Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-6 ta' Frar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte suprema di cassazione - l-Italja) - proċeduri kriminali kontra Marcello Costa (C-72/10), Ugo Cifone (C-77/10)

(Kawżi magħquda C-72/10 u C-77/10) 

(Libertà ta' stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Logħob tal-ażżard - Ġbir ta' mħatri fuq avvenimenti sportivi - Rekwiżit ta' liċenzja - Konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-għoti ta' liċenzji - Għoti ta' 16 300 liċenzja addizzjonali - Prinċipju ta' trattament ugwali u obbligu ta' trasparenza - Prinċipju ta' ċertezza legali - Protezzjoni tad-detenturi ta' liċenzji preċedenti - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Distanzi minimi obbligatorji bejn posti ta' ġbir ta' mħatri - Ammissibbiltà - Attivitajiet transkonfinali simili għal dawk li huma s-suġġett tal-liċenzja - Projbizzjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali - Ammissibbiltà)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-proċedura kriminali prinċipali

Marcello Costa (C-72/10), Ugo Cifone (C-77/10)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Corte suprema di cassazione - Moviment liberu tal-persuni - Libertà ta' stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Attività tal-ġbir tal-imħatri - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta' din l-attività għall-kisba ta' awtorizzazzjoni u ta' liċenzja tas-sigurtà pubblika - Protezzjoni mogħtija lil individwi suġġetti tad-dritt li kisbu awtorizzazzjonijiet u liċenzji permezz ta' proċeduri ta' għoti ta' liċenzji li eskludew illegalment operaturi oħra tal-istess settur - Kompatibbiltà mal-Artikoli 43 u 49 KE

Dispożittiv

1)    L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru li, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, eskluda kategorija ta' operaturi mill-għoti ta' liċenzji għall-eżerċizzju ta' attività ekonomika, u li jfittex li jirrimedja dan il-ksur billi joffri permezz ta' kompetizzjoni numru sostanzjali ta' liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprovdi b'mod partikolari għal distanzi minimi bejn il-posti tad-detenturi ġodda ta' liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

2)    L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet għall-eżerċizzju ta' attività organizzata ta' ġbir ta' mħatri mingħajr liċenzja jew mingħajr awtorizzazzjoni tal-pulizija fuq persuni marbuta ma' operatur li jkun ġie eskluż minn sejħa għal offerti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, anki wara s-sejħa għal offerti ġdida intiża sabiex tirrimedja dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din is-sejħa għal offerti u l-għoti sussegwenti ta' liċenzji ġodda ma jirrimedjawx fil-fatt għall-esklużjoni illegali ta' dan l-operatur mis-sejħa għal offerti preċedenti.

3)    Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipju ta' trattament ugwali, mill-obbligu ta' trasparenza u kif ukoll mill-prinċipju ta' ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta' sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b'mod partikolari d-dospiżizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza tal-liċenzji mogħtija fi tmiem tali sejħa għal offerti, bħalma huma dawk li jidhru fl-Artikolu 23(2)(a) u (3) tal-abbozz ta' ftehim bejn l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat u l-awtorità kontraenti tal-liċenzja dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel, għandhom jiġu fformulati b'mod ċar, preċiż u univoku, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

____________

1 - ĠU C 100, 17.04.2010