellata-kilometri”, il-“ferrovija-kilometri”, in-“numru ta’ waqfiet”, l-“għadd ta’ passaġġi”, jew taħlita ta’ dawn il-kriterji (21). Barra minn hekk, jista’ jkun hemm xi differenzi bejn il-modi ta’ trasport ferrovjarju bħat-trasport tal-merkanzija, it-traffiku tal-passiġġieri jew it-traffiku suburban.

70.      Għaldaqstant, jirriżulta li anki jekk il-kunċett ta’ spiża marġinali ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja jista’ jiġi ddefinit b’mod relattivament faċli, l-implementazzjoni konkreta ta’ din id-definizzjoni hija waħda iebsa, kif tixhed id-diskussjoni li kien hemm bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Fil-fatt jidher li d-determinazzjoni konkreta tan-natura fissa jew varjabbli ta’ spiża u, fi ħdan din il-kategorija tal-aħħar, tal-kwistjoni jekk l-imsemmija spiża tiddependix jew le mit-traffiku, tqajjem xi dubji. B’hekk, pereżempju, fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mat-tiswijiet u mal-manutenzjoni, mat-tneħħija tas-silġ u tal-borra minn fuq il-linji tal-ferrovija jew mal-użu tas-sistemi ta’ sinjalazzjoni u ta’ sigurtà, il-kwalifika tiddependi minn evalwazzjonijiet suġġettivi, li l-impatt tagħhom fuq ir-riżultat f’termini ta’ spiża marġinali partikolari huwa wieħed sinjifikattiv (22).

71.      Konxja mid-differenzi sinjifikattivi li hemm bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni pproponiet, fl-abbozz għal riformulazzjoni tagħha ppreżentat fl-2010, li tistabbilixxi lista ta’ elementi li ma jistgħux jiġu inklużi fil-kalkolu tal-“[i]spejjeż diretti għas-servizz ferrovjarju […] li huma relatati mal-użu ta’ kuljum tal-infrastruttura” (23). Dik il-lista kienet tinkludi l-elementi li ġejjin, jiġifieri: “(a) L-ispejjeż ġenerali tan-netwerk kollha, inklużi s-salarji u l-pensjonijiet; (b) L-interess pagabbli fuq il-kapital; (c) Aktar minn għaxra fil-mija tal-ispejjeż relatati mal-iskedar, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, l-immaniġjar tat-traffiku, id-dispaċċ u s-senjalar ta’ vjaġġ tal-ferrovija; (d) Id-deprezzament tat-tagħmir tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni jew tat-telekomunikazzjoni; (e) L-ispejjeż relatati mal-immaniġġjar tal-beni immobbli, b’mod partikolari l-akkwist, il-bejgħ, iż-żarmar, id-dekontaminazzjoni, il-kultivazzjoni mill-ġdid jew il-kiri ta’ art jew ta’ assi fissi oħra; (f) Is-servizzi soċjali, l-iskejjel, il-kindergartens, ir-ristoranti; (g) L-ispejjeż relatati ma’ diżastri naturali, aċċidenti u tfixkil fis-servizz” (24).

72.      Dik il-lista madankollu tneħħiet waqt il-proċedura leġiżlattiva. It-test emendat tar-riformulazzjoni issa jipprevedi, fl-Artikolu 31(3), li qabel 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dik id-direttiva “il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu l-metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż imġarrba direttament bħala riżultat tal-operat tal-ferrovija” (25). Għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur ma rrepetiex il-kundizzjoni dwar l-ispejjeż “relatati mal-użu ta’ kuljum tal-infrastruttura” proposta mill-Kummissjoni.

73.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-ispiża marġinali reali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja tiddependi wkoll mill-karatteristiċi tal-ferrovija, tal-lokomottiva kif ukoll tal-linji tal-ferrovija. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 madankollu jillimitaw il-possibbiltajiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi individwali kollha tat-traffiku. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva, it-tariffi medji u marġinali ta’ amministratur tal-infrastruttura partikolari għandhom ikunu paragunabbli għal użu ekwivalenti. Fil-fehma tiegħi, isegwi li ma huwiex possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ spejjeż marġinali fis-sens strett, peress li t-tariffi ma jistgħux jieħdu kompletament inkunsiderazzjoni d-differenzi marbuta mal-forom differenti ta’ użu.

74.      Fir-rigward tal-metodoloġija applikabbli għad-determinazzjoni tal-ispejjeż marġinali, għandu jiġi osservat li ma jeżistix approċċ uniformi f’dan ir-rigward. L-istabbiliment ta’ statistika affidabbli u eżawrjenti b’hekk jiffaċċja diffikultajiet kbar. Min-naħa l-oħra, l-istudji ekonometriċi juru li r-rata tal-ispejjeż marġinali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja jidhru relattivament stabbli. Għal din ir-raġuni, jekk l-istatistika ma tippermettix li jiġu kkalkolati l-ispejjeż marġinali, għal dan il-għan tista’ tiġi aċċettata stima li tikkorrispondi, pereżempju, għal madwar 20 % tal-ispejjeż totali tal-finanzjament tal-infrastruttura (bil-lingwa Ingliża “full financial costs”).

