Language of document : ECLI:EU:C:2012:795

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Artikolu 101(1) TFUE — Akkordju — Natura sinjifikattiva ta’ ristrutturar — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 3(2) — Awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni — Prattika li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri — Tressiq ta’ azzjoni u sanzjoni — Nuqqas ta’ qbiż tal-kriterji ta’ sehem mis-suq iddefiniti fil-Komunikazzjoni ‘de minimis’ — Restrizzjonijiet skont l-għan”

Fil-Kawża C‑226/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Expedia Inc.

vs

Autorité de la concurrence et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Rosas, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Expedia Inc., minn F. Molinié u F. Ninane, avukati,

–        għall-Autorité de la concurrence, minn F. Zivy u L. Gauthier‑Lescop, bħala aġenti, assistiti minn É. Baraduc, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. von Lingen u B. Mongin, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis u M. Schneider kif ukoll minn M. Moustakali, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101(1) TFUE u 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Expedia Inc. (iktar ’il quddiem “Expedia”) u speċifikament l-Autorité de la concurrence, li qabel kienet Conseil de la concurrence, fir-rigward tal-azzjonijiet imressqa u s-sanzjonijiet pekunjarji imposti minn din tal-aħħar minħabba ftehim relatat mal-ħolqien ta’ sussidjarja komuni konkluż bejn Expedia u s-Société nationale des chemins de fer français (SNCF) (iktar ’il quddiem l-“SNCF”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“1.      Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 [KE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. […]

2.      L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE], jew ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) [KE] jew li huma kopruti min xi Regolament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) [KE]. […]”

4        Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (de minimis) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 125, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni de minimis”) tipprovdi fil-punti 1, 2, 4, 6 u 7 tagħha:

“1.      [...] Il-Qorti tal-Ġustizzja [...] iċċarat li [l-Artikolu 81(1) KE ma huwiex] applikabbli fejn l-impatt tal-ftehim fuq kummerċ intrakomunitarju jew kompetizzjoni ma jistax ikun valutat.

2.      F’din in-notifikazzjoni [il-komunikazzjoni] l-Kummissjoni tikkwantifika, bil-għajnuna ta’ ishma limitatriċi tas-suq, dak li mhux restrizzjoni apprezzabbli fil-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81 [KE]. Din id-definizzjoni negattiva ta’ apprezzabilità ma timplikax li ftehim bejn impriżi li jeċċedu l-limitazzjonijiet espressi f’din in-notifikazzjoni [il-komunikazzjoni] jirrestrinġu b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni. Ftehim bħal dawn għad jista’ jkollhom effett negliġibbli fuq il-kompetizzjoni u jistgħu għalhekk ma jkunux ipprojbiti bl-Artikolu 81(1) [KE] […].

[...]

4.      F’każijiet koperti b’din in-notifikazzjoni [il-komunikazzjoni] l-Kummissjoni m’għandhiex tieħu passi kemm wara applikazzjoni kif ukoll b’inizjattiva proprja. Fejn impriżi jassumu in bona fede li ftehim huwa kopert b’din in-notifikazzjoni [il-komunikazzjoni], il-Kummissjoni m’għandhiex timponi multi. Għalkemm mhijiex vinkolanti fuqhom, din in-notifikazzjoni [il-komunikazzjoni] hija wkoll maħsuba biex tiggwida lill-qrati u lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom ta’ l-Artikolu 81 [KE].

[...]

6.      Din in-notifika hija mingħajr preġudizzju għal kull interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 81 [KE] li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti [Ġenerali] […].

7.      Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li ftehim bejn impriżi li jeffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skond is-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE]:

a)      jekk is-somma tas-sehem tas-suq f’idejn il-partijiet fil-ftehim ma teċċedix l-10 % f’xi wieħed mis-swieq rilevanti effettwati mill-ftehim, fejn il-ftehim jintgħamel bejn impriżi li huma kompetituri attwali jew potenzali f’xi wieħed minn dawn is-swieq (ftehim bejn il-kompetituri) […].

[...]”

