Language of document : ECLI:EU:C:2008:335

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

Ppreżentata fil-11 ta’ Ġunju 2008 1(1)

Kawża C‑127/08

Blaise Baheten Metock,

Hanette Eugenie Ngo Ikeng,

Christian Joel Baheten,

Samuel Zion Ikeng Baheten,

Hencheal Ikogho,

Donna Ikogho,

Roland Chinedu,

Marlene Babucke Chinedu,

Henry Igboanusi,

Roksana Batkowska

vs

Minister for Justice, Equality and Law Reform

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda)]

“Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jgħixu fi Stat Membru - Konjuġi li huwa ċittadin ta’ Stat terz ”





1.        Dan ir-rinviju, li huwa suġġett għall-proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 104(b) tar-Regoli tar-Regoli tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrigwarda l-portata tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni. Il-kwistjoni hija waħda delikata peress li twassal għal obbligu li ssir diviżjoni bejn dak li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u dak li jaqa’ taħt il-kontroll tal-immigrazzjoni li huwa qasam li jibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri sakemm u sa fejn il-Komunità Ewropea ma pproċedietx għall-armonizzazzjoni totali. Il-portata kostituzzjonali tas-suġġett tispjega d-dibattitu jaħraq; b’xejn anqas minn għaxar Stati Membri intervjenu insostenn tal-Gvern konvenut fil-kawża prinċipali sabiex jikkontestaw l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Huwa minnu li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja komplew isaħħnu d-dibattitu minħabba n-nuqqas ta’ koerenza fil-linja ta’ ġurisprudenza tagħha. Id-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE (2) magħmula fil-kawżi preżenti, joffru opportunità tajba għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika l-kwistjoni.

I –    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

2.        Dan ir-rinviju preliminari qed isir mill-High Court (l-Irlanda) fil-kuntest ta’ kontroversja li tikkonċerna erba’ kawżi maqgħuda intiżi sabiex jiġi kkontestat ir-rifjut ta’ għoti ta’ awtorizazzjoni għar-residenza lil ċittadin ta’ pajjiżi terzi, miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni li stabbilit fl-Irlanda. F’kull waħda minn dawn l-erba’ kawżi, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal direttament l-Irlanda u ressaq talba għall-ażil politiku, li nċaħdet. Wara l-wasla tiegħu fl-Irlanda, l-interessat iżżewweġ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jgħix u jaħdem fl-Irlanda. Wara dan iż-żwieġ, huwa talab titolu ta’ residenza (“residence card”) bħala konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jirrisjedi legalment fl-Irlanda. Din it-talba nċaħditlu mill-Ministru tal-Ġustizzja għar-raġuni li l-persuna li ressqet it-talba ma ġabet l-ebda prova li turi li kien għex legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Irlanda, kif teżiġi l-leġiżlazzjoni Irlandiża adottata għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38. L-applikanti għalhekk, appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet ministerjali li rrifjutaw l-ħruġ tat-titolu ta’ karta ta’ residenza, abbażi tal-fatt li l-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor imposta mil-leġiżlazzjoni Irlandiża u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha ġġustifika ċ-ċaħdiet ikkontestati, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

3.        Huwa għalhekk, sabiex tkun tista’ teżamina l-fondatezza tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tat-titolu ta’ residenza kkontestati, il-qorti tar-rinviju qieset neċessarju li tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 u iktar preċiżament id-dritt ta’ residenza favur konjuġi mhux Komunitarju miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni jistax ikun suġġett għall-kundizzjoni tar-residenza legali fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla ta’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti. Dan huwa l-għan tal-ewwel domanda preliminari. U jekk dan mhux il-każ, xorta għandu jiġi ddeterminat jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħux, f’dan il-każ, minkejja dan, jiġu rrifjutati l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, peress li l-Artikolu 3(1) tagħha jirriżerva d-dritt lill-membri tal-familja li “jakkompanjaw” jew “jingħaqdu” ma’ ċittadin tal-Unjoni, meta huma jkunu żżewġu biss wara l-wasla tagħhom fit-territorju Irlandiż. Minn hawn ħarġu t-tieni u t-tielet domandi preliminari li jikkonċernaw, essenzjalment, l-impatt tad-data taż-żwieġ fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38. Dawn iż-żewġ domandi ser jiġu eżaminati suċċessivament.