75.      Konsegwentement, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-Direttiva 2001/14 u l-assenza ta’ definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” kif ukoll ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li telenka eżattament l-ispejjeż li ma jaqgħux taħt l-imsemmi kunċett, l-Istati Membri jgawdu, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni ekonomika għall-finijiet tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni tal-kunċett inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti preċiżazzjonijiet utli f’dan ir-rigward, minħabba n-natura ferm teknika tal-problematika u minħabba l-eżistenza ta’ studji differenti ta’ esperti li għandhom l-għan li jistabbilixxu definizzjoni kif ukoll metodoloġija komuni fi ħdan l-Unjoni. Jidhirli li, fi kwalunkwe każ, ma hemm l-ebda utilità li wieħed jipprova jippreċiża s-sens legali ta’ dan il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni, meta dan huwa kunċett tax-xjenza ekonomika li l-applikazzjoni tiegħu tqajjem diffikultajiet prattiċi kbar.

76.      Għaldaqstant, anki jekk ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi ddefinit, permezz ta’ elenku limitattiv, dak li jipprevedi jew dak li ma jipprevedix il-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, jibqa’ l-fatt li d-definizzjonijiet użati f’dan ir-rigward mill-Istati Membri jistgħu, f’ċerti każijiet, jinkludu spejjeż li b’mod manifest imorru lil hinn mil-limiti tal-kunċett użat mid-Direttiva 2001/14. Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’hekk għandu jistħarreġ jekk il-leġiżlazzjoni kkontestata tal-Istat Membru tippermettix li fil-kalkolu tat-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u tal-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi jiġu inklużi elementi li ma humiex manifestament imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

c)      Fuq il-ksur allegat

77.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka essenzjalment donnhom qed jieħdu pożizzjonijiet opposti dwar il-kwistjoni ta’ liema spejjeż preċiżi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju iktar milli dwar id-definizzjoni teoretika ta’ dak il-kunċett, anki jekk ir-rekwiżit ta’ rabta kawżali msemmi mill-Istat Membru inkwistjoni donnu jimplika li għandha tiġi pparagunata s-sitwazzjoni fejn parti mill-infrastruttura titqiegħed għad-dispożizzjoni tat-traffiku ma’ dik fejn din tal-aħħar tibqa’ ma tintużax, u mhux li għandha tiġi ddeterminata l-ispiża marġinali fis-sens ekonomiku.

78.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment sostniet li fir-Repubblika Ċeka, it-tariffi għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi ma humiex ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju. F’din ir-replika, hija ppreċiżat li din hija spiża marġinali imputabbli għall-operat reali tas-servizz ferrovjarju, billi din l-ispiża kienet varjabbli u kienet tinbidel skont l-operat reali tas-servizz ferrovjarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” u l-ispiża “direttament marbuta ma’ attività jew ma’ oġġett indispensabbli għaċ-ċirkulazzjoni ta’ ferrovija fuq linja tal-ferrovija partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali], billi dan il-kunċett tal-aħħar, fil-fehma tagħha, huwa wisq estiż meta pparagunat mal-ewwel wieħed.

79.      Jiena nikkunsidra, anzi, li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni wisq restrittiva tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. B’hekk, pereżempju, skont il-Kummissjoni għandhom jiġu esklużi l-ispejjeż kollha marbuta mas-sinjalazzjoni, mal-amministrazzjoni tat-traffiku, mal-persunal u mas-sigurtà. Issa, ir-Repubblika Ċeka ssostni, ġustament, li tali spejjeż jiddependu parzjalment mid-densità tat-traffiku, u li l-approċċ tal-Kummissjoni, li donnu jammetti l-possibbiltà ta’ assenza ta’ spejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, ma jistax jiġi aċċettat (26).

80.      Il-Kummissjoni qed takkuża b’mod partikolari lir-Repubblika Ċeka li inkludiet spejjeż ġenerali fl-ispejjeż li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju. Fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni Ċeka lanqas ma tinvolvi definizzjoni ta’ tali spejjeż u d-determinazzjoni tat-tariffi hija bbażata fuq mudell ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż, previst bid-Digriet Nru 501/2005 Sb. li jiffissa l-ispejjeż sostnuti mill-amministratur tal-linji tal-ferrovija marbuta mal-operat u mal-funzjonament, mal-modernizzazzjoni u mal-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija.

81.      Skont ir-Repubblika Ċeka, il-proċedura tal-iffissar tal-ammont tat-tariffi mill-amministratur fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju tirriżulta mill-Artikolu 34c tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, moqri flimkien mad-dikjarazzjoni tan-netwerk għas-snin 2010/2011. Skont dan id-dokument tal-aħħar, l-ammont tat-tariffi għall-użu tas-servizz tat-trasport jiddependi mit-tip ta’ ferrovija, mill-piż tagħha u mid-distanza li tagħmel. Il-metodu tal-kalkolu tal-prezz għall-użu tas-servizz ta’ trasport jieħu inkunsiderazzjoni regoli speċifiċi kif ukoll il-kuntest għall-impożizzjoni ta’ tariffi, kif ġew iddefiniti mill-awtorità regolatorja, tal-ispejjeż marbuta mal-operat tas-servizz espressi f’ferrovija-kilometri, tal-ispejjeż imputabbli direttament għall-funzjonament tas-servizz iġġenerati tassew mill-operat tat-trasport ferrovjarju espressi f’tunnellata-kilometri, kif ukoll tal-ispejjeż addizzjonali direttament marbuta mal-użu tas-servizz ta’ trasport.

