Language of document : ECLI:EU:C:2012:55

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-2 ta’ Frar 2012 (1)

Kawża C‑549/10 P

Tomra Systems ASA

Tomra Europe AS

Tomra Systems GmbH

Tomra Systems BV

Tomra Leergutsysteme GmbH

Tomra Systems AB

Tomra Butikksystemer AS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea



“Appell — Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tal-magni għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati — Ftehim ta’ esklużività, impenji kwantitattivi u tnaqqis għal fedeltà li jagħmlu parti minn strateġija ta’ esklużjoni tal-kompetituri mis-suq”





1.        Fil-kawża preżenti, l-appellanti, Tomra Systems ASA, Tomra Europe AS, Tomra Systems GmbH, Tomra Systems BV, Tomra Leergutsysteme GmbH, Tomra Systems AB u Tomra Butikksystemer AS, (iktar ’il quddiem, kollettivament, “Tomra Systems et”) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza fil-Kawża T-155/06 Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (2). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Tomra Systems et għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 734 finali, tad-29 ta’ Marzu 2006, rigward proċeduri skont l-Artikolu 82 KE, li sar l-Artikolu 102 TFUE, u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E‑1/38.113 — Prokent-Tomra) (3).

I –    Il-kuntest tal-kawża

2.        Il-fatti, il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni inkwistjoni huma stabbiliti fid-dettall fil-punti 1 sa 20 tas-sentenza appellata. Fil-qosor, il-grupp Tomra (li jinkludi s-seba’ kumpanniji li ppreżentaw l-appell preżenti) jipproduċi magni għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati [(Reverse Vending Machines (iktar ’il quddiem “RVMs”)]. Dawn il-magni jidentifikaw il-kontenitur abbażi ta’ ċerti parametri, bħal pereżempju l-għamla u/jew il-bar codes, u jikkalkolaw l-ammont tad-depożitu li għandu jiġi rrimborsat lill-klijent, billi tipikament tiġi stampata riċevuta li tiġi rrimborsata mill-kaxxier tal-ħanut. Il-grupp jipprovdi wkoll servizzi relatati ma’ RVMs f’kull parti tad-dinja. Fl-2005, il-grupp Tomra kellu dħul mill-bejgħ ta’ madwar EUR 300 miljun u 1 900 impjegat.

3.        Wara lment li sar minn Prokent AG, kumpannija Ġermaniża li hija wkoll attiva fis-settur tal-RVMs, il-Kummissjoni, wara li għamlet spezzjonijiet, bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Tomra Systems ASA, lil Tomra Europe AS u lill-kumpanniji sussidjarji tal-grupp Tomra f’sitt Stati li jagħmlu parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Fid-29 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, li permezz tagħha kkonstatat li Tomra Systems et kienu kisru l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE fil-perijodu bejn l-1998 u l-2002 billi implementaw strateġija ta’ esklużjoni fis-suq Ġermaniż, Olandiż, Awstrijak, Norveġiż u dak Svediż tal-RVMs, permezz ta’ ftehim ta’ esklużività, ftehim li kien fih impenji kwantitattivi individwalizzati jew ftehim li jistabbilixxi skemi ta’ tnaqqis għal fedeltà individwalizzati, u b’hekk għalqu s-swieq għall-kompetizzjoni.

4.        F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat, inter alia, li l-ishma tas-suq ta’ Tomra Systems et fl-Ewropa kienu kontinwament eċċedew is-70% qabel l-1997, u wara l-1997 dawn eċċedew il-95% u li, fis-swieq kollha inkwistjoni, l-ishma tas-suq ta’ Tomra Systems et kienu diversi drabi ikbar minn dawk tal-kompetituri tagħhom. Hija kkonkludiet li Tomra Systems et kienu impriża dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sostniet li Tomra Systems et kienu fasslu strateġija li kellha għan jew effett antikompetittiv, kemm fil-prattiki tagħhom kif ukoll fi ħdan id-diskussjonijiet interni tal-grupp. Skont id-deċiżjoni inkwistjoni, Tomra Systems et ippruvaw iżommu l-pożizzjoni dominanti tagħhom u s-sehem tagħhom tas-suq b’mezzi li tawhom il-possibbiltà, b’mod partikolari, jipprekludu operaturi ġodda milli jidħlu fis-suq, iżommu l-kompetituri tagħhom żgħar billi jillimitawlhom il-possibbiltajiet tagħhom ta’ tkabbir, u jdgħajfuhom u jeliminawhom billi jakkwistawhom jew b’mezzi oħra. Din l-istrateġija ġiet implementata permezz tal-konklużjoni, bejn l-1998 u l-2002, ta’ 49 ftehim bejn Tomra Systems et u numru ta’ katini ta’ supermarkets. Dawn ħadu l-forma ta’ ftehim ta’ esklużività, ftehim ta’ impenji kwantitattivi individwalizzati jew ftehim li jistabbilixxi skemi ta’ tnaqqis għal fedeltà retroattivi individwalizzati. Id-deċiżjoni inkwistjoni tindika li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ta’ Tomra Systems et għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huma kienu implementaw, xjentement, il-prattiki inkwistjoni fil-kuntest tal-istrateġija tagħhom ta’ esklużjoni, u anki tal-firxa ġeografika ta’ dan il-ksur. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien ksur “serju” u imponiet multa ta’ EUR 24 miljun in solidum fuq Tomra Systems et.

II – Is-sentenza appellata

5.        Insostenn tar-rikors tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, li ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali, Tomra Systems et invokaw sitt motivi fid-dritt. Huma essenzjalment sostnew li l-Kummissjoni: (i) użat provi manifestament żbaljati jew inaffidabbli sabiex tistabbilixxi li l-grupp kien fassal strateġija li teskludi l-kompetizzjoni u li kien implementa din l-istrateġija b’49 ftehim konkluż mal-klijenti tiegħu bejn l-1998 u l-2002; (ii) wettqet żbalji manifesti meta evalwat jekk dawn il-ftehim effettivament eskludewx il-kompetizzjoni, u ma mmotivatx din l-evalwazzjoni (iii) wettqet żball manifest ta’ liġi meta kkonkludiet li ftehim ta’ esklużività, ftehim li kien fih impenji kwantitattivi individwalizzati jew ftehim ta’ tnaqqis għal fedeltà retroattiv individwalizzat kienu per se illegali skont l-Artikolu 102 TFUE; (iv) wettqet żball manifest meta kkonkludiet li impenji kwantitattivi mhux vinkolanti jistgħu jiksru l-Artikolu 102 TFUE; u (v) kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni meta imponiet multa ta’ EUR 24 miljun fuq Tomra Systems et. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha.

III – Fuq l-appell

6.        Fil-kawża preżenti, Tomra Systems et jinvokaw, b’kollox, ħames aggravji insostenn tal-appell tagħhom (4). Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li dawn l-aggravji huma inammissibbli, ineffettivi jew infondati.

A –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-istħarriġ li sar mill-Qorti Ġenerali meta evalwat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar intenzjoni antikompetittiva li ssir esklużjoni tal-kompetizzjoni mis-suq (punti 33 sa 41 tas-sentenza appellata)

7.        Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, Tomra Systems et essenzjalment isostnu li, meta evalwat jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni provi li juru li Tomra Systems et kellhom l-intenzjoni li jikkompetu fuq il-merti. Tomra Systems et itennu l-argument li għamlu quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, użat il-korrispondenza interna ta’ Tomra Systems et sabiex tistabbilixxi l-allegati intenzjoni u strateġija antikompetittivi.

8.        Għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett li l-kunċett ta’ abbuż huwa kunċett oġġettiv (5). Fil-fatt, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni, b’mod korrett, ma għamlitx riferiment għall-intenzjoni bħala element neċessarju sabiex jiġi kkonstatat li kien hemm abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-każ preżenti. F’dan ir-rigward, Tomra Systems et isostnu li, mill-punti 97 sa 105 tad-deċiżjoni inkwistjoni, jirriżulta li l-intenzjoni antikompetittiva kienet fattur sinjifikattiv tal-konstatazzjoni dwar strateġija antikompetittiva u li din il-konstatazzjoni kellha rwol deċiżiv meta l-Kummissjoni stabbilixxiet il-ksur.

9.        Tomra Systems et għamlu riferiment ukoll għall-punt 111 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, kif ġie osservat mill-Kummissjoni, qabel din il-premessa hemm l-osservazzjoni fil-premessa 109 li tipprovdi li l-prattiki deskritti fit-Taqsima III.B jiġu evalwati skont l-Artikolu 102 TFUE f’parti oħra ta’ din id-deċiżjoni. Għal dan il-għan, it-Taqsima IV.B tad-deċiżjoni inkwistjoni fakkret, b’mod korrett, in-natura oġġettiva tal-Artikolu 102 TFUE u kkonstatat li l-prattiki ta’ Tomra Systems et kienu intiżi li jillimitaw il-kompetizzjoni billi janalizzaw il-ftehim konkluż minn Tomra Systems et mal-klijenti tagħhom u mhux il-motivi tagħhom. Għalhekk, l-argument ta’ Tomra Systems et li jipprovdi li l-konstatazzjonijiet dwar l-intenzjoni tagħhom kellhom effett deċiżiv fuq il-konstatazzjoni tal-ksur għandu jiġi miċħud.

