Language of document : ECLI:EU:C:2012:756

Kawża C‑370/12

Thomas Pringle

vs

Governement of Ireland et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court)

“Mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro —Deċiżjoni 2011/199/UE — Emenda tal-Artikolu 136 TFUE — Validità — Artikolu 48(6) TUE — Proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata — Trattat MES — Politika ekonomika u monetarja — Kompetenza tal-Istati Membri”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja), tas-27 ta’ Novembru 2012

1.        Domandi preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew adottata skont il-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tat-Trattat FUE — Inklużjoni — Portata

(L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u Artikolu 48(6) TUE; Artikolu 267 TFUE)

2.        Domandi preliminari — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Atti ta’ portata ġenerali — Neċessità għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrikorru għal eċċezzjoni ta’ illegalità jew għal rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar validità — Obbligu tal-qrati nazzjonali li japplikaw ir-regoli proċedurali nazzjonali b’mod li l-legalità tal-atti ta’ portata ġenerali tal-Unjoni tkun tista’ tiġi kkontestata — Limiti — Domanda li tikkonċerna l-validità ta’ deċiżjoni mhux ikkontestata abbażi tal-Artikolu 263 TFUE bil-konsegwenza li jintilef il-locus standi jew li jiskada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament

(Artikoli 263 TFUE u 267 TFUE)

3.        Politika ekonomika u monetarja — Proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tat-Trattat FUE — Emenda tal-Artikolu 136 TFUE li tippermetti l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbilità għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro — Evalwazzjoni tal-validità — Reviżjoni li tikkonċerna biss id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE

(Artikoli 4(1) TUE, 5(2) TUE u 48(6) TUE; Artikoli 2(3) TFUE, 5(1) TFUE u 136 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199)

4.        Politika ekonomika u monetarja — Proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tat-Trattat FUE — Emenda tal-Artikolu 136 TFUE li tippermetti l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbilità għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro — Evalwazzjoni tal-validità — Reviżjoni li ma testendix il-kompetenzi tal-Unjoni

(Artikolu 48(6) TUE; Artikoli 136 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199)

5.        Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Talba għal deċiżjoni preliminari li ma tesponix ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Inammissibbiltà

[Artikolu 267 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94(ċ)]

6.        Politika ekonomika u monetarja — Politika monetarja — Kompetenza esklużiva tal-Unjoni — Konklużjoni mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ta’ Trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà Ewropew — Ammissibbiltà

[Artikoli 3(1)(ċ) TFUE, 123(1) TFUE u 127 TFUE]

7.        Politika ekonomika u monetarja — Politika monetarja — Kompetenza esklużiva tal-Unjoni — Konklużjoni mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ta’ ftehim li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà Ewropew — Effett fuq regoli komuni fil-qasam tal-politika tal-Unjoni ekonomika u monetarja — Assenza

[Artikoli 4(1) TUE u 5(2) TUE; Artikoli 3(2) TFUE u 122(2) TFUE]

8.        Politika ekonomika u monetarja — Politika ekonomika — Koordinazzjoni tal-politika ekonomika — Konklużjoni mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ta’ ftehim li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà — Emenda fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni — Assenza

[Artikoli 2(3) TFUE, 119 TFUE sa 121 TFUE, 125 TFUE u 126(7) u (8) TFUE]

9.        Politika ekonomika u monetarja — Politika ekonomika — Kompetenza tal-Unjoni li tagħti assistenza finanzjarja lill-Istati Membri f’diffikultà — Konklużjoni mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ta’ trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà — Assenza ta’ effett ta’ din il-kompetenza

(Artikolu 122 TFUE)

10.      Politika ekonomika u monetarja — Politika ekonomika — Projbizzjoni għall-Bank Ċentrali Ewropew u għall-Banek Ċentrali l-oħra li jagħtu self kurrenti jew kreditu jew li jixtru strumenti ta’ dejn — Konklużjoni mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ta’ trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà — Ammissibbiltà

(Artikolu 123 TFUE)

11.      Politika ekonomika u monetarja — Politika ekonomika — Projbizzjoni għall-Unjoni jew għal Stat Membru li jkun responsabbli għall-impenji ta’ Stat Membru ieħor jew li jassumi tali impenji — Konklużjoni mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ta’ trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà — Ammissibbiltà

(Artikolu 125 TFUE)

