Language of document : ECLI:EU:C:2012:368

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-21 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawża C‑566/10 P

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Sistema lingwistika – Avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi u ta’ assistenti – Pubblikazzjoni fi tliet lingwi uffiċjali – Emenda fil-lingwi uffiċjali kollha – Għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi uffiċjali – Regolament Nru 1 – Artikoli 1d, 27, 28 u 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 1(1) u (2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal – Trattament ugwali – Motivazzjoni – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”





I –    Introduzzjoni

1.        L-istituzzjonijiet Ewropej għad ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom il-Bablefish (2) li telimina l-ostakoli lingwistiċi, iżda s-Systran biss, sistema informatika ta’ traduzzjoni limitata ta’ testi, li l-użu tagħha, barra minn hekk, tpoġġa fid-dubju f’kawża (3). Sabiex tiġi ggarantita l-komunikazzjoni fi ħdan id-dipartimenti tagħhom, l-istituzzjonijiet ilhom ftit ifittxu li jirreklutaw kollaboraturi li jafu sew, bħala lingwi barranin, il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż (4). L-Italja tqis li dan huwa ksur tas-sistema lingwistika tal-Unjoni. Din hija r-raġuni għaliex dan l-Istat Membru jikkontesta l-avviż ta’ tliet kompetizzjonijiet ta’ dan it-tip.

2.        Huwa magħruf sew li l-kwistjoni lingwistika hija sensittiva ħafna. Għaldaqstant, l-Artikolu 290 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 342 TFUE) jistabbilixxi li għar-regoli korrispondenti dawn għandhom jiġu deċiżi bl-unanimità tal-Kunsill u li l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi espressament il-prinċipju tal-multilingwiżmu. Għalhekk, il-punt ċentrali ta’ dan l-appell qiegħed fil-kwistjoni tad-diskriminazzjoni minħabba l-lingwa u fil-prinċipju tal-multilingwiżmu. Barra minn hekk, jitqajjmu wkoll kwistjonijiet purament formali fir-rigward tal-avviż tal-kompetizzjoni u jitqajjem il-ksur tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt primarju

3.        L-Artikolu 290 KE jafda r-responsabbiltà tal-kwistjoni lingwistika f’idejn il-Kunsill:

“In-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu stabbiliti mill-Kunsill, b’mod unanimu.”

4.        Fir-rigward tas-sistema lingwistika, l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5), ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (iktar ’il quddiem “il-Karta”) hija importanti wkoll:

“L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.”

B –    Ir-Regolament Nru 1

5.        L-Artikoli 1 u 4 sa 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (6), fil-verżjoni applikabbli f’din il-kawża, jipprovdu:

“Artikolu 1

Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi użati fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom ikunu il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonu, il-Finlandiż, il-Franċiz, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

[...]

Artikolu 4

Ir-Regolamenti u dokumenti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fil-lingwi uffiċjali.

Artikolu 5

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun ippubblikat fil-lingwi uffiċjali.

Artikolu 6

L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

C –    Ir-Regolamenti tal-Persunal

6.        L-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) fih diversi projbizzjonijiet fuq id-diskriminazzjoni:

“Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.”

7.        Il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament hija rregolata fl-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. [...]”

8.        L-Artikolu 27 jiddefinixxi l-prinċipji tal-politika ta’ reklutaġġ:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet.

L-ebda post ma jkun riservat għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

9.        L-Artikolu 28 fih ir-rekwiżiti minimi għall-ħatra ta’ uffiċjali:

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil‑kondizzjoni li:

[…]

(f)      huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Komunitajiet u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Komunitajiet sal-punt meħtieġ biex iwettaq d-dmirijiet tiegħu.”

10.      L-Artikolu 29 jirregola l-proċedura għall-mili ta’ postijiet:

“1.      Qabel ma jimtela posizzjoni battala f’istituzzjoni, l‑Awtorità tal‑Ħatra għandha: […]

[tiftaħ i]l-proċedura tal-kompetizzjonijiet, fuq il-bażi jew ta’ kwalifikazzjonijiet jew ta’ eżamijiet, [jew] ta’ kwalifikazzjonijiet kif ukoll ta’ eżamijiet. L-Anness III jippreżenta l-proċedura tal-kompetizzjoni.”

11.      Fost ir-regoli li jiddeterminaw il-kontenut tal-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti rregolati fl-Artikolu 1(1) tal-Anness III, huma fuq kollox ir-riferimenti għat-tip differenti ta’ kompetizzjonijiet imsemmija fil-punt a) u għall-eżiġenzi lingwistiċi msemmija fil-punt f) li huma interessanti:

“[L-avviż tal-kompetizzjoni] irid jispeċifika:

(a)      l-għamla tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, kompetizzjoni interna għall-istituzzjonijiet, kompetizzjoni miftuħa, fejn ikun il-każ, komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar);

[…]

(f)      fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;”

12.      L-Artikolu 1(2) tal-Anness III jirregola l-kwistjoni tal-pubblikazzjoni:

“L-avviż tal-kompetizzjonijiet miftuħa jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mhux anqas minn xahar qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet u, fejn ikun il-każ, mhux anqas minn xahrejn qabel id-data ta’ l-eżamijiet.”

III – Il-fatti

13.      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta żewġ avviżi dwar total ta’ tliet kompetizzjonijiet (7) organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“EPSO”). L-avviżi ġew inizjalment ippubblikati fil-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss tal-Ġurnal Uffiċjali. L-avviż li jirrigwarda l-ewwel żewġ kompetizzjonijet kien is-suġġett tal-Kawża T‑166/07; l-avviż dwar it-tielet kompetizzjoni kien is-suġġett tal-Kawża T‑285/07.

14.      Skont il-punt II.A tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ewwel żewġ avviżi ta’ kompetizzjoni, iż-żewġ kompetizzjonijiet għandhom bħala għan it-twaqqif ta’ lista ta’ riżerva intiża għall-mili ta’ pożizzjonijiet vakanti fi ħdan tal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-punt II.A tal-avviż ta’ kompetizzjoni għat-tielet kompetizzjoni kien jistabbilixxi li l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx assoċjata ma’ din il-kompetizzjoni u li, għaldaqstant, hija ma kienet ser tagħmel l-ebda reklutaġġ mil-lista ta’ riżerva.

15.      Il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni dwar l-għarfien tal-lingwi jidhru fil-punt I.A.2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/94/07 u EPSO/AD/95/07 kif ukoll fil-punt I.A.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AST/37/07. Skont dawn il-kundizzjonijiet, il-kandidati kellu jkollhom għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra li kellha tkun il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż.

16.      Fil-punt I.B ġie indikat li t-testijiet ta’ ammissjoni kienu ser isiru bit-tieni lingwa. Għaldaqstant, il-kandidati kellhom jindikaw jekk ridux jagħmlu t-testijiet ta’ ammissjoni u l-eżamijiet tal-kompetizzjoni bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

17.      Barra minn hekk, kien ġie indikat li, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċarezza u l-komprensjoni tat-testi ta’ natura ġenerali u tal-komunikazzjonijiet indirizzati lil jew ġejjin mill-kandidati, is-sejħiet għad-diversi testijiet u l-eżamijiet kif ukoll kull korrispondenza bejn l-EPSO u l-kandidati kellhom isiru biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż.

18.      Fl-20 ta’ Ġunju 2007 (8) u t-13 ta’ Lulju 2007 (9) l-EPSO ppubblika, fil-verżjonijiet kollha lingwistiċi tal-Ġurnal Uffiċjali, emendi għall-avviżi ta’ kompetizzjoni ċċitati iktar ’il fuq. Fihom sar riferiment għall-avviżi inizjali u għal kull wieħed minnhom ġie stabbilit terminu ġdid għar-reġistrazzjoni tal-kandidaturi għall-kompetizzjonijiet, terminu li kien tal-istess tul bħat-terminu inizjali. Kien hemm ukoll riferiment għall-istudji u l-esperjenza meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni. Barra minn hekk, kien hemm riferiment għall-kontenut tal-avviżi oriġinali.