II – Kunsiderazzjonijiet

A –    Il-kompatibbiltà tar-rekwiżit tar-residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor mad-Direttiva 2004/38

4.        Il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2004/38 tippermettix li l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza li hija tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti jiġi suġġett għall-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor, hija waħda relatata mal-applikazzjoni tal-imsemmi test: dan japplika biss għall-familji li kienu residenti fi Stat Membru qabel marru fl-Istat Membru ospitanti? Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2004/38 tiggarantixxi biss il-moviment liberu tal-membri mhux Komunitarji tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni jew ukoll, f’ċerti każijiet, l-aċċess għal dawn tal-aħħar għat-territorju tal-Unjoni?

5.        Id-Direttiva 2004/38 ma tipprovdix risposta espliċita. Hija sempliċement tirrikonoxxi, fl-Artikoli 6, 7 u 16 tagħha, id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li m’għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li “jakkompanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni”. Peress li l-analiżi tat-test mhuwiex ta’ għajnuna, jeħtieġ li jsir riferiment għall-għanijiet tiegħu. Id-Direttiva 2004/38 tfittex li tiggarantixxi d-“dritt fondamentali u individwali tal-moviment liberu u tar-residenza fuq it-territorju tal-Istati Membri”, attribwit liċ-ċittadini tal-Unjoni direttament mill-Artikolu 18 KE (3). Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dan id-dritt fundamentali ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li jridu jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Id-drittijiet li din tipprevedi jridu jinftiehmu minn perspettiva prattika b’tali mod li jingħataw il-portata kollha neċessarja sabiex tkun assigurata l-effikaċja tad-dritt tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda mhux iktar. Fi kliem ieħor, irid jiġi ddeterminat jekk it-tgawdija sħiħa u kompleta tad-dritt ta’ residenza miċ-ċittadin tal-Unjoni jimplikax li d-dritt ta’ residenza tal-membri mhux Komunitarji tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, li huwa dritt derivanti minn u dipendenti fuq dak taċ-ċittadin tal-Unjoni (4), jinkludi dritt tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni.

6.        Għal tali approċċ u għar-risposta li tista’ tirriżulta minnha, l-Istati Membri intervenjenti ma jistgħux jopponu b’mod validu d-diviżjoni kostituzzjonali vertikali tal-kompetenzi. Għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri jibqgħu, fil-prinċipju, kompetenti fil-qasam tal-kontroll tal-immigrazzjoni u, konsegwentement, għall-aċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin minn barra t-territorju Komunitarju, ma jistax jiġi dedott minn dan li d-Direttiva 2004/38 tirrigwarda biss il-moviment bejn Stati Membri taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom u ma tirrigwardax l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għat-territorju tal-Unjoni. Hemm, fil-fatt, ġurisprudenza stabbilita li tikkonstata li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi nazzjonali tagħhom b’osservanza għad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali tal-moviment (5). Għaldaqstant, diġà ġie espressament deċiż li r-rekwiżiti tal-osservanza tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jillimitaw l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenzi tagħhom (6), partikolarment dawk li huma għandhom fil-qasam tal-kontroll tal-immigrazzjoni (7).

7.        Biex tiġi kkontestata l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 għall-kwistjoni tal-dħul tal-membri mhux Komunitarji tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Komunità, lanqas huwa possibbli li jsir riferiment għall-organizzazzjoni tal-kompetenzi Komunitarji, kif tirriżulta mill-bażijiet legali differenti previsti mit-Trattat KE. Ċertament, huwa biss it-Titolu IV tat-Trattat KE li jippermetti l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi Komunitarji fil-qasam tal-immigrazzjoni u tal-kontroll tal-fruntieri esterni (8), filwaqt li d-Direttiva 2004/38 hija bbażata fuq it-Titolu III tat-Trattat KE. Iżda din tal-aħħar tirregola b’mod dirett id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni biss, filwaqt li dawk tal-membri tal-familja tagħhom huma koperti biss inkwantu jikkostitwixxu aċċessorju għal dawk preċedenti. Il-fatt li, b’hekk, din jista’ jkollha impatt fil-qasam tal-kontroll tal-immigrazzjoni ma jimpinjax fuq il-kompetenza, fondata fuq it-Titolu IV, peress li l-għan essenzjali tagħha huwa limitat għall-garanzija tal-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni.

