Language of document : ECLI:EU:C:2012:341

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawża C‑283/11

Sky Österreich GmbH

vs

Österreichischer Rundfunk

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundeskommunikationssenat (l-Awstrija)]

“Direttiva 2010/13/UE — Dritt għal kull xandar bit-televiżjoni li jibbenefika, għall-finijiet ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor, minn aċċess għal avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi li jkunu s-suġġett ta’ dritt ta’ trażmissjoni esklużiv — Limitazzjoni tal-kumpens finanzjarju għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata dan l-aċċess — Kompatibbiltà mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Proporzjonalità”





1.        Dan ir-rinviju preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-konformità mad-drittijiet fundamentali, f’dan il-każ il-libertà ta’ impriża u d-dritt għall-proprjetà, tal-Artikolu 15(6) tad- Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-“Servizzi tal-Media awdjoviżiva”) (2).

2.        L-għan tal-Artikolu 15 tad-Direttiva huwa li jirrikonoxxi lix-xandara bit-televiżjoni d-dritt li jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor dwar avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi li jkunu s-suġġett ta’ trażmissjoni esklużiva minn xandar bit-televiżjoni. Għal dan l-għan, huwa b’mod partikolari pprovdut li x-xandara bit-televiżjoni jistgħu jaċċedu għas-sinjal imxandar mill-impriża li għandha d-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni bl-għan li jagħżlu siltiet qosra li jkunu ser jifformaw parti mir-rapporti tagħhom.

3.        L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jintroduċi r-regola li tgħid li, meta, fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt hekk mogħti lix-xandara bit-televiżjoni, huwa pprovdut kumpens finanzjarju, dan ma jistax jeċċedi l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-siltiet qosra.

4.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-kwistjoni ta’ rikonċiljazzjoni neċessarja tal-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ diversi drittijiet fundamentali, jiġifieri minn naħa, il-libertà ta’ impriża u d-dritt għall-proprjetà u, min-naħa l-oħra, il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Il-premessa 48 tad-Direttiva tipprovdi li:

“Id-drittijiet ta’ xandir televiżiv għal avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi jistgħu jinkisbu mix-xandara fuq bażi esklussiva. Madankollu, huwa essenzjali li jiġi promoss il-pluraliżmu permezz tad-diversità fil-produzzjoni tal-aħbarijiet u tal-programmar madwar l-Unjoni [Ewropea] u li jiġu rrispetatti l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […] tal-Unjoni Ewropea [(3)].”

6.        Il-premessa 55 tad-Direttiva hija redatta kif ġej:

“Sabiex tiġi salvagwardjata l-libertà fundamentali li wieħed jirċievi l-informazzjoni u biex jiġi żgurat li l-interessi tat-telespettaturi fl-Unjoni jitħarsu bis-sħiħ u kif suppost, dawk li jkollhom id-drittijiet esklussivi ta’ xandir televiżiv dwar avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi għandhom jagħtu lix-xandara l-oħra d-dritt li jużaw siltiet qosra għall-finijiet ta’ programmi ta’ aħbarijiet ġenerali f’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji b’kont meħud tad-drittijiet esklussivi. Tali termini għandhom jiġu kkomunikati fil-ħin qabel ma jseħħ l-avveniment ta’ interess pubbliku qawwi sabiex jingħata ħin biżżejjed lill-[operaturi] oħrajn ħalli jeżerċitaw dan id-dritt. […] Tali siltiet qosra jistgħu jintużaw għal xandiriet madwar l-UE minn kwalunkwe stazzjon inklużi stazzjonijiet iddedikati għall-isports u m’għandhomx jaqbżu d-90 sekonda. [...]

L-idea ta’ programmi tal-aħbarijiet ġenerali m’għandiex tkopri l-kompilazzjoni ta’ siltiet qosra fil-programmi li jservu skopijiet ta’ divertiment. [...]”

7.        Il-premessa 56 tad-Direttiva tistipula dan li ġej:

“[...]L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għal avvenimenti ta’ interess kbir għall-pubbliku billi jagħtu aċċess għas-sinjal tax-xandar fis-sens ta’ din id- Direttiva. Madankollu, huma jistgħu jagħżlu mezzi ekwivalenti oħra fis-sens ta’ din id-Direttiva. Tali mezzi jinkludu, inter alia, l-għoti ta’ aċċess għall-post ta’ dawn l-avvenimenti qabel l-għoti ta’ aċċess għas-sinjal. Ix-xandara m’għandhomx jinżammu lura milli jikkonkludu kuntratt aktar dettaljat.”

8.        L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“Kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skont il-liġi tal-Unjoni biex jiżgura li xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu lil proporzjon sostanzjali mill-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibbiltà li jsegwi tali avvenimenti permezz ta’ xandiriet diretti jew xandiriet differiti fuq televizjoni bla ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jfassal lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jikkunsidra bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà. Huwa għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fi żmien debitu u effettiv. Filwaqt li jagħmel dan l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddetermina wkoll jekk dawn l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta’ xandiriet diretti sħaħ jew parzjali, jew, fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi ta’ interess pubbliku, xandiriet differiti sħaħ jew parzjali.”

9.        L-Artikolu 15 tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-fini ta’ rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor, kwalunkwe xandar stabbilit fl-Unjoni jkollu aċċess fuq bażi ġusta, raġonevoli u non-diskriminatorja għal avvenimenti ta’ interess kbir għall-pubbliku li huma trasmessi fuq bażi esklussiva minn xandar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali aċċess ikun garantit billi x-xandara jitħallew jagħżlu liberament siltiet qosra mis-sinjal tax-xandar li jkun qed jittrasmetti b’mill-anqas, sakemm dan ma jkunx impossibbli għal raġunijiet ta’ prattiċità, l-identifikazzjoni tas-sors tagħhom.

4.      Bħala alternattiva għall-paragrafu 3, Stat Membru jista’ jistabbilixxi sistema ekwivalenti li tikseb [tippermetti] aċċess fuq bażi ġusta, raġonevoli u non-diskriminatorja b’mezzi oħrajn.

5.      Siltiet qosra għandhom jintużaw biss għal programmi ta’ aħbarijiet ġenerali u jistgħu biss jintużaw f’servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand jekk l-istess programm ikun offrut fuq bażi differita mill-istess fornitur ta’ servizzi tal-media.

6.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont is-sistemi legali u l-prattiċi tagħhom, li l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet rigward il-forniment ta’ tali siltiet qosra jkunu definiti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe arranġament għal kumpens, it-tul massimu ta’ siltiet qosra u l-limiti ta’ żmien rigward it-trasmissjoni tagħhom. Fejn hemm previżjoni għal kumpens, dan m’għandux jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali li jsiru direttament biex jingħata l-aċċess.”

B –    Id-dritt nazzjonali

10.      Għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-liġi federali dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ xandir esklużiv [Bundesgesetz über die Ausübung exklusiver Fernsehübertragungsrechte (Fernseh-Exklusivrechtegesetz)] (4) ġiet emendata fl-2010 (5). L-Artikolu 5 tal-FERG jipprovdi:

“(1)      Xandar bit-televiżjoni li jikseb id-drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva għal avveniment ta’ interess informattiv ġenerali għandu jagħti, fuq bażi gusta, raġonevoli u nondiskriminatorja, lil kull xandar bit-televiżjoni li jagħmel talba f’dan is-sens, id-dritt li jagħmel rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor għall-finijiet ta’ xandir, bil-kundizzjoni li dan ix-xandar ikun stabbilit fit-territorju ta’ parti kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [ŻEE] jew għall-Konvenzjoni Ewropea fuq it-Televiżjoni Transkonfinali tal-5 ta’ Mejju 1989 […]. Avveniment ikun ta’ interess informattiv ġenerali meta jista’, minħabba l-importanza tiegħu, ikun is-suġġett ta’ kopertura kbira mill-media fl-Awstrija jew fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti msemmija f’dan l-Artikolu.