IV – Fuq il-proċedura fl-ewwel istanza

19.      Il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-Repubblika tal-Litwanja biex tintervjeni insostenn tar-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑166/07, l-istess bħar-Repubblika Ellenika fil-Kawża T‑285/07. Imbagħad, għaqdet iż-żewġ kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. Bis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Settembru 2010, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ rikorsi.

V –    Talbiet

20.      Ir-Repubblika Taljana mbagħad ppreżentat dan l-appell. Hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

–        tannulla, abbażi tal-Artikoli 56, 58 u 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Settembru 2010 fil-Kawżi magħquda T‑166/07 u T‑258/07 wara r-rikorsi ppreżentati mir-Repubblika Taljana għall-annullament:

–        tal-avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/94/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għal 125 pożizzjoni bħala Amministratur (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-medja;

–        tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/37/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għal 110 pożizzjoni bħala Assistent (AST3) fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni;

it-tnejn ippubblikati fil-verżjoni bl-Ingliża, bil-Franċiża u bil-Ġermaniża tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta’ Frar 2007, Nru C 45A;

tal-avviżi tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/95/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għal 20 pożizzjoni bħala Amministratur (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni (Librerija/Dokumentazzjoni), ippubblikat biss fil-verżjoni Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ Mejju 2007, Nru C 103 A;

–              taqta’ l-kawża hija stess u tannulla l-avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21.      Ir-Repubblika Ellenika talbet ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

–      tannulla s-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Settembru 2010 mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑166/07 u T‑285/07.

22.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

–              tiċħad l-appell;

–              tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

23.      Ir-Repubblika tal-Litwanja, li kienet intervjeniet ukoll fl-ewwel istanza, ma ppreżentatx osservazzjonijiet fil-kuntest tal-appell. Il-partijiet l-oħrajn ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u osservazzjonijiet orali matul is-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2012.

VI – Il-kunsiderazzjoni tad-dritt

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

24.      Il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina ex officio l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (10). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat il-fatt, mad-daqqa ta’ għajn sorprendenti, li fil-kawża T‑285/07, ingħatat sentenza kontra l-Kummissjoni meta din tal-aħħar ma kinitx involuta fil-kompetizzjoni kkonċernata (11).

25.      Madankollu dan il-fatt huwa spjegabbli bir-regoli adottati meta nħoloq l-EPSO. Fil-fatt l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620/KE (12) jistabbilixxi espressament li l-appelli kollha fir-rigward tal-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lill-EPSO għandhom jiġu ppreżentati kontra l-Kummissjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni, l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet ġenerali skont l-Artikolu 30(1) u tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ġiet ittrasferita lill-EPSO. Għaldaqstant, ma hemmx dubju fuq l-ammissibbiltà tal-appell (13).

B –    Fuq l-ewwel aggravju

26.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-Italja tikkontesta l-affermazzjonijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata. Dawn kienu jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 290 KE, il-bażi ġuridika tas-sistema lingwistika, u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jippermettux ir-rekwiżit tal-għarfien ta’ ċerti lingwi fl-avviż ta’ pożizzjonijiet vakanti. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat:

“41.      Ir-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet, ġie adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 290 KE. L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament espressament jippermetti lill-istituzzjonijiet li jistabbilixxu l-metodu ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom, kompetenza li sabiex tiġi eżerċitata huma għandhom jingħataw ċerta awtonomija funzjonali, sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħhom […].


42      Fid-dawl ta’ dak imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġu konkluż li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat ma jmurx kontra l-Artikolu 290 KE, iżda ġie adottat skont il-kompetenza mogħtija lill-istituzzjonijiet u lill-korpi komunitarji bl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 (14).”


27.      Dawn l-affermazzjonijiet ma humiex kompatibbli mat-test tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

28.      Bis-saħħa tal-Artikolu 290 KE, il-Kunsill jistabbilixxi s-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’mod unanimu. Dan għamlu meta adotta r-Regolament Nru 1. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li l-lingwi uffiċjali kollha huma fl-istess ħin lingwi tal-ħidma tal-istituzzjonijiet. Imbagħad l-Artikolu 6 jawtorizza lill-istituzzjonijiet biex jiddeterminaw, fir-regolamenti interni tagħhom, il-metodi ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika.

29.      L-avviż ta’ kompetizzjoni – kif tenfasizza ġustament l-Italja – ma huwiex regolament intern jew att ġuridiku simili. Għaldaqstant, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 ma jikkostitwixxix bażi xierqa għall-avviżi kkontestati.

30.      Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fuq dan il-punt. Iżda dan ma jfissirx li l-appell tal-Italja huwa fondat f’dan ir-rigward.

31.      Għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda ksur tal-Artikolu 290 u tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 għal xi motiv ieħor. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx direttament liema rekwiżiti jistgħu jkunu meħtieġa f’avviż u lanqas liema waħda mit-23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni għandha tiġu użata fil-kuntest ta’ avviż. Għalhekk, l-avviżi inkwistjoni la jiksru l-Artikolu 290 KE u lanqas l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1.

32.      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. Il-kwistjonijiet imqajmin mill-Italja huma, madankollu, importanti għall-kunsiderazzjoni tat-tliet aggravji li ġejjin.

C –    Fuq it-tieni aggravju

33.      It-tieni aggravju jirrigwarda l-argumenti magħmulin fil-punti 52 sa 58 tas-sentenza appellata. L-Italja sostniet li l-avviżi kellhom jiġu ppubblikati kollha kemm huma fil-lingwi uffiċjali kollha skont l-Artikoli 1, 4 u 5 tar-Regolament Nru 1.

34.      Fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, bħal fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha (15), il-Qorti Ġenerali titlaq mill-ipoteżi li r-Regolament Nru 1 ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom, għaliex dan jistabbilixxi biss is-sistema lingwistika applikabbli bejn l-istituzzjonijiet u Stat Membru jew persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri. L-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħrajn tal-Unjoni, kif ukoll il-kandidati għal dawn il-pożizzjonijiet, jaqgħu effettivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni biss fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi dawk dwar ir-reklutaġġ fi ħdan istituzzjoni.

35.      Kif isostnu ġustament l-Italja u l-Ġreċja, din l-opinjoni xejn ma hija konvinċenti. Ċertament, l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 1 jirrigwardaw ir-relazzjonijiet mal-Istati Membri kif ukoll mal-persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Madankollu, diġà hemm dubju dwar jekk il-kandidati potenzjali f’kompetizzjoni jistgħux b’dan il-mod joħorġu minn taħt l-awtorità tal-Istat Membru tagħhom. Bil-kontra tal-opinjoni li ddifendiet il-Kummissjoni, din ma hijiex konsegwenza inevitabbli tal-kompetenza tal-qrati tal-Unjoni f’materja ta’ azzjoni relatati ma’ dawn il-kandidaturi.

36.      Iżda fuq kollox, ir-Regolament Nru 1 huwa bbażat fuq l-Artikolu 290 KE, li huwa l-bażi legali għas-sistema lingwistika tal-instituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, fl-Artikolu 1 tiegħu jiddefinixxi l-lingwi uffiċjali u l-lingwi tal-ħidma tal-istituzzjonijiet. Ma jidhirx li dawn il-lingwi għandhom ikunu ristretti għal dawk użati fuq il-livell tar-relazzjonijiet esterni (16). Tipikament, lingwa tal-ħidma hija l-lingwa li biha l-istituzzjoni kkonċernata taħdem ukoll internament.

