KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
RUIZ-JARABO COLOMER
ippreżentati fl-20 ta’ Marzu 2007 1(1)
Kawżi magħquda C‑11/06 u C‑12/06
Rhiannon Morgan
vs
Bezirksregierung Köln
u
Iris Bucher
vs
Landrat des Kreises Düren
[Talbiet għal-deċiżjoni preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán (il-Ġermanja)]
“Moviment liberu ta’ l-istudenti – Rekwiżiti għall-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ fi Stati Membri oħra – Attendenza prevista, għal minimu ta’ sena, f’ċentru nazzjonali – Residenza permanenti fil-lokalitajiet fil-fruntieri”
I – Introduzzjoni
1. Skond ġurist Latinamerikan, hemm tliet kategoriji ta’ mħallfin: l-artiġjani, li b’mod mekkaniku, u bl-użu biss ta’ idejhom, jipproduċu sentenzi fi kwantitajiet kbar u fi kwantitajiet industrijali, mingħajr ma jinżlu fil-livell uman jew fil-livell ta’ l-ordni soċjali; l-awturi, li jużaw kemm l-idejn kif ukoll il-moħħ, u jikkonformaw mal-metodi tradizzjonali ta’ interpretazzjoni, li jwassluhom inevitabbilment sabiex jinkorporaw biss il-volontà tal-leġiżlatur; u l-artisti, li, bl-għajnuna ta’ l-idejn, tal-moħħ u tal-qalb, jiftħu orizzonti aqwa għaċ-ċittadini, mingħajr ma jinjoraw ir-realtà jew is-sitwazzjonijiet konkreti. (2)
2. Għalkemm kollha huma neċessarji sabiex iwettqu x-xogħol ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-inkarigu tagħha, dejjem identifikat ruħha mal-kategorija ta’ l-aħħar, speċjalment meta l-evoluzzjoni bla waqfien ta’ ideat li taw oriġini għall-Komunità naqset mill-veloċità.
3. Il-moviment liberu huwa wieħed minn dawn l-ideat tal-bidu, mibdula fi prinċipju fundamentali, li però fih kontenut varjabbli, peress illi huwa bbażat fuq realtà versatili, li tinbidel skond l-eżiġenzi soċjali, l-avvanzi fit-trasport, iż-żieda fil-kummerċ u ħafna fatturi oħra li jiffaċilitaw il-mobbiltà ta’ l-individwu u l-familji tiegħu. (3)
4. F’dan il-kuntest insibu d-domandi għal deċiżjoni preliminari tal- Verwaltungsgericht (il-qorti amministrattiva) ta’ Aquisgrán, li jipprovdu l-opportunità li wieħed japprofondixxi l-implikazzjonijiet tal-moviment liberu ta’ l-istudenti Ewropej u ta’ l-għajnuna għat-taħriġ fi Stati oħra, filwaqt li jiddeskrivu xi ftit mill-elementi prinċipali ta’ din il-libertà.
5. Fil-qosor, il-kwistjoni tirrigwarda żewġ żgħażagħ Ġermaniżi li l-applikazzjoni tagħhom sabiex imorru jistudjaw fir-Renju Unit u fl- Olanda ġiet irrifjutata; fl-ewwel każ, għax l-edukazzjoni mhijiex kontinwazzjoni ta’ dik li l-istudent kien irċieva, għal minimu ta’ sena, fil-Ġermanja; fit-tieni każ, għax mhuwiex sodisfatt ir-rekwiżit ta’ residenza permanenti f’lokalità fil-fruntiera.
6. Ir-rilevanza ta’ dawn l-argumenti titlob li, wara li jkunu deskritti l-punti ġuridiċi prinċipali (II), il-fatti u l-kambjamenti tal-proċeduri tal-kawżi (III u IV), tingħata attenzjoni lill-mobbiltà ta’ l-istudenti (V), tiġi spjegata l-ġurisprudenza dwar iż-żewġ punti ewlenin tad-domandi magħmula (VI) u jiġu analizzati diversi aspetti sinjifikattivi ta’ l-għajnuniet għall-edukazzjoni, bħad-deskrizzjoni tagħhom jew il-konnessjonijiet tagħhom mal-libertajiet ta’ moviment u li jiġu pprovduti s-servizzi (VII). Dawn ir-riflessjonijiet jwasslu sabiex id-dubji espressi jiġu riżolti (VIII). Fl-aħħar nett, għandhom jitneħħew id-dubji dwar il-konsegwenzi tal-proposta tiegħi (IX).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlzzjoni Komunitarja
7. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra relevanti fil-każijiet fejn huma magħrufa l-prinċipji tat-Trattat KE dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u dwar il-moviment ħieles li (1); il-panorama normattiv ikun komplut b’referenza għat-Trattat KE nnifsu dwar l-edukazzjoni (2) u d-dispożizzjonijiet tal-liġi sekondarja li jirreferu għall-istudenti (3).
1. Iċ-ċittadinanza Ewropea u l-moviment ħieles
8. L-Artikolu 17(1) KE joħloq “Ċittadinanza ta’ l-Unjoni”, filwaqt li jpoġġi lill-individwu fiċ-ċentru ta’ l-attivitajiet tiegħu; (4) “Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin ta’ l-Unjoni”; u għaldaqstant, huwa f’idejn il-leġiżlazzjonijiet ta’ dawn l-Istati li jiddeterminaw dan l-attribut. (5)
9. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, skond l-Artikolu 17(2) KE, igawdu minn dawn id-drittijiet u huma suġġetti għad-dmirijiet tat-Trattat. F’dan il-każ, skond l-Artikolu 18 KE, dawn jagħtu d-“dritt li wieħed imur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri”, bil-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet miġbura fit-Trattat u fir-regoli relattivi.
10. Dan jinvolvi wkoll drittijiet elettorali (Artikolu 19 KE), ta’ ħarsien barra mill-pajjiż (Artikolu 20 KE), kif ukoll li jitressqu lmenti u talbiet (Artikolu 21 KE).
11. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (6) tuża l-kunċett ta’ l-Artikolu 17 KE f’xi każijiet(7) u, fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 45, issemmi d-“dritt li wieħed imur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.
2. Il-kompetenzi Komunitarji fl-edukazzjoni
12. L-azzjoni tal-Komunità sabiex jintlaħqu l-għanijiet li tipproponi timplika, skond l-ittra q) tas-subparagrafu 1 ta’ l-Artikolu 3 KE, “kontribuzzjoni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ ta’ kwalità u sabiex jiffjorixxu l-kulturi ta’ l-Istati Membri”.
13. Fit-titolu XI tat-tielet parti tat-Trattat, il-kapitolu 3 huwa ddedikat għall-“Edukazzjoni, formazzjoni professjonali u żgħażagħ”, li jkopri l-Artikoli 149 KE u 150 KE, imdaħħla fl-1992 permezz tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea.
14. L-Artikolu 149 KE jiddikjara li:
“1. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-resposabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.
2. L-azzjoni Komunitarja għandha tkun immirata lejn:
– l-iżvilupp tad-dimesjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta’ l-Istati Membri ;
– l-inkoraġġiment tal-mobbiltà fost l-istudenti u l-għalliema, partikolarment billi jkun inkoraġġut ir-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju ;
– il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi ;
– l-iżvilupp ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta’ edukazzjoni fl-Istati Membri ;
– l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta’ edukaturi soċjo-edukattivi ;
– l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ edukazzjoni mill-bogħod.
[…]
4. Sabiex iseħħu l-għanijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, il-Kunsill:
– waqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jadotta inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri ;
– waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjonijiet.”
15. L-Artikolu 150 KE juża termini simili fir-rigward ta’ l-edukazzjoni professjonali.
3. Leġiżlazzjoni sekondarja
16. Peress li jeżistu assoċjazzjonijiet li jgħaqqdu kwalitajiet differenti, huwa normali li l-Komunità tagħtihom attenzjoni partikolari, kif għamlet id-Direttiva 93/96/KEE tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti. (8)
17. It-twaqqif taċ-ċittadinanza Ewropea kixfet in-neċessità li jiġi adattat ir-regolament tal-libertaijiet ta’ moviment u ta’ residenza, kif implementata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, (9) li ħassret id-Direttiva 93/96.
18. Id-Direttiva 2004/38 tirregola d-dħul u l-ħruġ fit-territorju tal-pajjiżi Komunitarji (Artikoli 4 u 5), kif ukoll ir-residenza, u f’dan ir-rigward tistabbilixxi ċerti rekwiżiti, varjabbli skond id-dewmien: a) sabiex wieħed jibqa’ tliet xhur, hemm bżonn ta’ dokument ta’ identità jew passaport validi (Artikolu 6); b) sabiex wieħed jibqa’ bejn tliet xhur sa ħames snin, dawk li jirreġistraw f’ċentru pubbliku jew privat jeħtieġu li jkollhom assigurazzjoni tas-saħħa, li tkopri r-riskji kollha tal-pajjiż li qed jirċievi, u li jkollhom riżorsi suffiċjenti sabiex ma jaqgħux taħt responsabbiltà tas-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ l-imsemmi pajjiż [ittra ċ) tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 7]; ċ) għal żjara b’mod legali ta’ iktar minn ħames snin, japplika dritt li mhux suġġett għal ebda kundizzjoni (Artikolu 16).