(2)      Id-dritt li jwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor jinkludi d-dritt li jirreġistra s-sinjal tax-xandar bit-televiżjoni li għandu l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 kif ukoll id-dritt li jelabora u jxandar jew li jipprovdi rapport fil-qosor skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 sa 5 iktar ’il quddiem.

(3)      Xandar bit-televiżjoni jista’ jeżerċita d-dritt li jwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.      ir-rapport ta’ aħbarijiet fil-qosor għandu jkun iservi biss sabiex jinforma lill-pubbliku bl-avveniment ikkonċernat;

2.      ir-rapport fil-qosor għandu jintuża esklużivament fi programmi ġenerali ta’ aħbarijiet;

3.      ix-xandar bit-televiżjoni li jibbenefika mid-dritt li jwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor jista’ jagħżel liberament il-kontenut tar-rapport mis-sinjal tax-xandar bit-televiżjoni li għandu l-obbligu li jagħti dan id-dritt;

4.      it-tul awtorizzat tar-rapport ta’ aħbarijiet fil-qosor huwa ddeterminat skont l-ħin meħtieġ sabiex jiġi kkomunikat il-kontenut tal-avveniment fil-kuntest tal-aħbarijiet, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, it-tul tar-rapport ma għandux ikun ta’ iktar minn 90 sekonda;

5.      Jekk l-avveniment idum iktar minn ġurnata, rapport ta’ aħbarijiet fil-qosor jista’ jixxandar kull ġurnata li fiha l-avveniment iseħħ;

6.      ir-rapport ta’ aħbarijiet fil-qosor ma jistax ikun ipprogrammat jew propost qabel ma tibda x-xandira mix-xandar bit-televiżjoni li għandu l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1;

7.      ix-xandar bit-televiżjoni li jibbenefika mid-dritt li jwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor għandu jispeċifika b’mod ċar in-natura tar-rapport u jindika l-oriġini tiegħu.

(4)      Sakemm mhux ipprovdut mod ieħor, ix-xandar bit-televiżjoni li għandu l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 jista’ jitlob biss ir-rimbors tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess.

[…]

(6)      Meta xandar bit-televiżjoni jagħmillu talba, ix-xandar bit-televiżjoni li għandu l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jindika fil-ħin suffiċjenti qabel ma jibda l-avveniment il-kundizzjonijiet li taħthom huwa lest li jagħti, b’mod kuntrattwali, id-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor.

(7)      Xandar bit-televiżjoni li jitlob l-għoti tad-dritt stabbilit fil-paragrafu 1 jista’ jadixxi lill-awtorità regolatrja sabiex jinvoka dan id-dritt. […]

(8)      Jekk, minħabba l-attwalità partikulari tal-avvenimnet, il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 6 ma tistax issir fil-ħin, l-awtorità regolatorja tista’, fuq talba ta’ xandar bit-televiżjoni interessat fl-avveniment, tiddiċiedi a posteriori jekk id-dritt li jwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor kellux jingħata lill-imsemmi xandar u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet. Jekk dritt bħal dak kellu jingħata, ix-xandar bit-televiżjoni li għandu l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 jista’ jintalab iħallas id-danni b’analoġija mal-Artikolu 3(7) sa (9) ta’ din il-liġi.

[…]”

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11.      Dan ir-rinviju preliminari jirriżulta minn kawża bejn Sky Österreich GmbH (iktar ’il quddiem “Sky”) u l-Österreichischer Rundfunk (iktar ’il quddiem l-“ORF”).

12.      L-ORF hija fondazzjoni rregolata mid-dritt pubbliku li l-għan tagħha huwa l-eżekuzzjoni tal-missjoni ta’ dritt pubbliku mogħtija lilha bil-Liġi Federali dwar ix-Xandir Awstrijak (Bundesgesetz über den Österreichischen Rundfunk) (6). Il-funzjoni tal-ORF ma hijiex biss li tipproponi programmi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni, iżda wkoll li toffri servizzi online relatati ma’ dawn il-programmi.

13.      Sky ġiet awtorizzata, mill-Kommunikationsbehörde Austria (Awtorità Regolatorja Awstrijaka fil-qasam ta’ komunikazzjoni, iktar ’il quddiem il-“KommAustria”), sabiex ixxandar il-programm televiżiv diġitali msemmi “Sky Sport Austria” bis-satellita. Din il-kumpannija kisbet, b’kuntratt tal-21 ta’ Awwissu 2009, id-dritt esklużiv li tittrażmetti mill-ġdid fit-territorju Awstrijak ċerti partiti tal-Europa League għall-istaġuni 2009/2010 sa 2011/2012. Sky indikat li kull sena hija kellha tħallas somma ta’ diversi miljuni ta’ Ewro għal-liċenzja u l-ispejjeż ta’ produzzjoni.

14.      Fil-11 ta’ Settembru 2009, Sky u l-ORF ikkonkludew ftehim intiż sabiex jagħti lill-ORF id-dritt li twettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor u kien jipprovdi l-ħlas ta’ EUR 700 kull minuta għal tali rapporti.

15.      B’ittra tal-4 ta’ Novembru 2010, l-ORF talbet lill-KommAustria tikkonstata li Sky kienet obbligata tagħtiha d-dritt li twettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor fir-rigward tal-partiti tal-Europa League li fihom jipparteċipaw timijiet Awstrijaċi sa mill-1 ta’ Ottubru 2010, u dan mingħajr ma l-ORF ikollha tħallas remunerazzjoni ogħla mill-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal.

16.      Fit-22 ta’ Diċembru 2010, il-KommAustria ddeċidiet li Sky kienet obbligata, bħala detentriċi tad-drittijiet esklużivi, li tagħti lill-ORF id-dritt li twettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor u li kienet intitolata li titlob biss ir-rimbors tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal. Hija, fl-istess ħin, iffissat il-kundizzjonijiet li taħthom dan id-dritt seta’ jiġi eżerċitat mill-ORF. Fost dawn, kien hemm indikat li l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament għall-provvista tal-aċċess għas-sinjal bis-sattellita kienu ineżistenti f’dan il-każ.

17.      Iż-żewġ partijiet kienu appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundeskommunikationssenat (Kunsill Superjuri Federali dwar il-Komunikazzjoni) (Awstrija).

18.      Fil-kuntest tal-appell tagħha, Sky issostni b’mod partikolari li l-obbligu li tagħti bla ħlas d-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet qosra, kif jirriżulta mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva u mill-Artikolu 5(4) tal-FERG, jikser il-Karta, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali (7) kif ukoll il-Liġi Kostituzzjonali Awstrijaka. Sky issostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jipprojbixxi sistematikament, jiġifieri mingħajr ma jistabbilixxi differenzi bejn id-drittijiet esklużivi inkwistjoni, li l-limitazzjoni imposta fuq id-drittijiet esklużivi tiġi kkumpensata. Dan iwassal, ħafna drabi, għal riżultati inġusti ħafna. Issa, meta d-dritt għall-proprjetà jiġi ristrett, l-Artikolu 17(1) tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġu li jiġi vverifikat każ b’każ jekk għandux jitħallas kumpens. Sky issostni li, f’dan il-każ, l-għoti tad-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor jirrestrinġi kunsiderevolment id-dritt għall-proprjetà tagħha.

19.      Fir-rigward tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domanda preliminari, il-Bundeskommunikationssenat tirreferi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (8) u tosserva li, f’din il-kawża, l-istess regoli għandhom japplikaw. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija għandu jkollha “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE.