37.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jindika li japplika għar-relazzjonijiet tal-istituzzjonijiet mal-impjegati tagħhom. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiddeċiedu, fir-regolamenti interni tagħhom, jekk ir-regolament japplikax, imma biss il-mod partikolari kif jiġi applikat. Għalhekk, l-Artikolu 6 ikun eventwalment bażi legali xierqa jekk l-istituzzjonijiet ikollhom jistabbilixxu lingwi ta’ komunikazzjoni interna (17), imma jikkonferma wkoll li r-Regolament Nru 1 japplika għar-relazzjonijiet tal-istituzzjonijiet mal-membri tal-persunal tagħhom.

38.      Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi wkoll fuq dan il-punt. Sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi kkonfermata b’motivazzjoni oħra, għandu jiġi eżaminat jekk il-pubblikazzjoni ristretta tal-avviż kinitx kompatibbli mal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1.

39.      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1, ir-regolamenti u t-testi l-oħrajn ta’ portata ġenerali huma abbozzati fil-lingwi uffiċjali. L-Artikolu 5 jistabbilixxi li l-Ġurnal Uffiċjali għandu jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali.

40.      Huwa minnu li fis-sentenza Kik, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-Artikolu 254(2) KE li deċiżjoni individwali mhux neċessarjament għandha tiġi abbozzata fil-lingwi kollha uffiċjali, minkejja li din tista’ taffettwa d-drittijiet ta’ ċittadin tal-Unjoni minbarra d-destinatarju ta’ dik id-deċiżjoni, pereżempju operatur ekonomiku kompetitur (18).

41.      Għall-kuntrarju, din tikkonferma, madankollu, li r-regolamenti u t-testi ta’ portata ġenerali msemmijin fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1 għandhom jiġu abbozzati, fil-prinċipju, fil-lingwi uffiċjali kollha (19). Din l-interpretazzjoni hija wkoll l-unika waħda kompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nondiskriminazzjoni (20).

42.      Barra minn hekk, din tikkorrespondi mal-iżvilupp tat-test tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1. L-istess bħall-Artikolu 5, din id-dispożizzjoni kienet espressament tiċċita, sakemm ġiet emendata fil-qafas tal-aħħar tkabbir (21), il-lingwi uffiċjali kollha (22). Ma hemm xejn x’jindika li riedet issir limitazzjoni fuq l-użu tad-diversi lingwi uffiċjali bl-emendi magħmulin meta sar l-aħħar tkabbir. Meta l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1 jitkellmu fuq il-lingwi uffiċjali, dan għalhekk għandu jfisser it-23 lingwa uffiċjali.

43.      Ċertament, avviż ta’ kompetizzjoni ma huwiex regolament imma – kif josservaw ukoll l-Italja u l-Greċja – b’differenza minn deċiżjoni individwali, dan huwa madankollu dokument ta’ portata ġenerali. Fil-fatt, fih termini tal-kandidatura kif ukoll kundizzjonijiet oħrajn li jorbtu kull persuna li tixtieq tipparteċipa fil-kompetizzjoni (23). Anki għal din ir-raġuni biss, fil-prinċipju, dan għandu jiġi abbozzat fil-lingwi uffiċjali kollha.

44.      Dan huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1 u l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-avviżi tal-kompetizzjonijiet ġenerali (24) għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Billi l-Ġurnal Uffiċjali jidher fil-lingwi uffiċjali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1, il-pubblikazzjonijiet obbligatorji kollha għandhom, fil-prinċipju, jsiru wkoll fil-lingwi uffiċjali kollha.

45.      Il-kunsiderazzjonijiet li tagħmel il-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza appellata jistgħu jiġu interpretati, madankollu, fis-sens li l-istituzzjonijiet jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-każ tal-avviżi:

“F’dawn il-kundizzjonijiet, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jagħżlu l-lingwa tal-komunikazzjoni interna, b’kull istituzzjoni jkollha s-setgħa li timponiha fuq il-persunal tagħha u fuq dawk li jfittxu li jiksbu tali status […]. L-għażla tal-lingwa ta’ pubblikazzjoni esterna ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti wkoll taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet […].”

46.      Din l-opinjoni hija, fl-aħħar mill-aħħar, ibbażata fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 (25). Jekk l-istituzzjonijiet jistgħu għalhekk jiddeterminaw il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna, l-Artikolu 6 jista’ wkoll jawtorizza li jindirizzaw ruħhom biss f’dawn il-lingwi lill-kandidati potenzjali li jridu jkunu jafu sew dawn il-lingwi.

47.      Iżda kif semmejt diġà, l-avviż ma huwiex att ġuridiku fih innifsu adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 (26). U l-Kummissjoni fuq kollox qatt ma ddeterminat formalment il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna jew il-lingwi tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti fuq din il-bażi. Sempliċi prattika li tikkonsisti essenzjalment fl-użu ta’ ċerti lingwi ma tikkostitwixxix determinazzjoni bħal din. Wara kollox, il-kontenut ta’ tali prattika huwa totalment inċert. Huwa impossibbli li jiġi ddeterminat f’liema ċirkustanzi lingwa partikolari tista’ tiġi użata.

48.      Għaldaqstant, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 ma jipprovdix ġustifikazzjoni biex jitwarrbu d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1 u tal-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

49.      Lanqas l-emendi tal-avviżi li ġew ippubblikati suċċessivament fil-lingwi uffiċjali kollha ma rrimedjaw għall-pubblikazzjoni insuffiċjenti tal-avviżi oriġinali. Fil-fatt dawn fihom biss parti mill-informazzjoni. B’mod partikolari, ma kienx fihom ir-rekwiżiti dwar l-għarfien tal-lingwi. Ir-riferiment għall-avviż sħiħ ippubblikat biss fi tliet lingwi ma jissostitwixxix avviż komplet fil-lingwi uffiċjali l-oħrajn. Kif tosserva l-Greċja, il-persuni kkonċernati fil-proċedura prinċipali li ma jafu l-ebda waħda mit-tliet lingwi ma setgħux jiddeterminaw li ma kinux ikkwalifikati għall-kompetizzjonijiet u li l-bqija tal-kontenut tal-avviżi ppubblikati biss fit-tliet lingwi uffiċjali kien b’hekk mingħajr interess għalihom.

50.      Iżda fuq kollox, ma teżisti l-ebda regola li tawtorizza eċċezzjoni għall-pubblikazzjoni sħiħa fil-lingwi kollha kif jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1 u tal-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

51.      Għaldaqstant, l-avviżi kellhom jiġu ppubblikati kollha kemm huma fil-lingwi kollha. Ma għandux għalfejn jiġi ddeterminat f’dan il-każ jekk l-eċċezzjonijiet humiex possibbli għall-kompetizzjonijiet li jirrigwardaw biss kandidati li jkollhom lingwa materna partikolari (27).

52.      Billi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u lanqas ma tista’ tiġi kkonfermata b’motivazzjoni oħra, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’. Għandha tiġi annullata s-sentenza appellata.

53.      Madankollu nikkunsidra li xorta għandhom jiġu eżaminati l-aggravji l-oħrajn sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali għall-prattika futura tal-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni.

D –    Fuq it-tielet aggravju

54.      Bit-tielet aggravju, l-Italja ssostni li l-pubblikazzjoni tal-kompetizzjonijiet fi tliet lingwi biss kisret il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, stabbilita fl-Artikolu 12 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 18 TFUE) u l-prinċipju tal-multilingwiżmu stabbilit fl-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

55.      Hawnhekk, ma hijiex kwistjoni li jkun magħruf jekk il-pubblikazzjoni ta’ kompetizzjoni ġenerali fi tliet lingwi biss hijiex inkompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Ma hemm l-ebda dubju li l-kandidati, anki jekk għandhom għarfien biżżejjed tal-Ġermaniz, tal-Ingliż jew tal-Franċiż, mhux bilfors jikkonsultaw l-edizzjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali f’waħda minn dawn it-tliet lingwi, imma ġeneralment fil-lingwa materna tagħhom biss (28). Għaldaqstant, hemm riskju li l-persuni kkonċernati ma jkunux jafu fil-ħin dwar l-avviż. Peress li l-lingwa materna għandha relazzjoni mill-qrib man-nazzjonalità, dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità. Għaldaqstant, l-avviżi inizjali tat-28 ta’ Frar 2007 u tat-8 ta’ Mejju 2007 ma kinux biżżejjed waħedhom.

