Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (Ir-Repubblika Slovakka) fl-1 ta’ Awwissu 2014 –Provident Financial s.r.o. vs Zdeněk Sobotka

(Kawża C-372/14)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd v Prešove

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Provident Financial s.r.o.

Konvenut: Zdeněk Sobotka

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2005/29/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali) għandha tiġi interpretata fis-sens li jista’ jitqies li huwa prattika kummerċjali żleali anki l-aġir ta’ stabbiliment ta’ kreditu għall-konsum li jikkonsisti fil-preżentazzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt lil konsumatur b’mod li dan tal-aħħar jingħata l-impressjoni żbaljata li jista’ jagħżel servizz komplementari ta’ garanzija tal-ħlas lura tas-self, u fl-eżerċizzju fil-verità ta’ influwenza inġusta fuq il-konsumatur sabiex dan jieħu s-servizz komplementari msemmi?

Id-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li jista’ jitqies li huwa prattika kummerċjali żleali l-aġir ta’ kreditur li jikkonsisti fil-preżentazzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt lil konsumatur b’mod li jindikalu l-ammont tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas (iktar ’il quddiem ir-“RPAĦ”) mingħajr ma jinkludi n-nefqa tas-servizz komplementari?

Id-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li jista’ jitqies li huwa prattika kummerċjali żleali l-aġir ta’ kreditur li, fis-suq tal-krediti għall-konsum jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq il-konsumaturi, għal servizz aċċessorju, ta’ prezz li huwa nettament ogħla min-nefqa reali tal-imsemmi servizz? L-obbligu ta’ trasparenza fir-rigward tan-nefqa totali reali tal-kreditu għall-konsum jiġi ffrustrat jekk in-nefqa tas-servizz aċċessorja ma tkunx inkluża fir-RPAĦ?

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE 2 , tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”), għandha tiġi interpretata fis-sens li s-servizz ta’ garanzija tal-ħlas lura tal-kreditu għall-konsum, li jikkonsisti fil-ġbir, fi flus kontanti, ta’ pagamenti fix-xahar dovuti mill-konsumatur, jikkostitwixxi s-suġġett prinċipali tas-servizz fil-kuntest tal-kreditu għall-konsum?

Id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 3 , tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/7/KE 4 , tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, għandha tiġi interpretata fis-sens li r-RPAĦ għandha tinkludi wkoll ir-remunerazzjoni mill-ġbir, fi flus kontanti, ta’ pagamenti fix-xahar fir-rigward tas-self jew ta’ parti mis-self, meta r-remunerazzjoni tkun nettament ogħla min-nefqa neċessarja għal dan is-servizz aċċessorju? L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkunu evitati r-regoli dwar ir-RPAĦ meta r-remunerazzjoni tas-servizz komplementari tkun nettament ogħla min-nefqa tal-imsemmi servizz u meta r-remunerazzjoni ma tkunx inkluża fir-RPAĦ?

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex ikun issodisfat l-obbligu ta’ trasparenza fir-rigward tas-servizz aċċessorju li għalih jitħallsu spejjeż amministrattivi, huwa biżżejjed li l-prezz ta’ dan is-servizz amministrattiv (l-ispejjeż amministrattivi) ikun indikat bi kliem ċar u li jinftiehem, minkejja li s-suġġett tal-imsemmi servizz ma jkunx iddefinit?

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li jiġu inklużi l-ispejjeż amministrattivi fil-kalkolu tar-RPAĦ jipprekludi stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-imsemmija spejjeż għall-finijiet ta’ din id-direttiva?

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ammont tal-ispejjeż amministrattivi jipprekludi, fih innifsu, stħarriġ ġudizzjarju għall-finijiet ta’ din id-direttiva?

Jekk ir-risposta għad-domanda 6 tkun li s-suġġett tas-servizz amministrattiv li fir-rigward tiegħu jitħallsu spejjeż amministrattivi huwa trasparenti biżżejjed, f’dak il-każ għandu jitqies li s-servizz amministrattiv, li jinkludi l-kompiti u l-passi amministrattivi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, jikkostitwixxi s-suġġett prinċipali tal-kreditu għall-konsum?

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, huwa rilevanti b’mod partikolari l-fatt li, bħala korrispettiv għall-ispejjeż imħallsa għal servizz aċċessorju, il-konsumatur jirċievi prestazzjoni li tingħata, prinċipalment, fl-interess tal-kreditur li jkun ta l-kreditur għall-konsum u mhux fl-interess tal-konsumatur stess?

____________

1 ĠU L 149, p. 22.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326.

4 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 36.