B – Il-liġi Ġermaniża
19. L-għajnuniet mogħtija għall-istudju huma diskussi fil-Bundesgesetz über individuelle Förderung der Ausbildung (il-liġi federali għall-għajnuniet individwali għat-taħriġ; iktar il-quddiem il- “BAföG”). (10) L-Artikolu 4 jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali, u jikkonċedihom biss sabiex jistudjaw fil-pajjiż, għalkemm b’xi eċċezzjonijiet, elenkati fl-Artikoli 5 u 6.
20. L-Artikolu 5(1) jittratta l-edukazzjoni bejn il-fruntieri:
“L-istudenti msemmija fl-Artikolu 8(1), jiksbu għajnuna meta jmorru ta’ kuljum mid-domiċilju permanenti tagħhom fit-territorju Ġermaniż għal stabbiliment barrani. B’rilevanza għal-liġi preżenti, id-domiċilju permanenti huwa l-post fejn jinsab, b’mod mhux temporanju, iċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-persuna interessata […]; il-post li joqgħod fih għal skopijiet biss ta’ taħriġ mhuwiex meqjus li huwa domiċilju permanenti.”
21. L-Artikolu 5(2) tirreferi għall-edukazzjoni barra mill-pajjiż:
“L-istudenti b’domiċilju permanenti fit-territorju Ġermaniż li jistudjaw barra u li għandhom biżżejjed għarfien lingwistiku jirċievu għajnuna, meta:
1. dawn l-istudji jikkontribwixxu sabiex itejbu t-taħriġ tagħhom, dejjem jekk għall-inqas parti minnhom issir fiż-żmien meħtieġ jew abitwali għat-taħriġ;
2. fil-kwadru tal-kollaborazzjoni internazzjonali, iċ-ċikli suċċessivi ta’ taħriġ uniku jinqasmu alternattivament bejn il-Ġermanja u l-pajjiż barrani;
3. wara li jkunu studjaw mill-anqas sena f’ċentru Ġermaniż, ikomplu jistudjaw fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea
[…]”
22. L-Artikolu 6 jippermetti li jiġu ttrattati ipoteżi partikolari:
“Il-Ġermaniżi skond il-Liġi fundamentali, li d-domiċilju permanenti tagħhom jinsab f’pajjiż barrani li fih jassistu għall-klassijiet jew li, minn dan id-domiċilju, imorru fi Stat ġar, jistgħu jirċievu għajnuna, meta ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ jiġġustifkaw dan. […]”
23. L-Artikolu 8(1) iqiegħed limiti fuq il-kamp suġġettiv tal-BAföG, u jindika li :
“Tingħata għajnuna lil:
1. Ġermaniżi skond il-Liġi fundamentali;
[…]
8. studenti li, skond l-Artikolu 3 tal-Freizügigkeitsgesetz/EU (il-liġi dwar il-moviment ħieles taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni), ikollhom, kemm jekk konjuġi jew ulied, dritt ta’ dħul u ta’ residenza fil-Ġermanja jew li ma jgawdux dan id-dritt fil-kwalità ta’ ulied, minħabba li jkunu għalqu l-wieħed u għoxrin sena u l-manteniment tagħhom ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew tal-konjuġi tagħhom;
9. l-istudenti ta’ nazzjonalità ta’ Stat membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea li jaħdmu fil-Ġermanja qabel ma jibdew l-istudji, dejjem jekk teżisti rabta bejn l-attività pprattikata u l-iskop tat-taħriġ […]”
III – Il-fatti u l-kawżi prinċipali
A – Kawża C-11/06
24. R. Morgan twieldet fl-1983 fil-Ġermanja, pajjiż li tiegħu għandha n-nazzjonalità u li fih ħadet it-tagħlim sekondarju. Wara li għaddiet mill-eżami ta’ Abitur (eżami għall-ammissjoni fl-Università), marret l-Ingilterra, u impjegat ruħha għal sena bħala au pair.
25. Hija ilha mill-20 ta’ Settembru 2004 tistudja l-ġenetika applikata fil-University of the West of England, fi Bristol. L-awtoritajiet Brittaniċi rrikonoxxewlha l-kwalità ta’ ħaddiema immigrata u kkonċedewlha sussidju ta’ manteniment. (11)
26. Qabel ma marret toqgħod fir-Renju Unit hija talbet, f’Awwissu ta’ l-2004, għajnuna, li l-Bezirksregierung (il-gvern distrettwali) ta’ Kolonja rrifjuta, b’deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2004, peress li ma kinux sodisfatti l-kundizzjoniet ta’ l-Artikolu 5(2) tal-BAföG, ikkonfermata b’oħra, tat-3 ta’ Frar 2005, li wkoll ma aċċettatx l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6, fir-rigward ta’ l-Artikolu 5(1) tal-BAföG.
27. Din id-deċiżjoni amministrattiva ġiet appellata bi proċediment legali quddiem il-Verwaltungsgericht de Aquisgrán, l-oriġini tal-kawża C‑11/06.
B – Kawża C-12/06
28. I. Bucher, Ġermaniża mwielda fl-1983, għexet mal-ġenituri tagħha f’Bonn sa l-1 ta’ Lulju 2003, meta marret tgħix mas-sieħeb tagħha f’Düren. (12)
29. Sa mill-1 ta’ Lulju 2003, hija attendiet klassijiet ta’ ergoterapija fil-Hogeschool Zuyd de Heerlen (13) (l-Olanda).
30. Fit-28 ta’ Jannar 2004, hija talbet għajnuna, li ġiet miċħuda mil-Landrat des Kreises (il-presidenza tar-reġjun) ta’ Düren, fis-7 ta’ Lulju 2004, peress li dan kien ta’ l-opinjoni li l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1) tal-BaföG ma kinux sodisfatti, u konsegwentement li l-bdil ta’ residenza sar biss għal skopijiet ta’ taħriġ, kif ikkonferma l-Bezirksregierung ta’ Kolonja, fis-16 ta’ Novembru 2004.
31. Ir-rifjut ġie appellat quddiem il-Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán permezz ta’ appell, il-bażi tal-kawża C‑12/06.
IV – Id-deċiżjonijiet preliminarji u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
32. Il-Verwaltungsgericht de Aquisgrán, meta qieset li, għalkemm it-talbiet ta’ l-applikanti ma jaqgħux taħt l-Artikolu 5 u lanqas taħt l-Artikolu 6 tal-BAföG, jistgħu jaqgħu taħt ir-regoli Komunitarji, issospendiet iż-żewġ proċeduri u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi:
“1) Il-libertà ta’ moviment iggarantita liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni permezz ta’ l-Artikoli 17 KE u 18 KE tipprojbixxi lil Stat Membru li jirrifjuta, f’każ bħal dan, l-għajnuniet għat-taħriġ lil ċittadina sabiex twettaq studji kompluti fi Stat Membru ieħor, għaliex dan l-imsemmi taħriġ mhuwiex konsegwenza ta’ studju f’ċentru fl-ewwel Stat Membru għal minimu ta’ sena?
2) Din l-istess libertà ta’ moviment tipprojbixxi li Stat Membru jirrifjuta, f’każ bħal dan, l-għajnuniet lil ċittadina li twettaq l-istudji tagħha fi Stat Membru ġar fi kwalità ta’ studenta lil hinn mill-fruntieri, għaliex tirrisjedi f’lokalità fil-fruntiera Ġermaniża għal skopijiet biss ta’ taħriġ, mingħajr ma dan jinvolvi r-residenza abitwali tagħha?”
33. L-ewwel domanda hija komuni għaż-żewġ kawżi, iżda t-tieni waħda taffettwa biss lil I. Bucher.
34. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2006, għaqqad il-kawżi C-11/06 u C-12/06, minħabba l-konnessjoni oġġettiva tagħhom.
35. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub, skond it-terminu ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, mill-Bezirksregierung ta’ Kolonja, il-Landrat des Kreises ta’ Düren, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ l-Awstrija, tal-Finlandja, ta’ l-Italja, ta’ l-Olanda, tar-Renju Unit u ta’ l-Iżvezja, kif ukoll tal-Kummissjoni.
36. Waqt is-seduta, li saret fit-30 ta’ Jannar 2007, dehru, sabiex jittrattaw bil-fomm l-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rappreżentanti ta’ R. Morgan, ta’ I. Bucher, tal-Ġermanja, ta’ l-Olanda, ta’ l-Awstrija, tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni.
V – Il-mobbiltà ta’ l-istudenti
A – Raġuni storika
37. Għalkemm, skond Thomas Moore, it-tagħlim mogħti bil-lingwa proprja “jinterpreta s-sentimenti u l-emozzjonijiet aħjar minn kwalunkwe persuna oħra”, (14) l-għatx għall-għarfien iġiegħel li wieħed ifittex egħjun, u jitgħallem minn għand min għandu l-iktar għerf, ikun x’ikun il-post li jinsabu fih u l-lingwa li biha jgħallmu. Dan il-għatx joħloq fluss ta’ studenti u anke għalliema li jista’ jiġi kkonstatat fl-epoki kollha.
38. Fl-antikità klassika, fost il-punti ewlenin li ġibdu l-iktar nies differenti, jaqbel infakkru l-Akkademja ta’ Platun, il-Liċeo ta’ Aristotli jew l-Iskejjel ta’ Pitagora u ta’ Alessandrija, din ta’ l-aħħar imwaqqfa minn Ptalamun Soler fis-seklu III qabel Kristu, fejn kien jispikka Ewklidi.