56.      F’dan il-każ, jeħtieġ, madankollu, li jiġi kkjarifikat jekk din is-sitwazzjoni inizjali ta’ żvantaġġ ibbażata fuq in-nazzjonalità ġietx irrimedjata bil-pubblikazzjoni ulterjuri tal-emendi tal-avviżi fil-lingwi l-oħrajn, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 85 sa 91 tas-sentenza appellata. Billi dan l-iżball materjali huwa differenti mill-ksur formali, eżaminat diġà, tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, il-konklużjoni li għadha kif intlaħqet fir-rigward tar-regolarizzazzjoni insuffiċjenti tan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni (29) ma hijiex direttament trasponibbli.

57.      Minn naħa l-Italja tikkontesta l-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni u ssostni, min-naħa l-oħra, li l-emendi tal-avviżi ma kienx fihom it-tagħrif kollu tal-avviż inizjali.

1.      Fuq il-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni tal-pubblikazzjoni inadegwata

58.      L-Italja tibbaża l-opinjoni tagħha dwar l-impossibbiltà ta’ regolarizzazzjoni fuq l-istruttura tar-rikors għal annullament. Bis-saħħa tal-Artikolu 230 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 263 TFUE), huma l-avviżi fil-forma oriġinali tagħhom li huma s-suġġett tal-kawża.

59.      Skont din l-opinjoni, ma hemmx skop għar-rikors. Strettament, l-avviż inizjali ma għadux jeżisti. L-emendi tal-avviżi ppubblikati wara annullaw dan l-avviż u ssostitwewh b’avviżi ġodda (30). Dawn tal-aħħar kienu jikkonsistu f’taħlita tal-avviż inizjali u tal-avviżi l-ġodda, li b’mod partikolari jistabbilixxu terminu ġdid għal kandidatura, u kellhom jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ rikors ieħor.

60.      Madankollu ma naħsibx li approċċ tant formalistiku huwa neċessarju. Kif ġie kkonstatat diġà mill-Qorti Ġenerali, l-emendi tal-avviżi ma emendawx is-sustanza tal-avviż, tal-inqas sa fejn din is-sustanza hija kkontestata (31).

61.      Madankollu, għalkemm l-iskop tal-kawża ma ġiex eliminat, għandu jkollha bħala suġġett l-avviż fil-forma effettivament applikabbli tiegħu. Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati l-emendi tal-avviżi ppubblikati sussegwentement.

62.      Bil-kontra għal dak li ssostni l-Italja, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi fil-prinċipju l-possibbiltà li jiġu rrimedjati l-iżbalji ta’ proċedura (32). Il-miżuri ta’ regolarizzazzjoni għandhom ipoġġu lill-persuni kkonċernati – f’dan il-każ, il-kandidati potenzjali – fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku ma kienx hemm żball ta’ proċedura (33).

2.      Eżami ta’ regolarizzazzjoni f’din il-kawża

63.      F’din il-kawża, in-nuqqas tal-avviżi iniżjali ma ġiex irregolarizzat. Minħabba t-terminu ta’ kandidatura stabbilit mill-ġdid mill-emendi tal-avviżi, il-kandidati potenzjali li l-pubblikazzjoni fil-lingwa materna tagħhom ma kinitx saret, ċertament ibbenefikaw mill-istess terminu ta’ kandidatura bħall-kandidati li ġie ppubblikat l-avviż fil-lingwa tagħhom.

64.      Fl-istess ħin, il-kandidati potenzjali li ma kinux ġew informati bl-eżistenza tal-kompetizzjonijiet ħlief fuq il-bażi tal-emendi tal-avviżi sussegwenti ma tqiegħdux fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku l-emendi tal-avviżi korrispondenti kienu ġew ippubblikati diġà mal-avviż inizjali. Fil-fatt, dawk li kienu ġew informati bl-avviżi inizjali kellhom manifestament iktar żmien biex jippreparaw ruħhom speċifikament għall-proċedura. Fil-każ tal-proċeduri EPSO/AD/94/07 u EPSO/AST/37/07, kien hemm vantaġġ ta’ żmien ta’ kważi erba’ xhur, fil-każ tal-proċedura EPSO/AD/95/07 kien hemm vantaġġ ta’ iktar minn xahrejn. Dan iż-żmien seta’ b’mod partikolari jintuża biex jiġi pperfezzjonat l-għarfien professjonali u lingwistiku meħtieġ.

65.      Għaldaqstant, l-emendi tal-avviżi ma setgħux jirrimedjaw il-preġudizzju li sofrew il-kandidati potenzjali li l-lingwa materna tagħhom la kienet il-Ġermaniż, la l-Ingliż u lanqas il-Franċiż, preġudizzju li kien jikkonsisti f’pubblikazzjoni selettiva tal-avviż.

66.      Il-Qorti Ġenerali ma ratx li kien hemm dan il-preġudizzju. Huwa għalhekk li l-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 85 sa 91 tas-sentenza appellata għandhom żball ta’ liġi. Għaldaqstant, din is-sentenza jeħtieġ li tiġi annullata anki għal din ir-raġuni.

3.      Fuq in-natura kompleta tal-avviż fil-lingwi l-oħrajn

67.      Barra minn hekk, l-Italja ssostni wkoll li ma kienx ġie ppubblikat l-avviż kollu kemm hu bil-lingwi oħrajn. F’dak li jirrigwarda dan l-argument, għandu jiġi ammess li l-kandidati potenzjali li setgħu jaqraw l-avviż kollu kemm hu fil-lingwa materna tagħhom kellhom vantaġġ żgħir fil-konfront tal-kandidati potenzjali l-oħrajn li kellhom jaqrawh f’lingwa barranija.

68.      Madankollu, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 90 u 99 tas-sentenza appellata, dan il-preġudizzju ma kienx gravi daqs diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

69.      Il-persuni li ma jafux biżżejjed l-ebda waħda mit-tliet lingwi tal-avviż komplet ma humiex kandidati potenzjali. Kif il-Qorti Ġenerali esponiet ġustament fil-punt 88 tas-sentenza appellata, dawn il-persuni ma għandhomx l-għarfien lingwistiku meħtieġ biex jiġu ammessi għall-kompetizzjoni.

70.      F’dan ir-rigward, dawn il-kompetizzjonijiet huma differenti mill-proċeduri li kienu s-suġġett ta’ sentenzi oħrajn tal-Qorti Ġenerali ċċitati mill-Italja, li wasslu għall-annullament tal-avviżi (34). Dawn is-sentenzi kienu effettivament jirrigwardaw proċeduri li ma kinux jassumu l-għarfien ta’ lingwi partikolari. F’dawn il-kawżi seta’, għalhekk, ikun hemm kandidati potenzjali li ma kinux fehmu l-avviż fl-ebda waħda mil-lingwi użati, filwaqt li l-kandidati potenzjali tal-proċeduri tal-kompetizzjoni inkwistjoni kienu obbligati li jifhmu waħda minn dawn il-lingwi.

71.      Dawn huwa għaliex fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li l-emendi tal-avviżi rrimedjaw għan-nuqqas tal-avviżi inizjali. Il-kwistjoni dwar jekk kienx ammissibbli li jkun meħtieġ għarfien lingwistiku tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż minflok ma tiġi awtorizzata xi tieni lingwa oħra għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-aggravju li ġej.