10.      Madankollu, huwa minnu li l-provi dwar l-intenzjoni ma humiex kompletament irrilevanti sa fejn dawn jistgħu effettivament ikunu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-imġiba ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, li teħtieġ fehim tar-raġunament ekonomiku ta’ din l-imġiba, tal-aspetti strateġiċi tagħha u tal-effetti probabbli tagħha. Kif ġie osservat b’mod korrett mill-Qorti Ġenerali fil-punt 35, tali provi jistgħu jindikaw jekk l-esklużjoni tal-kompetizzjoni kinitx maħsuba, jew, għall-kuntrarju, jissuġġerixxu spjegazzjoni differenti tal-prattiki eżaminati. Fil-fatt, il-provi jippermettu lill-Kummissjoni tqiegħed il-prattiki inkwistjoni fil-kuntest tagħhom. Pereżempju, jekk il-Kummissjoni (jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni) tikkonstata, abbażi tal-provi fil-proċess, li impriża fasslet l-iskemi ta’ tnaqqis għal fedeltà jew ta’ skontijiet (ukoll) għall-benefiċċju tal-konsumatur — jekk l-impriża kienet qiegħda tantiċipa vantaġġi fl-effiċjenza — għaldaqstant dan il-fatt għandu jġiegħel lil dawn l-awtoritajiet isaħħu l-investigazzjoni tagħhom.

11.      Mill-faxxikolu jirriżulta li Tomra Systems et ma setgħux jew ma ridux jispjegaw il-prattiki tagħhom b’riferiment għal raġunament kummerċjali partikolari (6) u jien nikkunsidra li, huwa b’mod korrett li, fil-punt 36, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kellha tikkonċentra primarjament fuq l-imġiba antikompetittiva. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, issoktat bl-investigazzjoni tagħha billi eżaminat jekk id-dokumenti interni ta’ Tomra Systems et kinux jissuġġerixxu spjegazzjoni favur il-kompetizzjoni għall-prattiki inkwistjoni jew, pjuttost, waħda esklużjonarja. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-appell jirreferi għall-punt 36 tas-sentenza appellata, dan ma jindikax liema provi juru li Tomra Systems et kellhom l-intenzjoni jikkompetu fuq il-merti li allegatament il-Qorti Ġenerali naqset li tindirizza, u lanqas ma tispjega kif provi bħal dawn jistgħu jivvizzjaw l-analiżi tal-prattiki esklużjonarji ta’ Tomra Systems et.

12.      Jien naqbel ukoll mal-Kummissjoni li l-fatt li s-sentenza appellata rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ provi tal-intenzjoni ta’ Tomra Systems et li jużaw metodi oħra (leġittimi) ta’ kompetizzjoni jfisser li Tomra Systems et issa huma, fil-fatt, qegħdin jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rilevanza u l-forza probatorja tal-provi, li ma tistax tiġi kkontestata fl-appell (7). Tomra Systems et jidhru li qegħdin jirrepetu l-argumentazzjoni żviluppata fl-ewwel istanza, billi jenfasizzaw in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-evalwazzjoni tal-fatti tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, il-punt 35 tas-sentenza appellata jirrileva b’mod korrett li “il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni [inkwistjoni] qatt ma ġew ibbażati biss fuq wieħed mid-dokumenti [ta’ Tomra Systems et] meħud waħdu iżda fuq serje ta’ elementi differenti”.

13.      Fl-aħħar nett, Tomra Systems et jikkontestaw, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li d-deċiżjoni inkwistjoni “ma taħbix” dokumenti li jindikaw li Tomra Systems et ukoll kellhom il-ħsieb li jużaw mezzi leġittimi sabiex jikkompetu. Huwa biżżejjed li jingħad li din id-dikjarazzjoni fis-sentenza appellata ma tikkonċernax provi rilevanti. Kuntrarjament, bħall-Kummissjoni, jiena nqis li l-Qorti Ġenerali manifestament riedet tirrikonoxxi li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet tirreferi għal provi li jikkonċernaw mezzi leġittimi oħra ta’ kompetizzjoni, minkejja n-nuqqas ta’ rilevanza tagħhom fl-ispjegazzjoni tal-imġiba abbużiva li kienet is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni.

14.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jsegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-istħarriġ li applikat meta evalwat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta’ intenzjoni antikompetittiva li tiġi eskluża l-kompetizzjoni mis-suq. Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-parti tad-domanda totali li l-ftehim kellu jkopri sabiex ikun abbużiv (punti 238 sa 246 tas-sentenza appellata)

15.      Tomra Systems et argumentaw quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk is-sehem kontestabbli tas-suq tal-RVMs (8) kienx kbir biżżejjed sabiex kompetituri li huma wkoll effiċjenti jibqgħu fis-suq (9). Issa Tomra Systems et jiddikjaraw essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti meta kkonstatat li l-allegati ftehim ta’ esklużività kienu jkopru porzjon suffiċjenti tad-domanda totali sabiex ikunu jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, Tomra Systems et isostnu li r-raġunament li għamlet il-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad l-argument dwar id-domanda kummerċjali rilevanti kien prinċipalment ibbażat fuq kliem bħal “sostanzjali”, “bl-ebda mod żgħir”, u “għoli ħafna”. Il-Qorti Ġenerali kellha teżiġi metodu ċar sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim ta’ esklużività jistax jeskludi l-kompetizzjoni fis-suq, jiġifieri metodu li jikkonsisti fil-kalkolu tal-iskala minima vijabbli meħtieġa sabiex wieħed jopera bi qligħ fis-suq inkwistjoni.

16.      Għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 253 KE) għandha tkun xierqa għall-att inkwistjoni (10). Għalhekk, jonqos li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex dritt tuża espressjonijiet bħal “sinjifikattiv” f’dan il-kuntest jew jekk Tomra Systems et kellhomx raġun isostnu li s-sentenza appellata kienet nieqsa minn raġunament suffiċjenti peress li ma kinitx tindika eżattament it-tifsira ta’ “sinjifikattiv” (jiġifieri f’termini kwantitattivi) fil-każ preżenti.

17.      Fil-punt 20 tal-appell tagħhom, Tomra Systems et isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 241 tas-sentenza appellata, li “l-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il-merti għas-suq kollu u mhux għal parti minnu biss”. Kif indikat il-Kummissjoni, b’dik il-kritika Tomra Systems et ressqu talba mhux rikonoxxuta sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tibdel punt li kien deċiż fis-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (11). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċaħdet l-argument li jipprovdi li għandu jiġi applikat il-kriterju ta’ “effett sinjifikattiv” jew ta’ livell de minimis taħt l-Artikolu 102 TFUE, billi ddeċidiet li “peress li l-imġiba ineżami hija dik ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq fejn għal din ir-raġuni l-istruttura tal-kompetizzjoni diġà ddgħajfet, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE], kull restrizzjoni supplimentari oħra tal-istruttura tal-kompetizzjoni tista’ tammonta għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti”.

18.      Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet lill-Avukat Ġenerali Reischl, li fil-paġna 593 tal-konklużjonijiet tiegħu, kien għamel distinzjoni bejn l-Artikoli 85 KE u 86 KE (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE), u argumenta li t-“teorija tal-perċettibbiltà [sensibilité bil-Franċiż] ġiet estiża għall-Artikolu [101], u għalhekk għal qasam fejn, fiha nfisha, il-kompetizzjoni effettiva eżistenti ġiet ristretta permezz ta’ ftehim u metodi oħra simili. Kuntrarjament, f’ċirkustanzi li għalihom japplika l-Artikolu 102, il-kompetizzjoni tiġi prattikament eliminata minħabba li impriża f’pożizzjoni dominanti ma hijiex esposta għal kompetizzjoni effettiva. Fil-każ preżenti, fil-fatt ma jidhirx li huwa permissibbli li ma titqiesx imġiba mwettqa minn tali impriża, li skont il-kriterji tal-Artikolu [102] għandha titqies bħala abbuż, għaliex l-effetti tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ma humiex sinjifikattiv. Madankollu, anki jekk kellu jitqies li jkun ġustifikabbli li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni abbużi jew li, minn tal-inqas, ma jiġux ppenalizzati, kull fejn, biex ngħid hekk, ikunu involuti biss ‘kwantitajiet negliġibbli’, madankollu għandu jkun hemm dubji serji dwar jekk il-każ preżenti jaqax taħt dik il-kategorija”.

19.      F’kull każ, is-sempliċi dikjarazzjoni ta’ Tomra Systems et, li ma hija sostnuta minn ebda awtorità, f’kawża fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat li, abbażi tal-fatti, l-esklużjoni ta’ Tomra Systems et marret ferm lil hinn minn kull limitu minimu konċepibbli, evidentement ma tistax tintlaqa’ fl-appell preżenti.