20.      Fuq il-mertu, il-Bundeskommunikationssenat tqis li għandu essenzjalment jiġi ddeterminat jekk il-fatt li Sky hija obbligata tagħti lill-ORF id-dritt li twettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor mingħajr ma tkun tista’ titlob, f’dan ir-rigward, kumpens ogħla mir-rimborż tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata dan l-aċċess, huwiex konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni. Skont il-Bundeskommunikationssenat, tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-ksur tad-dritt fundamentali protett bl-Artikolu 17 tal-Karta, li minnu jirriżulta tali obbligu, hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

21.      F’dan il-kuntest, hija tagħmel riferiment għal deċiżjonijiet tal-Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali) (Awstrija) (9) u tal-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali) (Ġermanja) (10) li kienu eżaminaw leġiżlazzjoni nazzjonali paragunabbli għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni f’din il-kawża billi kkunsidraw li l-għoti bla ħlas tad-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor kien sproporzjonat u kien jikser, minħabba f’hekk, id-dritt għall-proprjetà, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Liġi Fundamentali dwar id-Drittijiet Ġenerali taċ-Ċittadini (Staatsgrundgesetz über die allgemeinen Rechte der Staatsbürger) u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB, kif ukoll il-libertà ta’ impriża, skont l-Artikolu 12 tal-Liġi Fundamentali (Grundgesetz).

22.      Il-Bundeskommunikationssenat tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk huwiex neċessarju, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ din il-ġurisprudenza, li tiġi adottata liġi li tippermetti li jittieħed kont taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-għan tad-dritt esklużiv inkwistjoni kif ukoll tal-ammont imħallas mid-detentur għall-ksib ta’ dan id-dritt sabiex jiġi kkalkolat kumpens finanzjarju. L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva huwa, skont din il-qorti, partikolarment problematiku peress li d-dritt esklużiv inkiseb qabel ma din id-dispożizzjoni daħlet fis-seħħ, filwaqt li t-talba għall-ksib tad-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor saret wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 15 tad-Direttiva.

23.      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Bundeskommunikationssenat iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva […] huwa konformi mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta […] kif ukoll mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali [Nru 1] tal-[KEDB]?”

24.      Sky, l-ORF, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Pollakk, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropew u l-Kummissjoni Ewropew ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. Inżammet seduta fl-24 ta’ April 2012.

III – Analiżi tiegħi

25.      Dan ir-rinviju preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-konformità tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva mad-drittijiet fundamentali protetti bl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, jiġifieri minn naħa, il-libertà ta’ impriża u, min-naħa l-oħra, id-dritt għall-proprjetà.

26.      Dan huwa każ, iktar speċifikament, li wieħed jiddetermina jekk il-fatt li l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jillimita l-kumpens għall-provvista ta’ siltiet qosra dwar avvenimenti li jippreżentaw interess pubbliku qawwi għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata dak l-aċċess għal dawn is-siltiet qosra jikkostitwixxix jew le ksur iġġustifikat tal-libertà ta’ impriża u tad-dritt għall-proprjetà tax-xandara bit-televiżjoni li għandhom drittijiet esklużivi fuq it-trażmissjoni ta’ tali avvenimenti.

27.      L-Artikolu 16 tal-tal-Karta jipprovdi li “[l]-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”. L-ispjegazzjonijiet relatati ma dan l-Artikolu jiċċaraw li dan “huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […[, li rrikonoxiet il-libertà li tigi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali [(11)] u l-libertà ta’ kuntrattazzjoni [(12)], kif ukoll fuq l-Artikolu 119(1) u (3) [TFUE], li jirrikonoxxi l-kompetizzjoni libera” (13).

28.      Fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-Karta, dan jipprovdi, fil-paragrafu 1, li “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li hija tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”. L-ispjegazzjonijiet dwar dan l-Artikolu jindikaw li dan jikkorrispondi għall-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 tal-KEDB. Minn dan jirriżulta li, skont ma’ jipprovdi l-Artikolu 52(3) tal-Karta, li d-dritt għall-proprjetà protett bl-Artikolu 17 tagħha għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħad-drittijiet mogħtija lilhom mill-KEDB (14).

29.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għall-proprjetà jifforma parti, l-istess bħad-dritt ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-prinċipji ma humiex stabbiliti bħala prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet kemm fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà kif ukoll fuq id-dritt ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxa mill-Unjoni Ewropea u, fid-dawl tal-għan imfittex, ma jammontawx għal intervent sproporzjonat jew intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (15).

30.      Fil-linja ta’ ħsieb ta’ din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jiffissa s-sistema dwar il-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq id-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta. Għalhekk, dan jippermetti li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, bħalma huma d-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ impriża stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 17 u 16 tal-Karta, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u dawn il-libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn huma neċessarji u effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

31.      Sejjer neżamina, fl-ewwel lok, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jikkostitwixxux ksur tad-drittijiet rikonoxxuti bl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. F’każ ta’ risposta affermattiva, ikun imiss, fit-tieni lok, li nivverifika jekk dan il-ksur huwiex iġġustifikat.

A –    Fuq l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet rikonoxxuti bl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta

32.      L-għan tal-Artikolu 15 tad-Direttiva huwa li jipprovdi, għall-benefiċċju tax-xandara bit-televiżjoni kollha stabbiliti fl-Unjoni, id-dritt ta’ aċċess għal siltiet qosra sabiex ikunu jistgħu jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor fuq l-avvenimenti li jippreżentaw interess pubbliku qawwi.

33.      Skont dan l-artikolu, u skont il-modalitajiet adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni tiegħu, ix-xandara bit-televiżjoni li jkollhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni fuq dawn l-avvenimenti huma obbligati li jħallu lil xandara bit-televiżjoni oħra jagħżlu liberament is-siltiet qosra li ser jifformaw ir-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor tagħhom. Konkretament, jista’ jkun hemm kemm aċċess għas-sinjal imxandar mix-xandar ewlieni, kif ukoll aċċess għall-post fejn iseħħ l-avveniment ikkonċernat (16).

34.      Huwa ċar li tali restrizzjoni fuq ix-xandara bit-televiżjoni li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni għandha l-effett li tillimita l-mod li bih huma jkunu beħsiebhom jeżerċitaw dawn id-drittijiet.

35.      Mill-perspettiva tal-libertà ta’ impriża, li minnu tifforma parti l-libertà kuntrattwali, l-Artikolu 15 tad-Direttiva għandu bħala konsegwenza diretta li x-xandara bit-televiżjoni li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni ma jkunux jistgħu iktar jiddeċiedu liberament ma’ liema xandara huma jiddeċiedu li jikkonkludu ftehim bl-għan li jipprovdu lil dawn tal-aħħar aċċess għal siltiet qosra. Fi kliem ieħor, huma ma jistgħux iktar jagħtu permessi lill-operaturi li jagħżlu huma sabiex jikkumerċjalizzaw id-dritt għas-siltiet.

36.      Mill-perspettiva tad-dritt għall-proprjetà, dan l-Artikolu għandu l-effett li jillimita l-użu li x-xandara bit-televiżjoni li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni jkunu beħsiebhom jagħmlu mill-beni tagħhom. Jekk nirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-imsemmi Artikolu jista’ jiġi assimilat għal kontroll tal-użu tal-proprjetà skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB. Mill-ġurisprudenza ta’ din il-qorti jirriżulta li l-kunċett ta’ kontroll fuq l-użu tal-beni jfisser miżura li, filwaqt li ma tinvolvix trasferiment ta’ proprjetà, taħseb sabiex “tillimita jew tikkontrolla” l-użu tal-proprjetà (17). Billi jobbliga lix-xandara bit-televiżjoni li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni li jawtorizzaw ċerti użi tas-suġġett ta’ dawn id-drittijiet, f’dan il-każ l-aċċes għal siltiet qosra sabiex jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor, l-Artikolu 15 tad-Direttiva jipproċedi, fil-fehma tiegħi, għal kontroll tal-użu tal-beni li jista’, bħala tali, jammonta għal ksur tad-dritt għall-proprjetà ta’ dawn ix-xandara.