39. Sa mill-bidu tas-seklu IX, bl-iżvilupp tal-ħajja monastika, beda jkun hemm klassijiet fil-kunventi u abbaziji sabiex jgħallmu lill-patrijiet, li, f’ħafna partijiet, iddedikaw kamra esterna sabiex jaċċettaw dixxipli oħra (Jarrow, Cork, Corbie, Richenau, Montecassino…). Bl-istess mod, l-isqfijiet u l-kunsilli ħolqu, fid-dell tal-kattidrali skejjel episkopali (Reims, Chartres, Kolonja, Maguncia, Vjenna, Liège …). Id-dinja Għarbija lanqas ma injorat dan il-fenomenu, u Bagdad u Córdoba, per eżempju, bnew kmamar għall-istudju mgħammra b’libreriji kbar u osservatorji astronomiċi.
40. Sas-seklu XII kienu mgħallma ċerti persuni barra mill-iskejjel reliġjużi. Hekk bdiet l-idea ta’ l-universitajiet, miftuħin għall-istudenti u għalliema ta’ nazzjonalitajiet differenti, li, permezz ta’ l-użu tal-latin bħala lingua franca, ħadmu sabiex jikkomunikaw u jittrażmettu l-għerf. L-ewwel waħda nbniet Bolonja, iżda wara nxterrdu ma’ l-Ewropa kollha (Pariġi, Palencia, Oxford, Montpellier, Salamanca…). (15)
41. L-università ġġenerat mobbiltà soċjali kbira. It-tfal tan-nobbli, tal-borgiżi, tal-kummerċjanti, ta’ l-artiġjani u tal-bdiewa kienu aċċettati, u għelbu d-diffikultajiet finanzjarji permezz ta’ għajnuniet u stipendji. Madankollu, id-dehra ta’ l-Istati nazzjonali u l-ġlied dwar ir-reliġjon naqsu n-natura ekumenika ta’ dan il-bidu.
42. B’dan il-mod, Juan Luis Vives (1492-1540) wettaq l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Valencia, fis-Sorbonne ta’ Pariġi, fi Bruges, f’Leuvain u f’Oxford; Miguel Servet (1511-1553) studja l-liġi f’Toulouse, il-mediċina f’Pariġi u Montpellier, kif ukoll it-teoloġija f’Leuvain; David Hume (1711-1776) studja l-letteratura u l-filosofija f’Reims u f’Anjou sabiex, wara li għex għal sentejn f’Pariġi, irritorna lejn l-Iskozja, fejn irrifjuta l-offerta ta’ kattedra fl-Università bħala kap tad-Dipartiment; Karl Marx (1818-1883) studja fl-Università ta’ Bonn, però għex f’Pariġi, fi Brussel u f’Londra, fejn kellu influwenza intellettwali qawwija.
43. Fost dawn il-vjaġġjaturi ta’ l-għerf Erasmu ta’ Rotterdam (1469-1536) għandu post ta’ privileġġ speċjali. Huwa studja fl-Università ta’ Pariġi, ipprattika bħala tutur tat-tifel tar-Re ta’ l-Iskozja Ġakbu II, ħa d-dottorat fit-teoloġija f’Bolonja, filwaqt li rrifjuta stedina tal-Papa Ljun X sabiex joqgħod Ruma. Ittrasferixxa ruħu l-Ingilterra, fejn kien milqugħ tajjeb minn Neriku VIII u bena ħbiberiji ma’ John Colet u Thomas Moore. Kien jgħix bħala għalliem titulari tat-teoloġija f’Cambridge. Ħadem fl-istamperija ta’ Aldus Manutius ġo Venezja. Kiseb ir-rispett ta’ l-Imperatur Karlu V, li kien ukoll Re ta’ Spanja, li nnominah kunsillier tal-Fjandri. (16) Mar joqgħod għal ftit żmien fi Friburgu u rtira lejn Basilea sabiex jieħu ħsieb il-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet tiegħu. (17) Il-ħajja tiegħu llum hija tal-ħolm, meta niftakru li, lejn l-aħħar tal-Medju Evu, l-Ewropa ma kellhiex fruntieri għall-ħajja intelletwali u ma kinitx imqassma f’differenzi lingwistiċi li, mingħajr ma jitneħħa l-valur kulturali li jippreżentaw, ixekklu l-isjambju ta’ ideat u l-progress lejn aktar għaqda bejn il-bliet ta’ dan il-kontinent. Il-mit ta’ Erasmu jġib xaqq ta’ tama sabiex jiġu megħluba dawn il-barrieri. (18)
B – Problema ta’ llum il-ġurnata
44. L-iżvilupp imgħaġġel tas-soċjetà attwali ġġib magħha żieda għad-domanda ta’ tagħlim ta’ livell għoli, ta’ speċjaliżazzjoni u ta’ għarfien li dejjem jikber dwar l-importanza tal-bini ta’ futur. Insibu diffikultajiet u sfidi simili kullimkien, fir-rigward tal-finanzjament, kwalità, ugwaljanza ta’ kundizzjonijiet, taħriġ tal-persunal, possibiltajiet ta’ impjieg tal-gradwati jew tqassim ta’ benefiċċji li ġġib magħha l-kooperazzjoni internazzjonali.
45. F’dan il-kuntest insibu l-imsemmi “proċess ta’ Bolonja”, li beda permezz tad-Dikjarazzjoni ta’ erbgħin ministru fid-19 ta’ Ġunju 1999, (19) bl-iskop li jinħoloq fl-2010 spazju Ewropew ta’ edukazzjoni superjuri, (20) li permezz tagħha jsir avvanz bil-mod il-mod lejn serje ta’ għanijiet, bħall-mobbiltà ta’ l-istudenti, li għalkemm hija ta’ importanza kbira, titlob livell għoli ta’ komunikazzjoni milħuqa bin-netwerkijiet ta’ informazzjoni.
46. Hemm ammont kbir ta’ strumenti approvati mill-Istituzzjonijiet Komunitarji konnessi mal-proċess ta’ Bolonja fir-rigward tal-moviment ta’ l-istudenti, (21) peress illi t-talbiet għall-istudju barra mill-pajjiż ta’ oriġini għal perijodu varjabbli żdiedu, u ngħaqdu mal-possibbiltà ta’ xogħol u ta’ integrazzjoni fl-istrutturi ta’ kwalunkwe Stat ta’ l-Unjoni, li joffru opportunitajiet stimulanti ħafna. Dawn l-iskambji jiffavorixxu lil dawk li jsiefru, lis-soċjetà li tilqagħhom u dik li jitilqu minnha, għalkemm jinvolvu riskji, peress li jistgħu jikkompromettu d-diversità, jaċċelleraw l-kummerċjaliżmu tat-tagħlim u jżidu l-emigrazzjoni ta’ akkademiċi, xjenzjati etc., lejn pajjiżi oħra għal kundizzjonijiet aħjar.
47. It-trasferimenti, minbarra dan, jiġġeneraw sfidi ta’ natura differenti, prinċipalment lingwistiċi jew ta’ adattament, (22) amministrattivi jew finanzjarji. (23) Il-konsegwenzi ta’ l-ispejjeż finanzjarji sabiex jitħallsu t-taxxi, il-pagi u l-manteniment jew renta huma mnaqqsa kemm jista’ jkun permezz ta’ għajnuniet għat-taħriġ, li jindikaw oriġini ta’ tliet tipi: privata, nazzjonali jew Ewropea. Dawk ta’ l-ewwel jitħallsu mill-individwi privati skond it-termini li jiddeċiedu huma; it-tieni jiġu deċiżi permezz ta’ dispożizzjonijiet lokali, reġjunali jew statali suġġetti għal ċerti prinċipji, bħal ma huma dawk ta’ oġġettività u ugwaljanza; dawk ta’ l-aħħar huma mfassla permezz ta’ azzjonijiet Komunitarji, fost dawk li jenfasizzaw il-programmi “Erasmus”, mibdi fl-1987 u inkorporat attwalment fis-“Socrates”, (24) u “Leonardo da Vinci”, mibdi fl-1994 sabiex iħajjar it-taħriġ professjonali.
48. Fil-kawżi ta’ R. Morgan u I. Bucher jiġu diskussi s-sussidji stipulati fir-regolament nazzjonali, bla ħsara għall-kompatibbiltà tat-tliet sistemi ta’ finanzjament li jimxu mar-regoli ta’ kull wieħed, peress li mhux soltu li jħallsu l-ispejjeż kollha, (25) frekwentement hija aċċettata l-irċevuta tagħhom simultanjament.
VI – Il-ġurisprudenza dwar l-għajnuniet għall-istudju u l-moviment ħieles
49. Ir-risposti għall-Verwaltungsgericht de Aquisgrán jitolbu li tkun irriveduta l-ġurisprudenza dwar iż-żewġ estremi bbażati fid-deċiżjonijiet preliminari li ntalbu.