20.      Jien inqis li dak li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huwa preċiżament dak li kellha tagħmel. Fil-fatt, huwa biss permezz ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ, bħalma għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni, li jista’ jiġi stabbilit jekk il-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jistgħux jeskludu l-kompetizzjoni (f’dan il-każ, id-deċiżjoni inkwistjoni tindika wkoll li dawn il-prattiki “fil-fatt kellhom” effett esklużjonarju li jirriżulta f’distorsjoni tas-suq). Madankollu, ikun artifiċjali li jiġi stabbilit a priori liema hija l-porzjon tas-suq marbut li lil hinn minnu l-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jistgħu jkollhom effett ta’ esklużjoni fuq il-kompetituri (ara l-punt 242 tas-sentenza appellata).

21.      Fi kwalunkwe każ, ma jista’ jkun hemm ebda dubju li l-prattiċi ta’ Tomra Systems et kienu jkopru parti “sostanzjali” mis-suq, u konsegwentement, jidher li l-aggravju mqajjem huwa purament teoretiku fil-każ preżenti (12). Fil-fatt, Tomra Systems et jidhru li jaċċettaw huma stess li, bħala medja u meta jitqiesu l-ħames snin u l-ħames swieq flimkien, il-prattiki inkwistjoni kienu jorbtu madwar 39% tad-domanda.

22.      F’dan ir-rigward, il-punt 243 tas-sentenza appellata huwa korrett: il-perċentwali ta’ 20% tad-domanda totali matul il-perijodu u fil-pajjiżi inkwistjoni huwa, fi kwalunkwe każ, kunsiderevoli u ma jistax, fi kwalunkwe każ, ċertament jitqies li huwa “żgħir”. Huwa wkoll b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-prattiċi ta’ Tomra Systems et ħafna drabi wasslu għal perċentwali għoli ħafna ta’ domanda “marbuta” matul “is-snin ewlenin” li fihom id-domanda kienet l-iktar għolja u fejn l-iktar li setgħet tattira b’suċċess dħul fis-suq, b’mod partikolari fis-snin 1999 u 2000 fl-Awstrija, fl-2001 fil-Pajjiżi Baxxi u fl-1999 fin-Norveġja (13). Fl-aħħar nett, fil-punt 245 il-Qorti Ġenerali tosserva b’mod korrett li “l-prattiki [ta’ Tomra et] kienu jorbtu d-domanda tal-klijent finali u mhux tad-distributuri. Il-kompetituri ma setgħux, għalhekk, jużaw metodi ta’ distribuzzjoni differenti li setgħu jimmitigaw l-effetti tal-prattiki [ta’ Tomra et]”.

23.      Minn dan isegwi li, jekk issir interpretazzjoni raġonevoli ta’ espressjonijiet bħal “sinjifikattiv”, l-użu tagħhom mill-Qorti Ġenerali fil-każ preżenti kien kompletament iġġustifikat.

24.      Fir-rigward tal-argument finali ta’ Tomra Systems et li jipprovdi li l-approċċ tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali huwa inkompatibbli mal-ħsieb ekonomiku kurrenti, huwa biżżejjed li jingħad li dan l-argument la qatt tqajjem u lanqas ġie esplorat suffiċjentement fl-ewwel istanza u għalhekk dan ma jistax jiġi invokat issa fl-istadju ta’ appell.

25.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda żball ta’ liġi fir-rigward tal-perċentwali tad-domanda totali li kellu jkopri l-ftehim sabiex ikun abbużiv u lanqas naqset li tipprovdi raġunament suffiċjenti f’dan ir-rigward. Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C –    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball proċedurali u żball ta’ liġi mwettaq fl-istħarriġ ta’ tnaqqis għal fedeltà retroattiv (punti 258 sa 272 tas-sentenza appellata)

26.      Tomra Systems et essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball proċedurali billi żnaturat l-argumenti li huma ressqu dwar it-tnaqqis għal fedeltà retroattiv. Il-Qorti Ġenerali fehmet u interpretat b’mod żbaljat l-argumenti tagħhom, meta stqarret li Tomra Systems et sostnew li l-“prezzijiet negattivi” kienu bażi fundamentali tad-deċiżjoni inkwistjoni, u għalhekk ma ħaditx dan l-argument debitament inkunsiderazzjoni. Li kieku l-Qorti Ġenerali ħadet l-approċċ korrett għall-iskemi ta’ tnaqqis għal fedeltà, dan kien jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-fondatezza tal-konstatazzjoni tagħha li l-ftehim kollha setgħu jeskludu s-suq tal-RVMs. Tomra Systems et jenfasizzaw li analiżi xierqa tal-argumenti li tressqu kienet tkun tinvolvi stħarriġ tal-iskemi ta’ tnaqqis għal fedeltà skont l-approċċ ibbażat fuq l-effetti ta’ dawn tal-aħħar. Tomra Systems et jargumentaw li għandu jitqies li t-tnaqqis għal fedeltà retroattiv li ma jirriżultax fl-iffissar ta’ prezzijiet inqas mill-ispejjeż ma jistax jeskludi kompetituri. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma talbitx lill-Kummissjoni tistabbilixxi li t-tnaqqis għal fedeltà retroattiv użat minn Tomra Systems et wassal għal prezzijiet inqas mill-ispejjeż sabiex dan it-tnaqqis jiġi kkwalifikat bħala esklużjonarju.

27.      Għandu jiġi osservat mill-bidu li dan l-aggravju jikkonċerna biss it-tnaqqis għal fedeltà retroattiv. Kuntrarjament għal dak li jiddikjaraw Tomra Systems et, l-argumenti ppreżentati insostenn ta’ dan l-aggravju, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jaffettwaw il-konstatazzjonijiet rigward prattiki oħrajn, b’mod partikolari l-ftehim kwantitattiv, ftehim ta’ esklużività jew esklużività de facto.

28.      Il-Kummissjoni tirrileva b’mod korrett li, minkejja li tirreferi għall-ispejjeż fil-kuntest tal-iffissar tal-prezzijiet, is-silta mir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza kkwotata fl-appell ta’ Tomra Systems et għandha tiġi evalwata fil-kuntest tagħha. Huwa minnu li s-silta mir-rikors li Tomra Systems et issa jikkwotaw fl-appell tagħhom tirreferi għall-ispejjeż fil-kuntest tal-iffissar tal-prezzijiet esklużjonarji. Madankollu, dan ir-riferiment għall-ispejjeż (14) huwa wieħed iżolat (15) u jidher li huwa sempliċement aċċessorju fir-rigward tas-silta mir-rikors li tinsisti fuq l-argument tal-“prezzijiet negattivi” li jipproponi kriterju li jrendi “prezzijiet negattivi” prerekwiżit sabiex skemi ta’ tnaqqis għal fedeltà jitqiesu li huma abbużivi skont l-Artikolu 102 TFUE (16).

29.      B’mod partikolari, il-punt 105 tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza kien ifformulat kif ġej: “Huwa importanti wkoll li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-ispejjeż ta’ [Tomra Systems et]. Għalkemm il-Kummissjoni tinvoka, fil-punt 165 tad-deċiżjoni, għal tnaqqis għal fedeltà li jwassal għal ‘prezzijiet tassew baxxi, possibbilment anki prezzijiet negattivi’, din ma vverifikatx l-ispejjeż ta’ Tomra Systems et, sabiex tistabbilixxi livell li taħtu l-prezzijiet ikunu esklużjonarji jew predatorji. Il-kriterju impliċitu fid-Deċiżjoni huwa li, jekk it-tnaqqis għal fedeltà ta’ Tomra Systems et jisfurzaw kompetitur jitlob prezz negattiv, dan ikollu impatt esklużjonarju (peress li l-prezz għandu jkun inqas mill-ispejjeż medji varjabbli ta’ Tomra Systems et). Għalkemm il-Kummissjoni tirreferi għal prezzijiet ‘tassew baxxi’, Tomra Systems et isostnu li d-deċiżjoni ma tinkludi ebda prova li tissuġġerixxi li t-tnaqqis għal fedeltà għandhom effett esklużjonarju meta jippermettu lill-kompetituri jitolbu prezzijiet pożittivi jew li jiksbu dħul pożittiv. Dan huwa importanti peress li iktar ’il quddiem ser jintwera li, kważi f’kull eżempju pprovdut mill-Kummissjoni, il-prezzijiet qatt ma setgħu jkunu negattivi u li, f’kull każ, il-kompetituri kienu kapaċi jdaħħlu dħul pożittiv mill-bejgħ tagħhom”.

30.      Jibqa’ l-fatt li, ħlief għas-silta li għadni kif ikkwotajt, din il-parti tar-rikors (punti 102 sa 131) ittrattat il-kwistjoni ta’ jekk it-tnaqqis ta’ Tomra Systems et sfurzawx jew le lill-kompetituri jistabbilixxu prezzijiet negattivi. Kif osservat il-Kummissjoni, ir-rikors iffoka esklużivament fuq il-fatt li l-prezzijiet ta’ Tomra Systems et rarament kienu jirrikjedu li kompetitur joffri “prezzijiet negattivi” sabiex jiżgura bejgħ (17).