37.      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, il-ksur tal-libertà ta’ impriża u tad-dritt għall-proprjetà jinsab fil-fatt li, sa fejn il-kumpens finanzjarju tad-dritt għas-siltiet qosra jinsab limitat għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament għall-provvista tal-aċċess, ix-xandara bit-televiżjoni li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni fuq avveniment li jippreżenta interess pubbliku qawwi ma jistgħux iktar jiddeċiedu liberament il-prezz li bih huma jkunu lesti jċedu l-aċċess għas-siltiet qosra. L-istabbiliment ta’ regoli dwar l-modalitajiet ta’ kumpens li jinsabu f’din id-dispożizzjoni jipprekludi, b’mod partikolari, lil dawn l-aġenziji milli jġiegħlu lix-xandara bit-televiżjoni l-oħra li jixtiequ jkollhom siltiet qosra jikkontribwixxu għall-ispejjeż involuti fil-ksib ta’ dawn id-drittijiet esklużivi. Dan l-istabbiliment ta’ regoli jista’ wkoll ikollu effett negattiv fuq il-valur kummerċjali tad-drittijiet esklużivi.

38.      Peress li l-ksur tal-libertà ta’ impriża u tad-dritt għall-proprjetà ġie stabbilit, jeħtieġ, issa, li jiġi eżaminat jekk dan il-ksur huwiex iġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

B –    Fuq il-ġustifikazzjoni tal-ksur tad-drittijiet protetti bl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta

39.      Nosserva, qabel xejn, li l-ksur tad-drittijiet protetti bl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta għandu jitqies li kien “previst mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jirriżulta espliċitament li, meta jkun previst kumpens finanzjarju, dan ma jistax jeċċedi l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-siltiet qosra.

40.      Imbagħad, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-ksur tad-drittijiet protetti jaqdix għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, nosserva li d-dritt għas-siltiet qosra stabbilit bl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jirrispondi għall-xewqa affermata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 48 tad-Direttiva, li “jiġi promoss il-pluraliżmu permezz tad-diversità fil-produzzjoni tal-aħbarijiet u tal-programmar madwar l-Unjoni u li jiġu rrispetatti l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 11 tal-[Karta]”.

41.      Barra minn hekk, fil-premessa 55 tad-Direttiva, id-dritt tax-xandara bit-televiżjoni li jużaw siltiet qosra fil-programmi ta’ informazzjoni tagħhom huwa marbut mal-għan li jikkonsisti f’li “tiġi salvagwardjata l-libertà fundamentali li wieħed jirċievi l-informazzjoni u biex jiġi żgurat li l-interessi tat-telespettaturi fl-Unjoni jitħarsu bis-sħiħ u kif suppost.” (18).

42.      Billi jistabbilixxi regoli dwar waħda mill-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għas-siltiet qosra, jiġifieri l-kumpens dovut lix-xandar ewlieni, l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jifforma parti mit-tfittxija tal-għanijiet imsemmija fil-premessa 54 u 55 tagħha, jiġifieri, b’mod partikolari, il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media. Dawn l-għanijiet huma, minnhom infushom, marbuta mill-qrib ma’ wieħed mill-għanijiet iktar ġenerali tad-Direttiva, li huwa intiż, kif tispeċifika l-premessa 11 tagħha, sabiex tiġi ffaċilitata l-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni.

43.      F’dan ir-rigward għandu jiġi indikat li l-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media jifformaw parti mil-libertà ta’ espressjoni (19). Din tifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (20) u hija inkluża fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (21).

44.      Il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni hija stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta. L-Artikolu 11(1) jipprovdi li “[k]ull persuna għandha dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri”. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(2) tal-Karta jipprovdi li “[l]-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rrispettati”. L-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 11 tal-Karta jispeċifikaw li dan jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-KEDB.

45.      Peress li r-raġuni wara l-ksur tad-drittijiet protetti bl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta ġiet għalhekk identifikata, imiss, issa, li nivverifikaw jekk il-limitazzjoni imposta fuq id-drittijiet protetti b’dawn iż-żewġ artikoli hijiex proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex. Peress li dan l-għan jikkonsisti prinċipalment fil-ħtieġa ta’ protezzjoni ta’ dritt fundamentali ieħor, f’dan il-każ il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media, l-istħarriġ tal-proporzjonalità li ser nagħmlu issa, jitlob li jiġu bbilanċjati diversi drittijiet fundamentali. Il-problema hija għalhekk li jsir magħruf jekk huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li, meta adotta l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq ibbilanċjar xieraq bejn, minn naħa, id-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ impriża u, min-naħa l-oħra, il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media.

46.      F’din il-perspettiva, l-analiżi tiegħi ser tkun iggwidata minn diversi kunsiderazzjonijiet.

47.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-mezzi implementati minn att tal-Unjoni għandhom ikunu xierqa sabiex jilħqu l-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (22).

48.      Għandu, barra minn hekk, jiġi preċiżat li, fl-eżami tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, billi ħamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għandu jkun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja hemm lok li jiġi eżaminat jekk inżammx il-bilanċ bejn ir-rekwiżiti ta’ interess ġenerali u l-interess tal-persuni li jinvokaw il-protezzjoni tad-dritt tagħhom għall-proprjetà. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, meta jsir dan, għandu jingħata marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lil-leġiżlatur kemm sabiex jagħżel il-modalitajiet ta’ implementazzjoni kif ukoll sabiex jiddeċiedi jekk il-konsegwenzi tagħhom humiex iġġustifikati, fl-interess ġenerali, mix-xewqa li jintlaħaq l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (23).

49.      Barra minn hekk, b’analoġija ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha, tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill (24), il-leġiżlatur Komunitarju għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam, bħal dak f’dan il-każ, li jimplika għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom l-intenzjoni li jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (25).

50.      Il-verifika tan-natura proporzjonali tar-restrizzjoni fuq id-dritt għall-proprjetà u fuq il-libertà ta’ impriża li tinsab fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva għandha għalhekk ssir billi jittieħed kont tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jkollu.

51.      Barra minn hekk, dan l-eżami għandu jsir billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tad-Direttiva, li ma twettaqx armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar l-oqsma li hija tkopri, imma tipprovdi biss dispożizzjonijiet minimi (26). Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiffissa, fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, ċertu numru ta’ regoli ġenerali li jistabbilixxu d-dritt għas-siltiet qosra filwaqt li jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet iddettaljati dwar il-provvista ta’ dawn is-siltiet qosra (27).

52.      Fl-aħħar nett, ma għandniex ninsew li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi żgurata fil-kuntest tal-istrutturi u l-għanijiet tagħha (28). Diversi premessi tad-Direttiva jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li din tikkontribwixxi, f’dan il-qasam, għat-tkomplija tas-suq intern. Għalhekk, il-premessa 2 tad-Direttiva tagħmel riferiment għan-neċessità li “jassiguraw it-transizzjoni minn swieq nazzjonali għal suq ta’ programm komuni ta’ produzzjoni u distribuzzjoni” u l-premessa 11 tagħha tindika li l-applikazzjoni għas-servizzi ta’ media awdjoviżivi ta’ grupp minimu ta’ regoli kkoordinati jikkontribwixxi, b’mod partikolari, “[għa]t-tkomplija tas-suq intern u [sabiex tiġi] ffaċilitata l-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni” (29). It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-dimensjoni hija importanti fl-eżami tal-ibbilanċjar tad-diversi drittijiet fundamentali involuti, għaliex il-problema li tqajjem il-limitazzjoni tal-kumpens finanzjarju għall-provvista ta’ dritt għas-siltiet qosra fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma tqumx fl-istess termini u ma tirrikjedix neċessarjament l-istess risposta skont jekk hija tkunx ittrattata esklużivament fil-kuntest ta’ Stat Membru jew inkella billi jitqiesu r-rekwiżiti marbuta mat-tkomplija tas-suq intern.