82.      Fir-rigward tad-Digriet Nru 501/2005, ir-Repubblika Ċeka tafferma li dan l-att ma jagħmilhiex ta’ bażi għall-iffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, imma jikkonċerna biss id-determinazzjoni tal-ispejjeż sostnuti mill-operatur tal-infrastruttura ferrovjarja, jiġifieri l-korp pubbliku li jamministra l-linji tal-ferrovija, qabel l-1 ta’ Lulju 2008. B’hekk, mingħajr ma kkontesta li fil-kalkolu jiġu inklużi spejjeż ġenerali f’konformità mal-imsemmi digriet, l-Istat Membru madankollu enfasizza li dawn ma jagħmlux parti mit-tariffi previsti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14.

83.      Fir-rigward tat-traspożizzjoni tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, ta’ ammont tat-tariffa limitat għal dak tal-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, il-leġiżlazzjoni Ċeka, u b’mod iktar preċiż, id-dikjarazzjoni tan-netwerk, redatta mill-korp ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet, jidhirli li tinkludi l-elementi kollha neċessarji sabiex l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità regolatorja jkunu jistgħu jiffissaw it-tariffi skont l-imsemmi rekwiżit. Fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta tal-elementi inkwistjoni, il-Kummissjoni ma tatx eżempji konkreti li jagħti x’jifhem li, fir-Repubblika Ċeka, it-tariffi tal-aċċess jitffissaw b’mod li jmur kontra dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, nikkunsidra li l-Kummissjoni lanqas ma rnexxielha tistabbilixxi n-natura żbaljata tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali difiża minn dak l-Istat Membru. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-provi kollha neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (27).

84.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet ilment tal-Kummissjoni.

D –    Fuq ir-raba’ lment ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ sistema ta’ titjib tas-servizzi

1.      L-argumenti tal-partijiet

85.      Il-Kummissjoni ssostni li billi ma ġiet stabbilita l-ebda sistema ta’ titjib tas-servizzi tali li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fehma tagħha, il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport ma tittrasponix l-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li s-sistema ta’ miżuri ta’ inċentivi għandha tagħmel parti mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi.

86.      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fid-dawl tal-grad ta’ armonizzazzjoni li ntlaħaq fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma stabbilietx in-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ titjib tas-servizzi stabbilita bid-dikjarazzjoni tan-netwerk, hija stess ibbażata fuq l-Artikolu 34c tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija. Ir-Repubblika Ċeka tgħid ukoll li hija ġiet iddotata b’sistema ta’ titjib tas-servizzi kemm fir-rigward tat-trasportaturi kif ukoll fir-rigward tal-amministraturi tal-infrastruttura.

87.      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-iskema ta’ kumpens li qed issemmi r-Repubblika Ċeka hija fakultattiva, bil-kontra ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

88.      Fl-aħħar nett, fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tgħid ukoll li l-Artikolu 34c(2)(k) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija fl-2011 ġie kkompletat bil-Liġi Nru 134/2011 Sb. (zákon č. 134/2011 Sb.) b’mod espliċitu fis-sens li d-dikjarazzjoni tan-netwerk issa għandha tinkludi “delimitazzjoni ta’ sistema ta’ inċentivi finanzjarji għall-awtorità responsabbli mill-allokazzjoni u għat-trasportur sabiex jiġu minimizzati d-disturbi fl-infrastruttura u tiżdied il-permeabbiltà tagħha għall-finijiet tan-negozjar ta’ kuntratt għall-operat tas-servizz ferrovjarju; is-sistema tista’ tinkludi multi u kumpensi”.

89.      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li għandha tiġi analizzata kull miżura konkreta u li għandu jiġi eżaminat jekk, fis-sistema kollha ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura, dawn il-miżuri humiex effikaċi sabiex jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu l-funzjonament tan-netwerk ferrovjarju, li huma l-għanijiet tad-Direttiva 2001/14.

2.      Eżami tar-raba’ lment

90.      Qabel xejn, għandu jingħad li r-raba’ lment tal-Kummissjoni li jirrigwarda l-miżuri li jinkoraġġixxu lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju bl-istabbiliment ta’ “skema tal-ħidma [sistema ta’ titjib tas-servizzi]” huwa essenzjalment identiku għat-tieni lment fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. Għal din ir-raġuni, għandha ssir referenza għar-raġunament legali li ġie żviluppat fil-konklużjonijiet li kienu ppreżentati f’dik il-kawża (28).

91.      Inqis li, fid-data meta skada t-terminu previst fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx implementat sistema ta’ titjib tas-servizzi tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u konvenzjonali msemmija mill-imsemmi Stat Membru, anki jekk jiġi preżunt li dawn jistgħu jiġu kkwalifikati bħala miżuri li jinkoraġġixxu lill-impriżi kkonċernati u li kienu applikabbli fid-data rilevanti, ma jikkostitwixxux pakkett koerenti u trasparenti fi ħdan sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura.