8.        Jibqa’ għalhekk li jiġi ddeterminat jekk l-effett komplet tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jippresupponix li d-dritt tar-residenza, mogħti lill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni mid-Direttiva 2004/38, jistax jinkludi fih, f’ċerti każijiet, id-dritt ta’ aċċess għat-territorju Komunitarju. Għal dan il-għan, huwa importanti, fl-ewwel lok, li jiġi mfakkar l-enfasi kontinwa magħmula kemm mil-leġiżlatur (9) kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja (10) għall-importanza tal-ħarsien tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini tal-Istati Membri, bl-għan li jiġu eliminati l-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Din ir-rabta strumentali stabbilita bejn id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u l-libertajiet tal-moviment, wasslet, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u dawk tad-Direttiva 73/148/KEE (11) għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu obbligu fuq Stat Membru li jawtorizza d-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu tal-konjuġi, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat li jkunu daħal, mal-imsemmi konjuġi, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk jeżerċita attività ta’ impjegat, fis-sens tal-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, Artikolu 39 KE) u li jkun reġa’ mar lura jgħix, fis-sens tal-Artikolu 52 tat-Trattat KE, fit-territorju tal-Istat Membru tal-oriġini; skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jkun skuraġġat milli jħalli l-pajjiż tal-oriġini tiegħu biex jeżerċita attività ta’ impjegat jew jaħdem għal rasu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jekk meta jiġi biex imur lura fl-Istat Membru li tiegħu jkollu n-nazzjonalità, biex jeżerċita attività ta’ impjegat jew jaħdem għal rasu, il-mara jew ir-raġel u t-tfal ma jkunux awtorizzati huma wkoll li jidħlu jgħixu fit-territorju ta’ dan l-Istat, f’kundizzjonijiet li huma tal-anqas ugwali għal dawk mogħtija lilhom mil-liġi Komunitarja fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (12). L-imsemmija rabta strumentali tispjega wkoll għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li l-Artikolu 49 KE, moqri fid-dawl tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li l-Stat Membru tal-oriġini ta’ provditur ta’ servizzi stabbilit f’dan l-istess Stat Membru, li jipprovdi servizzi lil destinatarji stabbiliti fi Stati Membri oħra, jirrifjuta r-residenza fit-territorju tiegħu lill-konjuġi ta’ dak il-fornitur, li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz (13). Anki fis-sentenza Akrich (14), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat tirrikonoxxi, abbażi tar-Regolament Nru 1612/68, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru tal-oriġini li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni kien irritorna sabiex jgħix mal-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, peress li dan ma kienx għex legalment minn qabel fi Stat Membru, hija mandankollu imponiet l-obbligu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini li jevalwaw it-talba tal-konjuġi ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tagħhom, fid-dawl tad-dritt fundamentali tar-rispett għall-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 KEDB (15), peress li l-kwistjoni kienet tolqot il-libertà tal-moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni.

9.        Jekk wieħed isegwi din il-linja, irid jiġi rrikonoxxut li bl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li d-dritt tar-residenza li hija tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, ma jagħtihomx il-garanzija tad-dritt ta’ aċċess għat-territorju Komunitarju, jiġifieri dan jintervjeni biss meta huma kienu għexu legalment minn qabel fi Stat Membru ieħor, tippreġudika d-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu ħajja tal-familja normali u, għaldaqstant, id-dritt tiegħu ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti. Fil-kawżi prinċipali inkwistjoni, l-impossibbiltà għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu l-Irlanda li jġibu l-konjuġi tagħhom minn barra l-Komunità hija ta’ natura li taffettwa l-għażla libera tagħhom li jgħixu f’dak l-Istat Membru peress li tinkorraġixxihom jitilqu mill-Irlanda biex imorru lura fi Stat ieħor, sew jekk dan ikun Stat Membru, sew jekk ikun Stat terz, fejn ikunu jistgħu jgħixu ħajja komuni mal-konjuġi tagħhom. Konsegwentement, l-effettività tad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru ieħor għajr dak tal-oriġini tiegħu, jitlob li d-dritt ta’ residenza derivanti rrikonoxxut lill-membri mhux Komunitarji tal-familja tiegħu mid-Direttiva 2004/38 jiġi interpretat bħala li jimplika d-dritt li dawn jingħaqdu miegħu, anki jekk ikunu ġejjin direttament minn barra l-Unjoni. Minn dan jirriżulta li Stat Membru ma jistax validament jeżiġi minn dawn il-membri tal-familja li għexu legalment minn qabel fi Stat Membru ieħor sabiex dawn ikollhom id-dritt jibbenefikaw ruħhom mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