53.      L-applikazzjoni ta’ dan il-qafas analitiku għal dan il-każ twassalna sabiex inqisu mhux biss li l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva huwa xieraq sabiex jilħaq l-għan imfittex, jiġifieri li jiġu ggarantiti l-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media, iżda wkoll li dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħaq dan l-għan.

54.      Fir-rigward tal-kapaċità tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva li tiggarantixxi l-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media, inqis li din id-dispożizzjoni, peress li tillimita l-ammont tal-kumpens li jista’ jintalab mix-xandar ewlieni lix-xandara sekondarji, hija ta’ natura li tiżviluppa ix-xandir tal-informazzjoni dwar l-avvenimenti li jippreżentaw interess pubbliku qawwi, b’mod partikolari għax-xandara bit-televiżjoni li ma għandhomx mezzi finanzjarji qawwija. Dispożizzjoni bħal din tiffavorixxi, ukoll, l-emerġenza ta’ żona ta’ opinjoni u ta’ informazzjoni Ewropea li fi ħdana huma ggarantiti l-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media.

55.      Fir-rigward tan-neċessità tal-limitazzjoni tal-kumpens finanzjarju, inqis li, sa fejn din hija l-pedament tas-sistema implementata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, in-nuqqas tagħha jaffettwa b’mod negattiv l-effikaċja tad-dritt għal rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor.

56.      Il-limitazzjoni tal-kumpens finanzjarju għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata dan l-aċċess tippreżenta l-vantaġġ li tpoġġi lill-operaturi kollha tax-xandir bit-televiżjoni fuq livell ugwali. Billi teskludi lix-xandara li jkollhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni milli jkunu jistgħu jgħaddu fuq ix-xandara li jitolbu s-siltiet l-ispejjeż konnessi mal-ksib ta’ dawn id-drittijiet, l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jipprekludi li jintalab prezz eċċessiv inkambju għall-għoti ta’ siltiet qosra, b’mod partikolari meta jkunu involuti avvenimenti li jistgħu jattiraw l-attenzjoni ta’ parti kbira mill-popolazzjoni u li għalihom ix-xandara li għandhom drittijiet esklużivi ħtiġilhom iħallsu ammonti kbar ta’ flus sabiex jiksbu l-esklużività tat-trażmissjoni. Minn dan isegwi li l-operaturi kollha ta’ xandir bit-televiżjoni, kemm jekk ikunu privati jew inkella pubbliċi, kemm jekk igawdu minn mezzi finanzjarji qawwija u anki jekk le, igawdu, taħt kundizzjonijiet identiċi, mid-dritt li jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor fuq avvenimenti li jippreżentaw interess pubbliku qawwi.

57.      Jekk id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens finanzjarju titħalla għan-negozjati liberi bejn ix-xandara ewlenin u dawk sekondarji dan ikun jinvolvi l-inkonvenjent li d-detenturi ta’ drittijiet esklużivi jitpoġġew f’pożizzjoni dominanti, speċjalment meta l-avveniment inkwistjoni jgawdi importanza partikolari. Barra minn hekk, kont meħud taż-żieda fil-prezzijiet li għandhom jitħallsu għall-ksib ta’ drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni, jeżisti riskju li l-prezzijiet li jintalbu mingħand ix-xandara sekondarji li jixtiequ jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor jilħqu livelli li jiskoraġġuhom milli jeżerċitaw dan id-dritt. Dan jista’ jipperikola l-għan intiż sabiex l-ikbar numru ta’ persuni jkunu informati bl-avvenimenti li jippreżentaw interess pubbliku qawwi. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ xandara bit-televiżjoni milli jkopru avvenimenti bħal dawk ikollha effett negattiv fuq il-pluraliżmu tal-informazzjoni, għaliex hija tillimita l-ġbir u x-xandir ta’ informazzjoni biss għall-iktar xandara kbar, bi ħsara għall-kompetituri iżgħar tagħhom u għat-telespettaturi.

58.      Huwa għalhekk li nqis li s-soluzzjoni alternattiva, li kient tkun fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi biss għall-obbligu ta’ kumpens finanzjarju xieraq mingħajr ma jimponi miegħu l-limitazzjoni pprovduta fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, ma kinitx tilħaq l-għanijiet imfittxija bl-implementazzjoni ta’ dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor b’mod daqstant effikaċi.

59.      Ir-riferiment waħdu għal kumpens finanzjarju xieraq, mingħajr ma jiġi ffissat limitu armonizzat ikun jagħti lok għal determinazzjoni tal-ispejjeż każ b’każ, skont proċeduri differenti fl-Istati Membri, u dan ikun potenzjalment jostakola ċ-ċirkulazzjoni libera tal-informazzjoni u għalhekk l-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jixtieq fil-premessa 11 tad-Direttiva. Il-limitazzjoni tal-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament għall-provvista tal-aċċess tippermetti li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, jiġu evitati dawn il-problemi relatati mad-determinazzjoni tal-ispejjeż u l-kawżi li dawn jistgħu joħolqu. Dan huwa l-iktar mod effettiv sabiex jiġi evitat l-għeluq tax-xandir tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u skont is-saħħa ekonomika tax-xandara bit-televiżjoni.

60.      Billi adotta soluzzjoni koerenti mal-volontà tiegħu li jikkontribwixxi għat-tkomplija tas-suq intern u li jiffaċilita l-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk irnexxielu jirrikkonċilja l-approċċi leġiżlattivi differenti tal-Istati Membri filwaqt li issalvagwarda l-effikaċja tal-liġi l-ġdida armonizzata.

61.      Minn din il-perspettiva, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien iġġustifikat meta għażel li ma jintroduċix fil-kliem tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva distinzjoni la skont jekk il-kumpens finanzjarju jitħallasx minn xandar pubbliku jew minn xandar privat, u lanqas skont jekk dan ix-xandar jaqdix jew le, skont il-liġi tal-Istat Membru li fih huwa stabbilita, missjoni ta’ servizz pubbliku. Distinzjonijiet bħal dawn kienu, fil-fatt, ikunu kontradittorji mal-volontà ddikjarata mill-leġiżlatur tal-Unjoni li jpoġġi lill-operaturi kollha ta’ xandir bit-televiżjoni fuq livell ugwali fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor (30). Barra minn hekk, li kieku l-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva kellu jiġi limitat biss għal dawk ix-xandara bit-televiżjoni li jaqdu, skont il-liġi tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti, missjoni ta’ servizz pubbliku, dan ma kienx jippermetti li l-għanijiet imfittxija bl-implimentazzjoni tad-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi, u dan peress li kienu jitħallew fil-ġemb dawk li jibbenefikaw prinċipalment mil-limitazzjoni tal-kumpens finanzjarju, jiġifieri x-xandara sekondarja li għandhom mezzi finanzjarji limitati u li, indipendentement min-natura ġuridika tagħhom jew mill-missjonijiet mogħtija lilhom, jipparteċipaw b’mod importanti għal xandir ampju tal-informazzjoni fl-Istati Membri (31).

62.      Is-soluzzjoni adottata mill-leġiżlatur tal-Unjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-libertà ta’ impriża u tad-dritt għall-proprjetà tax-xandara li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni u, min-naħa l-oħra, il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media. Fil-fatt, nikkunsidra li, fid-dawl tal-vantaġġi li tippreżenta s-sistema implementata mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jipproteġi dawn l-aħħar żewġ drittijiet fundamentali, il-preġudizzju kontra l-libertà ta’ impriża u kontra d-dritt għall-proprjetà tax-xandara li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni ma huwiex eċċessiv.