92.      Kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni, il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport ma tittrasponix l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, imma kulma tagħmel huwa li tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha, l-għoti ta’ mezzi finanzjarji għall-manutenzjoni jew għat-titjib tal-istat tal-infrastrutturi ferrovjarji. Sa fejn kulma tagħmel huwa li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multi, jew f’każ li ma jitwettqux l-obbligi maħsuba sabiex jiggarantixxu l-operat tan-netwerk, jew fl-assenza ta’ miżuri meħuda sabiex jikkorreġu d-disturbi għan-netwerk, l-Artikolu 51(1) sa (4) u (6) sa (8) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija ma jistabbilixxix sistema ta’ titjib tas-servizzi fi ħdan sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata b’dispożizzjoni leġiżlattiva adottata fl-2011, jiġifieri wara li skada t-terminu preskritt fl-opinjoni mmotivata tal-Kummissjoni.

93.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-raba’ lment tal-Kummissjoni.

E –    Fuq il-ħames ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-korp regolatorju

1.      L-argumenti tal-partijiet

94.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu l-għan li jippermetti li l-korp regolatorju jiddeċiedi b’mod għalkollox indipendenti u li jadotta b’mod rapidu u effikaċi miżuri adattati sabiex jinstab rimedju għal funzjonament ħażin fis-suq. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14 ma jintroduċix il-possibbiltà ta’ stħarriġ amministrattiv tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju, imma jipprevedi espressament biss il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Issa, mill-Artikolu 56(c) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, li huwa l-korp regolatorju, għandha tiġi kkontestata permezz ta’ azzjoni amministrattiva quddiem il-Ministeru tat-Trasport, bil-kontra ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14.

95.      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp regolatorju jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu u jadotta miżuri fir-rigward tal-materji kollha previsti fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dawk elenkati fl-Artikolu 30(2) u (3). Issa, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jirriżulta b’mod ċar li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jista’ jeżamina, fuq it-talba ta’ applikant i) id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju u ii) il-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja. Minn dan kollu, il-Kummissjoni ddeduċiet li l-imsemmi Uffiċċju ma jistax jadotta deċiżjonijiet jew miżuri korrettivi fil-materji kollha msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, bħal pereżempju fir-rigward tal-livell jew tal-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li applikant jeħtieġ jew jista’ jeħtieġ iħallas, kif jipprevedi l-Artikolu 30(2)(e) tal-imsemmija direttiva.

96.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14 jeżiġi li, fil-materji previsti f’dik id-dispożizzjoni, il-korp regolatorju jaġixxi ex officio, filwaqt li l-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferroviji jipprevedi li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija għandu jaġixxi biss fuq it-talba ta’ applikant.

97.      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Ċeka twieġeb li, l-ewwel nett, id-Direttiva 2001/14 ma tipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jkunu bilfors suġġetti, qabel l-eżami li tista’ tagħmel il-qorti, għall-istħarriġ ta’ korp ieħor indipendenti fil-kuntest tal-eżekuttiv.

98.      B’mod partikolari, mill-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14 ma jistgħux jiġu dedotti rekwiżiti dwar l-organizzazzjoni interna tal-proċedura amministrattiva. L-Istati Membri huma fil-prinċipju liberi li jorganizzaw ir-regoli proċedurali tagħhom.

99.      It-tieni nett, fir-rigward tal-kompetenza tal-korp regolatorju, ir-Repubblika Ċeka tfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Issa, din tal-aħħar ma rreferiet, għajr għall-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, għall-ebda dispożizzjoni oħra li allegatament kienet suġġetta għal traspożizzjoni ħażina b’rabta mal-portata tal-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija. B’hekk, ir-Repubblika Ċeka biħsiebha teżamina biss it-traspożizzjoni tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14 bħala l-uniku motiv ifformulat b’mod suffiċjentement preċiż f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

100. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, fir-rigward tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, hija kompletament koperta mill-Artikolu 34g moqri flimkien mal-Artikolu 34c(2) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija. Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-kompetenza ta' dan l-Uffiċċju tinkludi l-eżami tal-livell tat-tariffi jew tal-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. Skont ir-Repubblika Ċeka, jekk il-korp regolatorju ġie ddotat bil-kompetenza neċessarja sabiex jadotta miżuri fis-sens tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, loġikament minn dan isegwi li huwa ddotat bil-kompetenza neċessarja sabiex jagħti bidu ex officio għall-proċedura ta’ eżami fil-kuntest tal-kontroll tal-Istat.

101. Fir-replika tagħha l-Kummissjoni tosserva li mill-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jirriżulta b’mod ċar li l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferroviji huma limitati għall-kontroll tad-dikjarazzjoni tan-netwerk u tal-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja. Fil-fehma tagħha, minn dan isegwi li l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija ma jikkorrispondux għall-kompetenzi li korp regolatorju għandu jassumi abbażi tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14.

102. Fl-aħħar nett, fil-kontroreplika tagħha r-Repubblika Ċeka ssostni li l-ilmenti tal-Kummissjoni, għajr dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-korp regolatorju dwar il-livell tat-tariffi, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ddelimitat l-għan tal-ilment bl-istess mod kif għamlet fl-opinjoni mmotivata, jiġifieri billi indirizzat biss il-portata tal-kompetenza dwar il-livell tat-tariffi. Min-naħa l-oħra, fir-replika tagħha l-Kummissjoni estendiet l-ilmenti dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva, kemm meta pparagunati mal-opinjoni mmotivata kif ukoll meta pparagunati mar-rikors billi mal-ilmenti mressqa f’dawn id-dokumenti żiedet ħames ilmenti supplimentari, bi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq (29).