A – L-għajnuniet għall-istudju
50. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat drabi oħra l-għajnuniet ta’ natura differenti fil-każ tal-bidu, tal-kontinwazzjoni jew tat-tmiem ta’ taħriġ. Fis-suppożizzjonijiet magħmula sad-data t-talba kienet diretta lejn l-Istat Membru li qed jirċievi jew ta’ oriġini, iżda wara trasferiment, filwaqt li s-Sinjuri Morgan u Bucher bagħtu l-applikazzjoni lill-pajjiż ta’ oriġini, mingħajr ma ċċaqalqu mill-pajjiż. Għalkemm, bħal ma ġie enfasizzat fil-parti l-kbira ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati, din iċ-ċirkustanza timpedixxi li wieħed jinnota diżugwaljanza fit-trattament bejn il-Ġermaniżi u persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi Komunitarji oħra, u b’hekk teskludi l-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti, huwa wkoll veru li wieħed jista’ jeżamina t-teżijiet li jistgħu jkunu utli f’din l-okkażjoni.
51. Fost is-sentenzi li jinvolvu aspetti konnessi ma’ dawk imsemmija hawnhekk, jaqbel insemmu dawk mogħtija fil-kawżi Grzelczyk, (26) D’Hoop (27) u Bidar, (28) li, barra minn hekk, huma konnessi maċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, u jagħtu kontribuzzjoniet validi.
52. Preċedentement, is-sentenza Gravier (29) kienet sostniet li l-impożizzjoni ta’ taxxa, ta’ xi drittijiet ta’ reġistrazzjoni jew taħriġ ta’ l-istudenti ta’ Stati Membri oħra, bħala kundizzjoni għall-aċċess għal korsijiet ta’ taħriġ professjonali, hija diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità pprojbita mit-Trattat (punt 26). Fuq l-istess linja, is-sentenza Blaizot (30) sabet diżugwaljanza f’”xi drittijiet ta’ reġistrazzjoni komplementari mogħtija lill-istudenti ta’ Stati Membri oħra sabiex jinkitbu f’dan iċ-ċiklu ta’ studji”, peress illi “l-kunċett ta’ taħriġ professjonali jinvolvi l-istudji universitarji veterinarji” (punt 24).
53. Din id-duttrina kienet ġiet ippreċiżata ftit wara fis-sentenzi Lair (31) u Brown, (32) li għamlu distinzjoni bejn l-għajnuniet sabiex “jitħallsu l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u oħrajn, speċjalment ta’ edukazzjoni, neċessarji għat-tagħlim”, u dawk iddedikati għall- “manteniment u t-taħriġ”, u kkalkulaw li dawk ta’ l-ewwel biss huma inklużi fit-Trattat (punti 14 sa 16 tas-sentenza Lair u 17 sa 19 tas-sentenza Brown). L-innovazzjonijiet imdaħħla bit-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea (33) u l-approvazzjoni tad-Direttiva 93/96 irrendew, wara s-sentenza Grzelczyk, din id-distinzjoni irrilevanti.
1. Is-sentenza Grzelczyk
54. Is-Sinjur Grzelczyk, Franċiż, studja l-edukazzjoni fiżika fl-Università Kattolika ta’ Leuvain-la-Neuve (Belġju), u ħallas l-ispejjeż tat-taħriġ u tar-residenza. Fil-bidu tar-raba’ u l-aħħar sena talab il- minimex –id-dħul minimu għall-għajxien–, iżda dan kien ġie rrifjutat għax ma kienx ċittadin Belġjan.
55. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fis-sentenza Hoeckx, (34) kienet iddikjarat il-minimex bħala “vantaġġ soċjali fis-sens tar-Regolament nru 1612/68” (35) (punt 27); kif ukoll semmiet l-emendi fir-regolament nazzjonali applikabbli (punt 28), li wasslu sabiex student ta’ nazzjonalità Belġjana, li ma kienx ħaddiem skond ir-Regolament nru 1612/68, u li kien fl-istess kundizzjonijiet tas-Sur Grzelczyk, kien jissodisfa r-rekwiżiti sabiex jikseb il-benefiċċju, raġuni li wasslitha tgħid li kient hemm “diskriminazzjoni bbażata biss fuq in-nazzjonalità” (punt 29), li tmur kontra, “fil-prinċipju”, għall-Artikolu 6 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 12 KE wara emenda), interpretat “fid-dawl tad-dispożizzjonijiet […] dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni sabiex jiġi evalwat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu” (punt 30).
56. Wara diversi kunsiderazzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza Ewropea (punti 31 u 33) u wara li ma tneħħietx il-validità tal-ġurisprudenza Lair u Brown (punti 34 u 35), ġiet imqabbla l-projbizzjoni tat-trattat mad-”dritt ta’ moviment u residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”, skond id-Direttiva 93/96 ; fuq dawn il-limiti, il-Qorti enfasizzat is-solvibbiltà ekonomika mitluba, li biha, minħabba “id-dettalji partikolari tas-soġġorn ta’ l-istudenti”, tidħol differenza, b’rispett għad-Direttivi 90/364 u 90/365 (punti 37 sa 44), (36) li tenfasizza n-natura li tinbidel tas-sitwazzjonijiet personali li jinbidlu fiż-żmien (punt 45).
2. Is-sentenza D’Hoop
57. Is-Sinjura D’Hoop, ċittadina Belġjana, kisbet fi Franza d-diploma ta’ tagħlim sekondarju, li ġie rrikonoxxut lilha mill-awtoritajiet tal-pajjiż tagħha ta’ oriġini, li fih marret l-Università. Wara, hija talbet il-benefiċċju ta’ stennija, jiġifieri għajnuna għal matul iż-żmien li ma kellhiex xogħol, għajnuna finanzjarja li tagħti d-dritt li tieħu sehem fi programmi ta’ impjieg, intiża għaż-żgħażagħ li qed ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom. Dan ġie miċħud għaliex it-tagħlim sekondarju ma kinitx wettqitu f’liċeo Belġjan.
58. Minkejja l-fatt li l-għajnuniet għal matul iż-żmien li ma jkunx għadu nstab xogħol jikkostitwixxu vantaġġ soċjali skond ir-Regolament nru 1612/68, (37) iċ-ċirkustanzi konkurrenti tal-persuna interessata żammew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u ta’ l-Artikolu 48 KE (punti 17 sa 20), u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ir-riflessjonijiet tagħha dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, billi qisithom validi ratione temporis (punti 23 sa 26), u li bis-saħħa tagħhom ma jkunx kompatibbli mad-dritt ta’ moviment ħieles li jingħata trattament lil persuna “fl-Istat Membru li tiegħu hu ċittadin inqas favorevoli minn dak li kienet tgawdi kieku ma użatx il-faċilitajiet konċessi permezz tat-Trattat f’materja ta’ moviment” (punti 30 u 31), analiżi partikolarment ta’ importanza “fl-ambitu ta’ l-edukazzjoni” (punt 32).
59. Permezz ta’ dawn il-premessi, il-Qorti rrilevat differenza ta’ trattament “bejn iċ-ċittadini Belġjani li wettqu l-istudji sekondarji tagħhom kollha fil-Belġju u dawk li, peress li użaw il-moviment ħieles, ħadu d-diploma tagħhom […] fi Stat Membru ieħor (punt 33)”, u li lilhom affettwat negattivament (punt 34). Minkejja dan, kien ikun possibbli li tiġi ġġustifikata, għal raġunijiet oġġettivi, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni affettwati, u proporzjonata ma’ l-iskop legalment imfittex mil-liġi nazzjonali ; però, fil-każ eżaminat, għalkemm kien leġittimu “li l-leġiżlatur nazzjonali jkun irid jassigura l-eżistenza ta’ konnessjoni reali bejn min qed jitlob l-imsemmija għajnuniet u s-suq ġeografiku tax-xogħol korrispondenti”, l-unika kundizzjoni fir-rigward tal-post ta’ minn fejn jingħata ċ-ċertifikat ta’ l-iskola kellha “natura wisq ġenerali u esklużiva” (punti 36 sa 39).
3. Is-sentenza Bidar
60. Is-Sinjur Bidar, ċittadin Franċiż, mar joqgħod fir-Renju Unit, fejn spiċċa t-tagħlim sekondarju. Bl-iskop li jibda l-istudji superjuri, talab il-finanzjament rilevanti mil-London Borough of Ealing, li tah għajnuna għar-reġistrazzjoni, iżda mhux self għall-manteniment, għaliex il-persuna interessata ma kinitx “stabbilita” fil-pajjiż.
61. Is-sentenza kellha tivverifika jekk l-għajnuna rrifjutata kinitx tikser it-Trattat, speċifikament, l-Artikolu 12 KE, għal dan il-għan il-Qorti fakkret id-duttrina stabbilita fuq din ir-regola u fuq l-Artikolu 18 KE, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza u tad-dritt Komunitarju (punti 28 sa 41), sabiex tiddikjara li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jgħix legalment fi Stat Membru ieħor taqa’ fl-ambitu ta’ applikazzjoni tat-Trattat fis-sens ta’ l-Artikolu 12(1) KE, fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija lill-istudenti, bħala self issussidjat jew bħala konċessjoni sabiex iħallsu l-ispejjeż tagħhom ta’ manteniment (punt 42), li kien ikkonfermat mid-Direttiva 2004/38 (punt 43).
62. Wara l-Qorti kkunsidrat ir-riżervi fl-Artikolu 18 KE, li jirreferu għal-limitazzjonijiet tat-Trattat u tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom, fosthom dawk fid-Direttiva 93/96, li l-Artikolu 3 tagħha jeskludi l-pagament ta’ għajnuniet għall-għajxien lil studenti li jgawdu minn dritt ta’ residenza (punt 44). Il-Qorti qieset, skond is-sentenza Grzelczyk, li l-impossibbiltà li tinvoka l-għajnuniet għall-għajxien mid-Direttiva (punt 45) ma jimpedixxux milli jiġi invokat l-Artikolu 12 KE (punt 46).