72.      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju ma tistax tintlaqa’.

E –    Fuq ir-raba’ aggravju

73.      Ir-raba’ aggravju, jirrigwarda l-qalba tal-kawża, jiġifieri l-għażla ta’ tliet lingwi biss bħala t-“tieni lingwi” possibbli għall-kompetizzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali biex tiċħad li l-għażla tal-Kummissjoni kienet diskriminatorja u mhux xierqa jiksru, fil-fehma tal-Italja, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u l-prinċipju ta’ multilingwiżmu.

1.      Fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

74.      Bis-saħħa tal-Artikolu 12 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 18 TFUE) hija pprojbita kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fil-qasam tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju issa jinsab stabbilit fl-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

75.      Huwa minnu li, fil-punti 93 sa 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma teżaminax il-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni li tirrigwarda t-tieni lingwa tistax tkun il-bażi ta’ diskriminazzjoni bħal din. Madankollu wasslet għal konklużjoni eżatta, billi tali diskriminazzjoni ma teżistix.

76.      Restrizzjoni tal-użu tal-lingwi materni f’kompetizzjoni tal-istituzzjonijiet tkun diskriminatorja u tkun teħtieġ, għalhekk, ġustifikazzjoni. Billi, bħala regola ġenerali, il-lingwa li l-iktar ikun jaf kandidat għandha rabta mill-qrib man-nazzjonalità tiegħu, rekwiżit bħal dak joħloq żvantaġġ, tal-inqas b’mod indirett, għall-kandidati potenzjali li, minħabba n-nazzjonalità tagħhom, ikollhom lingwa materna oħra. Ikollhom jagħmlu partijiet importanti tal-kompetizzjoni f’lingwa barranija filwaqt li l-kompetituri tagħhom ikunu jistgħu jużaw il-lingwa materna tagħhom.

77.      F’dan is-sens, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, stabbilita fl-Artikolu 1d(1), tar-Regolamenti tal-Persunal, li issa tidher ukoll fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hija espressjoni tal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Bl-istess mod, l-Artikolu 27(2) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa rilevanti billi jipprojbixxi li jiġu rriżervati impjiegi għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru partikolari.

78.      F’dan il-każ, li qed jiġi ristrett ma huwiex l-użu tal-lingwa materna imma tat-tieni lingwa. It-tieni lingwa tal-kandidati potenzjali hija, b’mod ċar, inqas relatata mill-qrib man-nazzjonalità milli l-lingwa materna.

79.      Huwa veru li jeżistu ċerti Stati fejn waħda mil-lingwi awtorizzati tibbenefika minn status partikolari flimkien ma’ lingwi nazzjonali oħrajn (35). Dan huwa għaliex huwa probabbli li ċerti kandidati ġejjin minn dawn l-Istati Membri jafu partikolarment tajjeb tieni lingwa li hija awtorizzata.

80.      Bil-kontra għal-lingwa materna, l-għarfien korrispondenti tat-tieni lingwa ma jistrieħx biss, madankollu, fuq in-nazzjonalità inkwistjoni, imma fuq sforzi addizzjonali tal-Istat ikkonċernat, tal-familja jew ta’ kull persuna. F’dan ir-rigward, teżisti, l-iktar l-iktar, differenza żgħira f’termini ta’ għarfien ta’ lingwa barranija li jkun inkiseb f’sistema skolastika żviluppata partikolarment tajjeb.

81.      Għaldaqstant, il-vantaġġ potenzjali tat-tieni lingwa li tgawdi minn status partikolari fil-pajjiż tal-oriġini ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra kandidati minn pajjiżi oħrajn fuq il-bażi tan-nazzjonalità tagħhom.

82.      Minn din il-perspettiva, huma “żvantaġġati” biss ċerti kandidati ta’ Stati Membri oħrajn fejn jiġu mitkellma diversi lingwi uffiċjali tal-Unjoni, imma l-ebda waħda mit-tliet lingwi privileġġati (36). Dawn il-kandidati ma jistgħux eventwalment jużaw it-tieni lingwa “naturali” tagħhom fil-kuntest tal-kompetizzjoni. Madankollu, ma jidhirx li dan l-iżvantaġġ teoretiku għandu effett prattiku għal ċerti kandidati.

83.      Għall-parti l-kbira ta’ kandidati potenzjali, il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa possibbli, fi kwalunkwe każ, ma tagħmel l-ebda differenza. Fil-fatt dawn huma tliet lingwi barranin l-iktar mifruxin fi ħdan l-Unjoni (37). Prattikament fl-Istati Membri kollha, l-Ingliż jiġi studjat l-iktar, bħala l-ewwel lingwa barranija, filwaqt li l-Franċiż jiġi studjat l-iktar f’uħud mill-Istati Membri biss, u l-Ġermaniż jiġi studjat biss kważi esklużivament fl-iskejjel primarji tal-Lussemburgu. Bħala t-tieni lingwa barranija, huma l-Ġermaniż u l-Franċiż li jipprevalu b’mod ċar. L-Ispanjol, l-Isvediż (fil-Finlandja) u l-Estonjan (fl-Estonja – apparentement fost il-membri tal-minoranza Russa) jirriżultaw ċertament b’mod iżolat, imma b’mod ċertament minuri (38). Għalhekk, huwa relattivament improbabbli li jeżistu kandidati li għandhom għarfien kunsiderevoli ta’ lingwi barranin li ma humiex il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż.

84.      Għaldaqstant, il-limitazzjoni tat-tieni lingwa għal dawn it-tliet lingwi ma tistax titqies bħala li għandha effett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

2.      Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ multilingwiżmu

85.      Barra minn hekk, l-Italja tiddefendi l-opinjoni li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tikser il-prinċipju ta’ multilingwiżmu. Skont dan il-prinċipju, il-kandidati għal pożizzjoni fl-istituzzjonijiet jistgħu jiġu mistennija li jkunu jafu tal-inqas lingwa oħra flimkien mal-lingwa tal-Istat Membru tagħhom, imma wieħed ma jistax jistenna li dik il-lingwa għandha neċessarjament tkun il-Ġermaniż, l-Ingliż, jew il-Franċiż.

86.      Huwa minnu li, fid-data tal-avviż, fl-2007, it-Trattat ta’ Lisbona kien għadu ma daħalx fis-seħħ, b’tali mod li l-prinċipju ta’ multilingwiżmu rrikonoxxut fl-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kien għad ma għandux effett obbligatorju dirett. Madankollu, skont l-ispjegazzjonijiet uffiċjali (39), dan l-Artikolu jistrieħ fuq l-Artikolu 6 UE li kien japplika dakinhar, li l-paragrafu 3 tiegħu jirrikjedi li l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri (dan jagħmel parti mill-Artikolu 4(2) TUE), kif ukoll fuq l-Artikolu 151(1) u (4) KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 167 (1) u (4) TFUE) li jistabbilixxi li l-Komunità tikkontribwixxi għad-diversità nazzjonali u reġjunali u li għandha tirrispetta u tippromwovi d-diversità kulturali. Issa huwa r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jenfasizza b’mod partikolari din il-missjoni.

87.      Il-prinċipju ta’ multilingwiżmu jagħmel parti mid-diversità kulturali (40) u mill-identità nazzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk huwa bbażat fuq il-valuri fundamentali tal-Unjoni li kienu jeżistu diġà fid-data tal-avviżi kkontestati (41).

88.      Madankollu, il-prinċipju ta’ multilingwiżmu ma jeħtieġx li l-Unjoni tuża l-lingwi uffiċjal kollha f’kull sitwazzjoni (42), u lanqas ma fih regola konkreta li tippreċiża liema lingwi l-kandidati potenzjali għal pożizzjoni fl-Unjoni jistgħu jagħżlu bħala t-tieni lingwa. Għal din il-kwistjoni, dan il-prinċipju jista’ jaġixxi biss flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.