63.      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni rabat id-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor b’ċertu numru ta’ kundizzjonijiet u limiti li jikkontribwixxu sabiex inaqqsu l-preġudizzju kontra l-libertà ta’ impriża u kontra d-dritt għall-proprjetà tax-xandara bit-televiżjoni li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni.

64.      Fost dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-limiti, ninnota li d-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor ma jikkonċernax mingħajr distinzjoni l-avvenimenti kollha li għalihom jkunu ngħataw drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni, peress li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva jippreċiża li dawn għandhom ikunu “avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi”.

65.      Barra minn hekk, is-siltiet pprovduti jistgħu jintużaw esklużivament fil-“programmi ta’ aħbarijiet ġenerali” skont l-Artikolu 15(5) tad-Direttiva, u esklużivament sabiex jitwettqu “rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor” kif jipprovdi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva. Skont il-premessa 55 tagħha, “[l]-idea ta’ programmi tal-aħbarijiet ġenerali m’għandiex tkopri l-kompilazzjoni ta’ siltiet qosra fil-programmi li jservu skopijiet ta’ divertiment”. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li teżisti differenza determinanti bejn ix-xandir bit-televiżjoni ta’ avveniment għall-finijiet ta’ divertiment u dak ta’ mumenti importanti minnhom għall-finijiet ta’ informazzjoni (32). Ix-xandar bit-televiżjoni jżomm il-kontroll sħiħ tat-tranżazzjoni kummerċjali tad-drittijiet esklużivi tiegħu għall-għanijiet ta’ divertiment. It-tnaqqis tal-valur kummerċjali ta’ dawn id-drittijiet għandu għalhekk, f’din il-miżura, ikun wieħed relativament żgħir.

66.      Barra minn hekk, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva jispeċifika li x-xandara sekondarji għandhom jindikaw l-oriġini tas-siltiet li huma jużaw fir-rapporti ta’ aħbarijiet tagħhom. Kif tirrileva korrettement il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-pubbliċità li ssir b’hekk lix-xandar li għandu drittijiet esklużivi tikkontribwixxi għall-proporzjonalità tas-sistema ta’ kumpens finanzjarju implementata bl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, għaliex tali pubbliċità għandha valur ekonomiku u hija ta’ benefiċċju għal dan ix-xandar kull darba li rapport ta’ aħbarijiet fil-qosor jixxandar (33).

67.      L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva juri wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq ibbilanċjar xieraq tad-diversi drittijiet fundamentali involuti. Sabiex tillimita l-preġudizzju għall-libertà ta’ impriża u għad-dritt għall-proprjetà tax-xandar bit-televiżjoni li għandu drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri li joqogħdu attenti sabiex il-modalitajiet dwar it-tul massimu tas-siltiet qosra u dwar it-termini għax-xandir tagħhom ikunu ddefiniti. Il-premessa 55 tad-Direttiva fiha, f’dan ir-rigward, indikazzjoni indirizzata lill-Istati Membri għaliex din tispeċifika li t-tul tas-siltiet qosra ma għandux jaqbeż id-90 sekonda.

68.      Il-konstatazzjoni li tgħid li għandhom ikunu, skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, l-Istati Membri li jiddeċiedu l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet iddettaljati dwar il-provvista tas-siltiet qosra twassalni sabiex nippreċiża li l-ibbilanċjar bejn id-diversi drittijiet fundamentali involuti ma huwiex biss obbligu tal-leġiżlatur tal-Unjoni, iżda wkoll tal-Istati Membri. Fi kliem ieħor, il-mekkaniżmi li jippermettu li jinsab bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali involuti ma jinsabux biss fid-Direttiva nnifisha, essenzjalment permezz tal-kundizzjonijiet u tal-limiti msemmija hawn fuq li jistabbilixxu r-regoli għad-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor, iżda jirriżultaw ukoll mill-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva u tal-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva, jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħha li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għalhekk, meta jimplimentaw miżuri li jittrasponu din id-Direttiva, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw il-liġi nazzjonali tagħhom b’mod konsistenti ma’ din id-Direttiva, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħha li tkun f’kunflitt mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità (34).

69.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li, meta jadottaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali, billi jimplimentaw l-għodda neċessarji sabiex l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata dan l-aċċess ikunu jistgħu jiġu kkumpensati finanzjarjament u li l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet iddetaljati dwar il-provvista tas-siltiet qosra, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna t-tul massimu tagħhom u t-termini tax-xandir tagħhom, ikunu ddefiniti b’mod li jimminimizzaw kemm jista’ jkun possibbli l-preġudizzju lill-libertà ta’ impriża u lid-dritt għall-proprjetà tax-xandar bit-televiżjoni li għandu drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-liġi Awstrijaka li tittrasponi l-Artikolu 15 tad-Direttiva tirrifletti t-tfittxija mil-leġiżlatur nazzjonali ta’ bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali involuti.

70.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha li jikkontribwixxu għall-istabbiliment tar-regoli għad-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor u l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tiegħu, nikkunsidra li l-limitazzjoni tal-kumpens finanzjarju dovut lix-xandar bit-televiżjoni li għandu drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni twassal għal preġudizzju proporzjonat għal-libertà ta’ impriża u għad-dritt għall-proprjetà tiegħu. Fi kliem ieħor, fid-dawl tal-istruttura tal-Artikolu 15 tad-Direttiva, is-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament għall-provvista tal-aċċess (35) huwa, fil-fehma tiegħi, suffiċjenti sabiex jiġi evitat li d-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor ma jikkostitwixxix piż eċċessiv fuq ix-xandara ewlenin.

71.      Bil-kontra ta’ dan, li kieku mill-istruttura ta’ dan l-Artikolu kellu jirriżulta li d-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor ma huwiex suġġett għal ebda limitazzjoni, il-preġudizzju seta’ jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat. Il-kliem użat mill-leġiżlatur tal-Unjoni fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jista’ għalhekk jinftiehem korrettement biss jekk jiġi relatat mill-qrib mad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-regoli għad-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor (36).

72.      Dawn l-elementi kollha jwassluni sabiex nikkunsidra li, meta adotta l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq ibbilanċjar xieraq tad-diversi drittijiet fundamentali involuti.

73.      Infakkar li analiżi simili ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa. Għalhekk, il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali, iffirmata fi Strasbourg fil-5 ta’ Mejju 1989, tipprovdi, fl-Artikolu 9 tagħha, il-possibbiltà għall-partijiet kontraenti li jintroduċu dritt għas-siltiet fuq l-avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi (37). Ir-Rakkomandazzjoni Nru R (91) 5 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri, tal-11 ta’ April 1991 (38), tipprovdi, fil-parti tagħha ddedikata għall-kundizzjonijiet finanzjarji, fil-punt 4.1, li, “bla ħsara għal arranġamenti oħra miftehma bejniethom, ix-xandar ewlieni ma jistax jeżiġi mingħand ix-xandar sekondarju ħlas għas-silta. F’kull każ, ebda kontribut finanzjarju ma jista’ jintalab mingħand ix-xandar sekondarju bħala drittijiet ta’ televiżjoni”. Fil-punt 4.2 ta’ din ir-rakkomandazzjoni, hemm indikat li, “fil-każ fejn ix-xandar sekondarju huwa awtorizzat li jaċċedi għall-postijiet, l-organizzatur tal-avveniment maġġuri jew il-proprjetarju tal-postijiet għandu jkun jista’ jeżiġi l-ħlas tal-ispejjeż addizzjonali neċessarjament sostnuti”. L-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmija rakkommandazzjoni ssemmi b’mod partikolari, sabiex tispjega l-kontenut tal-punt 4.1 tagħha, “il-garanzija [li] għandha tingħata lix-xandara sekondarja, b’mod partikolari lil dawk b’riżorsi żgħar, li jkunu jistgħu jaċċedu għal silta fuq livell ugwali” (39).