10.      Fl-isfond ta’ interpretazzjoni simili mogħtija lid-Direttiva 2004/38, il-Gvern Irlandiż u l-Istati Membri intervenjenti qed jopponu s-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Akrich (16), li tistabbilixxi li l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza konferit mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 lil ċittadin ta’ Stat terz, miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni, li jmur fi Stat Membru li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun emigra, huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor, inkwantu l-imsemmi regolament jikkonċerna biss il-moviment liberu ġewwa l-Komunità u ma jgħid xejn dwar id-drittijiet tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz, miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni, inkwantu għall-aċċess għat-territorju tal-Komunità.

11.      Is-soluzzjoni fis-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax, madanakollu, għal diversi raġunijiet, ikollha l-portata ġenerali li qed jattribwulha l-Istati Membri. Is-sentenza ma timxix mal-linja ġurisprudenzjali eżistenti li tissuġġetta d-dritt ta’ residenza konferit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni biss għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta tal-familja”. Din kienet il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel l-2003 (17). Din baqgħet il-pożizzjoni wara (18). Minn dan id-dritt ta’ residenza direttament mogħti mid-dritt Komunitarju mill-aspett uniku tar-rabta tal-familja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet l-impossibbiltà għal Stat Membru li jadotta miżuri li jbegħdu membru mhux Komunitarju mill-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għar-raġuni unika li l-formalitajiet legali relatati mal-kontroll tal-barranin ma ġewx sodisfatti (19) u n-natura sempliċiment rikonjitorja tal-ħruġ tat-titolu ta’ residenza lill-imsemmi membru (20).

12.      Barra minn hekk, fis-sentenza Jia (21), kienet il-Qorti tal-Ġustizzja stess li rabtet b’mod espliċitu l-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel ifformulata fis-sentenza Akrich mal-kuntest fattwali partikolari tal-kawża prinċipali, b’ċittadin ta’ pajjiż terz, miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni li għex illegalment fi Stat Membru u li fittex li jaħrab abbużivament mill-awtorità tal-liġi nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Akrich, li kien miżżewweġ ċittadina Ingliża u li ma kellux id-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit kien, fil-fatt, ta l-kunsens tiegħu biex jitkeċċa lejn l-Irlanda fejn kien ingħaqad ma’ martu, li kienet marret tgħix hemmhekk ftit qabel u kien beħsiebu jmur lura r-Renju Unit ma’ martu abbażi tad-dritt tar-residenza mogħti mid-dritt Komunitarju bħala konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li eżerċitat d-dritt tagħha ta’ moviment.

