Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Diċembru 2010 - Thesing u Bloomberg Finance LP vs Il-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża T-590/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Gabi Thesing u Bloomberg Finance LP (Londra, ir-Renju Unit), (rappreżentanti: M.H. Stephens u R.C. Lands, solicitors)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, ikkomunikata permezz ta' ittri tas-17 ta' Settembru u tal-21 ta' Ottubru 2010, li tiċħad l-aċċess għad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti;

tordna lill-Bank Ċentrali Ewropew jagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal dawn id-dokumenti, skont id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta' Marzu 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3) 1, u

tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed jitolbu, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, ikkomunikata permezz ta' ittri tas-17 ta' Settembru u tal-21 ta' Ottubru 2010, li permezz tagħha l-Bank Ċentrali Ewropew ċaħad it-talba tagħhom għal aċċess għad-dokumenti li ġejjin bis-saħħa tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta' Marzu 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3):

nota intitolata The impact on government deficit and debt from off-market swaps. The Greek case (SEC/GovC/X/10/88a);

nota oħra, intitolata The Titlos transaction and possible existence of similar transactions impacting on the euro area government debt or deficit levels (SEC/GovC/X/10/88b).

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin.

L-ewwel nett, huma jsostnu illi l-Bank Ċentrali Ewropew interpreta ħażin u/jew applika b'mod żbaljat l-Artikolu 4(1)(a) tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta' Marzu 2004 (ECB/2004/3), li jipprovdi eċċezzjoni għall-prinċipju ta' dritt ta' aċċess mogħti mill-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni, inkwantu:

(i)    il-Bank Ċentrali Ewropew ma interpretax l-Artikolu 4(1)(a) bħala li jirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi ta' interess pubbliku favur l-iżvelar;

(ii)    il-Bank Ċentrali Ewropew ma tax biżżejjed attenzjoni jew ma tax l-attenzjoni adegwata għall-fatturi ta' interess pubbliku favur l-iżvelar tad-dokumenti mitluba;

il-Bank Ċentrali Ewropew ta importanza żejda u/jew identifika b'mod żbaljat l-interess pubbliku meta mqabbel mal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu illi l-Bank Ċentrali Ewropew interpreta ħażin u/jew applika b'mod żbaljat l-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta' Marzu 2004 (ECB/2004/3), li jipprovdi eċċezzjoni għall-prinċipju ta' dritt ta' aċċess mogħti mill-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni, inkwantu:

il-Bank Ċentrali Ewropew messu interpreta l-kunċett ta' interess pubbliku "superjuri" bħala interess pubbliku suffiċjenti sabiex jirbaħ fuq kwalunkwe interess pubbliku sabiex tinżamm l-eċċezzjoni;

il-Bank Ċentrali Ewropew messu kkonkluda li kien hemm interess pubbliku superjuri, f'dan is-sens, favur l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu illi l-Bank Ċentrali Ewropew interpreta ħażin u/jew applika b'mod żbaljat l-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta' Marzu 2004 (ECB/2004/3), li jipprovdi eċċezzjoni għall-prinċipju ta' dritt ta' aċċess mogħti mill-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni, inkwantu:

il-Bank Ċentrali Ewropew messu interpreta l-kunċett ta' interess pubbliku "superjuri" bħala interess pubbliku suffiċjenti sabiex jirbaħ fuq kwalunkwe interess pubbliku sabiex tinżamm l-eċċezzjoni;

il-Bank Ċentrali Ewropew messu kkonkluda li kien hemm interess pubbliku superjuri, f'dan is-sens, favur l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba;

il-Bank Ċentrali Ewropew ta importanza żejda u/jew identifika b'mod żbaljat l-interess pubbliku meta mqabbel mal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta' Marzu 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51)