31.      Għalhekk, jien ma naqbilx mad-dikjarazzjoni ta’ Tomra Systems et fejn, fir-replika tagħhom, huma jindikaw li fasslu argument li jallega li l-Kummissjoni naqset milli tipparaguna “l-ispiża u l-prezz tal-RVMs f’ebda punt […] f’termini vera ċari fil-punti 102 sa 131 tar-rikors”. Kuntrarjament, kif użata fir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, l-espressjoni “dħul pożittiv” hija sinonima ma’ “prezzijiet pożittivi” — fi kliem ieħor, l-ispejjeż huma injorati u ma għandhom ebda rwol. Fil-fatt, jidher li fis-sottomissjonijiet tagħhom fl-ewwel istanza, Tomra Systems et qatt ma kkunsidraw li kien deċiżiv il-kriterju tal-prezz-spiża li issa jsostnu li huwa l-kriterju xieraq.

32.      Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza ffoka b’mod ċar fuq il-kwistjoni tal-“prezzijiet negattivi”, il-motiv ġie ppreżentat bħala li jiffoka fuq din il-kwistjoni, u Tomra Systems et iddedikaw diversi paġni għalih.

33.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli naqset li teżamina argument li ma kienx ġie debitament ippreżentat fir-rikors. Fil-fatt, “l-asserzjoni [...] iktar elaborata” li Tomra Systems et issa qegħdin jisiltu mir-rikors tagħhom ċertament kienet tkun teħtieġ argument estensiv u provi li jikkorroborawha, iżda fir-rikors ma hemm xejn iktar ħlief is-silta li diġà ntwera li ma kinitx biżżejjed sabiex tiġi annullata s-sentenza appellata.

34.      Għalhekk, jiena nqis li dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

35.      Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tiddeċiedi li t-tielet aggravju huwa ammissibbli, jien naqbel mal-Kummissjoni li l-appell ma jikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk kompetitur ikollux joffri prezz negattiv (minflok sempliċement prezz baxx) ma kinitx deċiżiva sabiex jiġi konkluż li l-iskemi ta’ tnaqqis retroattiv ta’ Tomra Systems et kienu abbużivi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali indikat, b’mod korrett, fil-punt 266 tas-sentenza appellata, li fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni, minn naħa, b’ebda mod ma tafferma li l-iskemi ta’ tnaqqis sistematikament wasslu għal prezzijiet negattivi u, min-naħa l-oħra, lanqas ma ssostni li tali demostrazzjoni tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari sabiex jiġi kkonstatat li dawn l-iskemi ta’ tnaqqis huma abbużivi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni inkwistjoni ma fiha ebda dijagramma għal kull waħda mill-iskemi ta’ skontijiet u ta’ tnaqqis użati minn Tomra Systems et. Hija tinkludi biss dijagramma waħda jew tnejn għal kull pajjiż, li juru l-effett ta’ esklużjoni tal-iskemi ta’ tnaqqis ta’ Tomra Systems et.

36.      Sussegwentement, fir-replika tagħhom, Tomra Systems et jinvokaw il-“Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102] tat-Trattat [TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti” (18), u jargumentaw li l-Kummissjoni hawnhekk tapprova kriterju tal-ispiża-prezz.

37.      Madankollu, din il-komunikazzjoni, ippubblikata fl-2009, ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-appell preżenti. Huwa irrilevanti kif il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel aġġustamenti fl-implementazzjoni futura tal-politika tagħha tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, kwalunkwe enfasi ġdida fl-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni hija biss potenzjalment rilevanti għal deċiżjonijiet futuri adottati mill-Kummissjoni, iżda mhux għall-evalwazzjoni legali ta’ deċiżjoni li diġà ttieħdet fl-2006 (19).

38.      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tnaqqis retroattiv, fil-punt 46 tar-replika li huma ppreżentaw fl-ewwel istanza, Tomra Systems et argumentaw li d-“deċiżjoni (punti 165, 186, 224, 225, 235, 236 u 268) analizzat kuntratti li kienu allegatament jipprovdu tnaqqis retroattiv. B’mod partikolari, din teżamina fid-dettall seba’ eżempji ta’ ftehim. Id-deċiżjoni allegat li dawn il-ftehim ikollhom effetti esklużjonarji peress li: (a) il-klijenti ma jkunux disposti li jixtru iktar minn ‘numru żgħir’ ta’ RVMs (punt 165); u (b) il-kompetituri jkunu sfurzati jimponu ‘prezzijiet vera baxxi, jew possibbilment anki prezzijiet negattivi’ għal dan in-numru żgħir ta’ unitajiet (punt 165)”.

39.      Fi kliem ieħor, huwa evidenti li l-argument ta’ Tomra Systems et li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod skorrett li t-tnaqqis retroattiv kellu effett esklużjonarju kien ibbażat fuq punt wieħed tad-deċiżjoni inkwistjoni (jiġifieri l-punt 165) (20).

40.      Fil-punt 32 tal-appell, madankollu, Tomra Systems et jirrilevaw li l-punti 260 sa 263 tas-sentenza appellata jirreferu għat-taqsima tad-deċiżjoni inkwistjoni fejn il-Kummissjoni twettaq analiżi legali tat-tnaqqis mogħti minn Tomra Systems et (jiġifieri fil-punti 314 sa 329 tad-deċiżjoni inkwistjoni) (21). Tomra Systems et jippruvaw jiċħdu l-importanza tal-fatturi analizzati hemmhekk u li jwasslu għall-konklużjoni li t-tnaqqis ta’ Tomra Systems et jikser l-Artikolu 102 TFUE. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn il-punti ma ġewx ikkontestati fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, anki jekk dawn il-punti kkontestaw ċerti konstatazzjonijiet fattwali li saru fid-deċiżjoni inkwistjoni, jibqa’ l-fatt li dawn ma kkontestawx ir-riferiment f’din id-deċiżjoni għas-sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u Michelin vs Il-Kummissjoni (22).

41.      Għalhekk, il-kwistjoni ta’ portata limitata mqajma fl-appell dwar l-ispejjeż ta’ Tomra Systems et u dawk ta’ kompetitur effiċjenti ma tistax tikkonfuta ċ-ċaħda tad-dikjarazzjonijiet li saru fl-ewwel istanza rigward it-tnaqqis ikkontestat u l-kapaċità tiegħu li jdgħajjef il-kompetizzjoni.

42.      Fil-fatt, kif osservat b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punt 214 tas-sentenza appellata, “[s]abiex tiġi ddeterminata l-eventwali natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis għal kwantità, għandhom għalhekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma jistrieħ fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li lix-xerrej titneħħielu l-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ fornitura tiegħu jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess tas-suq lill-kompetituri, u li jiġu applikati għas-sħab kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta” (23).

43.      Id-deċiżjoni inkwistjoni applikat din l-analiżi. Din ma kkunsidratx sempliċement, f’termini astratti, jekk l-esklużività jew it-tnaqqis setgħux “min-natura tagħhom” ikollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni. Kuntrarjament, hija stabbilixxiet li dawn il-prattiki kellhom it-tendenza li jkollhom, jew setgħu jkollhom, tali effetti skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

44.      Jien ma nistax nenfasizza biżżejjed il-fatt li dan huwa preċiżament l-approċċ korrett. Ir-riferiment għal effetti negattivi (antikompetittivi) ċertament ma għandux ikun wieħed mekkaniku. L-eżistenza (probabbli) ta’ tali effetti esklużjonarji f’każ partikolari ma għandhiex tkun sempliċement preżunta, iżda għandha tkun evalwata u ppruvata (24).

45.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkorroborati mis-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’TeliaSonera Sverige (25), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ tali prattika, l-effett antikompetittiv tagħha f’dan is-suq għandu jeżisti, iżda ma għandux neċessarjament ikun konkret, peress li huwa suffiċjenti li jkun hemm dimostrazzjoni ta’ effett antikompetittiv potenzjali ta’ natura li jeskludi lill-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti”. Din id-dikjarazzjoni għandha tinqara flimkien mal-punt 254 tas-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (26), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “[h]uwa minnu li, meta impriża dominanti effettivament timplementa prattika tal-prezzijiet li twassal għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċja[effikaċi] fejn l-għan ta’ din il-prattika hija li teskludi lil dawn il-kompetituri mis-suq ikkonċernat, iċ-ċirkustanza li r-riżultat mixtieq, effettivament, ma jinkisibx ma jistax jeskludi l-kwalifika bħala abbuż fis-sens tal-Artikolu [102 TFUE]. Madankollu, fin-nuqqas ta’ l-iċken effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri, prattika tal-prezzijiet bħal dik inkwistjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala prattika ta’ esklużjoni meta d-dħul ta’ dawn il-kompetituri fis-suq ikkonċernat ma jsirx iktar diffiċli minħabba din il-prattika”.

46.      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, fil-punti 259 sa 272, is-sentenza appellata, b’mod korrett, tieħu inkunsiderazzjoni serje ta’ kunsiderazzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni inkwistjoni. Kien għalhekk li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn issegwi d-diskussjoni tagħha dwar il-livelli tal-prezzijiet lil hinn mill-osservazzjoni fil-punt 267 li s-“sistema ta’ tnaqqis retroattiv jiżgura li, għall-klijent, il-prezz effettiv għall-aħħar unitajiet ikun baxx ħafna minħabba l-‘effett ta’ ġbid’” (27). F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk id-dijagrammi fid-deċiżjoni kkontestata kienx fihom żbalji (ara l-punt 268).

