Language of document : ECLI:EU:C:2014:103

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Frar 2014 (*)

“Direttiva 2003/9/KE — Standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri — Artikolu 13(1) — Terminu tal-għoti tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali — Artikolu 13(2) — Miżuri dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali — Garanziji — Artikolu 13(5) – Iffissar u għoti tal-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza lill-applikanti għall-ażil — Importanza tal-għajnuna mogħtija — Artikolu 14 — Modalitajiet għal kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali — Saturazzjoni tal-istrutturi ta’ akkoljenza — Riferiment għas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali — Provvista ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali fil-forma ta’ allowances finanzjarji”

Fil-Kawża C‑79/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeidshof te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2013, fil-proċedura

Federaal agentschap voor de opvang van asielzoekers

vs

Selver Saciri,

Danijela Dordevic,

Danjel Saciri, irrappreżentat minn Selver Saciri u Danijela Dordevic,

Sanela Saciri, irrappreżentata minn Selver Saciri u Danijela Dordevic,

Denis Saciri, irrappreżentat minn Selver Saciri u Danijela Dordevic,

Openbaar Centrum voor Maatschappelijk Welzijn van Diest,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u T. Materne, bħala aġenti, assistiti minn S. Ishaque, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn K. Pawłowska u B. Czech, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil [fl-Istati Membri] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), moqri flimkien mal-Artikoli 13(1) u (2), u 14(1), (3), (5) u (8) tagħha.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Federaal agentschap voor de opvang van asielzoekers (Aġenzija Federali għall-Akkoljenza tal-applikanti għall-ażil, iktar ’il quddiem il-“Fedasil”) u Selver Saciri u Danijela Dordevic, f’isimhom proprju u fil-kapaċità tagħhom ta’ rappreżentanti legali tal-ulied minuri tagħhom Danjel Saciri, Denis Saciri u Sanela Saciri (iktar ’il quddiem il-“familja Saciri”), kif ukoll l-Openbaar Centrum voor Maatschappelijk Welzijn van Diest (ċentru pubbliku ta’ azzjoni soċjali ta’ Diest, iktar ’il quddiem l-“OCMW”) dwar ir-rifjut tal-Fedasil li tagħti lill-familja Saciri l-għajnuna soċjali minħabba l-impossibbiltà li tiżgura l-akkoljenza tagħha f’ċentru ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 7 tad-Direttiva 2003/9 hija redatta kif ġej:

“Standards minimi għar-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil li normalment għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta’ ħajja dinjituż u kondizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha għandhom ikunu preskritti.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards minimi għar-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fi Stati Membri.”

5        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, għall-finijiet tagħha:

“[…]

j)      “kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali” għandha tfisser kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala allowances finanzjarji jew f’vouchers, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum;

[…]”

6        L-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil min ifittex ażil, fi żmien raġonevoli li ma jeċċedix ħmistax-il jum wara li jkunu ddepożitaw l-applikazzjoni għal ażil tagħhom ma’ l-awtorita kompetenti, għall-inqas b’xi benefiċċji stabbiliti u bl-obbligi li magħhom għandhom jikkonformaw ruħhom konnessi mal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza.

[…]”

7        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/9, li fih ir-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u għall-kura tas-saħħa, huwa redatt kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

2.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvedimenti dwar kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali biex jiżguraw standard ta’ ħajja adegwat ta’ saħħa ta’ l-applikanti u kapaċi li jiżgura s-sussistenza tagħhom.

[L-I]stati Membri għandhom jiżguraw li dak l-istandard ta’ ħajja ikun issodisfatt fis-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni li għandhom bżonnijiet speċjali, skont l-Artikolu 17, kif ukoll fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuni li huma f’detenzjoni.

[…]

5.      Kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jistgħu jingħataw f’oġġetti, jew fl-għamla [forma] ta’ allowances finanzjarji jew vouchers jew f’għaqda ta’ dawn il-provvedimenti.

Fejn Stati Membri jipprovdu kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali fl-għamla ta’ allowances finanzjarji jew vouchers, l-ammont tagħhom għandu jkun iddeterminat skont il-prinċipji ddikjarati f’dan l-Artikolu.”