2.      Eżami tal-ħames ilment

a)      Fuq l-ewwel parti

103. Bl-ewwel parti tal-ħames ilment tagħha, il-Kummissjoni qed takkuża lir-Repubblika Ċeka li, abbażi tal-Artikolu 56 tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, il-korp ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, huwa l-Ministeru tat-Trasport.

104. Skont il-Kummissjoni, tali azzjoni amministrattiva preliminari tmur kontra l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, peress li dik id-dispożizzjoni ma tippermettix stħarriġ amministrattiv tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju. Ir-Repubblika Ċeka ssostni, anzi, li d-Direttiva 2001/14, interpretata fid-dawl tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ma tipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jkunu bilfors suġġetti, qabel stħarriġ ġudizzjarju li jista’ jkun hemm, għal stħarriġ ta’ korp amministrattiv ieħor.

105. Inqis li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14.

106. L-ewwel nett, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tmur kontra, fil-fehma tiegħi, l-istruttura tal-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva 2001/14 li huwa bbażat fuq l-idea li deċiżjoni amministrattiva meħuda mill-korp regolatorju hija suġġetta esklużivament għal stħarriġ ġudizzjarju u mhux għal stħarriġ amministrattiv preliminari, anki meta dik il-possibbiltà ma tkunx espressament eskluża.

107. It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp regolatorju wieħed u mhux diversi korpi. Issa, anki jekk huwa permissibbli li r-Repubblika Ċeka, abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, tafda l-kompiti mogħtija lill-korp regolatorju lill-Ministeru tat-Trasport minflok lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, din ma kinitx l-għażla li għamlet skont kif qalet hija stess.

108. It-tielet nett, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-korp regolatorju għandu jkun jista’ jadotta b’mod rapidu u effikaċi miżuri adattati sabiex jinstab rimedju għal kull funzjonament ħażin fis-suq ferrovjarju. L-argument tar-Repubblika Ċeka, jiġifieri li l-istħarriġ amministrattiv tad-deċiżjonijiet adottati mill-korp regolatorju jippermetti li parti sostanzjali tal-ilmenti jiġu ttrattati f’terminu iqsar milli kieku dawn jiġu ttrattati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ma huwiex jikkonvinċini. Fil-fatt, jekk tali stħarriġ ikun limitat għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju, jidhirli li dan ikun qed jirrappreżenta stadju supplimentari qabel l-istħarriġ ġudizzjarju. Jekk, min-naħa l-oħra, il-Ministeru għat-Trasport għandu s-setgħa li b’dan il-mod jirriforma u jimmodifika l-evalwazzjonijiet tal-korp regolatorju, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala korp regolatorju ta’ livell ogħla fil-ġerarkija amministrattiva, li ma jidhirlix li huwa konformi la mad-diċitura u lanqas mal-istruttura tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14.

109. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel parti tal-ħames ilment tal-Kummissjoni.

b)      Fuq it-tieni parti

110. Bit-tieni parti tal-ħames ilment tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni qed takkuża lir-Repubblika Ċeka li ma rrikonoxxietx lill-korp regolatorju l-kompetenzi kollha li tali korp għandu jkollu abbażi tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14.

111. Kif għadni kif spjegajt fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont ir-Repubblika Ċeka, l-ilmenti tal-Kummissjoni, għajr dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-korp regolatorju dwar il-livell tat-tariffi, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

112. Qabel xejn, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (30), kif ġie interpretat minn din tal-aħħar, jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża kif ukoll sunt tal-motivi invokati sabiex b’hekk il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (31).

113. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (32).

114. Fir-rigward tal-kompetenzi tal-korp regolatorju, il-Kummissjoni allegat, fir-rikors tagħha, li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp regolatorju għandu jkun jista’ jagħti deċiżjonijiet u jadotta miżuri fil-materji kollha previsti fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, u fuq kollox f’dawk elenkati fl-Artikolu 30(2) u (3). Issa, fil-kuntest ta’ dawn l-allegazzjonijiet, hija qed tindirizza biss il-kompetenza prevista fl-Artikolu 30(2)(e) tal-imsemmija direttiva dwar il-livell u l-istruttura tat-tariffi għall-użu, kif ukoll dwar l-allegata impossibbiltà, għall-korp regolatorju Ċek, li jaġixxi ex officio.

115. Minkejja li t-tieni parti tal-ħames ilment tar-rikors tista’ tiġi interpretata bħala li tkopri l-materji kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 u li l-aspetti msemmija iktar ’il fuq ġew iċċitati biss bħala eżempju, għandu jiġi konstatat li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti li tippermetti li jiġi stabbilit il-ksur allegat.

116. Għaldaqstant, qed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara bħala inammissibbli t-tieni parti tal-ħames ilment tal-Kummissjoni, minkejja li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 huwa bbażat fuq elementi oħrajn għajr dawk li jirrigwardaw l-istħarriġ tal-livell u tal-istruttura tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u l-kapaċità tal-korp regolatorju li jaġixxi ex officio.