47.      Il-Kummissjoni hija korretta meta tissottometti li l-kritika tas-sentenza appellata dwar il-kwistjoni tal-prezzijiet negattivi hija għalhekk ineffettiva, peress li anki jekk Tomra Systems et kellhom raġun fuq dan il-punt fl-appell tagħhom, dan ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi annullata l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali wara li qieset kunsiderazzjonijiet iktar wiesgħa (28), li ma humiex ikkontestati fl-appell. Fi kliem ieħor, anki jekk Tomra Systems et jirnexxilhom jistabbilixxu li l-kwistjoni tal-“prezzijiet negattivi” ma kinitx fundamentali għall-kawża tagħhom fl-ewwel istanza, huma ma jikkontestawx, fl-appell tagħhom, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-kwistjoni dwar jekk kompetitur ikollux joffri prezz negattiv sabiex jiżgura li jkollu bejgħ ma kinitx deċiżiva sabiex jiġi konkluż li l-iskemi ta’ tnaqqis retroattivi kienu abbużivi.

48.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju tal-appell huwa ineffettiv.

49.      Fl-aħħar nett, jiena nqis li, fi kwalunkwe każ, it-tielet aggravju għandu jiġi ddikjarat li huwa infondat. Mis-sentenza appellata jirriżulta li kwistjonijiet fattwali dwar “prezzijiet negattivi” ġew diskussi ħafna fl-ewwel istanza. Kif irrilevat il-Kummissjoni, Tomra Systems et ammettew li minn tal-inqas f’żewġ eżempji minn fost is-sebgħa li ġew eżaminati fir-rikors, kompetitur kien ikollu joffri prezzijiet negattivi. Il-Kummissjoni pprovdiet numru ta’ eżempji addizzjonali ta’ prezzijiet negattivi li ma kinux ikkontestati minn Tomra Systems et (29). Dwar din il-kwistjoni, Tomra Systems et interpretaw b’mod żbaljat id-deċiżjoni billi assumew li l-prezzijiet negattivi kienu prerekwiżit sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li skemi ta’ prezzijiet ta’ fedeltà huma abbużivi. Mill-qari tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li din tirreferi għall-“effett tal-ġbid” prodott mill-iskemi ta’ tnaqqis retroattiv (ara nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

50.      Il-kriterju alternattiv li Tomra Systems et jirreferu għalih bħala dak xieraq huwa bbażat fuq paragun bejn l-ispiża u l-prezz, fejn it-tnaqqis ikun allokat għal unità jew jinfirex fuq “medda” ta’ unitajiet li jista’ jipprovdi kompetitur u fejn ir-riżultat ikun ikkunsidrat bħala l-“prezz effettiv” ta’ dik l-unità jew unitajiet. Skont Tomra Systems et, tnaqqis retroattiv li ma jirriżultax fi prezzijiet inqas mill-ispiża (anki għal unità waħda) ma jistax jeskludi l-kompetituri.

51.      Madankollu, dan il-kriterju ma huwiex meħtieġ mill-ġurisprudenza.

52.      Fis-sentenza Michelin II, iċċitata iktar ’il fuq, ġie indikat fil-punt 240 li “il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret il-prinċipju riprodott fil-punt 238 [ta’ dik is-sentenza (30)], iddikjarat li hemm lok ‘li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari, il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda servizz ekonomika[u] li [j]tiġġustifikah, li lix-xerrej titneħħielu l-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tas-sorsi ta’ fornitura tiegħu jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess tas-suq lill-kompetituri, u li jiġu applikati fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti jew li tisaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta’” (31).

53.      F’dan ir-rigward, kif irrilevat b’mod korrett il-Kummissjoni, Tomra Systems et lanqas biss allegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat dawn il-kriterji.

54.      Fi kwalunkwe każ, huwa evidenti li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi konkluż li l-prattiki ta’ Tomra Systems et kellhom tendenza li jdgħajfu l-kompetizzjoni fis-suq, jew li jipprevjenu, idewmu jew jagħmlu iktar diffiċli l-apparenza jew l-espansjoni tagħha, mhux meħtieġ paragun tal-prezz mal-ispiża. Madankollu, analiżi bħal din tista’ tkun utli fl-evalwazzjoni iktar preċiża tal-portata ta’ dawn il-prattiki. Pereżempju, din tista’ tgħin lill-Kummissjoni tiddetermina jekk il-prattiki għamlux l-aċċess u l-espansjoni sempliċement iktar diffiċli jew jekk għamluhomx ekonomikament impossibbli.

55.      Jien inqis li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta fakkret, fil-punt punt 289 tas-sentenza appellata, li “għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu [102 TFUE], ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-abbuż ikkunsidrat kellu effett konkret fis-swieq ikkonċernati. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir kapaċi jkollu tali effett” (32). Għandu jiġi rrilevat li Tomra Systems et ma jikkontestawx din il-konklużjoni fl-appell preżenti.

56.      Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jitfakkar hawnhekk dak li ntqal fil-punt 42 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-każ inkwistjoni, id-deċiżjoni inkwistjoni ma kinitx limitata li teżamina, f’termini astratti, jekk l-esklużività jew it-tnaqqis setgħux “min-natura tagħhom” ikollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni. Kuntrarjament, hija stabbilixxiet li dawn il-prattiki kellhom it-tendenza li jkollhom, jew setgħu jkollhom, dawn l-effetti fiċ-ċirkustanzi ineżami. Fil-fatt, dan huwa preċiżament l-approċċ korrett. Ir-riferiment għal effetti negattivi ma għandux ikun mekkaniku. L-eżistenza (probabbli) ta’ tali effetti esklużjonarji f’każ partikolari ma għandhiex tkun sempliċement preżunta, iżda għandha tkun evalwata u ppruvata.

57.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball proċedurali jew żball ta’ liġi meta eżaminat it-tnaqqis retroattiv. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D –    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti fl-analiżi tal-punt dwar jekk il-ftehim li fihom Tomra Systems et issemmew bħala “fornituri ppreferuti, prinċipali jew primarji” jistgħux jiġu kklassifikati bħala esklużivi (punti 55 sa 67 tas-sentenza appellata)

58.      Tomra Systems et essenzjalment jissottomettu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tagħti raġunijiet xierqa meta ddeterminat jekk il-ftehim li fihom Tomra Systems et issemmew bħala “fornituri ppreferuti, prinċipali jew primarji” jistgħux jitqiesu bħala esklużivi u abbużivi. Wara li ċaħdet l-argument li fl-evalwazzjoni tagħha għandha tqis jekk il-ftehim kinux ftehim ta’ esklużività vinkolanti skont il-liġi nazzjonali, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk il-ftehim kollha inkwistjoni kinux jinkludu inċentivi sabiex il-provvista tingħata esklużivament mingħand Tomra Systems et, kif meħtieġ mis-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Tomra Systems et jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali sempliċement ibbażat ruħha fuq l-allegati intenzjonijiet suġġettivi ta’ Tomra Systems et sabiex tikkonkludi li l-ftehim inkwistjoni kienu esklużivi.

59.      Fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet — (i) b’mod ġenerali — li “huwa fuq il-bażi ta’ provi disponibbli dwar l-intenzjoni tal-partijiet li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni [inkwistjoni], ikkwalifikat bħala esklużivi l-kuntratti ta’ ‘fornitur ippreferut’. Dawn il-provi juru li dawn kienu intiżi sabiex ikunu esklużivi u kienu miftiehma bħala tali, indipendentement mill-kwistjoni tan-natura eżekuttiva tagħhom fid-dritt nazzjonali tal-kuntratti”. Barra minn hekk, fil-punti 58 sa 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll — (ii) speċifikament — li s-suespost japplika għal kull kuntratt.

60.      Isegwi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod ċar li l-kwistjoni dwar jekk dawk il-ftehim ġewx mifhuma mill-partijiet ikkonċernati bħala impenn għall-esklużività kienet kwistjoni ta’ fatt, li kellha tkun deċiża abbażi tal-provi disponibbli u mhux abbażi tad-dritt nazzjonali li jirregola l-kuntratti differenti.

61.      Għalhekk, Tomra Systems et jikkontestaw konstatazzjoni ta’ fatt (33) inkluża fis-sentenza appellata.

62.      Il-Kummissjoni hija korretta meta targumenta li Tomra Systems et setgħu għażlu li jikkontestaw ir-raġunament legali sottostanti l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Huma setgħu jsostnu li l-eżistenza ta’ impenn għall-esklużività għandu jkun deċiż skont d-dritt nazzjonali tal-kuntratt biss u, fil-fatt, din kienet l-pożizzjoni ta’ Tomra Systems et fl-ewwel istanza.

63.      Madankollu, din ma hijiex il-pożizzjoni li adottaw Tomra Systems et f’dan l-appell. Il-punt 39 tal-appell jidher li jaċċetta li dan il-motiv kien miċħud mill-Qorti Ġenerali iżda xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma jikkontestawx din iċ-ċaħda fl-appell. Għandu jiġi rrilevat li l-appell ma jikkontestax il-konklużjonijiet li għandhom l-istess effett, li saru fil-punti 223 u 298 tas-sentenza appellata.