13.      Fl-aħħar nett, għandhom jitqiesu l-bidliet introdotti mid-Direttiva 2004/38. Anki jekk wieħed jippresupponi li s-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq, kellha portata illimitata għall-kuntest partikolari tal-kawża (l-abbuż tal-liġi), jibqa’ l-fatt li din kienet ingħatat fl-ambitu u għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament 1612/68. Kif indikat fil-Premessa 3 tagħha, id-Direttiva 2004/38 għandha l-għan mhux biss li tikkodifika iżda wkoll li tirrevedi l-istrumenti eżistenti biex “tinforza” id-dritt tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt li r-Regolament 1612/68 jikkonċerna biss il-“moviment liberu” tal-ħaddiema fil-Komunità, u dan kif jistqarr it-titolu tiegħu stess, id-Direttiva 2004/38 tikkonċerna, fl-ambitu ġuridiku stabbilit mill-Artikolu 18 KE, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni mhux biss li “jiċċaqalqu” minn pajjiż għal ieħor iżda li “jgħixu” liberament fit-territorji tal-Istati Membri. Fi kliem ieħor, il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u l-leġiżlazzjoni adottata fir-rigward, kienu essenzjalment intiżi sabiex jeliminaw l-ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema. L-aċċenn għalhekk kien fuq l-effett skoraġġanti għall-ħruġ minn jew għad-dħul u l-ħruġ fi Stat Membru, li setgħu joħolqu l-miżuri meħuda mill-Istati Membri. U fl-aħħar mill-aħħar hija din il-perspettiva li ispirat ir-ratio decidendi tas-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq. Wara li fakkret li l-istruttura tad-dispożizzjonijiet Komunitarji għandha l-għan li tiggarantixxi l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fil-Komunità, li l-eżerċizzju tagħha ma jistax jippenalizza l-ħaddiem immigrant u l-familja tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet fil-fatt li meta ċittadin tal-Unjoni, stabbilit fi Stat Membru, miżżewweġ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jibbenifikax mid-dritt tar-residenza f’dak l-Istat Membru, imur fi Stat Membru ieħor biex jaħdem bħala impjegat, in-nuqqas tad-dritt tal-konjuġi tiegħu, ibbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, li jgħix maċ-ċittadin tal-Unjoni f’dak l-Istat Membru, dan ma jistax jikkostitwixxi trattament anqas favorevoli minn dak li minnu kienu jibbenifikaw qabel mal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni għamel użu mill-possibbiltajiet offerti bit-Trattat fil-qasam tal-moviment tal-persuni u, għalhekk, ma jistax ikun ta’ natura li jipperswadi liċ-ċittadin tal-Unjoni biex ma jagħmilx użu mid-drittijiet tal-moviment irrikonoxxuti mill-Artikolu 39 KE; min-naħa l-oħra, meta ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru, miżżewweġ lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenifika mid-dritt tar-residenza f’dak l-Istat Membru, imur fi Stat Membru ieħor biex jeżerċita xogħol ta’ impjegat, dan il-moviment m’għandux isarraf fit-telf tal-possibbiltà li jgħixu flimkien leglament u huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jikkonċedi lill-konjuġi, id-dritt li jgħixu f’dak l-Istat Membru l-ieħor (22). Preżentament id-Direttiva 2004/38 tenfasizza d-dritt tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. Għalhekk m’għadhiex iktar kwistjoni ta’ mobilità iżda wkoll ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità tar-residenza fi Stat Membru ieħor li huwa intiż li jiġi garantit. Minn din il-perspettiva, huwa naturali li wieħed jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza legali minn qabel, meħtieġa għall-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza mogħti mid-Direttiva 2004/38 liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, hija tali li taffettwa l-kontinwità tar-residenza fl-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni għażel liberament. Jekk il-ħajja tal-familja tiegħu tinbidel u l-membru tal-familja ma jkunx jista’ jibbenifika mid-dritt Komunitarju sabiex jingħaqad miegħu minħabba n-nuqqas ta’ residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun inċitat li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru fejn ikun għażel li jgħix biex imur fi Stat ieħor, Stat Membru jew pajjiż terz, fejn ikun jista’ jerġa’ jgħaqqad l-unità tal-familja. Il-ksur tad-dritt għall-ħajja tal-familja normali li jinħoloq mill-eżiġenza ta’ residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor, jaffettwa, kif jidher ċar, l-effettività tad-dritt ta’ residenza. M’hemm l-ebda raġuni għaliex il-ksur għall-ħajja tal-familja jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk dawn jostakolawx jew le fuq il-libertà taċ-ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq minn Stat Membru għall-ieħor jew li jgħix fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, peress li d-Direttiva 2004/38, bħar-Regolament Nru 1612/68 (23), għandha tiġi interpretata wkoll fid-dawl tad-dritt fundamentali tar-rispett għall-ħajja tal-familja, għandu jiġi konkluż li l-benefiċċju tad-dritt tar-residenza, mogħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2004/38, ma jistax ikun suġġett għall-eżistenza tar-residenza legali minn qabel tal-imsemmija ċittadini fi Stat Membru ieħor.

14.      Fl-aħħar nett irid jiġi mfakkar li l-fatt li d-dritt ta’ residenza, irrikonoxxut mid-Direttiva 2004/38 liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jinkludi d-dritt ta’ aċċess għat-territorju tal-Komunità, dan ma jfissirx li dan id-dritt ma jistax jiġi limitat mill-Istati Membri. Dawn il-limiti huma rrikonoxxuti b’mod espliċitu. L-Artikolu 27 tal-imsemmi test, jirreferi għar-riżerva klassika tal-ordni pubbliku għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u ta’ membru tal-familja tiegħu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu. L-Artikolu 35 jagħmel referenza wkoll għall-każ tal-abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi. B’dan il-mod, ġew koperti ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza iżda jista’ jitqies li l-abbuż tad-dritt ikopri wkoll l-ipoteżi Akrich,tat-tentattiv li wieħed jaħrab b’mod abbużiv mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni. Wieħed jinnota li dawn il-limitazzjonijiet permessi fid-Direttiva 2004/38 ikopru dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat lill-Isati Membri li jimponu, fil-kuntest tal-libertà tal-provvista ta’ servizzi, fuq id-dritt tar-rispett għall-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 KEDB (24).