8        L’Artikolu 14 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.      Fejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, għandha tieħu waħda jew għaqda tal-forom li ġejjin:

(a)      binjiet użati għall-għan biex tingħata dar lill-applikanti matul l-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil iddepożitata fil-konfini;

(b)      ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat;

(ċ)      djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jsiru addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw, jekk xieraq, li tfal minorenni [ulied minuri] ta’ applikanti jew applikanti li huma minorenni jkun joqgħodu mal-ġenituri tagħhom jew ma’ membru adult tal-familja responsabbli għalihom kemm bil-liġi kemm b’użanza.

[…]

5.      Persuni li jaħdmu f’ċentri ta’ akkomodazzjoni għandhom ikunu mħarrġa b’mod adegwat u għandhom ikunu marbuta bil-prinċipju ta’ segretezza kif iddefinit fil-liġi nazzjonali in konnessjoni ma’ kull informazzjoni li jiksbu matul xogħlhom.

[…]

8.      L-Istati Membri jistgħu b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali differenti minn dawk li jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta:

–        stima inizjali tal-ħtiġiet ta’ l-applikant hija rekwiżita,

–        kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali, kif jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, mhumiex disponibbli f’ċerti żoni ġeografiċi,

–        kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti,

–        min ifittex ażil huwa f’detenzjoni jew ristrett għal postijiet ta’ konfini.

Dawn il-kondizzjonijiet differenti għandhom ikopru f’kull każ ħtiġiet bażiċi.”

9        L-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħalma huma minorenni, minorenni mhux akkompanjati, nies inkapaċitati, nies anzjani, nisa tqal, ġenituri single bi tfal minorenni u persuni li kienu ssoġġettati għal tortura, stupru jew forom serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, fil-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II konness mal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u kura tas-saħħa.”

10      L-Artikolu 18(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-aħjar interessi tal-wild għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja għal Stati Membri meta jimplimentaw id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jinvolvu minorenni.”

 Id-dritt Belġjan

11      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/9 ġew trasposti permezz tal-Liġi tat-12 ta’ Jannar 2007, dwar l-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil u ta’ ċerti kategoriji oħra ta’ barranin (Belgisch Staatsblad, 7 ta’ Mejju 2007, p. 24027, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Akkoljenza”).

12      L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar l-Akkoljenza jipprovdi dan li ġej:

“Kull applikant għall-ażil għandu d-dritt għal akkoljenza li tkun tippermettilu li jgħix ħajja b’mod umanament dinjituża.

Akkoljenza, għandha tinftiehem bħala l-għajnuna materjali mogħtija skont din il-liġi jew l-għajnuna soċjali mogħtija miċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali skont il-Liġi Bażika tat-8 Lulju 1976, dwar iċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali [(Belgisch Staatsblad, 5 ta’ Awwissu 1976, p. 9876)].”

13      Skont l-Artikolu 9 tal-Liġi dwar l-Akkoljenza:

“L-akkoljenza kif intiża fl-Artikolu 3 hija mogħtija minn struttura ta’ akkoljenza jew miċ-ċentru pubbliku ta’ azzjoni soċjali indikat bħala post ta’ reġistrazzjoni obbligatorja mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 11(3) jew tal-Artikolu 13.”

14      Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, il-Fedasil tindika post ta’ reġistrazzjoni obbligatorju għall-barranin.

15      Skont l-Artikolu 11(3) tal-Liġi dwar l-Akkoljenza, meta jiġi indikat post ta’ reġistrazzjoni obbligatorja, il-Fedasil tiżgura li dan il-post ikun adattat għall-benefiċjarju tal-akkoljenza u dan, fil-limiti tal-postijiet disponibbli. L-evalwazzjoni tan-natura adattata ta’ dan il-post hija bbażata b’mod partikolari fuq kriterji bħall-kompożizzjoni familjari tal-benefiċjarju tal-akkoljenza, l-istat tas-saħħa tiegħu, l-għarfien ta’ waħda mil-lingwi nazzjonali jew tal-lingwa tal-proċedura. F’dan il-kuntest, il-Fedasil tagħti attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli kif ipprovdut fl-Artikolu 36 ta’ din il-liġi. F’ċirkustanzi partikolari, il-Fedasil tista’ tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu billi ma tindikax post ta’ reġistrazzjoni obbligatorja.