89.      Dan il-prinċipju, li fil-frattemp ġie stabbilit ukoll fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (43). Id-differenza fit-trattament tkun tista’ tiġi ġġustifikata jekk tkun imsejsa fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tikkorrispondi ma’ għan li huwa legalment ammissibbli u qiegħed fil-mira tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza hija proporzjonali għall-għan li jrid jilħaq it-trattament ikkonċernat (44). Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-valuri fundamentali kkonċernati tal-Unjoni, pereżempju l-prinċipju ta’ multilingwiżmu. Jekk miżura tkun inkompatibbli ma’ dan il-valur fundamentali, l-għan tagħha għandu jkollu piż partikolari biex tkun tista’ tiġi ġġustifikata.

90.      Sa fejn il-kompetizzjonijiet ikkontestati jawtorizzaw biss ċerti lingwi bħala t-tieni lingwa, dawn jittrattaw b’mod differenti l-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni.

91.      Fil-punti 93, 94 u 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tibbaża l-privileġġ mogħti lil tliet lingwi mill-ġdid fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 li bih l-istituzzjonijiet jistgħu jirregolaw l-użu tas-sistema lingwistika. Madankollu, kif rajna diġà, din il-kompetenza għadha sa issa ma ġietx eżerċitata u għalhekk ma tistax tiġġustifika l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-proċeduri tal-kompetizzjoni (45). Għaldaqstant, anki taħt dan l-aspett is-sentenza hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

92.      Madankollu, dak l-iżball xorta ma jpoġġix fid-dubju r-riżultat. Anki meta l-istituzzjonijiet ma jkunux iddeterminaw formalment il-lingwa ta’ ħidma interna – kif tenfasizza l-Kummissjoni – il-possibbiltà ta’ komunikazzjoni interna hija madankollu kundizzjoni obbligatorja għall-funzjonament tad-dipartimenti tagħhom. Dan huwa għaliex l-istituzzjonijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu kollaboraturi ġodda skont jekk jistgħux jintegraw ruħhom fid-dipartimenti eżistenti u jaħdmu hemmhekk. Għal dan l-iskop, għandu jkun magħruf jekk jafux biżżejjed il-lingwi li huma użati diġà fil-prattika f’dawn id-dipartimenti bħala lingwa ta’ ħidma interna. Ma jiswa xejn li membru tal-persunal ikun jaf perfettament diversi lingwi uffiċjali li ħadd ma jifhem fid-dipartiment tiegħu.

93.      Madankollu, meta ċirkustanzi partikolari ma jirrikjedux il-konċentrazzjoni fuq lingwa waħda jew diversi lingwi, l-użu skont il-possibbiltajiet, tal-lingwi kollha jew tal-inqas ta’ diversi lingwi tal-Unjoni jikkontribwixxi għall-ugwaljanza tal-opportunitajiet u għall-multilingwiżmu (46). Il-metodi prattiki tal-użu ta’ dawn il-lingwi jistgħu jiġu deċiżi, fil-każ partikolari, skont il-kapaċitajiet tal-membri tal-persunal kkonċernati. Għall-kuntrarju, l-istituzzjonijiet ma għandhomx jikkonċentraw il-komunikazzjoni fuq lingwa waħda ħlief jekk iċ-ċirkustanzi partikolari jeħtieġu dan b’mod obbligatorju – fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, it-tradizzjoni, mill-1954 hija li d-deċiżjonijiet jiġu abbozzati internament b’mod esklużiv bil-Franċiż.

94.      Peress li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi barranin l-iktar mifruxin fi ħdan l-Unjoni (47), l-istituzzjonijiet jistgħu jassumu li l-għarfien ta’ waħda minn dawn il-lingwi bħala lingwa barranija jippermetti komunikazzjoni interna effiċjenti. L-ebda lingwa oħra ma tippermetti b’mod simili komunikazzjoni interna. Għaldaqstant, dawn it-tliet lingwi huma distinti biżżejjed, fid-dawl ta’ evalwazzjoni oġġettiva, mil-lingwi uffiċjali l-oħrajn biex wieħed ikun jista’ jikkunsidrahom bħala l-lingwi awtorizzati bħala t-tieni lingwa biss. Għaldaqstant, anki fid-dawl tal-prinċipju ta’ multilingwiżmu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma nkisirx.

3.      Fuq l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

95.      Barra minn hekk, l-Italja tinvoka l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, dan l-argument ma huwiex żvilupp awtorizzat tal-argument imressaq fl-ewwel istanza, iżda aspett totalment ġdid li sa issa ma kienx suġġett tal-kawża u għaldaqstant huwa inammissibbli fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (48).

4.      Konklużjoni dwar ir-raba’ aggravju

96.      Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

F –    Fuq il-ħames aggravju

97.      Bil-ħames aggravju tagħha, l-appellanti qiegħda tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat, fil-punti 110 sa 115 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattiva leġittima billi ċaħdet li l-prattika ta’ diversi snin tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjonijiet kienet ħolqot fost il-kandidati eventwali aspettattivi leġittimi fil-metodi partikolari tal-kompetizzjonijiet.

98.      Il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Kull persuna li fil-konfront tagħha istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi fondati tista’ tinvoka dan il-prinċipju. Madankollu, meta persuna prudenti u informata tkun tista’ tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja tali li taffettwa l-interessi tagħha, ma tistax imbagħad tinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata. Barra minn hekk, il-persuni ma jistgħux joqgħodu fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jibdlu fil-kuntest tal-poter tagħhom (49).

99.      F’din il-kawża, tista’ tibqa’ miftuħa l-kwistjoni dwar jekk prattika preċedenti ta’ diversi snin, li tikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tal-lingwi uffiċjali kollha bħala t-tieni lingwa fil-kompetizzjonijiet tistax, f’ċerti ċirkustanzi, toħloq aspettattivi leġittimi fis-sens tal-ġurisprudenza. Fi kwalunkwe każ, ma teżisti l-ebda raġuni biex wieħed jassumi li kandidati prudenti u informati, fil-kuntest tat-taħriġ lingwistiku tagħhom, emmnu li setgħu jkomplu jużaw il-lingwi uffiċjali kollha bħala t-tieni lingwa f’kompetizzjonijiet organizzati mill-Unjoni. Minħabba l-fatt li dejjem qed jikber in-numru ta’ lingwi uffiċjali, il-kandidati potenzjali għandhom pjuttost jistennew li l-lingwi uffiċjali kollha ma għandhomx l-istess importanza prattika bħala lingwi barranin. Barra minn hekk, l-istatistika dwar il-lingwi barranin mgħallma tindika li l-Ingliż, il-Ġermaniż u l-Franċiż huma kkunsidrati minn ħafna bħala l-lingwi uffiċjali l-iktar importanti (50). Għalhekk, il-kandidati potenzjali, fil-parti l-kbira tagħhom, kienu fil-prattika diġà ppreparati biex dawn il-lingwi jkunu iktar importanti għall-futur professjonali tagħhom milli l-lingwi l-oħrajn.

100. Konsegwentement, dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’.

G –    Fuq is-sitt aggravju

101. Bis-sitt aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 253 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 296(2) TFUE), li jistabbilixxi li l-atti legali kollha għandhom ikunu mmotivati billi l-Qorti Ġenerali kienet kkonstatat, fil-punti 126 u 127 tas-sentenza appellata, li l-amministrazzjoni ma kinitx obbligata li tiġġustifika, fl-avviż tal-kompetizzjoni kkontestat, l-għażla tat-tliet lingwi li kellhom jintużaw.

102. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha, tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni. Din għandha turi b’mod ċar u inekwivoku l-iter loġiku tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tkun awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata. Din hija kundizzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq l-isħarriġ tagħha. Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li wieħed ma jistax jippretendi li l-motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni. B’mod partikolari, jekk l-att ikkontestat ikun juri, fl-essenza tiegħu, l-iskop segwit mill-istituzzjoni tal-Unjoni, ikun eċċessiv li wieħed jippretendi motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet ta’ natura teknika li jkunu saru (51).

103. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dawn ir-rekwiżiti fil-punt 125 tas-sentenza appellata, imma sempliċement eżaminat il-kwistjoni dwar jekk avviżi kienx fihom l-informazzjoni meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni.

104. F’dan ir-rigward l-Italja, ġustament, ilmentat li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-motiv tagħha meta għamlet il-kunsiderazzjonijiet tagħha. Wieħed ma jistax jassimila l-kontenut neċessarju f’avviż ta’ kompetizzjoni mal-motivazzjoni tiegħu.

105. Madankollu, fil-punt 126, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-limitazzjoni tat-tieni lingwa possibbli għal tliet lingwi ma kinitx teħtieġ motivazzjoni peress li kien stabbilit li din il-limitazzjoni kienet tissodisfa r-rekwiżiti interni tal-amministrazzjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ssodisfat ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

106. Bil-kontra għall-opinjoni li ddefendiet l-Italja, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-motivazzjoni meħtieġa tal-avviżi lanqas ma tista’ tiġi kkritikata mill-aspett tal-kontenut. Fil-fatt, jidher ċar li l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-proċeduri tal-kompetizzjoni huma intiżi biex jidentifikaw il-kandidati li jikkorrespondu bl-aħjar mod għar-rekwiżiti interni tal-istituzzjonijiet li qed jagħmlu r-reklutaġġ. Huwa magħruf sew li l-Ingliż, il-Ġermaniż u l-Franċiż huma l-lingwi barranin l-iktar mifruxin fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, l-iktar li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet interni tad-dipartimenti. Għaldaqstant, dan l-aspett ma għandux għalfejn jiġi enfasizzat b’mod partikolari fl-avviż.

107. Għaldaqstant, lanqas dan l-aggravju ma jista’ jintlaqa’.

H –    Fuq is-seba’ aggravju

108. Fl-aħħar nett, is-seba’ aggravju jsemmi l-ksur tal-Artikolu 1 1d(1) u (6), l-Artikolu 28(f) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-punti 128 sa 135 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Bord tal-Għażla ta’ kull kompetizzjoni ma għandux jevalwa waħdu l-kapaċitajiet lingwistiċi tal-kandidati.

109. L-Italja tiddefendi l-opinjoni li l-istituzzjoni li adottat l-avviż ma setgħetx, preventivament, tagħmel għażla preliminari tal-persuni kkonċernati fuq bażi purament lingwistika. Skont hi, fil-prinċipju, għall-eżiġenzi lingwistiċi ta’ kompetizzjoni japplikaw kriterji differenti minn dawk li japplikaw għall-kwalifiki professjonali tal-kandidati.

110. Madankollu, l-argumenti mressqin mill-Italja f’dan is-sens, b’mod partikolari, l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, ma jiġġustifikaw l-ebda rekwiżit partikolari għal dak li jirrigwarda t-tieni lingwa tal-kandidati (52). Barra minn hekk, wieħed ma jarax raguni għalfejn il-Bord tal-Għażla jkollu l-poter li jeskludi kandidati minħabba l-għarfien mhux sodisfaċenti ta’ lingwa partikolari, iżda dan il-poter ma jiġix irrikonoxxut fir-rigward tal-istituzzjonijiet meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-proċeduri ta’ kompetizzjoni.

111. Għaldaqstant, dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’.

VII – Fuq id-deċiżjoni li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja

112. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, din tal-aħħar għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tiddeċidiha.

113. Billi t-tieni u l-ewwel partijiet tat-tielet aggravju huma fondati, is-sentenza għandha tiġi annullata. Fl-istess ħin, jirriżulta mill-eżami tat-tieni aggravju li l-avviżi tal-kompetizzjoni kkontestati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1, kif ukoll l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. U fid-dawl tal-eżami tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, il-pubblikazzjoni sussegwenti tal-emendi tal-avviżi ma setgħetx tirrimedja preġudizzju eventwali li sofrew il-kandidati potenzjali li l-lingwa materna tagħhom la kienet il-Ġermaniż, la l-Ingliż, u lanqas il-Franċiż. Għaldaqstant, il-kawża hija fi stadju li tiġi deċiża. Konsegwentement, l-avviżi wkoll għandhom jiġu annullati.

VIII – Fuq il-limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza

114. Fl-aħħar nett nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita espressament l-effetti tas-sentenza tagħha biex tevita l-inċertezza legali.

115. Fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati mill-kandidati, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ reklutaġġ, meta test jiġi annullat, id-drittijiet ta’ rikorrent ikunu protetti b’mod adegwat jekk il-Bord tal-Għażla u l-Awtorità tal-Ħatra jirrikonsidraw mill-ġdid id-deċiżjonijiet tagħhom u jfittxu soluzzjoni ekwa għal każ tiegħu, mingħajr il-bżonn li r-riżultat kollu tal-kompetizzjoni jitpoġġa fid-dubju jew jiġu annullati l-ħatriet li jkunu saru minħabba dan. Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-ħtieġa li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-kandidati żvantaġġati b’irregolarità magħmula f’kompetizzjoni u l-interessi tal-kandidati l-oħrajn. Fil-fatt, il-qorti hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-ħtieġa li tintegra mill-ġdid lill-kandidati ppreġudikati fid-drittijiet tagħhom imma wkoll l-aspettattiva leġittima tal-kandidati magħżulin diġà (53).

116. F’dan il-każ, ma għandux jiġi ddeterminat liema miżuri huma meħtieġa biex jiġi rranġat il-preġudizzju eventwali li sofrew il-kandidati potenzjali. Madankollu, għandha titieħed inkunsiderazzjoni l-aspettattiva leġittima tal-kandidati magħżulin diġà. Għaldaqstant, din il-proċedura ma għandhiex tpoġġi fid-dubju l-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti fil-kuntest tal-kompetizzjoni inizjali, jiġifieri anki ħatriet li eventwalment saru fuq il-bażi ta’ dawn il-listi.

IX – Fuq l-ispejjeż

117. Skont l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

118. Skont l-Artikolu 69(2) moqri flimkien mal-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Italja talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u li t-tieni aggravju kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha ntlaqgħu, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż tar-Repubblika Taljana u l-ispejjeż tagħha fiż-żewġ istanzi.

119. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-Istati Membri li jkunu intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

X –    Konklużjoni

120. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, L-Italja vs Il-Kummissjoni, mogħtija fil-kawżi T‑166/07 u T‑285/07 hija annullata.

2.      L-avviżi tal-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/94/07, EPSO/AST/37/07 u EPSO/AD/95/07 huma annullati.

3.      Il-validità tal-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti fuq il-bażi ta’ dawn il-kompetizzjonijiet ma hijiex affettwata b’din is-sentenza.

4      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas l-ispejjeż tar-Repubblika Taljana u l-ispejjeż tagħha stess fiż-żewġ istanzi. Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Litwanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Douglas Adams, The Hitchhiker’s Guide to the Galaxy, Kapitolu 6, Londra 1979.


3 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2010, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni (T‑19/07, Ġabra p. II‑6083), kif ukoll l-appell li għadu pendenti fil-kawża C‑103/11 P.


4 – Minbarra l-kompetizzjoni kkontestata, ara, pereżempju, l-avviżi tal-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/230/12 (AD 5) u EPSO/AD/231/12 (AD 7), ĠU 2012 C 76 A, p. 1, Taqsima III.2.b).


5 – ĠU C 364, p. 1, ipproklamata mill-ġdid solennement fi Strasbourg fit-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, C 303, p. 1 u ĠU 2010, C 83, p. 389).


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3.