 Il-leġiżlazzjoni Franċiża

5        L-Artikolu L. 420‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż jipprovdi kif ġej:

“Huma pprojbiti anki jekk imwettqa direttament jew indirettament minn kumpannija tal-grupp stabbilit barra minn Franza, meta huma għandhom bħala għan jew jista’ jkollhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal‑kompetizzjoni f’suq, l-azzjonijiet miftiehma, ftehim, akkordji espressi jew taċiti jew koalizzjonijiet, b’mod partikolari meta huma għandhom bħala għan li:

1°      Jillimitaw l-aċċess għas-suq jew l-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni minn impriżi oħra;

2°      Jostakolaw l-iffissar tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-funzjonament ħieles tas-suq billi jiġi ffavorit b’mod artifiċjali ż-żieda jew it-tnaqqis tagħhom;

3°      Jillimita jew jikkontrolla l-produzzjoni, l-iżblokki, l-investimenti jew il‑progress tekniku;

4°      Jaqsam is-swieq jew is-sorsi ta’ forniment.”

6        L-Artikolu L. 464‑6‑1 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li l-Autorité de la concurrence tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li titkompla l-proċedura meta l-prattiki msemmija fl-Artikolu L. 420‑1 tal-imsemmi kodiċi ma jinkludux kuntratti konklużi skont il-kodiċi tal-kuntratti pubbliċi Franċiż u li s-sehem mis-suq akkumulat fil-pussess tal-impriżi jew tas-soċjetajiet partijiet fil-ftehim jew fil-prattika inkwistjoni ma jaqbiżx ċerti kriterji, li jikkorrispondu għal dawk speċifikati fil-punt 7 tal-Komunikazzjoni de minimis.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Bil-għan li tiżviluppa l-bejgħ ta’ biljetti ta’ ferrovija u ta’ vvjaġġar fuq l-internet, SNCF ikkonkludiet, fix-xahar ta’ Settembru 2001, numru ta’ ftehim ma’ Expedia, kumpannija Amerikana speċjalizzata fil-bejgħ ta’ vjaġġi fuq l-internet, u ħolqot, ma’ din tal-aħħar, sussidjarja komuni bl-isem ta’ GL Expedia. Is-sit internet voyages‑SNCF.com, li sa dak il-mument kien iddedikat għall-informazzjoni, għar-riżervazzjoni u għall-bejgħ ta’ biljetti ta’ ferrovija fuq l-internet, kien jospita l-kummerċ ta’ GL Expedia u ttrasforma ruħu biex joffri, minbarra s-servizzi inizjali tiegħu, attività ta’ aġenzija ta’ vvjaġġar online. Matul is-sena 2004, din is-sussidjarja komuni bidlet isimha sabiex saret Agence de voyages SNCF.com (iktar ’il quddiem l-“Agence VSC”).

8        Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2009, l-Autorité de la concurrence qieset li s-sħubija bejn l-SNCF u Expedia li ħolqot l-Agence VSC kienet tikkostitwixxi akkordju li jmur kontra l-Artikoli 81 KE u L. 420‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż, li għandu bħala għan li jiffavorixxi lil din is-sussidjarja komuni fis-suq tas-servizzi ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar ipprovduti għall-vjaġġi ta’ divertiment b’detriment tal-kompetituri. Hija imponiet sanzjonijiet pekunjarji kemm lil Expedia kif ukoll lill-SNCF.

9        L-Autorité de la concurrence qieset b’mod partikolari li Expedia u l-SNCF kienu kompetituri fis-suq tas-servizzi online ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar tad-divertiment u li dawn kellhom iktar minn 10 % mis-sehem ta’ dan is-suq u li, konsegwentement, ir-regola hekk imsejħa “de minimis”, kif imsemmija fil-punt 7 tal-Komunikazzjoni de minimis kif ukoll fl-Artikolu L. 464‑2‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż, ma setgħetx tiġi applikata.

10      Quddiem il-cour d’appel de Paris, Expedia akkużat lill-Autorité de la concurrence talli stmat b’mod eċċessiv is-sehem mis-suq fil-pussess tal-Agence VSC. Din il-qorti ma tatx deċiżjoni direttament fuq dan il-motiv. Fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Frar 2010, hija ddeċidiet b’mod partikolari li, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu L. 464‑6‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż u, b’mod partikolari, tal-użu tal-verb “tista’”, l-Autorité de la concurrence, fi kwalunkwe każ, għandha l-possibbiltà li tressaq azzjoni kontra l-prattiki implementati minn impriżi li s-sehem mis-suq tagħhom huwa ogħla mill-kriterji ffissati minn dan it-test kif ukoll mill-Komunikazzjoni de minimis.

11      Adita b’appell ippreżentat minn Expedia kontra din is-sentenza, il-Cour de cassation tosserva li huwa paċifiku li, hekk kif ikkonkludiet l-Autorité de la concurrence, l-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu għan antikompetittiv. Hija tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni tipproċedi kontra tali akkordju fl-ipoteżi fejn is-sehem mis-suq ikkonċernat ma jaqbiżx il-kriterji ffissati fil-Komunikazzjoni de minimis.