64.      Jien inqis li, kuntrarjament għal dak li jsostnu Tomra Systems et fl-appell preżenti, il-Qorti Ġenerali “ikkunsidrat jekk ftehim kienx jinkludi inċentivi biex tingħata provvista esklużivament mingħand fornitur” meta kkonstatat li kien hemm esklużività. Din eżaminat fid-dettall l-argumenti speċifiċi li saru dwar dan il-punt u rrifjutathom fuq il-mertu, fil-punti 88 sa 197 tas-sentenza appellata, billi bbażat ruħha fuq il-provi li kellha.

65.      Skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix punt ta’ dritt għall-finijiet ta’ appell ħlief fejn “ikun hemm żnaturament tal-provi” (34).

66.      Għaldaqstant, jien nikkunsidra li, peress li Tomra Systems et la ppruvaw u lanqas argumentaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi, hemm lok li din il-parti tar-raba’ aggravju tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

67.      Tomra Systems et isostnu, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk il-kuntratti kinux jinkludu wkoll “inċentivi oħra” sabiex il-provvista tingħata esklużivament mingħandhom. Tomra Systems et josservaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk kienx hemm inċentivi oġġettivi fil-kuntratti kollha b’mod li dawn ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala esklużivi. Il-Qorti Ġenerali trid tikkunsidra jekk ftehim jinkludix inċentivi li provvista tingħata esklużivament mingħand il-fornitur sabiex tikkonkludi li l-ftehim huwa esklużiv. Meta naqset milli tevalwa kull ftehim b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

68.      Jien naqbel mal-Kummissjoni li r-raba’ aggravju jidher li jirrifletti bidla sinjifikattiva fil-pożizzjoni ta’ Tomra Systems et.

69.      Fil-punt 36 tal-appell, Tomra Systems et isostnu li l-Qorti Ġenerali “naqset milli tikkunsidra u tistabbilixxi jekk il-ftehim kollha inkwistjoni kinux jinkludu inċentivi sabiex il-provvista tingħata eklużivament mingħand [Tomra Systems et], wara li ċaħdet l-argument [ta’ Tomra Systems et] li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha, il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kinux ftehim ta’ esklużività vinkolanti skont id-dritt nazzjonali”.

70.      L-appell jammetti, effettivament, li l-motiv fl-ewwel istanza ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali, iżda ma jikkontestax tali ċaħda. Jidher pjuttost li, peress li l-motiv ġie miċħud fl-ewwel istanza, Tomra Systems et jinvokaw dak li jikkostitwixxi, skont il-premessi tagħhom stess, motiv ferm differenti billi jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset li tikkunsidra jekk il-ftehim kinux jinkludu “inċentivi” oħra sabiex il-provvista tingħata esklużivament minn Tomra Systems et.

71.      Għalhekk, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma kinitx imsejħa teżamina l-motiv li tressaq issa, madankollu dan huwa ppreżentat bħala aggravju kontra s-sentenza. Fil-fatt, jidher li l-ispirazzjoni għal din il-bidla fl-argumentazzjoni ta’ Tomra Systems et kienet iċ-ċitazzjoni fil-punti 89 u 90 tas-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, inkluża fis-sentenza appellata (punt 59).

72.      Minn dan jirriżulta li r-raba’ aggravju jikkostitwixxi motiv legali ġdid. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha bħala qorti tal-appell hija limitata, kawża li s-suġġett tagħha huwa iktar wiesa’ minn kif kien ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali” (35).

73.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fl-intier tiegħu.

74.      Fi kwalunkwe każ — anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-raba’ aggravju ma huwiex motiv legali ġdid u ma huwiex intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali — fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni rnexxielha tipprova li r-raba’ aggravju huwa infondat.

75.      Fil-fatt, l-argument li inċentiv addizzjonali, apparti klawżola ta’ esklużività, huwa meħtieġ sabiex jissodisfa l-kriterju stabbilit fil-punti 89 u 90 tas-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li ġie eżaminat iktar ’il fuq, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din is-sentenza.

76.      Kif fakkret is-sentenza appellata fil-punt 296 (li ma huwiex ikkontestat fl-appell), “l-impenji ta’ fornitura esklużiva ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il-korrispettiv ta’ tnaqqis għal fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi inċitat jixtri esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda li għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jirrestrinġu fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ fornitura tiegħu u li jostakolaw l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra” (36). Mis-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u mill-kuntest li fih ġiet ikkwotata fil-punt 59 tas-sentenza appellata, jirriżulta li impenn ta’ esklużività, indipendentement mill-istat u mill-infurzabbiltà tiegħu taħt id-dritt nazzjonali tal-kuntratt, huwa, fih innifsu, inċentiv għall-esklużività.

77.      Fil-fatt, dan huwa dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, l-ewwel fil-punt 223 tas-sentenza appellata, b’mod ġenerali għall-prattiki kollha ta’ Tomra Systems et, u t-tieni fil-punt 298 ta’ din is-sentenza, speċifikament fir-rigward ta’ impenji kwantitattivi.

78.      Il-punt 223 tas-sentenza appellata jindika li “fir-rigward tal-fatt li s-sensiela ta’ supermarkits huma xerrejja professjonisti li kienu kapaċi jqabblu u jagħżlu bejn ir-RVM [ta’ Tomra Systems et] u dawk tal-kompetituri, hemm lok li jiġi rrilevat li l-aġir [ta’ Tomra Systems et] kien manifestament maħsub sabiex jiġu stabbiliti skemi li jinċitaw lill-klijenti biex ma jixtrux mingħand fornituri oħra u sabiex iżommu din is-sitwazzjoni”.

79.      Il-punt 298 tas-sentenza appellata jindika li “l-impenji fuq il-kwantitajiet individwalizzati, bħal dawk li tirreferi għalihom id-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 302, li jorbtu de facto u/jew jinċitaw lix-xerrej sabiex jixtri esklużivament jew għal parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tiegħu mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, li ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda li għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jirrestrinġu fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ fornitura tiegħu u li jostakolaw l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra — anki jekk jiġi aċċettat li dawn ma jorbtux lix-xerrej b’obbligu formali — jikkonstitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu [102 TFUE]” (37).

80.      Kif irrilevat il-Kummissjoni, din il-parti tas-sentenza appellata ma hijiex ikkontestata minn Tomra Systems et. Għalhekk din il-parti tar-raba’ aggravju hija kemm infondata kif ukoll ineffettiva.

81.      Barra minn hekk, ir-raba’ motiv ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. L-unika parti fl-appell fejn Tomra Systems et jagħmlu riferiment għall-ftehim l-oħra li jikklassifikawhom bħala “ippreferuti, prinċipali jew primarji”, li allegatament ġew evalwati b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali, ma hija xejn iktar minn nota ta’ qiegħ il-paġna li sempliċement telenka erba’ ftehim mingħajr ebda spjegazzjoni. Dan ma jistax ikun ikkunsidrat bħala motiv debitament fondat skont l-Artikolu 38(1)(ċ) tal-imsemmi regolament.

82.      Fil-fatt, fil-punt 38 tal-appell, Tomra Systems et jaċċettaw li s-sentenza appellata ssemmi ċerti ftehim “li kienu jinkludu impenji kwantitattivi jew tnaqqis progressivi retroattivi”. Madankollu, l-appell jissottometti li ma huwiex biżżejjed li wieħed jgħid, abbażi ta’ dawn il-ftit eżempji, li l-ftehim kollha li jużaw il-kliem “ippreferut”, “prinċipali” jew “primarji” kienu jinkludu inċentivi sabiex il-provvista tingħata esklużivament minn Tomra Systems et. Fir-risposta tagħhom, Tomra Systems et jargumentaw li l-“iżball ta’ liġi” li allegatament twettaq mill-Qorti Ġenerali, jinvolvi “nuqqas li kull ftehim jiġi suġġett” għat-tip ta’ analiżi li l-Qorti Ġenerali għamlet għal ċerti ftehim fil-punt 60 tas-sentenza appellata.

83.      Jibqa’ l-fatt, però, li l-appell jelenka, bħala ftehim li allegatament kienu evalwati b’mod żbaljat, erba’ ftehim biss (inklużi f’nota ta’ qiegħ il-paġna), mingħajr ma ġiet ipprovduta ebda spjegazzjoni.

84.      Il-Kummissjoni rrilevat, b’mod korrett, li wieħed minn dawn l-erba’ ftehim (Royal Ahold) huwa, fil-fatt, fost dawk imsemmija fil-punt 60 tas-sentenza appellata. Għalhekk, dan jidher li huwa wieħed mill-“ftit eżempji” fejn Tomra Systems et jikkonċedu li l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod korrett l-eżistenza ta’ inċentivi. Barra minn hekk, żewġ ftehim oħra [Edeka Baden-Württemberg (2000) u COOP Schleswig-Holstein (2000)] fil-fatt, ma humiex ftehim li jinkludu l-klawżola “fornitur ippreferut”, “prinċipali” jew “primarju”. Fil-fatt dawn huma espressament ftehim esklużivi. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ Edeka Bayern-Sachsen-Thüringen (Kooperationsverbund Süd) (1998-1999), il-provi quddiem il-Qorti Ġenerali kienu jinkludu l-klawżoli tal-ftehim u d-dokumenti interni li jiddeskrivu r-riżultati tan-negozjati (38). Posta elettronika interna ta’ Tomra l-Ġermanja, li tirreferi għal kuntatt orali preċedenti u li tiddeskrivi r-riżultat tan-negozjati, tagħmilha ċara li l-ftehim kien maħsub li huwa esklużiv (39) u s-sinjifikat ta’ klawżola li tippermetti xiri ta’ RVMs kompetituri f’każ biss “li joffru vantaġġi sinjifikattiv” jew għal “skopijiet ta’ ttestjar” taħt kundizzjonijiet stretti ħafna (40).