7 – Dawn jirrigwardaw minn naħa l-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/94/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għal 125 pożizzjoni bħala Amministratur (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-medja kif ukoll tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/37/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għal 110 pożizzjoni bħala Assistent (AST3) fil-qasam tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni (ĠU 2007, C 45A) u, min-naħa l-oħra, l-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/95/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għal pożizzjonijiet ta’ Amministraturi (AD 5) fil-qasam tal-informazzjoni (Librerija/Dokumentazzjoni) (ĠU 2007, C 103A).


8 – ĠU C 136A, p. 1.


9 – ĠU C 160, p. 14.


10 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (C‑362/06 P, Ġabra  p. I‑2903, punt 22); tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill (C‑535/06 P, Ġabra  p. I‑7051, punt 24) u tal-25 ta’ Frar 2010, Lancôme vs OHMI u CMS Hasche Sigle (C‑408/08 P, Ġabra  p. I‑1347, punt 52).


11 – Ara l-introduzzjoni tat-Taqsima II.A tal-kompetizzjoni EPSO/AD/95/07. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-introduzzjoni tat-Taqsima II.A u l-punt 1 tal-kompetizzjoni EPSO/AD/94/07 kif ukoll is-sentenza ta’ introduzzjoni tat-Taqsima II.A, tal-kompetizzjoni EPSO/AST/37/07, istituzzjonijiet oħrajn setgħu jużaw il-listi ta’ riżerva korrispondenti.


12 – Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46).


13 – Ara f’dan is-sens ukoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2008, L‑Italja vs Il-Parlament u Il-Kummissjoni (T‑285/07, Ġabra p. II‑323).


14 –      F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2011, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑205/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 20 et seq) u tal-31 ta’ Marzu 2011, L-Italja vs KESE (T‑117/08, Ġabra p. II‑1463, punti 41 et seq).


15 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighina vs Il‑Kummissjoni (T‑118/99, ĠabraSP  p. I-A-25 u II‑97, punt 13); tal-5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il-Kummissjoni (T‑203/03, ĠabraSP p. I‑A‑279 u II‑1287, punt 60); tal-20 ta’ Novembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑185/05, Ġabra  p. II‑3207, punti 117 et seq) kif ukoll is-sentenza L-Italja vs KESE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 51 et seq).


16 – Ara l-punt 31 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Maduro fis-16 ta’ Diċembru 2004 għas-sentenza Spanja vs Eurojust (C‑160/03, Ġabra 2005, p. I‑2077).


17 – Ara wkoll f’dan is-sens is-sentenza L-Italja vs KESE (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 55).


18 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI (C‑361/01 P, Ġabra  p. I‑8283, punt 85).


19 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma‑Lux (C‑161/06, Ġabra  p. I‑10841, punt 34)


20 – Ara l-punt 36 tas-sentenza Skoma-Lux (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19).


21 – Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, li jadatta ċerti Regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu ta’ oġġetti, il-moviment liberu ta’ persuni, il-liġi dwar il-kumpanniji, il-politika dwar il-kompetizzjoni, l-agrikoltura (inkluż il-leġiżlazzjoni veterinarja u fitosanitarja), il-politika dwar it-trasport, it-tassazzjoni, l-istatistika, l-enerġija, l-ambjent, il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 352M, p. 629; punt 15 tal-Anness).


22 – Ara, reċenti, ir-Regolament (KE) Nru 920/2005 tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2005, li jemenda r-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u li jintroduċi miżuri derogatorji temporanji għal dawk ir-Regolamenti (ĠU L 164M, p 184), fejn kull darba jirreferu għal 21 lingwa uffiċjali.


23 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill (188/73, Ġabra p. 1099, punt 38); tat-28 ta’ Frar 1989, van der Stijl u Cullington vs Il-Kummissjoni (341/85, 251/86, 258/86, 259/86, 262/86, 266/86, 222/87 u 232/87, Ġabra p. 511, punti 51 et seq) u tat-18 ta’ Marzu 1993, Il‑Parlament vs Frederiksen (C‑35/92 P, Ġabra.  p. I-991, punt 13).


24 – Skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kompetizzjonijiet ġenerali huma kompetizzjonijiet li huma organizzati fi ħdan istituzzjoni waħda jew iżjed.


25 – Ara l-punt 41 tas-sentenza appellata kif ukoll tas-sentenza L-Italja vs KESE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, fil-punt 55).


26 – Ara l-punt 29 iktar ’il fuq.


27 – Ara, pereżempju, il-Ġurnal Uffiċjali 2012 C 121A, li jeżisti biss bil-Bugaru, kif ukoll ir-riferimenti korrispondenti li jidhru fil-Ġurnal Uffiċjali 2012 C 121, p. 38.


28 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 148) u L-Italja vs KESE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 81).


29 – Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.


30 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, Ġabra p. I-10043, punti 23 et seq).


31 – Ara l-punti 32 et seq tas-sentenza appellata.


32 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P u C‑110/10 P, Ġabra p. I‑10329 u Ġabra p. I‑10439, it-tnejn fil-punt 56) fuq ir-regolarizzazzjoni tal-iżbalji ta’ proċedura f’kawża antitrust tal-Kummissjoni, u s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Marichal-Margrève (C‑334/90, Ġabra p. I‑101, punt 25) għal dak li jirrigwarda id-dritt doganali.


33 – Ara, fir-rigward tad-dritt proċedurali dwar l-akkordji, is-sentenza tal-25 ta’Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32).


34 – Ara s-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 148) u L-Italja vs KESE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 80).


35 – F’dan ir-rigward niftakru, pereżempju, fil-Lussemburgu (il-Franċiż u l-Ġermaniż), fil-Belġju (l-Olandiż, il-Franċiż u l-Ġermaniż), fl-Irlanda (il-Gaelic u l-Ingliż) kif ukoll f’Malta (il-Malti u l-Ingliż).


36 – Pereżempju wieħed jista’ jaħseb fil-Finlandja fejn jintużaw il-Finlandiż u l-Isvediż.


37 – Mejer et (Eurostat), Statistics in Focus nru 49/2010, p. 1, isemmu ċertament ir-Russu bħala t-tielet lingwa, wara l-Ingliż u l-Ġermaniż, imma qabel il-Franċiż, iżda r-Russu ma huwiex lingwa uffiċjali tal-Unjoni.


38 – Mejer et (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, p. 4).


39 – ĠU 2007 C 303, p. 17 (25).


40 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C‑222/07, Ġabra  p. I-1407, punt 33)


41 – F’dan is-sens ara l-punti 93 et seq tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fl-4 ta’ Settembru 2008 fil-kawża UTECA (C‑22/07, Ġabra  I‑1407).


42 – Ara s-sentenza Kik vs UASI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 82).


43 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I-403, punt 95); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23); tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C-558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 74) u tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, Ġabra  p. I-8301, punt 55).


44 – Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 47).


45 – Ara l-punt 47 iktar ’il fuq.


46 – Madankollu, ara l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Maduro għas-sentenza Spanja vs Eurojust (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 55 et seq), li tindika preferenza għal sistema lingwistika li tirrikjedi l-għarfien ta’ lingwa waħda biss.


47 – Ara l-punt 83 iktar ’il fuq.


48 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 165) u tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 61).


49 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport (C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I-6911, punt 70); tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra  p. I-5479, punt 147); tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni (C‑443/07 P, Ġabra  p. I-10945, punt 91) u tal-4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il‑Parlament (C‑496/08 P, Ġabra p. I-1793, punt 93).


50 – Ara l-punt 83 iktar ’il fuq.


51 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et (C‑27/00 u C‑122/00, Ġabra  p. I-2569, punti 46 et seq).


52 – Ara l-punti 74 et seq iktar ’il fuq.


53 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1993, Il-Kummissjoni vs Albani et (C‑242/90 P, Ġabra  p. I‑3839, punti 13 et seq).