63. La darba kkonfermat ir-rilevanza ta’ l-Artikolu 12 KE, il-Qorti eżaminat il-kwistjoni ta’ l-oġġettività tar-rekwiżiti neċessarji sabiex jingħataw l-għajnuniet. Issa, l-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni ta’ “stabbiliment” fir-Renju Unit setgħu jippreġudikaw “prinċipalment liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra” peress li jistgħu jissodisfawhom “b’ikbar faċilità ċ-ċittadini nazzjonali” (punti 50 sa 53). Madankollu, id-differenza fit-trattament setgħet tiġi ġġustifikata, bl-eżiġenza li tiffavorixxi “lill-istudenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni” (punti 54 sa 57), li tkun tista’ tiġi pprovata billi fatt li “l-interessat irrisjeda fl-Istat Membru li qed jirċievi għal ċertu perijodu” (punt 59), fil-fatt is-sitwazzjoni ta’ student mhijiex “komparabbli ma’ dik ta’ wieħed li jitlob għajnuna sakemm ikun għadu ma sabx xogħol […] jew għajnuna sakemm ikun qed ifittex xogħol” (punt 58). Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti ddeduċiet li r-regoli Brittaniċi dwar ir-residenza (punti 60 sa 63) jiksru l-Artikolu 12 KE.
B – Il-moviment ħieles
64. Jiġri b’iktar frekwenza li ċ-ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet li ġġib magħha jidhru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddefinixxi l-limiti tagħhom.
65. Is-sentenza Grzelczyk ppronunzjat l-importanza ta’ din il-kwalità, hekk li ser tiddaħħal fil-“karta tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (punt 31), (38) li kisbet intensità ikbar permezz tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ta’ l-Artikolu 12 KE, invokabbli, b’riżultat tas-sentenza Martínez Sala, (39) għal kwalunkwe persuna b’passaport Komunitarju fis-sitwazzjonijiet kollha “inklużi fl-ambitu ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt ta’ l-Unjoni” (punt 63), għalkemm mingħajr ma jinvolvu dawk purament interni. (40)
66. Fost is-sitwazzjonijiet meqjusa nsibu dawk dwar il-prattika tal-libertajiet essenzjali, bħal dik ta’ moviment u dik ta’ residenza. (41) Għal din ir-raġuni, ripetutament, it-trattament indaqs u l-moviment ħieles jiġu spiss invikati flimkien, kontra l-Istat li qed jirċievi – sentenzi Grzelczyk u Bidar – jew dak ta’ oriġini – sentenza D’Hoop –, f’dan il-każ ta’ l-aħħar minħabba l-inkompatibbiltà ta’ regola mad-dritt komunitarju li inqas favorevoli fil-konfronti ta’ persuni mwielda fil-pajjiż li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom. (42)
67. Tali kunċett flimkien ma’ l-esklużjoni ta’ diskriminazzjoni u ta’ moviment ħieles ma jmorrux kontra s-sustanza ta’ dawn il-prinċipji, li tirriżulta minnha nfisha. (43) B’dan is-sens, is-sentenza Baumbast u R. (44) ipproponiet l-effett dirett ta’ l-Artikolu 18 KE, (45) bħala “dispożizzjoni ċara u preċiża tat-Trattat” (punt 84), (46) peress illi l-moviment ħieles –bħal dak ta’ residenza – “jikkostitwixxi d-dritt prinċipali li tagħti ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni”. (47)
68. Is-sentencia Grzelczyk fakkret ukoll li l-imsemmija libertajiet għandhom limiti (punt 37), deduċibbli mit-Trattat stess, fl-ewwel lok, mill-istess Trattat u d-dispożizzjonijiet, li, meta jkun hemm regola speċifika, din tieħu l-post ta’ l-Artikolu 18 KE; (48) fil-każijiet l-oħra, il-leġittimità tar-restrizzjonijiet, bħal, per eżempju, jekk hemmx bżonn ta’ konnessjoni reali tal-persuna ma’ l-Istat, (49) tiddependi minn jekk ikunux kunsiderazzjonijiet oġġettivi, indipendentement min-nazzjonalità, jekk ikunux proporzjonati. (50)
VII – Aspetti prinċipali ta’ l-għajnuniet għall-istudju fi Stat Membru ieħor
69. Wara din ir-reviżjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jaffettwaw l-iktar il-kawżi preżenti, għandna nanalizzaw aspetti oħra li huma l-bażi tad-domandi preliminari, li jiddellimitaw l-aspetti ġuridiċi tagħhom: in-natura ġuridika u l-karatteristiċi ta’ l-għajnuniet għall-istudju barra mill-pajjiż (A); l-invokabbiltà tal-moviment ħieles f’dawn il-każijiet (B); u l-effett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (C).
A – Id-deskrizzjoni ta’ l-għajnuniet għall-istudju barra mill-pajjiż
70. Kif diġà indikajt qabel, l-għajnuniet mogħtija għat-taħriġ ivarjaw ħafna, għaliex ipattu għal ostakli ta’ kull tip. B’dan il-mod, hemm għajnuniet direttament relatati ma’ l-edukazzjoni, li jissussidjaw l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni jew il-miżati ta’ l-iskola, u oħrajn li, b’mod indirett, inaqqsu l-ispiża tax-xiri ta’ kotba jew materjal ieħor, għat-trasport jew għajxien.
71. F’perspettiva ġenerali, taħt il-lista ta’ “għajnuniet għall-istudju” huma inklużi l-għajnuniet kollha lil dawk li jixtiequ jibdew jew li qegħdin jirċievu taħriġ għall-promozzjoni edukattiva, kulturali, professjonali jew xjentifika tagħhom, sabiex jiksbu kwalifiki akkademiċi.
72. Kienet is-suġġett ta’ diskussjoni n-natura ta’ l-intervent ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’dan il-kamp, jekk dan jaqax taħt il-kunċett ta’ servizz pubbliku, jiġifieri ta’ inċentivazzjoni. Fl-ewwel ipoteżi, l-awtoritajiet jagħtu assistenza lil individwi; fit-tieni, jinkoraġġixxuhom sabiex ix-xogħol tagħhom jiġi indirizzat lejn l-interess ġenerali. (51)
73. Is-soluzzjoni tippendendi mill-konfigurazzjoni ta’ kull sussidju, li għandu jiġi evalwat mill-obbjettivi tiegħu. Fuq livell tat-tagħlim obbligatorju, il-poteri pubbliċi jiffaċilitaw liċ-ċittadini sabiex ikollhom ċertu grad ta’ kapaċità, u b’hekk din il-forma ta’ għajnuna għandha element qawwi ta’ prestazzjoni.
74. Għal-livelli superjuri ta’ tagħlim, bil-kontra, l-organiżmi nazzjonali ma jiggarantixxux d-dritt għall-edukazzjoni, iżda l-ugwaljanza fil-prattika ta’ dan id-dritt, filwaqt li jevitaw diskriminazzjonijiet għal raġunijiet ekonomiċi; kif ukoll jippruvaw isaħħu t-tkabbir ta’ l-għarfien u jiffaċilitaw l-għażliet ta’ min qed jitlob l-għajnuna jew aħjar li jissodisfa l-eżiġenzi tas-soċjetà. Huma utilizzati għal dan l-iskop tekniki ta’ promozzjoni, permezz ta’ għajnuniet diretti – konċessjoni – u indiretti – l-estensjoni tar-reġistrazzjoni –, b’hekk l-element ta’ prestazzjoni jsir sekondarju.
75. Jinħolqu elementi ġodda meta l-istudent jitlob lill-pajjiżu jneħħi d-diffikultajiet, speċjalment dawk ta’ natura finanzjarja, sabiex ikun jista’ jistudja barra mill-pajjiż. B’dan il-mod joħorġu kunċetti diġà espressi –il-mobbiltà u l-moviment ħieles–, f’dimensjoni transfruntaliera speċifika, dik Ewropea.
76. Ma tistax tiġi “esportata” konċessjoni mill-Istat ta’ oriġini għal dak li qed jirċievi, lanqas ma jista’ l-ewwel Stat jissussidja, kif tfisser il-Kummissjoni, il-moviment ħieles. Kull sussidju jingħata f’kundizzjonijiet determinati, mingħajr ma jiġi ttraferit min irid jirċievi taħriġ f’ċertu territorju lejn taħriġ ieħor jew f’postijiet oħra, sakemm ma jkunx hekk imsemmi fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw dawn it-trasferimenti. Però, fl-għajnuniet għall-istudji barra mill-pajjiż, l-esportazzjoni hija fiha nnifisha, għaliex huma mitluba sabiex ikopru l-ispejjeż globali fi Stati oħra.
77. Konsegwentement, dawn l-għajnuniet sabiex jgħinu barra mill-pajjiż jikkostitwixxu vantaġġi li fihom l-Istat għandu diskrezzjonalità ikbar meta mqabbla ma dawk li għandhom natura ta’ assistenza u dawk li fihom jippersisti jibqa’ aspett transnazzjonali.