12.      Politika ekonomika u monetarja — Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju tal-kompetenzi ta’ attribuzzjoni — Attribuzzjoni mit-trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà, konkluż mill-Istati Membri, ta’ funzjonijiet ġodda għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew u għall-Qorti tal-Ġustizzja — Ammissibbiltà

(Artikoli 13(2) TUE u 17(1) TUE; Artikolu 273 TFUE)

13.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ġenerali tad-dritt — Regoli u prinċipji tat-Trattat u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

14.      Politika ekonomika u monetarja — Proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tat-Trattat FUE — Kompetenza tal-Istati Membri li jikkonkludu u jirrattifikaw it-trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà li jemenda l-Artikolu 136 TFUE qabel id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li temenda din id-dispożizzjoni

(Artikolu 48(6) TUE; Artikolu 136 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199, Artikolu 1)

1.        It-Trattat ta’ Lisbona introduċa, flimkien mal-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja tat-Trattat FUE, proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata bis-saħħa tal-Artikolu 48(6) TUE, li l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet. Peress li l-verifika tal-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet hija neċessarja sabiex jiġi kkonstatat jekk il-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tistax tapplika, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala istituzzjoni li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-implementazzjoni tat-trattati, li għandha teżamina l-validità ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ibbażata fuq l-Artikolu 48(6) TUE.

Għal dawn il-finijiet, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, minn naħa, li r-regoli proċedurali previsti fl-imsemmi Artikolu 48(6) ġew osservati u, min-naħa l-oħra, li l-emendi li ġew deċiżi jikkonċernaw biss it-tielet parti tat-Trattat FUE, li jkun jimplika li tali emendi ma jinvolvu ebda modifika tad-dispożizzjonijiet ta’ parti oħra tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u ma jżidux il-kompetenzi ta’ din tal-aħħar.

(ara l-punti 31, 33-36)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 39-42)

3.        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199, li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat FUE fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, li jipprovdu li reviżjoni tat-Trattat FUE permezz tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tista’ tikkonċerna biss id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

L-ewwel nett, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 li, permezz taż-żieda ta’ paragrafu 3 fl-Artikolu 136 TFUE, jipprevedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà, ma jistax jaffettwa l-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni bl-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Fil-fatt, fid-dawl tal-għanijiet fdati lill-mekkaniżmu ta’ stabbiltà, tal-istrumenti previsti sabiex jintlaħqu tali għanijiet u tar-rabta stretta bejn dan il-mekkaniżmu u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika kif ukoll il-qafas regolamentari għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-Unjoni, għandu jiġi konkluż li l-istabbiliment ta’ tali mekkaniżmu jaqa’ fil-qasam tal-politika ekonomika. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan tal-imsemmi mekkaniżmu, li huwa li tinżamm l-istabbiltà taż-żona euro kollha, dan huwa differenti mill-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, li jikkostitwixxi l-għan prinċipali tal-politika monetarja tal-Unjoni. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-metodi previsti sabiex jintlaħaq l-għan ikkonċernat, id-Deċiżjoni 2011/199 tippreċiża biss li l-mekkaniżmu ta’ stabbiltà għandu jipprovdi kwalunkwe assistenza finanzjarja neċessarja u ma tinkludi ebda indikazzjoni oħra dwar il-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu. Ma huwiex evidenti li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil Stat Membru taqa’ taħt il-politika monetarja.

It-tieni nett, id-Deċiżjoni 2011/199 ma taffettwax il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Fil-fatt, peress li l-Artikoli 2(3) u 5(1) TFUE jillimitaw l-irwol tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ekonomika għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ koordinament, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE ma jikkonferixxux kompetenza speċifika lill-Unjoni sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà kif previst minn din id-deċiżjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-Artikoli 4(1) TUE u 5(2) TUE, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom kompetenza sabiex jikkonkludu ftehim bejniethom dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà, kif previst fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199. Madankollu, l-imsemmija Stati Membri ma jistgħux jinjoraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam. Madankollu, ir-raġuni għalfejn l-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-mekkaniżmu ta’ stabbiltà huwa suġġett għal kundizzjonalità stretta, skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 136 TFUE, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni kkonċernata bir-reviżjoni tat-Trattat FUE, hija sabiex jiġi żgurat li, fil-funzjonament tiegħu, dan il-mekkaniżmu josserva d-dritt tal-Unjoni, inklużi l-miżuri meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.