12      Barra minn hekk, il-qorti ta’ rinviju hija tal-opinjoni li l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punti 4 u 6 tal-Komunikazzjoni de minis, li hija nieqsa minn setgħa vinkolanti fir-rigward tal-qrati u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma tippreġudikax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE li tista’ tingħata mill-qrati tal-Unjoni Ewropea, idaħħlu dubju fir-rigward tal-punt dwar jekk il-kriterji ta’ sehem mis-suq stabbiliti minn din il-komunikazzjoni jikkostitwixxux preżunzjoni inkonfutabbli ta’ nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu milli jsiru proċeduri kontra u milli jingħataw sanzjonijiet minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fuq il-bażi kemm tal-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ prattiki ta’ ftehim, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriża jew prattiki miftiehma li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda li ma jilħqux il-livelli stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni [de minimis]?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 101(1) TFUE u 3(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE għal ftehim bejn impriżi li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, iżda li ma jissodisfax il-kriterji ffissati mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni de minimis tagħha.

15      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki kollha miftiehma, li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma inkompatibbli mas-suq intern.

16      Hija ġurisprudenza stabbilita li ftehim bejn impriżi madankollu jaħrab mill-projbizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta jaffettwa s-suq b’mod insinjifikanti biss (sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk, 5/69, Ġabra p. 295, punt 7; tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 77; tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135, punt 34; kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef‑Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 50).

17      Għalhekk, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim bejn impriżi għandu jkollu bħala għan jew bħala riżultat li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il‑kompetizzjoni ġewwa s‑suq intern u jkun ta’ natura li jaffettwa l‑kummerċ bejn l‑Istati Membri (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1995, Bayerische Motorenwerke, C‑70/93, Ġabra p. I‑3439, punt 18; tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punt 12; kif ukoll tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C‑260/07, Ġabra p. I‑2437, punt 68).

18      Fir-rigward tar-rwol tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tistabbilixxi rabta stretta bejn il-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Meta l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxu l-akkordji għal ftehim ta’ impriżi li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, l-imsemmija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) timponi li tapplika wkoll fil-konfront tiegħu, fl-istess waqt, l-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, punt 77).

19      B’mod konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax tagħti lok għall-projbizzjoni tal-akkordji kollha jekk dawn ma jkollhomx l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

20      Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxu l-akkordju fir-rigward ta’ ftehim ta’ impriżi li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE biss jekk dan il-ftehim jikkostitwixxi restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

21      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-kuntest reali fejn jidħol tali ftehim (ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 1971, Cadillon, 1/71, Ġabra p. 351, punt 8). Jeħtieġ li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-portata tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li beħsiebu jikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħol (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 58). Għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

22      Fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li ftehim ta’ esklużività, anki bi protezzjoni territorjali assoluta, jaffettwa s-suq inkwistjoni biss b’mod insinjifikanti, fid-dawl tal-pożizzjoni dgħajfa li għandhom il-partijiet interessati f’dan is-suq (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Völk, punt 7, u Cadillon, punt 9). Min-naħa l-oħra, f’każijiet oħra, hija ma bbażatx ruħha fuq il-pożizzjoni tal-partijiet interessati fis-suq ikkonċernat. B’hekk, fil-punt 35 tas-sentenza Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, hija qieset li akkordju bejn il-membri ta’ assoċjazzjoni bankarja li jeskludi l-possibbiltà, fir-rigward tal-ftuħ ta’ kreditu fil-kont kurrenti, li tinżamm rata ta’ interessi fissa ma jistax ikollu influwenza restrittiva sinjifikattiva fuq il-kompetizzjoni, ġaladarba l-varjazzjoni tar-rata ta’ interessi tiddependi minn elementi oġġettivi, bħal bdil li jkun seħħ fis-suq monetarju.

23      Mill-punti 1 u 2 tal-Komunikazzjoni de minimis jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li fiha tikkwantifika, permezz ta’ kriterji ta’ sehem mis-suq, dak li ma jikkostitwixxix restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 16 u 17 ta’ din is-sentenza.

24      Fir-rigward tal-kliem tal-Komunikazzjoni de minimis, l-assenza ta’ natura vinkolanti tagħha, kemm għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kif ukoll għall-qrati tal-Istati Membri, hija enfasizzata fit-tielet sentenza tal-punt 4 tagħha.

