Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta' Marzu 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-16 ta' Diċembru 2010 fil-Kawża T-19/07 - Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-103/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. van Rijn, E. Montaguti u J. Samnadda, aġenti, assistiti minn A. Berenboom u M. Isgour, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Systran SA u Systran Luxembourg SA

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza tas-16 ta' Diċembru 2010 fil-Kawża T-19/07, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni li permezz tagħha ġie parzjalment milqugħ rikors għad-danni ppreżentat kontra l-Kummissjoni u, konsegwentement, billi tiddeċiedi definittivament, tiċħad ir-rikors minħabba n-natura inammissibbli jew infondata tiegħu;

tikkundanna lill-SA Systran u Systran Luxembourg għall-ispejjeż kollha sostnuti minnhom kif ukoll mill-Kummissjoni;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tas-16 ta' Diċembru 2010 fil-Kawża T-19/07, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tinvoka tmien aggravji insostenn tal-appell tagħha. Hija ssostni li s-sentenza hija vvizzjata b'sensiela ta' żbalji li jiġġustifikaw l-annullament tagħha. Hija tressaq l-aggravji bbażati fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali biex tieħu konjizzjoni tal-kawża, fuq l-osservanza tal-proċedura minn din tal-aħħar, kif ukoll fuq l-osservanza tat-tliet kundizzjonijiet li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma kumulattivament meħtieġa sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni: l-eżistenza ta' tort, ta' dannu u ta' rabta' kawżali bejn it-tort u d-dannu.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi fir-rigward tan-natura mhux kuntrattwali tal-kwistjoni u, konsegwentement, billi ddikjarat li għandha l-ġurisdizzjoni meħtieġa sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni u kisret ir-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, hija tinvoka applikazzjoni ineżatta tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-proprjeta ta' dawn id-drittijiet.

Permezz tar-raba' aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi manifest fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza minn naħa, ta' falsifikazzjoni, u min-naħa l-oħra, ta' ksur tal-għarfien tekniku ta' Systran.

Il-ħames aggravju tagħha huwa bbażat fuq il-fatt li, meta kkunsidrat li l-allegat tort tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur suffiċjentement karatterizzat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni li wassal għal ksur tal-prinċipji ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea.

Permezz tas-sitt aggravju tagħha r-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250/KEE u, min-naħa l-oħra, li hija naqset milli tosserva l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-istess direttiva.

Permezz tas-seba' aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, minn naħa, għamlet konstatazzjonijiet ta' fatt manifestament ineżatti, żnaturat provi u wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li hija naqset milli tosserva l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta' rabta kawżali.

Fl-aħħar nett, it-tmien aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li, billi tat lil Systran danni li jammontaw għal EUR 12 001 000, minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet konstatazzjonijiet ta' fatt manifestament ineżatti, żnaturat provi u wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha dwar il-kalkolu tad-dannu.

____________