16      Skont l-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar l-Akkoljenza, f’ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mad-disponibbiltà ta’ postijiet fl-istrutturi tal-akkoljenza, il-Fedasil tista’, wara deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri, abbażi ta’ rapport imħejji minnha, matul perijodu li hija tiddetermina, jew tibdel il-post ta’ reġistrazzjoni obbligatorja ta’ applikant għall-ażil, sa fejn din l-istruttura ta’ akkoljenza tkun ċentru pubbliku ta’ azzjoni soċjali, jew inkella, bħala l-aħħar għażla, tindika ċentru bħala post ta’ reġistrazzjoni obbligatorja lill-applikant għall-ażil.

17      Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Bażika tat-8 ta’ Lulju 1976, dwar iċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali, kull persuna għandha dritt għall-għajnuna soċjali. Bħala prinċipju, il-barranin jibbenefikaw mid-dritt għall-għajnuna soċjali prevista fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, sakemm jgħixu regolarment fit-territorju.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fil-11 ta’ Ottubru 2010, il-familja Saciri ppreżentat applikazzjoni għall-ażil fl-Uffiċċju tal-barranin u immedjatament ippreżentat applikazzjoni għall-akkoljenza quddiem il-Fedasil.

19      Fl-istess jum, il-Fedasil informat lill-familja Saciri dwar l-impossibbiltà li tiġi indikata struttura ta’ akkoljenza u ddiriġiet lil din tal-aħħar lejn l-OCMW kompetenti.

20      Peress li ma setgħetx issib akkomodazzjoni, il-familja Saciri daru fuq is-suq privat tal-kera, iżda peress li ma setgħetx tħallas il-kera, hija ressqet talba għal għajnuna finanzjarja mal-OCMW.

21      Din it-talba ġiet miċħuda mill-OCMW, minħabba li l-familja Saciri kienet taqa’ taħt l-istrutturi tal-akkoljenza ġestiti mill-Fedasil.

22      Fl-10 ta’ Diċembru 2010, il-familja Saciri ppreżentat kawża għal miżuri provviżorji quddiem l-Arbeidsrechtbank te Leuven kontra l-Fedasil u l-OCMW.

23      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Jannar 2011, l-Arbeidsrechtbank te Leuven ikkundannat lill-Fedasil u lill-OCMW, rispettivament, sabiex jipprovdu akkoljenza lill-familja Saciri u sabiex iħallsuha ammont ekwiparabbli għall-għajnuna finanzjarja.

24      Fil-21 ta’ Jannar 2011, il-Fedasil allokat lill-persuni kkonċernati f’ċentru tal-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil.

25      Permezz ta’ żewġ rikorsi tal-14 ta’ Diċembru 2010 u tas-7 ta’ Jannar 2011, il-familja Saciri ppreżentat kawża kontra l-Fedasil u l-OCMW quddiem l-Arbeidsrechtbank te Leuven.

26      Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2011, din il-qorti ddikjarat bħala infondata l-kawża kontra l-OCMW, filwaqt li kkundannat lill-Fedasil sabiex tħallas lill-familja Saciri s-somma ta’ EUR 2 961.27, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ tliet xhur ta’ benefiċċji soċjali għall-integrazzjoni għal persuna li għandha r-responsabbiltà ta’ familja.

27      Fedasil appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-familja Saciri ppreżentat appell inċidentali u talbet li Fedasil u l-OCMW jiġu kkundannati in solidum għall-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għall-ekwivalenti tal-benefiċċju tal-integrazzjoni għall-perijodu matul liema din il-familja ma kellhiex akkomodazzjoni.

28      L-Arbeidshof te Brussel indikat li, f’każ ta’ saturazzjoni tan-netwerk ta’ akkomodazzjoni tal-applikanti għall-ażil, la l-Liġi dwar l-Akkoljenza u lanqas ebda dispożizzjoni nazzjonali ma tinkludi xi skema partikolari li tippermetti lill-applikanti għall-ażil, li ma jistgħux jiġu akkomodati mill-Fedasil, li jiddisponu, f’terminu raġonevoli, minn akkomodazzjoni li tilħaq l-istandards stabbiliti mid-Direttiva 2003/9.