85.      Konsegwentement, jien inqis li huwa ċar li l-argumenti ta’ Tomra Systems et insostenn tar-raba’ aggravju b’ebda mod ma jippreġudikaw il-konstatazzjonijiet tas-sentenza appellata dwar in-natura esklużiva tal-ftehim ta’ Tomra Systems et.

86.      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi, u lanqas naqset milli tipprovdi argumentazzjoni xierqa meta ddeterminat jekk il-ftehim li fihom Tomra Systems et ġiet imsemmija bħala “fornitur ippreferut, prinċipali jew primarju” setgħux ikunu kklassifikati bħala esklużivi. Għalhekk, huwa neċessarju li r-raba’ aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

E –    Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tal-multa, meta naqset milli tapplika b’mod korrett il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (punti 310 sa 321 tas-sentenza appellata)

87.      Tomra Systems et essenzjalment jissottomettu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tapplika b’mod korrett il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta għamlet reviżjoni tal-multa imposta mill-Kummissjoni. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-Kummissjoni ma għandhiex timponi fuq impriża multa li tkun sostanzjalment ogħla minn dik imposta fuq impriżi f’sitwazzjoni paragunabbli.

88.      Il-Kummissjoni tissottometti li l-allegat ksur kien wieħed ċar (41) u twettaq b’mod deliberat. Fil-fehma tagħha, ebda ċirkustanza speċjali ma tiġġustifika tnaqqis tal-multa. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-multa imposta inkwistjoni ma għandha xejn inabitwali jew partikolarment gravi.

89.      Jiena nqis li l-argument ta’ Tomra Systems et huwa legalment infondat.

90.      L-appell jikkontesta l-ammont tal-multa billi essenzjalment jirrepeti ċerti argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza rilevanti u ma wettqet ebda żball ta’ liġi fis-sentenza tagħha.

91.      Ser nirreferi għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 310 sa 321 tas-sentenza appellata u nillimita ruħi li nagħmel biss l-osservazzjonijiet li ġejjin.

92.      Skont il-ġurisprudenza (42), il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix, fiha nfisha, bħala qafas legali għall-multi imposti fil-qasam tal-kompetizzjoni peress li din hija ddefinita biss fir-Regolament Nru 1/2003 (43). Barra minn hekk, il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sal-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003 jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea. Kuntrarjament, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull mument, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (44). Barra minn hekk, peress li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni, din għandha jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni (45).

93.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli naqset milli timponi multi li jirrappreżentaw l-istess perċentwali ta’ dħul mill-bejgħ għal ksur paragunabbli fuq livell ta’ gravità f’każijiet differenti (46).

94.      Jien naqbel mal-Kummissjoni li ma hemm ebda raġuni valida għalfejn paragun tas-severità tal-multa għall-iskopijiet tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jkun ibbażat fuq il-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ globali. Is-severità tal-multa tista’ tiġi evalwata skont l-ammont assolut tagħha jew skont parametri relattivi oħra bħal bejgħ affettwat jew profitti miksuba. Id-dħul mill-bejgħ totali ma għandu ebda rilevanza f’dan ir-rigward. Il-multi ma jiġux ikkalkolati bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ globali.

95.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “il-Kummissjoni mhijiex obbligata, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont il-gravità u d-dewmien tal-ksur inkwistjoni, li tikkalkula l-multa skont ammonti bbażati fuq il-fatturat tal-impriżi kkonċernati” (47).

96.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-multi ma għandhomx jeċċedu 10% tad-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriża matul is-sena kummerċjali preċedenti. Huwa ċar li dak il-limitu assolut fuq l-ammont tal-multa li jista’ jiġi impost ma nqabiżx fil-każ preżenti. Inċidentalment, jidher li l-limitu ta’ 10% effettivament inqabeż f’numru ta’ każijiet reċenti: bejn l-1998 u l-2009 mhux inqas minn erbgħa u għoxrin destinatarju ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tnaqqsulhom il-multi tagħhom peress li l-ammont finali tal-multa kien jaqbeż l-10% tad-dħul mill-bejgħ totali tagħhom — għalhekk b’mod ġenerali, dan il-limitu assolut, kien, fil-fatt, milħuq fil-każ ta’ madwar 10% tad-destinatarji.

97.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali, fir-reviżjoni tagħha tal-multa fis-sentenza appellata, ma wettqet ebda żball ta’ liġi fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza. Huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li l-multa kienet konformi mal-obbligi tal-Kummissjoni skont il-linji gwida applikabbli fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-multi (48). Għalhekk, l-argument ta’ Tomra Systems et — fis-sens li l-uniku mod li l-Qorti Ġenerali tiżgura li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni kien li tevalwa il-“livell” ta’ multi imposti mill-Kummissjoni fiż-żmien tad-deċiżjoni inkwistjoni, b’riferiment għal każijiet oħra paragunabbli — għandu jiġi miċħud.

98.      Għalhekk, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

99.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

IV – Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil Tomra Systems ASA, Tomra Europe AS, Tomra Systems GmbH, Tomra Systems BV, Tomra Leergutsysteme GmbH, Tomra Systems AB u Tomra Butikksystemer AS għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Ġabra p. II-4361 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


3 –      Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”, li sunt tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 219, p. 11).


4 –      Għandu jitfakkar il-fatt li, fil-kuntest tal-konklużjonijiet preżenti, jien ser nittratta biss dawk l-argumenti li ġew ippreżentati mill-partijiet u li jissodisfaw il-limiti stretti inerenti għall-appell u għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara l-Artikolu 256(1) TFUE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 29).


5 –      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (Kawża 85/76, Ġabra p. II-461, punt 91).


6 –      Ara l-punti 349 sa 357 tad-deċiżjoni inkwistjoni (rigward l-argumenti ta’ Tomra Systems et dwar ekonomiji ta’ skala) flimkien mal-punt 224 tas-sentenza appellata.


7 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (Kawża C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punti 52 sa 54). L-appell lanqas ma jargumenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi.


8 –      Jiġifieri, il-parti tad-domanda li ma hijiex marbuta mal-prattiki ta’ Tomra Systems et.


9 –      Ara, b’mod partikolari, il-punti 90 sa 95 tar-rikors u l-punti 38 sa 45 tar-replika ppreżentati fl-ewwel istanza.


10 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (Kawża C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 –      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 123.


12 –      Kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni, fl-1999, iktar minn 55% tad-domanda totali fil-ħames pajjiżi kienu marbuta. Jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi swieq, id-domanda “inkontestabbli” jew “marbuta” fl-1999 u fl-2000 kienet bejn 80% u 90% fin-Norveġja u madwar 65% fil-Pajjiżi l-Baxxi (kważi 60% fl-2011). Dawn il-fatti ma kinux ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, fil-pajjiżi u fis-snin li kienu meqjusa li kkontribwixxew għall-ksur, id-deċiżjoni inkwistjoni kkonstatat li l-parti tad-domanda eskluża kienet dejjem sinjifikanti, u f’ċerti snin f’kull wieħed minn dawn is-swieq (normalment is-“snin ewlenin” tat-tkabbir tas-suq), din kienet tirrappreżenta perċentwali sinjifikanti ħafna (ara, inter alia, il-punti 392, 160, 163, 183, 187, 218-219, u 290 tad-deċiżjoni inkwistjoni).


13 –      Ara l-punt 244 tas-sentenza appellata. Ara, pereżempju, il-punti 163, 219 u 237 tad-deċiżjoni inkwistjoni.


14 –      Kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni, dan l-argument, minkejja l-implikazzjonijiet tekniċi ovvji ta’ punt bħal dan, ma huwiex sostnut minn ebda wieħed mid-diversi annessi tar-rikors. Fil-fatt, il-lista ta’ annessi tar-rikors ma turix li ġew invokati provi favur l-argument li fl-appell jingħata tali importanza.


15 –      Fil-fatt, f’partijiet oħra tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, Tomra Systems et għamlu riferiment għal “dħul pożittiv”. Huwa biss fil-punt 128 li r-rikors jindika li kompetitur effiċjenti bl-istess mod jista’ jkun mistenni jkollu l-istess livell ta’ profitt.


16 –      Fil-fatt, l-argument ewlieni tar-rikors kien dak li l-iskemi ta’ tnaqqis ta’ Tomra Systems et ma kinux jeħtieġu, jew rari ħafna kienu jeħtieġu, “prezzijiet negattivi” sabiex kompetitur jiżgura li jkollu bejgħ.