78. Dan l-approċċ jevita r-rikors għall-ġurisprudenza dwar is-sistema ta’ taxxi meta ħaddiem ibiddel id-domiċilju, fejn din tiddikjara li “it-Trattat ma jiggarantixxix lil ċittadin ta’ l-Unjoni li l-moviment ta’ l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru differenti minn dak li għex fih sa issa se jkun newtru f’[din] il-materja”. (52) Ma għandniex inqabblu din l-ipoteżi ma’ dawk tal-kawżi prinċipali, għaliex, minbarra li jservi għal skopijiet differenti, fl-ewwel każ teżisti r-regola ta’ l-obbligu ta’ kontribut lejn il-finanzi pubbliċi, filwaqt li fit-tieni każ jirrigwarda flus li jiġi rċevuti mill-finanzi pubbliċi.
B – L- invokabbiltà tad-dritt tal-moviment ħieles
79. F’xi wħud mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-Qorti tal-Ġustizzja, qed jiġi sostnut li l-Unjoni Ewropea mhijiex kompetenti f’materja ta’ għajnuniet għall-istudju mogħtija mill-Istati Membri. Peress li ma jaffettwawx materji ta’ kompetenza Komunitarja, id-drittijiet indikati fl-Artikolu 18 KE ma jaqgħux fil-kamp tal-fatti li wasslu għad-domandi preliminari preżenti; konsegwentement, ma għandhiex tingħata risposta lill-imħallef tar-rinviju, għaliex il-każijiet tas-Sinjuri Morgan u Bucher għandhom isibu soluzzjoni skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża.
80. Ma naqbilx ma’ dawn l-argumenti. Sabiex nirribattihom, huwa biżżejjed li jiġu esposti żewġ linji ta’ argumentazzjoni komplementari, dwar il-moviment ħieles fis-sens strett tal-kelma u dwar il-kompetenzi fl-edukazzjoni.
1. L-ambitu tal-moviment ħieles
81. L-ewwel nett, il-libertà komunitarja ta’ moviment tista’ tiġi invokata kontra Stat miċ-ċittadinni tiegħu. L-Artikolu 17 KE jagħmilha ċara li ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija applikabbli għal dawk li għandhom “nazzjonalità ta’ Stat Membru”, (53) filwat li jassumu titolarità tad-drittijiet li din il-kwalità ġġib magħha. (54)
82. Spjegajt f’konklużjonijiet preċedenti l-pożizzjoni tiegħi dwar l-awtonomija tal-moviment ħieles. Nirrepeti li “l-kreazzjoni ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni, mal-korollarju tal-moviment ħieles tat-titulari tiegħu fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha, jissupponi progress kwalitattiv kunsiderevoli, għaliex jissepara din il-libertà mill-elementi funzjonali jew strumentali tagħha (ir-relazzjoni ma’ attività finanzjarja jew mat-twettiq tas-suq intern) u tgħolliha għall-kategorija ta’ dritt proprju u indipendenti, inerenti għal status politiku taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”. (55)
83. Is-sentenza reċenti Tas‑Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, applikat din it-teorija meta spjegat li, sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 18 KE, hemm bżonn, minbarra l-prattika tad-dritt tal-moviment ħieles, li jkun implikat kamp komunitarju.
84. Is-Sinjura Tas-Hagen u s-Sinjur Tas, Olandiżi, talbu lill-awtoritajiet ta’ l-Olanda għal għajnuniet għall-vittimi ċivili tal-gwerra, li ġew irrifjutati minħabba li, fil-mument li talbuhom, kienu qed jgħixu fi Spanja.
85. L-Avukat Ġenerali Kokott, fil-punti 27 sa 43 tal-konklużjonijiet ta’ din il-kawża, tindika ġustament li, l-ambitu ta’ l-evalwazzjoni tal-każijiet individwali, iċ-ċirkustanza li s-suġġett ta’ l-istanza jkun irregolat mid-dritt komunitarju jew ikun strumentali għall-finijiet tal- Komunità jista l-iktar jitqies li hija "element ulterjuri", imma fl-ebda każ ma jista’ jikkostitwixxi għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE.
86. Is-sentenza laqgħet din id-direzzjoni, filwaqt li rrikonoxxiet li, fl-istadju annwali ta’ l-iżvilupp tad-dritt komunitarju, il-prestazzjoni mitluba taqa’ “fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri” (punt 21), iżda fakkret illi għandhom jiġu rrispettati “d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni ta’ moviment u residenza b’mod ħieles fit-territorju” tal-Komunità (punt 22). Hija żiedet li, għalkemm iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni ma timplikax li wieħed jirrikorri għat-Trattat f’sitwazzjonijiet interni, fil-limiti li fih il-prattika ta’ dritt irrikonoxxut mill-ordinament legali Komunitarju jkollha effett fuq il-ksib ta’ prestazzjoni prevista min norma nazzjonali, ma tistax titqies li din l-eventwalità tkun purament interna u mingħajr ebda konnessjoni mad-dritt Komunitarju (punt 28).
87. Madankollu, din id-duttrina ma għandhiex tkun limitata għall-każijiet li fihom jkun ġie eżerċitat il-moviment liberu, għaliex tinkludi wkoll l-ipoteżi li fih l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jiġi mfixkel jew skoraġġat, bħal fil-każ, per eżempju, ta’ għajnuniet intiżi għal taħriġ fi Stati Membri oħra, li fih tidher il-konnessjoni Komunitarja essenzjali għall-invokabbiltà ta’ l-Artikolu 18 KE.
88. Id-dritt Ewropew għandu jirrispetta l-politika ta’ l-Istati membri dwar l-għajnuniet għall-istudju barra mill-pajjiż, però, fil-każ li jagħmlu dan, huwa importanti li l-kundizzjonjiet imposti sabiex igawdu dawn l-għajnuniet ma jillimitawx il-moviment ħieles indebitament.
2. Il-kompetenzi fil-qasam edukattiv
89. Il-Komunità tippromovi tagħlim u taħriġ ta’ kwalità [Artikolu 3(1)(q) KE], u tinkoraġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplementa l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni (Artikolu 149(1) KE); jiffavorixxi wkoll “l-mobbiltà ta’ l-istudenti” u “l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ” (Artikolu 149(2) KE). L-istrumenti ġuridiċi sabiex ikunu mwettqa l-għanijiet ta’ l-intervenzjonijiet Komunitarji huma miġbura f’“inċentivi”, li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri, u “rakkomandazzjonijiet” (Artikolu 149(4) KE). (56)
90. Minn dawn l-indikazzjonijiet niddeduċi li l-pajjiżi Komunitarji għandhom il-poter li jirregolaw b’mod esklużiv aspetti fundamentali ta’ l-istudji, però dan ma jkoprix kull ma għandu x’jaqsam ma’ dan is-suġġett.
91. Fl-edukazzjoni jinġabru ċerti aspetti li flimkien jikkomponu n-nukleu essenzjali, bħall-iskemi tat-tagħlim jew l-organizzazzjoni tas-sistema, li d-definizzjoni, il-preċiżjoni u d-delimitazzjoni tagħha jikkonċernaw biss lil-leġiżlaturi nazzjonali, filwaqt li l-Istituzzjonijiet jeżerċitaw biss funzjoni ta’ spinta jew orjentazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tipproklama d-dritt ta’ kull persuna “għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali” (punt 1), li jinkludi “l-possibbiltà li wieħed jirċievi edukazzjoni obbligatorja bla ħlas” (punt 2), u tħalli, f’idejn il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tagħha, il-libertà ta’ kreazzjoni ta’ ċentri ta’ tagħlim, kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom (punt 3). (57)
92. Madankollu, hemm ukoll aspetti ta’ natura sekondarja, konnessi mal-libertajiet u l-prinċipji tal-Komunità fuq livell differenti. Dan huwa l-każ, per eżempju, ta’ l-għajnuniet għall-bidu jew it-tkomplija ta’ l-istudji, li jippermettu lill-istudent itejjeb il-konoxxenzi tekniċi tiegħu, il-kapaċità u l-kompetenzi neċessarji sabiex iwettaq ix-xogħol, mingħajr relazzjoni diretta ma’ l-imsemmi nukleu essenzjali. F’dawn il-każijiet, l-ordinament Ewropew jintervjeni b’intensità ikbar.
93. Ma naqbilx ma’ l-argument tal-Gvern Awstrijakk meta jgħid li l-għajnuniet huma inklużi fil-kontenut tat-tagħlim, għaliex dan il-kontenut jinkludi l-iskemi ta’ studju, is-suġġetti ta’ taħriġ, l-oqsma ttrattati minn dawn is-suġġetti, l-għarfien u l-metodi sabiex jiksbuh. Dawn l-għajnuniet lanqas ma jidħlu fl-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, li ssemmi l-miżuri materjali u umani, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ funzjonijiet bejniethom, għaliex ir-responsabbilta’ tal- “il-protezzjoni u titjib” ta’ l-imsemmija sistema hija ta’ l-Istat. (58)
94. Il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet fl-ambitu ta’ applikazzjoni tat-Trattat ir-rekwiżiti ta’ aċċess għat-taħriġ professjonali, (59) li jinkludu t-tagħlim superjuri u universitarju. (60)
95. Permezz ta’ l-għajnuniet lill-istudenti jitneħħew l-ostakli, ġeneralment finanzjarji, li jimpedixxu li titkompla l-edukazzjoni, li tkompli tiġġustifika li jkunu inklużi fir-”rekwiżiti għall-aċċess”, affermazzjoni valida anki meta l-intenzjoni ma tkunx li tinbeda, iżda li titkompla, il-preparazzjoni.
