Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta' Diċembru 2010 mir-Repubblika Taljana mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta' Settembru 2010, fil-Kawżi magħquda T-166/07 u T-285/07, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni.

(Kawża C-566/10 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, u P. Gentili, avvocato dello Stato)

Appellati: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Litwanja, Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tal-appellanti

tannulla, abbażi tal-Artikoli 56, 58 u 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Settembru 2010 fil-Kawżi magħquda T-166/07 u T-258/07 fil-kawżi mressqa mir-Repubblika Taljana għall-annullament:

1. tal-avviżi tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/94/07 biex tiġi stabbilita lista ta' riżerva għal 125 post bħala Amministratur (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-medja;

2. tal-avviżi tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/37/07 biex tiġi stabbilita lista ta' riżerva għal 110 post bħala Assistent (AST3) fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni,

it-tnejn ippubblikati fil-verżjonijiet Ingliżi, Franċiżi u Ġermaniżi tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta' Frar 2007, Nru C 45A;

3. tal-avviżi tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/95/07 biex tiġi stabbilita lista ta' riżerva għal 20 post bħala Amministratur (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni (Librerija/Dokumentazzjoni),

ippubblikat biss fil-verżjonijiet Ingliżi, Franċiżi u Ġermaniżi tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' Mejju 2007, Nru C 103;

taqta' l-kawża hija stess u tannulla l-avviżi tal-kompetizzjoni ġenerali msemmija iktar 'il fuq;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq seba' aggravji.

Bl-ewwel aggravju, qed jiġi ssottomess li s-sentenza appellata tikser is-sistema tal-kompetenzi biex jiġu ddeterminati l-lingwi li għandhom jintużaw kif stabbilita fl-Artikolu 342 TFUE flimkien mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw 1. Bl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58, il-Kunsill ikkonferixxa kompetenza lill-istituzzjonijiet sabiex fir-regoli proċedurali tagħhom jistabbilixxu liema mil-lingwi għandhom jintużaw f'każijiet speċifiċi. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b'mod illegali li l-Kummissjoni tista' tiddetermina ċerti aspetti mir-regoli tagħha dwar l-użu tal-lingwi anki fir-rigward ta' sempliċi avviżi ta' kompetizzjoni.

It-tieni aggravju huwa dirett kontra l-argumenti li bihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv li jallega ksur tal-Artikoli 1, 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/58. L-appellanti tikkontesta, fuq diversi aspetti materjali, l-argument li jgħid li l-avviżi ta' kompetizzjoni ma jikkostitwixxux dokumenti ta' applikazzjoni ġenerali skont l-Artikolu 4 tar-regolament u li għalhekk dawn ma humiex koperti mir-regoli ġenerali għad-determinazzjoni tal-lingwi li għandhom jintużaw stabbiliti mir-regolament. Fil-fehma tagħha, l-argument tal-Qorti Ġenerali huwa wkoll imdgħajjef b'mod indirett minn ċerti aspetti tar-Regolamenti tal-Persunal.

Bit-tielet aggravju, qed tiġi kkritikata dik il-parti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali, b'riferiment għall-pubblikazzjoni sħiħa tal-avviżi ta' kompetizzjoni inkwistjoni fi tliet lingwi biss, ma aċċettatx li kien hemm ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 KE (li sar l-Artikolu 18 TFUE) u tal-prinċipju tal-multilingwiżmu stabbilit fl-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 6(3) UE, fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/58 u fl-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fehma tal-appellanti, il-pubblikazzjoni sussegwenti fil-lingwi kollha ta' avviżi sommarji li jirreferu għall-pubblikazzjoni sħiħa tal-avviżi bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Ingliż ma kinitx adatta sabiex tipprevjeni diskriminazzjoni kontra kandidati li ma jitkellmux bil-lingwi inkwistjoni, bil-kontra tal-fehma adottata mill-Qorti Ġenerali. Billi ħadet inkunsiderazzjoni l-pubblikazzjoni sussegwenti tal-avviżi, il-Qorti Ġenerali kisret fl-ewwel lok l-Artikolu 263 TFUE, peress li l-legalità ta' att li hija ntalbet tistħarreġ għandha tiġi kkunsidrata biss b'riferiment għall-kliem tal-att fiż-żmien meta ġie adottat, u fatturi sussegwenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Ir-raba' aggravju jirrigwarda l-illegalità tal-għażla ta' tliet lingwi biss bħala 'it-tieni lingwa' għall-kompetizzjoni. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li bih waslet għall-konklużjoni li ma kienx hemm diskriminazzjoni u li l-għażliet magħmula mill-Kummissjoni ma kinux inkonsistenti twassal, inter alia, għall-ksur ta' numru ta' dispożizzjonijiet (l-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58 u l-Artikolu 1d(1) u (6), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 27, u l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal) li stabbilixxew il-prinċipju tal-multilingwiżmu anki fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Kuntrarjament għal dak li qalet il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma kellhiex tipprova li ma setgħu jiġu applikati l-ebda eċċezzjonijiet, iżda kienet il-Kummissjoni li kellha tagħti r-raġunijiet għall-għażla tagħha f'dan ir-rigward.

Bil-ħames aggravju, qed jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet l-ilment li kien inkiser il-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi naqset milli taċċetta li l-prassi stabbilita sew tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni setgħet ħolqot aspettattivi leġittimi fil-kandidati potenzjali fir-rigward ta' ċerti regoli li jirregolaw il-kompetizzjonijiet.

Bis-sitt aggravju, l-appellanti tissottometti li, billi ddeċidiet li l-amministrazzjoni ma kinitx meħtieġa, fl-avviżi ta' kompetizzjoni kkontestati, li tiġġustifika l-għażla tat-tliet lingwi li kellhom jintużaw, il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jistabbilixxi li kull att legali għandu jispeċifika r-raġunijiet li huwa bbażat fuqhom.

Fl-aħħar nett, is-seba' aggravju jallega ksur tar-regoli sostantivi li jirrigwardaw in-natura u l-iskop tal-avviżi ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 1d(1) u (6), l-Artikolu 28(f), u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti Ġenerali wetqet żball ta' liġi meta ddeċidiet li l-bord tal-għażla ma għandux jevalwa waħdu l-kapaċitajiet lingwistiċi tal-kandidati għaliex l-awtorità li toħroġ l-avviż tista' bħala kwistjoni preliminari twettaq selezzjoni minn qabel tal-persuni kkonċernati abbażi ta' kriterji purament lingwistiċi biss.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).