25      Barra minn hekk, fit-tieni u t-tielet sentenzi tal-punt 2 tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni tispeċifika li l-kriterji ta’ sehem mis-suq użati jikkwantifikaw dak li ma jikkostitwixxix restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, iżda din id-definizzjoni, minħabba nuqqas tan-natura sinjifikattiva ta’ tali restrizzjoni ma tifissirx li l-ftehim ta’ impriżi li jaqbżu dawn il-kriterji jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv.

26      Qabel kollox, bil-kontra tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk tal-Awtoritajiet ta’ Kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43), il-Komunikazzjoni de minimis ma tinkludi ebda dikjarazzjoni li tistabbilixxi d-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri li jipprovdu li dawn tal-aħħar ħadu konjizzjoni tal-prinċipji esposti fiha u jaċċettaw li josservawhom.

27      Mill-għanijiet segwiti mill-Komunikazzjoni de minimis, hekk kif jissemmew fil-punt 4 tagħha, jirriżulta wkoll li hija ma għandhiex vokazzjoni li tivvinkola lill-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri.

28      Fil-fatt, minn dan il-punt jirriżulta, minn naħa, li l-imsemmija komunikazzjoni hija intiża li tesponi l-mod li bih il-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandha tapplika hija nnifisha l-Artikolu 101 TFUE. Konsegwentement, permezz tal-Komunikazzjoni de minimis, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni u ma tistax teskludi l-kontenut ta’ din il-komunikazzjoni mingħajr ma tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari, ta’ trattament ugwali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211). Min-naħa l-oħra, hija għandha l-intenzjoni li tagħti indikazzjonijiet lill-qrati u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

29      Minn dan jirriżulta li, u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata, komunikazzjoni tal-Kummissjoni, bħall-Komunikazzjoni de minimis, ma hijiex vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C‑360/09, Ġabra p. I‑5161, punt 21).

30      B’hekk, l-imsemmija komunikazzjoni ġiet ippubblikata matul is-sena 2001 fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li kuntrarjament għas-serje L tiegħu, hija għandha l-għan li tippubblika mhux atti legalment vinkolanti, iżda biss informazzjoni, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet li jikkonċernaw l-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Polska Telefonia Cyfrowa, C‑410/09, Ġabra p. I-3853, punt 35).

31      Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata n-natura sinjifikattiva jew le ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, l-awtorità ta’ kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fil-punt 7 tal-Komunikazzjoni de minimis mingħajr madankollu ma tkun meħtieġa tintrabat bihom. Tali kriterji fil-fatt jikkostitwixxu biss ħjiel fost oħrajn li jistgħu jippermettu lil din l-awtorità tiddetermina n-natura sinjifikattiva jew le ta’ restrizzjoni b’riferiment għall-kuntest reali fejn jidħol il-ftehim.

32      Bil-kontra ta’ dak li ssostni Expedia waqt is-seduta, l-azzjonijiet imressqa u s-sanzjonijiet imposti, mill-awtorità ta’ kompetizzjoni ta’ Stat Membru, lill-impriżi partijiet fi ftehim li ma laħqux il-kriterji ddefiniti fil-Komunikazzjoni de minimis ma jistgħux jiksru, fihom infushom, il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, fid-dawl tal-kliem tal-punt 4 ta’ din il-komunikazzjoni.

33      Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege ma jirrikjedix li l-Komunikazzjoni de minimis tiġi kkunsidrata bħala regola ġuridika vinkolanti għall-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, l-akkordji diġà huma pprojbiti mid-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri mill-Artikolu 101(1) TFUE.

34      Sa fejn Expedia, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew matul is-seduta, urew dubji fir-rigward tal-konstatazzjoni magħmula mill-qorti ta’ rinviju li huwa paċifiku li l-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu għan antikompetittiv, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, Ġabra p. I‑8015, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa irrilevanti minn meta jkun jidher li jkollu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distrorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p. I-12789, punt 65, u KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, punt 75).

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba r-riżultat” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punt 17; kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 29).

37      Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li ftehim li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu għan antikompetittiv jikkostitwixxi, min-natura tiegħu u indipendentement minn kull effett konkret tiegħu, restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni.

38      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE għal ftehim bejn impriżi li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, iżda li ma jissoddisfax il-kriterji ffissati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni de minimis tagħha, dejjem sakemm dan il-ftehim jikkostitwixxi restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE għal ftehim bejn impriżi li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, iżda li ma jissoddisfax il-kriterji ffissati mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, dwar ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (de minimis), dejjem sakemm dan il-ftehim jikkostitwixxi restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.