96. Għaldaqstant, ir-regolamentazzjoni ta’ l-għajnuniet għall-istudju ma jaqax f’idejn il-leġiżlaturi nazzjonali b’mod esklużiv, iżda r-regoli Komunitarji jaffettwawh direttament. (61) Madankollu, anke jekk dan ir-regolament jaqa’ fl-isfera tal-poteri statali tat-tagħlim, hemm bżonn li jiġi rrispettat id-dritt Komunitarju, (62) u li jiġu ssalvagwardati l-prinċipji bażiċi tagħha, bħal dak tal-moviment ħieles.
C – L-effett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
97. Id-digriti ta’ rinviju u l-osservazzjonijiet ta’ l-intervenjenti f’din il-kawża analizzaw id-domandi preliminari mill-aspett tal-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej, billi ħadu bħala riferiment meta raw il-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. Jidhirli, madankollu, li hemm fattur ieħor li jaqbel li nikkunsidraw.
98. Fil-fatt, fil-każijiet tas-Sinjuri Morgan u Bucher, l-ostakli għall-attendenza ta’ klassijiet barra mill-pajjiż ta’ oriġini, minbarra li jillimitaw is-sensiela ta’ għażliet ta’ l-istudenti, għandhom effett bl-istess mod fuq il-libertà ta’ stabbiliment, u jnaqqsu l-opportunitajiet li jattiraw fil-pajjiż studenti barranin.
99. Jiġi riprodott b’dan il-mod fenomenu simili għall-pazjent li jkun jixtieq jirċievi trattament fi klinika barranija. Il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet fil-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-saħħa, minn naħa waħda, il-libertà tal-moviment tad-destinatarji fi Stat Membru, b’mod partikolari ta’ dawk li jridu jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu l-kura medika (63) u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet mediċi mħallsa. (64)
100. Għalkemm il-benefiċċji edukattivi huma differenti minn dawk tas-saħħa, m’hemm ebda diffikultà sabiex jiġu riproposti l-argumenti li jippermettu l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 49 KE et seq, mingħajr ma n-natura speċjali tagħhom tħallina naħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. (65) Peress illi l-universitajiet joffru għarfien għal ta’ remunerazzjoni, kwalunkwe ostaklu li jinvolvi l-parteċipazzjoni fil-klassijiet għandu jitqies li huwa restrizzjoni fuq l-imsemmija libertà ggarantita mill-ordinament Komunitarju.
101. Il-korrispettiv huwa element essenzjali tas-servizz skond l-Artikolu 50 KE u f’dan il-każ m’hemmx dubju fuq il-konkurrenza tiegħu, li jitqies li normalment il-persuna interessata jitħallsulha t-taxxi ta’ reġistrazzjoni jew l-istipendji, peress illi t-tagħlim bla ħlas ġenerlament jingħata biss fil-livelli bażiċi. Suppożizzjonijiet iżolati jistħoqilhom il-kunsiderazzjoni ta’ eċċezzjonijiet u ma jbiddlux is-suespost.
102. Għaldaqstant, l-Artikolu 49 KE jista’ jkun applikabbli jekk jiġu d-domandi ta’ l-imħallef ta’ rinviju jitqiesu mill-perspettiva ta’ l-iskejjel l-istudenti jridu jistudjaw, bla ħsara għad-dritt li jiġi rrikonoxxut lill-persuni interessati, in kwantu ċittadini Komunitarji, id-dritt tal-moviment ħieles li, skond il-ġurisprudenza, għandu applikazzjoni residwa b’relazzjoni għad-dispozizzjonijiet iktar speċifiċi ta’ l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 49 KE. (66)
103. Madankollu, eżami tad-domandi tal-Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán mill-aspett tal-libertà ta’ servizzi pprovduti jitlob ċerta informazzjoni dwar iċ-ċentri barranin, li bħalissa mhijiex disponibbli. (67)
VIII – Analiżi tad-domandi preliminari
A – L-ewwel domanda
104. Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula s’issa jirriżulta li s-Sinjuri Morgan u Bucher jibbenefikaw, bħal kull ċittadin ieħor ta’ l-Unjoni, mil-libertà ta’ moviment mill-pajjiż tagħhom ta’ oriġini lejn Stati Membri oħra għal skopijiet edukattivi.
105. Bl-ewwel domanda preliminari, komuni għaż-żewġ kawżi prinċipali, qed jiġi mistoqsi jekk din il-libertà timpedixxix ir-rifjut ta’ għajnuniet sabiex isir tagħlim fi Stat Membru ieħor, għar-raġuni li l-istudji mhumiex kontinwazzzjoni ta’ l-istudent fil-pajjiż ta’ oriġini għal żmien ta’, mill-inqas, sena (Artikolu 5(2) parti 3, tal-BAföG). Għandu jiġi stabbilit jekk kienx hemm ostaklu ta’ l-imsemmija libertà fundamentali, filwaqt li jiġi analizzat sussegwentement, kif indikat, jekk huwiex ġustifikat u jekk huwiex proporzjonat ma’ l-iskop propost.
1. L-eżistenza ta’ restrizzjoni
106. Il-BAföG ma tipprojbixxix li dak li jkun imur fi Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni sabiex tinkiseb kwalifika, iżda tissuġġetta s-sussidju għall-kundizzjoni li t-taħriġ, li għalih jintalab is-sussidju, ikun il-kontinwazzjoni ta’ taħriġ ta’ almenu sena f’ċentru Ġermaniż. Din il-kundizzjoni tiġġenera żewġ inkonvenjenti rilevanti.
107. L-ewwel nett, tinjora d-diversità fit-tagħlim, preżunt mir-riserva favur l-Istati ta’ l-Artikoli 149 KE u 150 KE, fis-sens li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, l-għarfien mogħti mhuwiex ekwivalenti fiċ-ċentri kollha. Il-kontinwità meħtieġa tillimita l-għażla, u tiskoraġġixxi l-bidu ta’ ċertu taħriġ fil-pajjiż magħżul. Fid-digrieti tar-rinviju jiġi rrilevat li mhux is-suġġetti speċjalistiċi kollha huma mgħallma fil-Ġermanja, atteġġament li permezz tiegħu l-persuna interessata jkollha tagħżel bejn tirrinunzja għall-istudji mixtieqa jew u għall-għajnuna, (68) opinjoni li jsostni wkoll il-Gvern Taljan. (69)
108. It-tieni nett, fis-sena tas-soġġorn f’istitut determinat, jinbdew relazzjonijiet personali, materjali u ta’ tip ieħor li jagħmluha diffiċli li wieħed jiċċaqlaq, għaliex huwa iktar komdu li persuna tibqa fil-post fejn hija stabbilita u ġa tkun bniet esperjenza.
109. Dawn il-fatturi, bħalma osserva l-imħallef tar-rinviju, itellfu r-reġistrazzjoni f’universitajiet ta’ nazzjonijiet Komunitarji oħra, fit-tiftixa ta’ taħriġ komplut, filwaqt li jkollu jirrinunzja għall-vantaġġi finanzjarji konċessi lil min, fl-istess kundizzjonijiet, jibqa’ fit-territorju ta’ oriġini.
110. B’dan il-mod hija pprovata l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ l-istudenti li jmorru f’ċentri apposta barra mill-pajjiż.
2. Il-ġustifikazzjoni u proporzjonalità tar-restrizzjoni
111. L-Olanda u l-Finlandja jsostnu li, jekk tiġi kkonstatata restrizzjoni tad-drittijiet ta’ l-Artikolu 18 KE, tali restrizzjoni jkollha skop leġittimu, bħal dak ta’ evitar ta’ piż finanzjarju eċċessiv, u huwa l-imħallef nazzjonali li ghandu jiddeċiedi fuq il-porporzjonalità tal-miżura.
112. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex taċċetta din it-teżi u lanqas tirreferi l-kwistjoni lill-imħallef nazzjonali, għaliex għandha elementi suffiċjenti biex toħroġ b’soluzzjoni kompluta, li, barra minn hekk, tevita rinviji ulterjuri. (70)
113. Kienu ġew proposti żewġ argumenti essenzjali sabiex jiġġustifikaw l-ostaklu għall-finanzjament tat-taħriġ fl-Istati ta’ l-Unjoni. Minn naħa waħda, l-eżiġenza ta’ konnessjoni reali tal-persuna interessata mal-post ta’ oriġini; min-naħa l-oħra, l-insuffiċjenzi tal-baġit.