29      Din il-qorti ppreċiżat li, meta l-Fedasil tiddeċiedi li ma tindikax post ta’ akkoljenza, l-applikanti għall-ażil għandhom jirċievu, b’mod provviżorju, għajnuna soċjali li l-ammont tagħha, madankollu, ma jippermettix li tiġi ggarantita akkomodazzjoni.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeidshof te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Meta Stat Membru jagħżel, b’applikazzjoni tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2003/9 […] li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membru, li jipprovdi l-għajnuna materjali fil-forma ta’ konċessjoni finanzjarja, dak l-Istat Membru xorta jibqa’ suġġett għar-responsabbiltà li jiżgura li l-applikant għall-ażil, b’xi mod jew ieħor, jista’ jibbenefika minn miżuri minimi ta’ protezzjoni [ta’ din id-direttiva], bħal dawk previsti mill-Artikolu 13(1) u (2) u mill-Artikolu 14(1), (3), (5) u (8) ta’ din tal-aħħar?

(2)      Il-konċessjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 13(5) tad-Direttiva [2003/9] jeħtieġ li tingħata sa mid-data tal-applikazzjoni għall-ażil u tat-talba għall-akkoljenza jew inkella sa mill-iskadenza tat-terminu previst mill-Artikolu 5(1) [ta’ din id-direttiva], jew sa minn xi data oħra? L-imsemmija konċessjoni għandha, fin-nuqqas ta’ akkoljenza materjali offruta mill-Istat Membru jew minn organu maħtur minn dan tal-aħħar, tkun ta’ natura li tippermetti lill-applikanti għall-ażil li jaħsbu huma stess, fi kwalunkwe mument, għall-akkomodazzjoni tagħhom, jekk ikun il-każ billi jirrikorru għal akkomodazzjoni f’lukanda, waqt li jistennew li jiġu offruti alloġġ fiss jew sakemm huma stess ikunu f’pożizzjoni li jsibu alloġġ iktar definittiv?

(3)      Huwa kompatibbli mad-Direttiva [2003/9], il-fatt li Stat Membru jagħti akkoljenza materjali biss sa fejn l-istrutturi ta’ akkoljenza eżistenti li huwa jorganizza jkunu jistgħu jiżguraw dik l-akkomodazzjoni u li huwa jiddirieġi, l-applikanti għall-ażil li ma jsibux post hemmhekk, għall-assistenza disponibbli għar-residenti kollha tal-Istat, mingħajr ma jiġu previsti r-regoli legali u l-istrutturi neċessarji sabiex l-organi, li ma humiex implementati mill-Istat innifsu, ikunu effettivament f’pożizzjoni li jipprovdu f’terminu qasir akkoljenza denja lill-applikanti għall-ażil?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

31      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2003/9 għandux jiġi interpretata fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel li jagħti l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali f’forma ta’ allowances finanzjarji, dan l-istat għandu jagħti dawn il-benefiċċji mill-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil, u jiżgura ruħu li l-ammont tal-imsemmija benefiċċji jkun tali li jippermetti lill-applikanti għall-ażil li jiksbu akkomodazzjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13(1) u (2), u 14(1), (3), (5) u (8) ta’ din id-direttiva.

32      Għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett, li skont l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2003/9, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jistgħu jiġu pprovduti in natura jew f’forma ta’ allowances finanzjarji jew f’vouchers jew taħlita ta’ dawn.

33      L-ewwel nett, fir-rigward, ta’ minn meta l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ppreċiżat li, f’dak li jikkonċerna l-perijodu li matulu l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali għandhom jiġu mogħtija lill-applikanti għall-ażil, dan il-perijodu jibda meta l-applikanti jippreżentaw l-applikazzjoni għall-ażil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI, C‑179/11, punt 39).

34      Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/9, li l-applikanti għall-ażil għandu jkollhom aċċess għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali, li għandu jingħatawlhom in natura jew f’forma ta’ allowances finanzjarji, meta jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil.

35      Barra minn hekk, l-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttiva 2003/9 kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea skont liema d-dinjità umana għandha tiġi rispettata u protetta, jipprekludu li l-applikant għall-ażil jiġi mċaħħad, anki matul perijodu temporanju wara l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil, mill-protezzjoni tal-istandards minimi stabbiliti minn din id-direttiva (ara, is-sentenza Cimade u GISTI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

36      It-tieni nett, fir-rigward tal-ammont tal-benefiċċji finanzjarji mogħtija, jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2003/9, meta l-Istati Membri jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali f’forma ta’ allowances finanzjarji jew ta’ vouchers, l-importanza ta’ dawn tal-aħħar tiġi stabbilita skont il-prinċipji ddefiniti minn dan l-artikolu.