(ara l-punti 56, 57, 60, 63, 64, 68-70, 72, u d-dispożittiv 1)

4.        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199, li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat FUE fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ma tattribwixxi ebda kompetenza ġdida lill-Unjoni. Fil-fatt, din l-emenda ma toħloq ebda bażi legali bil-għan li tippermetti lill-Unjoni twettaq azzjoni li ma kinitx possibbli qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda tat-Trattat FUE. Barra minn hekk, il-fatt li t-Trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà jirrikorri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew, fi kwalunkwe każ, ma jistax jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199, li min-naħa tagħha tipprevedi biss l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà mill-Istati Membri u ma tipprovdi xejn dwar l-irwol eventwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni 2011/199 tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 48(6) TUE, li tipprovdi li reviżjoni tat-Trattat FUE permezz tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata ma tistax timplika żieda tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni fit-trattati.

(ara l-punti 73-75 u d-dispożittiv 1)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 84, 86)

6.        L-Artikoli 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE la jipprekludu l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-rattifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

Fil-fatt, l-attivitajiet tal-MES ma jaqgħux taħt il-politika monetarja li hija s-suġġett tal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE peress li l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu ma huwiex li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet iżda li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ finanzjament ta’ dawn il-membri, jiġifieri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament, jekk dan ikun indispensabbli sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro kollha u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES la huwa awtorizzat jistabbilixxi r-rati ta’ interess prinċipali għaż-żona euro u lanqas li joħroġ euros, peress li l-assistenza finanzjarja li huwa jagħti għandha tkun iffinanzjata kollha kemm hi, b’konformità mal-Artikolu 123(1) TFUE, mill-kapital disponibbli jew mill-emissjoni ta’ strumenti finanzjarji, kif jipprovdi l-Artikolu 3 tat-trattat li jistabbilixxi l-imsemmi mekkaniżmu.

L-effett possibbli tal-attivitajiet tal-MES fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet ma jistax jiskredita din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-attivitajiet tal-MES jistgħu jinfluwenzaw il-livell ta’ inflazzjoni, tali influwenza tkun biss il-konsegwenza indiretta tal-miżuri ta’ politika ekonomika meħuda.

(ara l-punti 95-98 u d-dispożittiv 2)

7.        L-Artikolu 3(2) TFUE, li jipprekludi lill-Istati Membri milli jikkonkludu bejniethom ftehim li jista’ jaffettwa r-regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà (Trattat MES) bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-rattifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

Fil-fatt, minn naħa, peress li l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FESF) ġiet stabbilita mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, barra mill-qafas tal-Unjoni, l-assunzjoni mill-MES tal-irwol attribwit lill-FESF ma tistax taffettwa r-regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

Min-naħa l-oħra, anki jekk mill-premessa 1 tat-trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà (Trattat MES) jirriżulta li dan ser jassumi, fost funzjonijiet oħra, l-irwol li qabel kien attribwit temporanjament lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja, stabbilit abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE, tali fatt ma huwiex ta’ natura li jaffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, l-istabbiliment tal-MES ma jaffettwax il-kompetenza tal-Unjoni li tipprovdi, abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE, assistenza finanzjarja speċifika lil Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet jew ikollu riskju serju li jgħaddi minn diffikultajiet gravi minħabba katastrofi naturali jew avvenimenti eċċezzjonali li ma għandux kontroll fuqhom. Barra minn hekk, peress li la l-Artikolu 122(2) TFUE u lanqas dispożizzjoni oħra tat-Trattati UE u FUE ma jikkonferixxu kompetenza speċifika lill-Unjoni sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà permanenti bħall-MES (ara punti 64 sa 66 tas-sentenza preżenti), l-Istati Membri huma awtorizzati, fid-dawl tal-Artikoli 4(1) TUE u 5(2) TUE, jaġixxu f’dan il-qasam.