74.      L-approċċ adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni jidhirli li huwa wkoll konformi mal-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dak li jikkonċerna t-tieni sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-KEDB. Dik il-Qorti tassuġġetta l-liġi dwar l-użu tal-beni għal stħarriġ ta’ proporzjonalità li fil-kuntest tiegħu hija tivverifika, bħal fil-qasam tal-privazzjoni mill-proprjetà, li l-evalwazzjoni mwettqa mil-leġiżlatur nazzjonali ma hijiex manifestament nieqsa minn bażi raġonevoli (40). Hija ddeċidiet għalhekk li miżura ta’ interferenza għandha tistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali u dawk tas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-individwu. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandha teżisti relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex. Meta stħarrġet ir-rispett ta’ dan ir-rekwiżit, dik il-Qorti rrikonoxxiet lill-Istat marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ kemm biex jagħżel il-modalitajiet ta’ implementazzjoni kif ukoll sabiex jiddeċiedi jekk il-konsegwenzi tagħhom humiex iġġustifikati, fl-interess ġenerali, mix-xewqa li jintlaħaq l-għan tal-liġi inkwistjoni. Dan il-bilanċ jintilef jekk il-persuna kkonċernata kellha ġġorr piż kbir u eżorbitanti (41). Il-Qorti msemmija ddeċidiet ukoll li, meta miżura li tirregola l-użu tal-beni hija involuta, in-nuqqas ta’ kumpens huwa wieħed mill-fatturi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk bilanċ ġust kienx ġie rispettat, iżda ma huwiex, waħdu, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB (42).

75.      Ninnota, barra minn hekk, li, fid-dritt tal-Unjoni, xi dispożizzjonijiet jixhdu l-idea li ksur minimu tad-dritt għall-proprjetà ma jirrikjedix sistematikament kumpens. Għalhekk, il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (43), tindika, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq dawn id-drittijiet, li “[f]’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikunu minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas”(44). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkunsidra, fil-qasam ta’ politika agrikola u fir-rigward ta’ allegati ksur tad-dritt għall-proprjetà, li ma jeżistix, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali li jimponi l-għoti ta’ kumpens fiċ-ċirkustanzi kollha (45).

76.      Meta adotta l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni rnexxielu, fil-fehma tiegħi, isib kompromess aċċettabbli bejn l-għoti bla ħlas ta’ dritt għas-siltiet qosra u l-parteċipazzjoni finanzjarja tax-xandara sekondarji fl-ispejjeż ta’ akkwist tad-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni. Billi tipprovdi li l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata dan l-aċċess ma għandhomx jiġu sostnuti mix-xandara bit-televiżjoni li għandhom drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni, din id-dispożizzjoni tiggarantixxi li d-dritt għas-siltiet qosra ma jikkostitwixxix piż finanzjarju għax-xandara ewlenin. Iċ-ċirkustanza li dawn ma jistgħux jiggwadanjaw mill-provvista ta’ siltiet qosra hija, fil-fehma tiegħi, iġġustifikata min-neċessità li tiġi ssalvagwardati l-libertà li tiġi riċevuta informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media, billi tiġi ffaċilitata fl-istess waqt l-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni.

77.      Id-deċiżjonijiet tal-Bundesverfassungsgericht u tal-Verfassungsgerichtshof li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju (46) ma jbiddlux l-evalwazzjoni tiegħi.

78.      Għalkemm jeżistu xi sfumaturi bejn ir-raġunamenti adottati minn dawn iż-żewġ qrati, madankollu minn dan jirriżulta prinċipalment li d-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor ma għandux jingħata bla ħlas u li għalhekk għandu jkun hemm ħlas ta’ remunerazzjoni raġonevoli jew korrispettiv ġust. Minn din il-perspettiva, huwa previst it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż marbutin mal-ksib tad-drittijiet esklużivi. Dawn iż-żewġ qrati jindikaw ukoll li tali korrispettiv ma għandux jiġi ffissat f’livell li jkun ta’ ostakolu għad-dritt li jitwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor.

79.      L-approċċi adottati mill-Bundesverfassungsgericht u mill-Verfassungsgerichtshof ma jidhirlix li huma awtomatikament trasponibbli għall-istħarriġ tal-validità tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. Minn naħa, diġà spjegajt ir-raġunijiet għaliex l-evalwazzjoni tiegħi hija strettament dipendenti fuq l-istruttura tal-Artikolu 15 tad-Direttiva u, b’mod partikolari, fuq il-kundizzjonijiet u l-limiti li jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ regoli għad-dritt għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor u sabiex jillimitaw il-portata tiegħu.

80.      Min-naħa l-oħra, infakkar li s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi żgurata fil-kuntest tal-istruttura u tal-għanijiet tagħha. Minn dan isegwi li l-ibbilanċjar li għandu jsir bejn id-diversi drittijiet fundamentali involuti ma jwassalx neċessarjament għall-istess risposta skont jekk dan isirx fil-kuntest nazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni. F’din il-kawża, jiena tal-fehma, għar-raġunijiet esposti hawn fuq, li l-kunsiderazzjonijiet marbuta mat-tkomplija tas-suq intern u mal-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni jargumentaw favur l-adozzjoni mill-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni ta’ kompromess bejn l-għoti bla ħlas ta’ dritt għas-siltiet qosra u l-parteċipazzjoni finanzjarja tax-xandara sekondarji fl-ispejjeż ta’ akkwist tad-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni.

81.      Fir-rigward, finalment, tax-xewqa espressa mill-qorti tar-rinviju dwar l-aspett temporali tal-applikazzjoni tal-limitazzjoni tal-kumpens f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li Sky kisbet, bil-kuntratt tal-21 ta’ Awwissu 2009, id-dritt esklużiv li tittrażmetti fit-territorju Awstrijak ċerti partiti tal-Europa League għall-istaġuni 2009/2010 sa 2011/2012. Fil-11 ta’ Settembru 2009, Sky u l-ORF iffirmaw ftehim intiż li jagħti lill-ORF id-dritt li twettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor fuq dan l-avveniment. Nikkonstata li dawn iż-żewġ dati jiġu wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (47), li introduċiet, fid-Direttiva 89/552/KEE (48), id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor, peress li d-Direttiva kellha biss l-għan, skont il-premessa 1 tagħha, li tikkodifika r-regoli li jinsabu fid-Direttiva 89/552. Peress li d-Direttiva 2007/65 daħlet fis-seħħ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tagħha, fid-19 ta’ Diċembru 2007, Sky u l-ORF kienu perfettament konxji, fl-2009, mill-implementazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni ta’ dritt armonizzat għar-rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor u kienu f’pożizzjoni li jantiċipaw il-bidliet regolatorji li kellhom isiru, bħala riżultat, fuq il-livell nazzjonali.

IV – Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill- Bundeskommunikationssenat tkun kif ġej:

“L-eżami tad-domanda magħmula ma rrevela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-‘Servizzi tal-Media awdjoviżiva’).”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 95, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”.


3 –      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4 – BGBl. I, 85/2001.


5 – BGBl. I, 50/2010, iktar ’il quddiem il-“FERG”.


6 – BGBl. I, 83/2001.


7 – Din il-Konvenzjoni kienet ġiet iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


8 – C‑195/06, Ġabra p. I‑8817.


9 – Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2006.


10 – Sentenza tas-17 ta’ Frar 1998.


11 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, Ġabra p. 491, punt 14), u tas-27 ta’ Settembru 1979, Eridania-Zuccherifici nazionali u Società italiana per l’industria degli zuccheri (230/78, Ġabra p. 2749, punti 20 u 31).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1979, Sukkerfabriken Nykøbing (151/78, Ġabra p. 1, punt 19), u tal-5 ta’ Ottubru 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑240/97, Ġabra p. I‑6571, punt 99).