37      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, li l-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħtija għandha tkun suffiċjenti sabiex tiggarantixxi livell ta’ ħajja adegwat għas-saħħa u tiżgura s-sussistenza tal-applikanti għall-ażil.

38      Barra dan, għandu jiġi ikkonstatat li skont il-kliem tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2003/9, l-“kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali”, għandhom ifissru l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ħwejjeġ, ipprovduti in natura jew f’forma ta’ benefiċċju finanzjarju jew ta’ vouchers, kif ukoll allowance ta’ kuljum.

39      Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 7 tal-istess direttiva, li hija għandha l-għan li tistabilixxi standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil, li bħala prinċipju, għandhom ikunu suffiċjenti biex jiggarantulhom livell dinjituż ta’ ħajja u kundizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha.

40      Minn dan jirriżulta li, jekk l-importanza tal-għajnuna finanzjarja mogħtija hija ddeterminata minn kull Stat Membru, din għandha tkun suffiċjenti sabiex tiggarantixxi livell ta’ ħajja dinjituż u adegwat għas-saħħa kif ukoll sabiex tiżgura s-sussistenza tal-applikanti għall-ażil.

41      Fil-kuntest tal-iffissar ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali f’forma ta’ allowances finanzjarji, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/9, l-Istati Membri, għandhom l-obbligu li jadattaw dawn il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għas-sitwazzjoni tal-persuni li għandhom bżonnijiet partikolari, msemmija fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-allowances finanzjarji għandhom ikunu biżżejjed sabiex jippreżervaw l-unità familjari kif ukoll l-aħjar interess tal-wild, li f’dan ir-rigward, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi kunsiderazzjoni primarja.

42      Konsegwentement, meta Stat Membru jkun għażel il-provvista ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali f’forma ta’ allowances finanzjarji, dawn l-allowances għandhom ikunu biżżejjed sabiex jiggarantixxu livell ta’ ħajja dinjituż u adegwat għas-saħħa kif ukoll sabiex tiżgura s-sussistenza tal-applikanti għall-ażil billi tippermettilhom li jkollhom akkomodazzjoni, fejn xieraq, fis-suq tal-kiri privat.

43      Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/9, ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-applikanti għall-ażil għandu jkollhom l-għażla ta’ akkomodazzjoni fil-konvenjenza personali tagħhom.

44      It-tielet nett, fir-rigward tad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali f’forma ta’ allowances finanzjarji, li jiżguraw l-osservanza tal-modalitajiet għal kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali previsti mill-Artikolu 14(1), (3), (5) u (8) tad-Direttiva 2003/9, għandu jiġi kkonstatat li bħala prinċipju l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jikkonċerna, is-soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni li jistgħu jagħżlu l-Istati Membri u jillimita l-portatà tal-obbligi li jissemmew fl-imsemmi artikolu fiċ-ċirkustanzi meta l-Istati Membri jkunu għażlu li jagħtu l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali in natura.

45      Madankollu, jekk l-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva, ma huwiex applikabbli meta l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jkunu pprovduti esklużivament f’forma ta’ allowances finanzjarji, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-allowances għandhom jippermettu, jekk ikun il-każ, lill-ulied minuri tal-applikanti għall-ażil, li joqgħodu mal-ġenituri tagħhom, għaż-żamma tal-unità tal-familja, kif imsemmi fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

46      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2003/9, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jkun għażel li jagħti l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali f’forma ta’ allowances finanzjarji jew ta’ vouchers, dawn l-allowances għandhom jiġu pprovduti mill-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva u jissodisfaw l-istandards minimi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva. Dan l-Istat Membru għandu jiżgura li l-allowances finanzjarji totali li jkopru l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jkunu biżżejjed sabiex jiggarantixxu livell ta’ ħajja dinjituż u adegwat għas-saħħa kif ukoll sabiex jiżguraw is-sussistenza tal-applikanti għall-ażil, b’mod partikolari billi jkunu jistgħu jiddisponu minn akkomodazzjoni, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, li jiġi ssalvagwardjat l-interess tal-persuni li għandhom bżonnijiet partikolari, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tal-istess direttiva. Il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali previsti mill-Artikolu 14(1), (3), (5) u (8) tad-Direttiva 2003/9, ma japplikawx għall-Istati Membri li jkunu għażlu li jagħtu dawn il-kundizzjonijiet f’forma ta’ allowances finanzjarji biss. Madankollu, l-ammont ta’ dawn l-allowances għandu jkun biżżejjed sabiex jippermetti lill-ulied minuri joqgħodu mal-ġenituri tagħhom, għaż-żamma tal-unità tal-familja tal-applikanti għall-ażil.