17 –      Ara inter alia, il-punti 105, 106, 108, 110, 111, 116, 117, 118, 122, 127, u 128 tar-rikors.


18 –      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102] tat-Trattat [TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009 C 45, p. 7).


19 –      Dwar dan il-punt jien naqbel mal-Avukat Ġenerali Kokott.
Ara l-konklużjonijiet tagħha li taw lok għas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni (C-95/04 P, Ġabra p. I‑2331, punt 28), u tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, Ġabra p. I-10329, punt 21).


20 –      Din il-premessa tinsab fis-sotto-taqsima tad-deċiżjoni inkwistjoni li tittratta “l-Impatt” (punti 159 sa 166) li, hija stess, tagħmel parti mit-taqsima dwar il-prattiki ta’ Tomra Systems et f’“Il-Pajjiżi l-Baxxi” (punti 134 sa 166).


21 –      Il-Kummissjoni tirrileva li ta’ min wieħed josserva li l-punti 314 sa 329 tad-deċiżjoni inkwistjoni ma jagħmlu ebda riferiment għal “prezzijiet negattivi”. Huma pjuttost jirrilevaw l-“effett ta’ ġbid” tat-tnaqqis u, kif jissemma fil-punt 354 ta’ din id-deċiżjoni, ma kien hemm ebda rabta bejn il-mekkaniżmu tat-tnaqqis u l-ispejjeż ta’ Tomra Systems et (jiġifieri li t-tnaqqis ma kien ibbażat fuq ebda “servizz ekonomiku”).


22 –      Fil-punti 314 sa 329 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5) u tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (“Michelin II”) (T-203/01 Ġabra p. II-4071).


23 –      Ara s-sentenza Michelin II (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 60).


24 –      Ara, pereżempju, il-Każ COMP/39.451 — Velux, fejn l-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li Velux kien fassal sistema ta’ tnaqqis kundizzjonali mingħajr ebda effetti esklużjonarji antikompetittivi, jiġifieri li l-kompetituri ma kinux esklużi b’mod li seta’ jikkawża ħsara lill-konsumaturi. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-United Kingdom Office of Fair Trading taħt l-Artikolu 47 rigward id-Deċiżjoni CA98/20/2002, BSkyB tad-29 ta’ Lulju 2003 (punti 170 u 178 sa 181), fejn ir-rikorrenti kienu ddikjaraw li kwalunkwe tnaqqis jew skont offrut minn impriża dominanti kellu t-tendenza li jillimita l-għażla tax-xerrej fir-rigward tas-sorsi tiegħu ta’ provvista u għalhekk, huwa prima facie abbuż li jeħtieġ ġustifikazzjoni oġġettiva. Madankollu, dan l-approċċ kien ġie miċħud mill-Office of Fair Trading. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 finali, tat-13 ta’ Mejju 2009, fil-Każ COMP/C‑3/37.990 — Intel, li kkonkludiet li din kienet wettqet ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE meta implementat strateġija bil-għan li teskludi kompetituri mis-suq tal-x86 central processing units (ara Kawża Intel vs Il-Kummissjoni (T-286/09), pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali).


25 –      Sentenza tas-17 ta’ Frar 2011 (C-52/09, Ġabra p. I-527). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża.


26 –      Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010 (C-280/08 P, Ġabra p. I-9555). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża.


27 –      Jiġifieri, iktar ma klijent ikun viċin li jilħaq limitu li jintitolah li jikseb (jew iżomm) tnaqqis fuq l-unitajiet kollha li jkun xtara qabel, iktar ikun għali għall-kompetitur li jwettaq bejgħ lil dan il-konsumatur. Sabiex jikkompeti għal unitajiet qabel il-limitu, il-kompetitur għandu joffri prezz ferm iktar baxx. Għalhekk, l-iskemi ta’ tnaqqis skoraġġixxew id-dħul billi għamluh strutturalment ftit li xejn attraenti u iktar għali minn kemm kien ikun meta ma jkunx hemm tnaqqis, mingħajr dan ma jibbenefika lill-klijenti, peress li din l-istrateġija ppermettiet lil Tomra Systems et iżommu prezz medju għoli u r-renti tal-monopolju tagħhom.


28 –      Ara, b’mod partikolari, il-punt 41 et seq. kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 tal-konklużjonijiet preżenti.


29 –      Il-Kummissjoni tiċċita eżempji ta’ tnaqqis li wassal għal prezzijiet negattivi għall-klijenti Rimi Svenska, KB Exonen, Netto, Norgesgruppen, HakonGruppen u Rema 1000 (ara l-punti 68 and 69 tal-kontroreplika fl-ewwel istanza).


30 –      Jiġifieri, li “l-kunċett ta’ abbuż huwa kunċett oġġettiv li jolqot l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, bħala riżultat tal-preżenza nfisha tal-impriża inkwistjoni, il-kompetizzjoni tkun diġà ddgħajfet u li, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew servizzi abbażi tat-tranżazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, ikollu l-effett li jostakola ż-żamma tal-kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni” (ara, inter alia, is-sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 91).


31 –      Is-sentenza Michelin II (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22) tirreferi għas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (“Michelin I”), (322/81, Ġabra p. 3461, punt 73).


32 –      Ara s-sentenzi Michelin II (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 239) u British Airways vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 293).


33 –      Li l-kuntratti li kkaratterizzaw lil Tomra Systems et bħala “fornitur ippreferut, prinċipali jew primarju” kienu jimplikaw impenn għall-esklużività.


34 –      Ara, pereżempju, id-digriet tal-11 ta’ April 2002, NDC Health v IMS Health u Il-Kummissjoni (Kawża C‑481/01 P(R), Ġabra p. I‑3401, punt 88). Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 48 u 49), u tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Ħlas addizzjonali fuq il-liga” (C‑65/02 P u C‑73/02 P Ġabra p. I‑6773, punti 80 sa 87).


35 –      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 59).


36 –      Isir riferiment għas-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 90).


37 –      Korsiv tiegħi. Qiegħed isir riferiment, f’dan is-sens, għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni (T-65/98, Ġabra p. II-4653, punti 84 u 160).


38 –      Nirreferi għall-punti 192 sa 194 tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 415 hemmhekk.


39 –      “Es wird einen Exklusivvertrag mit Tomra zu den Bedingungen vom 20.03.98 geben” (“Għandu jiġi konkluż kuntratt esklużiv ma’ Tomra bil-kundizzjonijiet tal-20.03.98”). L-Anness B.1 tar-risposta, p. 6686 tal-fajl tal-Kummissjoni.


40 –      Il-Klawżola 4 tipprovdi kif ġej: “Die Kooperationspartner sowie deren Regiebetriebe haben die Möglichkeit, jeweils einen Testmarkt innerhalb des Zeitraums mit Wettbewerbserzeugnissen auszustatten” (“Is-Sieħeb fil-Koperazzjoni, kif ukoll il-ħwienet tiegħu, għandhom il-possibbiltà li jkollhom suq test kull wieħed għall-prodotti kompetituri matul dan il-perijodu”). Anness Annex A.21 tar-rikors, p. 892.


41 –      Fil-fatt, dan it-tip ta’ ksur kien is-suġġett ta’ diversi deċiżjonijiet u sentenzi fil-passat. Isir riferiment, inter alia, għas-sentenza segwenti: sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 517 et seq); Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 90 et seq); Michelin I (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punti 62 et seq); tad-29 ta’ Marzu 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-163/99, Ġabra p. I‑2613, punti 50 et seq); British Airways vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19); u Solvay vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni (T-30/89, Ġabra p. II‑1439, punt 101); tal-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni (T-65/89, Ġabra p. II‑389, punti 71 u 120); tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni (T-228/97, Ġabra p. II‑2969, punti 198, 201 u 213), u Michelin II (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 53 et seq).


42 –      Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 205). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni (T-52/02, Ġabra p. II-5005, punt 77). Il-Kummissjoni hija libera li tibdel il-piż li tagħti lil fatturi partikolari fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur: sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni (T-347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 368), u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni (T-241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 132). Il-fatt li fil-passat l-Kummissjoni setgħet ħadet pożizzjoni inqas serja dwar it-tip ta’ ksur inkwistjoni, huwa irrilevanti.


43 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE], (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


44 –      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109).


45 –      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni (T-49/95, Ġabra p. II‑1799, punt 53).


46 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni (T-67/01, Ġabra p. II‑49, punti 187 sa 189), u SNCZ vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 79).


47 –      Ara, inter alia, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 255).


48 –      Bħala eżempju, kif irrilevat il-Kummissjoni fir-rigward tal-argumenti ta’ Tomra Systems et li l-multa kienet tirrappreżenta 8% tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, jidher li l-ammont finali tal-multa finali huwa ekwivalenti għal madwar 7.14% tad-dħul mill-bejgħ ta’ Tomra Systems et. Meta jitqies it-tul tal-ksur (jiġifieri 5 snin, li qatt ma kien ikkontestat), il-multa ammontat għal madwar 1.6% tad-dħul mill-bejgħ aggregat ta’ Tomra Systems et matul il-perijodu tal-ksur.