13 – Ara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


14 – Idem.


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Frar 2011, FIFA vs Il-Kummissjoni (T‑68/08, Ġabra p. I‑7565, punt 143).


16 – Ara l-premessa 56 tad-direttiva.


17 – Ara Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Sporrong u Lönnroth vs L-Isvezja, tat-23 ta’ Settembru 1982, Serje A Nru 52, § 65. Ara, ukoll, Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tad-19 ta’ Diċembru 1989, Mellacher et vs l-Awstrija, tad-19 ta’ Diċembru 1989, Serje A Nru 169, § 44. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għamlet riferiment għall-kunċett ta’ kontroll tal-użu tal-beni [ara, b’mod partikolari, is-sentenza, tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA (C‑347/03, Ġabra p. I‑3785, punti 124 u 125)].


18 – Kif iddikjarat fid-dokument ta’ sinteżi għall-Konferenza Awdjoviżiva ta’ Liverpool, intitolat “Dritt għall-informazzjoni u dritt għas-siltiet qosra”, imħejji mill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Lulju 2005, il-kwistjonijiet tal-introduzzjoni ta’ dritt għas-siltiet huma s-segwenti. Minn naħa, “in-nuqqas ta’ koordinament tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tat-trattati fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni […] ta’ siltiet […] jippreżenta riskju fuq iċ-ċirkulazzjoni transkonfinali tal-programmi ta’ informazzjoni u fuq l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali li wieħed jirċievi informazzjoni”. Min-naħa l-oħra, “in-nuqqas ta’ dritt [għas-]siltiet […] jista’ jikkostitwixxi theddida għall-pluraliżmu, peress li diversi xandra fl-Unjoni […] ma għandhomx il-mezzi tekniċi […] u lanqas mezzi finanzjarji suffiċjenti [sabiex] iħallsu l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni sistematika tad-drittijiet ta’ xandir esklużiv fuq ċerti avvenimenti kbar b’attrazzjoni qawwija fuq il-media ”.


19 – Ninnota li l-Artikolu 10 tal-KEDB ma jinkludix biss id-dritt li wieħed jagħti l-informazzjoni iżda wkoll dak li jirċeviha. Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Observer u Guardian vs Ir-Renju Unit, tas-26 ta’ Novembru 1991, Serje A Nru 216, § 59, kif ukoll Guerra et vs L-Italja, tad-19 ta’ Frar 1998, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1998-I, § 53.


20 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 45).


21 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et (C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punt 41).


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063, punt 74).


23 – Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 360 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – C‑380/03, Ġabra p. I‑11573.


25 – Punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata.


26 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, punt 19). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessa 11 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.


27 – Ara, f’dan is-sens, l-espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill, II, B, vi, tal-pożizzjoni komuni (KE) Nru 18/2007, tal-15 ta’ Ottubru 2007, adottata mill-Kunsill, li jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, għall-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1 p. 224).


28 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125, punt 4).


29 – Ara wkoll, f’dan l-istess ordni ta’ ideat, il-premessa 10 tad-Direttiva, li tenfasizza l-importanza ta’ “suq veru Ewropew għas-servizzi tal-media awdjoviżivi”.


30 – Ara l-premessa 55 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva, li jindikaw li l-aċċess għas-siltiet qosra għandu jingħata taħt kundizzjonijiet nondiskriminatorji.


31 – Ninnota, f’dan ir-rigward, li, skont iċ-ċifri ppubblikati reċentement mill-Observatoire européen de l’audiovisuel (Osservatur Ewropew tal-Awdjoviżjoni), l-istazzjonijiet lokali u reġjonali jirrapreżentaw madwar 40 % mit-total tal-istazzjonijiet disponibbli fl-Ewropa (ara l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta’ Marzu 2012 disponibbli fuq http//www.obs.coe.int/about/oea/pr/mavise-miptv2012.html).


32 – Ara, f’dan ir-rigward, M. Schoenthal, “Le droit de retransmission des grands événements”, IRIS, kif ukoll l-osservazzjonijiet legali tal-Observatoire européen de l’audiovisuel, April 2006. L-awtur jirrileva li “ir-rapportaġġ qasir u nformattiv [huwa] limitat għall-mumenti importanti ta’ avveniment” u li “[i]ż-żieda progressiva tat-tensjoni, li huwa l-attrazzjoni prinċipali ta’ avveniment sportiv u huwa s-sinjal distintiv tiegħu, jibqa’ jispetta lit-trażmissjoni vera u proprja biss” (p. 3).


33 – Punt 43, b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


34 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punt 68), u tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, punt 56).


35 – Fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mix-xandar bit-televiżjoni li għandu drittijiet esklużivi ta’ xandir, l-ORF jippreċiża li, anki meta x-xandar li jibbenefika mid-dritt li jwettaq rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor għandha aċċess għas-sinjal tas-satellita (grazzi, per eżempju għal interċezzjoni diretta tas-satellita), l-għoti ta’ dan id-dritt jinvolvi xogħol amministrattiv mhux żgħir fuq ix-xandar li għandha l-obbligu li jagħti dan id-dritt (verifika tal-eżistenza tad-dritt, stabbiliment, jekk ikun il-każ, ta’ ftehim fuq il-kundizzjonijiet, kontroll tar-rispett tad-dispożizzjonijiet legali u kuntrattwali, eċċ.).


36 – Ara, f’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fuq l-adozzjoni ta’ proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropw u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (Direttiva “Servizzi tal-media awdjoviżivi”)[COM(2007) 639 fianli]:


      “Dawn il-kliem intgħażlu sabiex jiżguraw li d-dritt għar-rappurtaġġ qasir ma jkunx jista’ jiġi interpretat bħala liċenzja obbligatorja li tkun tat iktar drittijiet lix-xandara li jirċevuha. Din is-soluzzjoni hija fil-biċċa l-kbira appoġġata mill-partijiet prinċipali kollha, mix-xandara kif ukoll mid-detenturi tad-drittijiet.”


37 – Skont ir-rapport ta’ spjega ta’ din il-konvenzjoni, dan l-artikolu huwa bbażat fuq id-dritt tal-pubbliku li jirċievi l-informazzjoni u għandu l-għan li jevita li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jiġi kkontestat f’kuntest transkonfinali. Għan ieħor huwa dak li jiggarantixxi l-pluraliżmu tas-sorsi ta’ informazzjoni fil-kuntest tat-televiżjoni transkonfinali.


38 – Rakkommandazzjoni fuq id-dritt għas-siltiet fuq l-avvenimenti kbar li huma s-suġġett ta’ drittijiet esklużivi tax-xandir bit-televiżjoni f’kuntest transkonfinali.


39 – Punt 47.


40 – Ara, fuq dan il-punt, F. Sudre, Droit européen et international des droits de l’homme, PUF, Paris, 10 Edizzjoni, 2011, p. 655 et seq.


41 – Ara Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Brosset-Triboulet et vs Franza, tad-29 ta’ Marzu 2010 (§ 86).


42 – Ibidem (§ 94).


43 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 230


44 – Huwa interessanti, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 15 tad-Direttiva jiġi pparagunat mal-Artikolu 5(3)(c) tad-Direttiva 2001/29, li joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimponu xi eċċezzjonijiet jew xi limitazzjonijiet għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Direttiva (rispettivament, dritt ta’ riproduzzjoni , u dritt ta’ komunikazzjoni tax-xogħlijiet lill-pubbliku u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku oġġetti protetti oħra) “fejn […] l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli”. Ara wkoll, fl-istess ordni ta’ ideat, l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, p. 28).


45 – Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411, punt 85).


46 – Ara l-punt 21 tal-konklużjonijiet preżenti.


47 – Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 332, p. 27).


48 – Direttiva tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23).