 Fuq it-tielet domanda

47      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/9 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li, f’każ ta’ saturazzjoni tal-istrutturi ta’ akkomodazzjoni għall-applikanti għall-ażil, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lil dawn tal-aħħar għand l-organi li jaqgħu taħt s-sistema ta’ għajnuna pubblika ġenerali, li għandhom ir-responsabbiltà li jipprovdu l-għajnuna finanzjarja neċessarja lill-applikanti għall-ażil.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jagħtu l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali in natura, id-Direttiva 2003/9 tħallilhom il-possibbiltà li jagħżlu li jagħtu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali f’forma ta’ allowances finanzjarji. Madankollu, dawn l-allowances, għandhom ikunu biżżejjed għall-bżonnijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil, inkluż li jiġi żgurat lilhom livell ta’ ħajja dinjituż u adegwat għas-saħħa.

49      Peress li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mezzi li bihom jipprovdu l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali, għalhekk huma jistgħu jħallsu l-allowances finanzjarji permezz tal-organi li jaqgħu taħt is-sistema ta’ għajnuna pubblika ġenerali, sakemm dawn l-organi jiżguraw li josservaw l-istandards minimi previsti minn din id-direttiva lill-applikanti għall-ażil.

50      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li huma l-Istati Membri li għandhom jiggarantixxu l-osservanza, minn dawn l-organi, tal-istandards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil, peress li s-saturazzjoni tan-netwerks tal-akkoljenza ma jistgħux jiġġustifikaw xi deroga mill-osservanza ta’ dawn l-istandards.

51      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 2003/9 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li f’każ ta’ saturazzjoni tal-istrutturi ta’ akkomodazzjoni għall-applikanti għall-ażil, l-Istati Membri jistgħu jibagħtu lil dawn tal-aħħar għand l-organi li jaqgħu taħt is-sistema ta’ għajnuna pubblika ġenerali, sakemm din is-sistema tiżgura l-osservanza tal-istandards minimi prevista minn din id-direttiva, lill-applikanti għall-ażil.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 13(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil [fl-Istati Membri], għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jkun għażel li jagħti l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali f’forma ta’ allowances finanzjarji jew ta’ vouchers, dawn l-allowances għandhom jiġu pprovduti mill-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva u jissodisfaw l-istandards minimi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva. Dan l-Istat Membru għandu jiżgura li l-allowances finanzjarji totali li jkopru l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jkunu biżżejjed sabiex jiggarantixxu livell ta’ ħajja dinjituż u adegwat għas-saħħa kif ukoll sabiex jiżguraw is-sussistenza tal-applikanti għall-ażil, b’mod partikolari billi jkunu jistgħu jiddisponu minn akkomodazzjoni, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, li jiġi ssalvagwardjat l-interess tal-persuni li għandhom bżonnijiet partikolari, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tal-istess direttiva. Il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali previsti mill-Artikolu 14(1), (3), (5) u (8) tad-Direttiva 2003/9, ma japplikawx għall-Istati Membri li jkunu għażlu li jagħtu dawn il-kundizzjonijiet f’forma ta’ allowances finanzjarji biss. Madankollu, l-ammont ta’ dawn l-allowances għandu jkun biżżejjed sabiex jippermetti lill-ulied minuri joqgħodu mal-ġenituri tagħhom, għaż-żamma tal-unità tal-familja tal-applikanti għall-ażil.

2)      Id-Direttiva 2003/9 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li f’każ ta’ saturazzjoni tal-istrutturi ta’ akkomodazzjoni għall-applikanti għall-ażil, l-Istati Membri jistgħu jibagħtu lil dawn tal-aħħar għand l-organi li jaqgħu taħt is-sistema ta’ għajnuna pubblika ġenerali, sakemm din is-sistema tiżgura l-osservanza tal-istandards minimi prevista minn din id-direttiva lill-applikanti għall-ażil.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.