117. Fir-rigward, fuq il-mertu, tal-kapaċità tal-korp regolatorju li jaġixxi ex officio, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprevedi li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija għandu jaġixxi biss fuq it-talba ta’ applikant, filwaqt li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14 jeżiġi li l-korp regolatorju jaġixxi ex officio. Skont l-Istat Membru, il-Liġi Nru 552/1991 dwar il-kontroll tal-Istat, kif emendata, moqrija flimkien mal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, jipprevedu l-mument meta u/jew il-bażi li fuqha jista’ jaġixxi l-korp regolatorju, filwaqt li l-Artikolu 34g(3) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprevedi l-modalitajiet ta’ azzjoni f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

118. Il-kritika tal-Kummissjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija li tgħid li, l-istess bħall-proċeduri quddiem l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija previsti fl-Artikolu 34g(1) u (2) u li jinbdew mill-applikant għal allokazzjoni tal-kapaċitajiet, l-applikabbiltà tal-Artikolu 34g(3) hija wkoll suġġetta għal tali talba (33).

119. Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali madankollu ġiet ikkontestata mir-Repubblika Ċeka li tafferma li l-kontroll tal-Istat fil-qasam tal-linji tal-ferrovija jiġi eżerċitat abbażi tal-Artikolu 58(2) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, li jipprovdi li l-korp regolatorju jivverifika “jekk l-obbligi li għandhom il-proprjetarju tal-linji tal-ferrovija, l-amministratur tal-linji tal-ferrovija u t-trasportatur, kif inhuma previsti mil-liġi, ikunux qed jitwettqu u jkunux qed jiġu sodisfatti fil-kuntest tal-operat tal-linji tal-ferrovija u tat-trasport ferrovjarju”.

120. Skont dan l-Istat Membru, l-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Liġi Nru 552/1991 kif emendata, sabiex jeżerċitaw il-kontroll tal-Istat, tagħti lill-korpi kompetenti s-setgħa li jwettqu verifiki u, abbażi tagħhom, li jagħtu bidu għal proċedura ta’ ksur, jadottaw miżuri korrettivi jew jimponu multi għal ksur amministrattiv, tistabbilixxi l-kompetenza tal-korp regolatorju sabiex jieħu ex officio d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 34g (3) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija.

121. F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-provi kollha neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Jidhirli li huwa inkontestabbli li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tistax tkun ibbażata fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni separata tad-dritt nazzjonali, peress li, biex nirrepeti dak li qalet il-Kummissjoni, dik id-dispożizzjoni ssegwi “loġikament u sistematikament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dispożizzjonijiet preċedenti tal-istess artikolu, meta dik l-interpretazzjoni hija kkontestata b’mod qawwi mill-Istat Membru li jirreferi għal dispożizzjonijiet b’portata iktar ġenerali, li jiffavorixxu interpretazzjoni kuntrarja. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferroviji ma kellux il-kapaċità li jaġixxi ex officio.

122. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-korp regolatorju ma jistax jadotta deċiżjonijiet jew miżuri korrettivi fil-materji kollha msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, bħal pereżempju l-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li applikant jeħtieġ jew jista’ jeħtieġ iħallas, kif jipprevedi l-Artikolu 30(2)(e) tal-imsemmija direttiva.

123. Fir-rigward tal-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, għandu jitfakkar li nqis ir-rikors tal-Kummissjoni bħala ammissibbli fir-rigward tal-istħarriġ tal-livell u tal-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura.

124. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka wieġbet li, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 34g(1) u (3), moqri flimkien mal-Artikolu 34c(2) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jista’, fil-kuntest tal-eżami tal-kriterji stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, jeżamina l-informazzjoni dwar it-tariffa għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u għad-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-livell speċifiku tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura li impriża tat-trasport partikolari għandha tħallas huwa bbażat fuq l-Artikolu 34g(2) u (3) tal-imsemmija liġi. Abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jista’ jeżamina l-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, li element indispensabbli minnha, skont id-dispożizzjonijiet espliċiti tal-liġi, huwa d-determinazzjoni tal-livell speċifiku tat-tariffa ta’ aċċess għall-infrastruttura.

125. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Ċeka, il-kriterji tad-dikjarazzjoni tan-netwerk huma stabbiliti mill-Artikolu 34c(2) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija. Fost dawn il-kriterji hemm, fost l-oħrajn, l-informazzjoni dwar il-prezz tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u dwar l-iffissar tal-ammont tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja.

126. Ir-Repubblika Ċeka ġustament tafferma li l-informazzjoni dwar il-prezz u t-tariffi ma huma xejn ħlief mod ieħor kif jiġi indikat il-livell tat-tariffi għall-użu tal-infrastuttura li ntalbu jew jistgħu jintalbu. Barra minn hekk, il-modalitajiet tal-iffissar tal-prezzijiet previsti fl-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, li l-eżami tagħhom għandu jsir mill-korp regolatorju, jinkludu l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura.

127. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija iktar ’il fuq, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, ma jidhirx li huma insuffiċjenti fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, il-korp regolatorju jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar il-modifikazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk, inklużi l-kriterji stabbiliti fiha, jew dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, u b’mod partikolari l-modalitajiet tal-iffissar tal-prezzijiet. Ċertament, ir-regoli proċedurali previsti għal dan il-għan, b’mod partikolari t-terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex jitressqu l-ilmenti, huma tali li jdgħajfu tali konklużjoni. Madankollu, dan l-aspett tal-aħħar ma tqajjimx mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, imma biss fl-istadju tar-replika tagħha, b’tali mod li jidher li huwa tardiv. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma rnexxieliex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-realtà tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, fir-rigward tal-kompetenzi tal-korp regolatorju dwar il-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura.

128. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-ħames ilment tal-Kummissjoni bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

F –    Fuq is-sitt ilment ibbażat fuq l-allegata assenza tal-korp previst fl-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440

1.      L-argumenti tal-partijiet

129. Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, peress li fir-Repubblika Ċeka ma jeżistix korp bħal dak previst fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex iwettaq il-missjonijiet previsti.

130. Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 jirriżulta li l-kontroll tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji jista’ jiġi fdat jew lill-korp regolatorju stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, jew lil kwalunkwe korp ieħor li jgawdi l-istess grad ta’ indipendenza. F’każ daqskemm fl-ieħor, il-korp inkwistjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, jiġifieri li jiġi stabbilit skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14, li jittratta l-ilmenti tal-applikanti, u li jiddeċiedi, abbażi ta’ lment jew ex officio, il-miżuri xierqa sabiex jiġu kkorreġuti żviluppi mhux mixtieqa fis-swieq.

131. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgħid li fir-Repubblika Ċeka, il-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji hija kkontrollata mill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni li l-kompetenzi tiegħu huma ddefiniti mil-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni.

132. Issa, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li l-kompetenza tal-Uffiċċju msemmi iktar ’il fuq hija limitata għal kwistjonijiet direttament marbuta mal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ferrovjarji. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li dan l-uffiċċju ma jeżerċitax il-funzjonijiet kollha li għandu jeżerċita skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, tant li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala korp li jissodisfa l-funzjonijiet elenkati minn dik id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-Uffiċċju inkwistjoni ma jistax jagħti deċiżjonijiet dwar kull ilment ta’ applikanti li jħossu li ġew ittrattati inġustament jew li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni jew li sfaw leżi b’xi mod ieħor u ma jistax, abbażi ta’ lment jew ex officio, jagħti deċiżjonijiet dwar miżuri xierqa biex jiġu kkoreġuti xi żviluppi mhux mixtieqa f’dawn is-swieq.

133. Ir-Repubblika Ċeka ssostni prinċipalment li dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Il-Kummissjoni fil-fatt ressqet dan l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni sabiex jeżerċita l-funzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 biss fl-istadju tar-rikors, tant li hija ċċaħħdet mill-possibbiltà li twieġeb b’mod effettiv għal din il-kritika fil-fażi ta’ qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

134. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, għall-ewwel darba minn meta bdiet il-proċedura, il-Kummissjoni sostniet fil-kuntest tar-rikors, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, mhux b’rabta mal-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, kif għamlet fl-opinjoni mmotivata, imma b’rabta mal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440.

2.      Eżami tas-sitt ilment

135. L-istess bħar-Repubblika Ċeka, jiena tal-fehma li s-sitt ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (34).

136. Fl-opinjoni mmotivata tagħha, il-Kummissjoni tabilħaqq irreferiet għall-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, meta akkużat lir-Repubblika Ċeka li naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw minnu. Madankollu, l-ilment tal-Kummissjoni kien ibbażat, l-ewwel nett, fuq l-affermazzjoni li l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni ma jistax jaġixxi bħala korp regolatorju peress li d-direttivi ferrovjarji ma jippermettux allokazzjoni tal-funzjonijiet tal-imsemmi korp bejn diversi korpi. It-tieni nett, l-Istat Membru ġie akkużat bil-fatt li l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni ma kellux il-kompetenzi kollha previsti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14.

137. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt ilment tal-Kummissjoni bħala inammissibbli.

V –    Fuq l-ispejjeż

138. Abbażi tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura (35), jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Billi l-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka tilfu fuq diversi talbiet tagħhom, nipproponi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

139. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

VI – Konklużjoni

140. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’dan il-mod:

1)      Ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha

–        abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, billi ffissat l-ammont massimu tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja;

–        abbażi tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, kif emendata bid-Direttiva 2007/58, billi ma adottatx miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi jnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess;

–        abbażi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, kif emendata bid-Direttiva 2007/58, peress li ma stabbiliet l-ebda sistema ta’ titjib tas-servizzi tali li tħeġġeġ lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministraturi tal-infrastrutturi jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju, u

–        abbażi tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE, billi introduċiet stħarriġ amministrattiv tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju permezz ta’ rikors quddiem il-Ministeru tat-Trasport.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 315, p. 44). Għandu jiġi nnotat li t-titolu tad-Direttiva 2001/14 ġie emendat bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227). Minn dak iż-żmien lil hawn t-titolu tagħha sar “Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija”.


4 – Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).


5 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).


6 – Dawn huma s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/10), u tat-8 ta’ Novembru 2012 Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑528/10), kif ukoll il-kawżi Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑473/10); Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10); Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑512/10); Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑555/10); Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑556/10); Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑625/10); Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (C‑627/10); Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑369/11), u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑412/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


7 – Ara l-punti 41 sa 53 tal-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.


