Language of document : ECLI:EU:C:2013:338

Kawża C‑512/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Trasport — Direttiva 91/440/KEE — Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja — Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14 — Assenza fit-tul ta’ bilanċ finanzjarju — Artikoli 6(1) u 7(3) u (4) tad-Direttiva 91/440 — Assenza ta’ miżuri ta’ inċentivi tal-amministratur tal-infrastruttura — Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14 — Kalkolu tat-tariffa għall-aċċess minimu”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013

1.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Direttiva 2001/14 — Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja u tarifikazzjoni — Tarifikazzjoni tal-infrastruttura — Obbligi tal-Istati Membri — Bilanċ tal-kontabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/14, Artikolu 6(1))

2.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Direttiva 2001/14 — Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja u tarifikazzjoni — Obbligi tal-Istati Membri — Miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi — Assenza — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/14, Artikolu 6(2))

3.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Direttiva 2001/14 — Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja u tarifikazzjoni — Obbligi tal-Istati Membri — Kalkolu tat-tariffa għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja — Tariffa li tikkorrispondi ma’ spiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrrovjarju — Assenza — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/14, Artikolu 7(3))

1.        L-obbligu, previst mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji, kif emendata bid-Direttiva 2004/49, li skont dan l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet xierqa sabiex il-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, għandhom tal-inqas jibbilanċjaw dħul minn tariffi ta’ użu tal-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn min-naħa l-oħra, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal bilanċ finanzjarju tal-kontabbiltà ta’ profitti u telf tal-amministratur tal-infrastruttura. Madankollu, nuqqas ta’ bilanċ fil-kontabbiltà ta’ profitti u telf tal-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex madankollu suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi konkluż li l-Istat Membru inkwistjoni ma ssodisfax l-obbligi tiegħu taħt din id-dispożizzjoni. Fil-fatt sabiex ikun hemm tali konklużjoni, għandu barra minn hekk jiġi stabbilit, skont il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, li n-nuqqas ta’ bilanċ fil-kontabbiltà jseħħ “taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli”.

(ara l-punti 26, 34, 35)

2.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji, kif emendata bid-Direttiva 2004/49, Stat Membru li naqas milli jadotta miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jnaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2001/14 fid-dritt intern tipprevedi bħala għan it-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-ammont tat-tariffi ta’ użu ma huwiex suffiċjenti peress li din il-leġiżlazzjoni tonqos milli tiddefinixxi l-mekkaniżmu li jservi bħala inċentiv li permezz tiegħu dan l-għan għandu jintlaħaq.

(ara l-punti 57, 90 u d-dispożittiv 1)

3.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji, kif emendata bid-Direttiva 2004/49, Stat Membru li jippermetti li jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi spejjeż li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

F’dan ir-rigward, sa fejn dawn jinkludu spejjeż ta’ natura fissa marbuta mal-provvista ta’ sezzjoni min-netwerk ferrovjarju li l-amministratur għandu jħallas anki fl-assenza ta’ movimenti ta’ ferroviji, l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ ġestjoni tat-traffiku previsti minn din il-leġiżlazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma humiex direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju ħlief parzjalment. Minbarra dan, l-ispejjeż finanzjarji u l-ispejjeż indiretti tal-attività ma għandhom manifestament ebda relazzjoni diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju. Fl-aħħar nett, sa fejn huma stabbiliti mhux abbażi tat-tħaddim reali tal-infrastruttura kkawżat minħabba t-traffiku, iżda skont regoli tal-kontabbiltà, id-deprezzamenti lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

(ara l-punti 82-84, 90 u d-dispożittiv 1)