(ara l-punti 101-105, u d-dispożittiv 2)

8.        L-Artikoli 2(3) TFUE, 119 TFUE sa 121 TFUE u 126 TFUE la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà (Trattat MES) bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-rattifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

Fil-fatt, l-istati Membri għandhom kompetenza li bejniethom jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħat-Trattat MES sa fejn l-impenji meħuda mill-Istati Membri kontraenti fil-kuntest ta’ tali ftehim ikunu josservaw id-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-MES ma għandux bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, iżda jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ finanzjament Filwaqt li huwa minnu li, skont l-Artikoli 3 u 12(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES, l-assistenza finanzjarja pprovduta lil Stat Membru, membru tal-MES, hija suġġetta għal kundizzjonalità stretta adattata għall-istrument ta’ assistenza magħżul, li jista’ jieħu l-forma ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku, il-kundizzjonalità prevista madankollu ma tikkostitwixxix strument ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istat Membri, iżda hija pjuttost intiża li tiżgura l-kompatibbiltà tal-attivitajiet tal-MES, b’mod partikolari, mal-Artikolu 125 TFUE u mal-miżuri ta’ koordinazzjoni meħuda mill-Unjoni.

Fl-aħħar nett, it-Trattat MES lanqas ma jaffettwa l-kompetenza tal-Kunsill li joħroġ rakkomandazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 126(7) u (8) TFUE fir-rigward ta’ Stat Membru li għandu defiċit eċċessiv.

(ara l-punti 109-114, u d-dispożittiv 2)

9.        L-Artikolu 122 TFUE għandu biss bħala suġġett assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni u mhux mill-Istati Membri. L-eżerċizzju mill-Unjoni tal-kompetenza li hija attribwita mill-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma huwiex affettwat bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà.

(ara l-punti 119-122, u d-dispożittiv 2)

10.      L-Artikolu 123 TFUE, li jipprekludi lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri milli jagħtu self kurrenti jew kwalunkwe tip ieħor ta’ kreditu lill-awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew li jiksbu direttament mingħandhom strumenti tad-dejn tagħhom, la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilità bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-rattifika tiegħu minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, l-Artikolu 123 TFUE huwa speċifikament indirizzat lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja minn Stat Membru jew minn grupp ta’ Stati Membri lil Stat Membru ieħor ma taqax taħt l-imsemmija projbizzjoni.

(ara l-punti 123, 125, 128, u d-dispożittiv 2)

11.      L-Artikolu 125 TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni jew Stat Membru “m[a] għandh[om]x ikun[u] responsabbli” għal Stat Membru ieħor “jew jassum[u] l-obbligazzjon[i]jiet [tiegħu]” la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà (Trattat MES) bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 125 TFUE jipprekludi lill-Unjoni u lill-Istati Membri milli jagħtu assistenza finanzjarja li jkollha bħala effett li ddgħajjef l-inċentiv tal-Istat Membru benefiċjarju ta’ din l-assistenza li jassumi politika baġitarja għaqlija, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-għoti ta’ tali assistenza minn Stat Membru wieħed jew iktar lil Stat Membru ieħor peress li dan jibqa’ responsabbli lejn il-kredituri tiegħu u bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti marbuta ma’ tali assistenza jistgħu jħeġġu lil dan tal-aħħar jimplementa politika baġitarja għaqlija.

Fir-rigward tat-Trattat MES, il-MES, fl-ewwel lok, ma jaġixxix bħala garanti tad-dejn tal-Istat Membru benefiċjarju. Dan tal-aħħar jibqa’ responsabbli lejn il-kredituri tiegħu għall-impenji finanzjari tiegħu, peress li skont l-Artikolu 13(6) tat-trattat li jistabbilixxi dan il-mekkaniżmu, kull assistenza finanzjarja mogħtija abbażi tal-Artikoli 14 sa 16 tiegħu, għandha tiġi rrimborsata lilu mill-Istat Membru benefiċjarju u li, skont l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi trattat, l-ammont dovut għandu jiżdied b’marġni xieraq. Għall-istess raġunijiet, il-MES ma jiħux responsabbiltà għad-dejn tal-Istat benefiċjarju ta’ xiri ta’ bonds maħruġa fis-suq primarju, li huwa ekwiparabbli għal għoti ta’ self. Barra minn hekk, l-Istat Membru emettenti biss jibqa’ responsabbli għad-dejn li jirriżulta mix-xiri fis-suq sekondarju ta’ bonds maħruġa minn Stat Membru tal-MES.

Fit-tieni lok, sostenn għall-istabbiltà jista’ biss jingħata meta jkun indispensabbli għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona euro kollha kif ukoll fl-Istati Membri tagħha u l-għoti ta’ tali sostenn huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti adattati għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, intiż b’mod partikolari li jiggarantixxi li l-Istati Membri jassumu politika baġitarja għaqlija.