8 – Biex nieħdu eżempju fittizzju, l-Istat jista’ jiddetermina li, għat-traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, l-ispejjeż tal-infrastruttura huma ta’ 30 %, dawk tat-traffiku tal-passiġġieri fuq distanzi twal huma ta’ 20 % u tat-traffiku suburban huma ta’ 80 %. Għaldaqstant, l-Istat ikun responsabbli mill-bqija tal-ispejjeż iġġenerati, jiġifieri 70 %, 80 % u 20 % rispettivament.


9 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006 (C‑438/04, Ġabra p. I‑6675, punt 37).


10 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).


11 – Ara l-punti 93 sa 104 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq u l-punti 74 sa 84104 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitata iktar ’il fuq.


12 – Ara l-punti 67 sa 71 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżenajt fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq u l-punt 76 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżenajt fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll ir-raba’ lment f’din il-kawża (punti 90 et seq).


13 – Skont il-premessa 40 tad-Direttiva 2001/14,“[i]nfrastruttura tal-ferroviji hija monopolju naturali. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu pprovduti amministraturi ta’ l-infrastruttura b’inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż u jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti”.


14 – Avviż tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta inizjali tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni tad-Direttivi tal-Ewwel Pakkett Ferrovjarju (ara www.cer.be). Ir-Repubblika Ċeka tippreċiża li l-Komunità tal-Impriżi Ferrovjarji u Infrastrutturali Ewropej hija organizzazzjoni mhux governattiva li tiġbor fiha 79 impriża Ewropea ta’ dan is-settur.


15 – Punti 73 sa 85.


16 – L-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva 2001/14.


17 – Punt 74 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.


18 – Il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha wkoll tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tar-raba’ lment fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 92 sa 105 tal-konklużjonijiet tiegħi).


19 – Ara l-premessi 32, 33, 38 u 39 tad-Direttiva 2001/14.


20 – Fir-rigward tal-ispiża marġinali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, ara dokument intitolat “Charges for the Use of Rail Infrastructure of 2008”, OECD/International Transport Forum 2008 (www.internationaltransportforum.org) u studju Catrin (Cost Allocation of Transport Infrastructure Cost) ta’ P. Wheat, et, “D8 – Rail Cost Allocation for Europe”, Stokkolma 2009.


21 – Ara “Charges for the Use of Rail Infrastructure of 2008”, imsemmi iktar ’il fuq.


22 – T. Suvanto, Marginal Cost Pricing, “ECMT Workshop on Rail Infrastructure Charges”, Ministry of Transport and Communications of Finland, Ruma 09.07.2004, http://www.internationaltransportforum.org/IntOrg/ecmt/railways/pdf/Rome04FIN.pdf


23 – Ara l-punt 1 tal-Anness VIII tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea [COM(2010) 475 finali].


24 – Fl-ewwel qari, il-Parlament Ewropew ħassar il-punt (c).


25 – Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tat-3 ta’ Lulju 2012, dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (Riformulazzjoni) [18581/2/2011-C7-0268/2010-2010/0253(COD)], Artikolu 31 u nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


26 – Il-Kummissjoni qed tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-istudju Catrin, imsemmi iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, fejn jingħad li t-tariffi ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju qegħdin f’firxa li tmur minn EUR 0 sa EUR 2 għal ferrovija-kilometru fil-każ ta’ ferrovija għat-trasport tal-merkanzija tipika ta’ 960 tunnellati gross.


27 – Sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑159/94, Ġabra p. I‑5815, punt 102) u tal-14 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑55/99, Ġabra p. I‑11499, punt 30).


28 – Ara l-punti 67 sa 72 tal-imsemmija konklużjonijiet.


29 –      Dawn il-ħames ilmenti huma i) l-assenza ta’ kompetenza għal eżami tar-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14; ii) limitazzjoni għall-eżami tar-rekwżiti previsti fl-Artikolu 30(2)(c) ta’ din id-direttiva, minħabba t-terminu biex jitressaq ilment; iii) l-assenza ta’ kompetenza għal eżami tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 30(2)(d) ta’ din id-direttiva; iv) limitazzjoni għall-eżami tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 30(2)(d) tal-istess direttiva minħabba t-terminu biex jitressaq ilment, u v) limitazzjoni għall-eżami tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 30(2)(e) minħabba t-terminu biex jitressaq ilment.


30 – F’dan il-każ, ir-Regoli tal-Proċedura huma dawk li kienu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Novembru 2012.


31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑475/07, punt 43); tal-24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑375/10, punt 10), u tal-10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja (C‑39/10, punt 24).


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati tat-12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (punt 44); tal-24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (punt 11), u Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja (punt 26).


33 – Għandu jitfakkar li l-Artikolu 34g(3) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija huwa redatt b’dan il-mod, jiġifieri “[j]ekk l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jikkonstata li fit-tfassil tad-dikjarazzjoni tan-netwerk, […] tkun ġiet segwita proċedura inkorretta, huwa għandu jiddeċiedi li l-imsemmija dikjarazzjoni għandha tiġi mmodifikata, inklużi l-kriterji stabbiliti fiha, jew għandu jiddeċiedi dwar allokazzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet, u b’mod partikolari l-mod kif ġie ffissat il-prezz”.


34 – Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35 – Dan huwa l-att li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012.