114. Jissorprendini ħafna l-mod li bih hija mibnija l-eżiġenza tal-konnessjoni bejn is-suġġett u l-pajjiż li jagħti l-għajnuna. Mhux għaliex nikkunsidra li l-prova ta’ oriġini hija inkonvenjenti, imma minħabba n-natura probatorja tagħha, għaliex jinvolvu ċ-ċittadini nazzjonali tagħhom, li lilhom huwa mitlub juru ness ma l-iskemi ta’ l-istudju nazzjonali, li huwa kompletament aljen għat-territorju. Naqbel mar-riflessjoni tal-Verwaltungsgericht de Aquisgrán meta jgħid li l-livell ta’ integrazzjoni huwa pprovat bil-fatt li l-persuna kienet stabbilment residenti fl-Istat qabel ma beda t-taħriġ fl-ieħor, u li tkun ittrasferixxiet r-residenza tagħha biss għaż-żmien ta-perijodu ta’ l-istudji. (71)
115. L-assoċjazzjoni ta’ l-individwu ma’ l-Istat permezz tar-riferiment tal-bidu ta’ studji jiġġenera konsegwenzi li jippreġudikaw il-libertà fundamentali, għaliex jagħti wisq importanza lil dik il-fażi tal-bidu u ma jirrappreżentax b’mod adegwat il-livell reali u effettiv ta’ integrazzjoni u lanqas,bil-kontra ta’ l-opinjoni tal-Gvern Żvediż, ma jsaħħu. Hemm kriterji alternattivi oħra li jirrikonċiljaw aħjar ma’ l-imsemmija libertà, bħal ma hi dik adottata mill-Finlandja, li teżiġi li wieħed ikun għex fil-pajjiż għall-inqas għal sentejn, fi spazju ta’ ħamsa, qabel is-soġġorn barra mill-pajjiż. (72)
116. In kwantu għall-ġustifikazzjonijiet ta’ natura finanzjarja, m’hemmx dubju dwar in-nuqqas ta’ fondi pubbliċi sabiex ikunu affaċċjati l-interessi kollettivi. Li l-istudenti barra mill-pajjiż għandhom ikunu segwew kors, iżda, għal inqas ta’ sena, fit-territorju tagħhom ma jidher li jsegwi l-ebda loġika ekonomika, li tindirizza, pjuttost, l-għajnuniet lejn dawk l-istudenti li juru l-ikbar mertu u kapaċità, b’mod li l-benefiċċji disponibbli jinqasmu bejn dawk l-iktar kapaċi li jgawdu mill-opportunitajiet ipprovduti. (73)
117. L-invokazzjoni tad-Direttivi 93/96 u 2004/38 ma jbiddilx dan l-argument, (74) għaliex dawn jirregolaw ir-residenza ta’ l-istudenti fil-pajjiż li qed jirċievi, suġġett li mhuwiex rilevanti għall-kawżi prinċipali, li fihom mhux diskuss id-dħul jew il-permanenza fi Stat differenti minn dak ta’ oriġini.
B – It-tieni domanda
118. Fil-każ tas-Sinjura Bucher, il-qorti tar-rinviju żżid domanda oħra, dwar il-kompatibbiltà tal-moviment ħieles mar-rifjut ta’ għajnuniet lil studenti lil hinn mill-fruntieri minħabba li r-residenza abitwali tiegħu tkun tali għall-raġunijiet ta’ taħriġ (Artikolu 5(1) tal-BAföG).
119. Id-deroga mir-regola li timponi notifikazzjoni minn-qabel tas-sena skolastika preċedenti fiċ-ċentri nazzjonali hija limitata b’dal-mod għall-istudenti b’domiċilju permanenti viċin il-limiti territorjali Ġermaniżi, limitazzjoni li tnaqqas il-moviment ħieles bi ħsara ta’ dawk li, sabiex jipparteċipaw iktar frekwentement fil-klassijiet tal-pajjiż ġar, jittrasferixxu d-domiċilju tagħhom fil-lokalitajiet adjaċenti.
120. Nifhem li, skond ma jiddikjara l-Gvern Ġermaniż, kunsiderazzjonijiet ta’ politika reġjunali jindikaw miżuri kumpensatorji għal-ħsara kkawżata liċ-ċittadini li, kif jindika l-Gvern Taljan, xi drabi b’kumbinazzjoni, ikunu jgħixu viċin Stat ieħor u jħossu li l-fruntieri jalteraw il-kapaċità tagħhom li jagħżlu ċentri viċini għad-domiċilju. Ma tistax tiġi ammessa l-esklużjoni ta’ kwalunkwe kategorija personali oħra.
121. Fil-kawża prinċipali, il-konnessjoni ta’ residenza hija biżżejjed. Mhux ser niddiskuti l-kwalifika tad-domiċilju tas-Sinjura Bucher f’Düren, li jaqa’ f ’idejn l-imħallef nazzjonali, mingħajr l-eżiġenza li tkun “permanenti”. Naqbel mal-preokkupazzjonijiet tal-Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán quddiem il-fatt li d-domiċilju abitwali tal-persuna interessata kienet il-Ġermanja, kemm fil-bidu ta’ l-istudji, kif ukoll għal matul il-perjodu skolastiku kollu, (75) li juri l-konnessjoni mas-sistema edukattiva nazzjonali.
122. Hemm mezzi oħra iktar ġusti u, fl-istess ħin, inqas restrittivi mill-moviment ħieles, bħal dak li jkunu kkalkolati l-għajnuniet permezz tar-riżultati akkademiċi.
IX – Korollarju
123. Minn dak li ntqal niddeduċi li l-Ġermanja, bħal kwalunkwe Stat Membru ieħor, mhijiex suġġetta għall-obbligi tad-dritt Komunitarju li tagħti għajnuniet għal taħriġ barra mill-pajjiż; għaliex tgawdi minn diskrezzjonalità kbira sabiex tagħtihom u, f’dan il-każ, sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tagħha. Però, jekk il-liġi tipprevedi dan, hemm bżonn li tirrispetta d-dritt ta’ l-Unjoni.
124. L-Artikolu 5(1) u (2), punt 3, tal-BAföG jirregola l-għajnuniet, u jissuġġettahom, rispettivament, għall-kundizzjoni li t-tagħlim ikun il-kontinwazzjoni ta’ taħriġ li jkun seħħ għal minimu ta’ sena fi skola Ġermaniża u li r-residenza hi valida biss jekk permanenti fl-avviċinanzi tal-fruntiera, jiġifieri għar-rekwiżit ta’ residenza permanenti f’post ħdejn il-fruntiera, kundizzjoni li, fiż-żewġ każijiet mhux biss tostakola l-moviment ħieles ta’ l-istudenti, għax tiskoraġġixxi l-prattika ta’ din il-libertà, sa fejn jirriżultaw eċċessivi għall-għan imfittex.
125. Issa, l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn il-proċedimenti in kwistjoni juru preokkupazzjonijiet għall-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn teorija daqshekk elaborata, għaliex, kif jispjega ġustament l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tal-kawża Hartmann, (76) “kwalunkwe deċiżjoni ta’ moviment fi Stat Membru jimplika żvantaġġi u tgawdija ta’ vantaġġi ġodda bħala riżultat tal-leġiżlazzjonijiet differenti ta’ l-Istati Membri affettwati […]. Huwa ċ-ċittadin Komunitarju li jiżen dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi meta jieħu d-deċiżjoni, però mingħajr ma jestendi d-drittijiet tiegħu lejn kwalunkwe tip ta’ vantaġġ soċjali li l-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jikkonċedi skond il-politiki differenti […], filwaqt li jiddependi totalment minn natura ta’ dawn il-vantaġġi. […] Hemm bżonn li ma ninsewx li, meta tinbidel ir-residenza għal Stat Membru ieħor, jistgħu jinħolqu drittijiet oħra fl-Istat Membru li qed jirċievi u[…], peress li l-Istati Membri huma obbligati ma jimponux restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini tagħhom, meta jixtiequ jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, lanqas ma jistgħu jeżiġu li jistgħu jinkoraġġixxuhom jitilqu” (punt 86).
126. Madankollu, minkejja l-konfigurazzjoni partikolari ta’ l-għajnuniet statali għat-taħriġ fil-pajjiżi Komunitarji, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-kompitu ta’ imħallef artista li rreferejt għalih fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet u, skond ir-riflessjonijiet approprijati, tirrikonoxxi d-dimensjoni Ewropea ta’ dawn l-għajnuniet, ma jkunux nieqsa elementi sabiex tikkoreġi u timpedixxi eventwali konsegwenzi ta’ ħsara li jistgħu jinqalgħu.
127. L-ewwel nett, ir-regoli nazzjonali dwar l-għajnuniet għandhom limitazzjonijiet validi u proporzjonali, ispirati minn aspetti ekonomiċi jew ta’ riżultati akkademiċi, jidderskrivu sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbilità (77) u jevitaw l-arrikkament indebitu. (78)
128. It-tieni nett, id-duttrina tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jinbidlu leġittimament il-miżuri ta’ inkoraġġiment tal-moviment ħieles ta’ l-istudenti, filwaqt li l-ordinament ġuridiku Komunitarju ma jikkontemplax l-abbużi f’dan is-suġġett. (79)
X – Konklużjoni
129. Minħabba l-kunsiderazzjonjiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lid-domandi preliminari tal- Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán, billi tiddikjara li:
“Il-prinċipju tal-moviment ħieles fl-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lir-regoli nazzjonali dwar għajnuniet għat-taħriġ fi Stati oħra ta l-Komunità Ewropea li: a) jissuġġettaw il-ħruġ ta’ l-għajnuniet għall-istudji li jridu jitwettqu jkunu kontinwazzjoni ta’ studji mwettqa f’minimu ta’ sena f’ċentru ta’ tagħlim tal-pajjiż li jagħti dawn l-għajnuniet, u b) jirrifjutawhom meta l-istudenti jgħixu fil-lokalitajiet fil-fruntieri ta’ l-imsemmi pajjiż biss għal-skopijiet ta’ taħriġ.”