Fl-aħħar lok, meta Stat Membru tal-MES jonqos milli jħallas il-fondi msejħa u meta tinħareġ sejħa għal fondi rriveduta u miżjuda lill-membri l-oħra kollha, l-Istat Membru inadempjenti jibqa’ marbut li jħallas il-parti tal-kapital tiegħu. Għalhekk, l-Istati Membri ma jkunux garanti tad-dejn tal-membru inadempjenti.

Għaldaqstant, mekkaniżmu bħall-MES u l-Istati Membri li jipparteċipaw fih, ma humiex responsabbli għall-impenji ta’ Stat Membru benefiċjarju ta’ sostenn għall-istabbiltà u lanqas ma jassumu responsabbiltà fis-sens tal-Artikolu 125 TFUE.

(ara l-punti 130, 136-143, 145-147, u d-dispożittiv 2)

12.      L-Artikolu 13(2) TUE, li jipprovdi b’mod partikolari li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet li jingħatawlha mit-Trattati, skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet previsti minnhom, la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-rattifika tiegħu minn dawn tal-aħħar, peress li l-attribuzzjoni, mit-Trattat MES, ta’ funzjonijiet ġodda lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Qorti tal-Ġustizzja hija kompatibbli mal-attribuzzjonijiet tagħhom kif iddefiniti fit-Trattati.

Fil-fatt, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jassenjaw funzjonijiet lill-istituzzjonijiet, bħall-koordinazzjoni ta’ azzjoni kollettiva meħuda mill-Istati Membri jew il-ġestjoni ta’ assistenza finanzjarja, sa fejn dawn il-funzjonijiet ma jiżnaturawx l-attribuzzjonijiet li t-Trattati UE u FUE jikkonferixxu fuq dawn l-istituzzjonijiet. Il-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew fit-Trattat MES jikkostitwixxu tali funzjonijiet.

Il-funzjonijiet fdati lilhom fil-kuntest tal-MES ma jinkludu ebda poter ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet speċifiku. Barra minn hekk, dawn il-funzjonijiet ma jiżnaturawx l-attribuzzjonijiet li t-trattati jagħtu lil dawn l-istituzzjonijiet sa fejn il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali u l-Bank Ċentrali Ewropew jagħti s-sostenn tiegħu lill-politika ġenerali fl-Unjoni, skont l-Artikolu 282(2) TFUE.

Fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 37(3) tat-Trattat MES, din hija direttament ibbażata fuq l-Artikolu 273 TFUE. Bis-saħħa ta’ dan l-aħħar artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Istati Membri marbuta mal-għanijiet tat-trattati, jekk tali tilwima tkun ġiet sottomessa quddiemha bi ftehim. Filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 273 TFUE jissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-eżistenza ta’ ftehim, xejn ma jipprekludi, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li tali ftehim jingħata minn qabel, b’riferiment għal kull kategorija ta’ tilwim ddefiniti minn qabel, permezz ta’ klawżola, bħall-Artikolu 37(3) tat-Trattat MES. Barra minn hekk, tilwima marbuta mal-interpretazzjoni u l-implementazzjoni tat-Trattat MES tista’ wkoll tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 273 TFUE jissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatt li-Istati Membri biss ikunu partijiet fil-kawża li tkun tressqet quddiemha, sa fejn il-MES huwa esklużivament kompost minn Stati Membri, tilwima li fiha l-MES huwa parti tista’ titqies bħala tilwima bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 273 TFUE.

(ara l-punti 153, 158-165, 171, 172, 174-177, u d-dispożittiv 2)

13.      Il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-rattifika ta’ tali ftehim minn dawn tal-aħħar.

Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lejn l-Istati Membri biss meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(2), il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u ma toħloq l-ebda kompetenza jew l-ebda kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fil-partijiet oħra tat-trattati. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha.

Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES li fir-rigward tiegħu, it-Trattati UE u FUE ma jattribwixxu ebda kompetenza speċifika lill-Unjoni.

(ara l-punti 179, 180, u d-dispożittiv 2)

14.      Id-dritt ta’ Stat Membru li jikkonkludi u jirrattifika t-Trattat MES ma huwiex suġġett għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199, li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat FUE fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Fil-fatt, l-emenda tal-Artikolu 136 TFUE bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 tikkonferma l-eżistenza ta’ poter imħaddan mill-Istati Membri. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma tattribwixxi ebda poter ġdid lill-Istati Membri.

(ara l-punti 184, 185 u d-dispożittiv 3)