15.      Jeħtieġ għalhekk li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li d-Direttiva 2004/38 ma tawtorizzax lil Stat Membru jissuġġetta l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza li din tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel tal-imsemmija ċittadini fi Stat Membru ieħor.

B –    L-impatt tad-data taż-żwieġ fuq il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza mogħti mid-Direttiva 2004/38

16.      It-tieni u t-tielet domandi preliminari jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, essenzjalment, dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 biex jikseb id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti ma’ ċittadin tal-Unjoni li lilu huwa miżżewweġ, jekk ikun daħal fl-Istat Membru ospitanti qabel iż-żwieġ, u anki qabel il-wasla taċ-ċittadin tal-Unjoni. Il-kwistjoni tqum għaliex l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jirriżerva l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet għaċ-ċittadini tal-Unjoni u “għall-membri tal-familja tagħhom […] li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”. Hemm lok għalhekk li din il-formulazzjoni tippresupponi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz irid ikun kiseb l-istatus ta’ membru tal-familja qabel ma jasal fl-Istat Membru ospitanti? Din hija s-sottomissjoni tal-Gvern Irlandiż. Inkella, kif jista’ ċittadin ta’ pajjiż terz jitqies li jkun qed jakkompanja jew jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni, bħala membru tal-familja tiegħu?

17.      It-test tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jsostnix madanakollu t-teżi tal-Istat Membru konvenut fil-kawżi prinċipali. Il-kelma “jakkompanjawhom”, b’mod partikolari, tista’ wkoll tindika moviment u tinftiehem fis-sens li wieħed imur ma’, milli l-konnotazzjoni statika li tfisser ikun ma’. Dan is-sens doppju, jinsab fl-ekwivalenti tat-test Franċiżi, użat f’verżjonijiet oħra lingwistiċi, pereżempju l-kelma Ingliża “accompany”, dik Spanjola “acompañar”, dik Taljana “accompagnare” jew dik Portugiża “acompanhar”. Biex din l-ambigwità fit-test tixxejjen, trid għal darba oħra tiġi żviluppata interpretazzjoni prattika. F’dan ir-rigward jekk l-enfasi tkun unikament fuq il-mobilità taċ-ċittadini Komunitarji, fuq il-libertà tagħhom li jmorru fi Stat Membru ieħor, jista’ jingħad b’ċerta relevanza li d-dritt Komunitarju ma jiggarantixxix lill-membru tal-familja d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni immigrant peress li r-rabtiet tal-familja ġew stabbiliti biss wara l-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment. F’din l-ipotesi fil-fatt, il-fatt li l-familja mhijiex se tkun flimkien ma jistax ikun ta’ skoraġġiment għaċ-ċittadin Komunitarju sabiex jeżerċita l-libertà li jmur minn Stat għal ieħor.

18.      Madankollu, kif nafu, fost id-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 18 KE, hemm ukoll d-dritt tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. B’mod loġiku, id-Direttiva 2004/38, li hija intima sabiex tirregola l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, tapplika skont l-Artikolu 3 tagħha, għal kull ċittadin tal-Unjoni li “jmur jew jgħix” fi Stat Membru għajr dak tan-nazzjonalità tiegħu. Għaldaqstant, kif diġà enfasizzajt fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, il-kontinwità tar-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti tkun ipperikolata kemm-il darba dan ma jkunx jista’ jgħix hemmhekk mal-membri tal-familja tiegħu. Il-mument li fih il-persuna saret membru mhux daqshekk importanti, għall-finijiet tal-effettività tad-dritt tar-residenza. Ftit jimporta wkoll jekk il-persuna li saret membru tal-familja kinitx diġà fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti qabel il-wasla taċ-ċittadin tal-Unjoni. Anki jekk, bħal fil-kawżi prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jkun iżżewweġ liċ-ċittadin tal-Unjoni bisst ir-residenza ta’ dawn tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti, u anki jekk fil-mument taż-żwieġ, ikun diġà daħa fl-Istat Membru ospitanti, ir-rifjut ta’ dan l-Istat Membru li jikkonċedilu titolu ta’ residenza fil-kapaċità tiegħu ta’ konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, liema rifjut ikun ta’ ostakolu għall-ħajja tal-familja, mhux se jaffettwa anqas ir-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tiegħu.

19.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fil-kuntest tad-dritt tar-residenza marbut mal-libertà fundamentali tal-moviment tal-ħaddiema, Stat Membru ma jistax jiċħad il-ħruġ tat-titolu ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun iżżewweġ lil ħaddiem Komunitarju fil-pajjiż ospitanti, wara li jkun daħal fih illegalment (25), mingħajr ma jkun qed jinjora d-dritt ta’ residenza tal-ħaddiema Komunitarji u għalhekk tal-membri tal-familja tagħhom, konċess bid-Direttivi 68/360 KEE (26) u 73/148. Dak li kien veru, fl-ambitu tat-testi preċedenti għad-Direttiva 2004/38, huwa preżentement iktar veru a fortiori. M’hemmx għalfejn jerġa’ jiġi repetut li l-imsemmija Direttiva għandha l-għan li “issaħħaħ” id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni. Minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jeżiġu l-benefiċċju tad-drittijiet konferiti mid-Direttiva 2004/38 lill-Membri tal-familja li “jakkumpanjaw” liċ-ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, tkun xi tkun id-data li fiha saru membri tal-familja tal-imsemmi ċittadin.

20.      Għaldaqstant wieħed jista’ jirrispondi għat-tieni u għat-tielet domandi preliminari fis-sens li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 japplika għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, indipendentement mid-data u mill-post taż-żwieġ tagħhom, u indipendentement mid-data li fiha u mill-mod li bih daħal fl-Istat Membru ospitanti.

III – Konklużjoni

21.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-High Court:

“1)      Id-Direttiva 2004/38/KE ma tawtorizzax Stat Membru li jissuġġetta l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza mogħti minnha liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, għall-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel tal-imsemmija ċittadini fi Stat Membru ieħor.

2)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 japplika għaċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi li huwa konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni, residenti fl-Istat Membru ospitanti, indipendentement mid-data u mill-post taż-żwieġ tagħhom, u indipendentement mid-data li fiha u mill-mod li bih daħal fl-Istat Membru ospitanti.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77).


3 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 84).


4 – Bħala riferiment, ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, Ġabra p. I‑10719, punti 23, 24 u 30).


5 – Bħala riferiment, ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 29).


6 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C‑135/99, Ġabra p. I‑10409, punt 33); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 25); tad-29 ta’ April 2004, Pusa (C‑224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 22); tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 33); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas‑Hagen et Tas (C‑192/05, Ġabra p. I‑10451, punt 22), u tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska (C‑499/06, Ġabra p. I‑3993, punt 24).


7 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C‑459/99, Ġabra p. I‑6591). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑157/03, Ġabra p. I‑2911).


8 – Bħala eżempju, ara d-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, p. 12), li jikkonferixxi d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi.


9 – Wara li fakkar fil-ħames premessa tiegħu li “d-dritt għal-libertà tal-moviment, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat, bi standards oġġettivi, bil-libertà u d-dinjità, […] ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema għandhom ikunu eliminati, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu”, ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 127, p. 2) jistabbilixxi, fl-Artikolu 10 tiegħu, id-dritt tal-membri tal-familja, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, li jistabbilixxu ruhħom mal-ħaddiem, ċittadin ta’ Stat Membru li jkun impjegat fit-territorju ta’ Stat Memrbu ieħor. F’termini simili ħafna, il-Premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 tfakkar li “(i)d-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza”.


10 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279, punt 38); MRAX, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53); tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26); tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, Ġabra p. I‑1097, punt 41), u Eind, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).


11 – Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta' Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14).


12 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, Ġabra p. I‑4265).


13 – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq.


14 – Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003 (C‑109/01, Ġabra p. I‑9607).


15 – Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


16 – Iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 51).


17 – Ara s-sentenza MRAX, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).


18 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).


19 – Ara s-sentenza MRAX, iċċitata iktar ’il fuq (punti 73 sa 80).


20 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).


21 – Sentenza tad-9 ta’ Jannar 2007 (C‑1/05, Gabra p. I‑1).


22 – Ara s-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq (punti 51 sa 54).


23 – Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (249/86, Ġabra. p. 1263, punt 10), u Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).


24 – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq.


25 – Ara s-sentenza MRAX, iċċitata iktar ’il fuq (punti 63 sa 80).


26 – Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, p. 13).